EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015Y0321(01)

L-Istatuti tal-Fond Ewropew tal-Investiment approvati fl- 14 ta’ Ġunju 1994 u emendati fid- 19 ta’ Ġunju 2000 , it- 30 ta’ Novembru 2007 , it- 8 ta’ Marzu 2012 u s- 27 ta’ Mejju 2014 mill-Assemblea Ġenerali

OJ C 95, 21.3.2015, p. 22–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 95/22


L-ISTATUTI TAL-FOND EWROPEW TAL-INVESTIMENT

approvati fl-14 ta’ Ġunju 1994 u emendati fid-19 ta’ Ġunju 2000, it-30 ta’ Novembru 2007, it-8 ta’ Marzu 2012 u s-27 ta’ Mejju 2014 mill-Assemblea Ġenerali

(2015/C 95/10)

Artikolu 1

Stabbiliment

Il-Fond Ewropew tal-Investiment, hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejjaħ il-“Fond” huwa hawnhekk stabbilit b’titolu legali u awtonomija finanzjarja.

Artikolu 2

Kompiti u Attivitajiet

1.   Il-kompitu tal-Fond huwa li jikkontribwixxi għall-insegwiment tal-għanijiet tal-Unjoni Ewropea.

Il-Fond għandu jeżegwixxi dan il-kompitu b’attivitajiet li jikkonsistu f’dan li ġej:

il-provvediment ta’ garanziji kif ukoll ta’ strumenti oħra komparabbli għal self u obbligi finanzjarji oħra, f’kull forma li hija legalment permissibbli:

il-ksib, iż-żamma, l-immaniġġjar, u l-kontroll tal-parteċipazzjoni f’xi impriża dejjem skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 (i) tal-Artikolu 12 ta’ dawn l-Istatuti.

2.   Barra minn hekk, il-Fond jista’ jwettaq attivitajiet oħra li għandhom x’jaqsmu ma’ kompiti stipulati f’dan l-Artikolu, jew li jirriżultaw minnhom. L-attivitajiet tal-Fond jistgħu ikunu jinkludu operazzjonijiet ta’ self.

3.   L-attivitajiet tal-fond għandhom ikunu bbażati fuq prinċipji bankarji sodi jew prinċipji kummerċjali sodi oħra jew prattiki oħra skont il-każ partikolari. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28, l-attivitajiet imsemmija għandhom jiġu eżegwiti b’ħidma stretta bejn il-Fond u l-membri fundaturi tiegħu jew bejn il-Fond u l-membri ta’ dak iż-żmien partikolari, skont kif ikun il-każ.

Artikolu 3

Sede

Is-sede tal-Fond għandha tkun fil-Lussemburgu.

Artikolu 4

Membri

1.   Il-membri fundaturi tal-Fond huma:

l-Unjoni Ewropea, iktar ‘il quddiem imsejħa l-“Unjoni”, rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, iktar ‘il quddiem imsejħa l-“Kummissjoni”,

il-Bank Ewropew tal-Investiment, iktar ‘il quddiem imsejjaħ il-“Bank”,

l-istituzzjonijiet finanzjarji, li l-lista tagħhom hija annessa ma’ dawn l-Istatuti (Anness I), iktar ‘il quddiem -imsejħa l-“Istituzzjonijiet Finanzjarji”.

2.   Skont it-termini u l-kundizzjonijiet ddefiniti mill-Bord tad-Diretturi li jaġixxu fuq deċiżjoni meħuda mill-Assemblea Ġenerali, entitajiet legali oħra mis-settur finanzjarju li l-objettivi kummerċjali tagħhom jappoġġjaw l-kompiti tal-Fond jistgħu jsiru membri tal-Fond.

Artikolu 5

Kapital

1.   Il-kapital awtorizzat tal-Fond fil-bidu għandu jkun ta’ erba’ biljun u ħames mitt elf Euro, maqsuma f’4 500 sehem b’valur nominali ta’ miljun Euro ‘l wieħed, u huwa miftuħ għal sottoskrizzjoni mill-membri tal-Fond skont l-Artikolu 6 ta’ dawn l-Istatuti.

2.   Il-kapital awtorizzat jista’ jiżdied b’deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali b’maġġoranza ta’ 85 % tal-voti mixħuta.

3.   F’każ ta’ żieda fil-kapital u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Assemblea Ġenerali, kull membru għandu l-għażla li jissottoskrivi għal parti miż-żieda skont il-proporzjon li kien jeżisti qabel iż-żieda bejn l-ishma sottoskritti minn dak il-membru u l-kapital tal-Fond.

4.   Il-membri tal-Fond huma responsabbli biss għall-obbligi tal-Fond sal-ammont tas-sehem tagħhom mill-kapital sottoskritt u mhux imħallas.

Artikolu 6

Sottoskrizzjoni tal-Ishma

1.   Il-membri fundaturi tal-Fond għandhom jissottoskrivu għan-numru tal-ishma bil-prezz oriġinali kif muri fl-Anness II ma’ dawn l-istatuti.

2.   Is-sottoskrizzjoni sussegwenti għall-ishma għandha ssir skont it-termini stabbiliti mill-Assemblea Ġenerali, u l-prezz ta’ dawn l-ishma ma jistax ikun inqas minn dak oriġinali.

Artikolu 7

Ishma

1.   L-ishma fil-kapital sottoskritt inizjali għandhom jitħallsu fl-ammont ta’ 20 %, imħallas f’erba’ pagamenti annwali.

2.   Fil-każ ta’ żieda fil-kapital, l-arranġamenti għall-ħlas għandhom jiġu deċiżi mill-Assemblea Ġenerali.

3.   L-Assemblea Ġenerali, fuq parir tal-Bord tad-Diretturi, tista’ titlob il-ħlas tal-kapital sottoskritt imma mhux imħallas, sabiex il-Fond ikun jista’ jkopri r-responsabbiltajiet tiegħu lejn il-kredituri. Dan il-pagament għandu jsir fi żmien 90 ġurnata mid-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali.

4.   Il-Pagamenti għandhom isiru f’Euro.

5.   L-ishma b’ebda mod m’għandhom ikunu mirhuna jew ipotekati, ħlief bil-permess bil-miktub minn qabel tal-Bord tad-Diretturi.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4 tal-Artikolu 5 ta’ dawn l-istatuti, l-ebda membru ma għandu jassumi responsabbiltà għall-obbligi tal-Fond minħabba l-fatt li jkun membru.

7.   Ir-riżorsi li l-Fond m’għandux bżonn għall-insegwiment tal-attivitajiet tiegħu taħt l-Artikolu 2 jistgħu jiġu investiti fis-suq finanzjarju. Meta jamministra dawn l-investimenti, il-Fond m’għandux jagħmel arbitraġġ monetarju li mhuwiex meħtieġ direttament biex jitmexxew l-operazzjonijiet jew ma jkunx meħtieġ biex jaderixxi mal-impenji li jkun daħal għalihom.

8.   Membri tal-Fond jistgħu jiddisponu mill-ishma tagħhom billi jittrasferuhom jew lil membru ieħor tal-Fond jew lil terza persuna skont l-Artikolu 4, paragrafu 2 ta’ dawn l-Istatuti. Jekk membru jkun jixtieq jiddisponi mill-ishma tiegħu, irid joffrihom lill-Bank, jew bil-kunsens tal-Bank, lil xi membru ieħor tal-Fond jew lil terza persuna li tissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 4, paragrafu 2 ta’ dawn l-Istatuti.

Artikolu 8

Drittijiet marbuta mal-Ishma

Fit-termini stabbiliti mill-Artikolu 27 u 33 ta’ dawn l-Istatuti, kull sehem jagħti ċerti drittijiet skont il-pussess tal-assi tal-Fond, it-tqassim tal-profitt nett u, fejn xieraq, ir-rikavat tal-likwidazzjoni pro rata skont in-numru ta’ ishma eżistenti.

Artikolu 9

Ġestjoni u Amministrazzjoni tal-Fond

Il-Fond għandu jiġi ġestit u amministrat mit-tliet awtoritajiet li ġejjin:

L-Assemblea Ġenerali,

Il-Bord tad-Diretturi,

Il-Kap Eżekuttiv.

Artikolu 10

L-Assemblea Ġenerali

1.   L-Assemblea Ġenerali tal-membri tal-Fond trid titlaqqa’ mill-inqas darba fis-sena meta msejħa mill-President tal-Bord tad-Diretturi. L-Assemblea Ġenerali għandha tiltaqa’ jew fis-sede tal-Fond jew f’lokalità oħra kif speċifikat fl-avviż li jsejjaħ l-Assemblea.

2.   L-Assemblea Ġenerali tista’ tiġi msejħa wkoll fuq talba ta’ wieħed mill-membri tal-Bord u wara deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi. L-Assemblea Ġenerali tissejjaħ jekk issir talba minn membri li l-ishma tagħhom jirrappreżentaw 13 % jew aktar tal-kapital sottoskritt, billi jispeċifikaw is-suġġett li għalih qed issir dik it-talba.

3.   Id-deċiżjonijiet tal-Assemblea Ġenerali jistgħu jittieħdu bil-miktub skont il-kundizzjonijiet u bi qbil mar-regoli stabbiliti fir-Regoli ta’ Proċedura.

Artikolu 11

Parteċipazzjoni - Rappreżentanza - Kworum - Maġġoranza

1.   Il-membri kollha tal-Fond għandhom id-dritt jattendu l-Assemblea Ġenerali.

2.   L-Unjoni għandha tkun rappreżentata minn wieħed mill-membri tal-Kummissjoni, jew minn individwu ieħor li jkun awtorizzat minnha.

3.   Il-Bank għandu jkun rappreżentat mill-President jew mill-Viċi-President, jew minn individwu ieħor awtorizzat minnhom.

4.   L-Istituzzjonijiet Finanzjarji għandhom ikunu rappreżentati minn individwu wieħed għal kull Istituzzjoni Finanzjarja.

5.   Kull membru tal-Fond għandu jkollu numru ta’ voti skont in-numru ta’ ishma li għandu.

6.   Il-membri jistgħu jivvotaw b’korrispondenza bil-miktub, inkluża korrispondenza elettronika, jew ikunu rappreżentati minn membru ieħor.

7.   Il-kworum meħtieġ sabiex issir l-Assemblea Ġenerali għandu jkun ikkostitwit meta l-membri preżenti jew rappreżentati jkollhom mhux inqas minn 50 fil-mija tal-kapital sottoskritt.

8.   Ħlief jekk ikun ipprovdut mod ieħor f’dawn l-Istatuti, id-deċiżjonijiet tal-Assemblea Ġenerali għandhom jiġu adottati b’maġġoranza tal-voti mixħuta.

Artikolu 12

Il-Poteri tal-Assemblea Ġenerali

1.   Il-membri tal-Fond għandhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom permezz tal-Assemblea Ġenerali.

2.   L-Assemblea Ġenerali għandha:

i.

Tieħu kull deċiżjoni li tawtorizza lill-Fond iwettaq l-operazzjonijiet skont kif previst fit-tieni inċiż tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 2 ta’ dawn l-Istatuti;

ii.

Tapprova r-Regoli ta’ Proċedura tal-Fond;

iii.

Tiddeċiedi dwar id-dħul ta’ membri ġodda;

iv.

Tapprova r-rapport annwali ppreżentat mill-Bord tad-Diretturi;

v.

Tapprova l-karta tal-bilanċ annwali u l-kont ta’ qligħ u telf;

vi.

Tiddetermina l-approprjazzjoni u t-tqassim tad-dħul nett tal-Fond;

vii.

Taħtar il-membri tal-Bord tal-Verifika tal-Fond;

viii.

Teżerċita l-poteri stabbiliti fl-Artikolu 34 ta’ dawn l-Istatuti sabiex jiġu adottati xi emendi għal dawn l-Istatuti;

ix.

Tiddeċiedi dwar iż-żieda fil-kapital awtorizzat tal-Fond, u kwalunkwe sejħa għal kapital sottoskritt li jkun għadu mhux imħallas;

x.

Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 ta’ dawn l-Istatuti, tiddeċiedi dwar iż-żieda tal-limiti massimi fuq l-impenji tal-Fond;

xi.

Tieħu deċiżjonijiet li tissospendi jew tkeċċi xi membri;

xii.

Tieħu deċiżjonijiet dwar it-tmiem permanenti tal-operazzjonijiet tal-Fond u t-tqassim tal-assi tiegħu;

xiii.

Taħtar il-membri tal-Bord tad-Diretturi jew kwalunkwe supplenti ta’ dawn il-membri mill-individwi nnominati skont l-Artikolu 15, paragrafi 1 u 3 ta’ dawn l-Istatuti;

xiv.

Iġġiegħel lil membru tal-Bord tad-Diretturi biex jirtira jekk dak il-membru ma jkunx għadu kapaċi jaqdi d-dmirijiet tiegħu jew jinstab ħati ta’ kondotta ħażina serja.

xv.

Teżerċita il-poteri kollha mogħtija lilha minn dispożizzjonijiet oħrajn ta’ dawn l-Istatuti.

3.   Il-proċeduri ta’ ħidma tal-Assemblea Ġenerali għandhom jiġu stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Artikolu 13

Presidenza tal-Assemblea Ġenerali

L-Assemblea Ġenerali għandha tiġi ppreseduta minn rappreżentant tal-membri li għandhom l-aktar ishma fil-Fond.

Artikolu 14

Minuti - Estratti

Għandhom jittieħdu l-minuti tal-Assemblea Ġenerali. Il-minuti għandhom jinkitbu mis-segretarjat tal-Fond u kopji jew estratti tagħhom għandhom jiġu ċċertifikati u mgħoddija lill-membri.

Artikolu 15

Bord tad-Diretturi

1.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jkun magħmul minn seba’ membri maħtura mill-Assemblea Ġenerali u nnominati minn membri tal-Fond skont il-proċeduri stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura. L-Assemblea Ġenerali tista’ tiddeċiedi li tvarja n-numru ta’ membri fuq il-Bord tad-Diretturi.

2.   Fit-twettiq ta’ dmirijiethom, il-membri tal-Bord tad-Diretturi għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u jservu l-aħjar interessi tal-Fond. Huma għandhom ikunu responsabbli biss lejn l-Assemblea Ġenerali. Kull membru tal-Bord tad-Diretturi jista’ jiġi assistit minn supplent li, fl-assenza tiegħu, jaġixxi f’ismu, jattendi l-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi, u jkollu l-istess poteri tal-membru li jkun qed jirrappreżenta.

3.   Il-membri tal-Bord tad-Diretturi u kwalunkwe supplenti għandhom jiġu nnominati skont l-arranġamenti stabbiliti fir-Regoli ta’ Proċedura. Ir-Regoli ta’ Proċedura jistgħu jistabbilixxu li membru nnominat ikollu l-poter li jaġixxi bħala membru tal-Bord qabel id-deċiżjoni dwar il-ħatra mill-Assemblea Ġenerali Annwali. Ir-regoli li japplikaw għall-membri tal-Bord għandhom japplikaw ukoll għal kull membru ieħor innominat.

4.   Il-Membri tal-Bord tad-Diretturi għandhom jinħatru għal perjodu ta’ sentejn, li jista’ jiġġedded.

5.   Jekk ir-rapport annwali ppreżentat lill-Assemblea Ġenerali mill-Bord tad-Diretturi ma jiġix approvat, il-Bord tad-Diretturi għandu jirriżenja.

6.   Il-proċeduri ta’ ħidma tal-Bord tad-Diretturi għandhom ikunu stipulati fir-Regoli ta’ Proċedura.

Artikolu 16

Poteri tal-Bord tad-Diretturi

1.

Minbarra l-poteri mogħtija lilu mid-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta’ dawn l-Istatuti, il-Bord tad-Diretturi għandu:

i.

Jiddeċiedi dwar l-operazzjonijiet kollha tal-Fond. Jista’ jiddelega totalment jew parzjalment il-poter li jiddeċiedi, skont kif jidhirlu li huwa xieraq;

ii.

Jadotta linji gwida u direttivi għall-operazzjonijiet u l-amministrazzjoni tal-Fond;

iii.

Iħejji proposti għal sottomissjoni lill-Assemblea Ġenerali;

iv.

Jiffissal-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjonijiet;

v.

Jiffissal-kriterji ta’ ritorn għall-operazzjonijiet tal-Fond;

vi.

Jiddetermina l-għanijiet u l-limiti tal-operazzjonijiet ta’ self kif stabbiliti fl-Artikolu 2, paragrafu 2, ta’ dawn l-Istatuti;

vii.

Fuq il-bażi ta’ proposti magħmula mill-membri tal-Fond skont il-proċedura stipulata fir-Regoli ta’ Proċedura, jaħtar il-Kap Eżekuttiv u jekk ikun hemm, il-viċi Kap Eżekuttiv. Ikollu wkoll il-poter li jneħħi lill-Kap Eżekuttiv u lill-viċi-Kap Eżekuttiv, jekk ikun hemm;

viii.

Jissorvelja l-Kap Eżekuttiv u l-viċi-Kap Eżekuttiv u jiżgura li l-Fond huwa amministrat skont id-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-Istatuti u l-linji gwida u direttivi stabbiliti mill-Bord tad-Diretturi;

ix.

Jippreżenta l-kontijiet annwali u r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Fond lill-Assemblea Ġenerali;

x.

Isejjaħ l-Assemblea Ġenerali tal-Fond;

xi.

Mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-Assemblea Ġenerali, jieħu deċiżjonijiet fuq kull materja oħra li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Kap Eżekuttiv.

Artikolu 17

Presidenza tal-Bord tad-Diretturi

1.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jkun ippresedut minn wieħed mill-membri nnominat skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli ta’ Proċedura.

2.   Jekk il-President ma jkunx jista’ jattendi, il-Bord tad-Diretturi għandu jkun ippresedut minn membru ieħor tal-Bord tad-Diretturi nnominat skont id-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura.

Artikolu 18

Bord tad-Diretturi - Laqgħat - Kworum

1.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jiltaqa’ spiss kemm ikun meħtieġ fl-interess tal-Fond imma mhux inqas minn darba kull trimestru. Il-laqgħat għandhom jiġu msejħa mill-President u l-aġenda għandha titħejja skont ir-Regoli ta’ Proċedura. Il-President għandu jsejjaħ laqgħa tal-Bord tad-Diretturi jekk membru tal-Bord jagħmel talba għal dan u jippreżenta talba mmotivata f’dan is-sens. Il-laqgħat tal-Bord għandhom isiru jew fis-sede tal-Fond jew f’lokalità oħra magħżula mill-President.

2.   Id-Deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi jistgħu jittieħdu bi proċedura bil-miktub skont il-kundizzjonijiet u r-regoli stabbiliti fir-Regoli ta’ Proċedura.

3.   Il-proċeduri tal-Bord tad-Diretturi jkunu validi biss jekk aktar minn nofs il-membri tal-Bord ikunu preżenti.

4.   Id-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi għandhom jittieħdu b’maġġoranza tal-voti, ħlief fir-rigward ta’ kwalunkwe proposta msemmija fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 23, li għandhom jittieħdu b’mod unanimu.

Artikolu 19

Minuti

Għandhom jinżammu l-minuti tal-proċeduri tal-Bord tad-Diretturi. Il-minuti għandhom jinkitbu mis-segretarjat tal-Fond u l-kopji tagħhom jew siltiet minnhom għandhom jiġu ċċertifikati u mqassma lill-membri.

Artikolu 20

Kap Eżekuttiv

1.   Il-Fond għandu jiġi amministrat mill-Kap Eżekuttiv. Huwa għandu jaġixxi b’mod indipendenti u jservi l-interessi tal-Fond bl-aħjar mod possibbli u għandu jagħti rendikont tal-qadi ta’ dmirijietu lill-Bord tad-Diretturi biss.

2.   Il-Kap Eżekuttiv għandu jinħatar għal 5 snin u għandu jkun eliġibbli biex jerġa’ jinħatar meta jgħaddu l-ħames snin.

3.   Il-Kap Eżekuttiv jista’ jkun assistit minn viċi-Kap li, fl-assenza tiegħu, jieħu post il-Kap Eżekuttiv u jassumi l-istess poteri.

4.   Il-proċeduri sabiex isiru proposti għall-ħatra tal-Kap Eżekuttiv jew viċi-Kap għandhom jiġu stabbiliti fir-Regoli ta’ Proċedura.

Artikolu 21

Poteri tal-Kap Eżekuttiv

1.   Il-Kap Eżekuttiv huwa responsabbli għall-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-Fond skont id-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-Istatuti u tal-linji gwida u d-direttivi addottati mill-Bord tad-Diretturi.

2.   Il-Kap Eżekuttiv partikolarment għandu:

Jaġixxi skont il-linji gwida u d-direttivi addottati mill-Bord tad-Diretturi skont l-Artikolu 16 ta’ dawn l-Istatuti.

Jippreżenta r-rapport annwali tal-Fond lill-Bord tad-Diretturi.

Jistabbilixxi taħt ir-responsabbiltà tiegħu l-kontijiet annwali tal-Fond mhux aktar tard minn tliet xhur wara t-tmiem ta’ kull sena finanzjarja u jgħaddihom lill-Bord tad-Diretturi.

Jippreżenta lill-Bord tad-Diretturi r-rapporti addizzjonali u d-dokumenti kif stabbilit fir-Regoli ta’ Proċedura jew kif mitlub mill-Bord tad-Diretturi.

3.   Il-Kap Eżekuttiv għandu jirrappreżenta lill-Fond fir-relazzjonijiet tal-Fond ma’ terzi persuni u fi proċessi ġudizzjarji.

4.   Dokumenti li għandhom x’jaqsmu mal-Fond u impenji li jsiru f’ismu għandhom jiġu ffirmati mill-Kap Eżekuttiv jew minn rappreżentant awtorizzat mill-Kap Eżekuttiv.

5.   L-impjegati tal-Fond għandhom jaqgħu taħt l-awtorità tal-Kap Eżekuttiv u għandhom jiġu ngaġġati u mkeċċija minnu.

Artikolu 22

Verifika

1.   Il-kontijiet tal-Fond għandhom jiġu vverifikati kull sena minn Bord tal-Verifika li jkun jikkonsisti minn tliet awdituri maħtura mill-Assemblea Ġenerali. L-Assemblea Ġenerali tista’ tiddeċiedi li żżid in-numru ta’ awdituri sa massimu ta’ ħamsa. In-nominazzjonijiet għandhom isiru skont kif stabbilit fir-Regoli ta’ Proċedura.

2.   Il-membri tal-Bord tal-Verifika għandhom jaġixxu skont standards konswetudinarji tal-professjoni tagħhom. Il-Bord tal-Verifika għandu jikkonferma li l-karta tal-bilanċ u l-kont ta’ qligħ u telf tal-Fond jagħtu stampa ċara u imparzjali tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Fond f’dak li għandu x’jaqsam ma’ attiv u passiv, u tar-riżultati tal-operazzjonijiet tiegħu għas-sena finanzjarja li tkun qed tiġi riveduta.

Artikolu 23

Kamp ta’ Applikazzjoni Ġeografiku

1.   Il-Fond jista’ jwettaq l-attivitajiet tiegħu fit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni, f’pajjiżi kandidati jew potenzjalment kandidati għall-Unjoni, u f’pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA).

2.   B’deroga mill-paragrafu preċedenti, l-Assemblea Ġenerali tista’, fuq proposta mill-Bord tad-Diretturi u b’rabta ma’ kwalunkwe kompitu fdat lill-Fond minn partijiet terzi skont l-Artikolu 28 ta’ dawn l-Istatuti, tiddeċiedi li l-Fond jista’ jwettaq attivitajiet b’rabta ma’ dak il-kompitu fdat barra mit-territorji stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 24

Rimunerazzjoni tal-Fond

Il-livell ta’ rimunerazzjoni jew dħul ieħor li jintalab mill-Fond, b’konnessjoni mal-attivitajiet skont dawn l-Istatuti, għandu jiġu ddeterminat b’tali mod li jirrifletti r-riskji li jkunu qegħdin jittieħdu, ikopri l-ispejjeż operattivi, jiġu stabbiliti riżervi proporzjonati mar-riskji msemmija kif ukoll sabiex jiġi ġġenerat redditu xieraq fuq ir-riżorsi tiegħu.

Artikolu 25

Limiti fuq l-Operazzjonijiet tal-Fond

Fir-rigward tal-għoti ta’ garanziji, il-limiti fuq l-impenji tal-Fond għandhom jiġu deċiżi mill-Bord tad-Diretturi kif stabbilit fl-Artikolu 16 ta’ dawn l-Istatuti.

Il-limiti korrispondenti għall-obbligi tal-Fond meta jakkwista parteċipazzjonijiet fl-impriżi għandhom jiġu stabbiliti fid-deċiżjonijiet rilevanti msemmija fil-paragrafu 2(i) tal-Artikolu 12 ta’ dawn l-Istatuti.

Artikolu 26

Limitu massimu fuq l-Impenji totali tal-Fond

L-impenji totali tal-Fond, minbarra impenji mogħtija mill-Fond f’isem terzi, ma jistgħux jaqbżu:

għal operazzjonijiet ta’ garanzija: tliet darbiet daqs l-ammont tal-kapital sottoskritt; dan il-limitu massimu jista’ jiżdied b’deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali sa massimu ta’ ħames darbiet il-kapital sottoskritt. Jekk ir-riżervi tal-Fond ikunu 7,5 % jew aktar tal-ammont tal-kapital sottoskritt, dan il-limitu jista’ jiżdied b’deċiżjonijiet tal-Assemblea Ġenerali sa massimu ta’ tmien darbiet il-kapital sottoskritt;

għal parteċipazzjonijiet: l-ammont deċiż mill-Assemblea Ġenerali skont l-Artikolu 12 ta’ dawn l-Istatuti.

Artikolu 27

Approprjazzjoni u Distribuzzjoni ta’ Dħul Nett

1.   Il-Kunsill Ġenerali għandu jistabbilixxi, ta’ mill-inqas kull sena, liema parti tad-dħul nett tal-Fond għandha tiġi approprjata lir-riżervi jew għal skopijiet oħrajn, jew għandha tiġi mqassma lill-membri tal-Fond.

Qabel kull tqassim lill-membri tal-Fond, ammont ta’ mill-inqas ugwali għal 20 % tad-dħul nett għandu jitpoġġa fir-riżervi kull sena. L-approprjazzjoni fir-riżervi għandha tieqaf ladarba r-riżervi jilħqu l-10 % tal-kapital sottoskritt u għandha terġa’ tiġi introdotta jekk ir-riżervi jerġgħu jaqgħu taħt l-10 % tal-kapital sottoskritt.

2.   It-tqassim lill-membri tal-Fond għandu jsir bi proporzjon man-numru ta’ ishma li jkollu kull membru.

Artikolu 28

Kooperazzjoni ma’ Terzi

1.   Il-Fond jista’ jaċċetta l-kompitu li jamministra r-riżorsi speċjali fdati lilu minn terzi, basta jkunu kompatibbli mal-kompiti tiegħu, jidħlu f’kontijiet separati u jsir ħlas adegwat għalihom.

2.   Il-Fond jista’, fit-termini ta’ dawn l-Istatuti, jikkoopera mal-organizzazzjonijiet internazzjonali li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’oqsma simili għal tiegħu.

3.   Il-Fond jista’ jagħmel ftehim ma’ dawk l-organizzazzjonijiet kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet nazzjonali jew sieħba bankarji mill-Istati Membri tal-Unjoni jew minn pajjiżi terzi bl-iskop li jsegwi l-għanijiet tiegħu jew biex iwettaq il-kompiti tiegħu.

Artikolu 29

Sospensjoni jew Tkeċċija ta’ Membri

1.   Jekk membru tal-Fond jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont il-preżenti, dan jista’ jiġi sospiż b’deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali.

2.   Waqt li jkun sospiż, il-membru jibqa’ marbut bl-obbligi kollha bħala membru tal-Fond; madankollu ma jista’ jeżerċita ebda wieħed mid-drittijiet previsti f’dawn l-Istatuti.

3.   Jekk wara perjodu ta’ sitt xhur wara d-deċiżjoni meħuda mill-Assemblea Ġenerali li tissospendi membru, dan ma jkunx wettaq l-obbligi tiegħu li jkunu taw lok għal dik id-deċiżjoni, l-Assemblea Ġenerali tista’ tiddikjara lil dak il-membru bħala mkeċċi.

Artikolu 30

Ħlas ta’ Kontijiet ma’ Membri mkeċċija mill-Fond

1.   It-tmiem tas-sħubija titlob ħlas parzjali tal-kontijiet lill-membru inkwistjoni.

2.   L-ishma ta’ membru mkeċċi għandhom jiġu mqassma skont id-dispożizzjoni tal-Artikolu 7, paragrafu 8 ta’ dawn l-Istatuti. Jekk l-ishma ma jiġux akkwistati mill-Bank jew minn membru ieħor tal-Fond, l-Assemblea Ġenerali tista’ tawtorizza l-bejgħ tagħhom lil entitajiet li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 4, paragrafu 2 ta’ dawn l-Istatuti.

F’każ li l-ishma ma jinxtrawx lura mill-membri l-oħrajn jew minn entitajiet li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 4, paragrafu 2, dawn għandhom jinxtraw lura mill-Fond.

3.   Bla ħsara għall-paragrafu 2 hawn fuq, il-Fond għandu jixtri lura l-ishma ta’ membru mkeċċi bl-inqas valur nominali jew valur kontabilistiku kif ikkalkulat fid-data meta tintemm is-sħubija fil-Fond.

Minkejja t-tkeċċija mill-Fond, il-membru mkeċċi jibqa’ marbut bl-obbligi diretti u bir-responsabbiltajiet kontinġenti lejn il-Fond sakemm parti mill-garanziji jew il-parteċipazzjonijiet li jkunu ġew kuntrattati qabel it-tmiem tas-sħubija jkunu għadhom pendenti. Madankollu ma jkunx marbut bl-obbligi li jirriżultaw minn garanziji u parteċipazzjonijiet azzjonarji li l-Fond jidħol għalihom wara t-tkeċċija, u lanqas ma għandu sehem mid-dħul jew mill-ispejjeż tal-Fond.

4.   Il-ħlas għal-ishma mixtrija lura mill-Fond mingħand il-membru mkeċċi irid isir b’dawn it-termini u l-kundizzjonijiet:

l-ebda ħlas m’għandu jsir qabel ma jgħaddi perjodu ta’ sitt xhur mid-data tat-tmiem tas-sħubija. Il-ħlas għandu jkun limitat għall-ammont li bih il-prezz tax-xiri jaqbeż is-somma tal-obbligazzjonijiet lejn il-Fond fuq il-parti tal-ex membru li tirriżulta mill-operazzjonijiet tal-fond;

jekk il-Fond isofri telf minn xi garanziji jew minn parteċipazzjonijiet azzjonarji tal-Fond li kienu għadhom pendenti fid-data tat-tmiem tas-sħubija, u l-ammont ta’ dan it-telf ikun iżjed mill-ammont tal-provvedimenti kontra telf fid-data tat-tmiem tas-sħubija, dak l-ex membru għandu jħallas lura, fuq talba tal-Fond, l-ammont li bih ix-xiri lura tal-ishma kien jitnaqqas li kieku ttieħed inkonsiderazzjoni dak it-telf meta ġie ffissat il-prezz. Barra minn dan, l-ex membru għandu jibqa’ marbut li jirrispondi għal kull sejħa dwar sottoskrizzjonijiet mhux imħallsa, li kien ikun meħtieġ jirrispondi għalihom kieku seħħ l-indeboliment tal-Fond u s-sejħa kienet saret fiż-żmien meta ġie ddeterminat il-prezz ta’ xiri mill-ġdid tal-ishma.

Artikolu 31

Tmiem tal-Operazzjonijiet

1.   Il-Bord tad-Diretturi jista’, f’ċerti ċirkostanzi, jissospendi għal xi żmien l-operazzjonijiet tal-Fond. Il-Bord għandu jirreferi din id-deċiżjoni lill-Assemblea Ġenerali biex tiġi kkunsidrata aktar fil-fond. L-Assemblea Ġenerali, b’maġġoranza kwalifikata ta’ 85 % tal-voti mixħuta, tista’ tiddeċiedi li ttemm għal dejjem l-operazzjonijiet tal-Fond, li mbagħad għandu jwaqqaf l-attivitajiet kollha tiegħu ħlief dawk relatati mal-likwidazzjoni tal-Fond.

2.   Il-waqfien permanenti tal-operazzjonijiet tal-Fond għandhom iwasslu għal-likwidazzjoni tiegħu. L-Assemblea Ġenerali għandha taħtar il-likwidaturi li għandhom iwettqu l-operazzjonijiet meħtieġa mil-likwidazzjoni.

Artikolu 32

Obbligazzjonijiet tal-Membri tal-Fond

1.   F’każ ta’ waqfien permanenti tal-operazzjonijiet tal-Fond, pretensjonijiet pendenti kontra l-Fond għandhom jitħallsu permezz tar-riżorsi segwenti fl-ordni mogħtija hawn isfel:

l-assi tal-Fond

somom dovuti lill-Fond minħabba kapital sottoskritt imma mhux imħallas.

2.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jieħu miżuri xierqa biex jiżgura t-tqassim bejn id-detenturi ta’ pretensjonijiet diretti u detenturi ta’ pretensjonijiet kontinġenti pro rata skont id-drittijiet legali rispettivi tagħhom.

Artikolu 33

Distribuzzjoni tal-Assi

1.   F’każ ta’ waqfien tal-attivitajiet tal-Fond, l-Assi m’għandhomx jiġu mqassma bejn il-membri skont is-sottoskrizzjoni tagħhom fil-kapital tal-Fond sakemm:

id-dejn kollu lill-kredituri tal-Fond ikun tħallas bis-sħiħ.

l-Assemblea Ġenerali tiddeċiedi li tqassam l-assi.

2.   L-assi għandhom jitqassmu bejn il-membri tal-Fond bi proporzjon mal-kontribuzzjoni ta’ kull membru lill-kapital tal-Fond.

3.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jistabbilixxi l-proċeduri għal dan it-tqassim.

Artikolu 34

Emendi

1.   Dawn l-Istatuti jistgħu jiġu emendati b’deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali fuq proposta tal-Bord tad-Diretturi. Kull bdil fl-Artikoli 2 u 3 ta’ dawn l-Istatuti għandu jeħtieġ maġġoranza ta’ 85 % tal-voti mixħuta.

2.   Ħlief jekk l-Assemblea Ġenerali tiddeċiedi mod ieħor, l-emendi approvati għandhom jidħlu fis-seħħ tliet xhur wara d-data meta l-membri tal-Fond ikunu ġew innotifikati b’dawn l-emendi.

Artikolu 35

Liġi u Ġurisdizzjoni

1.   Tilwim bejn il-Fond fuq naħa waħda, u l-benefiċjarji tal-operazzjonijiet tiegħu fuq in-naħa l-oħra, kemm jekk ikunu Istituzzjonijiet Finanzjarji fil-kapaċità tagħhom bħala benefiċjarji jew benefiċjarji oħra, għandu jiġi deċiż mill-qrati nazzjonali kompetenti.

2.   Għal dan l-iskop, il-Fond għandu jkollu indirizz ta’ notifika f’kull Stat Membru tal-Unjoni. Madankollu, f’kull kuntratt, jista’ jispeċifika indirizz partikolari għan-notifika jew jipprovdi għal arbitraġġ.

3.   Kif previst u skont il-limiti stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1) (l-Artikolu 28(5) tal-Istatut tal-Bank), it-tilwim dwar miżuri adottati mill-organi tal-Fond huwa soġġett għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 36

Privileġġi u Immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għandu japplika wkoll għall-Fond, għall-membri tal-organi tiegħu u għall-persunal tiegħu skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (2) (l-Artikolu 28(4) tal-Istatut tal-Bank).

Artikolu 37

Dħul fis-Seħħ

Dawn l-Istatuti jidħlu fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Assemblea Ġenerali.


(1)  Li qabel kien magħruf bħala t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

(2)  Li qabel kien magħruf bħala t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.


ANNESS I

Istituzzjonijiet Finanzjarji — Membri Fundaturi tal-Fond

(Artikolu 4, paragrafu 1 tal-Istatuti)

L-Annessi I u II u informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni azzjonarja attwali tal-Fond Ewropew tal-Investiment huma disponibbli fuq il-websajt: www.eif.org


ANNESS II

Sottoskrizzjonijiet Inizjali ta’ Ishma fil-Kapital Awtorizzat

(Artikolu 6, paragrafu 1 tal-Istatuti)

L-Annessi I u II u informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni azzjonarja attwali tal-Fond Ewropew tal-Investiment huma disponibbli fuq il-websajt: www.eif.org


Top