EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CJ0270

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-30 ta’ Ġunju 2016.
Ir-Renju tal-Belġju vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Belġjani għall-finanzjament ta’ testijiet ta’ screening għall-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli tal-annimali tal-ifrat – Vantaġġ selettiv – Deċiżjoni li tiddikjara din l-għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq intern.
Kawża C-270/15 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:489

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

30 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

“Appell — Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Belġjani għall-finanzjament ta’ testijiet ta’ screening għall-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli tal-annimali tal-ifrat — Vantaġġ selettiv — Deċiżjoni li tiddikjara din l-għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq intern”

Fil-Kawża C-270/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-4 ta’ Ġunju 2015,

Ir-Renju tal-Belġju, irrapreżentat minn C. Pochet u J.C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn L. Van den Hende, avukat,

l-appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Noë u H. van Vliet, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, J.-C. Bonichot (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-21 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bl-appell tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ Marzu 2015, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (T-538/11, EU:T:2015:188, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/678/UE, tas-27 ta’ Lulju 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat għall-finanzjament tal-iskrining għall-enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli (EST) fil-bovini implimentata mill-Belġju [Għajnuna mill-Istat C 44/08 (ex NN 45/04)] (ĠU L 274, p. 36, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001

2

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001, tat-22 ta’ Mejju 2001, li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 289), ġie adottat abbażi tal-Artikolu 152(4)(b) KE.

3

Skont il-premessa 2 tiegħu, dan ir-regolament għandu bħala għan l-adozzjoni ta’ regoli speċifiċi għall-prevenzjoni, għall-kontroll u għall-eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (EST), fosthom l-enċefalopatija sponġiformi bovina (ESB), fid-dawl tal-gravità tar-riskju li huma jippreżentaw għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali.

4

L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 999/2001, intitolat “Sistema ta’ sorveljanza”, jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull Stat Membru għandu jwettaq programm annwali għas-sorveljanza ta’ BSE u scrapie skond l-Anness III, Kapitolu A. Dak il-programm għandu jinkludi kull proċedura ta’ screening bl-użu ta’ testijiet rapidi.”

5

It-Taqsima I tal-Kapitolu A tal-Anness III tar-Regolament Nru 999/2001 tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi applikabbli għal kull programm ta’ sorveljanza tal-ESB fl-annimali tal-ifrat. Hija tipprevedi, b’mod partikolari, l-għażla ta’ ċerti sottopopolazzjonijiet ta’ annimali tal-ifrat ta’ iktar minn 30 xahar, inkluż fosthom dawk suġġetti għal qatla normali għall-konsum mill-bniedem, għall-finijiet ta’ dan il-program.

6

Barra minn hekk, it-Taqsima IV tal-Kapitolu A tal-Anness III tar-Regolament Nru 999/2001 tipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jaċċertaw illi l-ebda parti tal-ġisem ta’ annimali meħuda bħala kampjun skond dan l-Anness ma jintuża għall-ikel tal-bnedmin, ġwież ta’ l-annimali u fertilizzanti, sakemm tiġi konkluża l-eżaminazzjoni laboratorja b’riżultati negativi.”

7

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1248/2001, tat-22 ta’ Ġunju 2001, li jemenda l-Annessi III, X u XI tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 450), estenda, mill-1 ta’ Lulju 2001, l-obbligu ta’ screening tal-ESB permezz ta’ testijiet mgħaġġla għall-annimali kollha tal-ifrat ta’ iktar minn 24 xahar li jkunu nqatlu b’urġenza.

8

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1494/2002, tal-21 ta’ Awwissu 2002, li jemenda l-Annessi III, VII u XI għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 36, p. 550), estenda dan l-istess obbligu għall-annimali tal-ifrat ta’ iktar minn 24 xahar li jkunu mietu jew inqatlu għal finijiet oħra għajr, b’mod partikolari, il-konsum mill-bniedem.

Il-linji gwida EST

9

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat, matul is-sena 2002, il-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat marbuta mat-testijiet EST, mal-annimali li jinstabu mejta u mal-iskart tal-biċċeriji (ĠU 2002, C 324, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida EST”).

10

Il-punt 12 tal-linji gwida EST jippreċiża li dawn “jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat intiża sabiex jiġu koperti l-ispejjeż sostnuti minħabba t-testijiet għall-[iscreening tal-]EST, l-annimali li jinstabu mejta u l-iskart tal-biċċeriji, mogħtija lill-operaturi li jaħdmu fil-produzzjoni, fl-ipproċessar u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ annimali u ta’ prodotti mill-annimali li jaqgħu taħt l-Anness I tat-Trattat”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11

Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari t-testijiet għall-iscreening tal-EST, il-punti 23 sa 25 tal-linji gwida EST jistabbilixxu dan li ġej:

“23.

Sabiex tiġi promossa l-adozzjoni ta’ miżuri intiżi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-annimali u tal-bnedmin, il-Kummissjoni ddeċidiet li ser tkompli tawtorizza l-għajnuna mill-Istat li tkopri 100 % tal-ispejjeż marbuta mat-testijiet għall-[iscreening tal-]EST, skont il-prinċipji esposti fil-punt 11.4 tal-linji gwida agrikoli.

24.

[...] mill-1 ta’ Jannar 2003, għal dak li jirrigwarda l-eżami ESB obbligatorju ta’ annimali tal-ifrat maqtula għall-konsum mill-bniedem, l-għajnuna pubblika diretta u indiretta, inklużi l-ħlasijiet tal-Komunità, ma tistax teċċedi total ta’ EUR 40 għal kull test. L-obbligu ta’ eżami jista’ jkun ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni Komunitarja jew nazzjonali. Dan l-ammont jirreferi għall-ispiża totali tat-testijiet, inkluż it-tagħmir għat-testijiet, it-teħid ta’ kampjuni, it-trasport, l-eżami, il-ħażna u d-distruzzjoni tal-kampjuni. Dan l-ammont ikun jista’ jitnaqqas fil-futur, ladarba l-ispejjeż marbuta mat-testijiet jonqsu.

25.

L-għajnuna mill-Istat intiża li tkopri l-ispejjeż sostnuti minħabba t-testijiet għall-[iscreening tal-]EST għandha titħallas lill-operatur minn fejn il-kampjuni għall-finijiet tat-test għandhom jittieħdu. Madankollu, sabiex tiġi ffaċilitata l-amministrazzjoni ta’ din l-għajnuna, il-ħlas jista’ jsir lil-laboratorju, bil-kundizzjoni li jkun jista’ jintwera li l-ammont sħiħ tal-għajnuna jkun tħallas lill-operatur. F’kull każ, għajnuna mill-Istat riċevuta direttament jew indirettament minn operatur minn fejn il-kampjuni għall-finijiet tat-test għandhom jittieħdu għandha tiġi riflessa fi tnaqqis ekwivalenti tal-prezzijiet mitluba minnu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12

Fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat intiża li tkopri l-ispejjeż sostnuti minħabba t-testijiet għall-iscreening tal-EST u tal-ESB, li ngħatat illegalment qabel l-1 ta’ Jannar 2003, il-punt 45 tal-linji gwida EST jistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha tevalwa l-kompatibbiltà tagħha skont il-punt 11.4 tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam agrikolu (ĠU 2000, C 28, p. 2) u skont il-prattika tal-Kummissjoni sa mill-2001 li taċċetta tali għajnuna, li tista’ tasal sa 100 %.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

13

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 11 sa 39 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet tal-appell, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

14

Bid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li s-sistema Belġjana ta’ finanzjament tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB permezz ta’ riżorsi tal-Istat għall-perijodu mis-sena 2001 sas-sena 2005 kienet tissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex tiġi kkostitwita għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Hija kkonkludiet li din l-għajnuna kienet illegali għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2001 sat-30 ta’ Ġunju 2004 peress li din ngħatat bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

15

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2003 sat-30 ta’ Ġunju 2004, l-ammonti li jeċċedu l-limitu massimu ta’ EUR 40 għal kull test, kif previst fil-punt 24 tal-linji gwida, kienu inkompatibbli mas-suq intern u kellhom jiġu rkuprati. Hija qieset li, għall-kumplament tal-perijodu kkonċernat, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2002, sussegwentement mill-1 ta’ Lulju 2004 sal-31 ta’ Diċembru 2005, il-finanzjament tat-testijiet minn riżorsi tal-Istat kien jikkostitwixxi għajnuna kompatibbli mas-suq intern. Finalment, miżuri oħra ta’ finanzjament li ttieħdu matul il-perijodu kkonċernat tqiesu li ma kinux ta’ għajnuna.

16

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża huwa għalhekk redatt kif ġej:

Artikolu 1

1.   Il-miżuri ffinanzjati permezz tar-retribuzzjonijiet [ħlasijiet remunerattivi] mhumiex għajnuna.

2.   Il-finanzjament tat-testijiet għall-[iscreening tal-]BSE [ESB] permezz tar-riżorsi tal-Istat jikkostitwixxi għajnuna kumpatibbli mas-suq intern li tingħata lill-bdiewa, lill-biċċeriji u lil entitajiet oħrajn li jipproċessaw, jimmaniġġjaw, ibiegħu jew jikkumerċjalizzaw prodotti li jkunu ġejjin mill-bovini u sottomessi għal test obbligatorju għall-BSE għall-perjodu li jkopri bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2002 u għall-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Lulju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2005.

3.   Il-finanzjament tat-testijiet għall-[iscreening tal-]BSE permezz tar-riżorsi tal-Istat għall-perjodu li jkopri bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u t-30 ta’ Ġunju 2004 huwa għajnuna kumpatibbli mas-suq intern li tingħata lill-bdiewa, lill-biċċeriji u lil entitajiet oħrajn li jipproċessaw, jimmaniġġjaw, ibiegħu jew jikkumerċjalizzaw prodotti li jkunu ġejjin mill-bovini u sottomessi għal test obbligatorju għall-BSE għall-ammonti taħt EUR 40 għal kull test. L-ammonti li jaqbżu EUR 40 għal kull test mhumiex kumpatibbli mas-suq intern u għandhom jiġu rkuprati, minbarra l-għajnuna mogħtija lil proġetti speċifiċi li, meta ngħatat l-għajnuna, kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolament de minimis applikabbli.

4.   Il-Belġju implimenta b’mod illegali għajnuna għall-finanzjament tat-testijiet għall-[iscreening tal-]BSE bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE matul il-perjodu li jkopri bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u t-30 ta’ Ġunju 2004.

Artikolu 2

1.   Il-Belġju għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna illegali u mhux kumpatibbli msemmija fl-Artikolu 1(3) u (4), mingħand il-benefiċjarji.

[...]”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

17

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Ottubru 2011, ir-Renju tal-Belġju talab l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-dispożittiv tagħha.

18

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju tal-Belġju qajjem motiv uniku bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat il-finanzjament tat-testijiet obbligatorji għall-iscreening tal-ESB.

19

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors.

It-talbiet tal-partijiet

20

Ir‑Renju tal‑Belġju jitlob li l‑Qorti tal‑Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni kontenzjuża, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

22

Ir-Renju tal-Belġju qajjem żewġ aggravji insostenn tal-appell tiegħu.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

23

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi u naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

24

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-finanzjament ta’ testijiet ikkostitwixxix vantaġġ sa fejn illibera lill-impriżi minn ħlas li normalment kellu jkun impost fuq il-baġit tagħhom, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, qieset li dawn l-ispejjeż jinkludu l-ispejjeż addizzjonali li l-impriżi għandhom normalment isostnu minħabba l-obbligi ta’ oriġini legali, regolamentari jew kuntrattwali applikabbli għal attività ekonomika. Fil-fatt, ma jistax ikun rikjest li l-konsegwenzi finanzjarji tagħhom ikunu dejjem sostnuti mill-impriżi. Barra minn hekk, sa fejn ma hemmx, fil-każ ineżami, regoli ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tal-finanzjament tat-testijiet ESB, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jassumu huma stess l-ispejjeż tal-kontrolli marbuta magħhom.

25

Ir-Renju tal-Belġju jikkritika wkoll lill-Qorti Ġenerali li qieset, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika intiż mit-testijiet obbligatorji li huma suġġetti għall-finanzjament inkwistjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi l-klassifikazzjoni ta’ dan bħala għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, dan l-għan ġie invokat biss sabiex jiġi sostnut li dan kien ta’ natura mhux ekonomika, element rilevanti għall-ġustifikazzjoni li l-ispiża tat-testijiet ma kellhiex awtomatikament tiġi imposta fuq il-baġit tal-impriżi.

26

Huwa sostnut ukoll li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, qieset irrilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-finanzjament ta’ ċerti kontrolli tas-saħħa fid-dawl tar-regoli relatati mal-moviment liberu tal-merkanzija, meta, bħal fil-qasam tal-għajnuna, dawn il-kontrolli tal-Istati Membri jaffettwaw ukoll is-suq intern.

27

Skont l-Istat Membru rikorrent, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx sempliċement, sabiex tirrifjuta l-argument tiegħu li t-testijiet obbligatorji ta’ screening għall-ESB, sa fejn dawn huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika u ma humiex ta’ natura ekonomika, setgħu jiġu assorbiti mill-Istat, tafferma li l-operaturi kkonċernati ma jeżerċitawx huma stess prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

28

Huwa sostnut ukoll li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tiċħad bħala ineffettiv, fil-punt 67 tas-sentenza tagħha, l-argument li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma armonizzax il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tat-testijiet ta’ screening għall-ESB, kuntrarjament għal dak li hija għamlet għall-kontrolli f’oqsma oħra li jaffettwaw is-sigurtà tal-ikel, meta dan l-element kien rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk dawn l-ispejjeż għandhomx jew le jkunu normalment sostnuti mill-impriżi.

29

Finalment, ir-Renju tal-Belġju, wara li sostna fl-ewwel istanza li l-finanzjament tat-testijiet ta’ screening tal-ESB mill-awtorità pubblika baqa’ dejjem inqas mill-ispejjeż reali ta’ dawn it-testijiet u li din l-assenza ta’ “kumpens żejjed” kienet għalhekk tmur kontra r-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset dan l-argument bħala distint mill-motiv relatat ma’ dan il-vantaġġ u tat wieħed x’jifhem, sabiex tiċħdu, fil-punt 133 tas-sentenza appellata, bħala inammissibbli, li ma kienx ġie suffiċjentement espliċitat.

30

Il-Kummissjoni talbet iċ-ċaħda ta’ dawn l-argumenti kollha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

31

Għall-finijiet ta’ determinazzjoni ta’ dan l-appell, għandu jitfakkar li, sabiex miżura nazzjonali tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, din għandha tkun intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura tali li jista’ jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (ara s-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’din il-kawża, huma inkwistjoni biss l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-tielet kundizzjoni li tipprovdi li, sabiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna, il-miżura inkwistjoni għandha tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tagħha.

33

Fil-fatt, bl-ewwel aggravju tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jsostni li huwa għal raġunijiet żbaljati fid-dritt jew insuffiċjentement iġġustifikati li l-Qorti Ġenerali, bis-sentenza appellata, ċaħdet l-argumenti tiegħu fis-sens li l-finanzjament tat-testijiet ta’ screening għall-ESB ma jikkostitwixxix vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 72 tas-sentenza appellata, huma meqjusa bħala għajnuna l-interventi li, taħt kwalunkwe forma li tkun, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jitqiesu vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, partikolarment, is-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Trapeza Eurobank Ergasias, C-690/13, EU:C:2015:235, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fil-punt 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-piżijiet normalment imposti fuq il-baġit ta’ impriża jinkludi, b’mod partikolari, l-ispejjeż supplimentari li l-impriżi għandhom ibatu minħabba obbligi ta’ oriġini legali, regolamentari jew kuntrattwali li japplikaw għal attività ekonomika.

36

Din l-evalwazzjoni, li hija suffiċjentement motivata u nieqsa minn kull ambigwità, ma hija bl-ebda mod ivvizzjata minn żball ta’ liġi. Fil-fatt, tali spejjeż supplimentari li jirriżultaw minn obbligi, bħal f’dan il-każ ineżami, ta’ oriġini legali jew regolamentari inerenti għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika rregolata jikkostitwixxu, min-natura tagħhom, spejjeż li l-impriżi normalment għandhom isostnu. Il-fatt li tali obbligi joriġinaw mill-awtoritajiet pubbliċi ma jistax għalhekk, waħdu, jaffettwa l-evalwazzjoni tan-natura ta’ interventi oħra ta’ dawn l-istess awtoritajiet, sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn jiffavorixxux impriżi lil hinn mill-kundizzjonijiet normali tas-suq.

37

Għalhekk, huwa minħabba qari żbaljat tas-sentenza appellata li r-Renju tal-Belġju jsostni li l-Qorti Ġenerali affermat, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li, kull darba li awtorità pubblika timponi obbligu, l-ispejjeż li jirriżultaw minnu għandhom awtomatikament jiġu imposti fuq l-impriżi kkonċernati.

38

Għalhekk, huma ineffettivi l-argumenti kollha li r-Renju tal-Belġju jinvoka sabiex jikkritika din l-allegata affermazzjoni. B’mod partikolari, ma jaffettwawx il-klassifikazzjoni tal-ispejjeż li għandhom normalment ikunu sostnuti mill-impriżi, iċ-ċirkustanzi li dawn l-ispejjeż joriġinaw mill-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħhom ta’ awtorità pubblika jew li l-Istati Membri huma liberi li jassumu dawn l-ispejjeż fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tal-finanzjament tat-testijiet ta’ screening għall-ESB.

39

Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, il-fatt li ma saret ebda armonizzazzjoni fir-rigward tal-finanzjament ta’ miżuri li saru obbligatorji għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-ESB ma jaffettwax il-klassifikazzjoni ta’ vantaġġ ekonomiku li tali finanzjament jista’ jikkostitwixxi. Fil-fatt, għandu jitfakkar, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 65 tas-sentenza appellata, li, anki fl-oqsma fejn l-Istati Membri huma kompetenti, dawn għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni u partikolarment ir-rekwiżiti li joħorġu mill-Artikoli 107 u 108 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, 3M Italia, C-417/10, EU:C:2012:184, punti 25 et seq).

40

Ir-Renju tal-Belġju lanqas ma jista’ utilment isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li l-għan ta’ saħħa pubblika mfittex mill-obbligu li jsiru testijiet ta’ screening għall-ESB ma huwiex suffiċjenti għall-esklużjoni tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-finanzjament mill-Istat ta’ dawn it-testijiet. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni skont ir-raġunijiet jew l-għanijiet tal-interventi previsti, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (ara, partikolarment, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C-106/09 P u C-107/09 P, EU:C:2011:732, EU:C:2011:732, punt 87).

41

Finalment, l-argument dwar il-“kumpens żejjed”, huwa ineffettiv sa fejn huwa seta’ biss, fi kwalunkwe każ, jiġi invokat b’mod utli fil-kuntest tal-Artikolu 106(2) TFUE. Għalhekk, dan l-argument invokat mir-Renju tal-Belġju quddiem il-Qorti Ġenerali kellu jiġi miċħud minn din tal-aħħar, mingħajr lok ta’ preġudizzju minħabba li dan ġie miċħud fuq il-bażi ta’ inammissibbiltà.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

43

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi u naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tal-kundizzjoni tas-selettività tal-għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

44

Ir-Renju tal-Belġju jsostni, f’dan ir-rigward, li, billi kkunsidrat, fil-punti 109 u 110 tas-sentenza tagħha, li l-operaturi tas-settur tal-annimali tal-ifrat suġġetti għat-testijiet ta’ screening għall-ESB kienu jinsabu, fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli għal dik tal-operaturi ekonomiċi l-oħra kollha li huma legalment obbligati jagħmlu kontrolli qabel ma jkunu jistgħu jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

45

Il-Qorti Ġenerali ma tispeċifikax liema huma dawn l-impriżi tas-setturi l-oħra. Barra minn hekk, hemm differenzi sostanzjali bejn it-testijiet temporanji li jsiru sabiex tiġi eliminata marda tal-annimali, bħall-ESB, u kontrolli obbligatorji ta’ kwalità rikjesti, pereżempju, minn manifatturi ta’ liftijiet jew ta’ trakkijiet. Anki jekk it-testijiet obbligatorji għal prodotti agrikoli jittieħdu bħala qafas ta’ riferiment, dawn it-testijiet kollha ma humiex neċessarjament paragunabbli ma’ dawk li jipprevedu l-eradikazzjoni tal-ESB, kif jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li, għal ċerti testijiet, timponi sistema partikolari ta’ finanzjament filwaqt li għal oħrajn id-definizzjoni ta’ din is-sistema tħalliet għall-kompetenza tal-Istati Membri.

46

Ladarba l-istess sistema hija applikabbli għall-impriżi kollha suġġetti għat-testijiet obbligatorji ta’ screening għall-ESB, jiġifieri għall-impriżi kollha li jinsabu fl-istess sitwazzjoni fattwali u ġuridika, il-kundizzjoni relatata mas-selettività stipulata fl-Artikolu 107(1) TFUE ma ġietx, f’dan il-każ, issodisfatta.

47

Il-Kummissjoni titlob li dawn l-argumenti jiġu miċħuda.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

48

Ir-rekwiżit ta’ selettività li joħroġ mill-Artikolu 107(1) TFUE għandu jinżamm b’mod ċar distint mill-għarfien konkorrenti ta’ vantaġġ ekonomiku sa fejn, meta l-Kummissjoni tistabbilixxi l-preżenza ta’ vantaġġ, fis-sens wiesa’, li jirriżulta direttament jew indirettament minn miżura partikolari, hija għandha tistabbilixxi, barra minn hekk, li dan il-vantaġġ jibbenefika speċifikament impriża jew diversi impriżi. Sabiex tagħmel dan, hija għandha turi, b’mod partikolari, li l-miżura inkwistjoni tintroduċi distinzjonijiet bejn l-impriżi li jkunu jinsabu, fir-rigward tal-għan imfittex, f’sitwazzjoni paragunabbli. Għalhekk, jeħtieġ li l-vantaġġ jingħata b’mod selettiv u li dan ikun jista’ jqiegħed ċerti impriżi f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn oħrajn (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs MOL, C-15/14 P, EU:C:2015:362, punt 59).

49

Madankollu, għandha ssir distinzjoni skont jekk il-miżura inkwistjoni hijiex prevista bħala skema ġenerali tal-għajnuna jew bħala għajnuna individwali. F’dan il-każ tal-aħħar, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku jippermetti, bħala prinċipju, li s-selettività tagħha tiġi preżunta. Min-naħa l-oħra, fl-eżami ta’ skema ġenerali tal-għajnuna, huwa neċessarju li jiġi identifikat jekk il-miżura inkwistjoni, minkejja l-konstatazzjoni li hija tagħti vantaġġ ta’ portata ġenerali, tagħmilx dan biss għall-benefiċċju ta’ ċerti impriżi jew ta’ ċerti setturi ta’ attivitajiet (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs MOL, C-15/14 P, EU:C:2015:362, punt 60).

50

Huwa paċifiku li, f’dan il-każ, il-finanzjament tat-testijiet ta’ screening għall-ESB mir-Renju tal-Belġju għandu, sa fejn dan huwa ta’ benefiċċju għall-operaturi kollha tas-settur tal-annimali tal-ifrat li jsostnu l-ispejjeż ta’ dawn it-testitjiet, jitqies bħala sistema ġenerali, u konsegwentement hija l-Kummissjoni li għandha tidentifika jekk din il-miżura, minkejja l-konstatazzjoni li din tagħti vantaġġ ta’ portata ġenerali, tagħmilx dan biss għall-benefiċċju ta’ ċerti impriżi jew ta’ ċerti setturi ta’ attivitajiet.

51

Kif jirriżulta mill-punti 108 u 110 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li dan kien il-każ fir-rigward tal-finanzjament tat-testijiet inkwistjoni, billi qieset li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat “li l-operaturi fis-settur tal-annimali tal-ifrat kienu jibbenefikaw minn vantaġġ li ma kienx disponibbli għall-impriżi ta’ setturi oħra, peress li huma kienu jibbenefikaw mill-fatt li l-kontrolli li huma kellhom iwettqu b’mod obbligatorju qabel it-tqegħid fis-suq jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom kienu b’xejn, filwaqt li l-impriżi ta’ setturi oħra ma kellhomx din il-possibbiltà, liema fatt ma huwiex ikkontestat mir-Renju tal-Belġju”.

52

Jekk ir-Renju tal-Belġju jikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma speċifikatx għal liema “setturi oħra” sar riferiment, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 110 tas-sentenza appellata, sempliċement irriproduċiet f’dan ir-rigward konstatazzjoni li saret mill-Kummissjoni. Issa, ir-Renju tal-Belġju ma jsostnix li l-Qorti Ġenerali, f’dan ir-rigward, naqset milli twieġeb għal argument ibbażat fuq il-premessa li l-Kummissjoni ma speċifikatx hi stess għal liema setturi oħra hija kienet qiegħda tirreferi.

53

Fi kwalunkwe każ, mill-konstatazzjoni msemmija fil-punt 110 tas-sentenza appellata joħroġ ċar li s-sitwazzjoni tal-operaturi tas-settur tal-annimali tal-ifrat ġiet impliċitament iżda neċessarjament imqabbla ma’ dik tal-impriżi kollha li, bħalhom, huma suġġetti għal kontrolli li huma għandhom iwettqu b’mod obbligatorju qabel ma jqiegħdu fis-suq jew jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom.

54

Minkejja li r-Renju tal-Belġju jsostni li dawn id-diversi setturi ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli peress li t-testijiet intiżi sabiex jikkontrollaw il-kwalità tal-prodotti, anki tal-ikel, ivarjaw minn settur għall-ieħor, fin-natura tagħhom, l-għan tagħhom, l-ispiża u l-perijodiċità tagħhom, tali argument huwa ineffettiv fil-kuntest tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, li ma hijiex marbuta mat-testijiet infushom, iżda mal-finanzjament tagħhom minn riżorsi tal-Istat li għandu l-effett li jnaqqas l-ispejjeż imposti fuq il-benefiċjarji tagħha. Issa, huwa stabbilit li, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 110 tas-sentenza appellata, ir-Renju tal-Belġju ma kkontestax quddiemha li l-operaturi tas-settur tal-annimnali tal-ifrat kienu jibbenefikaw, mill-finanzjament tat-testijiet ta’ screening, minn vantaġġ li ma kienx disponibbli għall-impriżi ta’ setturi oħra.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li l-Kummissjoni kienet korretta meta qieset li l-miżura inkwistjoni kienet selettiva fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

56

Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

58

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

59

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn tal-aħħar, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

60

Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Renju tal-Belġju jiġi kkundannat għall-ispejjeż u peress li dan tal-aħħar tilef, hemm lok li dan jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedra.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq