EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0358

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Marzu 2013.
Lapin elinkeino-, liikenne- ja ympäristökeskuksen liikenne ja infrastruktuuri -vastuualue vs Lapin luonnonsuojelupiiri ry.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus.
Ambjent – Skart – Skart perikoluż – Direttiva 2008/98/KE – Arbli qodma tat-telekomunikazzjonijiet ittrattati b’soluzzjonijiet RKA (ram-kromju-arseniku) – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) – Inventarju tal-użi tal-injam ittrattat li jinsab fl-Anness XVII tar-Regolament REACH – Arbli qodma tat-telekomunikazzjonijiet użati bħala strutturi tal-pontijiet.
Kawża C-358/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:142

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

7 ta’ Marzu 2013 ( *1 )

“Ambjent — Skart — Skart perikoluż — Direttiva 2008/98/KE — Arbli qodma tat-telekomunikazzjonijiet ittrattati b’soluzzjonijiet RKA (ram-kromju-arseniku) — Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi — Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) — Inventarju tal-użi tal-injam ittrattat li jinsab fl-Anness XVII tar-Regolament REACH — Arbli qodma tat-telekomunikazzjonijiet użati bħala strutturi tal-pontijiet”

Fil-Kawża C-358/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Lulju 2011, fil-proċedura

Lapin elinkeino-, liikenne- ja ympäristökeskuksen liikenne ja infrastruktuuri -vastuualue

vs

Lapin luonnonsuojelupiiri ry,

fil-preżenza ta’:

Lapin elinkeino-, liikenne- ja ympäristökeskuksen ympäristö ja luonnonvarat -vastuualue,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, G. Arestis, J.-C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal-Lapin elinkeino-, liikenne- ja ympäristökeskuksen liikenne ja infrastruktuuri -vastuualue, minn A. Siponen, asianajaja,

għal-Lapin luonnonsuojelupiiri ry, minn S. Hänninen u T. Pasma, rispettivament President u segretarja ta’ din l-assoċjazzjoni,

għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Koskinen u A. Marghelis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Id-domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, p. 3), u tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1, u — rettifika — ĠU 2007, L 136, p. 3), fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 552/2009, tat-22 ta’ Ġunju 2009 (ĠU L 164, p. 7, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament REACH”).

2

Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Lapin elinkeino-, liikenne- ja ympäristökeskuksen liikenne ja infrastruktuuri -vastuualue (settur “trasport u infrastruttura” taċ-ċentru tal-affarijiet ekonomiċi, ambjentali u tat-trasport ta’ Laponie, iktar ’il quddiem il-“liikenne ja infrastruktuuri -vastuualue”) u l-Lapin luonnonsuojelupiiri ry (assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tan-natura ta’ Laponie, iktar ’il quddiem il-“Lapin luonnonsuojelupiiri”) rigward it-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ tiswija ta’ mogħdija li tinkludi pontijiet li l-infrastruttura tagħhom hija magħmula minn arbli qodma tat-telekomunikazzjonijiet tal-injam ittrattati b’soluzzjoni msejħa “RKA” (ram-kromju-arseniku, iktar ’il quddiem, is-“soluzzjoni RKA”.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2008/98

3

Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘skart’ tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi;

2)

‘skart perikoluż’ tfisser skart li jkollu waħda jew aktar mill-karatteristiċi perikolużi elenkati fl-Anness III;

[...]

13)

‘użu mill-ġdid’ tfisser kull operazzjoni li biha l-prodotti jew il-komponenti li mhumiex skart jerġgħu jintużaw għall-istess skop li għalih kienu maħsubin;

[…]

15)

‘irkupru’ tfisser kwalunkwe operazzjoni li r-riżultat prinċipali tagħha jkun skart li jservi skop utli permezz tas-sostituzzjoni ta’ materjali oħra li inkella kienu jintużaw biex jissodisfaw funzjoni partikolari, jew skart li qed jiġi ppreparat b’mod li jissodisfa dik il-funzjoni, fl-impjant jew fl-ekonomija usa’. L-Anness II fih lista mhux eżawrjenti ta’ operazzjonijiet ta’ rkupru;

[…]”

4

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98, intitolat “Tmiem ta’ l-istatus ta’ skart”, jipprovdi:

“1.   Ċertu skart speċifikat m’għandux jibqa’ kunsidrat skart fis-sens tal-punt (1) ta’ l-Artikolu 3 meta dan ikun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru, inkluż ir-riċiklaġġ, u jkun jikkonforma ma’ kriterji speċifiċi li għandhom jiġu żviluppati skond il-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

is-sustanza jew l-oġġett ikun użat komunement għal skopijiet speċifiċi;

b)

ikun jeżisti suq jew tkun teżisti domanda għal tali sustanza jew oġġett;

ċ)

is-sustanza jew l-oġġett jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi għall-iskopijiet speċifiċi msemmija fil-punt (a) u jissodisfa l-leġiżlazzjoni u l-istandards eżistenti applikabbli għall-prodotti; u

d)

l-użu tas-sustanza jew l-oġġett ma jwasslux għal impatti ġenerali li jagħmel ħsara lill-ambjenta jew lis-saħħa tal-bniedem.

Fejn ikun meħtieġ, il-kriterji għandhom jinkludu valuri ta’ limiti għal sustanzi li jniġġsu u għandhom jieħdu kont ta’ l-effetti avversi kollha possibbli li s-sustanza jew l-oġġett jista’ jkollhom fuq l-ambjent.

2.   Il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, relatati ma’ l-adozzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1, u li jispeċifikaw it-tip ta’ skart li għalih għandhom japplikaw dawn il-kriterji, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 39(2). Għandhom jiġu kkunsidrati kriterji li jkunu speċifiċi għat-tmiem ta’ l-iskart, fost oħrajn, għall-inqas għall-aggregati, għall-karta, għall-ħġieġ, għall-metall, għat-tyres u għat-tessuti.

[…]

4.   Fejn il-kriterji ma ġewx stabbiliti fil-livell Komunitarju taħt il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu każ b’każ jekk ċertu skart ma baqax ikun skart b’kont meħud tal-każistika applikabbli. […]”

5

L-Artikolu 7 tal-istess direttiva, intitolat “Lista ta’ skart” jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva relatati ma’ l-aġġornar tal-lista ta’ skart stabbilita bid-Deċiżjoni 2000/532/KE għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 39(2). Il-lista ta’ skart għandha tinkludi skart perikoluż u għandha tieħu kont ta’ l-oriġini u l-kompożizzjoni ta’ l-iskart u, fejn jeħtieġ, tal-valuri tal-limiti ta’ konċentrazzjoni tas-sustanzi perikolużi. Il-lista ta’ skart għandha tkun vinkolanti fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ l-iskart li għandu jkun ikkunsidrat bħala skart perikoluż. L-inklużjoni ta’ sustanza jew oġġett fil-lista ma għandhiex tfisser li huma skart fiċ-ċirkustanzi kollha. Sustanza jew oġġett għandu jkun ikkunsidrat skart biss meta tiġi sodisfatta d-definizzjoni tal-punt (a) ta’ l-Artikolu 3.”

6

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/98 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-immaniġġar ta’ l-iskart jitwettaq mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem, u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent […]”

7

Skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2008/98, intitolat “Il-kontroll ta’ skart perikoluż”:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jiżguraw li l-produzzjoni, il-ġbir u t-trasportazzjoni ta’ skart perikoluż, kif ukoll il-ħżin u t-trattament tiegħu, jitwettqu f’kondizzjonijiet li jipprovdu protezzjoni għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem sabiex jiġu sodisfatti d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13, inkluża azzjoni biex jiġu żgurati t-traċċabbiltà mill-produzzjoni sa l-aħħar destinazzjoni u l-kontroll ta’ skart perikoluż sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ l-Artikoli 35 u 36.”

Ir-Regolament REACH

8

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament REACH jipprovdi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent, inkluż il-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-istima ta’ perikli ta’ sustanzi kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni.”

9

Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament REACH:

“L-iskart kif definit fid-Direttiva [2008/98] mhuwiex sustanza, preparat jew oġġett fis-sens ta’ l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.”

10

L-Artikolu 3 tar-Regolament REACH jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin fil-punti 1 sa 3 tiegħu:

“1)

‘Sustanza’: tfisser element kimiku u l-komposti tiegħu fl-istat naturali jew miksub bi kwalunkwe proċess ta’ manifattura, inkluż kwalunkwe addittiv meħtieġ sabiex jippriżerva l-istabbiltà tiegħu u kwalunkwe impurità li tiġi mill-proċess użat, iżda eskluż kwalunkwe solvent li jista’ jiġi separat mingħajr ma tkun milquta l-istabbiltà tas-sustanza jew tinbidel il-kompożizzjoni tagħha;

2)

‘Preparat’: tfisser taħlita jew soluzzjoni komposta minn żewġ sustanzi jew aktar;

3)

‘oġġett’: tfisser prodott li waqt il-produzzjoni jingħata forma, wiċċ jew disinn speċjali li jiddetermina l-funzjoni tiegħu aktar milli tagħmel dan il-kompożizzjoni kimika tiegħu.”

11

Taħt it-Titolu VII tal-imsemmi regolament, intitolat “Restrizzjonijiet tal-manifattura, tat-tqegħid fis-suq u tal-użu ta’ ċerti sustanzi u taħlitiet perikolużi”, il-Kapitolu 1, huwa nnifsu intitolat “Kwistjonijiet ġenerali”, l-Artikolu 67(1) u (3) tar-Regolament REACH jipprovdi:

“1.   Sustanza waħidha, f’taħlita jew f’oġġett, li għaliha fih restrizzjoni l-Anness XVII m’għandhiex tkun manifatturata, mqiegħda fis-suq jew użata għajr jekk tkun tikkonforma mal-kondizzjonijiet ta’ dik ir-restrizzjoni.[...]

[...]

3.   Sa l-1 ta’ Ġunju 2013, Stat Membru jista’ jżomm kwalunkwe restrizzjoni eżistenti u aktar stretta fir-rigward ta’ l-Anness XVII fuq il-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza, sakemm dawk ir-restrizzjonijiet ikunu ġew notifikati skond it-Trattat. Il-Kummissjoni għandha tikkompila u tippubblika inventarju ta’ dawn ir-restrizzjonijiet sa l-1 ta’ Ġunju 2009.”

12

L-Artikolu 68 tar-Regolament REACH huwa miktub kif ġej:

“1.   Meta jkun hemm riskju mhux aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li jkun ġej mill-manifattura, użu jew tqegħid fis-suq ta’ sustanzi, li jkun jeħtieġ li jiġi indirizzat fuq bażi Komunitarja, l-Anness XVII għandu jiġi emendat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 133(4) bl-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda, jew bl-emenda tar-restrizzjonijiet attwali [...].

[...]

2.   Għal sustanza waħedha, f’taħlita jew f’oġġett li jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni fil-klassijiet ta’ periklu karċinoġeniċità, mutaġeniċità għaċ-ċelloli ġerminali jew tossiċità riproduttiva, kategoriji 1A jew 1B, u li tista’ tintuża mill-konsumaturi u li għaliha r-restrizzjonijiet għall-użu mill-konsumatur huma proposti mill-Kummissjoni, l-Anness XVII għandu jiġi emendat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 133(4). L-Artikoli 69 sa 73 m’għandhomx japplikaw.”

13

Skont l-Artikolu 69 ta’ dan l-istess regolament, jekk il-Kummissjoni jew Stat Membru jqisu li l-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza waħidha, f’taħlita jew f’oġġett ikunu jikkostitwixxu riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li ma jkunx ikkontrollat adegwatament u li jkun jeħtieġ azzjoni fuq il-livell Komunitarju li tmur lil hinn mill-miżuri diġà fis-seħħ, huma għandhom jibdew il-proċedura ta’ tħejjija ta’ restrizzjonijiet ġodda.

14

L-Artikolu 128 tar-Regolament REACH jipprovdi:

“1.   Suġġett għall-paragrafu 2, l-Istati Membri m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu l-manifattura, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza, waħidha, f’taħlita jew f’oġġett, li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li tikkonforma ma’ dan ir-Regolament u, fejn ikun il-każ, ma’ l-atti Komunitarji adottati fl-implementazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   Xejn f’dan ir-Regolament m’għandu jimpedixxi l-Istati Membri milli jżommu jew jistabbilixxu regoli nazzjonali sabiex jipproteġu lill- ħaddiema, lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent li japplikaw fil-każijiet fejn dan ir-Regolament ma jarmonizzax ir-rekwiżiti dwar il-manifattura, t-tqegħid fis-suq jew l-użu.”

15

Skont l-Artikolu 129(1) tal-istess regolament:

“Fejn Stat Membru jkollu raġunijiet ġustifikabbli sabiex jemmen li tkun essenzjali azzjoni urġenti sabiex tipproteġi s-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent fir-rigward ta’ sustanza, waħidha, f’taħlita jew f’oġġett, anke jekk tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, dan jista’ jieħu l-miżuri provviżorji adegwati. [...]”

16

L-Anness XVII tar-Regolament REACH, intitolat “Restrizzjonijiet fuq il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ ċerti sustanzi, taħlitiet u oġġetti perikolużi” jinkludi, fil-Kolonna 1, punt 19 li jirreferi għall-“Komposti arseniċi”. Ir-restrizzjonijiet rigward dawn il-komposti ġew riprodotti fid-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE, tas-27 ta’ Lulju 1976, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (ĠU L 262, p. 201).

17

Għal dawn il-komposti tal-arseniku, l-Anness XVII jipprovdi, taħt l-istess punt 19, fil-Kolonna 2 tiegħu, dwar il-“Kundizzjonijiet tar-restrizzjoni”:

“[...]

3.

Ma għandhomx jintużaw fil-preservazzjoni tal-injam. Barra minn hekk, injam trattat b’dan il-mod ma għandux jitqiegħed fis-suq.

4.

B’deroga mill-paragrafu 3:

a)

Fir-rigward ta’ sustanzi u taħlitiet użati fil-preservazzjoni tal-injam: dawn jistgħu jintużaw biss f’installazzjonijiet industrijali bl-użu ta’ imprenjazzjoni tal-injam bil-pressa jew taħt vakwu jekk ikunu soluzzjonijiet ta’ komposti inorganiċi tat-tip C tar-RKA (ram-kromju-arseniku) u jekk dawn ikunu awtorizzati skont l-Artikolu 51. tad-Direttiva 98/8/KE. Injam trattat b’dan il-mod ma għandux jitqiegħed fis-suq qabel mal-iffissar tal-preżervattiv ikun lest;

b)

Fir-rigward ta’ injam trattat b’soluzzjonijiet tar-RKA f’installazzjonijiet industrijali skont il-punt (a): dan jista’ jitqiegħed fis-suq għal użu professjonali u industrijali jekk l-integrità strutturali tal-injam tkun meħtieġa għas-sigurtà tal-bniedem jew tal-annimali u l-kuntatt mal- ġilda tal-pubbliku ġenerali waqt l-użu jkun improbabbli:

bħala injam strutturali f’bini pubbliku u agrikolu, f’binjiet ta’ uffiċini u f’bini u artijiet industrijali,

f’pontijiet u xogħol relatat ma’ pontijiet,

..]

bħala piluni għat-trażmissjoni ta’ kurrent elettriku u għat-telekomunikazzjoni,

..]

d)

L-injam ittrattat imsemmi fil-punt (a) ma għandux jintuża:

f’bini residenzjali jew domestiku, għall- ebda skop,

fi kwalunkwe applikazzjoni fejn jista’ jkun hemm kuntatt ripetut mal-ġilda,

..]

5.

Injam ittrattat b’komposti tal-arseniku li kien jintuża fil-Komunità qabel it-30 ta’ Settembru 2007, jew li tpoġġa fis-suq skont il-paragrafu 4 jista’ jibqa’ hemm u jintuża sakemm dan jilħaq it-tmiem tal-ħajja tiegħu.

6.

Injam ittrattat tat-tip C tar-RKA li kien jintuża fil-Komunità qabel it-30 ta’ Settembru 2007, jew li tpoġġa fis-suq skont il-paragrafu 4:

jista’ jintuża jew jintuża mill-ġdid soġġett għall-kundizzjonijiet li jappartjenu għall-użu tiegħu, elenkati taħt il-punti 4(b), (c) u (d),

jista’ jitqiegħed fis-suq soġġett għall-kundizzjonijiet li jappartjenu għall-użu tiegħu, elenkati taħt il-punti 4(b), (c) u (d).

7.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu njam ittrattat ma’ tipi oħra ta’ soluzzjonijiet ta’ RKA li kien jintuża fil-Komunità qabel it-30 ta’ Settembru 2007:

biex jintuża jew jerġa’ jintuża soġġett għall-kundizzjonijiet li jappartjenu għall-użu tiegħu, elenkati taħt il-punti 4(b), (c) u (d),

irid jitqiegħed fis-suq soġġett għall-kundizzjonijiet li jappartjenu għall-użu tiegħu, elenkati taħt il-punti 4(b), (c) u (d).”

Id-dritt Finlandiż

Il-Liġi 86/2000 dwar il-protezzjoni tal-ambjent

18

L-Artikolu 7 tal-Liġi 86/2000 dwar il-protezzjoni tal-ambjent, intitolat “Projbizzjoni li tiġi kkontaminata l-ħamrija”, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“L-iskart jew sustanzi oħra kif ukoll l-organiżmi jew il-mikro-organiżmi ma jistgħux jiġu abbandunati jew jitħallew fil-ħamrija jekk minħabba f’hekk il-kwalità tal-ħamrija tmur għall-agħar tant li tista’ tkun ta’ riskju għas-saħħa jew għall-ambjent jew tkun ta’ theddida għalihom, twassal għal tnaqqis konsiderevoli fil-valur ambjentali jew tikkawża ħsara oħra komparabbli għall-interessi pubbliċi jew privati. [...]”

19

L-Artikolu 28 tal-istess liġi jipprovdi:

“L-attivitajiet kollha li jikkawżaw riskju ta’ tniġġis ambjentali jeħtieġu permess (permess ambjentali). L-attivitajiet suġġetti għal permess huma speċifikati permezz ta’ digriet.

Permess ambjentali huwa meħtieġ ukoll:

1)

għall-attivitajiet kollha li jistgħu jikkawżaw tniġġis tan-netwerk tal-kanali tal-ilma, peress li l-proġett inkwistjoni ma huwiex suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel skont il-liġi dwar l-ilma;

[...]

4)

għat-trattament industrijali jew professjonali tal-iskart li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi dwar l-iskart.”

Id-digriet tal-Gvern 647/2009 li jidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet tal-Anness XVII tar-Regolament REACH

20

L-Artikolu 1 tad-digriet tal-Gvern 647/2009 li jidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet tal-Anness XVII tar-Regolament REACH jipprovdi:

“Skont l-anness ta’ dan id-digriet, issir deroga mir-restrizzjonijiet previsti fl-Anness XVII tar-Regolament REACH applikabbli għall-manifattura, għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta’ ċerti sustanzi u taħlitiet perikolużi, u ta’ ċerti artikoli perikolużi msemmija fl-Artikolu 67 tal-imsemmi regolament.”

21

L-anness tal-istess digriet tal-Gvern jinkludi, f’dak li jikkonċerna l-komposti tal-arseniku, id-dispożizzjoni li ġejja:

“B’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-punt 19 tal-Anness XVII du tar-Regolament REACH, l-injam ittrattat b’soluzzjonijiet RKA tat-tip B użat qabel it-30 ta’ Settembru 2007 jista’ jitqiegħed fis-suq, jintuża u jerġa’ jintuża jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet elenkati fil-punti b), c) u d) tal-punt 19(4) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22

Il-liikenne ja infrastruktuuri -vastuualue ddeċieda, fl-2008, li jsewwi l-mogħdija ta’ 35 km li tgħaqqad il-villaġġ ta’ Raittijärvi (Laponie) mal-eqreb triq għall-vetturi u li taqsam parzjalment żona Natura 2000. Dawn ix-xogħlijiet kellhom jikkonsistu, b’mod partikolari, fit-tqegħid ta’ pontijiet tal-injam sabiex jiġi ffaċilitat il-passaġġ, barra mill-istaġun tax-xitwa, fiż-żoni umdi, tal-vetturi tat-tip “quad”. Dawn il-pontijiet huma sostnuti permezz ta’ strutturi kkostitwiti minn arbli qodma tat-telekomunikazzjonijiet, li, għall-użu preċedenti tagħhom, ġew ittrattati b’soluzzjoni RKA.

23

Il-Lapin luonnonsuojelupiiri, li hija l-assoċjazzjoni rikorrenti fil-kawża prinċipali, peress li qieset li dawn l-arbli jikkostitwixxu skart perikoluż, talbet lil-Lapin ympäristökeskus, li saret il-Lapin elinkeino-, liikenne- ja ympäristökeskuksen ympäristö ja luonnonvarat -vastuualue (awtorità responsabbli għall-protezzjoni tal-ambjent) sabiex tipprojbixxi l-użu ta’ dawn il-materjali. Peress li din it-talba ġiet miċħuda b’deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2009, din l-assoċjazzjoni adixxiet lill-Vaasan hallinto-oikeus (qorti amministrattiva ta’ Vaasa) li, b’sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2009, annullat din id-deċiżjoni ta’ ċaħda.

24

Il-liikenne ja infrastruktuuri -vastuualue appella minn din is-sentenza quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (Qorti amministrattiva suprema).

25

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk huwiex meħtieġ li wieħed ikollu permess ambjentali skont il-Liġi 86/2000 dwar il-protezzjoni tal-ambjent sabiex juża arbli qodma tat-telekomunikazzjonijiet ittrattati b’soluzzjoni RKA. Hija tqis li, sabiex tingħata soluzzjoni għal din id-domanda, għandu jiġi vverifikat jekk tali arbli, li issa huma użati mill-ġdid bħala injam għall-appoġġ, humiex skart, b’mod partikolari skart perikoluż, jew jekk tilfux din in-natura minħabba dan l-użu mill-ġdid, peress li r-Regolament REACH jawtorizza l-użu ta’ tali injam ittrattat.

26

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Korkein hallinto-oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Huwa possibbli li, mill-fatt li skart huwa kklassifikat bħala skart perikoluż, jiġi dedott direttament li l-użu ta’ [tali] sustanza jew ta’ [tali] oġġett iwassal għal impatti ġenerali li jagħmlu ħsara lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem fis-sens tal-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 2008/98/KE […]? Skart perikoluż jista’ wkoll ma jibqax skart jekk ir-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98/KE jkunu sodisfatti?

2)

Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ skart, u, b’mod partikolari, tal-obbligu li artikolu jew sustanza jintremew, il-fatt li l-użu mill-ġdid ta’ dan l-oġġett jew ta’ din is-sustanza, li huwa suġġett għal evalwazzjoni, huwa awtorizzat taħt ċerti kundizzjonijiet fl-Anness XVII kif imsemmi fl-Artikolu 67 tar-Regolament REACH huwa rilevanti u, jekk ikun il-każ, sa liema punt huwa rilevanti?

3)

L-Artikolu 67 tar-Regolament REACH armonizza r-rekwiżiti dwar il-preparazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu fis-sens tal-Artikolu 128(2) tal-istess regolament, b’tali mod li l-użu ta’ preparazzjonijiet jew ta’ oġġetti msemmija fl-Anness XVII ma jistax jiġi prekluż abbażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ħarsien ambjentali, sakemm il-limiti [previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet] ma jinsabux fl-inventarju stabbilit mill-Kummissjoni, kif ipprovdut fl-Artikolu 67(3) tar-Regolament REACH?

4)

L-inventarju fl-Artikolu 19(4)(b) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH, tal-użi tal-injam trattat b’soluzzjoni RKA għandu jiġi interpretat fis-sens li jelenka kull użu possibbli?

5)

L-użu inkwistjoni tal-injam, bħala injam li jservi għall-appoġġ, jista’ jiġi pparagunat mal-użi koperti fl-inventarju msemmi fir-raba’ domanda, b’tali mod li dan l-użu jista’ jiġi awtorizzat abbażi tal-Artikolu 19(4)(b) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH, jekk ir-rekwiżiti l-oħrajn meħtieġa jkunu sodisfatti?

6)

Liema huma l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi eżaminat ir-riskju ta’ kuntatti ripetuti mal-ġilda kif imsemmi fl-[Anness XVII, punt 19(4)(d)] tar-Regolament REACH?

7)

L-użu tal-kelma ‘riskju’, kif iċċitata fid-dispożizzjoni indikata fis-sitt domanda, ifisser li kuntatt ripetut mal-ġilda huwa teoretikament possibbli jew li tali kuntatt huwa probabbli, għall-inqas sa ċertu punt?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

27

Kif jirriżulta mill-motivazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari, l-orġini tal-kawża mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju tirrigwarda essenzjalment il-fatt li, minkejja li l-arbli tat-telekomunikazzjonijiet inkwistjoni ġew ittrattati b’sustanza perikoluża fis-sens u għall-applikazzjoni tar-Regolament REACH, jibqa’ l-fatt li, skont dan l-istess regolament, tali trattament ma jipprekludix li, f’ċerti sitwazzjonijiet u taħt ċerti kundizzjonijiet, dawn l-arbli tal-injam jintużaw għal ċerti applikazzjonijiet li jistgħu jinkludu, fejn xieraq, il-pontijiet tal-mogħdija kkonċernata.

28

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi minn qabel fuq il-kwistjonijiet relatati mar-Regolament REACH, li jikkostitwixxi leġiżlazzjoni indipendenti minn dik dwar l-iskart, filwaqt li jiġi osservat, barra minn hekk, li, skont l-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament, l-iskart kif iddefinit fid-Direttiva 2008/98 ma huwiex sustanza, taħlita jew artikolu fis-sens tal-Artikolu 3 tal-istess regolament.

29

Barra minn hekk, ladarba, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja ppreżentata skont l-Artikolu 104(5), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data ta’ din it-talba, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss id-dritt li kien fis-seħħ fil-mument tal-fatti tal-kawża, iżda wkoll dak li huwa fis-seħħ fid-data li fiha tagħti d-deċiżjoni tagħha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tingħata billi ssir applikazzjoni, minn naħa, tad-Direttiva 2008/98 u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament REACH, f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tagħhom inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Fuq it-tielet domanda

30

Bit-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 67 u 128 tar-Regolament REACH għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dan jarmonizza r-rekwiżiti dwar il-preparazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza bħal dik li tikkonċerna l-komposti tal-arseniku, li, minbarra dan, hija s-suġġett ta’ restrizzjoni skont l-Anness XVII ta’ dan ir-regolament.

31

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament REACH huwa intiż sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluża l-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-istima ta’ perikli marbuta mas-sustanzi kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et, C-558/07, Ġabra p. I-5783, punt 35).

32

Kif ossevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tagħha, il-moviment liberu fis-suq intern huwa ggarantit bil-fatt li, skont l-Artikolu 128(1) tar-Regolament REACH, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li ma jipprojbixxux, ma jirrestrinġux u ma jostakolawx il-manifattura, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza, waħidha, fi preparat jew f’artikolu, li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li tikkonforma ma’ dan l-istess regolament u, fejn ikun il-każ, mal-atti Komunitarji adottati fl-implementazzjoni tiegħu. Madankollu, skont il-paragrafu (2), tal-istess Artikolu 128, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament REACH ma tipprekludi lill-Istati Membri milli jżommu jew jistabbilixxu regoli nazzjonali intiżi sabiex jipproteġu l-ħaddiema, is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u li japplikaw fil-każijiet fejn dan ir-regolament ma jarmonizzax ir-rekwiżiti fil-qasam tal-manifattura, tat-tqegħid fis-suq jew tal-użu.

33

Għaldaqstant minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jarmonizza dawn ir-rekwiżiti f’ċerti każijiet fosthom dak imsemmi fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament REACH.

34

Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, sustanza, waħidha f’taħlita jew f’oġġett li hija s-suġġett ta’ restrizzjoni skont l-Anness XVII ma għandhiex tiġi manifatturata, mqiegħda fis-suq jew użata jekk hija ma tissodisfax ir-rekwiżiti previsti mill-imsemmija restrizzjoni.

35

Minn dan jirriżulta li l-manifattura, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza msemmija fl-Artikolu 67(1), tar-Regolament REACH ma jistgħux jiġu suġġetti għal kundizzjonijiet oħra għajr dawk stabbiliti permezz ta’ dan ir-regolament u li jissodisfaw, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 68(1), u 69 tal-istess regolament, il-bżonn ta’ “azzjoni fuq il-livell Komunitarju”.

36

Rigward l-Artikolu 67(3), tar-Regolament REACH, minkejja li huwa jawtorizza lil Stat Membru jżomm restrizzjonijiet eżistenti li huma iktar stretti minn dawk tal-Anness XVII, dan huwa b’mod tranżitorju, sal-1 ta’ Ġunju 2013, u bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet ikunu ġew innotifikati lill-Kummissjoni, u r-Repubblika tal-Finlandja tammetti li ma għamlitx hekk. In-natura tranżitorja u kundizzjonali ta’ din il-miżura ma tistax tqiegħed f’dubju l-eżistenza tal-armonizzazzjoni magħmula permezz tal-Artikolu 67(1), tar-Regolament REACH.

37

Għaldaqstant, jekk Stat Membru jkun beħsiebu jissuġġetta għal kundizzjonijiet ġodda l-preparazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza li hija s-suġġett ta’ restrizzjoni skont l-Anness XVII tar-Regolament REACH, huwa jista’ jagħmel dan biss skont l-Artikolu 129(1) ta’ dan ir-regolament, sabiex tiġi indirizzata sitwazzjoni ta’ urġenza biex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, jew inkella skont l-Artikolu 114(5) TFUE abbażi ta’ provi xjentifiċi ġodda rigward, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-ambjent. L-adozzjoni ta’ kundizzjonijiet oħra mill-Istati Membri ma hijiex kompatibbli mal-għanijiet ta’ dan ir-regolament (ara, b’mod analogu, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Cindu Chemicals et, C-281/03 u C-282/03, Ġabra p. I-8069, punt 44).

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 67 u 128 tar-Regolament REACH għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt tal-Unjoni jarmonizza r-rekwiżiti dwar il-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza bħal dik li tikkonċerna l-komposti tal-arseniku, li hija s-suġġett ta’ restrizzjoni skont l-Anness XVII ta’ dan ir-regolament.

Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi

39

Bir-raba’ u l-ħames domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 19(4)(b) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH, li jelenka l-applikazzjonijiet li għalihom jista’ jintuża l-injam trattat b’soluzzjoni RKA, għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni hija ta’ natura eżawrjenti u ma tistax għaldaqstant tiġi estiża għal applikazzjonijiet oħra għajr dawk elenkati fih.

40

Id-dispożizzjonijiet tal-punt 19(4) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH jistabbilixxu l-każijiet li fihom tista’ ssir eċċezzjoni mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 tal-istess punt li jipprojbixxi l-użu tal-komposti tal-arseniku għall-protezzjoni tal-injam.

41

Kemm mill-kliem innifsu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll mill-għan tagħhom jirriżulta li d-deroga prevista fl-imsemmi paragrafu 4 għandha neċessarjament tiġi interpretata b’mod strett.

42

Fil-fatt huwa paċifiku li, billi daħħal il-komposti tal-arseniku fl-Anness XVII tar-Regolament REACH, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies, kif jirriżulta b’mod partikolari mit-titolu ta’ dan l-anness u mill-Artikoli 68 u 69 ta’ dan ir-regolament, li din is-sustanza hija ta’ periklu jew riskju li ma huwiex ikkontrollat, jew saħansitra li ma huwiex aċċettabbli, għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent. Għal din ir-raġuni, id-derogi għall-użu ta’ tali sustanzi ma jistgħux jiġu interpretati b’mod estensiv.

43

Għaldaqstant, il-lista tal-applikazzjonijiet li għalihom jista’ jintuża injam ittrattat b’soluzzjoni RKA, li tinsab fil-punt 19(4)(b) tal-Anness XVII, tar-Regolament REACH, hija ta’ natura eżawrjenti.

44

F’dak li jirrigwarda l-użu tal-injam fix-xogħlijiet li taw lok għall-kawża prinċipali, mill-atti tal-proċess ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari mir-ritratti li jinsabu fihom, ma jirriżultax li l-pontijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom, b’mod partikolari fid-dawl tal-istruttura u tal-funzjoni tagħhom, karatteristiċi differenti minn dawk ta’ kwalunkwe pont u xogħol relatat ma’ pontijiet meħtieġ sabiex tinħoloq mogħdija. Madankollu, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha teżamina jekk l-użu tal-arbli tat-telekomunikazzjonijiet inkwistjoni għall-appoġġ ta’ dawn il-pontijiet jagħmilx fil-fatt parti mill-applikazzjonijiet li jinsabu fil-lista msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għar-raba’ u l-ħames domandi għandha tkun li l-punt 19(4)(b) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH, li jelenka l-applikazzjonijiet li għalihom jista’, b’mod eċċezzjonali, jintuża injam ittrattat b’soluzzjoni RKA, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-lista li tinsab f’din id-dispożizzjoni hija ta’ natura eżawrjenti u li din id-deroga ma tistax, għalhekk, tiġi applikata għal każijiet oħra għajr dawk imsemmija fiha. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-użu tal-arbli tat-telekomunikazzjonijiet inkwistjoni għall-appoġġ ta’ pontijiet jagħmilx fil-fatt parti mill-applikazzjonijiet elenkati fl-imsemmija dispożizzjoni.

Fuq is-sitt u s-seba ’ domandi

46

Bis-sitt u s-seba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-portata tad-dispożizzjonijiet tat-tieni inċiż tal-punt 19(4)(d) tal-Anness XVII, tar-Regolament REACH, li jipprovdu li l-injam ittrattat b’soluzzjoni RKA ma għandux jintuża fl-applikazzjonijiet kollha li jinvolvu riskju ta’ kuntatt ripetut mal-ġilda.

47

Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 45 u 46 tal-konklużjonijiet tagħha, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jipprojbixxi l-użu ta’ tali injam abbażi tal-eżistenza ta’ sempliċi riskju ta’ kuntatt mal-ġilda, għaliex, fil-prattika, tali riskju qatt ma jista’ jiġi totalment eskluż. Hija għaldaqstant in-natura ripetuta ta’ dan il-kuntatt li tiġġustifika l-projbizzjoni inkwistjoni.

48

Fid-dawl tal-għanijiet tar-Regolament REACH, kif imfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, ir-riskju hekk intiż għandu jkun dak li jesponi lill-pubbliku kkonċernat, minħabba l-frekwenza tal-kuntatt mal-ġilda, għal riskju għas-saħħa tal-bniedem.

49

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont il-punt 19(4)(d) tal-Anness XVII, tar-Regolament REACH, l-injam ittrattat b’soluzzjoni RKA jista’ jitqiegħed fis-suq għal użu professjonali u industrijali biss jekk, fost kundizzjonijiet oħra, ikun improbabbli li l-pubbliku jkollu l-ġilda tiegħu f’kuntatt mal-injam tul l-użu tal-imsemmi injam.

50

Minn dan jirriżulta li l-projbizzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-punt 19(4)(d) tal-Anness XVII, tar-Regolament REACH, għandha tiġi applikata f’kull sitwazzjoni li, probabbilment, timplika kuntatt ripetut tal-ġilda mal-injam ittrattat b’soluzzjoni RKA.

51

Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta’ din il-probabbiltà tiddependi fuq kundizzjonijiet konkreti ta’ użu tal-applikazzjonijiet li għalihom jista’ jintuża injam ittrattat b’soluzzjoni RKA. B’mod partikolari, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din il-probabbiltà tista’ tiddependi, b’mod partikolari, fuq il-kundizzjonijiet li fihom l-arbli tat-telekomunikazzjonijiet inkwistjoni huma integrati fl-istruttura nfisha tal-pontijiet jew fuq id-diversi tipi ta’ użu li jsir minnu. Jekk dawn l-arbli, fil-fatt, sempliċement jappoġġjaw dawn il-pontijiet mingħajr ma jikkostitwixxu l-mogħdija tagħhom użati normalment mill-utenti tagħhom, fil-prinċipju jidher improbabbli li l-ġilda ta’ dawn l-utenti tkun f’kuntatt ripetut mal-injam ittrattat. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel din l-evalwazzjoni.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għas-sitt u għas-seba’ domandi għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tat-tieni inċiż tal-punt 19(4)(d) tal-Anness XVII, tar-Regolament REACH, li jipprovdu li l-injam ittrattat b’soluzzjoni RKA ma għandux jintuża fl-applikazzjonijiet kollha li jinvolvu riskju ta’ kuntatt ripetut mal-ġilda, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-projbizzjoni inkwistjoni għandha tapplika f’kull sitwazzjoni li, probabbilment, timplika kuntatt ripetut tal-ġilda mal-injam ittrattat, u din il-probabbiltà għandha tiġi dedotta mill-kundizzjonijiet konkreti ta’ użu normali tal-applikazzjoni li għaliha ntuża dan l-injam, evalwazzjoni li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ewwel domanda

53

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk mir-rekwiżit imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 2008/98, li jipprovdi li, sabiex skart ma jibqax skart wara operazzjoni ta’ rkupru jew reċiklaġġ, l-użu tiegħu ma għandux ikollu effetti globali dannużi għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem, jirriżultax li skart li jaqa’ taħt il-kategorija tal-iskart perikoluż qatt ma jista’ jieqaf jitqies bħala skart.

54

Sabiex tagħmel din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tibda mill-premessa li l-arbli tat-telekomunikazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali saru, wara li ntemm l-użu oriġinali tagħhom, skart fis-sens tad-Direttiva 2008/98 u l-użu ġdid tagħhom, inkwantu struttura ta’ appoġġ għal pontijiet, jista’ jkun kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva biss jekk tilfu l-kwalità ta’ skart taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva, b’mod partikolari jekk l-użu tagħhom ma għandux effetti globali dannużi għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem.

55

Madankollu, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tagħha, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 sempliċement isemmi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti mill-kriterji speċifiċi li jippermettu li jiġi stabbilit liema skart ma jibqax skart, skont il-punt 1 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, tali kundizzjonijiet ma jistgħux, minnhom infushom, jippermettu li jiġi stabbilit direttament li ċertu skart ma għandux jibqa’ jitqies bħala tali. Barra minn hekk, huwa paċifiku li tali kriterji speċifiċi ma ġewx stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni f’dak li jikkonċerna l-injam ittrattat f’kundizzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali.

56

Madankollu, huwa minnu li, meta l-ebda kriterju ma jkun ġie ddefinit fuq il-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu, skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98, jiddeċiedu fuq bażi individwali jekk ċertu skart ma għadux skart, fid-dawl tal-ġurisprudenza applikabbli fil-qasam. Huwa għaldaqstant fid-dawl ta’ din tal-aħħar li, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi eżaminat jekk skart meqjus bħala perikoluż jistax ma jibqax skart, u dan la jeskludi l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, anki meta skart kien is-suġġett ta’ operazzjoni ta’ rkupru komplet bl-effett li s-sustanza inkwistjoni kisbet l-istess proprjetajiet u karatteristiċi ta’ materja prima, jibqa’ l-fatt li din is-sustanza tista’ titiqies bħala skart jekk, skont id-definizzjoni li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98, il-proprjetarju tagħha jarmiha jew għandu l-intenzjoni jew l-obbligu li jarmiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2000, ARCO Chemie Nederland et, C-418/97 u C-419/97, Ġabra p. I-4475, punt 94, kif ukoll tat-18 ta’ April 2002, Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus, C-9/00, Ġabra p. I-3533, punt 46). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel l-evalwazzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan.

58

Il-fatt li sustanza hija r-riżultat ta’ operazzjoni ta’ rkupru fis-sens tad-Direttiva 2008/98 jikkostitwixxi biss wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk din is-sustanza għadhiex skart, iżda ma jippermettix, bħala tali, li minnu wieħed jasal għal konklużjoni definittiva f’dan ir-rigward (sentenza ARCO Chemie Nederland et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 97).

59

Għaldaqstant, sabiex jiġi stabbilit jekk operazzjoni ta’ rkupru tippermettix il-bidla tal-oġġett inkwistjoni fi prodott li jista’ jintuża, għandu jiġi eżaminat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, jekk dan l-oġġett jistax jintuża skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/98, kif imsemmija b’mod partikolari fl-Artikoli 1 u 13 tagħha, mingħajr ma jipperikola s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jikkawża ħsara lill-ambjent.

60

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni ma jeskludix bi prinċipju li skart meqjus bħala perikoluż jista’ ma jibqax skart fis-sens tad-Direttiva 2008/98 jekk operazzjoni ta’ rkupru tippermetti li huwa jkun jista’ jerġa’ jintuża mingħajr ma titqiegħed fil-perikolu s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent u jekk, minbarra dan, ma jiġix ikkonstatat li l-proprjetarju tal-oġġett inkwistjoni jarmih jew għandu l-intenzjoni jew l-obbligu li jarmih fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tal-istess direttiva, u dan għandu jiġi eżaminat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq it-tieni domanda

61

Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament REACH, b’mod partikolari l-Anness XVII tiegħu, sa fejn jawtorizza l-użu taħt ċerti kundizzjonijiet tal-injam ittrattat b’soluzzjonijiet RKA, huwiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk tali injam jista’ ma jibqax skart għaliex il-proprjetarju tiegħu ma jkollux, jekk jiġu sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, l-obbligu li jarmih fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3, tad-Direttiva 2008/98.

62

Kif ġie mfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament REACH huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Fid-dawl ta’ dan l-għan, għandu jingħad li l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta awtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-użu tal-injam ittrattat b’soluzzjonijiet RKA, qies li, minkejja li dan it-trattament isir b’sustanza perikoluża li hija s-suġġett ta’ restrizzjonijiet skont dan ir-regolament, din in-natura ta’ perikolu ma hijiex tali, meta dan l-użu huwa limitat għal ċerti applikazzjonijiet, li tikkomprometti dan il-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

63

Il-ġestjoni tal-iskart għandha ssir b’għan komparabbli, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/98, mingħajr ma titqiegħed fil-perikolu s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent. F’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn ma jipprekludi li, għall-evalwazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit, jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li skart perikoluż ma jibqax skart għaliex l-irkupru tiegħu jsir fl-għamla ta’ użu awtorizzat skont l-Anness XVII tar-Regolament REACH u li l-proprjetarju tiegħu ma jibqax obbligat li jarmih fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

64

Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li r-Regolament REACH, b’mod partikolari l-Anness XVII tiegħu, sa fejn jawtorizza l-użu taħt ċerti kundizzjonijiet tal-injam ittrattat b’soluzzjonijiet RKA, huwa, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk tali injam jista’ ma jibqax skart għaliex il-proprjetarju tiegħu ma jkollux, jekk jiġu sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, l-obbligu li jarmih fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3, tad-Direttiva 2008/98.

Fuq l-ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dritt tal-Unjoni ma jeskludix bi prinċipju li skart meqjus bħala perikoluż jista’ ma jibqax skart fis-sens tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi, jekk operazzjoni ta’ rkupru tippermetti li huwa jkun jista’ jerġa’ jintuża mingħajr ma titqiegħed fil-perikolu s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent u jekk, minbarra dan, ma jiġix ikkonstatat li l-proprjetarju tal-oġġett inkwistjoni jarmih jew għandu l-intenzjoni jew l-obbligu li jarmih fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tal-istess direttiva, u dan għandu jiġi eżaminat mill-qorti tar-rinviju.

 

2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni, fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 552/2009, tat-22 ta’ Ġunju 2009, b’mod partikolari l-Anness XVII tiegħu, sa fejn jawtorizza l-użu taħt ċerti kundizzjonijiet tal-injam ittrattat b’soluzzjoni msejħa “RKA” (ram-kromju-arseniku), għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk tali injam jista’ ma jibqax skart għaliex il-proprjetarju tiegħu ma jkollux, jekk jiġu sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, l-obbligu li jarmih fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3, tad-Direttiva 2008/98.

 

3)

L-Artikoli 67 u 128 tar-Regolament Nru 1907/2006, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 552/2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt tal-Unjoni jarmonizza r-rekwiżiti dwar il-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza bħal dik li tikkonċerna l-komposti tal-arseniku, li hija s-suġġett ta’ restrizzjoni skont l-Anness XVII ta’ dan ir-regolament.

 

4)

Il-punt 19(4)(b) tal-Anness XVII tar-Regolament Nru 1907/2006, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 552/2009, li jelenka l-applikazzjonijiet li għalihom jista’, b’mod eċċezzjonali, jintuża injam ittrattat b’soluzzjoni msejħa “RKA” (ram-kromju-arseniku), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-lista li tinsab f’din id-dispożizzjoni hija ta’ natura eżawrjenti u li din id-deroga ma tistax, għalhekk, tiġi applikata għal każijiet oħra għajr dawk imsemmija fiha. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-użu tal-arbli tat-telekomunikazzjonijiet inkwistjoni għall-appoġġ ta’ pontijiet jagħmilx fil-fatt parti mill-applikazzjonijiet elenkati fl-imsemmija dispożizzjoni.

 

5)

Id-dispożizzjonijiet tat-tieni inċiż tal-punt 19(4)(d) tal-Anness XVII, tar-Regolament Nru 1907/2006, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 552/2009, li jipprovdu li l-injam ittrattat b’soluzzjoni msejħa “RKA” (ram-kromju-arseniku) ma għandux jintuża fl-applikazzjonijiet kollha li jinvolvu riskju ta’ kuntatt ripetut mal-ġilda, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-projbizzjoni inkwistjoni għandha tapplika f’kull sitwazzjoni li, probabbilment, timplika kuntatt ripetut tal-ġilda mal-injam ittrattat, u din il-probabbiltà għandha tiġi dedotta mill-kundizzjonijiet konkreti ta’ użu normali tal-applikazzjoni li għaliha ntuża dan l-injam, evalwazzjoni li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

Top