EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0189

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 189/2011 tal- 25 ta’ Frar 2011 li jemenda l-Annessi VII u IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 53, 26.2.2011, p. 56–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/189/oj

26.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/56


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 189/2011

tal-25 ta’ Frar 2011

li jemenda l-Annessi VII u IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (TSEs) fl-annimali. Dan ir-Regolament japplika għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ annimali ħajjin u ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali u, f’ċerti każijiet speċifiċi, għall-esportazzjonijiet tagħhom.

(2)

Il-Kapitolu A tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi l-miżuri ta’ eradikazzjoni li għandhom jiġu implimentati wara li jkun ikkonfermat każ ta’ TSE f’annimali ovini u kaprini. Fil-każ ta’ konferma ta’ TSE għajr l-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE) f’annimal ovin jew kaprin, il-miżuri tal-eradikazzjoni jikkonsistu jew fil-qtil u l-qerda totali tal-annimali kollha fir-razzett involut inkella l-qtil u l-qerda totali tal-annimali ovini li jkunu ġenetikament suxxettibbli għall-iscrapie fir-razzett u l-qtil u l-qerda totali tal-annimali kaprini kollha fir-razzett sakemm l-ebda reżistenza ġenetika għall-iscrapie ma tkun ġiet murija fl-annimali kaprini.

(3)

Il-Kapitolu A tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistipula wkoll li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jdewmu l-qerda tal-annimali sa ħames snin tat-tgħammir suġġett għal ċerti kundizzjonijiet. Madankollu, il-qtil u l-qerda tal-annimali ovini jew kaprini mrobbijin għall-produzzjoni tal-ħalib maħsub għat-tqegħid fis-suq, jistgħu jiġu ttardjati biss għall-massimu ta’ 18-il xahar. Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 ma jiddefinixxix id-data tal-bidu għal dak il-perjodu deferit ta’ 18-il xahar. Fġieħ iċ-ċertezza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jixraq li l-Anness VII ta’ dak ir-Regolament jiġi emendat biex il-perjodu deferit jibda mid-data tal-konferma tal-każ indiċi.

(4)

Barra minn hekk, f’Lulju 2010, ir-riżultati preliminari ta’ studju xjentifiku (2) dwar it-TSEs immexxi mill-awtoritajiet Ċiprijotti taħt is-superviżjoni tal-Laboratorju Referenzjarju tal-Unjoni Ewropea (LRUE) wera li tista’ tkun teżisti reżistenza ġenetika għall-iscrapie f’annimali kaprini. Madankollu, ir-riżultati definittivi ta’ dak l-istudju mhumiex mistennija li jkunu disponibbli qabel it-tieni semestru tal-2012.

(5)

Jekk dak l-istudju jikkonferma l-eżistenza ta’ reżistenza għall-iscrapie, jista’ jitqies xieraq, minn Jannar 2013, li r-Regolament (KE) Nru 999/2001 jiġi emendat, biex l-annimali kaprini reżistenti għall-iscrapie jiġu eżentati mir-rekwiżiti tal-qtil u l-qerda totali stabbiliti mill-Kapitolu A tal-Anness VII ta’ dak ir-Regolament. Biex jiġu evitati l-qtil u l-qerda totali bla ħtieġa tal-annimali kaprini li jistgħu jitqiesu bħala reżistenti għall-iscrapie fil-futur qrib, fi rziezet fejn l-annimali jitrabbew għall-produzzjoni tal-ħalib bil-ħsieb li dan jitqiegħed fis-suq, jixraq li l-perjodu ta’ diferiment jittawwal fil-każ tal-qtil u l-qerda totali ta’ dawk l-annnimali għal perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2012, fejn il-każ indiċi jkun ġie kkonfermat qabel l-1 ta’ Lulju 2011.

(6)

L-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ annimali ħajjin, embrijuni, ova u prodotti li joriġinaw mill-annimali. Il-Kapitolu C ta’ dak l-Anness jistabbilixxi r-regoli għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali fil-każ ta’ annimali bovini, ovini u kaprini, u b’mod partikolari l-ġelatina.

(7)

L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistipula li l-ġelatina miksuba mill-ġlud ta’ barra u l-ġlud ta’ ruminanti f’saħħithom ma tkunx suġġetta għal ristrezzjonijiet fir-rigward tat-tqegħid fis-suq skont ċerti dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament. Għaldaqstant, anki l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ġelatina miksuba minn ġlud ta’ barra u ġlud ta’ ruminanti f’saħħithom ma għandhomx ikunu suġġetti għal dawk ir-ristrezzjonijiet.

(8)

Il-Kapitolu D tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-importazzjonijiet ta’ prodotti sekondarji u prodotti proċessati mill-annimali miksuba minn annimali bovini, ovini u kaprini.

(9)

Ċerti prodotti sekondarji u prodotti derivati mill-annimali, kif imfissra fir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (3), ma jippreżentaw l-ebda riskju ta’ trażmissjoni ta’ TSE lill-bnedmin jew lill-annimali. Għaldaqstant, ir-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa stabbiliti fil-Kapitolu D tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 ma għandhomx japplikaw għall-importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ dan it-tip.

(10)

Għalhekk l-Annessi VII u IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandhom jiġu emendati skont dan.

(11)

Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 japplika mill-4 ta’ Marzu 2011. F’ġieħ iċ-ċarezza u l-koerenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-emendi magħmula lill-Kapitolu D tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 permezz ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw ukoll minn dik id-data.

(12)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi VII u IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Punt 2(b) tal-Anness ta’ dan ir-Regolament għandu japplika mill-4 ta’ Marzu 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)  http://www.efsa.europa.eu/en/scdocs/scdoc/1371.htm

(3)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.


ANNESS

L-Annessi VII u IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Anness VII, il-Kapitolu A huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 2.3(f) jeħodlu postu dan li ġej:

“(f)

fejn il-frekwenza tal-allele ARR f'razza jew f'razzett tkun baxxa, jew tkun nieqsa kompletament, jew fejn jitqies meħtieġ, biex ma jkunx hemm tgħammir ta' annimali tal-istess demm, Stat Membru jista' jiddeċiedi li jipposponi l-qtil u l-qerda totali tal-annimali msemmija fil-punt 2.3(b)(i) u (ii) għal perjodu massimu ta' ħames snin ta' tgħammir mid-data tal-konferma tal-każ indiċi, bil-kundizzjoni li fir-razzett ma jkunx hemm imtaten oħra għat-tgħammir għajr dawk tal-ġenotip ARR/ARR.

Madankollu, fil-każ ta' annimali ovini u kaprini miżmuma għall-produzzjoni tal-ħalib bil-ħsieb li dan jitqiegħed fis-suq, il-qtil u l-qerda totali tal-annimali tista' tiġi posposta biss għal perjodu massimu ta' 18-il xahar mid-data tal-konferma tal-każ indiċi, għajr fil-każ ta' annimali kaprini fejn il-qtil u l-qerda totali jistgħu jiġu posposti sal-31 ta' Diċembru 2012 jekk il-każ indiċi jiġi kkonfermat qabel l-1 ta' Lulju 2011.”

(b)

il-punt li ġej jiddaħħal wara l-punt 2.4:

“2.5

Sakemm iseħħu l-qtil u l-qerda totali tal-annimali msemmija fil-punti 2.3(b) (i) u (ii), inklużi l-annimali li fil-każ tagħhom il-qtil u l-qerda totali ġew posposti kif jistipula l-punt 2.3(f), il-miżuri stabbiliti fil-punt 3.1(a) u (b), fil-punt 3.2 u l-punt 3.3(a), (b) l-ewwel inċiż u (d) għandhom japplikaw fir-razzett/fl-irziezet.”

(2)

L-Anness IX huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-Kapitolu C, it-Taqsima A joħdilha postha dan li ġej:

TAQSIMA A

Prodotti

Il-prodotti li ġejjin li joriġinaw minn annimali bovini, ovini u kaprini, kif definiti fil-punti 1.10, 1.13, 1.15, 7.1, 7.5, 7.6, 7.7 u 7.9 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), għandhom ikunu suġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati fit-Taqsimiet B, C u D ta' dan il-Kapitolu skont il-kategorija ta' riskju tal-BSE tal-pajjiż tal-oriġini:

laħam frisk,

laħam ikkapuljat,

preparati tal-laħam,

prodotti tal-laħam,

xaħam tal-annimali proċessat,

skart tax-xaħam ta' dam (greaves),

ġelatina għajr il-ġelatina derivata minn ġlud ta' barra u ġlud,

imsaren ittrattati.

(*)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.”"

(b)

Il-Kapitolu D jeħodlu postu dan li ġej:

“KAPITOLU D

L-importazzjonijiet ta' prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti pproċessati li ġejjin minnhom li joriġinaw minn annimali bovini, ovini u kaprini

TAQSIMA A

Prodotti sekondarji mill-annimali

Dan il-Kapitolu għandu japplika għall-prodotti sekondarji u prodotti derivati mill-annimali, kif imfissra fil-punti (1) u (2) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**), sakemm dawk il-prodotti jkunu ta' oriġini minn annimali bovini, ovini u kaprini:

(a)

Ix-xaħmijiet ipproċessati minn materjal tal-Kategorija 2, li jkunu intenzjonati li jintużaw bħala fertilizzanti organiċi jew materjali li jtejbu l-kwalità tal-ħamrija, kif imfissra fil-punt 22 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, jew il-materjali tal-bidu tagħhom jew prodotti intermedjarji;

(b)

L-għadam u prodotti mill-għadam derivati minn materjal tal-Kategorija 2;

(c)

Ix-xaħmijiet ipproċessati minn materjal tal-Kategorija 3, li jkunu intenzjonati li jintużaw bħala fertilizzanti organiċi jew materjali li jtejbu l-kwalità tal-ħamrija jew bħala għalf, kif imfissra fil-punti 22 u 25 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, jew il-materjali tal-bidu tagħhom jew prodotti intermedjarji;

(d)

L-għalf tal-annimali domestiċi inklużi prodotti li jomogħdu l-klieb;

(e)

Il-prodotti tad-demm;

(f)

Il-proteina proċessata mill-annimali;

(g)

L-għadam u prodotti mill-għadam derivati minn materjal tal-Kategorija 3;

(h)

Il-ġelatina derivata minn materjal għajr il-ġlud ta' barra u l-ġlud;

(i)

Materjal tal-Kategorija 3 u prodotti derivati għajr dawk imsemmija fil-punti minn (c) sa (h) esklużi:

(i)

ġlud ta' barra u ġlud friski, ġlud ta' barra u ġlud ittrattati;

(ii)

ġelatina derivata minn ġlud ta' barra u ġlud;

(iii)

derivati tax-xaħam;

(iv)

kollaġen.

TAQSIMA B

Rekwiżiti għaċ-ċertifikati tas-saħħa

L-importazzjonijiet ta' prodotti sekondarji u prodotti derivati li joriġinaw mill-annimali bovini, ovini u kaprini msemmija fit-Taqsima A għandhom ikunu suġġetti għall-preżentazzjoni ta' ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jafferma li:

(a)

il-prodott sekondarju jew derivat mill-annimali ma jkunx fih u ma jkunx derivat minn materjal riskjuż speċifikat jew laħam separat mekkanikament miksub mill-għadam ta' annimali bovini, ovini jew kaprini u l-annimali li minnhom jinkiseb dan il-prodott sekondarju jew prodott derivat mill-annimali, ma jkunux inqatlu wara li jkunu ġew storduti permezz ta' gass injettat fil-kavità tal-kranju jew inqatlu bl-istess metodu jew inqatlu permezz ta' laċerazzjoni tat-tessut nervuż ċentrali bl-użu ta' strument tawwali għamla ta' virga li jiddaħħal fil-kavità tal-kranju. jew

(b)

il-prodott sekondarju jew derivat mill-annimali ma fihx u mhux meħud minn materjali li ttieħdu mill-annimali bovini, ovini u kaprini ħlief għal dawk li ġejjin minn annimali li twieldu, trabbew kontinwament u nqatlu f'pajjiż jew reġjun ikklassifikat b'deċiżjoni skont l-Artikolu 5(2) bħala pajjiż jew reġjun fejn ir-riskju tal-BSE huwa ftit li xejn.

Flimkien mal-punti (a) u (b), l-importazzjonijiet tal-prodotti sekondarji u derivati mill-annimali msemmija fit-Taqsima A, li fihom il-ħalib jew prodotti mill-ħalib ta' oriġini minn annimali ovini jew kaprini u li huma maħsuba li jintużaw biex jitimgħu r-ruminanti, għandhom ikunu suġġetti għal preżentazzjoni ta' ċertifikat tas-saħħa li jkun imtela bl-attestazzjoni li ġejja:

(c)

l-annimali ovini u kaprini li minnhom ikunu ġew derivati dawk il-prodotti jridu jkunu nżammu kontinwament, mindu jkunu twieldu jew għall-aħħar tliet snin, f'razzett fejn l-ebda ristrezzjoni uffiċjali tal-moviment mhi imposta minħabba suspett ta' TSE u jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin għall-aħħar tliet snin:

(i)

kien suġġett għall-verifiki veterinarji regolari;

(ii)

l-ebda każ ta' scrapie klassika ma kien dijanjostikat jew, wara l-konferma ta' każ ta' scrapie klassika:

l-annimali kollha li ġew ikkonfermati li kellhom l-iscrapie klassika nqatlu u nqerdu, u

l-annimali ovini u kaprini kollha li kien hemm fir-razzett inqatlu u nqerdu, għajr l-imtaten għat-tgħammir tal-ġenotip ARR/ARR u n-nagħaġ għat-tgħammir li għandhom mill-inqas allele waħda ARR u l-ebda allele VRQ;

(iii)

l-annimali ovini u kaprini, għajr in-ngħaġ tal-ġenotip tal-proteina prion ARR/ARR, ikunu introdotti fir-razzett biss jekk ikunu ġejjin minn razzett li jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fil-punti (i) u (ii);

jew

(d)

fil-każ ta' prodotti sekondarji jew derivati mill-annimali li huma ddestinati lejn Stat Membru elenkat fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 546/2006 (***), l-annimali ovini u kaprini li ttieħdu minnhom il-prodotti jkunu nżammu dejjem, mindu twieldu jew għall-aħħar seba' snin f'razzett li fuqu ma ġietx imposta restrizzjoni ta' moviment minħabba xi suspett ta' TSE u li ssodisfa r-rekwiżiti li ġejjin għall-aħħar seba' snin:

(i)

kien suġġett għall-verifiki veterinarji regolari;

(ii)

l-ebda każ ta' scrapie klassika ma kien dijanjostikat jew, wara l-konferma ta' każ ta' scrapie klassika:

l-annimali kollha li ġew ikkonfermati li kellhom l-iscrapie klassika nqatlu u nqerdu, u

l-annimali ovini u kaprini kollha li kien hemm fir-razzett inqatlu u nqerdu, għajr l-imtaten għat-tgħammir tal-ġenotip ARR/ARR u n-nagħaġ għat-tgħammir li għandhom mill-inqas allele waħda ARR u l-ebda allele VRQ;

(iii)

annimali ovini u kaprini, ħlief in-ngħaġ tal-ġenotip tal-proteina prion ARR/ARR, ikunu introdotti fir-razzett biss jekk ikunu ġejjin minn razzett li jikkonforma mal-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (i) u (ii).

(**)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1."

(***)  ĠU L 94, 1.4.2006, p. 28.”"



Top