EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0110

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2011 tat- 8 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 458/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-sistema Ewropea tal-istatistika integrata tal-ħarsien soċjali (ESPROSS) fir-rigward tal-formati xierqa għat-trażmissjoni tad-dejta, ir-riżultati li għandhom jiġu trażmessi u l-kriterji għall-kejl tal-kwalità għall-modulu ESSPROS dwar il-benefiċċji tal-ħarsien soċjali netti Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 34, 9.2.2011, p. 29–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/110(1)/oj

9.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 34/29


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 110/2011

tat-8 ta’ Frar 2011

li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 458/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-sistema Ewropea tal-istatistika integrata tal-ħarsien soċjali (ESPROSS) fir-rigward tal-formati xierqa għat-trażmissjoni tad-dejta, ir-riżultati li għandhom jiġu trażmessi u l-kriterji għall-kejl tal-kwalità għall-modulu ESSPROS dwar il-benefiċċji tal-ħarsien soċjali netti

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 458/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ April 2007 dwar is-sistema Ewropea tal-istatistika integrata tal-ħarsien soċjali (ESSPROS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (EC) Nru 458/2007 waqqaf qafas metodoloġiku biex jintuża għall-ġbir tal-istatistika fuq bażi komparabbli għall-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea u skadenzi għat-trażmissjoni u t-tixrid tal-istatistika miġbura skont is-sistema Ewropea tal-istatistika integrata tal-ħarsien soċjali (minn issa ‘l quddiem tissejjaħ “ESSPROS”).

(2)

Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (EC) No 458/2007, il-miżuri ta’ implimentazzjoni relatati mal-formati għat-trażmissjoni tad-dejta, mar-riżultati li għandhom jiġu trażmessi u mal-kriterji għall-kejl tal-kwalità għall-modulu dwar il-benefiċċji netti tal-ħarsien soċjali għandhom jiġu adottati.

(3)

Il-modulu dwar il-benefiċċji tal-ħarsien soċjali netti għandu jinkiseb bl-użu tal-“approċċ ristrett”, biex fis-sistema prinċipali tal-ESSPROS ikun hemm l-istess popolazzjoni ta’ benefiċjarji tal-benefiċċji tal-ħarsien soċjali grossi.

(4)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sistema tal-Istatistika Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-formati għat-trażmissjoni tad-dejta u r-riżultati li għandhom jiġu trażmessi għall-modulu dwar il-benefiċċji tal-ħarsien soċjali netti għandhom ikunu skont kif huma stabbiliti fl-Anness I.

2.   Il-kriterji għall-kejl tal-kwalità tad-dejta relatata mal-modulu dwar il-benefiċċji tal-ħarsien soċjali netti għandhom ikunu skont kif huma stabbiliti fl-Anness II.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Frar 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 113, 30.4.2007, p. 3.


ANNESS I

Formati għat-trażmissjoni tad-dejta marbuta mal-modulu dwar il-benefiċċji tal-ħarsien soċjali netti u r-riżultati li għandhom jiġu trażmessi

1.   DEJTA LI GĦANDHA TIĠI TRAŻMESSA

Id-dejta dwar il-benefiċċji tal-ħarsien soċjali netti (approċċ ristrett) għandha tiġi trażmessa skont il-format ipprovdut mill-Kummissjoni.

Il-varjabbli li għandhom jiġu trażmessi huma dawn li ġejjin:

1.1.

Ir-Rati Fiskali Medji Dettaljati (AITR) u r-Rati ta’ Kontribuzzjoni Soċjali Medji Dettaljati (AISCR) analizzati simultanjament skont:

il-klassifikazzjoni dettaljata tal-benefiċċji tal-ħarsien soċjali fi flus biss, kif speċifikati fl-Anness 1 tal-Manwal tal-ESSPROS;

l-iskemi elenkati fit-tabella tal-“lista ta’ skemi” stipulati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1322/2007 (1).

1.2.

Benefiċċji fiskali residwi (li jingħataw biss jekk ma jittieħidx kont tagħhom dirett fl-AITR u/jew l-AISCR).

Kull benefiċċju fiskali residwu għandu jinqasam skont il-funzjoni li tikkorrispondi mal-lista ta’ riskji u ħtiġijiet, iddefinita fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 458/2007, fl-ewwel livell ta’ klassifikazzjoni.

Id-dejta għall-benefiċċji fiskali residwi għandha tiġi pprovduta fil-munita nazzjonali.

1.3.

Id-dejta dwar il-benefiċċji soċjali netti (approċċ ristrett) analizzata simultanjament skont:

Il-klassifikazzjoni ddettaljata tal-benefiċċji tal-ħarsien soċjali, kif speċifikati fl-Anness 1 tal-Manwal tal-ESSPROS;

L-iskemi elenkati fit-tabella tal-“lista tal-iskemi” stipulata fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1322/2007 (id-dejta fil-livell tal-“iskemi kollha” ekwivalenti għas-somma tal-iskemi kollha għandha tiġi rrappurtata wkoll).

Il-benefiċċji soċjali netti għandhom jinkisbu bil-konnessjoni tal-benefiċċji tal-ħarsien soċjali grossi stipulati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1322/2007 mal-varjabbli elenkati fil-punti 1.1 u 1.2.

2.   MANWAL TA’ REFERENZA

Il-klassifikazzjonijiet u d-definizzjonijiet dettaljati li jridu jintużaw għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament huma stipulati fil-Manwal tal-ESSPROS prodott mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 294, 13.11.2007, p. 5.


ANNESS II

A.   KRITERJI GĦALL-KEJL TAL-KWALITÀ TAD-DEJTA MARBUTA MAL-MODULU DWAR IL-BENEFIĊĊJI TAL-ĦARSIEN SOĊJALI NETTI

Bi qbil mal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), il-valutazzjoni annwali tal-kwalità tal-ġabra ta’ benefiċċji għall-ħarsien soċjali netti għandha tapplika l-kriterji ta’ kwalità li ġejjin: ir-rilevanza, il-preċiżjoni, l-intervent f’waqtu, il-puntwalità, l-aċċessibilità u ċ-ċarezza, il-komparabilità u l-koerenza.

B.   TAGĦRIF LI JRID JIĠI TRAŻMESS

L-Istati Membri għandhom jipprovdu tagħrif dwar:

1.   Kuntatt

1.1.   Dettalji tal-kompilatur tad-dejta.

2.   Preċiżjoni

2.1.   Kopertura tas-sorsi tad-dejta: it-tipi ta’ sorsi użati (reġistri jew sorsi oħra amministrattivi, stħarriġ, stimi); dettalji tal-iskemi/funzjonijiet koperti mit-tipi differenti ta’ sorsi; rapporti dwar problemi ta’ kopertura ta’ sorsi ta’ dejta li jwasslu għall-istima tad-dejta.

2.2.   Metodoloġiji u suppożizzjonijiet użati fl-istimi u f’każ ta’ kopertura mhux kompluta tas-sorsi ta’ dejta:

dejta amministrattiva,

stħarriġ,

immudellar,

oħrajn (speċifika).

2.3.   Reviżjoni ta’ statistika:

tibdil fis-sorsi ta’ dejta użati,

tibdil fil-metodi u suppożizzjonijiet użati għall-istima tad-dejta,

reviżjonijiet ta’ dejta minħabba aġġustamenti kunċettwali (pereżempju aġġustamenti ta’ kontijiet nazzjonali),

reviżjonijiet ta’ dejta minħabba disponibilità ta’ statistika finali,

reviżjonijiet ta’ dejta minħabba azzjonijiet ta’ reviżjoni tal-kwalità,

deskrizzjoni tal-politika ta’ reviżjoni ta’ dejta adottata.

3.   Komparabilità

3.1.   Komparabilità ġeografika

devjazzjonijiet mill-kopertura kompluta tad-dejta finali,

devjazzjonijiet mill-metodoloġija tal-ESSPROS,

dettalji dwar ir-raġunijiet għad-devjazzjoni u l-metodi użati,

stima tal-impatt ta’ dawn id-devjazzjonijiet fuq il-komparabilità.

3.2.   Il-komparabilità matul iż-żmien:

deskrizzjoni tal-korrispondenza bejn il-kopertura tad-dejta storika u l-kopertura tad-dejta attwali,

deskrizzjoni tal-komparabilità tad-dejta storika u d-dejta attwali.

4.   Aċċessibilità u ċarezza

4.1.   Deskrizzjoni tal-politika ta’ tixrid ta’ dejta adottata mill-pajjiż.

4.2.   Deskrizzjoni tal-metadejta/metodoloġija pprovduta lill-utenti.

5.   Rilevanza

5.1.   Deskrizzjoni ta’ kif it-tagħrif statistiku jilħaq il-ħtiġijiet attwali u potenzjali tal-utenti.

C.   SKEDA GĦALL-PRODUZZJONI TAR-RAPPORTI DWAR IL-KWALITÀ

Ir-rapporti dwar il-kwalità fuq il-modulu tal-benefiċċji tal-ħarsien soċjali netti jsiru fuq bażi annwali.

Ir-rapport dwar is-sena N għandu jiġi trażmess lill-Kummissjoni (Eurostat) sal-31 ta’ Jannar tas-sena N + 3.

D.   FORMAT GĦAT-TRAŻMISSJONI TAR-RAPPORTI DWAR IL-KWALITÀ

It-tagħrif dwar il-kwalità tad-dejta għandu jiġi trażmess skont il-format ipprovdut mill-Kummissjoni (Eurostat).


(1)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.


Top