EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0951

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 951/2009 tad- 9 ta’ Ottubru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2533/98 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew

ĠU L 269, 14.10.2009, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/951/oj

14.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 269/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 951/2009

tad-9 ta’ Ottubru 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2533/98 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ l-‘Istatut’), u partikolarment l-Artikolu 5.4 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni (3),

Wara li ġie kkonsultat il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

Filwaqt li jaġixxi f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 107(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u fl-Artikolu 42 tal-Istatut,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew (4) huwa komponent importanti fil-qafas legali li jappoġġa il-kompiti tal-ġbir ta’ informazzjoni statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) assistit mill-banek ċentrali nazzjonali. Il-BĊE konsistentement serraħ fuqu sabiex iwettaq u jissorvelja l-ġbir koordinat ta’ informazzjoni statistika neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ).

(2)

Sabiex ir-Regolament (KE) Nru 2533/98 jinżamm bħala strument effettiv għall-BĊE sabiex iwettaq il-kompiti tal-ġbir ta’ informazzjoni statistika tas-SEBĊ u sabiex tiġi garantita d-disponibbiltà kontinwa għall-BĊE ta’ informazzjoni statistika tal-kwalità neċessarja u li tkopri l-firxa kollha tal-kompiti tas-SEBĊ huwa essenzjali li jiġi rivedut l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rappurtar li jimponi l-imsemmiRegolament. F’dan il-kuntest, hemm bżonn li tingħata attenzjoni mhux biss għat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ u għall-indipendenza tagħha, iżda wkoll għall-prinċipji ta’ statistika stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(3)

Huwa neċessarju li r-Regolament (KE) Nru 2533/98 jiġi emendat sabiex il-BĊE jkun jista’ jiġbor informazzjoni statistika neċessarja sabiex jitwettqu l-kompiti tas-SEBĊ imsemmijin fit-Trattat. Għaldaqstant, l-għanijiet għalfejn tista’ tinġabar informazzjoni statistika għandhom jinkludu wkoll il-kumpilazzjoni tal-informazzjoni makro-prudenzjali neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ taħt l-Artikolu 105 tat-Trattat.

(4)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rappurtar neċessarji għat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ għandu jieħu kont ukoll tal-iżviluppi strutturali fis-swieq finanzjarji u jindirizza rekwiżiti ta’ informazzjoni statistika relatati li kienu jidhru inqas meta ġie adottat ir-Regolament (KE) Nru 2533/98. Għal dik ir-raġuni, huwa neċessarju li jiġi permess il-ġbir ta’ informazzjoni statistika mis-settur kollu ta’ korporazzjonijiet finanzjarji, u partikolarment mingħand minn korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni u l-fondi tal-pensjoni li jirrappreżentaw it-tieni l-akbar sottosettur tal-korporazzjonijiet finanzjarji fiż-żona tal-euro f’termini ta’ assi finanzjarji.

(5)

Sabiex tkun tista’ ssir il-kumpilazzjoni kontinwa ta’ statistika dwar bilanċi ta’ ħlas ta’ kwalità suffiċjenti, huwa neċessarju li jiġu ċċarati r-rekwiżiti ta’ rappurtar imposti b’konnessjoni mad-data dwar il-pożizzjonijiet u t-transazzjonijiet kollha bejn ir-residenti ta’ Stati Membri parteċipanti.

(6)

Ir-riċerkaturi għandhom bżonn dejjem akbar ta’ aċċess għal informazzjoni statistika kunfidenzjali li ma tippremettix identifikazzjoni diretta sabiex jiġu analizzati u miftiehma l-iżviluppi fis-setturi u fost il-pajjiżi. Għalhekk, huwa importanti li l-BĊE u l-Banek Ċentrali Nazzjonali jitħallew jagħtu aċċess lil korpi ta’ riċerka xjentifika għal tali informazzjoni statistika dettaljata fil-livell tas-SEBĊ, waqt li jinżammu salvagwardji stretti ta’ kunfidenzjalità.

(7)

Sabiex jitnaqqas il-piż ta’ rappurtar u sabiex jiġu żgurati l-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni effiċjenti ta’ statistika ta’ kwalità għolja, u t-twettiq kif suppost tal-kompiti tas-SEBĊ, il-BĊE jagħti prijorità lill-ħtiġijiet statistiċi u jivvaluta l-piż ta’ rappurtar. Għall-istess raġuni, huwa neċessarju li jiġi permess l-użu massimu ta’ informazzjoni eżistenti, stħarriġiet, data amministrattiva, reġistri statistiċi u sorsi oħra disponibbli, inkluż l-iskambu ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali fi ħdan is-SEBĊ u mas-Sistema Statistika Ewropea (SSE).

(8)

L-istatistika Ewropea hija żviluppata, prodotta u disseminata kemm mis-SEBĊ kif ukoll mis-SSE iżda taħt oqfsa legali separati, li jirriflettu l-istrutturi ta’ governanza rispettivi tagħhom. Ir-Regolament (KE) Nru 2533/98 għandu għalhekk japplika mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea (5).

(9)

L-istatistika Ewropea hija żviluppata, prodotta u disseminata mis-SEBĊ konformement mal-prinċipji statistiċi tal-imparzjalità, l-oġġettività, l-indipendenza professjonali, il-kost-effettività, il-kunfidenzjalità statistika, il-minimizzazzjoni tal-piż ta’ rappurtar u r-riżultati ta’ kwalità għolja, inkluża l-affidabbiltà. Dawn il-prinċipji huma definiti u elaborati ulterjorment aktar mill-BĊE u ppubblikati fuq is-sit elettroniku tiegħu bħala impenn pubbliku rigward l-istatistika Ewropea prodotta mis-SEBĊ. Dawn il-prinċipji huma simili għall-prinċipji statistiċi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 223/2009.

(10)

L-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta’ statistika Ewropea għandhom jieħdu kont tal-aħjar prattika u l-istandards statistiċi Ewropej u internazzjonali rilevanti.

(11)

F’konformità mal-Artikolu 5.1 tal-Istatut, is-SEBĊ u s-SSE jikkooperaw mill-qrib sabiex jiżguraw il-koerenza neċessarja għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta’ statistika Ewropea. B’mod partikolari, is-SEBĊ u s-SSE jikkooperaw meta jelaboraw il-prinċipji statistiċi tagħhom stess, meta jfasslu l-programmi ta’ ħidma statistiċi rispettivi tagħhom u meta jaħdmu biex inaqqsu l-piż ta’ rispons ġenerali. Għal dan il-għan l-iskambju ta’ informazzjoni adattata relatata mal-programmi ta’ ħidma tas-SEBĊ u s-SSE bejn il-kumitati rilevanti tas-SEBĊ u s-SSE, kif ukoll bejn il-BĊE u l-Kummissjoni, huwa ta’ importanza partikolari sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji ta’ kooperazzjoni tajba u sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni fil-ġbir ta’ informazzjoni statistika.

(12)

Il-membri tas-SEE jeħtieġu parti mid-data miġbura mis-SEBĊ għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta’ statistika Ewropea fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Għandhom għalhekk jiġu stabbiliti arranġamenti adatti sabiex id-data rispettiva tkun disponibbli għall-membri tas-SSE.

(13)

Barra minn dan, huwa importanti li tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib bejn is-SEBĊ u s-SSE, u notevolment sabiex jitrawwem l-iskambju ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali bejn iż-żewġ sistemi għal għanijiet statistiċi, fid-dawl tal-Artikolu 285 tat-Trattat u l-Artikolu 5 tal-Istatut.

(14)

Sabiex titjieb it-trasparenza, l-istatistika miġbura abbażi tal-informazzjoni statistika miġbura mill-istituzzjonijiet tas-settur finanzjarju mis-SEBĊ għandhom ikunu disponibbli pubblikament iżda għandu jkun iggarantit livell għoli ta’ protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali.

(15)

L-informazzjoni statistika kunfidenzjali miġbura u fornuta lil membru tas-SEBĊ minn awtoritià tas-SSE m’għandhiex tintuża għal għanijiet li mhumiex esklussivament statistiċi, bħal għal għanijiet amministrattivi jew ta’ taxxa jew proċedimenti legali jew għall-għanijiet imsemmijin fl-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98. F’dan ir-rigward, huwa neċessarju li tiġi żgurata l-protezzjoni fiżika u loġika ta’ din l-informazzjoni statistika u kunfidenzjali u jiġi żgurat li ma jseħħ l-ebda żvelar illegali jew użu għal għanijiet mhux statistiċi.

(16)

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (6) daħal fis-seħħ u jeħtieġ li jkun hemm konformita’ miegħu fl-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika mis-SEBĊ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2533/98 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

1.

“Ir-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku tal-BĊE” għandha tfisser l-informazzjoni statistika li l-aġenti ta’ rappurtar huma meħtieġa li jipprovdu u li hija neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ;

1.

“Statistika Ewropea” għandha tfisser statistika li hija: (i) neċessarja sabiex jitwettqu l-kompiti tas-SEBĊ kif imsemmi fit-Trattat; (ii) iddeterminata fil-programm ta’ ħidma statistiku tas-SEBĊ; u (iii) żviluppata, prodotta u disseminata f’konformità mal-prinċipji statistiċi msemmija fl-Artikolu 3a;

2.

“L-aġenti ta’ rappurtar” għandha tfisser dawk il-persuni legali u fiżiċi u l-entitajiet u l-fergħat imsemmija fl-Artikolu 2(3) li huma suġġetti għar-rekwiżiti ta’ rappurtar tal-istatistika lil-BĊE;

3.

“L-Istat Membru parteċipanti” għandha tfisser l-Istat Membru li jkun adotta l-munita waħdanija skont it-Trattat;

4.

“residenti” u “li jirrisjedu” għandhom ifissru li jkollhom ċentru ta’ interess ekonomiku fit-territorju ekonomiku ta’ pajjiż kif deskritt fil-Kapitolu 1 (1.30) tal-Anness A tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (*); f’dan il-kuntest, “pożizzjonijiet mingħajr fruntieri” u “operazzjonijiet mingħajr fruntieri” għandhom ifissru rispettivament pożizzjonijiet u operazzjonijiet fl-attiv u passiv tar-residenti tal-Istati Membri parteċipanti li jidhru bħala territorju ekonomiku wieħed vis-a-vis r-residenti ta’ Istati Membri mhux parteċipanti u/jew residenti ta’ pajjiżi terzi;

5.

“Il-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali” għandha tfisser il-balance sheet tal-istock tal-attiv u passiv finanzjaru mingħajr fruntieri;

6.

“flus elettroniċi” għandhom ifissru ħażna elettronika ta’ valur monetarju b’mezz tekniku, li jinkludu cards imħallsa minn qabel, li jistgħu jiġu wżati f’diversi pajjiżi sabiex isiru pagamenti lill-entitajiet oħra minbarra min joħroġhom mingħajr ma neċessarjament jinvolvu kontijiet bankarji fl-operazzjoni, imma li jaġixxu bħala strument ta’ ħlas minn qabel mill-persuna nnifisha.

7.

“użu għal għanijiet statistiċi” għandha tfisser l-użu esklussiv għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ riżultati u analiżijiet statistiċi;

8.

“żvilupp” għandha tfisser attivitajiet li għandhom l-għan li jistabbilixxu, isaħħu u jtejbu l-metodi, l-istandards u l-proċeduri statistiċi użati għall-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika kif ukoll għat-tfassil ta’ statistika u indikaturi ġodda;

9.

“produzzjoni” għandha tfisser l-attivitajiet kollha relatati mal-ġbir, il-ħażna, l-ipproċessar u l-analiżi neċessarja għall-ġbir tal-istatistika;

10.

“disseminazzjoni” għandha tfisser l-attività li biha l-istatistika, l-analiżi statistika u l-informazzjoni mhux kunfidenzjali isiru disponibbli għall-utenti;

11.

“ informazzjoni statistika” għandha tfisser id-data, l-indikaturi u l-metadata rilevanti aggregati u individwali;

12.

“ informazzjoni statistika kunfidenzjali” għandha tfisser informazzjoni statistika li tippermetti li l-aġenti ta’ rappurtar jew kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika, entità jew fergħa oħra tkun identifikata direttament minn isimhom jew l-indirizz tagħhom jew minn kodiċi ta’ identifikazzjoni allokat uffiċjalment jew indirettament permezz ta’ deduzzjoni, b’hekk tiġi żvelata informazzjoni individwali. Sabiex jiġi ddeterminat jekk aġent ta’ rappurtar jew kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika, entità jew fergħa oħra hija identifikabbli, għandu jittieħed kont tal-mezzi kollha li jistgħu jintużaw raġonevolment minn parti terza sabiex jiġu identifikati l-aġent ta’ rappurtar imsemmi jew il-persuna ġuridika jew fiżika, entità jew fergħa l-oħra.

(*)  ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1.”"

2.

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘1.   Sabiex jitwettqu r-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku tal-BĊE, il-BĊE, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali skont l-Artikolu 5.2 tal-Istatut, għandu jkollu d-dritt li jiġbor informazzjoni statistika fil-limiti tal-popolazzjoni ta’ rappurtar ta’ referenza u għal dak li huwa neċessarju sabiex iwettaq il-kompiti tas-SEBĊ. L-informazzjoni tista’ tinġabar b’mod partikolari fil-qasam tal-istatistika monetarja u finanzjarja, l-istatistika dwar il-karti tal-flus, statistika dwar ħlasijiet u sistemi ta’ ħlasijiet, statistika dwar l-istabbiltà finanzjarja, statistika dwar il-bilanċ tal-ħlasijiet u l-istatistika dwar il-pożizzjoni internazzjonali tal-investimenti. Fejn neċessarju sabiex iwettaq il-kompiti tas-SEBĊ, informazzjoni addizzjonali tista’ jinġabar ukoll f’oqsma oħrajn f’każijiet debitament ġustifikati. L-informazzjoni miġbura sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku tal-BĊE għandha tiġi speċifikata aktar fil-programm ta’ ħidma statistiku tas-SEBĊ.’

(b)

Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   F’dan ir-rigward, il-popolazzjoni ta’ rappurtar ta’ referenza għandha tinkludi l-aġenti ta’ rappurtar li ġejjin:

(a)

persuni ġuridiċi u fiżiċi li jirrisjedu fi Stat Membru u li jaqgħu taħt is-settur ta’ “korporazzjonijiet finanzjarji” kif definit fl-ESA 95;

(b)

istituzzjonijiet post office giro li jirrisjedu fi Stat Membru;

(c)

persuni ġuridiċi u fiżiċi li jirrisjedu fi Stat Membru, sakemm huma jkollhom pożizzjonijiet transkonfinali jew wettqu transazzjonijiet transkonfinali;

(d)

persuni ġuridiċi u fiżiċi li jirrisjedu fi Stat Membru, sakemm huma ħarġu titoli jew flus elettroniċi;

(e)

persuni ġuridiċi u fiżiċi li jirrisjedu fi Stat Membru parteċipanti sakemm huma jkollhom pożizzjoni finanzjarja vis-à-vis residenti ta’ Stati Membri parteċipanti oħrajn jew wettqu transazzjonijiet finanzjarji ma’ residenti ta’ Stati Membri parteċipanti oħrajn.”

(c)

Il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

‘4.   F’każijiet debitament ġustifikati, bħal pereżempju statistika dwar l-istabbiltà finanzjarja, il-BĊE għandu jkollu d-dritt li jiġbor mill-persuni ġuridiċi u fiżiċi msemmijin fil-paragrafu 2(a), u mill-entitajiet u fergħat imsemmijin fil-paragrafu 3, informazzjoni statistika fuq bażi konsolidata, inkluż informazzjoni dwar l-entitajiet ikkontrollati minn tali persuni ġuridiċi u fiżiċi u entitajiet. Il-BĊE għandu jispeċifika l-limitu tal-konsolidazzjoni.’

3.

L-Artikolu li ġej huwa inserit wara l-Artikolu 2:

“Artikolu 2a

Kooperazzjoni mas-SSE

Sabiex jiġi minimizzat il-piż ta’ rappurtar u tiġi garantita l-koerenza neċessarja sabiex tiġi prodotta l-istatistika Ewropea, is-SEBĊ u s-SSE għandhom jikkooperaw mill-qrib, filwaqt li jikkonformaw mal-prinċipji statistiċi stabbiliti fl-Artikolu 3a.”

4.

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Modalitajiet għad-definizzjoni tar-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku

Meta jiddefinixxi u jimponi r-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku tiegħu, il-BĊE għandu jispeċifika l-popolazzjoni attwali ta’ rappurtar fil-limiti tal-popolazzjoni ta’ rappurtar ta’ referenza kif definit fl-Artikolu 2. Mingħajr preġudizzju għat-twettiq tar-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku tiegħu, il-BĊE:

(a)

għandu juża statistika eżistenti safejn huwa possibbli;

(b)

għandu jieħu kont tal-istandards statistiċi Ewropej u internazzjonali rilevanti;

(c)

jista’ totalment jew parzjalment jeżenta klassijiet speċifiċi ta’ aġenti ta’ rappurtar mir-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku tiegħu.

Qabel jadotta regolament kif imsemmi fl-Artikolu 5 rigward statistika ġdida, il-BĊE għandu jivvaluta l-merti u l-ispejjeż tal-ġbir tal-informazzjoni statistika ġdida inkwistjoni. B’mod partikolari huwa għandu jieħu kont tal-karatteristiċi speċifiċi tal-ġbir, id-daqs tal-popolazzjoni ta’ rappurtar u l-perjodiċità, u l-informazzjoni statistika diġà miżmuma mill-awtoritajiet jew l-amministraturi statistiċi.”

5.

L-Artikolu li ġej huwa inserit wara l-Artikolu 3:

“Artikolu 3a

Prinċipji statistiċi sottostanti l-istatistiċi Ewropej prodotti mis-SEBĊ

L-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea mis-SEBĊ għandhom ikunu rregolati mill-prinċipji ta’ imparzjalità, oġġettività, indipendenza professjonali, kost-effettività, kunfidenzjalità statistika, minimizzazzjoni tal-piż ta’ rappurtar u riżultati ta’ kwalità għolja, inkluża l-affidabbiltà, u d-definizzjonijiet ta’ dawn il-prinċipji għandhom jiġu adottati, elaborati u ppubblikati mill-BĊE. Dawn il-prinċipji huma simili għall-prinċipji statistiċi tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ MArzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea (**).

(**)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164”"

6.

L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Protezzjoni u użu ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali miġbura mis-SEBĊ

Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw sabiex jiġu pprevenuti l-użu illegali u l-iżvelar ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali pprovduta mill-aġent ta’ rappurtar jew minn persuna ġuridika jew fiżika, entità jew fergħa oħra lil membru tas-SEBĊ jew trasmessa fis-SEBĊ.

1.

Is-SEBĊ għandu juża informazzjoni statistika kunfidenzjali esklussivament għall-eżerċizzju tal-kompiti tas-SEBĊ ħlief fi kwalunkwe ċirkostanza li ġejja:

(a)

jekk l-aġent ta’ rappurtar jew il-persuna ġuridika jew fiżika, entità jew fergħa l-oħra li tista’ tiġi identifikata, taw il-kunsens espliċitu tagħhom sabiex tintuża din l-informazzjoni statistika għal għanijiet oħrajn;

(b)

għat-trasmissjoni lill-membri tas-SEE skont l-Artikolu 8a (1);

(c)

għall-għoti ta’ aċċess lil korpi ta’ riċerka xjentifika għal informazzjoni statistika kunfidenzjali li ma tippermettix l-identifikazzjoni diretta u bil-kunsens espliċitu minn qabel tal-awtorità li pprovdiet l-informazzjoni;

(d)

fir-rigward ta’ banek ċentrali nazzjonali, jekk din l-informazzjoni statistika hija użata fil-qasam ta’ superviżjoni prudenzjali jew, skont l-Artikolu 14.4 tal-Istatut, għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet oħrajn minn dawk speċifikati fl-Istatut.

2.

L-aġenti ta’ rappurtar għandhom jiġu infurmati dwar l-użu statistiku, amministrattiv jew użu ieħor ta’ informazzjoni statistika pprovduta minnhom. L-aġenti ta’ rappurtar għandhom ikollhom id-dritt li jiksbu informazzjoni dwar il-bażi legali għat-trasmissjoni u dwar il-miżuri protettivi adottati.

3.

Il-membri tas-SEBĊ għandhom jieħdu l-miżuri regolatorji, amministrattivi, tekniċi u organizzattivi kollha neċessarji sabiex jiżguraw il-protezzjoni fiżika u loġika ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali. Il-BĊE għandu jiddefinixxi regoli komuni u jimplimenta standards minimi sabiex jevita l-iżvelar illegali u l-użu mhux awtorizzat ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali.

4.

It-trasmissjoni ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali fis-SEBĊ li nġabret skont l-Artikolu 5 tal-Istatut għandha ssir:

(a)

sal-punt u l-livell ta’ dettall neċessarju sabiex jitwettqu l-kompiti tas-SEBĊ msemmija fit-Trattat; jew

(b)

dment li din it-trasmissjoni hija neċessarja għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew id-disseminazzjoni effiċjenti ta’ statistika taħt l-Artikolu 5 tal-Istatut jew sabiex tiżdied il-kwalità tagħha.

5.

Il-BĊE jista’ jiddeċiedi dwar il-ġbir u t-trasmissjoni, sal-punt u livell ta’ dettall neċessarju, fis-SEBĊ ta’ informazzjoni kunfidenzjali li nġabret oriġinarjament għal għanijiet oħra minn dawk tal-Artikolu 5 tal-Istatut, dment li din tkun neċessarja għall-iżvilupp jew il-produzzjoni effiċjenti ta’ statistika jew sabiex tiżdied il-kwalità tagħha u li din l-istatistika hija neċessarja sabiex jitwettqu l-kompiti tas-SEBĊ msemmija fit-Trattat.

6.

Informazzjoni statistika kunfidenzjali tista’ tiġi skambjata fis-SEBĊ sabiex jingħata aċċess lil korpi ta’ riċerka xjentifika għal din l-informazzjoni, skont il-paragrafi 1(c) u 2.

7.

Informazzjoni statistika meħuda minn sorsi li huma disponibbli għall-pubbliku skont il-leġislazzjoni nazzjonali m’għandhomx jitqiesu kunfidenzjali.

8.

L-Istati Membri u l-BĊE għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali, inkluża l-impożizzjoni tal-miżuri ta’ infurzar adatti fil-każ ta’ ksur.

Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċjali nazzjonali jew Komunitarji rigward it-trasmissjoni ta’ informazzjoni għajr informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-BĊE u m’għandhomx japplikaw għal tagħrif statistiku kunfidenzjali trasmess inizjalment bejn awtorità SSE u membru tas-SEBĊ, għal liema għandu japplika l-Artikolu 8a.

Dan l-Artikolu m’għandux jipprevjeni li informazzjoni statistikakunfidenzjali miġbura għal għanijiet għajr, jew bħala addizzjonali, sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku tal-BĊE milli tintuża sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet l-oħrajn.”

7.

L-Artikoli li ġejjin huma inseriti wara l-Artikolu 8:

“Artikolu 8a

Skambju ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali bejn is-SEBĊ u s-SSE

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-iskambju ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali għajr informazzjoni imsemmija f’dan ir-Regolament, it-trasmissjoni ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali bejn membru tas-SEBĊ li ġabar dik l-informazzjoni u awtorità tas-SSE tista’ sseħħ dment li din it-trasmissjoni hija neċessarja għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew id-disseminazzjoni effiċjenti jew sabiex tiżdied il-kwalità ta’ statistika Ewropea fl-isfera rispettiva ta’ kompetenza tas-SSE u tas-SEBĊ u li din in-neċessità tkun ġiet ġustifikata.

2.   Kwalunkwe trasmissjoni ulterjuri wara l-ewwel trasmissjoni għandha tiġi espliċitament awtorizzata mill-awtorità li ġabret dik l-informazzjoni.

3.   Informazzjoni statistika kunfidenzjali li hija trasmessa bejn awtorità tas-SEE u membru tas-SEBĊ m’għandhiex tintuża għal għanijiet li m’humiex esklussivament statistiċi, bħal għal għanijiet amministrattivi jew ta’ taxxa jew proċedimenti legali jew għall-għanijiet imsemmijin fl-Artikoli 6 u 7.

4.   Informazzjoni statistika li l-membri tas-SEBĊ jirċievu mill-awtoritajiet tas-SSE u li nkisbet minn sorsi legalment disponibbli għall-pubbliku u li tibqa’ disponibbli għall-pubbliku skont il-leġislazzjoni nazzjonali m’għandhiex titqies kunfidenzjali għall-fini tad-disseminazzjoni tal-istatistika miksuba minn din l-informazzjoni statistika.

5.   Il-membri tas-SEBĊ, fl-isferi ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, għandhom jieħdu l-miżuri regolatorji, amministrattivi, tekniċi u organizzattivi kollha neċessarji sabiex jiżguraw l-protezzjoni fiżika u loġika tal-informazzjoni statistika kunfidenzjali (kontroll tal-iżvelar statistiku) ipprovdut mill-awtoritajiet tas-SSE.

6.   Informazzjoni statistika kunfidenzjali pprovduta mill-awtoritajiet SSE għandha tkun aċċessibbli biss għal persunal li jaħdem f’attivitajiet statistiċi fl-oqsma ta’ ħidma speċifiċi tagħhom. Dawn il-persuni għandhom jużaw din id-data esklussivament għal finijiet statistiċi. Huma għandhom ikunu soġġetti għal din ir-restrizzjoni anke wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom.

7.   L-Istati Membri u l-BĊE għandhom jieħdu l-miżuri adatti sabiex jipprevjenu u jippenalizzaw kwalunkwe ksur tal-protezzjoni tal-informazzjoni statistika kunfidenzjali prevista mill-awtoritajiet tas-SSE.

Artikolu 8b

Rapport ta’ kunfidenzjalità

Il-BĊE għandu jippubblika rapport ta’ kunfidenzjalità annwali dwar il-miżuri adottati sabiex tiġi salvagwardjata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni statistika msemmija fl-Artikoli 8 u 8a.

Artikolu 8c

Protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar individwi

Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewopew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (***) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (****).

Artikolu 8d

Aċċess għal rekords amministrattivi

Sabiex jitnaqqas il-piż fuq il-parteċipanti, il-banek ċentrali nazzjonali u l-BĊE għandhom ikollhom aċċess għal sorsi rilevanti ta’ data amministrattiva fis-sistemi amministrattivi pubbliċi rispettivi, sal-punt li din id-data hija neċessarja għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea.

L-arranġamenti prattiċi u l-kondizzjonijiet għall-kisba ta’ aċċess effettiv għandhom jiġu determinati fejn neċessarju minn kull Stat Membru u l-BĊE, fl-isferi ta’ kompetenza rispettivi tagħhom.

Din id-data għandha tintuża mill-membri tas-SEBĊ esklussivament għal għanijiet statistiċi.’

(***)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31."

(****)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.”."

8.

L-Annessi A u B huma mħassra.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

Å. TORSTENSSON


(1)  ĠU C 251, 3.10.2008, p. 1.

(2)  Opinjoni mogħtija fl-24 ta’ Marzu 2009 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Opinjoni mogħtija fit-13 ta’ Jannar 2009 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(5)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top