Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0069

    Direttiva tal-Kummissjoni 2008/69/KE ta’ l- 1 ta’ Lulju 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex tinkludi l-clofentezine, dicamba, difenoconazole, diflubenzuron, imazaquin, lenacil, oxadiazon, picloram u pyriproxyfen bħala sustanzi attivi Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 172, 2.7.2008, p. 9–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/06/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/69/oj

    2.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 172/9


    DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2008/69/KE

    ta’ l-1 ta’ Lulju 2008

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex tinkludi l-clofentezine, dicamba, difenoconazole, diflubenzuron, imazaquin, lenacil, oxadiazon, picloram u pyriproxyfen bħala sustanzi attivi

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-tqegħid tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fis-suq (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 1490/2002 (3) jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tielet stadju tal-programm ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi biex jiġu vvalutati, bil-għan li jiġu possibbilment inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Dik il-lista tinkludi s-sustanzi attivi mniżżla fl-Anness għal din id-Direttiva.

    (2)

    Permezz tar-Regolament (KE) Nru 1095/2007 iddaħħal l-Artikolu 11b ġdid fir-Regolament (KE) Nru 1490/2002 biex jippermetti sustanzi attivi li għalihom hemm indikazzjonijiet ċari li jista’ jkun mistenni li m'għandhomx effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bnedmin jew l-annimali jew fuq l-ilma ta’ taħt l-art jew xi influwenza mhux aċċettabbli fuq l-ambjent, biex jiġu inklużi f'Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE mingħajr ma ntalab parir xjentifiku dettaljat mill-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza ta’ l-Ikel (AESI).

    (3)

    Għas-sustanzi attivi mniżżla fl-Anness għal din id-Direttiva l-Kummissjoni eżaminat skond l-Artikolu 11a tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002 l-effetti fuq is-saħħa tal-bnedmin, l-annimali, l-ilma ta’ taħt l-art u l-ambjent għal użi varji proposti min-notifikanti, bil-konklużjoni li dawk is-sustanzi attivi jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 11b tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002.

    (4)

    Skond l-Artikolu 12 (1) tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002 il-Kummissjoni ppreżentat abbozz ta’ rapporti ta’ reviżjoni għal sustanzi attivi mniżżla fl-Anness għal din id-Direttiva lill-Kumitat Permanenti tal-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali, għal eżaminazzjoni. Dawn ir-rapporti saritilhom reviżjoni mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti tal-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali u ġew finalizzati fl-14 ta’ Marzu 2008 fil-format tar-rapporti tar-reviżjoni tal-Kummissjoni. Skond l-Artikolu 12a tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002 il-Kummissjoni se titlob lill-AESI biex tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz tar-rapporti ta’ reviżjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010.

    (5)

    Minn eżamijiet varji li saru deher li prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi mniżżla fl-Anness għal din id-Direttiva jistgħu jkunu mistennija li jissodisfaw, b'mod ġenerali, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1) (a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, b'mod partikolari fir-rigward ta’ l-użi li ġew eżaminati u dettaljati fir-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk huwa xieraq li jkunu inklużi fl-Anness I għal dik id-Direttiva s-sustanzi attivi mniżżla fl-Anness għal din id-Direttiva, sabiex tiżgura li fl-Istati Membri kollha l-awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi attivi jistgħu jingħataw skond id-dispożizzjonijiet għal dik id-Direttiva.

    (6)

    Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġjonevoli qabel sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I sabiex l-Istati Membri u l-partijiet interessati jkunu jistgħu iħejju rwieħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ġodda li se jirriżultaw mill-inklużjoni.

    (7)

    Mingħajr preġudizzju għall-obbligi definiti bid-Direttiva 91/414/KEE bħala konsegwenza ta’ l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu ta’ sitt xhur wara l-inklużjoni biex jagħmlu reviżjoni ta’ awtorizzazjonijiet eżistenti ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi mniżżla fl-Anness biex jiżguraw li r-rekwiżiti stabbiliti bid-Direttiva 91/414/KEE, b'mod partikolari fl-Artikolu 13 tagħha u l-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Anness I, huma ssodisfati. L-Istati Membri għandhom ivarjaw, jibdlu jew jirrifjutaw, kif xieraq, awtorizzazzjonijiet eżistenti, skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE. B'deroga mill-iskadenza t'hawn fuq, għandu jkun ipprovdut perjodu itwal għall-preżentazzjoni u l-valutazzjoni tad-dossier komplut ta’ l-Anness III għal kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għal kull użu intenzjonat skond il-prinċipji uniformi stipulati fid-Direttiva 91/414/KEE.

    (8)

    L-esperjenza miksuba minn inklużjonijiet preċedenti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE tas-sustanzi attivi vvalutati fil-qafas tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 (4) wriet li jistgħu jinqalgħu diffikultajiet fl-interpretar tad-dmirijiet tad-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti dwar l-aċċess għad-data. Sabiex jiġu evitati iżjed diffikultajiet, jidher għalhekk li huwa meħtieġ li d-dmirijiet ta’ l-Istati Membri jiġu ċċarati, speċjalment id-dmir li jivverifikaw li d-detentur ta’ awtorizzazzjoni juri aċċess għal dossier li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Anness II għal dik id-Direttiva. Madankollu, din il-kjarifika ma timponix xi obbligi ġodda fuq l-Istati Membri jew id-detenturi ta’ l-awtorizzazzjonijiet meta mqabbla mad-direttivi li ġew adottati sa issa li jemendaw l-Anness I.

    (9)

    Għalhekk huwa xieraq li tiġi emendata d-Direttiva 91/414/KEE kif meħtieġ.

    (10)

    Il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness għal din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2009 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni it-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-iskeda ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Lulju 2009.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

    Artikolu 3

    1.   L-Istati Membri għandhom f’konformità mad-Direttiva 91/414/KEE, fejn hu meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi mniżżla fl-Anness bħala sustanzi attivi sat-30 ta’ Ġunju 2009.

    Sa dik id-data huma għandhom b'mod partikolari jivverifikaw li l-kundizzjonijiet fl-Anness I għal dik id-Direttiva dwar is-sustanzi attivi mniżżla fl-Anness jiġu ssodisfati, minbarra dawk identifikati fil-Parti B tar-reġistrazzjoni dwar dik is-sustanza attiva, u li d-detenturi ta’ l-awtorizzazzjonijiet ikollhom, jew ikollhom aċċess għal, dossiers li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ l-Anness II għal dik id-Direttiva skond il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13 ta’ dik id-Direttiva.

    2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, għal kull prodott awtorizzat għall-protezzjoni tal-pjanti li fih wieħed mis-sutanzi attivi mniżżla fl-Anness jew bħala l-unika sustanza attiva jew bħala wieħed mill-ħafna sustanzi attivi li kollha kienu mniżżla fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2008, l-Istati Membri għandhom jerġgħu jevalwaw il-prodott skond il-prinċipji uniformi pprovduti fl-Anness VI tad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta’ dossier li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Anness III għal dik id-Direttiva u li jikkunsidra l-parti B tar-reġistrazzjoni fl-Anness I għal dik id-Direttiva dwar is-sustanzi attivi mniżżla fl-Anness. Fuq il-bażi ta’ dik l-evalwazzjoni, huma għandhom jiddeterminaw jekk il-prodott jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b), (c), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE.

    Wara li jistabbilixxu dan l-Istati Membri għandhom:

    (a)

    fil-każ ta’ xi prodott li jkun fih wieħed mis-sustanzi attivi mniżżla fl-Anness bħala sustanza attiva ewlenija, fejn ikun meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013; jew

    (b)

    fil-każ ta’ xi prodott li jkun fih is-sustanzi attivi mniżżla fl-Anness bħala waħda minn ħafna sustanzi attivi, fejn ikun meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2013 jew sad-data ffissata għal emenda bħal din jew l-irtirar tagħha fid-Direttiva jew Direttivi rispettivi li inkludiet/inkludew is-sustanza jew sustanzi rilevanti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, tkun liema tkun dik ta’ l-aħħar.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2009.

    Artikolu 5

    Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 1 ta’ Lulju 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/45/KE (ĠU L 94, 5.4.2008, p. 21).

    (2)  ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1044/2003 (ĠU L 151, 19.6.2003, p. 32).

    (3)  ĠU L 224, 21.8.2002, p. 23. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1095/2007 (ĠU L 246, 21.9.2007, p. 19).

    (4)  ĠU L 366, 15.12.1992, p. 10. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 416/2008 (ĠU L 125, 9.5.2008, p. 25).


    ANNESS

    Dan li ġej għandu jiġi inkluż fl-aħħar tat-tabella fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE:

    Nru

    Isem Komuni Numri ta' Identifikazzjoni

    L-isem IUPAC

    Purità (1)

    Dħul fis-seħħ

    Skadenza ta' l-inklużjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    “177

    Clofentezine

    CAS No 74115-24-5

    CIPAC No 418

    3,6-bis(2-chlorophenyl)-1,2,4,5-tetrazine

    ≥ 980 g/kg (materjal niexef)

    1 ta’ Jannar 2009

    31 ta’ Diċembru 2018

    PARTI A

    L-użi bħala fungiċida biss jistgħu jkunu awtorizzati.

    PARTI B

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta' l-Anness VI, il-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar id-dicamba, u b'mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali jridu jkunu kkunsidrati.

    178

    Dicamba

    CAS No 1918-00-9

    CIPAC No 85

    3,6-dichloro-2-aċtu methoxybenzoic

    ≥ 850 g/kg

    1 ta’ Jannar 2009

    31 ta’ Diċembru 2018

    PARTI A

    L-użi bħala erbiċida biss jistgħu jkunu awtorizzati.

    PARTI B

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta' l-Anness VI, il-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar id-dicamba, u b'mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali jridu jkunu kkunsidrati.

    179

    Difenoconazole

    CAS No 119446-68-3

    CIPAC No 687

    3-chloro-4-[(2RS,4RS;2RS,4SR)-4-methyl-2-(1H-1,2,4-triazol-1-ylmethyl)-1,3-dioxolan-2-yl]phenyl 4-chlorophenyl ether

    ≥ 940 g/kg

    1 ta’ Jannar 2009

    31 ta’ Diċembru 2018

    PARTI A

    L-użi bħala fungiċida biss jistgħu jkunu awtorizzati.

    PARTI B

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta' l-Anness VI, il-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar id-difenoconazole, u b'mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali jridu jkunu kkunsidrati.

    Fil-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri għandhom jagħtu każ partikolari għal:

    protezzjoni ta' organiżmi akwatiċi;

    Il-kundizzjonijiet għall-użu għandhom jinkludu miżuri xierqa li jtaffu r-riskju, fejn meħtieġ.

    180

    Diflubenzuron

    CAS No 35367-38-5

    CIPAC No 339

    1-(4-chlorophenyl)-3-(2,6-difluorobenzoyl) urea

    ≥ 950 g/kg impurità: max. 0,03 g/kg 4-chloroaniline

    1 ta’ Jannar 2009

    31 ta’ Diċembru 2018

    PARTI A

    L-użi bħala insettiċida biss jistgħu jkunu awtorizzati.

    PARTI B

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta' l-Anness VI, il-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar id-diflubenzuron, u b'mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali jridu jkunu kkunsidrati.

    Fil-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri għandhom jagħtu każ partikolari għal:

    protezzjoni ta' organiżmi akwatiċi;

    protezzjoni ta' organiżmi terrestri;

    protezzjoni ta' antropodi li ma jinsabux fil-mira u naħal;

    Il-kundizzjonijiet għall-użu għandhom jinkludu miżuri xierqa li jtaffu r-riskju, fejn meħtieġ.

    181

    Imazaquin

    CAS No 81335-37-7

    CIPAC No 699

    2-[(RS)-4-isopropyl-4-methyl-5-oxo-2-imidazolin-2-yl]quinoline-3-aċtu karboksiliku

    ≥ 960 g/kg (taħlita racemic )

    1 ta’ Jannar 2009

    31 ta’ Diċembru 2018

    PARTI A

    L-użi bħala tkabbir tal-pjanti biss jistgħu jkunu awtorizzati.

    PARTI B

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta' l-Anness VI, il-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar l-imazaquin, u b'mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali jridu jkunu kkunsidrati.

    182

    Lenacil

    CAS No 2164-08-1

    CIPAC No163

    3-cyclohexyl-1,5,6,7-tetrahydrocyclopentapyrimidine-2,4(3H)-dione

    ≥ 975 g/kg

    1 ta’ Jannar 2009

    31 ta’ Diċembru 2018

    PARTI A

    L-użi bħala erbiċida biss jistgħu jkunu awtorizzati.

    PARTI B

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta' l-Anness VI, il-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar il-lenacil, u b'mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali jridu jkunu kkunsidrati.

    183

    Oxadiazon

    CAS No 19666-30-9

    CIPAC No 213

    5-tert-butyl-3-(2,4-dichloro-5-isopropoxyphenyl)-1,3,4-oxadiazol-2(3H)-one

    ≥ 940 g/kg

    1 ta’ Jannar 2009

    31 ta’ Diċembru 2018

    PARTI A

    L-użi bħala erbiċida biss jistgħu jkunu awtorizzati.

    PARTI B

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta' l-Anness VI, il-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar l-oxadiazon, u b'mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali jridu jkunu kkunsidrati.

    184

    Picloram

    CAS No 1918-02-1

    CIPAC No 174

    4-amino-3,5,6-trichloropyridine-2-aċtu karboksiliku

    ≥ 920 g/kg

    1 ta’ Jannar 2009

    31 ta’ Diċembru 2018

    PARTI A

    L-użi bħala erbiċida biss jistgħu jkunu awtorizzati.

    PARTI B

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta' l-Anness VI, il-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar il-picloram, u b'mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali jridu jkunu kkunsidrati.

    185

    Pyriproxyfen

    CAS No 95737-68-1

    CIPAC No 715

    4-phenoxyphenyl (RS)-2-2-(2-pyridyloxy)propyl ether

    ≥ 970 g/kg

    1 ta’ Jannar 2009

    31 ta’ Diċembru 2018

    PARTI A

    L-użi bħala insettiċida biss jistgħu jkunu awtorizzati.

    PARTI B

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta' l-Anness VI, il-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar il-pyriproxyfen, u b'mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali jridu jkunu kkunsidrati.

    Fil-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri għandhom jagħtu każ partikolari għal:

    protezzjoni ta' antropodi li ma jinsabux fil-mira inklużi n-naħal;

    Il-kundizzjonijiet għall-użu għandhom jinkludu miżuri xierqa li jtaffu r-riskju, fejn xieraq.


    (1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanzi attivi huma pprovduti fir-rapport ta' reviżjoni.”


    Top