EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001R2424

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2424/2001 tas-6 ta' Diċembru 2001 dwar l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II)

OJ L 328, 13.12.2001, p. 4–6 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 19 Volume 004 P. 177 - 179
Special edition in Estonian: Chapter 19 Volume 004 P. 177 - 179
Special edition in Latvian: Chapter 19 Volume 004 P. 177 - 179
Special edition in Lithuanian: Chapter 19 Volume 004 P. 177 - 179
Special edition in Hungarian Chapter 19 Volume 004 P. 177 - 179
Special edition in Maltese: Chapter 19 Volume 004 P. 177 - 179
Special edition in Polish: Chapter 19 Volume 004 P. 177 - 179
Special edition in Slovak: Chapter 19 Volume 004 P. 177 - 179
Special edition in Slovene: Chapter 19 Volume 004 P. 177 - 179
Special edition in Bulgarian: Chapter 19 Volume 003 P. 194 - 196
Special edition in Romanian: Chapter 19 Volume 003 P. 194 - 196

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/2424/oj

32001R2424



Official Journal L 328 , 13/12/2001 P. 0004 - 0006


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2424/2001

tas-6 ta' Diċembru 2001

dwar l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 66 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizzjattiva tar-Renju ta' Belġju u r-Renju ta' l-Isvezja [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Billi:

(1) Is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, stabbilita b'mod konformi mad-disposizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni tal-1990 li jimplimenta l-ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 dwar it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni, hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejħa "il-Konvenzjoni ta' Schengen 1990", tikkostitwixxi għodda essenzenzjali għall-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen kif integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea.

(2) Is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fil-forma attwali tagħha għandha l-kapaċità li tagħti servizz lil mhux iktar minn 18-il Stat parteċipanti. Bħalissa topera fi 13-il Stat Membru u 2 Stati oħra (Islanda u in-Norveġja) u hija intiża li tibda topera fir-Renju Unit u fl-Irlanda fil-futur qrib. Din, iżda, ma ġietx mibnija biex tagħti servizz lin-numru ikbar ta' Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea wara t-tkabbir.

(3) Għaldaqstant, u sabiex isir gwadann mill-aħħar żviluppi fil-kamp tat-teknoloġija ta' l-informazzjoni u sabiex titħalla l-introduzzjoni ta' funzjonijiet ġodda, jeħtieġ li tiġi żviluppata, it-tieni ġenerazzjoni tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen (SIS II) l-ġdida, kif diġa magħrufa fid-Deċiżjoni SCH/Kum-ex (97) 24 tal-Kumitat Eżekuttiv tas-7 ta' Ottubru 1997 [3].

(4) In-nefqa involuta fl-iżvilupp tas-SIS II għandha tiddaħħal fil-budget ta' l-Unjoni Ewropea skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill għal dan il-għan tad-29 ta' Mejju 2001. Dan ir-Regolament jikkostitwixxi, flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/886/JHA tas-6 ta' Diċembru 2001 fuq l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen (SIS II) [4], il-bażi leġislattiva meħtieġa biex tippermetti d-dħul ta' l-approprjazzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp ta' SIS II fil-budget ta' l-Unjoni u l-eżekuzzjoni ta' dik il-parti tal-budget.

(5) Il-bażi legislattiva tikkonsisti f'żewġ partijiet: dan ir-Regolament ibbażat fuq l-Artikolu 66 tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ibbażata fuq l-Artikolu 30(1)(a) u (b), l-Artikolu 31(a) u (b) u l-Artikolu 34(2)(c) tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea. Ir-raġuni għal dan hu illi, kif imfisser fl-Artikolu 92 tal-Konvenzjoni ta' Schengen 1990, is-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen għandha tawtorizza lill-awtoritajiet maħtura mill-Istati Membri, permezz ta' proċedura ta' tfittxija awtomatika, biex ikollhom aċċess għall-twissijiet dwar persuni u proprjetà għal skopijiet ta' kontroll fil-fruntiera u kontrolli oħra mill-pulizija u tad-dwana magħmula fil-pajjiż skond il-liġi nazzjonali, kif ukoll għal skop ta' ħruġ ta' visa, permessi residenzaenzali u l-amministrazzjoni tal-liġi fuq il-barranin fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen dwar il-moviment tal-persuni.

(6) Il-fatt li l-bażi leġislattiva li hi meħtieġa biex l-izvilupp tas-SIS II jkun jista' jiġi finanzjat mill-budget ta' l-Unjoni tikkonsisti f'żewġ strumenti separati ma jaffettwax il-prinċipju li s-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen tikkostitwixxi, u għandha tkompli tikkostitwixxi, sistema ta' informazzjoni waħdanija u integrata u li s-SIS II għandha tiġi żviluppata b'dan il-mod.

(7) Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-adozzjoni fil-futur tal-leġislazzjoni meħtieġa li tiddiskrivi fid-dettal il-mod kif titħaddem u l-użu tas-SIS II, bħal, imma mhux limitata għal, regoli li jfissru l-kategoriji tad-data li għandhom jiddaħħlu fis-sistema, l-iskop għalfejn għandhom jiddaħħlu u l-kriterji għad-dħul tagħhom, regoli li jikkonċernaw il-kontenut tar-reġistrazzjoni tas-SIS, inkluża r-responsabbiltà għall-korrettezza, regoli dwar id-dewmien tat-twissijiet, sistema ta' twissijiet kollegati ma' xulxin, u kompatibilità bejn l-allarmi, regoli dwar l-aċċess ta' informazzjoni tas-SIS u regoli dwar il-protezzjoni ta' data personali u l-kontroll tagħhom.

(8) Il-miżuri li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġi adottati b'mod konformi mad-Deżizjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [5].

(9) Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li jaqa' fil-medda ta' l-Artikolu 1, punt Ġ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 fuq ċertu arranġamenti għall-applikazzjoni tal-ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati bl-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp ta' l-acquis ta' Schengen [6] u l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittannja u l-Irlanda ta' fuq biex jieħdu sehem f'ċertu disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen [7].

(10) Jeħtieġ isir arranġament biex rappreżentanti ta' l-Islanda u tan-Norveġja jitħallew isiru assoċjati max-xogħol tal-kumitati li jgħinu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-poteri ta' l-implimentazzjoni li għandha. Arranġament bħal dan ġie ikkontemplat fl-Iskambju ta' Ittri bejn il-Komunità u l-Islanda u n-Norveġja, anness mal-Ftehim ta' l-Assoċjazzjoni hawn fuq imsemmi [8].

(11) B'mod konformi ma' l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit informa, permezz ta' ittra tas-6 ta' Settembru 2001, bix-xewqa li jipparteċipa fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(12) Dan ir-Regolament u l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fl-adozzjoni u l-applikazzjoni tiegħu huma mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti għall-parteċipazzjoni parzjali tar-Renju Unit fl-acquis ta' Schengen kif imfisser fid-Deċizjoni tal-Kunsill 2000/365/KE.

(13) Skond l-Artikolu 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka, li jinsab anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunitajiet Ewropej, id-Danimarka mhux qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u għalhekk mhijiex marbuta jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Minħabba li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta' Schengen taħt id-disposizzjonijiet tat-Titolu IV tat-tielet parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha tiddeċiedi, skond l-Artikolu 5 ta' l-imsemmi Protokoll, fi żmien sitt xhur wara l-adozzjoni ta' dan l-istrument jekk hijiex se timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen stabbilita skond id-disposizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni ta' Schengen 1990, għandha tkun sostitwita b'sistema ġdida, is-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen II (SIS II), li għandha tippermetti l-Istati Membri ġodda biex jiġu integrati f'din is-sistema.

Artikolu 2

Is-SIS II, li għandha tkun sistema integrata waħdanija, għandha tkun żviluppata mill-Kummissjoni, skond il-proċeduri imsemmija f'dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Il-Miżuri meħtieġa għall-iżvilupp tas-SIS II għandhom jiġu adottati skond il-proċedura ta' l-amministrazzjoni imsemmija fl-Artikolu 5(2) fejn jikkonċernaw affarijiet li mhumiex imniżżla fl-Artikolu 4.

Artikolu 4

Il-Miżuri meħtieġa għall-iżvilupp tas-SIS II dwar dan li ġej għandhom jittieħdu skond il-proċeduri regolatorji msemmija fl-Artikolu 5(3):

(a) it-tfassil ta' l-arkitettura fisika tas-sistema, inkluż in-networks ta' komunikazzjoni;

(b) aspetti tekniċi li jaffettwaw il-protezzjoni ta' data personali;

(ċ) aspetti tekniċi li għandhom implikazzjonijiet finanzjarji serji għall-budget ta' l-Istati Membri jew li għandhom implikazzjonijiet tekniċi serji għas-sistemi nazzjonali ta' l-Istati Membri;

(d) l-iżvilupp ta' ħtiġijiet ta' sigurtà.

Artikolu 5

1. Il-Kumissjoni għandha tkun assistita minn kumitat ta' Tmexxija jew Regolatorju rispettivament.

2. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahrejn.

3. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahrejn.

4. Il-kumitati rispettivi għandhom jadottaw ir-regoli ta' proċedura tagħhom.

Artikolu 6

Il-Kummissjoni għandha tissottometti sa l-aħħar ta' kull perjodu ta' sitt xhur, u għall-ewwel darba sa l-aħħar tat-tieni perjodu ta' sitt xhur tal-2002, rapport tal-progress lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-iżvilupp tas-SIS II.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha b'mod konformi mat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussel, fis-6 ta' Diċembru 2001.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Verwilghen

[1] ĠU C 183, tad-29.6.2001, p. 12.

[2] L-Opinjoni mgħotija fit-23 ta' Ottubru 2001 (għadha mhux maħruġa fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 239, 22.9.2000, p. 442.

[4] Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[5] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

[6] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

[7] ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

[8] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 53.

--------------------------------------------------

Top