EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0176

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija

/* COM/2014/0176 final */

52014DC0176

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija /* COM/2014/0176 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija

1.           Introduzzjoni

1.1.        Id-Direttiva

Id-Direttiva 2008/104/KE[1] dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva") ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill skont l-Artikolu 137(2) tat-Trattat KE (issa l-Artikolu 153(2) tat-TFUE).

L-għan tagħha huwa li tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija u li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol temporanju billi tiżgura li l-prinċipju ta' trattament indaqs li għandu jiġi applikat għall-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija, u billi tirrikonoxxi l-aġenziji tax-xogħol temporanju bħala impjegaturi, filwaqt li tqis il-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas xieraq biex jintuża għax-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija bil-għan li jikkontribwixxi b'mod effettiv għall-ħolqien u l-iżvilupp ta' forom flessibbli ta' xogħol.

B'mod partikolari, id-Direttiva:

tistabbilixxi l-prinċipju ta' trattament indaqs fl-impriżi tal-utenti, filwaqt li tippermetti ċerti derogi limitati b'kundizzjonijiet stretti; tipprevedi reviżjoni mill-Istati Membri, matul il-perjodu ta' traspożizzjoni, ta' restrizzjonijiet u projbizzjonijiet fuq ix-xogħol tal-aġenzija; ittejjeb l-aċċess tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija għall-impjiegi permanenti, għal faċilitajiet kollettivi fl-impriżi tal-utenti u għat-taħriġ; tinkludi dispożizzjonijiet dwar ir-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija.

Is-servizzi pprovduti mill-aġenziji tax-xogħol temporanju huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE[2] dwar is-servizzi fis-suq intern. Din id-Direttiva fl-Artikolu 2(2)(e) tiddikjara li ma għandhiex tapplika għas-servizzi tal-aġenziji tax-xogħol temporanju.

1.2.        Bażi legali u għan tar-rapport

Dan ir-rapport jirrevedi l-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri kif meħtieġ fl-Artikolu 12, li jipprevedi li:

"Sal-5 ta' Diċembru 2013, il-Kummissjoni għandha, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u s-sħab soċjali fil-livell Komunitarju, tirrevedi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva bil-għan li tipproponi, fejn ikun xieraq, l-emendi meħtieġa."

Dan ir-rapport għandu għan doppju. L-ewwel li jagħti ħarsa ġenerali lejn kif l-Istati Membri implimentaw id-Direttiva u jenfasizza l-problemi ewlenin. Madankollu, ma jistax jagħti kont b'mod eżawrjenti tal-miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali kollha.[3] It-tieni nett, jeżamina jekk l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tad-Direttiva, sentejn wara t-tmiem tal-perjodu ta' traspożizzjoni tagħha, jistax jiġġustifika xi emendi fit-test li huwa fis-seħħ bħalissa.

Ir-rapport tfassal abbażi tal-eżaminazzjoni tal-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri li jimplimentaw id-Direttiva, u fuq it-tweġibiet li l-Kummissjoni rċeviet għal żewġ kwestjonarji, wieħed dwar l-għażliet magħżula biex id-Direttiva tiġi implimentata fil-liġi nazzjonali, l-ieħor dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva u l-kwistjonijiet marbuta mal-ispejjeż.

It-tnejn li huma kienu sottomessi lill-Istati Membri. It-tieni wieħed kien indirizzat ukoll lis-sħab soċjali fil-livell Ewropew. Il-grupp ta' esperti tal-gvern dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva, li s-sħab soċjali Ewropej kienu involuti fix-xogħol tagħha, ikkontribwixxew ukoll għal dan ir-rapport. Ir-rapport huwa mfassal ukoll fuq l-informazzjoni disponibbli mill-Kummissjoni minn sorsi oħra, bħal rapporti ta' esperti indipendenti min-Netwerk Ewropew tal-Liġi tax-Xogħol.

Parti 5 tar-rapport hija bbażata fil-biċċa l-kbira fuq ir-rapport tal-Istati Membri dwar ir-riżultati tar-reviżjoni tar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet fuq l-użu tax-xogħol temporanju u dwar l-informazzjoni komplementari pprovduta minn għadd ta' pajjiżi fuq talba mill-Kummissjoni. Intużaw ukoll sorsi oħra disponibbli, b'mod partikolari l-ilmenti sottomessi lill-Kummissjoni u l-informazzjoni li toriġina mis-sħab soċjali Ewropej.

2.           Il-proċess ta' traspożizzjoni

Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri kellhom id-dmir li jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali sal-5 ta' Diċembru 2011, jew billi jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw magħha, jew billi jiżguraw li s-sħab soċjali jkunu introduċew id-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta' ftehim.

L-Istati Membri kollha ttrasponew id-Direttiva. F'numru ta' każijiet, it-traspożizzjoni saret tard u wara li l-Kummissjoni nediet il-proċeduri ta' ksur. Fil-bidu tal-2012, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' avviż formali għan-nuqqas ta' komunikazzjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni lil 15-il Stat Membru. Aktar tard dik is-sena, intbagħtu opinjonijiet immotivati lil tliet Stati Membri. Fl-Istat Membru li ttraspona d-Direttiva l-aħħar, il-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2013.

It-traspożizzjoni twettqet b'modi differenti. Dan huwa marbut mal-fatt li qabel ma d-Direttiva saret applikabbli, fi Stati Membri ix-xogħol temporanju kienet tirregolah il-liġi, prinċipalment f'oħrajn permezz ta' ftehmiet kollettivi, jew permezz b'taħlita tat-tnejn li huma. Xi Stati Membri ma kellhomx qafas legali applikabbli għax-xogħol temporanju, u b'hekk din il-forma ta' xogħol irregolawha b'mod speċifiku għall-ewwel darba meta trasponew id-Direttiva. Xi Stati Membri emendaw parti waħda mil-leġiżlazzjoni, filwaqt li oħrajn biddlu bosta testi legali.

Tliet Stati Membri (Franza, il-Lussemburgu u l-Polonja) ikkunsidraw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom diġà kienu jikkonformaw mad-Direttiva u ma kinux jeħtieġu xi emenda dwar id-dħul fis-seħħ.

3.           Il-kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet (Artikoli 1 u 3)

3.1.        L-applikazzjoni tad-Direttiva għall-impriżi tal-utenti li mhumiex involuti f'attivitajiet ekonomiċi (Artikolu 1(2))

L-Artikolu 1(2) jiddikjara li d-Direttiva tapplika għall-impriżi pubbliċi u privati li huma aġenziji tax-xogħol temporanju jew impriżi tal-utenti involuti f'attivitajiet ekonomiċi, kemm jekk ikunu qed joperaw biex jagħmlu qligħ kif ukoll jekk le.

L-aġenziji tax-xogħol temporanju ġeneralment jissodisfaw il-kundizzjoni li jkunu involuti f'attivitajiet ekonomiċi. Madankollu, xi attivitajiet tal-impriżi tal-utenti, pereżempju, dawk imwettqa minn partijiet tas-settur pubbliku, ma jistgħux jitqiesu bħala ekonomiċi.[4] L-Istati Membri għandhom id-dritt li jeskludu impriżi tal-utenti li mhumiex involuti f'attivitajiet ekonomiċi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva. Madankollu, 19-il Stat Membru qed japplikaw id-Direttiva għall-impriżi tal-utenti li mhumiex involuti f'attivitajiet ekonomiċi. Il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija u r-Renju Unit għażlu li jeskludu tali impriżi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tagħhom.

F'dan l-istadju, l-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni ma tidhirx li toħloq xi problema partikolari.

3.2.        Deroga għal programmi vokazzjonali pubbliċi jew appoġġjati mill-pubbliku ta' taħriġ, integrazzjoni jew taħriġ mill-ġdid (Artikolu 1(3))

L-Artikolu 1(3) jippermetti lill-Istati Membri, wara konsultazzjoni mas-sħab soċjali, jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom, ir-relazzjonijiet ta' impjieg konklużi fi programm vokazzjonali pubbliku jew appoġġjat mill-pubbliku ta' taħriġ, integrazzjoni jew taħriġ mill-ġdid.

Biċċa kbira mill-Istati Membri ma jeskludux xi waħda mir-relazzjonijiet imsemmija hawn fuq mid-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali tagħhom.

L-Awstrija, Ċipru, id-Danimarka, l-Ungerija, l-Irlanda, Malta u l-Isvezja ma japplikawx din l-esklużjoni. F'Ċipru u l-Irlanda, l-għan huwa li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni jew l-integrazzjoni mill-ġdid ta' ċerti kategoriji ta' nies li jistgħu jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jerġgħu jidħlu mill-ġdid fis-suq tax-xogħol. L-Isvezja teskludi l-ħaddiema li jibbenefikaw minn appoġġ speċjali għall-impjiegi jew impjiegi protetti, iżda biss fir-rigward tal-prinċipju ta' trattament indaqs. Pereżempju, id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-kumditajiet u l-faċilitajiet kollettivi u informazzjoni dwar postijiet vakanti fl-impriżi tal-utenti jibqgħu applikabbli għal dan il-grupp ta' impjegati.

Il-Kummissjoni ma ġietx infurmata dwar xi diffikultà speċifika fl-implimentazzjoni ta' din id-deroga jew dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-konformità tal-miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali b'din id-Direttiva.

3.3.        Definizzjonijiet (Artikoli 3(1)(a) sa (e))

L-Artikoli 3(1)(a) sa (e) jipprovdu definizzjonijiet ta' għadd ta' kunċetti ewlenin użati fid-Direttiva: "ħaddiem", "aġenzija tax-xogħol temporanju", "ħaddiem temporanju permezz ta' aġenzija", "impriża tal-utenti" u "assenjazzjoni".

Bosta Stati Membri (Ċipru, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, Malta, il-Portugall, l-Isvezja u r-Renju Unit) ipprovdew definizzjonijiet ta' mill-anqas xi wħud mill-kunċetti fil-leġiżlazzjoni ta' traspożizzjoni tagħhom, billi użaw formulazzjoni li fil-biċċa l-kbira tal-każi tkun simili ħafna għal dik użata fid-Direttiva. Dan jiċċara b'mod utli l-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali. Stati Membri oħrajn ma adottawx tali definizzjonijiet.

Fil-Latvja, il-leġiżlazzjoni ta' traspożizzjoni tiddikjara b'mod espliċitu li l-aġenzija tax-xogħol temporanju għandha titqies bħala l-impjegatur tal-ħaddiem temporanju permezz ta' aġenzija. Dan jipprovdi kjarifika utli f'konformità mad-definizzjonijiet fl-Artikolu 3(1), skont liema ħaddiem temporanju permezz ta' aġenzija għandu relazzjoni ta' xogħol ma' aġenzija tax-xogħol temporanju bil-għan li jiġi assenjat ma' impriża tal-utenti biex jaħdem b'mod temporanju bis-superviżjoni u t-tmexxija tagħha.

4.           Prinċipju ta' trattament indaqs

4.1.        Trattament indaqs fir-rigward tal-kundizzjonijiet bażiċi ta' xogħol u impjieg (Artikoli 3(1)(f), 3(2), l-ewwel subparagrafu, u 5(1))

L-Artikolu 5(1) jistabbilixxi l-prinċipju ta' trattament indaqs fl-impriżi tal-utenti. Skont dan il-prinċipju, sa mill-ewwel jum tal-assenjazzjoni tagħhom, il-ħaddiema permezz ta' aġenzija għandu jkollhom kundizzjonijiet bażiċi ta' xogħol u impjieg li jkunu japplikaw li kieku kienu jiġu impjegati direttament mill-kumpanija tal-utenti biex jokkupaw l-istess inkarigu. Dawn il-kundizzjonijiet ikopru l-paga, kif ukoll id-durata tal-ħin tax-xogħol, is-sahra, il-pawżi, il-perjodi ta' mistrieħ, ix-xogħol billejl, il-vaganzi u l-btajjel pubbliċi. Għandhom jiġu applikati għall-ħaddiema permezz ta' aġenzija sa punt li jkunu jikkostitwixxu dispożizzjonijiet ġenerali vinkolanti fis-seħħ fl-impriża tal-utenti. Il-kundizzjonijiet għandhom ukoll jikkonformaw mar-regoli fis-seħħ fl-impriża tal-utenti dwar il-protezzjoni tan-nisa tqal u l-ommijiet li jkunu qed ireddgħu, il-protezzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ, kif ukoll it-trattament indaqs tal-irġiel u n-nisa u kwalunkwe miżuri kontra d-diskriminazzjoni[5].

Jistgħu jiġu applikati ċerti derogi mill-prinċipju ta' trattament indaqs. Madankollu, id-Direttiva tiddefinixxi kundizzjonijiet stretti għal dawn, kif spjegat hawn taħt.

Għadd ta' Stati Membri diġà applikaw il-prinċipju ta' trattament indaqs qabel ma d-Direttiva daħlet fis-seħħ. Bħalissa l-Istati Membri jirrikonoxxu dan il-prinċipju. Madankollu, 12-il Stat Membru jippermettu derogi mill-prinċipju b'ċerti kundizzjonijiet. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għażlu formulazzjoni li hija kemxejn differenti mit-termini użati fid-Direttiva, b'mod partikolari dwar it-traspożizzjoni tal-Artikolu 5(1), l-ewwel subparagrafu, li jiddefinixxi l-prinċipju ta' trattament indaqs, u tal-Artikolu 3(1)(f), li jistabbilixxi l-kamp ta' applikazzjoni tal-kunċett ta' "kundizzjonijiet bażiċi ta' xogħol u impjieg".

Pereżempju, fl-Estonja, l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament indaqs hija bbażata fuq il-kunċett ta' "ħaddiem paragunabbli" fl-impriża tal-utenti. Jekk ma jkun hemm ebda ħaddiem paragunabbli, il-paragun għandu jsir b'referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli. Jekk ma jkun hmm ebda ftehim kollettiv, impjegat involut fl-istess xogħol jew xogħol simili fl-istess reġjun jitqies bħala ħaddiem paragunabbli. Jidher li fil-Polonja u fir-Renju Unit, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu applikati għall-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija huma stabbiliti wkoll b'paragun mal-ħaddiema paragunabbli fl-impriża tal-utenti.

Il-Kummissjoni se tissorvelja jekk fil-prattika tali referenza għal ħaddiem paragunabbli tiżgurax l-applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta' trattament indaqs jew jekk twassalx għal prattiki diskriminatorji kontra l-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija. Jekk ikun meħtieġ, se tadotta miżuri xierqa biex tiżgura konformità sħiħa mad-Direttiva.

Il-Kummissjoni se tiżgura wkoll li l-kunċett ta' "kundizzjonijiet bażiċi ta' xogħol u impjieg" jiġi implimentat b'mod korrett fl-Istati Membri kollha. Dan il-kunċett ikopri l-paga kif ukoll id-durata tal-ħin tax-xogħol, is-sahra, il-pawżi, il-perjodi ta' mistrieħ, ix-xogħol billejl, il-vaganzi u l-btajjel pubbliċi. Din hija lista obbligatorja li minnha ma tista' ssir l-ebda deroga.

4.2.        Derogi possibbli

4.2.1.     Derogi previsti fl-Artikolu 5(2)

Skont l-Artikolu 5(2), l-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw is-sħab soċjali, jipprevedu eżenzjoni minn paga ugwali jekk il-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija li għandhom kuntratt ta' impjieg permanenti ma' aġenzija tax-xogħol temporanju jibqgħu jitħallsu fiż-żmien bejn l-assenjazzjonijiet. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma japplikawx din id-deroga.

Madankollu, l-Ungerija, l-Irlanda, Malta, l-Isvezja u r-Renju Unit jipprevedu l-possibbiltà li ssir deroga mill-paga ugwali matul l-assenjazzjonijiet għall-ħaddiema permezz ta' aġenzija b'kuntratt ta' impjieg miftuħ li jitħallsu wkoll anki bejn l-assenjazzjonijiet, jiġifieri matul perjodi li fihom ma jkunux qed jaħdmu.

Fl-Ungerija, skont il-Kodiċi tax-Xogħol, il-ħaddiema permezz ta' aġenzija li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet għandhom id-dritt għal trattament indaqs fir-rigward tal-ħlas tal-pagi u benefiċċji oħra mill-184 jum ta' xogħol f'impriża tal-utenti.

Fl-Irlanda, l-Att tal-2012 dwar il-Protezzjoni tal-Impjegati (ix-Xogħol Temporanju) jiddikjara li l-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija b'kuntratt ta' impjieg permanenti m'għandhomx dritt għal paga ugwali matul l-assenjazzjonijiet tagħhom, sakemm fil-perjodu bejn l-assenjazzjonijiet jitħallsu tal-anqas nofs il-paga li kienu intitolati għaliha fir-rigward tal-assenjazzjoni l-aktar riċenti tagħhom, u mhux anqas mill-paga minima nazzjonali tagħhom. Qabel ma ħaddiem permezz ta' aġenzija jidħol f'kuntratt ta' impjieg, l-aġenzija tax-xogħol temporanju għandha tinnotifikah/a bil-miktub li mhux se jkun/tkun intitolat/a għal paga ugwali.

Dispożizzjonijiet simili japplikaw fir-Renju Unit, fejn ir-Regolamenti tal-2010 dwar il-Ħaddiema Temporanji permezz ta' Aġenzija għal eżenzjoni mid-dispożizzjonijiet ta' trattament indaqs għall-paga u l-liv imħallas fir-rigward tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(2). F'dak iż-żmien bejn l-assenjazzjonijiet, il-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija huma intitolati għal tal-anqas 50% tal-paga bażika li tħallsu matul l-aħħar 12-il ġimgħa tal-assenjazzjoni ta' qabel u, f'kull każ, għall-paga minima nazzjonali. Il-kuntratt ta' impjieg għandu jinkludi dikjarazzjoni li l-ħaddiem temporanju permezz ta' aġenzija mhux se jkun intitolat għal paga ugwali.

F'Malta, ir-Regolamenti tal-2010 dwar il-Ħaddiema Temporanji permezz ta' Aġenzija jiddikjaraw li d-dispożizzjoni li tintroduċi paga ugwali ma għandhiex tapplika għal ħaddiem temporanju permezz ta' aġenzija li jkollu kuntratt ta' impjieg indefinit u jitħallas bejn l-assenjazzjonijiet.

F'konformità mal-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva fl-Isvezja, fir-rigward tal-paga, ir-rekwiżit ta' trattament indaqs ma japplikax għall-ħaddiema li huma impjegati b'mod permanenti ma' aġenzija tax-xogħol temporanju u jitħallsu bejn l-assenjazzjonijiet.

Għalhekk, il-ħames Stati Membri msemmija hawn fuq jagħmlu derogi mill-prinċipju ta' paga ugwali matul il-perjodi fejn il-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija huma assenjati mal-impriżi tal-utenti. Mingħajr preġudizzju għall-pagi minimi applikabbli, l-ebda wieħed minnhom ma adotta regoli li jillimitaw il-qies tad-deroga matul l-assenjazzjonijiet, pereżempju, billi jistabbilixxu livell minimu speċifiku ta' paga. Fir-rigward tal-perjodi bejn l-assenjazzjonijiet, l-Ungerija, Malta u l-Isvezja ma stabbilixxewx livelli minimi ta' paga li għandhom jiġu rispettati. Madankollu, f'Malta, il-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija huma intitolati għall-istess livell ta' paga matul l-assenjazzjonijiet u bejniethom.

Bħala deroga mill-prinċipju ta' trattament indaqs, l-Artikolu 5(2) għandu jiġi interpretat b'mod restrittiv. Ma jikkonċernax ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija b'kuntratti għal terminu fiss, u jista' jiġi applikat biss għal dawk li jaħdmu b'kuntratt ta' impjieg permanenti.

Fid-dawl tal-implimentazzjoni nazzjonali tal-Artikolu 5(2), id-deroga ġġib bosta mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni, l-aktar dwar jekk il-livell ta' paga li għandha tingħata lill-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija waqt u bejn l-assenjazzjonijiet jistax ikun legalment baxx daqs il-paga minima applikabbli, jekk ikun hemm, filwaqt li l-pagi minimi mhumiex soġġetti għal xi limitu aktar baxx. Iridu jitqiesu wkoll il-miżuri maħsuba biex jevitaw l-użu ħażin tad-deroga.

Dawn il-mistoqsijiet għandhom jiġu eżaminati fid-dettall fil-laqgħat futuri tal-Grupp ta' Esperti dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva. Ikun xi jkun il-każ, il-Kummissjoni se tadotta l-miżuri xierqa biex tiżgura li kull Stat Membru jkun konformi għalkollox mad-Direttiva.

4.2.2.     Deroga prevista fl-Artikolu 5(3)

Skont l-Artikolu 5(3), l-Istati Membri jistgħu, wara konsultazzjoni mal-partijiet soċjali, jippermettulhom jikkonkludu jew iżommu ftehmiet kollettivi dwar il-kundizzjonijiet ta' xogħol u impjieg ta' ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija li jidderogaw mill-prinċipju ta' trattament indaqs, sakemm tiġi rispettata l-protezzjoni globali ta' ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija. L-Artikolu 5(3) għandu jinqara fid-dawl tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 91/383/KEE[6] dwar is-saħħa u s-sigurtà fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta' impjieg b'dewmien fiss jew ta' impjieg temporanju. Skont din id-dispożizzjoni, trattament differenti ta' ħaddiem li għandu relazzjoni ta' impjieg temporanju ma' negozju ta' impjieg temporanju mhuwiex iġġustifikat fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' xogħol fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għażlu li ma japplikawx id-deroga tal-Artikolu 5(3). Madankollu, din id-dispożizzjoni tipprevedi għal grad ta' flessibbiltà u tqis il-fatt li f'ċerti Stati Membri, ix-xogħol temporanju kien tradizzjonalment irregolat l-aktar permezz ta' ftehmiet kollettivi. Għaxar Stati Membri (l-Awstrija, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja) adottaw dispożizzjonijiet li jippermettu ftehimiet kollettivi li jiddevjaw mit-trattament indaqs tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija. L-Awstrija, l-Irlanda u l-Isvezja għamlu referenza għall-ħtieġa li dawn il-ftehmiet kollettivi jiġu bbilanċjati b'mod xieraq biex jiġi żgurat li ma jippreġudikawx il-protezzjoni globali tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija.

Fil-preżent, il-Kummissjoni ma ġietx infurmata dwar xi problema partikolari fl-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni. Se tissorvelja l-konformità mal-"protezzjoni globali tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija" fil-każijiet kollha, speċjalment jekk id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali ma jagħmlux referenza għal dan il-kunċett.

4.2.3.     Deroga prevista fl-Artikolu 5(4)

Skont l-Artikolu 5(4), l-Istati Membri li m'għandhomx sistema biex il-ftehmiet kollettivi jiġu ddikjarati applikabbli b'mod universali jew m'għandhomx sistema biex jiġu estiżi d-dispożizzjonijiet tagħhom għall-impriżi simili kollha f'ċertu settur jew żona ġeografika jistgħu, abbażi ta' ftehim konkluż mis-sħab soċjali nazzjonali, jidderogaw mit-trattament indaqs fir-rigward tal-kundizzjonijiet bażiċi ta' xogħol u impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija, sakemm ikollhom livell xieraq ta' protezzjoni. Dan jista' jinkludi perjodu ta' kwalifika għal trattament indaqs.

Ir-Renju Unit u Malta biss irrikorrew għall-Artikolu 5(4). Fir-Renju Unit, il-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija għandhom dritt għal trattament indaqs fl-impriża tal-utenti ladarba jkunu lestew perjodu ta' kwalifika ta' 12-il ġimgħa fl-istess impjieg mal-istess impjegatur. F'Malta, il-prinċipju ta' trattament indaqs, sakemm ikun relatat mal-paga, ma japplikax għall-ewwel erba' ġimgħat ta' assenjazzjoni jekk dik l-assenjazzjoni ddum 14-il ġimgħa jew aktar.

L-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 5(4) għandhom jispeċifikaw jekk l-iskemi ta' sigurtà soċjali tax-xogħol, inklużi l-pensjoni, il-ħlas għall-mard jew l-iskemi ta' parteċipazzjoni finanzjarja, huma inklużi fil-kundizzjonijiet bażiċi ta' xogħol u impjieg. Ir-Renju Unit u Malta effettivament jeskludu dawn l-iskemi mill-kundizzjonijiet bażiċi ta' xogħol u impjieg li l-ħaddiema tal-aġenzija għandhom dritt għalihom.

Barra minn hekk, l-Artikolu 5(5) jitlob lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jevitaw l-użu ħażin fl-applikazzjoni tal-Artikolu 5 u, b'mod partikolari, l-assenjazzjonijiet suċċessivi mfassla biex jevitaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Ir-riskju li jiġu evitati l-prinċipji ta' trattament indaqs u pagi ugwali huwa partikolarment għoli jekk il-prinċipji ma jiġux applikati sa mill-ewwel jum tal-assenjazzjonijiet tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija, iżda biss wara perjodu ta' kwalifika.

Ir-Renju Unit adotta miżuri ddettaljati biex jevita l-użu ħażin tal-leġiżlazzjoni tiegħu, fost l-oħrajn billi jiddikjara li f'każ ta' waqfien ta' mhux aktar minn sitt ġimgħat f'assenjazzjoni, l-perjodu ta' "kwalifika" ma jerġax jibda mill-bidu. F'Malta, jekk ħaddiem temporanju permezz ta' aġenzija li ma jkunx tħallas paga ugwali matul l-ewwel erba' ġimgħat tal-assenjazzjoni tiegħu/tagħha jiġi/tiġi sussegwentement sostitwit/a, il-ħaddiem temporanju permezz ta' aġenzija assenjat bħala sostitut se jibbenefika minn trattament indaqs mill-ewwel jum tal-assenjazzjoni tiegħu.

5.           Reviżjoni tar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet fuq l-użu ta' xogħol temporanju (Artikolu 4)

5.1.        Għan tal-Artikolu 4

L-Artikolu 4 jiddikjara li l-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonjiet fuq l-użu ta' xogħol temporanju għandhom jiġu ġġustifikati biss fuq raġunijiet ta' interess ġenerali relatati b'mod partikolari ma':

- il-protezzjoni ta' ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija;

- ir-rekwiżiti ta' saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol;

- il-ħtieġa li jiġi żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem sew;

- il-ħtieġa li jiġi żgurat li jiġu evitati l-abbużi.

L-Istati Membri kellhom l-obbligu, wara li kkonsultaw mas-sħab soċjali, li jirrevedu dawn il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet biex jivverifikaw jekk kinux iġġustifikati fuq raġunijiet ta' interess ġenerali u li jinformaw lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta' din ir-reviżjoni sa tmiem il-perjodu ta' traspożizzjoni (5 ta' Diċembru 2011). Il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet stabbiliti mill-ftehimiet kollettivi, jistgħu jiġu rriveduti mis-sħab soċjali li kienu nnegozjaw il-ftehim.

Fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tar-reviżjoni, kif indikat fir-Rapport tal-2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar ix-xogħol tal-Grupp ta' Esperti dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar ix-xogħol temporanju, dan għandu jkopri kwalunkwe miżura, pereżempju, miżuri stabbiliti mil-leġiżlazzjoni, ir-regolamenti jew d-dispożizzjonijiet amministrattivi, applikati fl-Istati Membri u li għandhom l-għan li jimponu limitazzjonijiet fuq ix-xogħol temporanju jew iħallu dan l-effett.

Barra minn hekk, l-Artikolu 4(4) jagħmilha ċara li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 huma mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti nazzjonali fir-rigward tar-reġistrazzjoni, il-liċenzjar, iċ-ċertifikazzjoni, il-garanziji finanzjarji jew is-sorveljanza tal-aġenziji tax-xogħol temporanju. Għaldaqstant, ir-rekwiżiti li jaqgħu f'waħda minn dawn il-kategoriji, li għandhom x'jaqsmu mal-aċċess għas-suq u t-twettiq tal-attivitajiet tal-aġenziji tax-xogħol temporanju, jibqgħu ma jagħmlux parti mill-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligu li jiġu riveduti r-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet.

Għalhekk, l-Artikolu 4 inaqqas il-kamp ta' applikazzjoni tal-ġustifikazzjonijiet li jistgħu jirrikorru għalihom l-Istati Membri biex jillimitaw l-użu ta' xogħol temporanju. L-Artikolu 4(1) huwa vinkolanti għall-Istati Membri kollha. Huwa f'idejn l-Istat Membru li jiddeċiedu fil-kuntest nazzjonali tiegħu dwar il-metodu li għandu jintuża biex tiġi implimentata din id-dispożizzjoni. M'hemm ebda limitu ta' żmien għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 4(1). L-Artikolu 4 jobbliga lill-Istati Membri jwettqu reviżjoni tal-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet fuq l-użu tax-xogħol temporanju, biex jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati tar-reviżjoni, u biex jipprovdu ġustifikazzjonijiet għall-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet fuq raġunijiet ta' interess ġenerali.

5.2.        Riżultati tar-reviżjoni mill-Istati Membri

L-Istati Membri kollha infurmaw lill-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tar-reviżjoni tar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet fuq l-użu tax-xogħol temporanju.

Erbgħa u għoxrin Stat Membru rrapportaw dwar ir-riżultati tar-reviżjoni li wettqu. Erba' Stati Membri (l-Irlanda, il-Lussemburgu, Malta u r-Renju Unit) iddikjaraw li ma kienet fis-seħħ l-ebda restrizzjoni jew projbizzjoni. Għalhekk, ma saret l-ebda reviżjoni f'dawn l-Istati Membri.

Fil-każijiet tal-Irlanda, Malta u r-Renju Unit, l-eżaminazzjoni tal-Kummissjoni ma identifikat ebda restrizzjoni jew projbizzjoni speċifika li tagħmilha neċessarja għal dawn l-Istati Membri li jwettqu reviżjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati. Fir-rigward tal-Lussemburgu, il-Kummissjoni identifikat restrizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, pereżempju, fir-rigward tad-durata tal-assenjazzjonijiet jew l-eżistenza ta' lista ta' raġunijiet permissibbli għall-użu tax-xogħol temporanju. Għalhekk, il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet fis-seħħ fil-Lussemburgu għandhom jiġu riveduti wara konsultazzjoni mas-sħab soċjali skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva.

Ir-rapporti dwar ir-riżultati tar-reviżjoni tar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet ipprovduti mill-24 Stat Membru kienu differenti ħafna f'termini ta' format u tul. Fil-biċċa l-kbira tal-każi, dawn kienu kkumplimentati minn informazzjoni speċifika, aktar preċiża, ipprovduta fuq talba mill-Kummissjoni.

Din id-diversità hija attribwita b'mod parzjali għall-varjetà ta' sitwazzjonijiet li wieħed jiltaqa' magħhom fl-Istati Membri. Minkejja li b'mod globali x-xogħol temporanju jammonta biss għal parti żgħira ta' ħaddiema impjegati, dan huwa ħafna aktar mifrux f'xi pajjiżi milli f'oħrajn. F'xi Stati Membri, ġie adottat qafas legali nazzjonali għax-xogħol temporanju fis-sittinijiet (il-Pajjiżi l-Baxxi) jew is-sebgħinijiet (Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit). F'għadd ta' oħrajn, ġie rregolat ħafna aktar reċentement, f'xi każijiet fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva biss. Barra minn hekk, minkejja li l-għadd ta' ħaddiema tal-aġenzija huwa relattivament modest, ma nistgħux niċħdu l-importanza ta' din il-flessibbiltà tax-xogħol fil-funzjonament tas-swieq tax-xogħol nazzjonali. L-Istati Membri għamlu għażliet speċifiċi f'termini ta' politika dwar l-impjiegi, pereżempju, billi jiffavorixxu l-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol għal gradi varjabbli. Tali għażliet għandhom influwenza fuq ir-rwol u l-post tax-xogħol temporanju fis-swieq tax-xogħol rispettivi tagħhom.

Ħames Stati Membri (id-Danimarka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u s-Slovakkja), fir-rapport tagħhom dwar ir-riżultati ddikjaraw li ma japplikaw ebda projbizzjoni jew restrizzjoni fuq l-użu tax-xogħol tal-aġenzija.

Barra minn hekk, bosta Stati Membri għarrfu wkoll lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva u li għandhom x'jaqsmu eż. mar-reġistrazzjoni u l-garanziji finanzjarji tal-aġenziji tax-xogħol temporanju. Ma jeżisti l-ebda obbligu ta' reviżjoni fir-rigward ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

5.2.1.     Ġustifikazzjoni tal-projbizzjonijiet u restrizzjonijiet minħabba interess ġenerali

Il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet applikati mill-Istati Membri fuq l-użu tax-xogħol temporanju jistgħu jiġu ġġustifikati biss għal raġunijiet ta' interess ġenerali, kif indikat fil-punt 5.1. Billi jagħmlu referenza għar-"raġunijiet ta' interess ġenerali li huma relatati mal-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji ta' aġenzija, ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol jew il-ħtieġa li jiġi żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem sew u li ma jkunx hemm abbużi", l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jipprevedi lista indikattiva, mhux eżawrjenti tar-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet.

L-Istati Membri kellhom id-dmir li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-ġustifikazzjoni għall-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet li japplikaw sa tmiem il-perjodu ta' traspożizzjoni. Dawn elenkaw għadd ta' projbizzonijiet u restrizzjonijiet u, fil-biċċa l-kbira tal-każi, iċċitaw raġuni waħda jew aktar ta' interess ġenerali li huma enumerati fl-Artikolu 4(1) bħala ġustifikazzjoni. Jekk ikkunsidraw li l-istess ġustifikazzjoni tista' tapplika għal bosta miżuri restrittivi, dawn ipprovdew ġustifikazzjoni komuni għal projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet differenti.

Fuq kollox u bi ftit eċċezzjonijiet, l-Istati Membri pprovdew biss ġustifikazzjonijiet ġenerali ħafna għad-dispożizzjonijiet restrittivi fis-seħħ, anki meta l-Kummissjoni talbet informazzjoni komplementari fuq ir-raġunijiet għaliex l-awtoritajiet nazzjonali kkunsidraw li l-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet li jibqgħu applikabbli kienu ġġustifikati fuq raġunijiet ta' interess ġenerali.

L-Istati Membri għamlu referenza b'mod partikolari għall-ġustifikazzjonijiet elenkati fl-Aritkolu 4(1) tad-Direttiva:

Għadd ta' Stati Membri (b'mod partikolari l-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja) għamlu referenza għall-"protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija" biex jispjegaw u jipprovdu ġustifikazzjoni għal ċerti projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fis-seħħ.

Pereżempju, din hija waħda mill-ġustifikazzjonijiet li ntużaw fir-rigward tar-restrizzjonijiet applikabbli fl-industrija tal-kostruzzjoni fil-Ġermanja. Il-Polonja qalet li l-limitazzjoni tal-perjodu li matulu ħaddiem permezz ta' aġenzija jista' jaħdem f'impriża tal-utenti unika hija relatata man-natura temporanja tal-kompiti li l-ħaddiema temporanji tal-aġenzija jistgħu jwettqu u tikkontribwixxi għall-protezzjoni tagħhom.

Ir-"rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol" kienu ċċitati minn għadd ta' Stati Membri (b'mod partikolari l-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja) biex jiġġustifikaw restrizzjonijiet fl-użu tal-ħaddiema permezz ta' aġenzija biex iwettqu kompiti li jinvolvu riskji speċjali għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema jew probizzjoni diretta. Ċerti Stati Membri rrikorrew għal din il-ġustifikazzjoni flimkien ma' ġustifikazzjonijiet oħra elenkati fl-Artikolu 4(1), b'mod partikolari l-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji tal-aġenzija (il-Kroazja, il-Portugall, is-Slovenja).

Fis-Slovenja, fejn ftehim kollettiv bejn il-fergħat jista' jipprojbixxi l-użu ta' ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija, il-possibbiltà li tiġi prevista tali projbizzjoni ġiet ristretta għal każijiet fejn l-għan tal-projbizzjoni huwa li jiggarantixxi aktar protezzjoni għall-ħaddiema jew għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

L-Artikolu 4(1) għandu jinqara fid-dawl tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/383/KEE dwar is-saħħa u s-sigurtà fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta' impjieg b'dewmien fiss jew ta' impjieg temporanju. Skont dan, l-Istati Membri għandhom l-għażla li jipprojbixxu l-ħaddiema permezz ta' aġenzija "milli jintużaw għal ċertu xogħol (...) li jkun partikolarment perikoluż għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom, u b'mod partikolari għal ċertu xogħol li jeħtieġ sorveljanza medika speċjali (...)". Fin-nuqqas ta' xi definizzjoni fil-liġi tal-UE tal-kunċett ta' xogħol li huwa partikolarment perikoluż għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, l-Istati Membri huma kompetenti biex jidentifikaw l-attivitajiet ikkonċernati, fil-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Bosta Stati Membri (b'mod partikolari l-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Franza, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u l-Isvezja) għamlu referenza għall-"ħtieġa li jiġi żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem tajjeb" biex jiġġustifikaw miżuri restrittivi, bħal lista limitattiva ta' raġunijiet għall-użu tal-ħaddiema permezz ta' aġenzija (Franza, l-Italja, il-Polonja), limitazzjonijiet fuq in-numru jew il-proporzjon ta' ħaddiema permezz ta' aġenzija li jistgħu jintużaw f'impriża tal-utenti (il-Belġju, l-Italja), jew l-obbligu għall-impjegatur li jinnegozja ma' organizzazzjoni ta' ħaddiema qabel juża l-ħaddiema permezz ta' aġenzija (l-Isvezja). Bosta Stati Membri (il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Polonja, l-Isvezja) iġġustifikaw ċerti projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq l-użu tax-xogħol tal-aġenzija bil-"ħtieġa li jiżguraw li ma jkunx hemm abbużi". Din il-ġustifikazzjoni ntużat fir-rigward ta' miżuri differenti bħal restrizzjonijiet fuq in-natura tal-kompiti li jistgħu jiġu assenjati lill-ħaddiema permezz ta' aġenzija (l-Italja, il-Polonja), il-possibbiltà għall-ftehmiet kollettivi nazzjonali li jistabbilixxu limiti kwantitattivi fuq l-użu ta' kuntratti għal żmien twil għax-xogħol tal-aġenzija (l-Italja), jew il-ħtieġa, f'ċerti każijiet għall-impriża tal-utenti li tikseb il-kunsens tad-delegazzjoni tal-unjoni tagħha qabel ma tuża l-ħaddiema temporanji tal-aġenzija (il-Belġju).

Il-"ħtieġa li jiġi żgurat li ma jkunx hemm abbużi" xi drabi ġiet iċċitata flimkien ma' ġustifikazzjonijiet oħra mfassla mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, b'mod partikolari l-ħtieġa li jiġi żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem sew (l-Italja, il-Polonja, l-Isvezja).

Il-ġustifikazzjonijiet li ġejjin intużaw ukoll minn xi Stati Membri fir-rigward tal-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet fis-seħħ:

Fost l-Istati Membri li japplikaw projbizzjoni fuq l-użu tal-ħaddiema temporanji tal-aġenzija biex jissostitwixxu l-ħaddiema li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jistrajkaw (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Polonja, is-Slovenja, Spanja), erbgħa (il-Belġju, il-Greċja, l-Ungerija u l-Italja) għamlu referenza b'mod espliċitu għall-protezzjoni tad-dritt ta' strajk. Bosta Stati Membri ċċitaw il-premessa 20 tad-Direttiva, skont liema d-dispożizzjonijiet dwar ir-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet fuq ix-xogħol temporanju huma mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prattiki li jipprojbixxu lill-ħaddiema fuq strajk milli jiġu sostitwiti minn ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija. Bosta Stati Membri (il-Belġju, Franza, il-Greċja, il-Polonja) spjegaw bosta miżuri restrittivi bil-ħtieġa li jħarsu l-impjiegi permanenti u li jevitaw sitwazzjoni fejn il-pożizzjonijiet permanenti jistgħu jimtlew minn ħaddiema impjegati fuq bażi temporanja. B'mod partikolari, dawn użaw din il-ġustifikazzjoni biex jillimitaw id-durata tal-assenjazzjonijiet u biex jispjegaw l-eżistenza ta' lista ta' raġunijiet permissibbli għall-użu ta' xogħol temporanju bħal, pereżempju, is-sostituzzjoni ta' ħaddiem assenti, żieda temporanja fil-volum ta' xogħol, jew it-twettiq ta' kompiti eċċezzjonali jew staġjonali. L-Awstrija għamlet referenza għall-protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa tal-bniedem biex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-kwoti li jillimitaw il-proporzjon ta' ħaddiema temporanji tal-aġenzija li jistgħu jintużaw f'impriża tal-utenti għal ċerti professjonijiet fis-settur tas-saħħa sa 10% jew 15%.

Fil-kuntest tar-reviżjoni tagħhom tar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet milli jintuża x-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija, l-Istati Membri setgħu qiesu li jneħħu ċerti projbizzjonijiet u restrizzjonijiet li kienu oriġinarjament ġustifikati mix-xewqa li jiġu protetti l-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija. Pereżempju, ir-Rumanija, fejn kienet fis-seħħ lista limitattiva ta' raġunijiet għall-użu ta' xogħol temporanju, issa tagħmilha possibbli li wieħed jirrikorri għal din il-forma ta' xogħol "għat-twettiq ta' kompiti speċifiċi temporanji". Fl-Iżvezja tneħħiet il-projbizzjoni milli jkun assenjat ħaddiem temporanju permezz ta' aġenzija lill-impjegatur li kellu qabel fl-ewwel sitt sitt wara li jintemm il-kuntratt tal-impjieg, u dan b'effett mill-1 ta' Jannar 2013. Fil-Belġju jista' jitħalla jsir rikors għal ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija iżda skont ċertu kundizzjonijiet għal finijiet ta' integrazzjoni, jiġifieri bil-ħsieb li għal ingaġġ dirett possibbli tal-ħaddiema permezz tal-impriża tal-utenti.

Għalkemm jaf tneħħew ftit restrizzjonijiet u projbizzjonijiet milli jintuża x-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija, ir-reviżjoni għadha ma ħolqotx bidliet kbar fil-qies tal-miżuri restrittivi li japplikaw l-Istati Membri. Madankollu, f'għadd ta' Stati Membri, il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet u l-ġustifikazzjoni tagħhom, jibqgħu jiġu diskussi, anki mas-sħab soċjali, bil-ħsieb li jaf isirilhom xi aġġustamenti kumplimentari. Għaldaqstant f'bosta Stati Membri (bħall-Belġju, il-Greċja u l-Pajjiżi l-Baxxi) ir-reviżjoni tar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet għadha ma tlestietx.

Madankollu, billi tiddikjara li l-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet huma ġġustifikati biss fuq raġunijiet ta' interess ġenerali, l-Artikolu 4(1) jawtorizza lill-Istati Membri biex ikomplu japplikaw għadd ta' projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet li huma bbażati fuq tali raġunijiet. Fil-fehma tal-Kummissjoni, sal-punt li dawn il-miżuri ristrettivi huma r-riżultat ta' għażliet ta' politika bbażati fuq raġunijiet leġittimi u huma proporzjonati għall-għan tagħhom, jidhru li huma ġġustifikati fuq raġunijiet ta' interess ġenerali, mingħajr preġudizzju għal eżaminazzjoni aktar iddettaljata ta' dawn il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet fuq bażi ta' każ b'każ.

Il-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija, ir-rekwiżiti ta' saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol, il-ħtieġa li jiġi żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem sew u li jiġu evitati l-abbużi, tista' tiġġustifika ċerti projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq l-użu tax-xogħol temporanju. Raġunijiet oħra ta' interess ġenerali jistgħu jiġġustifikaw ukoll miżuri restrittivi sakemm ikunu leġittimi u proporzjonati għall-objettiv tagħhom. Sakemm jikkonformaw mad-Direttiva dwar ix-xogħol temporanju u leġiżlazzjoni u prinċipji oħra applikabbli tal-UE, bħal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-libertà ta' stabbiliment u l-leġiżlazzjoni dwar in-nondiskriminazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jirregolaw tipi differenti ta' impjiegi, inkluż xogħol temporanju, u jiżguraw il-funzjonament xieraq tas-suq skont l-għażliet ta' politika tagħhom stess.

Il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet li jammontaw għad-diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema temporanji tal-aġenzija ma jistgħux jitqiesu bħala ġustifikati fuq raġunijiet ta' interess ġenerali. Pereżempju, projbizzjoni fuq l-impjegar ta' persuni b'diżabbiltà bħala ħaddiema temporanji permezz tal-aġenzija ma tistax tiġi ġġustifikata, la mill-ħtieġa li jiġi żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem sew, u lanqas mill-protezzjoni ta' dawk il-persuni jew ir-rekwiżiti ta' saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol.

5.2.2.     Konsultazzjoni mas-sħab soċjali

Kif intqal fil-punt 5.1, l-Istati Membri kellhom id-dmir li jikkonsultaw mas-sħab soċjali qabel jirrevedu l-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet. Barra minn hekk, fejn huma stabbiliti projbizzjonijiet u restrizzjonijiet mill-ftehimiet kollettivi, is-sħab soċjali li kienu nnegozjaw il-ftehim setgħu jwettqu r-reviżjoni.

L-Istati Membri li rrevedew il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet fis-seħħ involvew is-sħab soċjali b'bosta modi, billi jirriflettu d-diversità tas-swieq tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali madwar l-UE kollha.

Dawn jistgħu jiġu miġbura fi tliet kategoriji ewlenin:

L-Istati Membri fejn is-sħab soċjali kienu kkonsultati fil-qafas tar-reviżjoni tal-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet (il-Belġju, il-Kroazja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Polonja u l-Portugall); xi wħud minnhom, b'mod varjabbli, ipprovdew lill-Kummissjoni bil-fehmiet tas-sħab soċjali (il-Belġju, il-Greċja, il-Polonja u l-Portugall); L-Istati Membri fejn ir-reviżjoni twettqet fil-biċċa l-kbira tagħha mis-sħab soċjali stess, minħabba li l-parti l-kbira tal-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet huma stabbiliti minn ftehimiet kollettivi (id-Danimarka, il-Finlandja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja); il-Finlandja u l-Isvezja infurmaw lill-Kummissjoni dwar il-fehmiet tas-sħab soċjali; L-Istati Membri fejn is-sħab soċjali kienu kkonsultati fil-kuntest tal-adozzjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali (l-Awstrija, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja).

Ġeneralment, il-mod li bih is-sħab soċjali kienu involuti fir-reviżjoni jidher li jirrifletti l-varjazzjonijiet fil-post fejn jinsabu u r-rwol fl-UE kollha. Fejn il-Kummissjoni kienet infurmata dwar il-pożizzjonijiet is-sħab soċjali, huwa ċar li seta' jingħata aktar piż lil dawk il-pożizzjonijiet. Madankollu jidher li għajr għal-Lussemburgu, il-konsultazzjoni tas-sħab soċjali saret f'konformità mal-Artikolu 4(2).

6.         Aċċess għall-impjiegi, il-faċilitajiet kollettivi u t-taħriġ vokazzjonali — rappreżentazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali — informazzjoni tar-rappreżentazzjonjiet tal-ħaddiema (Artikoli 6, 7 u 8)

6.1.        Aċċess għall-impjiegi, il-faċilitajiet kollettivi u t-taħriġ vokazzjonali (Artikolu 6)

L-Artikolu 6 itejjeb l-aċċess għall-ħaddiema temporanji tal-aġenzija għall-impjiegi permanenti, il-faċilitajiet kollettivi u t-taħriġ vokazzjonali. Jipprevedi b'mod partikolari l-informazzjoni tal-ħaddiema permezz ta' aġenzija dwar postijiet vakanti fl-impriża tal-utenti (Artikolu 6(1)). Tiżgura wkoll li l-ħaddiema tal-aġenzija jkunu intitolati għal aċċess ugwali għall-kumditajiet u l-faċilitajiet kollettivi fl-impriżi tal-utenti, b'mod partikolari l-canteens, il-faċilitajiet għall-kura tat-tfal u s-servizzi ta' trasport, sakemm differenza fil-kura tkun iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi (Artikolu 6(4)). Titlob lill-Istati Membri jew lis-sħab soċjali jtejbu l-aċċess tal-ħaddiema permezz ta' aġenzija għat-taħriġ fl-aġenziji tax-xogħol temporanju u fl-impriżi tal-utenti (Artikolu 6(5)).

L-Artikolu 6(1) ġie ttrasportat kważi litteralment minn għadd ta' Stati Membri. F'dan l-istadju, ma jidhirx li joħloq xi problema partikolari.

Fir-rigward tal-Artikolu 6(4), 14-il pajjiż (l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, l-Olanda, l-Isvezja u r-Renju Unit) jiġifieri nofs l-Istati Membri, qalu li għamlu użu mill-possibbiltà li jidderogaw minn aċċess ugwali għall-kumditajiet u l-faċilitajiet kollettivi fl-impriża tal-utenti tagħhom jekk id-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi. Fil-biċċa l-kbira tal-każi, il-formulazzjoni użata fil-miżuri nazzjonali hija kważi l-istess bħat-test tad-Direttiva. Il-Kummissjoni tenfasizza li d-differenzi fit-trattament meta l-ħaddiema temporanji tal-aġenzija jibbenefikaw minn kundizzjonijiet anqas favorevoli mill-ħaddiema utenti, għandhom jibqgħu eċċezzjonali. Il-possibbiltà li nfetħet f'għadd ta' Stati Membri mhux bilfors tfisser li tiġi applikata fil-prattika.

L-Artikolu 6(5) iħeġġeġ lis-sħab soċjali biex ikollhom rwol importanti fit-titjib tal-aċċess għat-taħriġ u l-faċilitajiet ta' kura tat-tfal għall-ħaddiema tal-aġenzija fl-aġenziji, u għat-taħriġ organizzat għall-ħaddiema ta' impriżi tal-utenti. L-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni ma tidhirx li hija problematika. Il-ħaddiema temporanji tal-aġenzija f'Malta jibbenefikaw minn aċċess ugwali għat-taħriġ vokazzjonali ma' ħaddiema tal-impriża tal-utenti iżda differenza fit-trattament tista' tkun ġustifikata b'raġunijiet oġġettivi.

6.2.        Rappreżentazzjoni tal-ħaddiema permezz ta' aġenzija (Artikolu 7)

L-Artikolu 7 jipprevedi li għall-finijiet ta' kalkolazzjoni tal-limitu li meta jinqabeż għandhom jiġu ffurmati korpi li jirrappreżentaw il-ħaddiema, għandu jittieħed kont tal-ħaddiema temporanji tal-aġenzija f'aġenzija tax-xogħol temporanju jew fl-impriża tal-utenti, jew fit-tnejn li huma.

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-ħaddiema temporanji tal-aġenzija jitqiesu li jagħmlu parti mill-aġenzija tax-xogħol temporanju li timpjegahom (il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit) jew kemm l-aġenzija kif ukoll l-impriża tal-utenti li jkunu assenjati magħha (l-Awstrija, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall u s-Slovakkja). Fi tliet Stati Membri biss (il-Belġju, il-Latvja u r-Rumanija), jiġu kkunsidrati biss fl-impriża tal-utenti.

Ċerti Stati Membri introduċew kundizzjonijiet speċifiċi li skonthom jiġu meqjusa l-ħaddiema tal-aġenzija. Pereżempju, il-Bulgarija tqis in-numru medju ta' ħaddiema temporanji tal-aġenzija li jkunu ġew impjegati matul it-12-il xahar ta' qabel. Fil-Belġju, il-kalkolazzjoni hija bbażata fuq in-numru medju ta' ħaddiema temporanji tal-aġenzija li jkunu ġew stazzjonati mal-impriża tal-utenti matul it-trimestru ta' qabel. Madankollu, il-ħaddiema temporanji tal-aġenzija li fil-fatt ikunu qed jissostitwixxu lill-membri tal-persunal permanenti fl-impriża tal-utenti ma jiġux meqjusa.

Il-Kummissjoni ma taf bl-ebda diffikultà partikolari fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 7.

6.3.        Informazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema (Artikolu 8)

Skont l-Artikolu 8, l-impriża tal-utenti għandha tipprovdi informazzjoni xierqa dwar l-użu ta' ħaddiema temporanji tal-aġenzija meta tipprovdi informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta' impjieg f'dik l-impriża għall-korpi li jirrappreżentaw il-ħaddiema.

Xi Stati Membri jimponu obbligi ddettaljati fuq l-impriżi utent. Pereżempju, fil-Greċja, l-impriża tal-utenti hija mitluba li tipprovdi informazzjoni dwar l-għadd ta' ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija, iżda anki dwar il-pjanijiet tagħha li tuża l-ħaddiema temporanji tal-aġenzija u l-prospetti li timpjegahom b'mod dirett. Fi Franza u l-Lussemburgu, ir-rappreżentanti tal-persunal jistgħu jaċċessaw il-kuntratti konklużi bejn l-impriża tal-utenti u l-aġenzija tax-xogħol temporanju għall-assenjazzjoni tal-ħaddiema.

F'dan l-istadju, il-Kummissjoni ma tafx dwar xi problema partikolari fl-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni.

7.           Pieni (Artikolu 10)

L-ewwel eżaminazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' traspożizzjoni adottata mill-Istati Membri, turi li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pieni prinċipalment għandha x'taqsam mad-dispożizzjonijiet nazzjonali għajr dawk adottati biex tiġi trasposta d-Direttiva (eż., il-ġestjoni ta' aġenzija mingħajr awtorizzazzjoni xierqa, in-nuqqas ta' notifika tal-awtoritajiet pubbliċi dwar il-kuntratti ta' impjieg iffirmati mill-aġenzija ...). Din il-kwistjoni jeħtieġ li tiġi eżaminata f'aktar dettall fix-xhur li ġejjin, b'mod partikolari biex jiġi vverifikat jekk il-pieni jintużawx fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva. Peress li huma biss ftit dawk l-Istati Membri li pprovdew tabelli ta' konkordanza, għadu ma kienx possibbli li tingħata ħarsa ġenerali komprensiva tas-sitwazzjoni fil-livell nazzjonali.

8.           Spejjeż Regolatorji

F'konsultazzjoni pubblika onlajn imwettqa mill-Kummissjoni f'Ottubru-Diċembru 2012, id-Direttiva ġiet allokata mill-impriżi żgħar u medji (SMEs) u l-organizzazzjonijiet tal-SMEs li rrispondew għall-konsultazzjoni bħala waħda mill-biċċiet l-aktar ta' piż tal-leġiżlazzjoni tal-UE.[7] Ir-riżultati kienu ppubblikati f'Dokument ta' Ħidma tal-Persunal[8] tas-7 ta' Marzu 2013 li jakkumpanja l-Komunikazzjoni dwar ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ġunju 2013[9] dwar is-segwitu għall-konsultazzjoni tal-"Aqwa Għaxra" tal-SMEs dwar ir-Regolament tal-UE wriet dawn il-pretensjonijiet kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom relatati ma' ostakoli għall-operat ta' aġenziji tax-xogħol temporanju u l-obbligu li ssir reġistrazzjoni kull darba li aġenzija tkun trid topera fi Stat Membru differenti. Il-Komunikazzjoni indikat li dan ir-rapport iqis it-tħassib tal-SMEs u l-aspetti ta' piż regolatorju.

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-Istati Membri u s-sħab soċjali fil-livell Ewropew biex tfittex l-opinjonijiet tagħhom dwar il-kwistjoni tal-ispejjeż imġarrba fir-rigward tad-Direttiva.

Il-Kummissjoni saqsiet l-ewwel jekk id-Direttiva għandhiex piż amministrattiv sinifikanti fuq l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u jekk dawk l-ispejjeż ġewx ivvalutati fl-Istati Membri.

Fost is-sebgħa u għoxrin Stat Membru li wieġbu, kollha ħlief tnejn qalu li d-Direttiva fiha nnifisha ma ħolqitx piż amministrattiv sinifikanti għall-awtoritajiet nazzjonali, jew li ma jkunux ivvalutawha b'mod speċifiku. Il-Belġju għamel referenza għal spejjeż amministrattivi sinifikanti biex titwettaq ir-reviżjoni tar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet. Ir-Renju Unit ippubblika valutazzjoni tal-impatt qabel l-implimentazzjoni tad-Direttiva, skont liema l-ispejjeż totali għall-impjegaturi tas-settur pubbliku f'termini ta' żieda fil-pagi jkunu bejn GBP 157 miljun u GBP 259 miljun fis-sena, iżda mhuwa disponibbli l-ebda aġġornament. L-ebda Stat Membru ma vvaluta l-piż amministrattiv maħluq mid-Direttiva.

Il-Kummissjoni saqsiet ukoll jekk id-dispożizzjonijiet sostantitivi tad-Direttiva jfissrux spejjeż sinifikanti jew ostakli għal aġenziji tax-xogħol temporanju jew impriżi tal-utenti, u jekk dawk l-ispejjeż ġewx ivvalutati.

Uħud mill-Istati Membri sabu li d-Direttiva kienet tfisser spejjeż minuri għall-aġenziji tax-xogħol temporanju (l-Awstrija, il-Ġermanja) u/jew l-impriżi tal-utenti (il-Finlandja, il-Ġermanija, il-Polonja), filwaqt li r-Renju Unit iċċita spejjeż tal-pagi miżjuda għall-aġenziji, kif ukoll għall-aġenziji u l-impriżi tal-utenti minħabba obbligi ta' informazzjoni. L-Istati Membri ma għamlu referenza għal ebda spiża sinifikanti jew ostakli għall-aġenziji jew l-utenti. L-ebda Stat Membru ma għandu xi informazzjoni aġġornata dwar il-livell ta' spejjeż imġarrba.

Ċipru ddikjara li l-ebda aġenzija tax-xogħol temporanju ma kienet għadha bdiet topera fit-territorju tiegħu.

Fir-rigward tas-sħab soċjali Ewropej, il-Konfederazzjoni tan-Negozji Ewropej għamlet referenza għall-ispejjeż ta' konformità sostanzjali għall-aġenziji tax-xogħol temporanju f'xi Stati Membri u għal spejjeż soċjali konsiderevoli li jirriżultaw minn implimentazzjoni ħażina jew nuqqas ta' implimentazzjoni tal-Artikolu 4. Eurociett semmiet l-ispejjeż miżjuda għall-aġenziji f'pajjiżi bħar-Renju Unit u l-Irlanda u enfasizzat li aċċettat u appoġġjat din iż-żieda peress li appoġġjat l-adozzjoni tad-Direttiva. Għamlet referenza wkoll għall-ispejjeż marbuta mat-traspożizzjoni insuffiċjenti ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva, filwaqt li għas-CEEP[10], id-Direttiva żiedet b'mod sinifikanti l-ispejjeż għall-impjegaturi, b'mod partikolari fejn ma kienx fis-seħħ trattament indaqs qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva. Madankollu, l-ebda organizzazzjoni tal-impjegaturi ma kkwantifikat l-ispejjeż imsemmija. L-UEAPME[11] ma kinitx taf dwar xi regola li tiswa ħafna għall-impriżi tal-utenti.

Il-KETU[12] qalet li l-Artikolu 12 tad-Direttiva, li huwa l-bażi legali għal dan ir-rapport, ma kienx jipprevedi valutazzjoni tal-ispejjeż u li ma kien hemm ebda studju li juri żieda fl-ispejjeż għall-aġenzija minħabba t-traspożizzjoni tad-Direttiva. Fid-dawl tal-UNI-Europa, l-ispejjeż ma joħolqux xi ostaklu għall-aġenziji tax-xogħol temporanju jew l-impriżi tal-utenti.

Fir-rigward tal-mistoqsija dwar jekk hemmx xi informazzjoni disponibbli dwar l-ispejjeż imġarrba mill-SMEs u/jew il-mikroimpriżi, l-ebda Stat Membru ma għandu tali informazzjoni. Il-Ġermanja qalet li d-Direttiva kienet tfisser spejjeż kemm għall-aġenziji tax-xogħol temporanju kif ukoll l-impriżi tal-utenti. Fid-dawl tal-Awstrija u l-Belġju, id-Direttiva ma tistax titqies partikolarment ta' piż għall-SMEs.

Is-sħab soċjali Ewropej ma pprovdew ebda informazzjoni dwar din il-kwistjoni. Il-KETU qieset li mhux xieraq li jintużaw ir-riżultati tal-konsultazzjoni tal-"Aqwa Għaxra" bħala bażi għax-xogħol fil-futur.

Barra minn hekk, meta ġew ikkonsultati, bosta Stati Membri semmew li kull valutazzjoni globali tal-ispejjeż li jirriżultaw mid-Direttiva għandha tqis ukoll il-benefiċċji li ġġib magħha.

9.           Ir-relazzjoni bejn id-Direttiva dwar ix-xogħol temporanju u leġiżlazzjoni oħra tal-UE

L-Artikolu 3(2), it-tieni subparagrafu, jiddikjara li l-Istati Membri ma għandhomx jeskludu l-ħaddiema jew ir-relazzjonijiet ta' impjieg mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva unikament peress li għandhom x'jaqsmu ma' ħaddiema part-time, ħaddiema b'kuntratt għal terminu fiss jew persuni b'relazzjoni ta' impjieg ma' aġenzija tax-xogħol temporanju. Din id-dispożizzjoni tagħmilha ċara li l-ħaddiema tal-aġenzija li jaħdmu fuq bażi part-time jew b'kuntratt ma jistgħux jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE fid-dawl tal-fatt li huma ħaddiema "atipiċi".

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li d-Direttiva 1999/70/KE dwar ix-xogħol għal żmien twil ma tapplikax għar-relazzjonijiet ta' xogħol għal żmien twil bejn ħaddiem tal-aġenzija u aġenzija tax-xogħol temoranju.[13] Għaldaqstant, anki jekk il-ħaddiema tal-aġenzija jkunu impjegati b'kuntratt għal terminu fiss, ir-relazzjoni ta' xogħol trijangolari mhijiex irregolata mid-Direttiva dwar ix-xogħol għal terminu fiss, li tapplika biss għal relazzjonijiet ta' impjieg diretti bejn impjegatur u ħaddiem.

Fir-rigward tar-relazzjoni bejn id-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija u d-Direttiva 96/71/KE[14] dwar il-postazzjoni tal-ħaddiema, premessa 22 tad-Direttiva 2008/104/KE tiddikjara li għandha tiġi implimentata f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta' stabbiliment u mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 96/71/KE. Id-Direttiva dwar ix-xogħol temporanju fil- prinċipju tkopri s-sitwazzjonijiet nazzjonali, filwaqt li d-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema hija speċifikament immirata lejn sitwazzjonijiet transfruntieri. Id-Direttiva dwar ix-xogħol temporanju tapplika b'mod sħiħ għall-ħaddiema mobbli li jaħdmu fi Stat Membru għajr dak tagħhom stess bħallikieku kienu ħaddiema nazzjonali, filwaqt li d-Direttiva dwar il-postazzjoni tapplika biss għall-ħaddiema ppostjati, jiġifieri l-ħaddiema li, għal perjodu limitat, iwettqu xogħolhom fit-territorju ta' Stat Membru għajr l-Istat li ġeneralment jaħdmu fih.

Skont l-Artikolu 1(3)(c) tagħha, id-Direttiva dwar il-postazzjoni tal-ħaddiema b'mod partikolari tapplika għal impriża ta' impjiegi temporanji jew aġenzija ta' postazzjoni li tikri ħaddiem lill-impriża tal-utenti stabbilita jew li topera fit-territorju ta' Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta' impjieg bejn l-impriża tal-impjiegi temporanji jew aġenzija ta' postazzjoni u l-ħaddiem matul il-perjodu ta' postazzjoni.

F'konformità mal-Artikolu 3(1) tal-istess Direttiva, fir-rigward tal-ħaddiema ppostjati, ċerti termini u kundizzjonijiet ta' impjieg, li jinkludu "r-rati minimi ta' paga, inkluż ir-rati ta' sahra" u "l-kundizzjonijiet għall-kiri tal-ħaddiema, b'mod partikolari l-provvista ta' ħaddiema mill-impriżi ta' impjieg", iridu jiġu rispettati skont kemm jistabbilixxu l-liġi jew ftehimiet kollettivi applikabbli universalment. Kif tniżżel fil-premessa 22 tad-Direttiva 2008/104/KE msemmija hawn fuq, id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq tad-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema għandha preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ix-xogħol temporanju. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-ħaddiema temporanji tal-aġenzija mibgħuta fit-territorju tagħhom għandhom jingħataw trattament indaqs fir-rigward tat-termini u kundizzjonijiet applikabbli għall-ħaddiema temporanji fl-Istat Membru fejn jitwettaq ix-xogħol, f'konformità mal-Artikolu 3(9) tad-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema.

10.         Emendi possibbli

Il-kwestjonarju li saret referenza għalih fil-punt 8 qajjem ukoll il-kwistjoni jekk abbażi tal-esperjenza miksuba minn mindu d-Direttiva saret applikabbli b'mod sħiħ f'Diċembru 2011, laħaqx il-miri politiċi soċjali tiegħu kif stabbilit fl-Artikolu 2.

F'konformità mal-Artikolu 12, dan ir-rapport għandu jikkunsidra kwalunkwe emenda fid-Direttiva li tista' titqies xierqa. Il-Kummissjoni qajmet ukoll dan il-punt fil-kwestjonarju billi ssaqsi jekk xi dispożizzjoni mid-Direttiva teħtieġx kjarifika u, jekk iva, liema dispożizzjonijiet u x'inhuma l-problemi li jiġu ffaċċjati.

Fir-rigward tal-ewwel mistoqija, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kkunsidraw li d-Direttiva fil-fatt laħqet il-miri politiċi soċjali tagħha jew li rrappreżentat pass importanti fl-iżvilupp ta' Ewropa soċjali. Xi wħud minnhom indikaw id-diffikultajiet prattiċi li ġew iffaċċjati għal raġunijiet mhux relatati mad-Direttiva (is-Slovakkja, is-Slovenja), iżda l-ebda Stat Membru ma wieġeb li d-Direttiva naqset milli tikseb il-miri tagħha. Il-Bulgarija sabitha diffiċli biex twieġeb il-mistoqsija peress li l-aġenziji tax-xogħol temporanju ilhom joperaw biss għal perjodu qasir, filwaqt li r-Renju Unit ma kellhiex dejta li tgħinha twieġeb il-mistoqsija. Ċipru wkoll ma setax iwieġeb, fin-nuqqas ta' xi aġenzija tax-xogħol temporanju fil-pajjiż.

Madankollu, għall-Konfederazzjoni tan-Negozji Ewropej u Eurociett, l-objettivi tad-Direttiva ma ntlaħqux b'mod sħiħ. Dawn wieġbu li numru sostanzjali ta' restrizzjonijiet mhux ġustifikati għax-xogħol temporanju baqgħu fis-seħħ f'xi Stati Membri, jew ġew introdotti reċentement. L-eżempji jinkludu sanzjonijiet settorjali, limiti mhux raġonevoli fuq it-tul massimu tal-assenjazzjonijiet, raġunijiet limitati wisq għall-użu u kwoti fuq in-numru massimu ta' ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija. Dawn qalu li tali restrizzjonijiet għandhom jitneħħew. Għall-parti tagħhom, l-UEAPME u, sa ċertu punt, is-CEEP kienu tal-fehma li d-Direttiva kienet laħqet l-objettivi politiċi soċjali tagħha.

Il-KETU enfasizzat li d-data ta' skadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva kienet relattivament riċenti u li bosta Stati Membri wettqu t-traspożizzjoni tard. Għal dawk ir-raġunijiet, kien għadu kmieni wisq għal evalwazzjoni diċenti tas-sitwazzjoni fil-livell nazzjonali. UNI-Europa kienet tal-fehma li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva kienu diġà fil-parti l-kbira tagħhom intlaħqu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali qabel ma d-Direttiva daħlet fis-seħħ.

Fir-rigward tat-tieni mistoqsija, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri sabu li f'dan l-istadju, ma kien hemm ebda bżonn ta' kjarifika jew reviżjoni ta' xi waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Għall-Bulgarija u l-Polonja, kien prematur li jitqajmu tali kwistjonijiet. Flimkien ma' Ċipru, il-Bulgarija indikat nuqqas ta' esperjenza prattika ta' xogħol temporanju. Il-Portugall enfasizza l-importanza li jiġi ggarantit li d-Direttiva kienet trasposta b'mod korrett fl-Istati Membri kollha.

Il-Finlandja qalet li l-Artikolu 4 tad-Direttiva ma kienx ċar, b'mod partikolari fir-rigward jekk jobbligax l-Istati Membri jadottaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali skont l-Artikolu 4(1) li jiċċita r-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet fuq l-użu tax-xogħol tal-aġenzija.

Fid-dawl tal-Konfederazzjoni tan-Negozji Ewropej, id-Direttiva ma kellhiex bżonn ta' reviżjoni, iżda implimentazzjoni xierqa tal-Artikolu 4 fl-Istati Membri fejn jibqgħu fis-seħħ ostakli mhux ġustifikati għall-użu tax-xogħol tal-aġenzija. Il-Konfederazzjoni tan-Negozji Ewropej stiednet lill-Kummissjoni tadotta komunikazzjoni interpretattiva dwar l-Artikolu 4 u biex tħeġġeġ it-tneħħija ta' restrizzjonijiet mhux iġġustifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, jekk ikun meħtieġ, permezz ta' proċeduri ta' ksur. Eurociett ma ħassitx il-ħtieġa li tirrevedi d-Direttiva lanqas. Madankollu, hija kompliet tgħid li jekk ma kienx possibbli li jkun hemm progress sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 4, hija taf tikkunsidra titlob reviżjoni kundizzjonali u limitata ta' dan l-Artikolu. L-UEAPME ma rat l-ebda ħtieġa għal reviżjoni tad-Direttiva f'dan l-istadju, filwaqt li s-CEEP għamel referenza għal ħtieġa li jiġu ċċarati ċerti miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali aktar milli d-Direttiva nnifisha.

Il-KETU qalet li fid-dawl tat-traspożizzjoni mdewma f'għadd ta' Stati Membri, kien għadu kmieni wisq biex jiġi deċiż jekk id-Direttiva kellhiex bżonn tiġi riveduta. Madankollu, issib id-derogi għall-prinċipju ta' trattament indaqs problematiċi ħafna, speċjalment l-Artikolu 5(2) kif applikat f'xi Stati Membri.

L-UNI-Europa hija tal-opinjoni li d-Direttiva għandha tiġi riveduta. Tikkunsidra li d-derogi pprovduti fl-Artikoli 5(3) u 5(4) jeħtieġ li jitneħħew, peress li jiksru b'mod dirett il-prinċipju ta' trattament indaqs. Minbarra dan, fin-nuqqas ta' xi limitazzjoni fuq l-assenjazzjonijiet suċċessivi fid-Direttiva, il-kunċett ta' "użu ħażin" fl-applikazzjoni tal-Artikolu 5 għandu jiġi ċċarat.

11.         Konklużjonijiet

Id-Direttiva għandha l-għan li ssib bilanċ ġust bejn, minn naħa, it-titjib tal-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija, b'mod partikolari billi tistabbilixxi l-prinċipju ta' trattament indaqs, u, min-naħa l-oħra, tappoġġja r-rwol pożittiv li x-xogħol tal-aġenzija jista' jkollu billi tipprovdi biżżejjed flessibbiltà fis-suq tax-xogħol.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħidma sinifikanti li twettqet fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva, b'mod partikolari fl-Istati Membri fejn ma kien hemm ebda leġiżlazzjoni li tirregola b'mod speċifiku x-xogħol temporanju, jew fejn il-prinċipju ta' trattament indaqs ġie rikonoxxut fil-liġi nazzjonali għall-ewwel darba.

L-analiżi t'hawn fuq turi li b'mod ġenerali d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jidher li ġew implimentanti u applikati b'mod korrett. Madankollu l-analiżi wriet anki li l-għan doppju tad-Direttiva għadu ma ntlaħaqx għalkollox. Min-naħa, il-qies kemm jintużaw ċerti derogi tal-prinċipju tat-trattament indaqs jaf xi drabi ma jħallix l-applikazzjoni tad-Direttiva tħalli effetti reali biex titjieb il-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija. Min-naħa l-oħra, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ir-reviżjoni tar-restrizzjonijiet u tal-projbizzjonijiet milli jintuża x-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija serviet biex tilleġittima l-istatus quo minflok biex tħajjar li jerġa' jiġi studjat ir-rwol tax-xogħol permezz ta' aġenzija fi swieq tax-xogħol flessibbli u moderni.

Il-kummissjoni se tibqa' timmonitorja mill-qrib l-applikazzjoni tad-Direttiva filwaqt li tqis aktar titjib fl-oqsma tal-liġi tax-xogħol u x-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija, ħalli tiżgura li jintlaħqu l-għanijiet tagħha kif jixraq u li d-dispożizzjonijiet tagħha jiġu trasposti sew u għalkollox f'kull Stat Membru. F'dal-kuntest il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u bosta sħab soċjali fil-grupp ta' ħidma li se jsegwu l-applikazzjoni tad-Direttiva kif ukoll fora oħrajn.

Barra minn hekk il-Kummissjoni beħsiebha tindirizza b'mezzi xierqa kull problema fl-implimentazzjoni tad-Direttiva, inkluż meta meħtieġ, il-proċeduri ta' ksur. L-ilmenti mressqa quddiem il-Kummissjoni kontra l-Istati Membri, il-petizzjonijiet u l-mistoqsijiet preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jikkostitwixxu wkoll sors importanti ta' informazzjoni fir-rigward tal-miżuri u l-prattiki nazzjonali li jkunu inkompatibbli mad-Direttiva.

Fil-kuntest tat-Trimestru Ewropew, jekk il-Kummissjoni tidentifika aspetti ta' piż regolatorju speċifiku bħala ostakli għat-tkabbir u l-kompetittività fil-valutazzjoni tagħha tal-ostakli nazzjonali għall-attività tal-aġenziji tax-xogħol temporanju, din se tqis ukoll ir-rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar il-miżuri speċifiċi għall-pajjiżi.

Fir-rigward tal-emendi possibbli għad-Direttiva, huwa meħtieġ aktar żmien biex tiġi akkumulata l-esperjenza fl-applikazzjoni tagħha u biex jiġi stabbilit jekk laħqitx b'mod sħiħ l-objettivi tagħha. Il-perjodu ta' traspożizzjoni tagħha skada f'Diċembu 2011 u xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali tad-Direttiva ġew adottati biss fir-Rebbiegħa 2013. Għad m'hemmx każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tagħha.

F'dan il-kuntest u fid-dawl tal-valutazzjoni proprja tal-Kummissjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva, filwaqt li jitqiesu l-opinjonijiet espressi mill-Istati Membri u s-sħab soċjali Ewropej matul il-proċess ta' konsultazzjoni għal dan ir-rapport, il-Kummissjoni hija tal-fehma li mhuma meħtieġa l-ebda emendi f'dan l-istadju.

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja jagħti:

- ħarsa ġenerali lejn l-għażliet li għamlu l-Istati Membri għall-implimentazzjoni tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali, u

- ħarsa ġenerali lejn ir-rapporti tal-Istati Membri dwar ir-riżultati tar-reviżjoni tar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet fuq l-użu tax-xogħol temporanju.

[1] Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija, ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9.

[2] Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

[3] L-ebda parti minn dan ir-rapport ma għandha tinftiehem li tippreġudika pożizzjoni li l-Kummissjoni tista' tieħu fil-futur f'xi proċedura legali.

[4] F'konformità mar-regoli tat-Trattat dwar is-suq intern, is-servizzi kollha pprovduti b'rimunerazzjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala attivitajiet ekonomiċi. F'konformità mal-Każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-servizz mhux bilfors għandu jitħallas minn dawk li jkun qed jitwettqilhom, iżda għandu jkun hemm konsiderazzjoni għas-servizz inkwistjoni. L-attivitajiet li ma jitwettqux bi tpattija għal konsiderazzjoni, eż. mill-Istat jew f'ismu fil-qafas tal-missjonijiet tiegħu fil-qasam soċjali (pereżempju, korsijiet mogħtija fis-sistema edukattiva nazzjonali jew f'istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja ffinanzjata essenzjalment mill-fondi pubbliċi) ma jikkostitwixxux attivitajiet ekonomiċi (ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Gwida għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat, l-akkwist pubbliku u s-suq intern għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, u b'mod partikolari għas-servizzi soċjali ta' interess ġenerali" (SEC (2010) 1545 finali tas-7.12.2010), b'mod partikolari l-punti 6.1 sa 6.3).

[5] Il-konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1), id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23), id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22) u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16) ma ġietx issorveljata f'dan ir-rapport.

[6] Id-Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE tal-25 ta' Ġunju 1991 li tissupplementa l-miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta' mpjieg b'dewmien fiss jew ta' mpjieg temporanju, ĠU L 206, 29.7.1991, p. 19.

[7] Minn total ta' 995 tweġiba, li 768 minnhom kienu mingħand SMEs ibbażati fl-UE jew organizzazzjonjiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-SMEs fl-UE, 59 identifikaw id-Direttiva 2008/104/KE bħala waħda mill-biċċiet ta' leġiżlazzjoni li għandhom l-aktar piż fl-UE.

[8] Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal "Monitoraġġ u Konsultazzjoni dwar ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti għall-SMEs" (SWD(2013) 60 finali) li jakkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni "Regolamentazzjoni Intelliġenti - nirrispondu għall-ħtiġijiet ta' impriżi żgħar u medji" (COM(2013) 122 finali).

[9] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni "Is-segwitu tal-Kummissjoni għall-Konsultazzjoni tal-'Aqwa Għaxra' tal-SMEs dwar ir-Regolament tal-UE", COM(2013) 446 finali tat-18 ta' Ġunju 2013.

[10] Ċentru Ewropew ta' Intrapriżi b'Parteċipazzjoni Pubblika u ta' Intrapriżi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali.

[11] Assoċjazzjoni Ewropea tal-Artiġjanat u tal-Intrapriżi Żgħar u Medji.

[12] Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions.

[13] ECJ 11 ta' April 2013, Każ C-290/12 Oreste Della Rocca v Poste Italiane SpA..

[14] Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi, ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.

Top