EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0260

Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2021/260 tal-11 ta’ Frar 2021 li tapprova miżuri nazzjonali mfassla biex jillimitaw l-impatt ta’ ċertu mard ta’ annimali akkwatiċi f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/UE (notifikata bid-dokument C(2021) 773) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/773

ĠU L 59, 19.2.2021, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/12/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/260/oj

19.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 59/1


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/260

tal-11 ta’ Frar 2021

li tapprova miżuri nazzjonali mfassla biex jillimitaw l-impatt ta’ ċertu mard ta’ annimali akkwatiċi f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/UE

(notifikata bid-dokument C(2021) 773)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 226(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2006/88/KE (2) tistabbilixxi inter alia r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li jridu jiġu applikati għat-tqegħid fis-suq, għall-importazzjoni u għat-tranżitu tal-annimali tal-akkwakultura u tal-prodotti tagħhom, il-miżuri preventivi minimi mmirati biex iżidu l-għarfien dwar il-mard fl-annimali tal-akkwakultura, u l-miżuri minimi ta’ kontroll li jridu jiġu applikati f’każ ta’ suspett ta’, jew ta’ tifqigħa ta’ ċertu mard f’annimali akkwatiċi. Id-Direttiva titħassar bir-Regolament (UE) 2016/429 b’effett mill-21 ta’ April 2021.

(2)

L-Artikolu 9(1)(d) tar-Regolament (UE) 2016/429 jikkonċerna r-regoli għall-kontroll li japplikaw fir-rigward tal-mard elenkat li għalih iridu jittieħdu miżuri biex iwaqqfuh milli jinfirex, kemm mad-dħul fl-Unjoni kif ukoll jekk bħala riżultat ta’ movimenti bejn l-Istati Membri.

(3)

L-akkwakultura tal-Unjoni hi estremament diversa fir-rigward tal-ispeċijiet imkabbra u tas-sistemi ta’ produzzjoni użati fl-Istati Membri, u x’aktarx li din id-diversità se tiżdied maż-żmien. Għaldaqstant, ċertu mard li mhuwiex elenkat fl-Artikolu 9(1)(d) tar-Regolament (UE) 2016/429, jista’ madankollu jkun rilevanti għal ċerti Stati Membri jew minħabba li l-ispeċi hija preżenti f’dawk l-Istati Membri, jew minħabba t-tip tal-metodi ta’ produzzjoni tal-akkwakultura użati f’dawk l-Istati Membri. Meta marda għajr marda elenkata kif imsemmi fl-Artikolu 9(1)(d) tar-Regolament (UE) 2016/429, tikkostitwixxi riskju sinifikanti għas-saħħa tal-annimali akkwatiċi f’dawn l-Istati Membri, l-Istati Membri jistgħu, sabiex jikkontrollaw it-tixrid tal-marda, jadottaw miżuri nazzjonali skont l-Artikolu 226(1) ta’ dak ir-Regolament, dment li dawn il-miżuri huma xierqa u meħtieġa għall-miri li jridu jinkisbu.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri nazzjonali proposti minn Stat Membru jkunu xierqa u meħtieġa, il-Kummissjoni trid tiġi notifikata bil-quddiem b’kwalunkwe miżuri li jistgħu jaffettwaw il-movimenti tal-annimali akkwatiċi f’dawn l-Istati Membri, sabiex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu approvati, jew emendati jekk meħtieġ.

(5)

Ċerti Stati Membri rċevew l-approvazzjoni biex jadottaw miżuri nazzjonali bl-iskop li jillimitaw l-impatt ta’ ċertu mard fl-annimali tal-akkwakultura skont l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2006/88/KE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/UE (3) tistabbilixxi d-dettalji ta’ dawk l-Istati Membri u l-mard li għalih għandhom miżuri nazzjonali fis-seħħ.

(6)

Ċerti Stati Membri kisbu status ta’ ħieles mill-mard għall-marda tal-virus tal-erpete tal-koi, jew qegħdin jimplimentaw eradikazzjoni approvata jew programm ta’ sorveljanza għal dik il-marda skont id-Direttiva 2006/88/KE. Madankollu, il-marda tal-virus tal-erpete tal-koi bħalissa tinsab elenkata bħala marda tal-kategorija E skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (4), jiġifieri hija marda elenkata li għaliha hemm bżonn ta’ sorveljanza fl-Unjoni. Għalhekk, tista’ titqies għall-miżuri nazzjonali skont l-Artikolu 226 tar-Regolament (UE) 2016/429.

(7)

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għar-reġim il-ġdid skont ir-Regolament (UE) 2016/429, l-Istati Membri kkonċernati jridu jfittxu l-approvazzjoni għall-miżuri nazzjonali tal-Artikolu 226(2) tar-Regolament (UE) 2016/429 mill-21 ta’ April 2021.

(8)

Il-Kummissjoni vvalutat il-miżuri proposti minn dawk l-Istati Membri kkonċernati, b’kont meħud tal-istandards tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) (5), u tal-impatt globali tal-marda kkonċernata u tal-miżuri proposti fuq l-Unjoni. Il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri kkonċernati wrew l-adegwatezza u l-bżonn ta’ dawk il-miżuri biżżejjed biex jiġġustifikaw l-approvazzjoni tagħhom sabiex jipprevjenu d-dħul tal-mard ikkonċernat fit-territorji tagħhom, jew biex jikkontrollaw it-tixrid tiegħu bejn l-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istat Membri kkonċernati jiġu elenkati fl-Annessi ta’ din id-Deċiżjoni, kif xieraq.

(9)

F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-Ftehim dwar il-Ħruġ), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, ir-Regolament (UE) 2016/429 kif ukoll l-atti tal-Kummissjoni bbażati fuqu, japplikaw għar-Renju Unit u fih, fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq wara l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Renju Unit (l-Irlanda ta’ Fuq) jiġi elenkat fl-Annessi ta’ din id-Deċiżjoni, kif xieraq.

(10)

Sabiex jitħares l-istatus tas-saħħa tal-Istati Membri b’miżuri nazzjonali approvati għal marda partikolari skont l-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429, il-kunsinni tal-ispeċijiet tal-annimali akkwatiċi li huma suxxettibbli għall-mard ikkonċernat huma meħtieġa joriġinaw minn Stat Membru, jew minn parti minnu, li hu ħieles minn dik il-marda. Tali kunsinni jridu jiġu akkumpanjati minn ċertifikat uffiċjali li jiċċertifika dan l-istatus ta’ ħieles mill-mard.

(11)

Iċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali li jiċċertifikaw il-post tal-oriġini ta’ kunsinna maħsuba għal Stat Membri, jew għal parti minnu, li għandu miżuri nazzjonali approvati skont l-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429, huma inklużi fil-mudelli rilevanti taċ-ċertifikati uffiċjali għall-moviment tal-annimali akkwatiċi bejn l-Istati Membri stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2236 (6). Dawn iċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali jridu jintużaw meta annimali akkwatiċi tal-ispeċijiet elenkati ikunu maħsuba għal Stat Membru jew għal parti minnu li għalih il-Kummissjoni tkun approvat miżuri nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429.

(12)

Jenħtieġ li l-miżuri nazzjonali approvati b’din id-Deċiżjoni japplikaw biss sakemm jissoktaw ikunu xierqa u meħtieġa sabiex jiġi evitat id-dħul tal-mard fl-Istat Membru kkonċernat, jew sabiex jiġi kkontrollat it-tixrid tiegħu bejn l-Istati Membri. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tagħmel valutazzjoni regolari tal-adegwatezza u tal-bżonn ta’ dawn il-miżuri, u sabiex ikollha l-opportunità temenda l-miżuri jekk meħtieġ, jenħtieġ li l-Istati Membri jibagħtu rapport annwali lill-Kummissjoni bid-dettalji dwar il-funzjonament tal-miżuri fis-sena preċedenti. Jenħtieġ li dawn ir-rapporti annwali u r-rappurtar rilevanti ieħor jinkludu ċertu tagħrif kif stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2002 (7).

(13)

Jenħtieġ li l-programmi ta’ eradikazzjoni approvati f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429 iwasslu għal titjib fis-sitwazzjoni tal-marda fi żmien raġonevoli. Fl-interess tal-koerenza, jenħtieġ li dan il-perjodu ta’ żmien ma jkunx itwal mill-perjodu li fih għandu jitlesta programm ta’ eradikazzjoni għall-kategorija C tal-mard. Għalhekk jenħtieġ li f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429, il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ programm ta’ eradikazzjoni ma jaqbiżx is-6 snin mid-data tal-approvazzjoni inizjali tiegħu mill-Kummissjoni. F’każijiet iġġustifikati kif xieraq u fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-programm ta’ eradikazzjoni għal perjodu ta’ sitt snin oħra. Il-perjodu massimu ta’ applikazzjoni huwa stipulat sabiex jagħti perjodu ta’ żmien adegwat li fih jista’ jitlesta programm ta’ eradikazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jevita t-tfixkil sproporzjonat u fit-tul tal-movimenti tal-annimali akkwatiċi fl-Unjoni.

(14)

Fl-interess taċ-ċarezza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2010/221/UE titħassar.

(15)

Billi r-Regolament (UE) 2016/429 għandu data ta’ applikazzjoni tal-21 ta’ April 2021, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika wkoll minn dik id-data.

(16)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tapprova l-miżuri nazzjonali li ġew adottati minn dawk l-Istati Membri jew minn partijiet ta’ dawk l-Istati Membri li huma elenkati fl-Annessi I u II sabiex jiġi limitat l-impatt ta’ ċertu mard li jaffettwa l-annimali akkwatiċi f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429, u tistipula:

(a)

il-kondizzjonijiet għall-approvazzjoni inizjali u kontinwa ta’ dawk il-miżuri;

(b)

ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-annimali akkwatiċi bejn l-Istati Membri;

(c)

l-obbligi ta’ rapportar tal-Istati Membri.

Artikolu 2

Approvazzjoni tal-miżuri nazzjonali f’erjas ħielsa mill-mard

L-Istati Membri jew partijiet minnhom, li huma elenkati fit-tieni u fir-raba’ kolonna tat-tabella fl-Anness I, jitqiesu bħala ħielsa mill-mard elenkat fl-ewwel kolonna ta’ dik it-tabella u jingħataw l-approvazzjoni biex jadottaw miżuri nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429.

Artikolu 3

Approvazzjoni tal-programm ta’ eradikazzjoni għall-mard li hu soġġett għall-miżuri nazzjonali

1.   Il-programmi ta’ eradikazzjoni adottati mill-Istati Membri elenkati fit-tieni kolonna tat-tabella fl-Anness II għall-mard li huwa soġġett għall-miżuri nazzjonali u li huwa elenkat fl-ewwel kolonna ta’ dik it-tabella, fir-rigward taż-żoni elenkati fir-raba’ kolonna tagħha, ġew approvati.

2.   Il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ programm ta’ eradikazzjoni m’għandux jaqbeż is-6 snin mid-data tal-approvazzjoni inizjali tiegħu mill-Kummissjoni. F’każijiet iġġustifikati kif xieraq, il-Kummissjoni, fuq talba tal-Istati Membru kkonċernat, tista’ testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-programm ta’ eradikazzjoni għal perjodu ta’ sitt snin oħra.

Artikolu 4

Movimenti bejn l-Istati Membri jew partijiet minnhom, tal-annimali akkwatiċi ta’ speċijiet suxxettibbli li huma soġġetti għall-miżuri nazzjonali inkluż għall-programmi ta’ eradikazzjoni

L-annimali akkwatiċi tal-ispeċijiet suxxettibbli għall-mard stabbilit fit-tieni kolonna tal-Anness III għandhom jiġu mċaqilqa biss lejn Stati Membri jew partijiet minnhom li huma elenkati fit-tieni u fir-raba’ kolonna tat-tabelli fl-Annessi I jew II jekk:

(a)

joriġinaw minn Stat Membru jew parti minnu, li hu elenkat fit-tieni u fir-raba’ kolonna tat-tabella fl-Anness I bħala ħieles mill-marda kkonċernata; kif ukoll

(b)

akkumpanjati minn ċertifikat uffiċjali maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini, imfassal f’konformità ma’ mudell xieraq taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimal stabbilit fil-Kapitoli 1, 2, 3 jew 5 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2236, li jispeċifika l-garanziji rilevanti għall-miżuri nazzjonali speċifiċi kkonċernati.

Artikolu 5

Rapportar annwali mill-Istati Membri

1.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April ta’ kull sena, l-Istati Membri elenkati fit-tieni kolonna tat-tabelli fl-Annessi I u II għandhom iressqu rapport lill-Kummissjoni dwar il-miżuri nazzjonali approvati għall-istatus ta’ ħieles mill-mard ta’ dawk l-Istati Membri u partijiet minnhom imsemmija fl-Artikolu 2, jew għall-programmi ta’ eradikazzjoni imsemmija fl-Artikolu 3, kif xieraq.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi:

(a)

tagħrif dwar il-miżuri li ttieħdu fis-sena kalendarja preċedenti biex jinżamm l-istatus ta’ ħieles mill-mard, inkluż tal-inqas it-tagħrif stabbilit fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2002; jew

(b)

tagħrif dwar l-evoluzzjoni tal-programm ta’ eradikazzjoni, inklużi d-dettalji tal-ittestjar li twettaq fis-sena kalendarja preċedenti u tal-inqas it-tagħrif stabbilit fit-Taqsima 4 tal-Anness V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2002.

3.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiddeskrivi r-raġunijiet għaliex l-istatus ta’ ħieles mill-mard jew il-programm ta’ eradikazzjoni kif xieraq, għandu jissokta japplika għal sena kalendarja oħra. Għandha ssir referenza partikolari għad-disponibbiltà tat-trattamenti, tal-vaċċini, tal-istokkijiet reżistenti għall-mard jew ta’ kwalunkwe żviluppi riċenti oħra, f’każ li wieħed jew aktar minn dawn ikunu saru għażla vijabbli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-marda kkonċernata mindu l-aħħar tressiq tar-rapport preċedenti.

Artikolu 6

Emendar tal-miżuri nazzjonali approvati

Il-miżuri nazzjonali stabbiliti fl-Annessi I u II jistgħu jiġu emendati mill-Kummissjoni jekk it-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 5(3), jew kwalunkwe tagħrif simili ieħor marbut mal-iżviluppi fis-saħħa tal-annimali, jindikaw li l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fuq il-movimenti bejn l-Istati Membri ma għadux meħtieġ jew ġustifikat biex jiġi evitat id-dħul, jew biex jiġi kkontrollat it-tixrid, ta’ marda partikolari.

Artikolu 7

Tħassir

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/UE titħassar b’effett mill-21 ta’ April 2021.

Artikolu 8

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-21 ta’ April 2021.

Artikolu 9

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Frar 2021.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f’annimali akkwatiċi (ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/UE tal-15 ta’ April 2010 li tapprova miżuri nazzjonali biex jiġi limitat l-impatt ta’ ċertu mard fl-annimali tal-akkwakultura u annimali akkwatiċi selvaġġi b’konformità mal-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE (ĠU L 98, 20.4.2010, p. 7).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).

(5)  Il-Kodiċi għas-Saħħa tal-Annimali Akkwatiċi tal-OIE u l-Manwal tat-Testijiet Dijanjostiċi għall-Annimali Akkwatiċi.

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2236 tas-16 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2016/429 u (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni u għall-movimenti fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ ċerti prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi, taċ-ċertifikazzjoni uffiċjali rigward tali ċertifikati u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1251/2008 (ĠU L 442, 30.12.2020, p. 410).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2002 tas-7 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifika tal-Unjoni u r-rapportar tal-Unjoni ta’ mard elenkat, tal-formati u l-proċeduri għas-sottomissjoni u għar-rapportar tal-programmi ta’ sorveljanza tal-Unjoni u tal-programmi ta’ eradikazzjoni u għall-applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard, u tas-sistema ta’ informazzjoni kompjuterizzata (ĠU L 412, 8.12.2020, p. 1).


ANNESS I

L-Istati Membri (1) u partijiet minnhom meqjusa bħala ħielsa minn ċertu mard li jaffettwa l-annimali akkwatiċi u li għalihom il-miżuri nazzjonali huma approvati f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429

Marda

Stat Membru

Kodiċi

Demarkazzjoni ġeografika taż-żona b’miżuri nazzjonali approvati

Marda tal-virus tal-erpete tal-koi (KHV)

L-Irlanda

IE

It-territorju kollu

Ir-Renju Unit (l-Irlanda ta’ Fuq)

UK(NI)

L-Irlanda ta’ Fuq

Viremija tar-Rebbiegħa tal-karpjun (SVC)

Id-Danimarka

DK

It-territorju kollu

Il-Finlandja

FI

It-territorju kollu

L-Ungerija

HU

It-territorju kollu

L-Irlanda

IE

It-territorju kollu

L-Iżvezja

SE

It-territorju kollu

Ir-Renju Unit (l-Irlanda ta’ Fuq)

UK(NI)

L-Irlanda ta’ Fuq

Mard batteriku tal-kliewi (BKD)

L-Irlanda

IE

It-territorju kollu

Ir-Renju Unit (l-Irlanda ta’ Fuq)

UK(NI)

L-Irlanda ta’ Fuq

Nekrożi pankreatika infettiva (IPN)

Il-Finlandja

FI

Partijiet kontinentali tat-territorju

L-Iżvezja

SE

Partijiet kontinentali tat-territorju

Infezzjoni bil-Gyrodactylus salaris (GS)

Il-Finlandja

FI

Iż-żoni tal-ġbir tal-ilma tan-Tenojoki u tan-Näätämöjoki; iż-żoni tal-ġbir tal-ilma tal-Paatsjoki, tat-Tuulomajoki, u tal-Uutuanjoki għandhom jitqiesu bħala żoni ta’ lqugħ

L-Irlanda

IE

It-territorju kollu

Ir-Renju Unit (l-Irlanda ta’ Fuq)

UK(NI)

L-Irlanda ta’ Fuq

Virus tal-erpete tal-gajdri - 1 μνar (OsHV-1 μνar)

L-Irlanda

IE

Kompartiment 1: Il-Bajja ta’ Sheephaven

Kompartiment 3: Il-Bajjiet ta’ Killala, Broadhaven u Blacksod

Kompartiment 4: Il-Bajja ta’ Streamstown Kompartiment 5: Il-Bajjiet ta’ Bertraghboy u ta’ Galway

Kompartiment A: Il-mafqas tal-Bajja ta’ Tralee

Ir-Renju Unit (l-Irlanda ta’ Fuq)

UK(NI)

It-territorju tal-Irlanda ta’ Fuq għajr għall-bajja ta’ Dundrum, il-bajja ta’ Killough, Lough Foyle, Carlingford Lough, Larne Lough u Strangford Lough

Infezzjoni bl-alfavirus tas-salmonidi (SAV)

Il-Finlandja

FI

Partijiet kontinentali tat-territorju


(1)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-Anness, ir-referenzi għall-Istati Membri jinkludu r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.


ANNESS II

L-Istati Membri (1) u partijiet minnhom meqjusa bħala ħielsa minn ċertu mard li jaffettwa l-annimali akkwatiċi u li għalihom il-miżuri nazzjonali huma approvati f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429

Marda

Stat Membru

Kodiċi

Demarkazzjoni ġeografika taż-żona b’miżuri nazzjonali approvati

Mard batteriku tal-kliewi (BKD)

L-Iżvezja

SE

Partijiet kontinentali tat-territorju

Nekrożi pankreatika infettiva (IPN)

L-Iżvezja

SE

Partijiet kostali tat-territorju


(1)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-Anness, ir-referenzi għall-Istati Membri jinkludu r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.


ANNESS III

Speċijiet ta’ annimali akkwatiċi li huma suxxettibbli għall-mard li għalih ċerti (1) Stati Membri adottaw miżuri nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429

Marda

Speċijiet suxxettibbli

Marda tal-virus tal-erpete tal-koi (KHV)

Kif elenkati fil-kolonna 3 tat-tabella fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882

Viremija tar-Rebbiegħa tal-karpjun (SVC)

Karpjun ta’ rasu kbira (Aristichthys nobilis), ħuta ħamra (Carassius auratus), karassju (Carassius carassius), karpjun erbivoru (Ctenopharyngodon idellus), karpjun komuni (Cyprinus carpio), karpjun fiddieni (Hypophthalmichthys molitrix), wels catfish (Silurus glanis), tinka (Tinca tinca), orfe (Leuciscus idus)

Mard batteriku tal-kliewi (BKD)

L-ispeċijiet kollha tas-Salmonidae

Nekrożi pankreatika infettiva (IPN)

Trota komuni (Salvelinus fontinalis), trota tal-ilma ħelu (Salmo trutta), salamun tal-Atlantiku (Salmo salar), (Oncorhynchus spp.), ħut abjad (Coregonus lavaretus)

Infezzjoni bil-Gyrodactylus salaris (GS)

Salamun tal-Atlantiku (Salmo salar), trota qawsalla (Oncorhynchus mykiss), char tal-Artiku (Salvelinus alpinus), trota komuni tal-Amerika ta’ Fuq (Salvelinus fontinalis), grayling (Thymallus thymallus), trota tal-lagi tal-Amerika ta’ Fuq (Salvelinus namaycush), trota tal-ilma ħelu (Salmo trutta), u kwalunkwe speċijiet li ġew f’kuntatt ma’ dawn l-ispeċijiet.

Virus tal-erpete tal-gajdri 1 μνar (OsHV-1 μνar)

Gajdra tal-Paċifiku (Crassostrea gigas)

Infezzjoni bl-alfavirus tas-salmonidi (SAV)

Salamun tal-Atlantiku (Salmo salar), trota qawsalla (Oncorhynchus mykiss), trota tal-ilma ħelu (Salmo trutta).


(1)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-Anness, ir-referenzi għall-Istati Membri jinkludu r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.


Top