EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0612

2009/612/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 10 ta’ Marzu 2009 dwar il-miżura C 5/2000 (ex NN 118/97) implimentata minn Spanja b’vantaġġ għal SNIACE SA, li tinsab f’Torrelavega, Cantabria, u li temenda d-Deċiżjoni 1999/395/KE (notifikata bid-dokument numru C(2009) 1479) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 210, 14.8.2009, p. 4–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/612/oj

14.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 210/4


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta’ Marzu 2009

dwar il-miżura C 5/2000 (ex NN 118/97) implimentata minn Spanja b’vantaġġ għal SNIACE SA, li tinsab f’Torrelavega, Cantabria, u li temenda d-Deċiżjoni 1999/395/KE

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 1479)

(It-test bil-lingwa Spanjola biss hu awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/612/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej u, b’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom, skont id-dispożizzjonijiet msemmija hawn fuq (1), u wara li kkunsidrat dawk il-kummenti,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Bl-ittra tas-17 ta’ April 1997, il-Kummissjoni rċeviet ilment mill-impriża Awstrijaka Lenzing AG, il-produttriċi prinċipali tal-Komunità tal-fibri viskużi, dwar numru ta’ miżuri mogħtija lill-kompetitriċi Spanjola tagħha Sociedad Nacional de Industrias y Aplicaciones de Celulosa Española SA (minn issa 'l quddiem, “SNIACE”).

(2)

Bl-ittra tas-7 ta’ Novembru 1997, il-Kummissjoni informat lill-Gvern Spanjol bid-Deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat.

(3)

Bid-Deċiżjoni 1999/395/KE (2) (minn issa 'l quddiem “id-Deċiżjoni tal-1998”, il-Kummissjoni kkunsidrat l-għajnuna mogħtija favur is-SNIACE mill-Fondo de Garantía Salarial (il-Fond ta' Garanzija tal-Pagi, minn issa 'l quddiem “FOGASA”) u mit-Tesorería General de la Seguridad Social (it-Teżor Ġenerali għas-Sigurtà Soċjali, minn issa 'l quddiem “TGSS”) bħala illegali u mhux kompatibbli mas-suq komuni għax il-ftehimiet tal-ħlas lura tad-dejn konklużi bejn is-SNIACE u l-FOGASA u l-ftehim għall-iskedar mill-ġdid konkluż bejn is-SNIACE u t-TGSS ma qablux mal-kondizzjonijiet tas-suq hekk kif ir-rati tal-imgħax applikati għall-ftehimiet kienu taħt ir-rati tas-suq. Din id-deċiżjoni negattiva ordnat lil Spanja biex tħeġġeġ lir-riċevitur iħallas lura l-għajnuna kontestata.

(4)

Fis-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tad-29 ta' April 1999 fil-Kawża C-342/96 Spanja v Il-Kummissjoni (minn issa 'l quddiem, “Tubacex”) (3), il-Qorti kkunsidrat li l-ftehimiet għall-iskedar mill-ġdid konklużi bejn it-TGSS u l-FOGASA ma kkostitwewx għajnuna mill-Istat hekk kif dawn l-istituzzjonijiet pubbliċi aġixxew bħalma kieku kien jaġixxi kreditur privat biex jirkupra l-ammonti dovuti lilu, dejjem jekk ir-rata ta’ mgħax kienet mill-inqas fuq l-istess livell tar-rata li kieku kien japplika kreditur privat (4) u li l-ftehim għall-iskedar mill-ġdid ma rriżultax fl-akkumulazzjoni ta' djun ġodda.

(5)

Fid-dawl tas-sentenza Tubacex, il-Kummissjoni ddeċidiet li tevalwa mill-ġdid id-Deċiżjoni tal-1998, hekk kif ikkunsidrat li l-konklużjonijiet tagħha kienu applikabbli għall-SNIACE. Konsegwentement, bl-ittra tas-16 ta’ Frar 2000, indirizzata lill-awtoritajiet Spanjoli, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali (5) kif stipulat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tat-Trattat biex tirrevoka b’mod parzjali d-Deċiżjoni tal-1998 (minn issa 'l quddiem “it-tieni bidu tal-proċedura”).

(6)

Bl-ittra tal-21 ta’ Marzu 2000, Spanja bagħtet il-kummenti tagħha lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni li tirrigwarda t-tieni bidu tal-proċedura.

(7)

Fid-dawl tal-kummenti magħmula mill-Awtoritajiet Spanjoli u mill-partijiet interessati wara t-tieni bidu tal-proċedura, il-Kummissjoni, fl-20 ta’ Settembru 2000, itterminat il-proċedura ta’ investigazzjoni formali permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/43/KE (6) (minn issa 'l quddiem, “id-Deċiżjoni tal-2000”), u kkonkludiet li l-miżuri mogħtija lill-SNIACE ma kkostitwewx għajnuna mill-Istat skont is-sentenza Tubacex. Id-Deċiżjoni tal-1998 ġiet emendata b’mod parzjali skont id-Deċiżjoni tal-2000, fejn l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ġie sostitwit u l-Artikolu 2 ġie revokat.

(8)

Fid-Deċiżjoni tagħha tal-2000, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kredituri pubbliċi, billi applikaw ir-rata ta’ mgħax legali, fittxew li jimmassimizzaw il-prospettivi tagħhom li jirkupraw is-somom dovuti lilhom mingħajr ma jsofru l-ebda telf finanzjarju. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, “Spanja aġixxiet vis-à-vis is-SNIACE bħalma kieku kien jaġixxi kreditur privat ipotetiku.” (7)

(9)

Fid-dawl tad-Deċiżjoni tal-2000, l-impriża Lenzing għamlet kawża kontra d-Deċiżjoni tal-2000 quddiem il-Qorti tal-Prim’ Istanza.

(10)

Il-Qorti tal-Prim’ Istanza annullat id-Deċiżjoni tal-2000 fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Ottubru fil-Kawża T-36/99 (8) għax il-Kummissjoni għamlet żball evidenti ta’ valutazzjoni meta applikat it-test tal-imġiba tal-kreditur privat għall-kreditur pubbliku. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza (9).

(11)

Bħala riżultat tal-annullament, it-tieni proċedura ta’ investigazzjoni formali għadha miftuħa.

(12)

Bl-ittri tat-3 ta’ Diċembru 2004, tat-13 ta’ Mejju 2005, tat-18 ta’ Lulju 2005 u tas-7 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni talbet informazzjoni ulterjuri mill-awtoritajiet Spanjoli, li kienet provduta bl-ittri tat-28 ta’ Frar 2005, tal-4 ta’ Lulju 2005, tad-29 ta’ Settembru 2005, tal-10 ta’ Settembru 2008 u tal-15 ta’ Settembru 2008.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

(13)

Il-benefiċjarja tal-miżuri hi s-SNIACE, impriża li ġiet stabbilita fl-1939. L-impriża tipproduċi ċelluloża, karta, fibri viskużi, fibri sintetiċi u sulfat tas-sodju. Fl-2007 l-introjtu tas-SNIACE kien ta’ EUR 15 miljun.

(14)

Il-FOGASA u t-TGSS ikkonkludew ftehimiet għall-ħlas lura u għall-iskedar mill-ġdid tad-dejn ma' SNIACE hekk kif deskritt fil-punti minn 15 sa 21.

Ftehimiet konklużi mal-FOGASA

(15)

Il-FOGASA hu korp awtonomu li jwieġeb lill-Ministeru tal-Impjiegi u tal-Immigrazzjoni li jiġi ffinanzjat bil-kontribuzzjonijiet mill-impriżi. Il-funzjoni prinċipali tiegħu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(1) tar-Regolamenti li jirregolaw lill-Impjegati, hi dik li jħallas “lill-ħaddiema r-rimunerazzjoni dovuta lilhom fil-każ ta’ falliment tal-amministrazzjoni ta’ min iħaddimhom”. Taħt il-paragrafu 4 tal-Artikolu 33, il-FOGASA jeħtieġ li jissurroga lilu nnifsu fid-drittijiet u fl-azzjonijiet tal-ħaddiema biex jikseb il-ħlas lura tas-somom mogħtija.

(16)

Taħt id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali 505/85 tas-6 ta’ Marzu 1985 (10), il-FOGASA jista’ jikkonkludi ftehimiet għall-ħlas lura relatati mas-somom mogħtija lill-ħaddiema fi ħlas ta’ pagi u kumpens biex jassisti fl-irkupru tas-somom dovuti, li ser ikollhom imgħax bir-rata statutarja fis-seħħ.

(17)

Fil-5 ta’ Novembru 1993 u fil-31 ta’ Ottubru 1995 il-FOGASA kkonkluda mas-SNIACE żewġ ftehimiet għall-ħlas lura tad-dejn. Fl-ewwel każ is-somma dovuta kienet ta’ ESP 1 362 708 700 (inkluż l-imgħax) u t-tieni kienet ta’ ESP 339 459 878 (inkluż l-imgħax).

(18)

L-ewwel ftehim, tal-5 ta’ Novembru 1993 (minn issa 'l quddiem “il-ftehim FOGASA I”), jirrigwarda l-ammonti mħallsa minn FOGASA f’pagi u kumpens li s-SNIACE kellha tagħti lill-ħaddiema tagħha. Id-dejn kien jammonta għal ESP 897 652 759, li miegħu kellu jiżdied imgħax b'rata ta’ 10 % li ammonta għal ESP 465 055 911, biex b’hekk it-total ġie ESP 1 362 708 700. Id-dejn kien marbut mal-ipotekar tal-beni tas-SNIACE u kellu jitħallas lura skont skeda, li ġiet innegozjata mill-ġdid fit-18 ta’ Marzu 1999, li stabbilixxiet l-ammonti f’pesetas (ESP) hekk kif ġej:

Tabella 1

il-Ftehim FOGASA I

(ESP)

 

Il-ftehim tal-bidu tal-5 ta’ Novembru 1993

Ftehim innegozjat mill-ġdid tat-18 ta’ Marzu 1999

1994

20 000 000

20 000 000

1995

55 000 000

55 000 000

1996

90 000 000

40 000 000

1997

110 000 000

50 000 000

1998

160 000 000

80 000 000

1999

160 000 000

80 000 000

2000

392 527 956

259 427 000

2001

375 180 746

259 427 000

2002

 

259 427 000

2003

 

259 427 000

Total

1 362 708 702

1 362 708 000

(19)

It-tieni ftehim tal-31 ta’ Ottubru 1995 (minn issa 'l quddiem “il-ftehim FOGASA II”) jirrigwarda l-ammonti li l-FOGASA kompliet tħallas wara l-ftehim tal-5 ta’ Novembru 1993 f’pagi u f’kumpens li s-SNIACE kellha tagħti lill-ħaddiema tagħha. Id-dejn il-ġdid kien jammonta għal ESP 229 424 860, li miegħu kellu jiżdied imgħax bir-rata ta’ 9 % li ammonta għal ESP 110 035 018, biex b’hekk it-total ġie ESP 339 459 878. Id-dejn kien marbut mal-ipotekar tal-beni tas-SNIACE u kellu jitħallas lura skont skeda, li ġiet innegozjata mill-ġdid fit-18 ta’ Marzu 1999, li stabbilixxiet l-ammonti f’pesetas (ESP) hekk kif ġej:

Tabella 2

il-Ftehim FOGASA II

(ESP)

 

Il-ftehim tal-bidu tal-31 ta’ Ottubru 1995

Ftehim innegozjat mill-ġdid tat-18 ta’ Marzu 1999

1995

 

5 000 000

1996

20 000 000

10 000 000

1997

20 000 000

10 000 000

1998

20 000 000

10 000 000

1999

30 000 000

20 000 000

2000

30 000 000

20 000 000

2001

30 000 000

20 000 000

2002

40 000 000

50 000 000

2003

149 459 878

156 262 000

Total

339 459 878

301 262 000

It-TGSS

(20)

Taħt l-Artikolu 20 tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali (11), it-TGSS tista’ taqbel mad-differiment jew il-ħlas bin-nifs tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti u tal-ħlasijiet addizzjonali relatati ma’ dawk il-kontribuzzjonijiet. L-Artikolu 27 ta’ dik il-Liġi jiddikjara li ħlasijiet addizzjonali għal pagamenti barra l-limitu taż-żmien għandhom jiżdiedu mad-dejn differit.

(21)

Il-ftehim tat-8 ta’ Marzu 1996, kif emendat mill-ftehimiet tas-7 ta’ Mejju 1996 u tat-30 ta’ Settembru 1997, ipprovda għall-iskedar mill-ġdid tal-ħlas tad-dejn għal ammont globali ta’ ESP 3 510 387 323, flimkien mal-imgħax dovut, li, b’rata ta’ 7,5 %, ammonta għal ESP 615 056 349. Il-kapital ikkorrisponda ma’ arretrati fil-pagament tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali minn Frar 1991 sa Frar 1997. Il-ħlas sar f’pagamenti ta’ kull xahar għal 120 xahar. Matul l-ewwel sentejn, seta’ jitħallas biss l-imgħax, li kien ikkalkulat b’rata statutarja ta’ 7,5 %, iżda bejn it-tielet sena u l-għaxar sena kemm il-kapital kif ukoll l-imgħax kellhom jitħallsu lura f’rati ta’ ħlas lura annwali ta’ 5 % (minn Ottubru 1999 sa Settembru 2001), 10 % (minn Ottubru 2001 sa Settembru 2003), 15 % (minn Ottubru 2003 sa Settembru 2005) u 20 % (minn Ottubru 2005 sa Settembru 2007).

3.   RAĠUNIJIET LI WASSLU GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

(22)

Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha biex tibda l-proċedura, ikkunsidrat li l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Tubacex kienet applikabbli kollha kemm hi għall-miżuri inkwistjoni fid-Deċiżjoni tal-1998 u, b’hekk, din id-deċiżjoni għandha tiġi revokata b’mod parzjali u l-ftehimiet konklużi bejn is-SNIACE u l-kredituri pubbliċi għandhom jiġi valutati mill-ġdid.

(23)

Ċertament, fid-dawl tas-sentenza Tubacex, il-Kummissjoni espremiet xi dubji li jikkonċernaw il-miżuri implimentati mill-kredituri pubbliċi:

l-ewwel nett, dwar il-preżenza tal-elementi li jikkostitwixxu l-għajnuna mill-Istat fil-miżuri li huma kkunsidrati bħala mhux kompatibbli mad-Deċiżjoni tal-1998 u, jekk dan hu minnu, il-kompatibbiltà tagħhom; u

it-tieni nett, dwar l-imġiba ta’ kreditur privat li, f’sitwazzjoni simili, seta’ staqsa għal rata ta’ mgħax ogħla minn dik mitluba mill-kredituri pubbliċi.

4.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

(24)

Ma tressqu l-ebda kummenti minn partijiet interessati.

5.   IL-KUMMENTI TA’ SPANJA

(25)

Il-Gvern Spanjol ressaq il-kummenti tiegħu b’ittra fil-21 ta’ Marzu 2000.

(26)

L-awtoritajiet Spanjoli ma jaqblux mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, minħabba li fil-fehma tagħhom il-proċedura ta’ investigazzjoni ma kinitx neċessarja biex twettaq ir-revoka parzjali maħsuba tad-Deċiżjoni tal-1998.

(27)

Dwar il-ftehim għall-iskedar mill-ġdid bejn is-SNIACE u t-TGSS, l-awtoritajiet Spanjoli ma jaqblux mal-fehma tal-Kummissjoni li “hu probabbli li, fil-każ ta’ ftehimiet barra l-qorti li jirrigwardaw l-iskedar mill-ġdid ta' djun pre-eżistenti, jew li għandhom dan l-effett, il-kreditur għandu jfittex li jakkwista mid-debitur rata ta’ mgħax fuq l-arretrati li tkun ogħla mir-rata ta’ mgħax legali bħala kumpens talli ma jkunx fittex b’metodi legali għall-ġbir tad-dejn”. Għall-kuntrarju, jiddikjaraw li, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija kif ukoll minħabba l-ispiża, id-dewmien u l-inċertezza inerenti fil-proċedimenti legali, ftehimiet ta’ barra l-qorti spiss iwasslu għal ftehim dwar rata ta’ mgħax aktar baxxa mir-rata ta’ mgħax legali.

(28)

B’hekk, l-awtoritajiet Spanjoli jtennu l-argument tagħhom li l-għotja ta’ differiment li japplika r-rata ta’ mgħax legali tħares l-imgħaxijiet tas-sistema tas-sigurtà soċjali, f’termini ta’ rkupru ta’ djun, aħjar minn kwalunkwe forma oħra ta’ azzjoni li seta’ jieħu kreditur privat.

(29)

Il-Gvern Spanjol ifakkar ukoll li filwaqt li kreditur privat jista’ jiftiehem mad-debitur fuq kwalunkwe rata ta’ mgħax, l-awtoritajiet tas-Sigurtà Soċjali huma marbuta bl-Artikolu 20 tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, li jistipula li r-rata ta’ mgħax legali għandha tiġi applikata fil-ftehimiet għall-iskedar mill-ġdid tad-dejn.

(30)

Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha biex tibda l-proċedura, tikkunsidra li l-paragun tat-termini inklużi fil-ftehim tal-kredituri privati ta’ Ottubru 1996 mat-termini tal-ftehim għall-iskedar mill-ġdid bejn l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali u s-SNIACE jista’ jkun li mhux il-mod korrett kif għandu jiġi applikat it-test tal-“kreditur privat”, hekk kif defenit mill-Qorti tal-Ġustizzja. Rigward dan, l-awtoritajiet Spanjoli ddikjaraw li, minħabba l-obbligi legali tal-amministrazzjoni pubblika, is-sitwazzjoni tal-kredituri pubbliċi ma tistax tiġi trattata bl-istess mod bħas-sitwazzjoni tal-kredituri privati. Madankollu, huma enfasizaw li, għalkemm hemm id-differenzi, it-termini u l-kondizzjonijiet tal-ftehimiet bejn l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali u s-SNIACE, minn naħa, u bejn il-FOGASA u s-SNIACE, minn naħa oħra, kienu aktar ibsin mit-termini milħuqa fil-ftehim tal-kredituri privati.

(31)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Spanjoli tennew l-opinjonijiet espressi fil-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni tal-1998.

6.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI

6.1.   DWAR IL-ĠUSTIFIKAZZJONI TAT-TIENI BIDU TAL-PROĊEDURA

(32)

L-awtoritajiet Spanjoli jibqgħu jsostnu li ma kienx neċessarju li tinbeda proċedura ta’ investigazzjoni formali ġdida biex jiġi solvut il-każ u li r-rispett lejn id-drittijiet tal-partijiet interessati ma kienx raġuni biżżejjed biex dan isir.

(33)

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sentenza Tubacex kienet relevanti biżżejjed biex l-awtoritajiet Spanjoli u l-partijiet interessati jkunu jafu biha. Ċertament, dik is-sentenza tista’ tbiddel il-kriterji ta’ valutazzjoni hekk kif hu stipulat fid-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura tas-7 ta’ Novembru 1997.

6.2.   ID-DETERMINAZZJONI TAL-EŻISTENZA TA’ GĦAJNUNA GĦALL-ISKOPIJIET TAL-ARTIKOLU 87(1) TAT-TRATTAT.

(34)

Fit-tieni bidu tal-proċedura, il-Kummissjoni qajmet il-kwistjoni ta' jekk il-ftehimiet li ġew konklużi bejn is-SNIACE u l-kredituri pubbliċi tagħha kinux jinkludu jew le għajnuniet mill-Istat u, jekk dan hu minnu, jekk setgħux jiġu dikjarati kumpatibbli.

(35)

Is-sentenza Tubacex tippermetti li interventi mill-Istat fil-forma ta’ skedar mill-ġdid tad-dejn jiġu kkunsidrati bħala li ma jikkostitwux għajnuna mill-Istat jekk ikunu jissodisfaw il-kriterji stipulati f’din is-sentenza (ara punt (2))

(36)

Fis-sentenza tal-Kawża T-36/99 li tħassar id-Deċiżjoni tal-2000, il-Qorti tal-Prim’ Istanza rrifjutat il-punti li fuqhom il-Kummissjoni kkunsidrat li t-TGSS u l-FOGASA aġixxew bħalma kieku kien jaġixxi kreditur privat. Għal dan l-iskop, u fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza, dan li ġej għandu jiġi verifikat:

(a)

is-sitwazzjoni tal-kredituri pubbliċi meta mqabbla ma’ dik tal-kredituri privati;

(b)

is-sitwazzjoni tal-Banco Español de Crédito (minn issa 'l quddiem “Banesto”), kreditur privat, meta mqabbla ma’ dik tat-TGSS u dik tal-FOGASA;

(c)

il-prospetti tal-irkupru tas-somom globali dovuti lit-TGSS u lill-FOGASA mingħajr ma jkun hemm l-ebda telf finanzjarju, u

d)

il-prospetti tas-SNIACE ta’ qligħ u vijabbiltà futuri.

(37)

Il-kriterji stipulati fis-sentenza Tubacex u fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza fil-Kawża T-36/99 huma kumulattivi. Hekk kif il-miżuri meħuda mill-kredituri pubbliċi ma jissodisfawx mill-inqas waħda minnhom, il-Kummissjoni għandha twarrab il-prinċipju tal-kreditur privat.

6.2.1.   FTEHIMIET KONKLUŻI MA’ FOGASA

(38)

Bil-kontra tal-fatti li taw lok għas-sentenza Tubacex, iż-żewġ ftehimiet mal-FOGASA ġew konklużi bejn wieħed u ieħor b’perjodu ta’ sentejn bejniethom u huma relatati ma’ djun differenti. Il-Kummissjoni tikkunsidra li huma ma jikkostitwux ftehim wieħed. Meta t-tieni ftehim ġie konkluż, il-FOGASA ma ppruvax jgħaqqadhom fi ftehim wieħed li jkopri l-ammonti kollha dovuti. Il-FOGASA għaqqad biss djun konsiderevoli permezz tal-ftehim tat-18 ta’ Marzu 1999 (12), jiġifieri erba’ snin wara li t-tieni ftehim ġie konkluż bejn il- FOGASA u s-SNIACE.

(39)

Għall-iskopijiet ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni se tanalizza l-ewwel il-ftehim FOGASA I u wara l-ftehim FOGASA II, billi tikkunsidra l-kriterji applikabbli għall-kredituri privati.

Ftehim FOGASA I

(40)

Is-SNIACE u l-FOGASA kkonkludew l-ewwel ftehim għall-iskedar mill-ġdid tad-dejn fil-5 ta’ Novembru 1993 għall-ammont ta’ ESP 1 362 708 700 (inkluż l-imgħax). Il-ftehim ġie konkluż wara li l-FOGASA ħallset il-pagi u l-kumpens li s-SNIACE kellha dovuti lill-ħaddiema tagħha.

(41)

Għall-iskopijiet tal-analiżi tagħha, il-Kummissjoni għandha tiddistingwi bejn il-perjodu ta’ meta l-ftehim ġie konkluż (analiżi ex-ante) u l-perjodu ta’ meta ġie implimentat (analiżi ex-post). Fil-fatt, jista’ jkun il-każ li, wara li jiġi eżaminat ftehim fit-termini tal-karatteristiċi tiegħu fil-perjodu ta’ meta jkun ġie konkluż, tintlaħaq il-konklużjoni li l-ftehim ma jkunx jinkludi għajnuna, u li l-implimentazzjoni tiegħu, f’ċirkustanzi differenti minn dawk maħsuba fil-bidu, ibiddlu dik l-opinjoni tal-bidu u tintlaħaq il-konklużjoni li fil-fatt ikun jinkludi għajnuna.

Il-valutazzjoni tal-ftehim FOGASA I meta ġie konkluż

Il-pożizzjoni tal-FOGASA meta mqabbla ma’ dik tal-kredituri privati, ikluż il-Banesto

(42)

Il-Kummissjoni tinnota li l-ewwel ftehim għall-iskedar mill-ġdid tad-dejn mal-FOGASA hu mill-5 ta’ Novembru 1993, jiġifieri kważi tmien xhur wara s-sospensjoni tad-dikjarazzjoni ta’ pagamenti li nħarġet mill-Qorti tal-Prim’ Istanza fil-25 ta’ Marzu 1993 li tirrikjedi lill-FOGASA li jħallas lill-ħaddiema tas-SNIACE. Matul dan il-perjodu, il-FOGASA rabat il-ftehim mal-ipoteka tal-beni tas-SNIACE biex jiggarantixxi mill-inqas parti mis-self tiegħu. Ir-rata applikata mill-FOGASA kienet ta’ 10 %, hekk kif stipulat fil-leġiżlazzjoni li kienet fis-seħħ meta ġie konkluż il-ftehim.

(43)

Min-naħa tiegħu, il-Banesto ta linji ta’ kreditu ta’ ipoteka lill-SNIACE fl-1987 u fl-1991, jiġifieri xi ftit żmien qabel ma ġie konkluż il-ftehim FOGASA I, b’rati ta’ 16 % u 18 % rispettivament (il-kondizzjonijiet tas-suq eżistenti f'dak il-perjodu).

(44)

B’hekk, għandu jiġi nnotat li, meta saret s-sospensjoni tal-pagamenti fl-1992, is-SNIACE kellha mill-inqas żewġ kredituri: il-FOGASA, li lilu kellha tagħti l-pagi li s-SNIACE ma kinitx kapaċi tħallas lill-ħaddiema tagħha, u l-BANESTO, minħabba s-self li ta lill-SNIACE u li s-SNIACE għadha ma ħallsitx lura kompletament.

(45)

Mill-perjodu ta' meta ġiet imħabbra s-sospensjoni tal-pagamenti, il-BANESTO seta' jasserixxi d-drittijiet tiegħu bħala kreditur ta’ ipoteka preferenzjali tas-SNIACE. Madankollu, taħt il-ftehim tas-26 ta' Settembru 1996 biss, jiġifieri tliet snin wara li ġie konkluż il-ftehim FOGASA I, is-SNIACE trasferiet lill-Banesto, bħala pagament ta’ parti mid-djun tagħha, l-ishma li kellha fl-impriża Inquitex u xi biċċiet ta’ art li kienu koperti bl-ipoteka.

(46)

Min-naħa tiegħu, il-FOGASA kien obbligat b’mod legali li jħallas il-pagi f'każ li jkun hemm sospensjoni ta' pagamenti. Mill-perjodu ta’ meta l-FOGASA kellu jħallas il-pagi tal-ħaddiema tas-SNIACE, beda jinnegozja ftehim għall-iskedar mill-ġdid mas-SNAICE biex jirkupra s-self tiegħu. Il-fatt li l-BANESTO ma infurzax is-self tal-ipoteka kontra SNIACE juri li l-FOGASA aġixxia b’mod prudenti ħafna u bil-għaqal meta kkonkluda l-ftehim għall-iskedar mill-ġdid u akkwista garanzija malli s-sospensjoni tal-pagamenti ġiet notifikata, bil-kontra tal-kreditur privat BANESTO.

(47)

B’hekk il-FOGASA u s-SNIACE kkonkludew b’mod rapidu n-negozjati li wrew ir-rieda tal-partijiet li jaslu għal soluzzjoni amikevoli.

Il-possibbiltà tal-irkupru globali tas-somom dovuti lill-FOGASA mingħajr ma jkun hemm l-ebda telf finanzjarju

(48)

Wara li ġiet aċċettata t-talba tal-ħaddiema tas-SNIACE li l-pagi u l-kumpens dovut lilhom għandhom jitħallsu skont il-proċedimenti ġudizzjarji li ddikjaraw is-sospensjoni tal-pagamenti, il-FOGASA kkonkluda ftehim għall-iskedar mill-ġdid tad-dejn fejn is-SNIACE għandha tħallas lura s-somom involuti. Il-FOGASA applika r-rata ta’ mgħax legali kif stipulat fil-liġi Spanjola, jiġifieri 10 % matul dak il-perjodu meta l-partijiet ikkonkludew il-ftehim.

(49)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li, billi tat lill-SNIACE skedar mill-ġdid tad-djun tagħha, il-FOGASA applika l-prinċipju tas-sentenza Tubacex, fejn “kreditur ma jfittixx li jagħmel xi qligħ speċjali fuq il-flus dovuti lilu, iżda jixtieq biss jirkupra s-somom kollha li ta mingħajr ma jsofri l-ebda telf finanzjarju. Minħabba dan, fejn hu jaqbel mal-iskedar mill-ġdid tad-dejn tiegħu biex jiżgura li jitħallas lura, jeħtieġ pagament addizzjonali ta’ mgħax, bl-iskop li jiġi kkumpensat għad-diprezzament tal-flus b'riżultat tal-iskedar mill-ġdid” (13).

Prospetti ta’ qligħ finanzjarju futur

(50)

Fil-perjodu ta’ meta ġie konkluż il-ftehim, il-FOGASA kien jaf bil-kriżi li kienet għaddejja minnha s-SNIACE, u din hi r-raġuni għaliex intervjena f’isem il-ħaddiema ħalli jkunu jistgħu jingħataw il-pagi u l-kumpens li s-SNIACE ma setgħetx tagħtihom minħabba li l-pagamenti tagħha ġew sospiżi.

(51)

Bla ebda dubju, f’dak il-perjodu l-uniku pjan ġenwin ta’ vijabbiltà għas-SNIACE propost lill-FOGASA kien l-iskedar mill-ġdid tad-djun. Madankollu, wara konflitt soċjali serju li l-impriża esperjenzjat fl-1992, l-attività tagħha reġgħet issaħħet b’mod gradwali, b'tama ta' prospett ta’ qligħ futur, għalkemm is-sitwazzjoni tal-impriża kienet għadha fraġli.

(52)

Il-fatt li ma kienx hemm ftehim mal-kredituri privati u l-fatt li huma ma nfurzawx il-pagament tad-djun sa mill-1993 juri li kien hemm ċerta bażi għall-ħsieb li l-impriża kienet fit-triq it-tajba u li, għalhekk, mhux ta’ min iżid ir-riskju li l-impriża jkollha twaqqaf l-attivitajiet.

Konklużjoni dwar il-Ftehim FOGASA I

(53)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li, fil-perjodu ta’ meta ġie konkluż, il-ftehim FOGASA I ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

Analiżi tal-implimentazzjoni tal-ftehim FOGASA I

(54)

Bejn il-5 ta’ Novembru 1993 u t-18 ta’ Marzu 1999, id-data ta’ meta l-FOGASA kkonkludiet ftehim ġdid għall-iskedar mill-ġdid billi estendiet il-perjodu ta’ pagament tad-dejn għal sentejn oħra, is-SNIACE ħallset lura biss madwar 50 % tad-dejn tagħha.

Is-sitwazzjoni tal-kredituri pubbliċi meta mqabbla ma’ dik tal-kredituri privati

(55)

Il-FOGASA, minflok inforza l-garanziji u l-ipoteki stabbiliti favur tiegħu fil-perjodu tal-ftehim tal-1993, ipprefera li jemenda l-ftehim għall-iskedar mill-ġdid biex jimmassimizza l-prospetti għall-irkupru tas-self tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tinnota li fis-26 ta’ Settembru 1996, il-Banesto aċċetta, bħala pagament parzjali tad-dejn tas-SNIACE, xi biċċiet ta’ art li kienu proprjetà ta’ dik l-impriża, kif ukoll ishma li kienu proprjetà tas-SNIACE fl-impriża Inquitex.

(56)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-imġiba tal-FOGASA ma tistax titqabbel ma’ dik tal-BANESTO, li pprova jħares parti mis-self tiegħu billi kkonkluda l-ftehim tal-1996, bil-kontra tal-FOGASA, li bl-ebda mod ma pprova jirkupra s-self tiegħu taħt il-ftehim konkluż mas-SNIACE.

Il-possibbiltà tal-irkupru globali tas-somom dovuti lill-FOGASA mingħajr ma jkun hemm l-ebda telf finanzjarju

(57)

Il-Kummissjoni tosserva li, fil-perjodu ta’ meta ġie nnegozjat mill-ġdid il-ftehim, il-FOGASA ma kienx jeħtieġ pagament addizzjonali ta’ mgħax għax l-ammont globali pagabbli kien l-istess, għalkemm d-data finali ġiet ittardjata b’sentejn (14). Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argument ta’ Spanja (15) li riedet tħares l-investiment tagħha minn diprezzament monetarju għandu jiġi rifjutat.

Prospetti ta’ qligħ finanzjarju futur

(58)

Il-Kummissjoni stabbiliet, skont it-Tabella 3 ta’ hawn taħt, li fil-perjodu ta’ meta ġie konkluż il-ftehim tat-18 ta’ Marzu 1999 li jemenda l-ftehim tal-5 ta’ Novembru 1993, l-impriża kienet affaċċjata biż-żieda tad-djun, telf rikorrenti u kapital ta’ ekwità negattiv, li taw lok għal dubji dwar il-prospetti tal-irkupru tas-self:

Tabella 3

(EUR miljuni)

 

1991

1992

1993

1994

1995

1996

1997

1998

1999

2000

Bejgħ

69,3

43,0

4,8

39,3

65,9

34,5

33,6

56,6

57,5

82,0

Riżultati

–24,8

–27,9

–22,8

–10,7

0,9

–11,7

–3,0

–9,6

–7,4

1,7

Fluss tal-likwidità

–15,3

–19,8

–20,0

–6,0

6,4

–8,8

2,2

–2,2

–0,6

8,7

Djun globali

84,1

82,8

95,4

112,6

116,5

108,2

104,9

106,1

112,8

121,8

(59)

Filwaqt li hu veru li l-impriża kellha riżultati pożittivi limitati fl-1995, għandhu jiġi rikonoxxut li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża indikat li l-prospetti tagħha ta’ qligħ kienu inċerti.

Konklużjoni dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim FOGASA I

(60)

Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-FOGASA ma aġixxiex bħalma kieku kien jaġixxi kreditu privat:

(a)

billi ma ppruvax jakkwista pagament parzjali tad-dejn ta’ ċerti beni li kien akkwista d-dritt għalihom wara l-konklużjoni tal-ftehim tal-1993;

(b)

minħabba l-prospetti inċerti ta’ qligħ ikkawżati bid-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni finanzjarja;

(c)

billi ma rrikjediex il-pagament addizzjonali tal-imgħax meta l-ftehim għall-iskedar mill-ġdid tal-1999 ġie nnegozjat jew billi ma applikax l-imgħax ta’ meta ma jsirx pagament għas-somom li ma tħallsux skont il-ftehim.

Ftehim FOGASA II

(61)

Is-SNIACE u l-FOGASA kkonkludew it-tieni ftehim għall-iskedar mill-ġdid tad-dejn fil-31 ta’ Ottubru 1995 għall-ammont ta’ ESP 339 459 878 (inkluż l-imgħax). Il-ftehim ġie konkluż wara li l-FOGASA ħallas il-pagi u l-kumpens li s-SNIACE kellha dovuti lill-ħaddiema tagħha.

Is-sitwazzjoni tal-kredituri pubbliċi meta mqabbla ma’ dik tal-kredituri privati

(62)

Rigward l-implimentazzjoni tal-ftehim FOGASA I, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-imġiba tal-FOGASA mhix paragunabbli ma' dik tal-BANESTO, li fittex li jħares parti mis-self billi kkonkluda l-ftehim tal-1996, filwaqt li l-FOGASA, li rkupra biss parti mid-djun li kienu koperti bil-ftehim tal-1993, ikkonkluda ftehim ġdid fl-1995 li jirrigwarda d-djun il-ġodda.

Il-possibbiltà tal-irkupru globali tas-somom dovuti lill-FOGASA mingħajr ma jkun hemm l-ebda telf finanzjarju

(63)

Dan il-ftehim il-ġdid ġie konkluż għalkemm il-fatt li:

(i)

ma kienx hemm konformità sħiħa mal-ftehim tal-5 ta’ Novemrbu 1993;

(ii)

kien relatat mad-djun il-ġodda kuntrattati mal-FOGASA, li, għal darb’oħra, issodisfa t-talbiet tal-ħaddiema tas-SNIACE dwar il-ħlas tal-pagi tagħhom; u

(iii)

il-fraġilità finanzjarja tas-SNIACE, li kienet impriża fi kriżi b'riżultat ta’ telf ripetut li ġara matul ħafna snin, kapital ta’ ekwità negattiva u d-dejn sostanzjali tagħha kif jidher fit-tabella li tinstab fil-punt (59), kien magħruf sewwa.

(64)

Barra minn hekk, hu ċar li l-FOGASA ma kkontemplax il-possibbiltà li jinforza l-ħlas lura tad-dejn billi jinforza l-ipoteka stabbilità favur tiegħu. Fil-fatt, il-ħlas lura infurzat seta’ jirriżulta fl-għeluq tal-impriża, iżda ma hemm l-ebda dubju li, kieku s-SNIACE kienet ġiet likwidata, il-FOGASA seta' jirkupra d-dejn kollu jew parti minnu wara li l-beni tal-impriża jiġu trasferiti.

(65)

Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni tenfasizza li l-awtoritajiet Spanjoli ddikjaraw ripetutament li kien impossibbli li jiġi stmat il-valur tal-impriża, li seta' tagħmilha possibbli biex jiġi kkalkulat dak l-ammont li jista’ jiġi rkuprat, u li, fi kwalunkwe każ, f'każ ta’ likwidazzjoni, il-valur tal-beni tal-impriża seta’ jkollu diprezzament sinifikanti (16). Jidher ċar, minħabba din ir-raġuni, li l-FOGASA skarta l-possibbiltà li jillikwida s-SNIACE favur is-soluzzjoni tal-iskedar mill-ġdid.

(66)

L-awtoritajiet Spanjoli, mat-tweġiba tagħhom tad-29 ta’ Settembru 2005, żiedu li “kieku, fi kwalunkwe perjodu, [FOGASA] irrifjuta li jidħol fi ftehim ta’ rkupru mingħajr ma ġġustifika dan ir-rifjut, kien ikun qed jikser il-leġiżlazzjoni li torbot lill-organizzazzjoni u kien ikun qed jaġixxi b'mod arbitraju.” Il-Kummissjoni, mid-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Spanjoli, tikkonkludi li l-FOGASA ma ppruvax jiġġustifika r-rifjut possibbli tal-iskedar mill-ġdid tad-dejn. Għall-awtoritajiet Spanjoli, is-sempliċi fatt li tipprova tirkupra d-dejn kollu kemm hu, inkluż permezz tal-għeluq tas-SNIACE, mhux biżżejjed (17).

Konklużjoni dwar il-Ftehim FOGASA II

(67)

Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-FOGASA ma aġixxiex bħal ma kieku kien jaġixxi kreditu privat:

(a)

billi ma rrikjediex il-pagament tad-djun li ġew koperti bil-ftehim tal-1993 skont l-iskeda stipulata f'dan il-ftehim;

(b)

minħabba l-prospetti inċerti ta’ qligħ ikkawżati mid-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni finanzjarja;

(c)

billi aċċetta l-konklużjoni ta’ ftehim li jirrigwarda d-djun il-ġodda.

6.2.2.   IL-FTEHIM TAT-TGSS

(68)

Kif issemma fil-punt (12), it-TGSS ikkonkluda ftehim mas-SNIACE fit-8 ta’ Marzu 1996, li ġie emendat fis-7 ta’ Mejju 1996 u fit-30 ta’ Settembru 1997. Għalkemm ġie konkluż bejn wieħed u ieħor 18-il xahar wara li ġie konkluż l-ewwel ftehim, il-ftehim finali kien jirrigwarda l-istess djun. Għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn il-ftehimiet jammontaw għal ftehim wieħed li ġie emendat għal bosta drabi.

Is-sitwazzjoni tal-kredituri pubbliċi meta mqabbla ma’ dik tal-kredituri privati

(69)

Fil-perjodu ta’ meta ġie konkluż l-ewwel ftehim bejn it-TGSS u s-SNIACE, fit-8 ta’ Marzu 1996, u l-perjodu ta’ meta kien ġie emendat għall-ewwel darba, fis-7 ta’ Mejju 1996, il-kredituri privati kienu għadhom ma laħqux ftehim. Il-pożizzjoni tat-TGSS tista’ tiġi paragunata ma’ dik tal-kredituri privati biss meta l-ftehim ġie emendat għat-tieni darba, jiġifieri fit-30 ta’ Settembru 1997.

(70)

Wieħed jista’ jikkonċedi, f’dak l-istadju, li t-TGSS mar lil hin mill-kredituri privati billi kkonkluda ftehim biex jimmassimiza l-prospetti tal-irkupru tas-self tagħhom.

Il-possibbiltà tal-irkupru globali tas-somom dovuti lit-TGSS mingħajr ma jkun hemm l-ebda telf finanzjarju

(71)

Taħt il-leġiżlazzjoni Spanjola, it-TGSS jista’ jikkonkludi ftehimiet għall-iskedar mill-ġdid tad-dejn sakemm dan japplika għar-rata ta’ mgħax li tkun fis-seħħ fil-perjodu meta jiġi konkluż il-ftehim.

(72)

B’dan il-mod, it-TGSS ipprova jipproteġi s-self tiegħu mingħajr ma jsofri telf finanzjarju, wara s-sentenza Tubacex.

Prospetti ta’ qligħ tal-impriża

(73)

Fil-perjodu meta ġie konkluż il-ftehim, hekk kif diġà ssemma fil-punt (63)(iii), is-SNIACE kienet impriża fi kriżi b'riżultat ta’ telf ripetut matul diversi snin, kapital ta’ ekwità negattiv u d-dejn sostanzjali tagħha.

(74)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Spanjoli ma kinux kapaċi jirrispondu b’mod favorevoli għat-talba tal-Kummissjoni (ittra tas-7 ta’ Awwissu 2008 D/53117) biex jingħatawlha l-minuti tal-laqgħat li saru bejn it-TGSS u s-SNIACE fl-1994 (18). Dawn id-dokumenti setgħu jippermettu lill-Kummissjoni tiddetermina l-kuntest tan-negozjati u tevalwa l-opinjoni tat-TGSS dwar il-prospetti effettivi tas-SNIACE biex tissodisfa l-impenji tagħha tal-passat u kif ukoll dawk tal-ġejjieni. Minflok, l-awtoritajiet Spanjoli, fit-tweġiba tagħhom tal-10 ta’ Settembru 2008, iddikjaraw li ma kellhomx dawn id-dokumenti.

(75)

Allura hu ċar li t-TGSS kien jaf dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tas-SNIACE, b’mod partikolari bin-nuqqas tagħha li tissodisfa l-impenji tagħha favur il- FOGASA. Hekk kif il-ftehim ġie konkluż fl-1996, it-TGSS seta' vverfika mid-dokumenti ta’ kontabbiltà tal-impriża li s-SNIACE kienet issodisfat b’mod parzjali biss il-ftehim tal-1993 u li, barra minn hekk, fl-1995 kien ikkonkluda ftheim ġdid mal-FOGASA (jiġifieri, bejn wieħed u ieħor, sitt xhur qabel il-ftehim mat-TGSS), li kkonċernat id-djun il-ġodda.

Il-konklużjoni dwar il-ftehim mat-TGSS

(76)

Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li t-TGSS ma aġixxiex bħalma kieku kien jaġixxi kreditur privat:

(a)

minħabba li s-SNIACE ma ħallsitx lura s-self kollu tagħha mingħand kreditur pubbliku ieħor (FOGASA) li, barra minn hekk, kien ftiehem dwar akkumulazzjoni tad-djun, u

(b)

minħabba l-prospetti inċerti ta’ qligħ ikkawżati bid-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni finanzjarja;

6.2.3.   KONKLUŻJONI DWAR L-EŻISTENZA TAL-GĦAJNUNA

(77)

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, dik il-miżura biss li wasslet għall-ftehim tal-5 ta’ Novembru 1993 bejn il-FOGASA u s-SNIACE tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tissodisfa l-kriterji tal-kreditur privat. B’hekk, il-miżura ma tagħtix vantaġġ lill-SNIACE.

(78)

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-implimentazzjoni tal-ftehim FOGASA I, hekk kif emendat fit-18 ta’ Marzu 1999, il-ftehim FOGASA II u l-ftehim TGSS jagħtu vantaġġi lill-SNIACE għall-iskopijiet tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat għar-raġunijiet msemmija hawn fuq. Fil-fatt, dawn il-miżuri jagħtu vantaġġ lill-SNIACE billi jippermettulha tiskeda mill-ġdid l-obbligi legali tagħha relatati mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u d-djun kontrattati mal-FOGASA, li s-SNIACE normalment kien ikollha tissodisfa kieku dawk il-kredituri kienu kredituri privati.

(79)

Dwar il-kriterji l-oħrajn, il-Kummissjoni tikkunsidra, l-ewwel nett, li l-miżuri huma ffinanzjati minn fondi mill-Istat, minħabba li kemm il-FOGASA kif ukoll it-TGSS huma korpi pubbliċi li r-riżorsi tagħhom joriġinaw mill-pagament tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji.

(80)

It-tieni nett, il-miżuri kontestati huma selettivi minħabba li japplikaw biss għas-SNIACE.

(81)

It-tielet nett, is-swieq li fihom topera s-SNIACE huma karatterizzati b’livell għoli ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri. Is-SNIACE tikkummerċjalizza parti mill-produzzjoni tagħha fl-Ewropa, fejn tikkompeti ma’ impriżi oħra. Konsegwentement, l-għotja tal-għajnuna lill-SNIACE tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Minħabba dan, dawn il-miżuri qed jheddu li jfixklu l-kompetizzjoni bejn il-produtturi tal-prodotti tat-tessuti.

(82)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri relatati mal-implimentazzjoni tal-ftehim FOGASA I, il-ftehim FOGASA II u l-ftehim TGSS jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat għall-iskopijiet tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

6.3.   EŻAMI TAL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA

(83)

Il-kompatibbiltà tal-miżuri li huma kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 87(1) tat-Trattat għandhom jiġu valutati fuq il-bażi tal-eċċezzjonijiet li jipprovdu għalihom il-paragrafi 2 u 3 tal-istess Artikolu.

(84)

L-eċċezzjonijiet li jipprovdu għalihom l-Artikolu 87(2) u l-Artikolu 87(3)(b), (d) u (e), huma b'mod ċar mhux applikabbli minħabba li l-miżuri mhumiex bil-ħsieb li jippromwovu l-eżekuzzjoni ta' proġett importanti ta’ interess Komunitarju komuni jew biex isolvu tfixkil serju fl-ekonomija ta' Stat Membru, jew biex jippromwovu l-konservazzjoni tal-kultura u tal-wirt. Lanqas ma jidħlu taħt kategorija oħra ta’ għajnuna speċifikata bid-deċiżjoni tal-Kunsill li qed jaġġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

(85)

Konsegwentement, l-eċċezzjonijiet li huma relatati mal-iżvilupp ta’ ċerti oqsma jew taqsimiet li jipprovdi għalihom l-Artikolu 87(3)(a) u (c), għandhom jiġu evalwati.

(86)

Dwar l-għajnuna maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp ta’ ċerti taqsimiet, u waqt li tiġi kkunsidrata n-natura tal-miżuri inkwistjoni, l-uniċi kriterji relevanti huma dawk li huma marbuta mas-salvataġġ u mar-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà.

(87)

Dwar għajnuna maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp ta’ ċerti oqsma, il-Kummissjoni tenfasizza li l-qasam li fih tinsab is-SNIACE jista’ jagħżel, minn Settembru 1995, għajnuna reġjonali taħt l-Artikolu 87(3)(a), u li, qabel dik id-data, jista’ jagħżel għajnuna reġjonali taħt l-Artikolu 87(3)(c).

(88)

Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-miżuri fid-dawl tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà u tal-linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali. Skont l-avviż tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat illegali (19), il-miżuri għandhom jiġu valutati skont il-linji gwida li kienu fis-seħħ fil-perjodu meta ngħatat l-għajnuna.

Għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà

(89)

Dwar ir-regoli li huma reletati mal-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà, hu ċar li, sa mill-pubblikazzjoni tat-Tmien Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-1979 u fil-linji gwida suċċessivi tagħha kollha, il-Kummissjoni titlob pjan ta’ ristrutturar li jippermetti li l-vijabbiltà ta’ ditti f’diffikultà terġa' tiġi għan-normal (20).

(90)

Fil-każ preżenti, l-awtoritajiet Spanjoli qatt ma argumentaw li l-miżuri huma għajnuna ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturar. Lanqas ma ppruvaw juru li jagħmlu parti minn programm ta’ ristrutturar għall-iskopijiet tar-regoli applikabbli fid-data ta’ meta ngħatat l-għajnuna kontestata. Programm ta’ dan it-tip għandu jinkludi, inter alia, miżuri ta’ ristrutturar interni u miżuri kumpensatorji, skont it-Tmien Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-1979 (punti 227 u 228) u l-linji gwida adottati mill-1994 (21). In-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturar jikkonferma li l-iskop waħdieni tal-għajnuna kien li jżomm lill-impriża topera mingħajr ma tirrikjedi l-ebda miżuri ta’ ristrutturar min-naħa tagħha.

(91)

Dwar il-pjan ta’ vijabbiltà li l-applikant ressaq lill-Kummissjoni qabel ma bdiet il-proċedura, l-awtoritajiet Spanjoli llimitaw ruħhom għal dikjarazzjoni, b’mod partikolari, fl-ittra tagħhom tat-30 ta’ Ġunju 1997 bi tweġiba għall-ittra tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Mejju 1997, li l-konklużjoni tal-esperti li l-“vijabbiltà tas-SNIACE tista’ tiġi garantita biss billi jingħataw sussidji li jippermettu li jiġu implimentati proġetti ta’ investiment u li d-dejn jiġi negozjat mill-ġdid” kienet opijnoni purament personali espressa fi studju privat, u ma kinitx neċessarjament tirrifletti l-opinjoni tal-awtoritajiet Spanjoli (22).

(92)

Konsegwentement, peress li ma kien hemm l-ebda programm ta’ ristrutturar, il-miżuri adottati fil-qafas tal-ftehimiet FOGASA II u TGSS u l-implimentazzjoni tal-ftehim FOGASA I mhumiex ġustifikati fuq il-bażi tat-Tmien Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-1979 jew tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar tal-1994, l-1999 u l-2004.

Għajnuna reġjonali

(93)

Dwar l-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 87(3)(a) u (c) li jikkonċernaw l-għajnuna maħsuba biex tippromwovi jew tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti oqsma, il-Kummissjoni tenfasizza li l-qasam li fih hi stabbilita s-SNIACE jista’ jagħżel, minn Settembru 1995, għajnuna reġjonali taħt l-Artikolu 87(3)(a), u li, qabel dik id-data, jista’ jagħżel għajnuna reġjonali taħt l-Artikolu 87(3)(c).

(94)

Madankollu, l-għajnuna mogħtija lill-SNIACE ma għandhiex il-karatteristiċi meħtieġa biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti oqsma ekonomiċi għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, peress li ngħatat fil-forma ta’ għajnuna operattiva, jiġifieri mingħajr ma tkun soġġetta għal kwalunkwe kondizzjoni relatata mal-ħolqien tal-investiment u tal-impjiegi.

(95)

Sa mill-1979 (23) il-Kummissjoni tawtorizza biss għajnuna li mhix soġġetta għal investiment inizjali jew għall-ħolqien ta’ impjiegi f'reġjuni li jistgħu jagħżlu għajnuna reġjonali fejn l-Istat Membru jirnexxilu juri bil-provi l-eżistenza ta’ żvantaġġi u jkejjel l-importanza tagħhom, li f’din iċ-ċirkustanza ma kienx il-każ.

(96)

Konsegwentement, il-miżuri adottati fil-qafas tal-ftehimiet FOGASA II u TGSS u l-implimentazzjoni tal-ftehim FOGASA I ma jistgħux jiġu ġustifikati fuq il-bażi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1979 jew tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali tal-1998.

Għajnuna għat-taqsima tal-fibri sintetiċi

(97)

Rigward ir-regoli dwar it-taqsima tal-fibri tat-tessuti applikabbli fil-perjodu meta ġew konklużi l-ftehimiet (24), il-Kummissjoni tikkunsidra li l-unika għażla ta’ għajnuna possibbli kienet dik tal-għajnuna għall-investiment. Madankollu, il-miżuri kontestati ma għandhom l-ebda wieħed mill-fatturi tal-għajnuna għall-investiment. Konsegwentement, il-miżuri adottati fil-qafas tal-ftehimiet FOGASA II u TGSS u l-implimentazzjoni tal-ftehim FOGASA I mhumiex ġustifikati fuq il-bażi tal-linji gwida tal-1992 jew tal-1996.

Konklużjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna

(98)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-ftehim FOGASA I, hekk kif emendat fit-18 ta’ Marzu 1999, u l-konklużjoni tal-ftehimiet FOGASA II u TGSS ma jistgħux jiġu dikjarati bħala kompatibbli.

7.   PROĊEDURA GĦALL-IRKUPRU TAL-GĦAJNUNA ILLEGALI

(99)

Peress li l-Kummissjoni tikkunsidra li l-implimentazzjoni tal-ftehim FOGASA I, kif emendat fit-18 ta’ Marzu 1999, u l-ftehimiet FOGASA II u TGSS huma kompatibbli mat-Trattat, il-benefiċjarju għandu jrodd lura l-ammonti riċevuti.

(100)

Il-proċeduri għall-irkupru tal-għajnuna illegali li ġiet iddikjarata bħala mhix kompatibbli ġew stipulati fl-Avviż mill-Komunikazzjoni “Lejn implimentazzjoni effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex jirkupraw għajnuna mill-Istat li hi illegali u mhix kompatibbli” (minn issa 'l quddiem, “l-Avviż tal-2007”) (25). L-ewwel, il-ġurisprudenza tal-Qorti u l-paragrafu 37 tal-Avviż tal-2007 jiddikjaraw li l-Kummissjoni mhix mitluba li tiffissa l-ammont eżatt li għandu jinġabar. Madankollu, id-deċiżjoni għandha tinkludi informazzjoni li tippermetti lil Spanja tiddetermina dan l-ammont.

(101)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (26) li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (27) jiddikjara li l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata skont deċiżjoni ta’ rkupru għandha tkun tinkludi l-imgħax b'rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jitħallas għal perjodu ta’ bejn id-data li fiha l-għajnuna illegali tkun ngħatat lill-benefiċjarju sad-data tal-irkupru tagħha. Ir-rata ta’ mgħax għandha tiġi applikata fuq bażi komposta sad-data tal-irkupru tal-għajnuna.

(102)

Madankollu, rigward il-metodu biex jiġi kkalkulat l-imgħax, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża C-295/07, Il-Kummissjoni v Département du Loiret and Scott SA  (28), iddikjarat li l-metodu biex jiġi kkalkulat il-valur ta’ llum ta’ għajnuna illegali hu sostantiv u mhux kwistjoni proċedwali (29). Id-Deċiżjoni tal-2000 u d-Deċiżjoni dwar it-tieni bidu tal-proċedura ġew adottati ħafna qabel r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

(103)

Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-metodu li bih għandu jiġi kkalkulat l-irkupru tal-għajnuna illegali għandu jkun dak użat fil-perjodu tad-deċiżjoni annullata u li, b’hekk, l-Istat Membru se juża l-metodu tal-“imgħax sempliċi” biex jiġi kkalkulat l-ammont li għandu jiħallas lura.

(104)

Għall-finijiet tal-każ preżenti, il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, l-implimentazzjoni parzjali tal-ftehim FOGASA I, u, minn naħa oħra, il-miżuri mhux kompatibbli tal-ftehimiet FOGASA II u TGSS.

Ftehim FOGASA I

(105)

Kif ġie ddikjarat fil-punt 77, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ftehim konkluż bejn il-FOGASA u s-SNIACE fil-5 ta’ Novembru 1993 jissodisfa l-kriterji ta' kreditur privat u, b’hekk, ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat.

(106)

Madankollu, minħabba li dan il-ftehim ġie onorat b’mod parzjali biss, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ftehim FOGASA I, hekk kif rivedut fit-18 ta’ Marzu 1999, jikkostitwixxi għajnuna illegali u mhux kompatibbli li għandha tiġi rkuprata. In-nuqqas ta’ kompatibbiltà taffettwa, l-ewwel, is-somom li ma tħallsux taħt il-ftehim tat-18 ta' Marzu 1999 u, it-tieni, l-għajnuna li jifdal minn dik id-data.

(107)

L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi l-imgħax ikkalkulat skont il-metodu tal-imgħax sempliċi (ara l-punt (99)). Is-somom li tħallsu lura skont il-ftehim FOGASA I qabel ma ġie rivedut, avolja r-rata ta’ mgħax kienet aktar baxxa mir-rata ta’ mgħax ta’ referenza tal-Kummissjoni, ma jikkostitwux għajnuna mill-Istat u li b'hekk mhemmx bżonn li jiġu rkuprati. Pagamenti addizzjonali li saru barra l-ammonti mħallsa taħt il-ftehimiet jistgħu jitnaqqsu mis-somom li għandhom jiġu rkuprati bħala għajnuna illegali u mhux kompatibbli.

Ftehimiet FOGASA II u TGSS

(108)

Kif issemma wkoll hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li Spanja tat għajnuna illegali fil-forma ta’ ftehim ta’ ħlas lura li ġie konkluż mal-FOGASA fit-30 ta’ Ottubru 1995 u ftehim għall-iskedar mill-ġdid tad-dejn li ġie konkluż mat-TGSS fit-8 ta’ Marzu 1996, kontra l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, u li din l-għajnuna mhix kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE.

(109)

Minħanna li l-għajnuna hi illegali u mhix kompatibbli, għandha titħallas lura kollha u l-effetti ekonomiċi tagħha għandhom jiġu annullati. L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati huma indaqs għad-dejn globali kopert mit-tieni ftehim mal-FOGASA u mill-ftehim ta’ mat-TGSS. Ma’ dan għandu jiżdied l-imgħax sempliċi kalkulat skont ir-rata ta’ mgħax ta’ referenza tal-Kummissjoni. Il-pagamenti li saru jistgħu jitnaqqsu mill-ammonti li għandhom jiġu rkuprati.

8.   KONKLUŻJONI

(110)

Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, id-Deċiżjoni 1999/395/KE għandha b’hekk tiġi emendata.

(111)

L-ewwel ftehim ta' ħlas lura konkluż bejn il-FOGASA u s-SNIACE ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat.

(112)

Madankollu, il-valutazzjoni mill-ġdid tal-implimentazzjoni tal-ftehim ta' ħlas lura konkluż mal-FOGASA fit-3 ta’ Novembru 1993, il-ftehim ta' ħlas lura konkluż mal-FOGASA fit-30 ta’ Ottubru 1995 u l-ftehimiet għall-iskedar mill-ġdid konklużi mat-TGSS wassal għall-konklużjoni li Spanja tat għajnuna illegali kontra l-Artikolu 88(3) tat-Trattat u li din l-għajnuna mhix kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE.

(113)

Peress li l-għajnuna mogħtija hi illegali u mhix kompatibbli mas-suq komuni, il-ħlas lura tagħha għandu jiġi żgurat taħt ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 u l-effetti ekonomiċi tagħha jiġu annullati,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 1999/395/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel paragrafu għandu jinbidel bit-test li jmiss:

“Il-ftehim konkluż fil-5 ta’ Novembru 1993 bejn l-impriża Sociedad Nacional de Industrias y Aplicaciones de Celulosa Española S.A. (SNIACE) u l-Fondo de Garantía Salarial (FOGASA), fid-data ta’ meta ġie konkluż, ma kkostitwixxiex għajnuna mill-Istat għall-finijiet tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.”

(b)

wara l-ewwel paragrafu, għandu jiddaħħal il-paragrafu li jmiss:

“L-għajnuna mill-Istat li ġejja, li ġiet implimentata minn Spanja b’vantaġġ għal SNIACE, mhix kompatibbli mas-suq komuni:

(a)

il-ftehim għall-iskedar mill-ġdid tad-dejn konluż fit-8 ta’ Marzu 1996 (hekk kif emendat bil-ftehim tas-7 ta’ Mejju 1996 u sussegwentement bil-ftehim tat-30 ta’ Settembru 1997) bejn is-SNIACE u t-Tesorería General de la Seguridad Social;

(b)

l-implimentazzjoni tal-ftehim konkluż fil-5 ta’ Novembru 1993 bejn is-SNIACE u l-FOGASA;

(c)

il-ftehim konkluż fil-31 ta’ Ottubru 1995 bejn is-SNIACE u l-FOGASA.”

(2)

L-Artikoli 2 u 3 għandhom jinbidlu bit-test li jmiss:

“Artikolu 2

1.   Spanja għandha tikseb mir-riċevitur il-ħlas lura tal-għajnuna speċifikata fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1.

2.   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandhu jkollhom imgħax mid-data ta’ meta saru disponibbli lir-riċevitur sad-data ta’ meta attwalment jiġu rkuprati.

3.   L-irkupru tal-għajnuna speċifikata fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

4.   Spanja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata sa erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

1.   Spanja għandha tressaq l-informazzjoni li jmiss lill-Kummissjoni fi ħdan xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni:

(a)

l-ammont globali (il-kapital u l-imgħax) li għandu jiġi rkuprat mir-riċevitur;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ġew adottati u mfassla għal skop ta' konformità ma' din id-Deċiżjoni;

(c)

id-dokumenti li juru li r-riċevitur gie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

2.   Spanja għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata bil-progress tal-miżuri nazzjonali adottati skont din id-Deċiżjoni sakemm jiġi konkluż l-irkupru tal-għajnuna speċifikat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu. Fuq talba mill-Kummissjoni, għandha tressaq immedjatament informazzjoni dwar il-miżuri adottati u mfassla diġà għal skop ta' konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u mgħax irkuprati mir-riċevitur.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha bħala destinatarju r-Renju ta’ Spanja

Magħmula fi Brussell, l-10 ta’ Marzu 2009.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 275, 16.11.2007, p. 18.

(2)  ĠU L 149, 16.6.1999, p. 40.

(3)  [1999] Ġabra I-2459.

(4)  Paragrafu 48 tas-sentenza Tubacex.

(5)  ĠU C 110, 15.4.2000, p. 33.

(6)  ĠU L 11, 16.1.2001, p. 46.

(7)  Punt 30.

(8)  [2004] Ġabra II-3597.

(9)  Il-Kawża C-525/04 [2007] Ġabra I-9947

(10)  BOE Nru 92, 17.4.1985, p. 10203.

(11)  BOE Nru 154, 20.6.1994, p. 20658.

(12)  Ittra mill-FOGASA ddatata 22 ta’ Awwissu 2008, p. 2, mibgħuta mill-awtoritajiet Spanjoli.

(13)  Paragrafu 32.

(14)  Ittra mill-awtoritajiet Spanjoli tal-4 ta’ Lulju 2005, Anness I.

(15)  L-ittra ta’ Spanja tal-21 ta’ Marzu 2000: “l-imgħax applikat bħala konsegwenza tal-iskedar mill-ġdid iħares lill-kreditur mit-telf li ser ikollu hekk kif il-flus jitilfu l-valur matul iż-żmien”.

(16)  L-awtoritajiet Spanjoli wieġbu fl-4 ta’ Lulju 2005: “La l-FOGASA u lanqas it-[TGSS] ma għandhom biżżejjed dejta biex jagħmlu stima tal-valur tal-propretajiet tal-impriża f'dak iż-żmien.”

(17)  It-tweġiba tal-awtoritajiet Spanjoli fid-29 ta’ Settembru 2005:

(18)  L-awtoritajiet Spanjoli infurmaw lill-Kummissjoni (ittra tat-28 ta’ Frar 2005 bi tweġiba għall-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Diċembru 2004) li ġew organizzati numru ta’ laqgħat bejn is-SNIACE u t-TGSS.

(19)  ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22.

(20)  Il-punt 227 tat-Tmien Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-1979. Il-punt 3.2.2(i) tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà (ĠU C 368, 31.12.1994, p. 12). Il-punt 31 tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà (ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2). Il-punt 34 tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà (ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2).

(21)  Ara l-punt 3.2.2(i) tal-Linji Gwida tal-1994 “… l-għajnuna għandha tintrabat ma’ programm vijabbli ta’ ristrutturar/rkupru …”

(22)  L-ittra tal-awtoritajiet Spanjoli mibgħuta bil-faks fit-30 ta’ Ġunju 1997, p. 2.

(23)  It-tieni paragrafu tal-punt 4 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar s-sistemi għall-għajnuna reġjonali (ĠU C 31, 3.2.1979, p. 9). Punt 4.15 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali (ĠU C 74, 10.3.1998, p. 9).

(24)  ĠU C 346, 30.12.1992, p. 2 u ĠU C 94, 30.3.1996, p. 11.

(25)  ĠU C 272, 15.11.2007, p. 4.

(26)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

(27)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(28)  (Qed tistenna li tiġi pubblikata).

(29)  Paragrafu 83.


Top