EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0080

2008/80/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta’ Diċembru 2007 dwar dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mir-Repubblika ta’ l-Awstrija dwar ċerti gassijiet serra fluworinati (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6646) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 24, 29.1.2008, p. 45–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/80(1)/oj

29.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 24/45


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Diċembru 2007

dwar dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mir-Repubblika ta’ l-Awstrija dwar ċerti gassijiet serra fluworinati

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6646)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/80/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95(6) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar ċerti gassijiet serra fluworinati (1), u partikolarment l-Artikolu 9(3) tiegħu,

Billi:

I.   IL-FATTI U L-PROĊEDURA

(1)

Fid-29 ta’ Ġunju 2007, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija għarrfet lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 9.3(b) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006 dwar ċerti gassijiet serra, dwar miżuri nazzjonali adottati fl-2002 (BGB1. II Nru 447/2002 - Ordinanza tal-Ministeru Federali għall-Agrikoltura, il-Foresterija, l-Ambjent u l-Ġestjoni ta’ l-Ilma dwar projbizzjonijiet u restrizzjonijiet għall-idrokarboni fluworinati parzjalment jew kompletament, u l-eżafluworidu tal-kubrit (l-Ordinanza HFC-PFC-SF6), ippubblikata fil-Gazzetta Leġiżlattiva Federali fl-10 ta’ Diċembru 2002) kif emendata wara bl-Ordinanza BGB1. II Nru 139/2007, 21.6.2007.

(2)

F’din l-ittra l-Gvern Awstrijak jinnotifika li r-Repubblika ta’ l-Awstrija biħsiebha żżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħha li huma aktar stretti minn dawk tar-Regolament, skond l-Artikolu 9.3(a) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, sal-31 ta’ Diċembru 2012.

1.   LEĠIŻLAZZJONI KOMUNITARJA

1.1.   L-ARTIKOLU 95(4), (5) U (6) TAT-TRATTAT TAL-KE

(3)

L-Artkolu 95(4) tat-Trattat jistipula li “Jekk, wara l-adozzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi ta’ neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 30, jew li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol, dan għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll dwar ir-raġuni għaliex għandhom jinżammu.”

(4)

L-Artkolu 95(5) tat-Trattat KE jistipula li “[…], mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, jekk, wara l-adozzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq prova xjentifika ġdida li għandha x’taqsam mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta’ xi problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina mill-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet li jkollu l-ħsieb jintroduċi kif ukoll bil-bażi għall-introduzzjoni tagħhom.”

(5)

Skond l-Artikolu 95(6), il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur min-notifika, tapprova jew tirrifjuta d-dispożizzjonijiet nazzjonali involuti wara li tkun ivverifikat jekk humiex mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri jew le u jekk humiex ta’ xkiel għall-ħidma tas-suq intern jew le.

1.2.   IR-REGOLAMENT (KE) NRU 842/2006

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 dwar ċerti gassijiet serra fluworinati (gassijiet F) jimmira li jipprevjeni u jrażżan l-emissjonijiet ta’ ċerti gassijiet F (HFCs, PFCs, u SF6) koperti mill-Protokoll ta’ Kjoto.

(7)

Fih ukoll għadd limitat ta’ projbizzjonijiet ta’ l-użu u t-tqegħid fis-suq fejn l-alternattivi ġew ikkunsidrati disponibbli u effiċjenti f’termini ta’ nfiq fuq il-livell tal-Komunità u fejn it-titjib fit-trażżin u l-irkupru kien meqjus bħala mhux vijabbli.

(8)

Ir-Regolament għandu bażi ġuridika doppja, l-Artikolu 175(1) tat-Trattat tal-KE rigward id-dispożizzjonijiet kollha, u l-Artikolu 95 tat-Trattat tal-KE għall-Artikoli 7, 8 u 9, minħabba l-implikazzjonijiet tagħhom f’termini tal-moviment ħieles tal-prodotti fi ħdan is-suq waħdieni tal-KE.

(9)

L-Artikolu 9 tar-Regolament jirregola l-ħruġ fis-suq u, b’mod iktar preċiż, jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ għadd ta’ prodotti u tagħmir li fihom, jew li l-funzjonament tagħhom jiddependi fuq, il-gassijiet F koperti bir-Regolament. Fil-paragrafu 3(a) tiegħu, ikompli jistipula li l-Istati Membri li sal-31 ta’ Diċembru 2005 adottaw miżuri nazzjonali li huma iktar stretti minn dawk stipulati fl-Artikolu u li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament jistgħu jżommu dawk il-miżuri nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2012. Skond il-paragrafu 3(b) tiegħu, dawk il-miżuri, flimkien mal-ġustifikazzjoni tagħhom, għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattat.

(10)

Ir-Regolament għandu japplika b’effett mill-4 ta’ Lulju 2007, minbarra l-Artikolu 9 u l-Anness II, li għandhom japplikaw mill-4 ta’ Lulju 2006.

2.   DISPOŻIZZJONIJIET NAZZJONALI NNOTIFIKATI:

(11)

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mir-Repubblika ta’ l-Awstrija ġew introdotti bl-Ordinanza Nru 447/2002 ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, u emendati bl-Ordinanza Nru 139/2007 tal-21 ta’ Ġunju 2007.

(12)

L-Ordinanza Nru 447/2002 kif emendata bl-Ordinanza Nru 139/2007 (minn hawn ‘il quddiem “l-Ordinanza”) tikkonċerna tliet gassijiet serra kklassifikati skond il-Protokoll ta’ Kjoto, li l-biċċa l-kbira minnhom għandhom potenzjali kbar għat-tisħin globali: karboni idrofluworidi (hydrofluorocarbons — HFCs), karboni perfluworidi (perfluorocarbons — PFCs) u l-eżafluworidu tal-kubrit (sulphur hexafluoride — SF), bl-għan li jintlaħqu l-miri għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet ta’ l-Awstrija.

(13)

L-Ordinanza tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-gassijiet serra msemmijin hawn fuq, kif ukoll l-użu tagħhom f’ċertu tagħmir, unitajiet u prodotti, sakemm ma jkunux utilizzati għal finijiet ta’ riċerka, żvilupp u analitiċi. Id-dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-projbizzjonijiet u l-kundizzjonijiet tal-permessibbiltà huma stipulati fl-Ordinanza, §§4 sa 17.

(14)

L-emenda ta’ l-2007 tqis id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali ta’ l-Awstrija li tirrevoka (f’deċiżjonijiet tad-9 ta’ Ġunju 2005 u ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005, ippubblikati fil-Gazzetta Leġiżlattiva Federali fid-9 ta’ Awwissu 2005 u fl-24 ta’ Frar 2006 rispettivament) il-valur ta’ limitu ta’ 3 000 tal-Potenzjal tat-Tisħin Globali għall-HFCs stabbilit fl-Artikolu 12(2), il-linja 3, ta’ l-Ordinanza Nru 447/2002, kif ukoll il-klawżola ta’ eċċezzjoni stipulata fl-Artikolu 12(2), il-linja 3(a), tiegħu, għar-raġuni li jmorru kontra l-liġi.

(15)

Barra minn hekk, fl-2007 l-emenda daħħlet ċertu llaxkar tar-restrizzjonijiet rigward is-settur tar-refriġerazzjoni u l-kondizzjonament ta’ l-arja, biex iġġibhom konformi mad-dispożizzjonijiet skond ir-Regolament (KE) Nru 842/2006. Ir-refriġerazzjoni u l-kondizzjonament ta’ l-arja mobbli ma għadhomx koperti bl-Ordinanza emendata. F’dak li jirrigwarda l-applikazzjonijiet fissi, il-projbizzjonijiet japplikaw biss għal unitajiet żgħar ta’ kollegament (plug-in units) b’karika refriġeranti ta’ 150 g jew anqas, kif ukoll għal tagħmir indipendenti b’karika refriġeranti ta’ 20 kg jew aktar. Għal applikazzjonijiet oħra parametri tekniċi huma ddefiniti sabiex jiżguraw li ma jintużawx aktar refriġeranti minn kemm hemm bżonn fuq il-bażi ta’ għarfien attwali. Saru wkoll tibdiliet rigward it-trattament ta’ aerosols li fihom l-HFCs, u l-użu ta’ l-SF biex jinġiebu konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ l-UE.

(16)

Permezz ta’ ittra ddatata l-1 ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Awstrijaċi li kienet irċeviet in-notifika u li l-perjodu ta’ sitt xhur għall-eżami tagħha skond l-Artikolu 95(6) beda fit-30 ta’ Ġunju 2007, l-għada tad-data li fiha waslet in-notifika.

(17)

Permezz ta’ ittra ddatata t-12 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra dwar in-notifika li tagħtihom perjodu ta’ 30 jum biex iressqu xi kummenti. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll avviż dwar in-notifika fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (2) sabiex tinforma lil xi partijiet interessati oħra dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ l-Awstrija, kif ukoll ir-raġunijiet li ngħataw għal dan.

II.   VALUTAZZJONI

1.   KUNSIDERAZZJONI TA’ L-AMMISSIBILITÀ

(18)

In-notifika preżenti ġiet eżaminata fid-dawl ta’ l-Artikolu 95(4) u (5) tat-Trattat tal-KE, kif ukoll skond ir-Regolament (KE) Nr 842/2006.

(19)

L-Artikolu 95(4) jikkonċerna każijiet fejn, wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, Stat Membru jidhirlu li jeħtieġ li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq raġuni ta’ eżiġenzi importanti msemmija fl-Artikolu 30, jew għax jirrelataw mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew l-ambjent tax-xogħol.

(20)

Madankollu, minħabba li l-miżuri adottati fl-2002 ġew emendati fl-2007, huwa f’loku li jitqies jekk l-Artikolu 95(5) japplikax fir-rigward ta’ tali dispożizzjonijiet ta’ l-Ordinanza li ġew emendati wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 842/2006. Li kieku dawn id-dispożizzjonijiet kienu bidlu s-sustanza ta’ dawk diġà lleġiżlati qabel l-att ta’ armonizzazzjoni, kien messhom ġew innotifikati lill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni, u ġġustifikati abbażi ta’ evidenza xjentifika ġdida bir-raġuni ta’ problema speċifika għal dak l-Istat Membru li tkun qamet wara l-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni.

(21)

L-analiżi ta’ l-att li jemenda kkonkluda li l-emendi li saru fl-2007 kellhom l-għan li jew iħassru d-dispożizzjonijiet (il-punti 10 u 12 ta’ l-Ordinanza li temenda), ew li jillimitaw l-ambitu tagħhom għal prodotti jew applikazzjonijiet aktar speċifiċi mingħajr ma jżidu rekwiżiti ġodda (il-punti 1, 3 u 10 ta’ l-Ordinanza li temenda), jew li jintroduċu possibbiltajiet addizzjonali għal derogi mir-restrizzjoni imposta bl-Ordinanza ta’ l-2002 (il-punti 6 u 7 ta’ l-Ordinanza li temenda). Barra minn hekk, iddaħħlu referenzi għar-Regolament (KE) Nru 842/2006, kif ukoll rekwiżiti espliċiti li jqisu l-miżuri ta’ armonizzazzjoni (il-punti 1, 8 u 9 ta’ l-Ordinanza li temenda).

(22)

Ma ġiet identifikata l-ebda miżura li biddlet is-sustanza tal-miżuri lleġiżlati qabel l-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni b’tali mod li introduċiet restrizzjonijiet addizzjonali. Għaldaqstant, din l-emenda ma kienx fiha miżuri ġodda li jeħtiġilhom jitqiesu bħala aktar restrittivi mir-Regolament (KE) Nru 842/2006, imma naqqset l-impatt tagħhom fuq is-suq intern. Għaldaqstant, huwa f’loku li l-Artikolu 95(4) jiġi applikat għall-valutazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ l-Ordinanza, ukoll għal dawk emendati fl-2007.

(23)

L-Ordinanza għadha tikkonsisti, madankollu, f’dispożizzjonijiet aktar stretti mir-Regolament (KE) Nru 842/2006, minħabba li fiha projbizzjoni ta’ l-importazzjoni, il-bejgħ u l-użu ta’ prodotti ġodda li fihom il-gassijiet F wara l-1 ta’ Jannar 2006, kif ukoll projbizzjoni ta’ l-importazzjoni, il-bejgħ u l-użu tal-gassijiet F, ġodda u rkuprati, wara l-1 ta’ Jannar 2006, filwaqt li r-Regolament fih projbizzjoni anqas restrittiva fuq it-tqegħid fis-suq, minħabba li tapplika biss għal prodotti kif elenkati fl-Anness II tiegħu. Barra minn hekk, ir-Regolament jimponi restrizzjonijiet fuq l-użu biss ta’ l-SF6, filwaqt li l-miżura Awstrijaka tikkontrolla wkoll l-użu ta’ l-HFCs u l-PFCs. L-Ordinanza hija aktar stretta mil-leġiżlazzjoni li hemm fis-seħħ bħalissa fil-livell tal-Komunità, billi tmur lil hinn minnha f’dak li jirrigwarda t-tqegħid fis-suq u l-kontroll ta’ l-użu.

(24)

Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija targumenta li tali leġiżlazzjoni hija meħtieġa sabiex il-pajjiż jaqdi l-obbligi tiegħu skond il-Protokoll ta’ Kjoto, jiġifieri li sa l-2012 inaqqas bi 13 % l-livell totali tiegħu ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, meta mqabbla mal-livelli ta’ l-emissjonijiet ta’ l-1990, tnaqqis li raġonevolment jista’ jingħad jirrikjedi sforz koordinat biex jiġi indirizzat kull sors ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

(25)

Il-kompatibbiltà hija eżaminata abbażi ta’ l-Artikolu 95(4) u 95(6), filwaqt li jitqies ir-Regolament 842/2006. L-Artikolu 95(4) jeżiġi li n-notifika tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni tar-raġunijiet marbuta ma’ waħda jew iktar mir-rekwiżiti kbar imsemmija fl-Artikolu 30 jew inkella mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ma’ l-ambjent tax-xogħol.

(26)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni mressqa mill-Awstrija bil-ħsieb li tikseb awtorizzazzjoni biex iżżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħha dwar ċerti gassijiet serra industrijali, hija ammissibbli skond l-Artikolu 95(4) tat-Trattat KE.

2.   VALUTAZZJONI TAL-MERTI

(27)

Skond l-Artikolu 95(4) u (6), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni għandha taċċerta li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li jippermettu Stat Membru jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu b’deroga minn miżura ta’ armonizzazzjoni tal-Kummissjoni prevista f’dak l-Artikolu. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet nazzjonali għandhom jiġu ġġustifikati mill-eżiġenzi importanti msemmija fl-Artikolu 30 tat-Trattat, jew marbuta mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew l-ambjent tax-xogħol, ma għandhomx ikunu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma għandhomx jikkostitwixxu ostaklu għall-operat tas-suq intern mhux proporzjonat jew mhux meħtieġ.

2.1.   L-ONERU TAL-PROVA

(28)

Il-Kummissjoni, meta teżamina jekk miżuri nazzjonali nnotifikati skond l-Artikolu 95(4) humiex iġġustifikati, għandha tieħu bħala bażi “r-raġunijiet” imressqa mill-Istat Membru li qed jagħmel in-notifika. Dan ifisser li, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-KE, ir-responsabbiltà biex ikun ippruvat li l-miżuri nazzjonali huma ġġustifikati hija ta’ l-Istat Membru li jkun għamel it-talba biex iżommhom.

2.2.   ĠUSTIFIKAZZJONI FUQ IL-BAŻI TA’ L-EŻIĠENZI IMPORTANTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 30 JEW MARBUTA MAL-ĦARSIEN TA’ L-AMBJENT JEW TA’ L-AMBJENT TAX-XOGĦOL

2.2.1.   Il-pożizzjoni Awstrijaka

(29)

Biex jiġġustifikaw iż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom, l-awtoritajiet Awstrijaċi jirrefereu għall-impenn tar-Repubblika ta’ l-Awstrija skond il-Protokoll ta’ Kjoto. L-adozzjoni ta’ l-Ordinanza kienet kontribut għall-qadi ta’ l-impenn li sa l-2012 tnaqqas l-emissjonijiet tagħha bi 13 % taħt il-livell ta’ l-1990, li jikkorrispondi għal emissjoni massima ta’ 67 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti tas-CO2.

(30)

L-Awstrija ppreżentat l-istudju “Analiżi ta’ l-għarfien attwali f’oqsma ta’ applikazzjoni magħżula tal-gassijiet fluworinati b’potenzjal tat-tisħin globali” ta’ Mejju 2006. Skond l-istudju, mill-2003 l-gassijiet F koperti bl-Ordinanza kienu jirrappreżentaw aktar minn 2 % ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet min-naħa ta’ l-Awstrija, u dan kien mistenni jirdoppja sa madwar l-2010. Għaldaqstant l-Ordinanza kienet parti integrali mill-istrateġija nazzjonali għall-klima.

(31)

Il-Gvern Awstrijak huwa ta’ l-opinjoni li l-għan ta’ l-Ordinanza huwa li l-ambjent jitħares u huwa meħtieġ u proporzjonat fit-termini tal-prevenzjoni u t-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet fluworinati. Għalhekk, fil-fehma tiegħu, l-Ordinanza hija kompatibbli mat-Trattat.

2.2.2.   Evalwazzjoni tal-pożizzjoni ta’ l-Awstrija

(32)

Wara li eżaminat l-informazzjoni mressqa mill-Awstrija, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikjesta biex jinżammu miżuri iktar stretti minn dawk fir-Regolament (KE) Nru 842/2006, partikolarment wara li dawk il-miżuri tqarrbu aktar lejn ir-Regolament imsemmi, jistgħu jitqiesu kompatibbli mat-Trattat għar-raġunijiet li ġejjin.

(33)

L-Ordinanza Nru 447/2002 kienet is-suġġett ta’ proċediment ta’ ksur li l-Kummissjoni varatu fl-2004, jiġifieri qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 842/2006. Fl-ittra ta’ tqegħid fil-mora lill-Awstrija, il-Kummissjoni qalet li l-projbizzjoni ta’ l-HFCs fis-sistemi tar-refriġerazzjoni u l-kondizzjonament ta’ l-arja setgħet titqies bħala sproporzjonata, minħabba li dawn huma sistemi magħluqa u sakemm jistgħu jiġu ggarantiti l-funzjonament, il-manutenzjoni u r-riċiklaġġ sew, ir-rilaxx ta’ HFCs jista’ jinżamm f’livell minimu.

(34)

Din il-proċedura hija bbażata fuq l-Artikoli 28-30 tat-Trattat tal-KE. Wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 842/2006 u n-notifika ta’ miżuri nazzjonali aktar stretti mill-Awstrija skond l-Artikolu 9(3) tiegħu, il-proċediment ta’ ksur ingħalaq.

(35)

Fl-ittra ta’ tqegħid fil-mora, il-Kummissjoni kienet adottat il-pożizzjoni li l-miżuri Awstrijaċi setgħu kienu kontra l-Artikolu 28 tat-Trattat tal-KE għar-raġunijiet li ġejjin: L-ewwelnett, il-projbizzoni ta’ l-użu ta’ l-HFCs bħala aġenti tat-tkessiħ u r-refriġerazzjoni ma deherx li kienet meħtieġa u proporzjonata bil-għan li tiggarantixxi t-tnaqqis adegwat, b’mezzi raġonevoli u effikaċi, tar-rilaxxi tal-gassijiet serra, fl-interess tal-ħarsien ambjentali. It-tieni, f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ l-HFCs bħala aġenti tat-tifi tan-nar, il-Kummissjoni qieset li l-valur ta’ limitu GWP kif previst fl-Ordinanza seta’ kien jikkostitwixxi diskriminazzjoni arbitrarja kontra prodotti minn Stati Membri oħra.

(36)

Dawn il-kwistjonijiet kienu indirizzati billi l-Ordinanza Nru 139/2007 sarulha emendi. L-emenda ta’ l-Ordinanza fl-2007 wasslet biex xi projbizzjonijiet jitneħħew u oħrajn jiġu llaxkati, u b’hekk il-miżuri nnotifikati ma għandhomx jikkostitwixxu ostaklu għall-funzjcnament tas-suq intern, kif jeżiġi l-Artikolu 95(6) tat-Trattat tal-KE.

(37)

Rigward l-użu ta’ l-HFCs fit-tagħmir u l-użi tar-refriġerazzjoni u tal-kondizzjonament ta’ l-arja, il-projbizzjoni rriveduta ma għadhiex tapplika għat-tagħmir li jintuża biex iberred il-kompjuters, irrispettivament mid-daqs tal-karika; għat-tagħmir li fih bejn 150 g u 20 kg; għal unitajiet indipendenti b’kariki refriġeranti sa 20 kg, għal unitajiet kompatti b’kariki ta’ 0.5 kg kull kw, u għal unitajiet fissi interkonnessi b’kariki sa 100 kg. B’hekk il-projbizzjoni ma tapplikax għall-parti l-kbira tas-sistemi ta’ refriġerazzjoni u l-kondizzjonament ta’ l-arja. Dawn l-emendi jqisu l-istudju ta’ Mejju 2006, li ġie ppreżentat lill-Kummissjoni. Ir-reviżjoni neħħiet il-projbizzjoni ta’ l-użu ta’ l-HFCs bħala aġenti tat-tifi tan-nar.

2.2.2.1.   Il-ġustifikazzjoni ambjentali:

(38)

Skond il-Protokoll ta’ Kjoto, il-KE impenjat ruħha biex fil-perjodu 2008-2012 tnaqqas l-emissjonijiet kollettivi tagħha tal-gassijiet serra mill-Istati Membri talanqas bi 8 % taħt il-livell ta’ l-1990. Matul id-diskussjonijiet sussegwenti fi ħdan il-KE, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija impenjat ruħha li tnaqqas il-livell globali tagħha ta’ l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bi 13 % matul dan il-perjodu (3).

(39)

L-Ordinanza tifforma parti minn strateġija usa’ li l-Awstrija implimentat biex tilħaq il-mira għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet skond il-Protokoll ta’ Kjoto u l-ftehim sussegwenti dwar it-tqassim ta’ l-obbligi adottat fil-livell Komunitarju.

(40)

Din l-istrateġija tkopri s-sorsi kollha ta’ l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jaqgħu taħt il-Protokoll ta’ Kjoto. Il-miżuri fuq il-gassijiet F għalhekk huma parti mill-impenn kumplessiv tagħha biex tilħaq l-obbligi tagħha. L-emissjonijiet ta’ dawn il-gassijiet F huma stmati li, fl-assenza ta’ iktar regolamentazzjoni, jirduppjaw sa l-2010 bl-użu dejjem akbar tar-refriġerazzjoni u wkoll bħala riżultat tat-tneħħija gradwali ta’ l-HCFCs mir-refriġerazzjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar is-sustanzi li jnaqqsu s-saff ta’ l-ożonu (4).

(41)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ġustifkazzjoni ambjentali li tat ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, jiġifieri t-tnaqqis u l-prevenzjoni ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet fluworinati, hija raġonevoli u valida.

2.2.2.2.   Ir-relevanza u l-proporzjonalità ta’ l-Ordinanza Awstrijaka fir-rigward tal-mira li jintlaħaq aktar tnaqqis tal-gassijiet serra fluworinati:

(42)

Biex aktar jitnaqqsu u jiġu pprevenuti l-emissjonijiet tal-gassijiet F, l-Awstrija diġà kienet iddeċidiet fl-2002 li tagħżel impożizzjoni selettiva tal-projbizzjonijiet fis-suq għat-tagħmir ġdid. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq investigazzjonijiet ta’ l-eżistenza u d-disponibbiltà ta’ alternattivi mingħajr gassijiet F. Il-miżuri sussegwentement kienu rriveduti fl-2006 biex jitqiesu l-evidenza u l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi ġodda, u biex jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-proporzjonalità tagħhom.

(43)

Ta’ min jiftakar ukoll li l-Artikolu 9.3(a) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006 jippermetti li jinżammu l-miżuri nazzjonali biss sal-31 ta’ Diċembru 2012, u għalhekk, u b’kunsiderazzjoni tan-notifika li għamlet ir-Repubblika ta’ l-Awstrija msemmija f’dan l-Artikolu tar-Regolament, jirriżulta li l-Ordinanza għandha tapplika għal perjodu limitat.

(44)

L-Ordinanza tipprevedi li possibbilment jingħataw eżenzjonijiet fejn jinsab li ma jkun hemm l-ebda alternattiva disponibbli għall-użu ta’ HFCs fil-fowm u fil-prodotti li fihom il-fowm. Barra minn hekk, ġew estiżi l-eżenzjonijiet għall-isprejs (novelty aerosols) maħsuba għall-esportazzjoni.

(45)

Filwaqt li tinnota li l-Ordinanza għandha ċerti implikazzjonijiet għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ l-oġġetti fi ħdan l-UE, mill-analiżi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni madankollu tasal għall-konlużjoni li l-Ordinanza hija ġġustifikata min-naħa ambjentali u tqis l-implikazzjonijiet għas-suq intern tal-projbizzjonijiet previsti, partikolarment minħabba li tissejjes fuq l-eżistenza u d-disponibbiltà ta’ alternattivi fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ l-Awstrija, imsaħħa bil-possibilità li jingħataw eżenzjonijiet individwali.

2.3.   L-ASSENZA TA’ KWALUNKWE DISKRIMINAZZJONI ARBITRARJA, KWALUNKWE RESTRIZZJONI MOĦBIJA FUQ IL-KUMMERĊ BEJN L-ISTATI MEMBRI

(46)

Skond l-Artikolu 95(6) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni għandha tapprova jew tirrifjuta d-dispożizzjonijiet nazzjonali involuti wara li jkun ivverifikat jew le li huma mezzi ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(47)

Ta’ min jiftakar li applikazzjoni skond l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE għandha tiġi vvalutata fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti kemm f’dak il-paragrafu kif ukoll fil-paragrafu 6 ta’ dak l-Artikolu. Jekk xi waħda minn dawk il-kundizzjonijiet ma tintlaħaqx, l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata mingħajr il-bżonn li jiġu vvalutati l-oħrajn.

(48)

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati huma ġenerali u japplikaw l-istess kemm għal prodotti nazzjonali kif ukoll għal dawk importati. Wara li r-regoli dwar l-użu ta’ l-HFCs inġiebu konformi mar-Regolament (KE) Nru 842/2006, ma hemm l-ebda evidenza li d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati jistgħu jintużaw bħala mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja bejn l-operaturi ekonomiċi fil-Komunità.

(49)

Rigward il-limitazzjonijiet tax-xiri minn Stati oħra taż-ŻEE, inklużi l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, huwa mifhum li dawn id-dispożizzjonijiet huma maħsuba biex jiżguraw, fi ħdan l-ambitu tal-miżuri, it-trattament ugwali tas-sustanzi jew il-prodotti kollha, kien x’kien l-oriġini tagħhom, jiġifieri dawk manufatturati fil-pajjiż, dawk importati jew dawk mixtrija fis-suq intern. Oġġetti importati minn barra ż-ŻEE huma koperti bid-dispożizzjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq. Dan jgħodd ukoll għal prodotti mixtrija minn Stat taż-ŻEE li ma jkunx Stat Membru ta’ l-UE, f’liema każ, għal dawn l-oġġetti, il-miżuri huma msejsa fuq żewġ elementi differenti tad-dispożizzjoni, minħabba li t-tranżazzjoni tirrappreżenta fl-istess ħin tqegħid fis-suq u xiri minn Stat taż-ŻEE. Madankollu, dan ma għandux iwassal għal trattament diskriminatorju ta’ dawn l-oġġetti.

(50)

L-għan ta’ din l-Ordinanza huwa l-ħarsien ta’ l-ambjent. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-Ordinanza, fl-intenzjoni jew fl-implimentazzjoni tagħha, tista’ tirriżulta f’xi diskriminazzjoni arbitrarja jew ostakoli moħbija għall-kummerċ.

(51)

Il-Kummissjoni tqis li ma hemm l-ebda evidenza li tindika li d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mill-Awstrija jikkostitwixxu ostaklu sproporzjonat għall-funzjonament tas-suq intern fir-rigward ta’ l-għanijiet mixtieqa.

III.   KONKLUŻJONI

(52)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li t-talba tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, imressqa fid-29 ta’ Ġunju 2007, biex sal-31 ta’ Diċembru 2012 iżżomm il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha li hija aktar stretta mir-Regolament (KE) Nru 846/2006 fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti u tagħmir li fihom il-gassijiet F, jew li t-tħaddim tagħhom jiddependi fuq dawn ta’ l-aħħar, hija aċċettabbli.

(53)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-2002, kif emendati fl-2007:

jissodisfaw ħtiġijiet abbażi tal-ħarsien ta’ l-ambjent,

iqisu l-eżistenza u d-disponibbiltà teknika u ekonomika ta’ alternattivi għall-applikazzjonijiet ipprojbiti fl-Awstrija, u x’aktarx jirriżultaw f’impatt ekonomiku llimitat,

mhumiex mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja,

ma jikkostitwixxux restrizzjoni moħbija għall-kummerċ bejn l-Istati Membri u

għaldaqstant huma kompatibbli mat-Trattat.

Il-Kummissjoni għalhekk tqis li jistgħu jinżammu.

Madankollu, għandu jiġi nnutat li l-eżenzjonijiet li dwarhom jipprovdi l-paragrafu 8(2) ta’ l-Ordinanza ma jistgħux jingħataw wara l-4 ta’ Lulju 2008 rigward fowms ta’ komponent wieħed kif jissemma’ fl-Artikolu 9(1) u l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 842/2006, sakemm dan ma jkunx meħtieġ biex jintlaħqu standards nazzjonali ta’ sikurezza,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ċerti gassijiet serra fluworinati, li r-Repubblika ta’ l-Awstrija nnotifikat lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra ddatata d-29 ta’ Ġunju 2007, u li huma aktar stretti mir-Regolament (KE) Nru 842/2006 fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti u tagħmir li fihom il-gassijiet F, jew li t-tħaddim tagħhom jiddependi fuq dawn ta’ l-aħħar, b’dan huma approvati. Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija hija awtorizzata żżommhom sal-31 ta’ Diċembru 2012.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ l-Awstrija.

Magħmul fi Brussell, 21 ta’ Diċembru 2007

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 161, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU C 245, 19.10.2007, p. 4.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ April 2002 dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt ta’ l-obbligi tiegħu, ĠU L 130, 15.5.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1. Ir-Regolament emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 899/2007 (ĠU L 196, 28.7.2007, p. 24).


Top