EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XG0606(01)

Konklużjonijiet tal-Kunsill tat- 22 ta' Mejju 2008 dwar approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali

ĠU C 140, 6.6.2008, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 140/8


Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2008 dwar approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali

(2008/C 140/08)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Waqt li jikkunsidra li:

id-Direttiva l-ġdida dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżivi tagħmel sejħa għall-“iżvilupp ta' litteriżmu tal-midja fl-oqsma kollha tas-soċjetà” u għal monitoraġġ mill-qrib tal-progress fil-litteriżmu medjatiku. Din tistabbilixxi obbligu ta' rappurtar għall-Kummissjoni biex jitkejlu l-livelli tal-litteriżmu tal-midja fl-Istati Membri kollha (1). Il-kriterji għall-valutazzjoni tal-livelli tal-litteriżmu medjatiku huma għalhekk meħtieġa,

il-Parlament Ewropew talab lill-Kunsill u lill-Kummissjoni “biex jiżviluppaw u jimplimentaw programmi ta' litteriżmu tal-midja għall-promozzjoni ta' ċittadinanza attiva u konxja fl-Ewropa” (2),

l-importanza kruċjali tal-litteriżmu tal-midja ġiet sottolinjata ukoll mill-UNESCO, pereżempju fid-“Dikjarazzjoni Grünwald fuq l-Edukazzjoni dwar il-Midja” (1982) u fl-Aġenda ta' Pariġi — tnax-il rakkomandazzjoni għall-edukazzjoni dwar il-midja (2007) u mill-Kunsill ta' l-Ewropa fir-“Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri lill-istati membri dwar l-għoti ta' setgħa lit-tfal fl-ambjent il-ġdid ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni tiegħu” (2006),

il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika dwar il-litteriżmu medjatiku (3) u studju dwar “Xejriet u metodi attwali għal-litteriżmu tal-midja fl-Ewropa” (4),

ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ċentrali għat-tagħlim tul il-ħajja (2006) tidentifika l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet relatati mal-kompetenza diġitali,

ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni ta' minuri u d-dinjità umana u dwar id-dritt għal tweġiba fir-rigward tal-kompetittività ta' l-industrija Ewropea għas-servizzi awdjoviżwali u informazzjoni on-line (2006) diġà fiha serje ta' miżuri possibbli għal promozzjoni tal-litteriżmu tal-midja.

1.   JILQA'

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali” bħala ġebla oħra fil-binja tal-politika awdjoviżiva Ewropea.

2.   JAPPROVA

il-fehma strateġika proposta mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-litteriżmu tal-midja bħala fattur importanti għaċ-ċittadinanza attiva fis-soċjetà ta' l-informazzjoni tal-preżent, li jista' jikkontribwixxi għall-ksib ta' l-objettivi ta' l-aġenda ta' Lisbona.

3.   JIRRIKONOXXI

l-importanza tal-litteriżmu tal-midja u r-rwol tiegħu biex jippromwovi parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fil-ħajja ekonomika, kulturali u demokratika tas-soċjetà,

li l-litteriżmu tal-midja, partikolarment il-kapaċità li jiġi evalwat il-kontenut b'mod kritiku, fil-biċċa l-kbira jikkundizzjona l-kunfidenza ta' l-utenti fit-teknoloġiji diġitali u fil-midja u għalhekk l-adozzjoni ta' l-TIK u tal-midja, li huma definiti bħala prijorità fil-qafas tal-politika strateġika “2010”,

l-importanza ta' l-utenti litterati tal-midja għall-pluraliżmu tal-midja u l-kwalità tal-kontenut,

id-diversità ta' sforzi li qed isiru fl-Istati Membri biex itejbu u jippromwovu l-litteriżmu medjatiku anki jekk ikun hemm differenzi fil-prassi u l-livelli bejn l-Istati Membri,

in-nuqqas ta' kriterji u indikaturi komuni biex jiġi mkejjel il-litteriżmu tal-midja,

l-importanza li jiġu identifikati u promossi prassi tajbin għall-iżvilupp tal-litteriżmu tal-midja,

l-importanza ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-iżvilupp ta' litteriżmu tal-midja akbar u l-ħtieġa konsegwenti li jittejjeb it-taħriġ ta' l-għalliema u titqajjem kuxjenza fost l-edukaturi fil-livelli kollha ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ.

4.   JISSOTTOLINJA

ir-rilevanza tal-programmi u l-inizjattivi Ewropej bħall-Programm MEDIA 2007, il-Programm ta' Tagħlim tul il-Ħajja 2007-2013 u l-Programm Internet Aktar Sigur Plus,

li l-ħidma futura għandha tkun ibbażata fuq dawn l-inizjattivi u oħrajn relatati, lejn l-għan li jinkiseb iktar għarfien ta' l-importanza tal-litteriżmu medjatiku fost iċ-ċittadini,

il-bżonn ta' skambju regolari ta' informazzjoni, ta' prattika tajba u, fil-qasam ta' l-edukazzjoni, ta' metodi pedagoġiċi bejn l-Istati Membri.

5.   JIEĦU NOTA

ta' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li twettaq studju ulterjuri bil-għan li jiġu żviluppati kriterji u indikaturi biex jiġu mkejlin il-livelli tal-litteriżmu tal-midja, waqt li jittieħed kont dovut tal-ħidma kollha rilevanti li għaddejja f'organizzazzjonijiet internazzjonali oħra,

ta' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tippromwovi l-iżvilupp u l-iskambju ta' prattiki tajba dwar il-litteriżmu medjatiku fl-ambjent diġitali.

6.   JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI

biex timmonitorja żviluppi f'dan il-qasam mill-viċin u tirrevedi l-ħtieġa għal rispons ta' politika ulterjuri fil-livell Ewropew; [kemm il-darba jintlaħqu dawn il-kundizzjonijiet] biex tippreżenta proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Litteriżmu Medjatiku,

biex il-Kumitat ta' Kuntatt, stabbilit taħt id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżivi, jintuża f'kompożizzjoni xierqa, bħala forum għall-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prassi dwar il-litteriżmu tal-midja u l-forniment ta' kontribut għall-iżvilupp ta' l-aġenda ta' politika f'dan il-qasam. Għandhom jiġu mistiedna esperti mis-settur privat u partijiet interessati oħra biex jikkontribwixxu għal din il-ħidma.

7.   JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX

jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet xierqa, per eżempju dawk li għandhom ir-responsabbiltà tar-regolamentazzjoni tal-komunikazzjoni awdjoviżiva u elettronika, biex jikkooperaw flimkien u jippromwovu t-titjib tal-litteriżmu tal-midja fil-livelli kollha,

jippromwovu u jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta u inizjattivi koregolatorji u awto-regolatorji oħra flimkien mal-partijiet interessati kollha fil-livell nazzjonali,

jinkoraġġixxu lill-partijiet interessati kollha, partikolarment fis-settur tal-midja u tat-TIK, biex iwettqu r-riċerka regolari tagħhom stess fi u l-osservazzjoni regolari ta' u r-rappurtar dwar l-aspetti u d-dimensjonijiet differenti tal-litteriżmu tal-midja,

jippromwovu inizjattivi ta' tqajjim ta' kuxjenza inkluż dawk li jiffukaw speċifikament fuq l-użu ta' l-ICTs li huma diretti għaż-żgħażagħ u l-ġenituri tagħhom u jinvolvu lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kif ukoll lill-midja,

jippromwovu l-litteriżmu tal-midja fil-qafas ta' l-istrateġiji ta' tagħlim tul il-ħajja tagħhom u jinkoraġġixxu t-tagħlim bejn il-pari u l-iskambju ta' prassi tajba bejn il-professjonisti tat-tagħlim dwar dan l-aspett ta' l-edukazzjoni.


(1)  Artikolu 26: il-Kummissjoni għandha tippreżenta “rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u, jekk ikun meħtieġ, tagħmel proposti oħra sabiex taddattaha għall-iżviluppi fil-qasam tas-servizzi tal-media awdjoviżivi, b'mod partikolari fid-dawl ta' l-iżviluppi teknoloġiċi reċenti, il-kompetittività tas-settur u l-livelli tal-litteriżmu tal-midja fl-Istati Membri kollha”.

(2)  Riżoluzzjoni tas-6 ta' Settembru 2005, dwar “Id-Direttiva dwar it-Televiżjoni mingħajr Fruntieri” (89/552/KEE).

(3)  Ara r-Rapport tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Litteriżmu tal-Midja:

http://ec.europa.eu/avpolicy/media_literacy/docs/report_on_ml_2007.pdf

(4)  Ara: http://ec.europa.eu/avpolicy/media_literacy/index_en.htm


Top