EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0100

Kawża C-100/08: Rikors ippreżentat fit- 3 ta' Marzu 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju tal-Belġju

ĠU C 128, 24.5.2008, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 128/22


Rikors ippreżentat fit-3 ta' Marzu 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju tal-Belġju

(Kawża C-100/08)

(2008/C 128/40)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: S. Pardo Quintillan u R. Troosters, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju

Talbiet

1.

Tikkonstata li,

bl-impożizzjoni fuq l-importazzjoni, iż-żamma u l-bejgħ ta' kampjuni ta' għasafar imwielda u mrobbija fil-magħluq u legalment imqiegħda fis-suq fi Stati Membri oħra, taħt kundizzjonijiet restrittivi li jimponu fuq l-operaturi tas-suq ikkonċernati l-modifikazzjoni fl-immarkar tal-kampjuni sabiex dan ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet speċifikament mitluba mil-leġiżlazzjoni Belġjana u bin-nuqqas tiegħu li jaċċetta l-immarkar aċċettat fi Stati Membri oħra u lanqas iċ-ċertifikati maħruġa għal dan il-għan mill-awtoritajiet CITES;

billi ċaħħad lill-kummerċjanti mill-possibbiltà li jiksbu derogi mill-projbizzjoni li jżommu fil-pussess tagħhom għasafar indiġeni Ewropej legalment imqiegħda fis-suq fi Stati Membri oħra;

ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi imposti fuqu bis-saħħa ta' l-Artikolu 28 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

2.

Tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-digriet irjali tad-9 ta' Settembru 1981 dwar il-protezzjoni ta' l-għasafar fir-Reġjun Fjamming u d-digriet irjali tas-26 ta' Ottubru 2001 li jipprovdi għal miżuri dwar l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu ta' ċerti speċi ta' għasafar selvaġġi mhux indiġeni, jinkludu regoli li (1) jissuġġettaw l-importazzjoni, iż-żamma u l-bejgħ ta' kampjuni ta' għasafar imwielda u mrobbija fil-magħluq, u legalment imqiegħda fis-suq fi Stati Membri oħra, għal kundizzjonijiet restrittivi li jimponu fuq l-operaturi tas-suq ikkonċernati l-modifikazzjoni ta' l-immarkar tal-kampjuni sabiex dan ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet speċifikament mitluba mil-leġiżlazzjoni Belġjana u li (2) iċaħħdu lill-kummerċjanti mill-possibbiltà li jiksbu derogi mill-projbizzjoni li jkollhom fil-pussess tagħhom għasafar indiġeni Ewropej legalment imqiegħda fis-suq fi Stati Membri oħra.

Skond il-Kummissjoni dawn ir-restrizzjonijiet huma miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u minħabba f'hekk huma pprojbiti skond l-Artikolu 28 KE. Fil-fatt, minn naħa, il-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni Belġjana jwasslu għal obbligu ta' modifikazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kampjuni ta' l-għasafar legalment imqiegħda fis-suq fi Stati Membri oħra u, min-naħa l-oħra, il-kummerċ huwa bl-istess mod ostakolat mill-projbizzjoni fuq il-kummerċjanti milli jżommu fil-pussess tagħhom ċerti għasafar legalment imqiegħda fis-suq fi Stati Membri oħra.

Il-Kummissjoni ma teskludix b'mod assolut li ċerti ostakoli għall-kummerċ jistgħu jkunu ġġustifikati f'dan il-kuntest skond l-Artikolu 30 KE bl-iskop li jiġu protetti speċi rari li jkollhom karatteristiċi speċifiċi. Madankollu l-leġiżlazzjoni Belġjana ma tissodisfax il-kriterji għal din il-kawża ta' ġustifikazzjoni. Barra minn hekk, jekk ikun il-każ, il-miżuri Belġjani la huma neċessarji u lanqas ma huma proporzjonali għall-finijiet ta' dan l-għan leġittimu.


Top