EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

EURES: Servizzi ta’ tfittix ta’ xogħol madwar l-UE

EURES: Servizzi ta’ tfittix ta’ xogħol madwar l-UE

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2016/589 — netwerk ta’ servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta’ mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan jaġġorna regoli preċedenti dwar Netwerk tas-Servizzi Ewropej tax-Xogħol (EURES) biex jiġu kkunsidrati x-xejriet tal-mobilità fost il-ħaddiema u l-avvanzi teknoloġiċi.
  • In-netwerk jgħin lin-nies jeżerċitaw id-dritt tagħhom, skont l-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, biex ifittxu xogħol f’pajjiż ieħor tal-UE.
  • Ir-Regolament ġie emendat permezz tar-Regolament (UE) 2019/1149 li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) u jistabbilixxi r-rwol tal-ELA fl-organizzazzjoni tan-netwerk EURES.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament jistabbilixxi regoli dwar:

  • l-organizzazzjoni u l-promozzjoni tan-netwerk EURES;
  • il-kondiviżjoni ta’ data mal-Ewropa kollha dwar il-postijiet tax-xogħol battala, l-applikazzjonijiet u s-CVs;
  • il-miżuri biex jinkiseb bilanċ aħjar bejn il-provvista u d-domanda għall-ħaddiema, permezz tat-tqabbil aħjar tal-ħiliet u tal-impjiegi;
  • is-servizzi ta’ appoġġ għall-ħaddiema u għall-impjegaturi.

Is-servizz EURES jirrispetta l-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u huwa disponibbli għall-ħaddiema u għall-impjegaturi kollha fl-UE.

In-netwerk jgħin biex:

  • jiġi applikat fil-prattika d-dritt tal-persuni għal moviment ħieles;
  • tiġi implimentata l-istrateġija kkoordinata għax-xogħol tal-UE;
  • jiġu mtejba l-operat u l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol nazzjonali.

In-netwerk jikkonsisti f’uffiċċji ta’ koordinazzjoni (kemm Ewropej kif ukoll nazzjonali) u s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi nnominati f’kull pajjiż tal-UE, kull wieħed bir-responsabbiltajiet speċifiċi tiegħu.

Il-gvernijiet tal-UE għandhom:

  • itellgħu dettalji tal-postijiet tax-xogħol battala u tal-applikazzjonijiet fuq is-sit web tal-EURES, li għandhom ikunu reklamati b’mod prominenti u jistgħu jiġu mfittxija faċilment;
  • jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni Ewropea dwar l-interoperabbiltà bejn is-sistemi nazzjonali permezz tas-sistema Ewropea tal-klassifikazzjoni tax-Xogħolijiet (ESCO);
  • jistabbilixxu inventarji, biex jallinjaw il-klassifikazzjonijiet tal-impjiegi nazzjonali, reġjonali u settorjali tagħhom mal-ESCO;
  • jiżguraw li l-ħaddiema u l-impjegaturi jistgħu jaċċessaw servizzi ta’ appoġġ nazzjonali mingħajr dewmien żejjed (kemm servizzi online kif ukoll servizzi tradizzjonali);
  • jimmonitorjaw u jippubblikaw il-flussi u x-xejriet marbuta mal-mobbiltà tax-xogħol f’pajjiżhom, inklużi n-nuqqasijiet u l-eċċessi f’ċerti setturi;
  • jiġbru data dwar l-użu tan-netwerk, il-kollokamenti miksuba u l-livell ta’ sodisfazzjon tal-klijenti.

Il-membri u s-sħab ta’ EURES għandhom:

  • jgħinu lill-ħaddiema u l-impjegaturi jirreġistraw fuq is-sit u jaġġornaw, jirrevedu jew jirtiraw id-data kkonċernata;
  • jipprovdu informazzjoni bażika u gwida, inkluża kull assistenza ta’ wara r-reklutaġġ, jekk tkun meħtieġa;
  • jirreferu t-talbiet għal informazzjoni speċifika lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti (kwistjonijiet bħalma huma s-sigurtà soċjali u t-taxxi, eċċ.).

L-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni

Skont ir-Regolament emendatorju (UE) 2019/1149, l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni ta’ EURES huwa stabbilit fi ħdan l-ELA u jassisti lin-netwerk EURES fit-twettieq tal-attivitajiet tiegħu

Il-Kummissjoni għandha:

  • tipprovdi rapport dwar l-attivitajiet tal-EURES kull sentejn;
  • tipprovdi rapport ta’ evalwazzjoni komplut dwar l-impatt ta’ dan ir-regolament sat-13 ta’ Mejju 2021.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mit-12 ta’ Mejju 2016. Madankollu, xi regoli bdew japplikaw biss mit-13 ta’ Mejju 2018, inkluż dawk dwar il-pubblikazzjoni standardizzata tad-data fuq is-sit web, u l-aċċess għall-postijiet tax-xogħol vakanti u s-CVs.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

  • EURES (Kummissjoni Ewropea).

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2016 dwar netwerk Ewropew ta’ servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta’ mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 107, 22.4.2016, pp. 1-28)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2016/589 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004, (UE) Nru 492/2011, u (UE) 2016/589 u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/344 (ĠU L 186, 11.7.2019, pp. 21-56)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/170 tat-2 ta’ Frar 2018 dwar l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati uniformi għall-ġbir u għall-analiżi tad-dejta sabiex jiġi mmonitorjat u evalwat il-funzjonament tan-netwerk tal-EURES (ĠU L 31, 3.2.2018, pp. 104-113)

l-aħħar aġġornament 29.01.2020

Top