EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023JC0009

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża

JOIN/2023/9 final

Brussell, 10.3.2023

JOIN(2023) 9 final

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża


INTRODUZZJONI – L-ISPAZJU BĦALA DOMINJU STRATEĠIKU

L-Ewropa hija potenza spazjali globali. L-Unjoni Ewropea (UE) għandha u topera assi spazjali għall-pożizzjonament, għan-navigazzjoni u għas-sinkronizzazzjoni (PNT - Galileo) u għall-osservazzjoni tad-dinja (EO - Copernicus) u se tniedi Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura (IRIS²) tat-tielet kostellazzjoni, għal komunikazzjonijiet siguri. L-Istati Membri għandhom u joperaw assi spazjali nazzjonali, inklużi assi li jaqdu l-iskopijiet tas-sigurtà u tad-difiża. Iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SatCen) jipprovdi kapaċità unika ta’ analiżi tal-intelligence ġeospazjali, biex jappoġġa t-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri tagħha.

L-ispazju huwa kritiku għall-awtonomija strateġika tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Il-funzjonament tal-ekonomiji, taċ-ċittadini u tal-politiki pubbliċi jiddependi dejjem aktar mis-servizzi u d-data relatati mal-ispazju, inklużi dawk fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża. L-ispazju jikkontribwixxi wkoll għall-kisba tal-aġenda politika tal-UE, filwaqt li jippermetti t-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi, u t-tisħiħ tar-reżiljenza tagħha.

Madankollu, l-ispazju huwa żona dejjem aktar ikkontestata.

Xi potenzi spazjali għandhom il-kapaċitajiet li jimmiraw l-infrastruttura spazjali kritika. Xi wħud minnhom żviluppaw u ttestjaw kapaċitajiet antisatellitari li jistgħu jfixklu jew jeqirdu s-sistemi u s-servizzi spazjali. L-aktar avveniment reċenti kien f’Novembru 2021, meta r-Russja ttestjat arma antisatellitari (ASAT) kontra waħda mis-satelliti tagħha stess, u ġġenerat ammont kbir ta’ skart spazjali.

Iċ-Ċina ssegwi l-aġenda ġeopolitika tagħha permezz tal-preżenza dejjem akbar tagħha fl-ispazju u qiegħda tiżviluppa programmi spazjali estensivi u kapaċitajiet kontrospazjali.

F’kuntest ġeopolitiku ta’ żieda fil-kompetizzjoni fil-qasam tal-poter u intensifikazzjoni tat-theddid għall-UE u għall-Istati Membri tagħha, il-mexxejja tal-UE identifikaw l-ispazju bħala dominju strateġiku fil-Boxxla Strateġika 1 u għamlu sejħa biex tiġi stabbilita Strateġija Spazjali tal-UE għas-sigurtà u d-difiża. L-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà 2 tirrikonoxxi l-infrastruttura spazjali bħala servizzi essenzjali li jridu jiġu protetti b’mod adegwat kontra t-theddid attwali u dak antiċipat, u li jridu jkunu reżiljenti.

L-UE u l-Istati Membri tagħha se jkomplu jippromwovu l-preservazzjoni ta’ ambjent spazjali sigur u mingħajr periklu u l-użu paċifiku tal-ispazju ekstratmosferiku fuq bażi ġusta u aċċettabbli b’mod reċiproku. L-UE tirrikonoxxi l-ispazju ekstratmosferiku bħala beni komuni globali. Hija impenjata għar-rwol ta’ tisħiħ reċiproku ta’ miżuri ta’ trasparenza u ta’ bini ta’ fiduċja, billi tnaqqas ir-riskji ta’ perċezzjoni ħażina, ta’ kalkolu ħażin, u tal-eskalazzjoni tal-konflitti mhux intenzjonata.

Hemm bżonn ta’ miżuri addizzjonali għad-difiża tal-interessi strateġiċi tal-UE u għall-iskoraġġiment ta’ attivitajiet ostili fl-ispazju u minnu. Filwaqt li tipprijoritizza l-kooperazzjoni internazzjonali u tippromwovi mġiba responsabbli fl-ispazju, l-UE se ssaħħaħ ukoll il-pożizzjoni strateġika u l-awtonomija tagħha fid-dominju spazjali. Se żżid ir-reżiljenza tas-sistemi u s-servizzi spazjali, twieġeb għal kull attività jew theddid ostili u se tkompli tiżviluppa s-servizzi għas-sigurtà u d-difiża li jaħdmu fl-ispazju.

1.Ix-Xenarju tat-Theddida Spazjali

1.1.Definizzjoni tad-dominju spazjali

Id-dominju spazjali jinkludi kull element li hu rilevanti għall-funzjonament tas-sistemi spazjali u l-forniment ta’ servizzi bbażati fl-ispazju fl-UE u fl-Istati Membri, eż.: l-ambjent tal-ispazju ekstratmosferiku, id-diversi orbiti u vetturi spazjali rilevanti u l-informazzjoni relatata dwar is-sistemi li jappartjenu għalihom, l-infrastruttura tal-art u tal-illanċjar, il-konnessjonijiet tal-frekwenza tar-radju, it-terminali tal-utenti u ċ-ċibernetika.
Dan jinkludi wkoll is-settur spazjali industrijali sottostanti.

1.2.Kontrospazju u theddid fid-dominju spazjali 

Għall-kuntrarju tar-riskji għas-sikurezza li jinħolqu minn inċidenti tekniċi, minn aċċidenti u minn perikli naturali, it-theddidiet spazjali huma attivitajiet intenzjonalment ostili permezz ta’ kapaċitajiet kontrospazjali.

Il-kontrospazju jintuża biex jintwerew il-kapaċitajiet, biex jiġu skoraġġuti l-kompetituri, biex ma jitħallewxjużaw is-sistemi spazjali tagħhom jew biex jinkiseb vantaġġ fl-informazzjoni. Dawn jiġu mmirati lejn l-assi spazjali fl-orbita, lejn l-infrastruttura li tappoġġa l-assi spazjali fuq l-art, u lejn ir-rabtiet tad-data bejniethom.

L-effetti tal-kontrospazju huma li jfixklu, jiddegradaw, jeqirdu, iqarrqu, jew jiċħdu intenzjonalment l-użu tas-sistemi spazjali, u li jispezzjonaw, jimmanipulaw, jissemmgħu, jew jinterċettaw id-data korrispondenti li jwasslu, kif ukoll li jiċħdu l-aċċess jew il-libertà tal-moviment fid-dominju spazjali. L-effetti tal-kontrospazju jistgħu jkunu riversibbli jew irriversibbli

Il-kapaċitajiet kontrospazjali jistgħu jieħdu ħafna forom diversi, bħal miżuri kinetiċi 3 kontra l-vetturi spazjali jew kontra l-infrastruttura tal-art, jew enerġija li tiġi diretta 4 . Il-karatteristiċi speċifiċi tal-infrastruttura spazjali – kemm fl-orbita kif ukoll fuq l-art – ukoll jagħmluha partikolarment vulnerabbli għaċ-ċiberattakki. Lil hinn mis-sistemi spazjali, il-kontrospazju jista’ jinterferixxi mas-settur spazjali kollu kemm hu, inklużi l-ktajjen tal-provvista sottostanti u l-ispettru tal-frekwenzi tar-radju.

Diversi pajjiżi terzi qed jiżviluppaw u jżommu kapaċitajiet kontrospazjali u duttrini relatati. Madankollu, peress li l-biċċa l-kbira tat-teknoloġiji spazjali għandhom użu doppju, dak li jikkostitwixxi theddida spazjali ma jistax jiġi identifikat billi jiġu osservati l-oġġetti, it-teknoloġiji jew il-kapaċitajiet spazjali f’iżolament, iżda billi titqies l-imġiba.

Il-valutazzjoni tat-theddid spazjali teħtieġ analiżi komprensiva tal-kapaċitajiet u tal-imġiba relatata fl-orbita, fuq l-art u fid-dominju ċibernetiku abbażi ta’ fehim bir-reqqa tal-kapaċitajiet kontrospazjali.

1.3.Lejn fehim komuni tat-theddid spazjali

Il-Kapaċità Unika ta’ Analiżi tal-Intelligence (SIAC) taħt ir-Rappreżentant Għoli, flimkien mas-servizzi tal-intelligence militari u ċivili tal-Istati Membri, se żżid il-fehim strateġiku tagħhom tat-theddid spazjali u tal-kontrospazju. Tali fehim strateġiku għandu jappoġġa wkoll il-programmi spazjali tal-UE, kif ukoll jibbenefika mill-informazzjoni li tiġbor il-Kummissjoni permezz tal-monitoraġġ tal-komponenti spazjali tal-UE.

It-triq ’il quddiem

ØIr-Rappreżentant Għoli, bl-appoġġ tas-SIAC, se jħejji analiżi annwali kklassifikata tax-xenarju tat-theddid spazjali li tinkludi l-evoluzzjoni tal-kapaċitajiet kontrospazjali. Din tibbenefika wkoll mill-monitoraġġ mill-Kummissjoni tal-komponenti tal-programm spazjali tal-UE.

2.Tisħiħ tar-Reżiljenza u l-protezzjoni tas-SISTEMI u s-servizzi spazjali fl-UE

Is-sistemi u s-servizzi spazjali fl-UE jipprovdu servizzi essenzjali għall-funzjonijiet tas-soċjetà u l-attivitajiet ekonomiċi. Għalhekk, jeħtieġ li jkunu dejjem aktar reżiljenti u protetti. L-UE tirrikonoxxi l-ispazju bħala settur kritiku fil-leġiżlazzjoni eżistenti tagħha dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi (id-Direttiva CER 5 ) u ċ-ċibersigurtà (id-Direttiva NIS2 6 ), li jkopri l-infrastruttura bbażata fuq l-art tal-Istati Membri, anki fir-reġjuni ultraperifiċi tal-UE, u tal-operaturi privati kif ukoll is-satelliti li jintużaw għat-twassil tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni 7 . Madankollu, il-livell ta’ reżiljenza u protezzjoni tal-assi spazjali nazzjonali jvarja fost l-Istati Membri.

2.1.Qafas ta’ sigurtà għall-UE kollha għall-protezzjoni tas-sistemi spazjali, għat-tpartit tal-informazzjoni u għall-kooperazzjoni dwar l-inċidenti tas-sigurtà spazjali

Xi Stati Membri daħħlu fis-seħħ regoli nazzjonali biex jirregolaw l-operazzjonijiet spazjali, inklużi aspetti ta’ sigurtà. Mingħajr qafas komuni, dawn ir-regoli jistgħu jvarjaw. Din id-diverġenza tista’ taffettwa l-kompetittività tal-industrija spazjali tal-UE u s-sigurtà tal-UE.

Sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti madwar l-UE kollha, u filwaqt li tkompli tibni fuq il-komunikazzjoni konġunta dwar Approċċ tal-UE għall-Immaniġġjar tat-Traffiku fl-Ispazju 8 , il-Kummissjoni se tikkunsidra li tipproponi Liġi Spazjali tal-UE. Filwaqt li tipproteġi l-interessi tas-sigurtà nazzjonali, tali proposta leġiżlattiva tista’ tipprovdi l-qafas biex jittejjeb b’mod kollettiv il-livell ta’ reżiljenza tas-sistemi u s-servizzi spazjali fl-UE u biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, anki fejn jinsabu infrastrutturi strateġiċi fuq l-art f’postijiet remoti bħar-reġjuni ultraperifiċi tal-UE.

Din tista’ tipprovdi qafas komprensiv u konsistenti għar-reżiljenza tas-sistemi u s-servizzi spazjali fl-UE, flimkien mad-Direttivi NIS 2 u CER. Bħala l-punt tat-tluq għall-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u għall-valutazzjoni tal-impatti tal-għażliet, il-Kummissjoni se tieħu ċerti karatteristiċi ewlenin ta’ dawk ir-reġimi eżistenti, u l-esperjenza fl-applikazzjoni tagħhom, fejn rilevanti. Pereżempju, l-Istati Membri jistgħu jkunu meħtieġa jidentifikaw is-sistemi u s-servizzi spazjali essenzjali 9 . Din l-identifikazzjoni tista’ tinkludi atturi ewlenin tal-katina tal-provvista; id-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ livell minimu komuni ta’ reżiljenza għas-servizzi spazjali kritiċi, u l-iżvilupp ta’ pjanijiet nazzjonali kkoordinati ta’ tħejjija u reżiljenza u protokolli ta’ emerġenza. L-inizjattiva tista’ tinkludi wkoll l-iżvilupp ta’ ċentri ta’ monitoraġġ tas-sigurtà, li jippermettu n-notifika ta’ inċidenti tas-sigurtà b’mod sistematiku.

Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra wkoll ir-rekwiżiti biex jiġi żgurat li s-sigurtà, inkluża ċ-ċibersigurtà, tkun parti mid-disinn tas-sistemi spazjali kollha li jipprovdu servizzi essenzjali. Tista’ tipproponi l-integrazzjoni aktar sistematika tal-istandards ta’ sigurtà rilevanti fil-fażi bikrija tad-diżenjar ta’ dawn is-sistemi.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinċentiva l-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-theddid immirat lejn l-assi spazjali jew il-katina tal-provvista tagħhom, filwaqt li tiffoka fuq informazzjoni liċ-ċentri rilevanti tal-operat tas-sigurtà (SOCs) li tista’ tittieħed azzjoni fuqha. Billi tkompli tibni fuq l-esperjenza tagħha bil-Galileo, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali (EUSPA) tiżgura monitoraġġ konsistenti tas-sigurtà tal-programmi spazjali kollha tal-UE. B’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, mal-Iskwadra ta’ Rispons għal Inċidenti Relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE (CERT-UE) u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) 10 , EUSPA se jkollha rwol ewlieni bħala ċentru ta’ monitoraġġ u operazzjonijiet tas-sigurtà spazjali fl-UE. Jekk tintalab, tista’ tgħin ukoll lill-operaturi ta’ sistemi u servizzi spazjali essenzjali fl-Istati Membri.

Is-servizzi spazjali huma fornuti minn operaturi pubbliċi u privati, bir-rwol tas-Spazju Ġdid dinamiku u li dejjem jiżdied 11 . Jenħtieġ fehim komuni ta’ x’inhuma s-servizzi spazjali essenzjali biex titpartat l-informazzjoni rilevanti dwar is-sigurtà, biex jiġu kkoordinati l-azzjonijiet u biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tal-UE.

B’mod komplementari għal proposta leġiżlattiva possibbli bħal din, il-Kummissjoni żżid is-sensibilizzazzjoni u tiffaċilita t-tpartit tal-aħjar prattiki fost l-entitajiet kummerċjali dwar miżuri ta’ reżiljenza, inklużi dawk relatati maċ-ċibersigurtà. Tali miżuri ta’ appoġġ ikunu partikolarment rilevanti għall-SMEs, fosthom dawk tas-Spazju Ġdid. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-EUSPA, tikkunsidra l-istabbiliment ta’ Ċentru tal-Kondiviżjoni u tal-Analiżi tal-Informazzjoni (ISAC), li jlaqqa’ flimkien entitajiet kummerċjali, u entitajiet pubbliċi rilevanti, inkluż possibbilment l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA).

Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tad-Direttiva NIS 2 u l-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika li ġej 12 , kif ukoll oqfsa eżistenti oħra taċ-ċibersigurtà 13 , se jinċentivaw l-adozzjoni tar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għal prodotti diġitali kritiċi li jintużaw fl-ispazju. Standards u proċeduri speċifiċi taċ-ċibersigurtà fid-dominju spazjali jistgħu jitqiesu bħala parti mil-Liġi Spazjali tal-UE fejn rilevanti.

Fl-aħħar nett, huma kruċjali aktar direzzjoni tal-UE fl-iżvilupp ta’ standards u r-rappreżentanza aħjar tagħha f’organizzazzjonijiet internazzjonali tal-istandardizzazzjoni, b’mod partikolari biex jiġu protetti l-interessi tas-sigurtà tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Se tkun imħeġġa l-koerenza mal-istandards tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO).

2.2.Tisħiħ tas-sovranità teknoloġika tas-settur spazjali tal-UE

Biex tiżdied ir-reżiljenza tal-infrastruttura spazjali u tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista 14 , l-UE se ssaħħaħ is-sovranità teknoloġika tagħha billi tnaqqas id-dipendenzi strateġiċi fuq pajjiżi terzi u tagħti spinta lir-reżiljenza tal-ktajjen tal-valur industrijali kritiċi.

Orizzont Ewropa u l-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) 15  se jiġu ingranati bis-sħiħ biex dan jinkiseb. Il-Kummissjoni, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u l-ESA se jikkoordinaw u jissinkronizzaw l-attivitajiet fit-teknoloġiji spazjali kritiċi, filwaqt li jkomplu jibnu fuq Task Force Konġunta (JTF) enerġizzata mill-ġdid 16 . Filwaqt li tkompli tibni fuq l-għarfien espert tagħha, tista’ tikkontribwixxi l-EUSPA wkoll għal din il-ħidma. L-attivitajiet tal-JTF se jikkontribwixxu wkoll għall-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi tal-UE 17 .

Abbażi tal-attivitajiet tal-JTF u tal-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi tal-UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-industrija, se tivvaluta l-ħtieġa li jiġu stabbiliti alleanzi industrijali ġodda relatati mat-teknoloġiji li huma rilevanti għall-ispazju u d-difiża, f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Il-Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI) huma wkoll għodda li l-industrija u l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jiżviluppaw teknoloġiji spazjali f’oqsma fejn din tindirizza dipendenza strateġika identifikata b’mod ċar u sinifikanti, filwaqt li jiġu żgurati effetti konsegwenzjali pożittivi importanti lil hinn mill-pajjiżi u mid-ditti parteċipanti.

Il-Programm Spazjali, l-EDF u Orizzont Ewropa, kif ukoll il-proġetti u l-programmi kollaborattivi tal-Istati Membri jappoġġaw il-maturazzjoni teknoloġika tal-kapaċitajiet relatati mar-reżiljenza. L-iżvilupp ta’ aktar sinerġiji fil-programmar u fil-finanzjament jista’ jiżgura l-kontinwità fl-iżvilupp tat-teknoloġiji sas-sistemi. Biex issaħħaħ il-protezzjoni u r-reżiljenza tas-sistemi spazjali tal-UE, il-Kummissjoni se tippromwovi programmazzjoni konġunta permezz ta’ koordinazzjoni msaħħa bejn il-programmi rilevanti tal-UE.

Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tagħmel użu mill-possibbiltà li terġa’ tipprogramma azzjonijiet għal perjodu ta’ żmien qasir b’appoġġ għat-teknoloġiji kritiċi meta jinqalgħu kriżijiet kbar. Dan jiżgura li l-ispazju jitqies b’mod aktar sistematiku fil-politiki u fl-inizjattivi rilevanti tal-UE, bħal dawk dwar it-teknoloġiji kwantistiċi, jew l-intelliġenza artifiċjali, iżda wkoll billi jiġi żgurat l-aċċess għall-materja prima, avvanzata, u pproċessata u għal semikundutturi permezz, pereżempju, tal-Att Ewropew dwar il-Materja Prima Kritika 18 u l-Att dwar iċ-Ċipep 19 .

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-ESA fuq l-iżvilupp tat-teknoloġiji spazjali tal-UE, inklużi dawk relatati mas-sigurtà. Sabiex jissaħħaħ dan ir-rwol, huwa kruċjali li l-ESA tistabbilixxi miżuri u mekkaniżmi rilevanti biex tiżgura l-protezzjoni tal-interessi tas-sigurtà tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Il-kooperazzjoni mill-qrib se tiżgura l-komplementarjetà u s-sinkronizzazzjoni tal-attivitajiet.

2.3.L-indirizzar tar-riskji għas-sigurtà fis-settur spazjali fl-UE

L-iżgurar tas-sigurtà tal-UE jiddependi wkoll mill-protezzjoni tal-ktajjen tal-provvista tagħha. Għal dak il-għan, diġà hemm fis-seħħ ċerti kontrolli, jiġifieri kontroll tal-esportazzjoni b’użu doppju u skrinjar tal-investimenti diretti barranin (FDI) 20 . Il-Kummissjoni se tevalwa r-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI sa Ottubru 2023 21 .

Sabiex tkun tista’ tivvaluta aħjar ir-riskji assoċjati mat-tranżazzjonijiet tal-FDI fis-settur spazjali, il-Kummissjoni se tiżgura li jkollha aċċess għall-informazzjoni dwar il-fornituri diretti u indiretti ta’ prodotti u servizzi għall-programmi spazjali tal-UE, anki meta dawn ikunu ġestiti mill-ESA. Ir-riskji għas-sigurtà u għall-ordni pubblika tal-UE marbutin b’mod partikolari mat-teknoloġiji l-ġodda u l-kritiċi għall-infrastruttura spazjali tagħha għandhom jiġu identifikati u mmitigati aħjar. Għandhom jitqiesu wkoll iċ-ċirkostanzi ekonomiċi u finanzjarji li fihom il-kumpaniji tal-UE b’teknoloġiji strateġiċi, jistgħu jkunu vulnerabbli għall-investimenti barranin li jirrappreżentaw riskji għas-sigurtà jew għall-ordni pubblika, kif ukoll għas-sigurtà tal-provvista. Bħala miżura ta’ mitigazzjoni, l-akkwist multiplu tal-aktar teknoloġiji u komponenti kritiċi se jnaqqas ir-riskji maħluqa minn ċertu akkwist barrani u jiżgura l-kompetittività interna.

Barra minn hekk, il-protezzjoni tas-sigurtà tal-UE u tal-interessi strateġiċi tagħha tirrikjedi regoli dwar l-akkwist li jiggarantixxu bis-sħiħ is-sigurtà tal-provvista. Il-Kummissjoni se tiżgura li r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE u l-istrumenti kummerċjali internazzjonali jiġu applikati bis-sħiħ biex jiġu indirizzati sfidi ġodda li qed jiffaċċjaw is-setturi tal-ispazju u tad-difiża tal-UE, bħar-riskju ta’ sussidji barranin distorsivi. Dan għandu jinkludi l-investigazzjoni ta’ ċerti akkwiżizzjonijiet ta’ kumpaniji tal-UE attivi f’dawn is-setturi, li jistgħu jiġu ffaċilitati minn sussidji illegali minn pajjiżi terzi. Jekk ikun meħtieġ, il-projbizzjoni tal-akkwiżizzjoni jew l-aċċettazzjoni ta’ impenji vinkolanti mill-kumpaniji kkonċernati jistgħu jitqiesu bħala rimedju għad-distorsjonijiet ikkawżati minn dawn is-sussidji barranin.  22

2.4.Żvilupp tal-kapaċitajiet, inkluż l-aċċess awtonomu tal-UE għall-ispazju, biex tiżdied ir-reżiljenza

Hemm ħafna kapaċitajiet li jistgħu jtejbu r-reżiljenza tas-sistemi u tas-servizzi spazjali bħall-infrastruttura awtoprotettiva, il-lanċjaturi versatili u risponsivi, is-servizzi ta’ għarfien tas-sitwazzjoni spazjali, is-servizzjar fl-orbita u l-cloud sovran assigurat iddedikat għas-servizzi spazjali. Tali kapaċitajiet jistgħu jkomplu jsaħħu l-assi spazjali , jipproteġuhom aħjar, itawlulhom ħajjithom, jew jissostitwixxuhom malajr.

L-aċċess awtonomu tal-UE għall-ispazju huwa essenzjali għar-reżiljenza tal-infrastruttura spazjali fl-UE, inkluż għar-riforniment tal-kostellazzjonijiet, għas-sostituzzjoni ta’ satelliti individwali jew għall-użu ta’ kostellazzjonijiet futuri.

Ir-rispons u l-versatilità fl-aċċess għall-ispazju huma essenzjali biex jiġi żgurat li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet militari u ta’ difiża li qed jiżdiedu. Apparti mill-konsolidazzjoni tal-kapaċitajiet attwali ta’ llanċjar, jeħtieġ li jiġi stimulat l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ llanċjar fl-UE, bl-inklużjoni ta’ mikrolanċaturi u lanċaturi li jistgħu jerġgħu jintużaw, flimkien ma’ industrija tal-manifattura aġli. Il-Kummissjoni se tinċentiva l-iżvilupp ta’ interfaċċi standardizzati (li jkopru l-aspetti tas-sigurtà) bejn is-satelliti u s-sistemi ta’ llanċjar risponsivi biex jiġu żgurati l-interoperabbiltà u l-aċċess tas-satelliti futuri għal soluzzjonijiet spazjali, u biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi ta’ trasport fl-orbita. Jenħtieġ li r-reġjuni ultraperifiċi tal-UE ta’ interess għall-aċċess awtonomu għall-ispazju jiġu sfruttati bis-sħiħ.

It-triq ’il quddiem

ØSabiex jittejjeb il-livell ta’ sigurtà u reżiljenza tal-operazzjonijiet u s-servizzi spazjali fl-UE, kif ukoll is-sikurezza u s-sostenibbiltà tagħhom, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tipproponi Liġi Spazjali tal-UE. Din se tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ miżuri ta’ reżiljenza fl-UE, trawwem it-tpartit tal-informazzjoni dwar l-inċidenti kif ukoll il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni transfruntiera.

ØSal-aħħar tal-2023, il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-EUSPA, se tistabbilixxi Ċentru tal-Kondiviżjoni u tal-Analiżi tal-Informazzjoni (EU Space ISAC) biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-kapaċitajiet tal-industrija spazjali tal-UE (upstream u downstream), inkluż is-Spazju Ġdid.

ØSa nofs l-2024, il-Kummissjoni, b’koordinazzjoni mill-qrib mal-EDA taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli u mal-ESA, se tipproponi pjan direzzjonali biex jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi fuq teknoloġiji li huma kritiċi għall-proġetti spazjali li hemm għaddejjin fl-UE u fil-programmi spazjali tal-UE u għal dawk tal-futur.

ØIl-Kummissjoni se tiżviluppa programmazzjoni konġunta bejn l-EDF, il-Programm Spazjali tal-UE u Orizzont Ewropa biex tħaffef l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet li huma rilevanti għar-reżiljenza tas-sistemi spazjali.

ØIl-Kummissjoni se tqis b’mod sistematiku l-ħtiġijiet spazjali u tad-difiża f’inizjattivi futuri, u dan jinkludi l-valutazzjoni tal-ħtieġa li jiġu stabbiliti alleanzi industrijali.

ØIl-Kummissjoni se tiżgura li l-inizjattivi aktar ġenerali tal-UE, fosthom l-Att dwar iċ-Ċipep, u l-Att dwar il-Materja Prima Kritika jiġu applikati b’mod li jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tas-sistemi u s-servizzi spazjali.

ØIl-Kummissjoni se tieħu l-azzjonijiet biex tistimula r-rispons, il-versatilità tal-aċċess tal-UE għall-ispazju billi tagħti spinta lis-sistemi ġodda ta’ lanċjaturi tal-UE, billi tipproponi azzjonijiet preparatorji biex tiżgura l-aċċess awtonomu fit-tul tal-UE għall-ispazju, u billi tindirizza, b’mod partikolari, il-ħtiġijiet tas-sigurtà u tad-difiża, flimkien mal-Istati Membri.

3.RISPONS GĦAT-THEDDID SPAZJALI

Minħabba ż-żieda fit-theddid spazjali u fil-kontrospazju, hemm bżonn li tissaħħaħ il-kapaċità li tiġi identifikata, ikkaratterizzata u attribwita theddida fid-dominju spazjali u li jkun hemm reazzjoni għaliha f’waqtha, proporzjonata u koerenti kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE.

3.1.Identifikazzjoni u karatterizzazzjoni tat-theddid spazjali

Kull rispons tal-UE għal theddida spazjali jirrikjedi li kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri tagħha, skont dak li jkun xieraq, ikollhom aċċess għal informazzjoni f’waqtha, preċiża u azzjonabbli bħala bażi għat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom.

Minbarra l-ħtieġa li jiġi aġġornat regolarment ix-xenarju tat-theddid spazjali, jeħtieġ li jinġabru u li jiġu analizzati qrib il-ħin reali, l-inċidenti ta’ sigurtà li jaffettwaw is-sistemi spazjali u li jistgħu jindikaw theddida spazjali. B’mod komplementari għall-informazzjoni dwar is-sigurtà miġbura permezz tal-monitoraġġ tal-programm spazjali tal-UE, jista’ jiġi stabbilit network ta’ tpartit ta’ informazzjoni permezz tal-Liġi Spazjali tal-UE u li jipprovdi, permezz tal-EUSPA, l-ewwel livell ta’ analiżi u ta’ rapportar ta’ dawn is-sinjali dgħajfa.

L-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ ukoll li jiżviluppaw fehim komuni tas-sitwazzjoni ġenerali fl-orbita biex jindirizzaw kull imġiba irresponsabbli jew ostili fl-ispazju ekstratmosferiku.

L-Għarfien tad-Dominju Spazjali (SDA) jikkonsisti mid-detezzjoni, mill-identifikazzjoni u mill-karatterizzazzjoni ta’ oġġetti spazjali ta’ interess qrib il-ħin reali, id-deskrizzjoni u l-fehim tal-imġiba tagħhom 23 , u l-konnessjoni ta’ din l-informazzjoni ma’ duttrini sottostanti u sistemi spazjali relatati. L-SDA tikkontribwixxi f’ħin reali l-istampi spazjali rikonoxxuti tal-ordnijiet spazjali, filwaqt li tibbaża fuq l-intelligence dwar il-manuvri u l-intenzjonijiet spazjali.

L-SDA hija kruċjali għall-attribuzzjoni tat-theddid spazjali fl-orbita u għall-iskattar ta’ rispons potenzjali tal-UE. L-Istati Membri li għandhom u li jiżviluppaw il-kapaċitajiet rilevanti għandhom jipprovdu s-servizzi meħtieġa tal-SDA lill-UE biex jiżguraw l-awtonomija strateġika tagħha fid-dominju spazjali.

3.2.L-attribuzzjoni tal-imġiba ostili fid-dominju spazjali u r-reazzjoni għaliha

L-attribuzzjoni ta’ theddida spazjali lil pajjiż terz u d-deċiżjoni dwar ir-rispons possibbli hija deċiżjoni politika ħafna.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sigurtà tas-sistemi u tas-servizzi skjerati, operati u użati taħt il-Programm Spazjali 24 tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet operazzjonali li jippermettu lill-UE 25 tattribwixxi u twieġeb għat-theddid lis-sistemi stabbiliti u lis-servizzi tal-Programm Spazjali tal-UE jew permezz tagħhom, jekk tali theddid jaffettwa s-sigurtà tal-UE u/jew tal-Istati Membri tagħha. Id-Deċiżjoni tipprevedi l-possibbiltà li r-Rappreżentant Għoli jieħu azzjoni provviżorja urġenti. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jopera l-Arkitettura tar-Rispons għat-Theddid Spazjali li tappoġġa l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni.

Fid-dawl tat-theddid li qed jiżdied, ir-Rappreżentant Għoli jipproponi li d-Deċiżjoni tal-Kunsill tiġi emendata sabiex issir il-pedament tar-rispons tal-UE fid-dominju spazjali.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni għandu jiġi estiż biex ikopri t-theddid fid-dominju spazjali li jista’ jaffettwa s-sigurtà tal-UE. L-Arkitettura tar-Rispons għat-Theddid Spazjali tista’ ssir ir-riċevitur fil-livell tal-UE ta’ inċidenti tas-sigurtà spazjali permezz taċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tas-Sigurtà tal-Programm Spazjali u s-servizzi tal-SDA. Hija tissieħeb mas-SIAC biex tappoġġa l-attribuzzjoni tat-theddid spazjali u r-rispons adegwat.

B’mod komplementari għas-sett ta’ għodod għad-diplomazija ċibernetika u s-sett ta’ għodod ibridu, id-Deċiżjoni tal-Kunsill emendata tiffaċilita wkoll il-mobilizzazzjoni ta’ sett ta’ għodod iddedikat. Bħala parti mir-rispons, l-għodod rilevanti tal-UE jistgħu jinkludu:

-fil-livell tekniku, l-użu ta’ modalitajiet speċifiċi ta’ rispons operazzjonali żviluppati bħala parti mid-disinn tas-sigurtà tas-sistemi spazjali;

-fil-livell diplomatiku, diskussjonijiet f’fora multilaterali, sensibilizzazzjoni permezz ta’ mezzi xierqa, u dikjarazzjonijiet mill-UE u mill-Istati Membri biex jipprevjenu u jirrispondu għal imġiba irresponsabbli fid-dominju spazjali;

-fil-livell ekonomiku, għodod li jinkludu s-sanzjonijiet 26 .

Il-Persunal Militari tal-UE jħejji wkoll kontribut militari għar-rispons tal-UE fid-dominju spazjali.

Il-ħolqien ta’ grupp orizzontali fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) jippermetti l-mobilizzazzjoni fil-pront ta’ għarfien espert rilevanti meta jkun qed jiġi ffaċċjat theddid spazjali. Dan jappoġġa lill-Kunsill fir-rispons tiegħu għat-theddid spazjali, inkluż għall-attribuzzjoni tiegħu.

Kull Stat Membru jista’ jinvoka l-klawżola ta’ għajnuna reċiproka stabbilita fit-Trattati tal-UE (l-Artikolu 42.7 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea), jekk theddida jew inċident spazjali jammonta għal attakk armat fit-territorju tiegħu.

3.3.Eżerċizzji spazjali għall-prontezza u l-interoperabbiltà

Ir-Rappreżentant Għoli, flimkien mal-Kummissjoni u mal-Istati Membri, se jistabbilixxi eżerċizzji regolari fid-dominju spazjali jew eżerċizzji b’komponent tad-dominju spazjali biex:

-jiġi ttestjat, żviluppat u vvalidat ir-rispons tal-UE għat-theddid spazjali,

-jiġu ttestjati u esplorati mekkaniżmi ta’ solidarjetà konkreti f’każ ta’ attakki mill-ispazju jew theddid għas-sistemi spazjali, u

-jiġu żviluppati sinerġiji mas-sħab u l-alleati fis-sigurtà u d-difiża spazjali.

It-triq ’il quddiem

ØIr-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni se jesploraw, flimkien mal-Istati Membri li għandhom kapaċitajiet tal-SDA, il-modalitajiet għall-użu tal-SDA b’appoġġ għal rispons tal-UE.

Ø Ir-Rappreżentant Għoli se jipproponi emenda għad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/698 biex twieġeb għat-theddidiet kollha fid-dominju spazjali li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, bil-għan li jiġi żgurat li l-għodod kollha disponibbli tal-UE jkunu jistgħu jiġu mmobilizzati malajr, u b’hekk tittejjeb l-Arkitettura tar-Rispons għat-Theddid Spazjali tagħha.

ØIr-Rappreżentant Għoli, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jipparteċipaw fi, jiżviluppaw u jwettqu eżerċizzji spazjali rilevanti inkluż l-użu ta’ mekkaniżmi ta’ solidarjetà.

4.TISĦIĦ TAL-UŻU TAL-ISPAZJU GĦAS-SIGURTÀ U D-DIFIŻA

Is-sistemi u s-servizzi spazjali għandhom rwol dejjem akbar fl-appoġġ tad-difiża u s-sigurtà. Is-servizzi b’użu doppju pprovduti mill-programmi spazjali tal-UE u minn entitajiet kummerċjali, inkluż is-Spazju Ġdid, se jkomplu jiġu żviluppati biex tiżdied l-awtonomija strateġika tal-UE u tal-Istati Membri tagħha.

4.1. Sistemi u servizzi spazjali tal-UE li jappoġġaw is-sigurtà u d-difiża

Arrikkiment reċiproku aktar sistematiku bejn l-inizjattivi tal-UE dwar l-ispazju, id-difiża u s-sigurtà jiffaċilita l-iżvilupp ta’ komponenti spazjali tal-UE b’użu doppju filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tad-difiża u tas-sigurtà skont approċċ globali xprunat mill-kapaċità 27 .

L-inizjattivi ewlenin tal-ispazju tal-UE jistgħu jappoġġaw il-kapaċitajiet tas-sigurtà u tad-difiża. Għalhekk jeħtieġ li jiġi esplorat sa fejn jistgħu jipprovdu servizzi siguri u affidabbli.

Filwaqt li tiġi rrispettata n-natura ċivili tal-programmi spazjali tal-UE, se jiġu stabbiliti regoli speċifiċi u mfassla apposta għall-forniment ta’ servizzi, applikazzjonijiet u data sensittivi għas-sigurtà biex jiġi pprovdut il-livell xieraq ta’ fiduċja għall-utenti tas-sigurtà u tad-difiża (bħad-drittijiet ta’ prijorità u l-kontroll tal-aċċess - inkluż fil-kuntest ta’ operazzjonijiet militari, l-anonimizzazzjoni tat-talbiet, ir-restrizzjoni tal-politika ta’ xandir).

Il-Kummissjoni se tinkorpora r-rekwiżiti tal-utenti militari u tas-sigurtà fit-tfassil ta’ sistemi spazjali ġodda rilevanti tal-UE u fl-aġġornament ta’ sistemi eżistenti rilevanti. Se tibbaża fuq l-appoġġ mill-aġenziji rilevanti tal-UE, jiġifieri l-EDA u l-EUSPA. L-EDA se jibqa’ jkollha rwol ewlieni fl-identifikazzjoni tar-rekwiżiti militari 28 , fid-definizzjoni tal-prijoritajiet tal-kapaċità u fit-trawwim tal-kooperazzjoni fost l-Istati Membri, inkluż permezz tal-“Forum tad-Difiża fl-Ispazju”. L-EUSPA se tappoġġa l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet relatati mas-sigurtà, l-akkreditazzjoni u l-isfruttament ta’ sistemi u servizzi b’użu doppju. Barra minn hekk, il-Persunal Militari tal-UE se jmexxi ’l quddiem l-iżviluppi kunċettwali meħtieġa fil-livell militari għall-użu tal-ispazju fl-impenji operazzjonali tal-UE.

Meta tkun qed tħejji l-iżvilupp futur tal-programmi spazjali tal-UE, il-Kummissjoni se tikkunsidra r-rekwiżiti fit-tul għall-utenti tad-difiża u tas-sigurtà (orizzont ta’ żmien 2035), b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. Se tikkunsidra l-interoperabbiltà tas-sistema u għażliet ta’ tagħbija utli ta’ appoġġ għad-difiża kif ukoll għas-sigurtà fuq sistemi spazjali eżistenti jew futuri.

Għal dan il-għan, se jiġu mħeġġin sinerġiji permezz tal-EDF, sabiex ir-riċerka u l-iżvilupp tad-difiża jkunu jistgħu jaċċelleraw l-użu ta’ tagħbijiet utli li jippermettu servizzi għad-difiża. Barra minn hekk, is-servizzi governattivi diversi ffaċilitati mill-programmi spazjali tal-UE se jitħaddmu u jintużaw b’mod konsistenti.

4.1.1.Pożizzjonament, Navigazzjoni u Sinkronizzazzjoni (PNT)

Is-servizzi reżiljenti tal-PNT bħas-Servizz Pubbliku Rregolat (PRS) ta’ Galileo, huma faċilitaturi kritiċi għall-operazzjonijiet militari. L-evoluzzjoni kontinwa tal-PRS u tat-tagħbijiet utli komplementari fl-orbita se jirrendu l-PNT aktar robusti. Filwaqt li jibnu fuq proġetti PESCO, bħas-Soluzzjoni ta’ Radjunavigazzjoni tal-UE (EURAS) jew il-Gwerra tan-Navigazzjoni (NAVWAR) tad-difiża futura, il-kapaċitajiet ta’ sorveljanza se jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ stampa tas-sitwazzjoni konsolidata, u jlaħħqu ma’ sitwazzjonijiet meta l-aċċess għall-PRS jiġi kkontestat. F’dan il-kuntest, l-EDF jappoġġa l-attivitajiet b’rabta ma’ aċċess mhux limitat u mingħajr interruzzjoni għall-PRS madwar id-dinja biex jissaħħaħ il-komponent tas-sigurtà u d-difiża tal-kapaċitajiet tal-PNT tal-UE.

4.1.2.Osservazzjoni tad-Dinja 

L-Osservazzjoni tad-Dinja bbażata fl-ispazju tappoġġa l-valutazzjoni awtonoma u t-teħid tad-deċiżjonijiet. Din hija faċilitatur ewlieni għas-sigurtà u d-difiża. Hija wriet li kienet fattur ta’ bidla għall-Forzi Armati tal-Ukrajna biex jirreżistu l-attakki Russi.

Is-SatCen jipprovdi kapaċità unika ta’ analiżi tal-intelligence ġeospazjali biex jappoġġa t-teħid ta’ deċiżjonijiet u azzjoni ta’ livell għoli tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, u jappoġġa wkoll il-politiki tal-UE.

Għalkemm Copernicus jipprovdi servizzi ta’ sigurtà, ma kienx imfassal biex jikkonforma speċifikament mar-rekwiżiti tad-difiża.

Għalhekk, bħala parti mill-evoluzzjoni tas-servizzi ta’ Copernicus, u kif diġà ġie ppreżentat lill-Istati Membri, servizz governattiv tal-UE għall-Osservazzjoni tad-Dinja jkun ta’ benefiċċju biex jipprovdi servizz ta’ għarfien tas-sitwazzjoni kompletament affidabbli, reżiljenti ħafna u disponibbli l-ħin kollu. Sabiex jingħata valur miżjud, dan jikkomplementa l-infrastruttura nazzjonali, kummerċjali u Ewropea tal-immaġni satellitari, pereżempju permezz ta’ sensuri ġodda, ta’ ritorn frekwenti tas-satelliti għall-osservazzjoni ta’ punti speċifiċi, u ta’ tekniki ta’ pproċessar avvanzati 29 . Il-Kummissjoni se timplimenta gradwalment din l-evoluzzjoni tas-servizzi ta’ Copernicus, billi tibda bi proġett pilota fil-Programm Spazjali attwali.

L-iżvilupp ta’ tali servizz se jkun ta’ ingranaġġ għall-komplementarjetà tas-SatCen u l-EUSPA. Filwaqt li tibni fuq l-għarfien espert tagħha, l-EUSPA, taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni, se jkollha rwol ewlieni fl-akkreditazzjoni tas-sigurtà, fil-monitoraġġ tas-sigurtà u fl-implimentazzjoni tal-kuntratt tas-segment spazjali tas-sistema futura. Is-SatCen se jkollu rwol ewlieni fil-kontribut għall-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-utenti fl-intelligence ġeospazjali u fit-tixrid ta’ prodotti u servizzi sensittivi.

4.1.3.Komunikazzjoni Sigura

Aċċess mingħajr interruzzjoni u madwar id-dinja għal komunikazzjonijiet siguri u reżiljenti ħafna jista’ jappoġġa missjonijiet u operazzjonijiet ta’ difiża u sigurtà. Minbarra l-assi reġjonali tal-Istati Membri tal-govsatcom, IRIS² se tipprovdi servizzi ta’ valur miżjud bħall-anonimità tal-użu, latenza baxxa u flessibbiltà. L-Istati Membri se jkollhom kontroll effettiv permezz ta’ mekkaniżmi ekwivalenti għal dawk li jintużaw fil-Galileo PRS.

Is-servizzi ta’ IRIS² se jinkludu rilejs tad-data spazjali li kapaċi jgħaqqdu l-kapaċitajiet spazjali tal-Istati Membri (inkluża d-difiża) b’mod permanenti u sigur. Dawn is-servizzi jistgħu jintużaw minn kapaċitajiet ta’ difiża nazzjonali jew multinazzjonali bbażati fl-ispazju bħas-sistemi ta’ Osservazzjoni tad-Dinja biex itejbu l-effettività operazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni se tisfrutta bis-sħiħ il-kostellazzjonijiet ta’ orbita dinjija baxxa (LEO) mistennija għal kapaċitajiet ġodda, inklużi servizzi awmentati li jistgħu jkunu ta’ użu għall-militar billi joffru tagħbijiet utli ta’ appoġġ. Il-Kummissjoni se tkompli tesplora sa liema punt IRIS² tista’ tiflaħ l-istabbiliment ta’ sistema ta’ komunikazzjonijiet kritiċi tal-UE 30 .

L-EDF jappoġġa l-iżvilupp ta’ elementi kostitwenti teknoloġiċi għal komunikazzjonijiet reżiljenti bbażati fl-ispazju 31 implimentati permezz ta’ IRIS² u l-adozzjoni tagħhom mill-utenti finali tad-difiża, permezz ta’ azzjonijiet immirati lejn is-segment tal-utenti (eż. l-istandardizzazzjoni tal-interfaċċi biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom fil-vetturi tal-art, tal-baħar u tal-ajru 32 ).

4.1.4.L-Għarfien tad-Dominju Spazjali u s-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju

Jeżistu sinerġiji tajbin ħafna bejn l-Għarfien tad-Dominju Spazjali (SDA) u s-sistema diġà eżistenti tal-UE tas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju (SST) biex jindividwaw oġġetti spazjali b’sensuri magħmulin apposta.

Hija meħtieġa żieda fil-prestazzjonijiet tal-SST sabiex tissaħħaħ il-preċiżjoni tal-manuvri avvanzati għall-evitar tal-kolliżjonijiet u tal-analiżi tal-frammentazzjoni u tad-dħul mill-ġdid. Għalhekk, dawk l-Istati Membri li qegħdin jiżviluppaw l-SDA, u li għaldaqstant huma wkoll sħab fl-SST, se jibbenefikaw minn assi tal-SST aktar effiċjenti, inklużi l-assi tad-difiża, biex jidentifikaw u jintraċċaw u jsegwu vetturi spazjali iżgħar u aktar aġli permezz tal-komponent tal-SST tal-Programm Spazjali tal-UE. Se jkunu meħtieġa sensuri u kapaċitajiet ta’ analiżi addizzjonali għad-difiża u l-intelligence biex jappoġġaw l-SDA.

Il-baġit tal-UE jista’ jappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ sensuri u kapaċitajiet tal-SDA sakemm:

-tiġi żgurata l-komplementarjetà mal-mekkaniżmu eżistenti li jappoġġa l-SST, u

-il-fluss meħtieġ ta’ informazzjoni u servizzi tal-SDA jkun disponibbli biex jappoġġa r-Rispons tal-UE għat-Theddid Spazjali, inkluż biex jipproteġi s-satelliti tal-UE.

Is-sħab tal-SST li jibbenefikaw mill-appoġġ tal-SDA min-naħa tagħhom jgħinu fit-titjib tal-SST billi jtejbu l-identifikazzjoni tal-inġenji spazjali, u b’hekk jikkontribwixxu għal katalogu awtonomu tal-UE ta’ oġġetti spazjali, li huwa objettiv tal-Programm Spazjali tal-UE.

4.2.Trawwim tal-innovazzjoni u tal-kompetittività

Minbarra l-atturi industrijali l-kbar, qed jikber il-ħin kollu r-rwol tas-Spazju Ġdid fit-twassil tas-servizzi, inkluż għas-sigurtà u d-difiża. Dan jista’ jipproponi ideat, soluzzjonijiet, teknoloġiji ta’ tfixkil u proċessi industrijali effiċjenti ġodda, li jistgħu jappoġġaw ukoll is-sigurtà u d-difiża. L-Istati Membri jiddependu dejjem aktar mis-servizzi kummerċjali biex jikkomplementaw l-assi nazzjonali, jittestjaw kapaċitajiet ġodda, jew jiżviluppaw assi pubbliċi.

Industrija kompetittiva hija essenzjali għat-tisħiħ tar-reżiljenza u l-kapaċitajiet tal-UE. Il-Kummissjoni se tistimula lis-Spazju Ġdid biex jiżdied fl-UE bl-appoġġ tal-programm CASSINI 33 . Dan se jinkludi żvilupp aktar sistematiku ta’ kuntratti ta’ klijenti ewlenin, aktar mobilizzazzjoni ta’ għotjiet-self-ekwità bl-appoġġ tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Fond Ewropew tal-Investiment, sinerġiji mal-Iskema tal-UE għall-Innovazzjoni fid-Difiża, u l-organizzazzjoni ta’ hackathons u sfidi spazjali/tad-difiża fuq bażi annwali.

Il-Kummissjoni se tinċentiva ħidma aktar kollaborattiva bejn negozji ġodda tal-ispazju, tas-sigurtà u tad-difiża fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp. It-teknoloġiji żviluppati bl-appoġġ ta’ Orizzont Ewropa, pereżempju għall-iżvilupp ta’ Gravimetrija Spazjali Kwantistika, servizzi fl-Orbita jew aċċess għall-ispazju, jistgħu jkomplu jiġu żviluppati aktar għall-iskopijiet tad-difiża. Il-Kummissjoni se tespandi l-programm tagħha ta’ Validazzjoni fl-Orbita/Dimostrazzjoni fl-Orbita għat-teknoloġiji spazjali ta’ rilevanza għall-utenti tas-sigurtà u tad-difiża. Il-grupp tat-Teknoloġija tal-Kapaċità tal-EDA dwar l-ispazju se jrawwem ukoll il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-industriji tagħhom fir-riċerka spazjali.

4.3.L-iżvilupp tal-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ

Kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri tagħha, jiffaċċjaw nuqqas ta’ għarfien espert fis-sigurtà u d-difiża spazjali. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jimmobilizzaw l-għodod eżistenti biex jappoġġaw il-ħiliet, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid.

Biex tissodisfa d-domanda tal-Istati Membri, l-EDA se tidentifika l-attivitajiet edukattivi u ta’ taħriġ kollha tal-UE u dawk nazzjonali relatati mas-sigurtà u d-difiża spazjali, biex tiżviluppa ħiliet rilevanti kemm għat-tfassil tal-politika kif ukoll fil-livell tekniku. B’koordinazzjoni mill-qrib mal-Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (KESD), din se tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki u tiddefinixxi l-kurrikuli.

Biex tissodisfa d-domanda tal-industrija, il-Kummissjoni se tikkontribwixxi għat-titjib tal-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid fl-industrija spazjali, b’enfażi partikolari fuq l-ispazju għas-sigurtà u d-difiża, bl-għan ukoll li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa 34 . Se tappoġġa inizjattivi konkreti organizzati fil-livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali. Se tkompli tibni fuq is-sħubija fuq skala kbira eżistenti għall-ħiliet ajruspazjali u ta’ difiża tal-Patt għall-Ħiliet 35 . Qed taħdem ukoll mal-partijiet ikkonċernati biex tiżviluppa sħubija fuq skala kbira ġdida biex tkompli ttejjeb l-attivitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid tal-istudenti u tal-professjonisti meħtieġa mill-industrija downstream, inkluż biex tkopri ħtiġijiet addizzjonali għal ħaddiema kkwalifikati. Bl-appoġġ tal-EUSPA, il-Kummissjoni se tiżviluppa l-Akkademja Spazjali tal-UE biex toħloq programmi ta’ żvilupp spazjali relatati mas-sigurtà.

It-triq ’il quddiem

Sabiex jittejjeb l-użu tas-sistemi u s-servizzi spazjali għall-finijiet ta’ difiża:

ØSa tmiem l-2024, il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli, se tipproponi proġett pilota għat-twassil ta’ servizzi inizjali tal-SDA b’appoġġ għar-rispons tal-UE u biex tesplora sinerġiji mas-sottokomponent tal-SST tal-Programm Spazjali, bil-ħsieb ta’ żviluppi futuri.

ØMeta tiżviluppa programmi spazjali futuri tal-UE, il-Kummissjoni se tqis ir-rekwiżiti militari fit-tul (orizzont ta’ żmien 2035) għas-servizzi tad-difiża bbażati fl-ispazju bl-appoġġ tal-EDA.

ØIl-Kummissjoni se tikkunsidra l-ħtiġijiet u r-rekwiżiti militari meta tiddefinixxi l-portafoll tas-servizzi ta’ IRIS².

ØSabiex tappoġġa t-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-azzjoni awtonomi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, il-Kummissjoni se taħdem biex gradwalment jiġi stabbilit servizz governattiv ġdid ta’ Copernicus, li jibda bi proġett pilota. Dan se jkompli jibni fuq ir-rwol komplementari tas-SatCen u tal-EUSPA.

ØIl-Kummissjoni se tinċentiva l-ħidma kollaborattiva bejn negozji ġodda tal-ispazju, tas-sigurtà u tad-difiża biex jiġu żviluppati servizzi ta’ tfixkil għas-sigurtà u d-difiża.

ØSa tmiem l-2024, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-EDA, tal-EUSPA u tal-KESD, għandhom itejbu l-ħiliet tal-amministrazzjoni pubblika u tal-industrija biex ikomplu jiżviluppaw is-servizzi spazjali għas-sigurtà u d-difiża, inkluż permezz tal-immappjar tal-attivitajiet ta’ taħriġ dwar is-sigurtà u d-difiża spazjali, u t-taħriġ tal-industrija spazjali downstream, anki permezz tal-istabbiliment ta’ sħubija ġdida fuq skala kbira.

5.SĦUBIJA GĦAL IMĠIBA RESPONSABBLI FL-ISPAZJU EKSTRATMOSFERIKU

Il-ħolqien ta’ sħubijiet esterni b’saħħithom huwa essenzjali għall-promozzjoni ta’ viżjoni komuni ta’ mġiba paċifika u responsabbli fl-ispazju, għal rispons għat-theddid spazjali u għall-appoġġ fl-użu tas-servizzi spazjali għas-sigurtà u d-difiża

5.1.Il-promozzjoni ta’ normi, regoli u prinċipji għal imġiba responsabbli fl-ispazju ekstratmosferiku 

L-evitar ta’ tellieqa tal-armi fl-ispazju ekstratmosferiku u l-evitar li dan isir żona ta’ kunflitt huma kruċjali biex jiġi ssalvagwardjat l-użu fit-tul tal-ambjent spazjali għal skopijiet paċifiċi.

It-Trattat dwar l-Ispazju Ekstratmosferiku tal-1967 u l-prinċipji żviluppati fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) huma l-pedament tal-governanza globali tal-ispazju ekstratmosferiku, flimkien mar-riżoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-NU.

B’mod komplementari, strument mhux legalment vinkolanti, li jibni t-trasparenza u l-fiduċja jkun għodda effettiva 36 . Miżuri addizzjonali għandhom jissupplimentaw l-għodod tradizzjonali rilevanti għad-diżarm u għall-kontroll tal-armi biex tiġi indirizzata mġiba irresponsabbli li tista’ twassal għal eskalazzjoni, inkluż minħabba nuqqas ta’ ftehim, interpretazzjoni ħażina, jew kalkolu ħażin. F’dan ir-rigward, l-impenn tal-Istati Uniti li ma jwettqux ittestjar ta’ missili ASAT bi tlugħ dirett distruttivi, li miegħu ingħaqdu l-Ġermanja u Franza , huwa pass ’il quddiem prammatiku, konkret u li jista’ jitkejjel. L-UE u l-Istati Membri kollha tagħha appoġġaw ir-Riżoluzzjoni korrispondenti 37  approvata fis-77 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU f’Ottubru 2022.

5.2.L-involviment man-Nazzjonijiet Uniti dwar l-ispazju u s-sigurtà

L-UE se tieħu vantaġġ sħiħ mill-istatus ta’ osservatur permanenti tagħha fin-Nazzjonijiet Uniti (NU) biex taġixxi flimkien mal-Istati Membri tagħha fid-diskussjonijiet dwar l-ispazju ekstratmosferiku. L-UE se tkompli tipparteċipa u tikkontribwixxi b’mod attiv:

-fil-Kumitat tan-NU dwar l-Użu Paċifiku tal-Ispazju (COPUOS) u l-korpi sussidjarji tiegħu u fil-Kumitat għall-Kwistjonijiet Politiċi Speċjali u d-Dekolonizzazzjoni (ir-Raba’ Kumitat) tal-Assemblea Ġenerali tan-NU għal kwistjonijiet relatati mas-sikurezza spazjali; u

-fil-Konferenza dwar id-Diżarm u l-Kumitat għad-Diżarm u s-Sigurtà Internazzjonali (l-Ewwel Kumitat) tal-Assemblea Ġenerali tan-NU għal kwistjonijiet relatati mas-sikurezza u s-sigurtà spazjali.

L-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw 38 il-Grupp ta’ Ħidma Miftuħ dwar it-tnaqqis tat-theddid spazjali permezz ta’ normi, regoli u prinċipji ta’ mġiba responsabbli (OEWG) 39 , bħala pass prammatiku li jgħin fil-bini ta’ fehim komuni ta’ x’jista’ jitqies bħala mġiba responsabbli u dik irresponsabbli.

L-isfida ewlenija għall-UE u għall-Istati Membri tagħha flimkien mas-sħab tal-istess fehma hija li jikkonvinċu lill-maġġoranza l-kbira tal-pajjiżi membri tan-NU dwar ir-rilevanza ta’ approċċ normattiv. L-UE u l-Istati Membri tagħha se jaħdmu biex jinfirex l-appoġġ internazzjonali għall-pożizzjoni tagħhom fl-ispazju ekstratmosferiku.

Is-SEAE nieda inizjattiva ta’ diplomazija pubblika “minn isfel għal fuq” biex jibni l-appoġġ għal Spazju Ekstratmosferiku Sikur, Sigur u Sostenibbli (3SOS), liema inizjattiva tippromwovi approċċ sostenibbli għall-ispazju billi tħeġġeġ l-evitar tal-kolliżjonijiet, tnaqqas il-ħolqien ta’ skart b’ħajja twila fl-orbita u tippromwovi miżuri ta’ trasparenza u ta’ bini tal-fiduċja. Dan se jikkontribwixxi għat-tnaqqis ta’ inċidenti, ta’ perċezzjonijiet ħżiena, u ta’ nuqqas ta’ fiduċja.

5.3.Sħubija mal-Istati Uniti dwar is-sigurtà u d-difiża spazjali

Il-Boxxla Strateġika tfakkar li s-sħubija tal-UE mal-Istati Uniti hija ta’ importanza strateġika għall-approfondiment tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar is-sigurtà u d-difiża b’mod li jkun ta’ benefiċċju reċiproku. L-Istati Uniti għandhom relazzjoni privileġġata mal-UE u ma’ xi wħud mill-Istati Membri tagħha f’dan il-qasam.

L-Istati Uniti u l-UE żammew djalogu dwar is-sigurtà spazjali mill-2009 ’l hawn, ibbażat fuq kollaborazzjoni mill-qrib lil hinn mill-oqsma ċivili. Id-diskussjonijiet ippermettew, pereżempju, li s-Sistemi Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita rispettivi tagħhom jimxu minn kompetizzjoni perċepita lejn komplementarjetà, interoperabbiltà, u ridondanza dejjem akbar.

Jista’ jiġi previst approċċ simili għall-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali u oqsma oħra, fejn l-UE tista’ timxi mid-dipendenza fuq is-servizzi spazjali tal-Istati Uniti għal sħubija bbażata fuq interess reċiproku.

5.4.Djalogu ma’ pajjiżi terzi dwar is-sigurtà spazjali

Il-komunikazzjoni trasparenti u miftuħa bejn l-atturi diversi fl-ispazju (inklużi dawk ċivili u militari) hija kruċjali biex jiġu evitati l-kunflitti u biex tikkontribwixxi għall-bini tal-fiduċja.

Għadd dejjem jikber ta’ pajjiżi terzi rrieżaminaw diġà, jew qegħdin jirrieżaminaw, l-organizzazzjonijiet tad-difiża u d-duttrini tagħhom biex jirrikonoxxu l-importanza tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża. Diversi pajjiżi terzi, inklużi l-alleati iżda wkoll il-kompetituri strateġiċi, żviluppaw strateġiji ta’ sigurtà u difiża spazjali biex jiżviluppaw kapaċitajiet domestiċi u sħubijiet barranin ma’ pajjiżi tal-istess fehma.

L-UE qiegħda dejjem aktar tindirizza s-sigurtà u d-difiża spazjali fid-diskussjonijiet politiċi tagħha ma’ pajjiżi terzi. Is-SEAE u s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni se jistabbilixxu djalogi bejn il-persunal bejn l-UE u l-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiżi terzi oħra, bħall-Kanada u n-Norveġja, kif diġà huwa l-każ mal-Istati Uniti u mal-Ġappun.

Dawn id-djalogi dwar is-sigurtà fl-ispazju huma opportunità biex jinvolvu ruħhom mas-sħab u l-alleati, jiddiskutu l-istrateġiji tagħhom dwar l-ispazju u s-sigurtà, jistabbilixxu sħubijiet għall-iskambju ta’ informazzjoni, jaqsmu l-aħjar prattiki dwar kif tiżdied ir-reżiljenza tal-infrastruttura spazjali u jistabbilixxu normi u standards, jidentifikaw oqsma għal kooperazzjoni possibbli u jikkoordinaw azzjoni f’fora multilaterali.

Id-djalogi dwar l-ispazju u s-sigurtà jistgħu jkunu kruċjali wkoll għall-promozzjoni tal-pożizzjonijiet u tal-approċċi tal-UE f’fora multilaterali. Dawn jistgħu jikkostitwixxu mezz diplomatiku li l-UE tista’ tattiva biex tnaqqas it-tensjonijiet jew twassal messaġġi ta’ twissija biex jiġu skoraġġuti aktar azzjonijiet – speċjalment meta tiġi ffaċċjata b’imġiba irresponsabbli fid-dominju spazjali.

5.5.Sħubija man-NATO dwar is-sigurtà u d-difiża spazjali

Il-Boxxla Strateġika tistabbilixxi objettivi ċari għas-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO - djalogu politiku u kooperazzjoni prattika fl-oqsma kollha miftiehma ta’ interazzjoni, inklużi oqsma ta’ ħidma ġodda bħall-ispazju.

Fit-tielet dikjarazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO tal-10 ta’ Jannar 2023, il-mexxejja istituzzjonali tal-UE u tan-NATO kkonfermaw l-impenn tagħhom li jespandu u li japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-ispazju, abbażi tal-prinċipji miftiehma li jirfdu s-sħubija strateġika tagħhom.

Il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO għadha tiddependi mill-onestà u t-trasparenza reċiproċi, mir-reċiproċità u mill-inklużività, b’rispett sħiħ bejn dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet għall-awtonomija u l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ xulxin, u mingħajr preġudizzju għall-karattru speċifiku tal-politika tas-sigurtà u d-difiża ta’ ebda Stat Membru.

L-organizzazzjonijiet, it-tnejn li huma qed jikkunsidraw l-evoluzzjoni tal-ispazju minn kapaċità ta’ appoġġ għall-operazzjonijiet militari u ċivili għal qasam strateġiku. It-tweġibiet tal-UE u tan-NATO għall-inċidenti u t-theddid spazjali se jkunu komplementari u jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku.

Iż-żewġ organizzazzjonijiet se jesploraw b’mod konġunt oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni fid-dominju spazjali permezz ta’ diskussjonijiet regolari, inklużi taħditiet bejn il-persunal, laqgħat reċiproċi u stediniet reċiproċi għal avvenimenti. Eżerċizzji paralleli u kkoordinati organizzati mill-persunal tal-UE u tan-NATO jistgħu jinkludu wkoll komponent tad-dominju spazjali.

It-triq ’il quddiem

ØL-UE se tappoġġa l-isforzi multilaterali biex jitnaqqas it-theddid spazjali permezz ta’ normi, regoli u prinċipji ta’ imġiba responsabbli, inkluż permezz tal-ħidma tal-OEWG stabbilit mill-Assemblea Ġenerali tan-NU.

ØIr-Rappreżentant Għoli flimkien mal-Kummissjoni se jtejbu l-kampanja ta’ diplomazija pubblika 3SOS għas-Sikurezza, is-Sigurtà u s-Sostenibbiltà fl-Ispazju Ekstratmosferiku.

ØIr-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni se japprofondixxu l-kooperazzjoni fis-sigurtà spazjali mal-Istati Uniti.

ØIr-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni se jiżviluppaw djalogi dwar is-sigurtà spazjali ma’ sħab u ma’ alleati tal-istess fehma, fejn rilevanti. B’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, se jikkunsidraw djalogu ma’ pajjiżi li mhumiex tal-istess fehma.

ØIr-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni se jiżviluppaw kooperazzjoni man-NATO dwar is-sigurtà spazjali.

6.KONKLUŻJONI

Is-sistemi u s-servizzi spazjali fl-UE jikkontribwixxu għall-awtonomija strateġika tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Dawn huma assi ewlenin li se jikkontribwixxu għat-tiswir tal-kompetittività, tal-prosperità u tas-sigurtà futuri tal-UE għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

L-Istrateġija Spazjali għas-sigurtà u d-difiża turi l-impenn tal-UE li tipproteġi l-interessi tas-sigurtà tagħha filwaqt li tipprevjeni tellieqa tal-armi fl-ispazju ekstratmosferiku, u taċċellera s-sinerġiji bejn l-ispazju, is-sigurtà u d-difiża.

L-UE hija impenjata li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-valur li jirfdu l-ekosistema spazjali, u li tappoġġa l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-industrija spazjali tal-UE. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jirrapportaw lill-Kunsill fuq bażi annwali dwar il-progress li jinkiseb u l-azzjonijiet ulterjuri potenzjali.

(1)

  Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża - Għal Unjoni Ewropea li tipproteġi liċ-ċittadini, il-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali

(2)

   COM(2020) 605 final

(3)

Dan jista’ jinkludi l-armi antisatellitari (ASATs) bħal missili llanċjati direttament mill-art (ASAT bi tlugħ dirett), jew vetturi spazjali attivati meta jkunu diġà fl-orbita (ASAT koorbitali), inklużi dirgħajn robotiċi jew oġġetti projettili.

(4)

Pereżempju, gwerra elettronika, lasers u enerġija diretta oħra biex jgħammxu s-satelliti, jagħmlu ħsara lis-sistemi elettroniċi ta’ abbord tagħhom jew jiddisturbaw jew iqarrqu bis-sinjali tagħhom jew jidħlu fin-networks ta’ komunikazzjoni tagħhom.

(5)

Id-Direttiva (UE) 2022/2557 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi

(6)

Id-Direttiva (UE) 2022/2555 dwar miżuri għal livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni, li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148.

(7)

Cf il-premessa 5 tad-Direttiva 2022/2557: “... Is-settur spazjali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2022/2557 fir-rigward tal-forniment ta’ ċerti servizzi li jiddependu fuq infrastruttura bbażata fuq l-art li hija proprjetà, ġestita u operata jew mill-Istati Membri jew minn partijiet privati; konsegwentement, infrastruttura li hija proprjetà ta’, ġestita jew operata mill-Unjoni jew f’isimha bħala parti mill-programm spazjali tagħha ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.”

(8)

   JOIN(2022) 4 final

(9)

Essenzjali għandha tinftiehem bħala kruċjali għall-funzjonament tal-attivitajiet ekonomiċi, tas-sigurtà u tas-sikurezza fl-Istati Membri.

(10)

https://www.enisa.europa.eu/

(11)

Is-Spazju Ġdid jikkwalifika l-industrija spazjali privata li qed tiżviluppa, xprunata minn sensiela ta’ xejriet teknoloġiċi u innovazzjonijiet fuq il-mudell tan-negozju, u jwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż tas-sistemi spazjali, għal ċikli tal-ħajja iqsar tal-iżvilupp mir-riċerka sat-twassil fis-suq, u għal aktar teħid ta’ riskji.

(12)

Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għall-prodotti b’elementi diġitali u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020, COM(2022) 454 final

(13)

Dan bħalissa jinkludi r-regolament delegat tad-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju, adottat f’Ottubru 2021 u li jimponi l-obbligi fuq il-manifatturi ta’ apparati mingħajr fili biex itejbu l-livell ta’ ċibersigurtà, ta’ privatezza u ta’ protezzjoni mill-frodi ta’ dawn l-apparati.

(14)

Dan jinkludi l-aċċess għall-materja prima, ipproċessata u avvanzata.

(15)

Inklużi l-programmi prekursuri tagħha, il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP) u l-Azzjoni Preparatorja fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża (PADR).

(16)

It-Task Force Konġunta Kummissjoni-ESA-EDA dwar it-teknoloġiji spazjali kritiċi għan-nondipendenza Ewropea maħluqa fl-2008.

(17)

   COM(2021)70 final

(18)

  Att Ewropew dwar il-Materja Prima Kritika (europa.eu)

(19)

  Att Ewropew dwar iċ-Ċipep (europa.eu)

(20)

Ir-Regolament (UE) 2019/452 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni

(21)

L-Artikolu 15 tar-Regolament

(22)

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern .

(23)

Inklużi manuvri u operazzjonijiet ta’ tagħbija utli.

(24)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/698 tat-30 ta’ April 2021 dwar is-sigurtà tas-sistemi u s-servizzi skjerati, operati u użati taħt il-Programm Spazjali tal-Unjoni li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-Unjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/496/PESK

(25)

Permezz ta’ Deċiżjoni unanima tal-Kunsill fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli.

(26)

Il-Kummissjoni tista’ tipproponi miżuri ekonomiċi komplementari li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, bħar-rekwiżiti ta’ kontroll tal-esportazzjoni.

(27)

F’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju.

(28)

L-EDA kkontribwiet għad-definizzjoni tar-rekwiżiti militari tal-utenti għall-komponenti tal-GOVSATCOM u tal-Għarfien tas-Sitwazzjoni Spazjali (SSA) tal-Programm Spazjali tal-UE.

(29)

Se jisfrutta l-attivitajiet tar-Riċerka u l-Iżvilupp (R&Ż) tal-EDF, inklużi t-teknoloġiji avvanzati tat-tagħbija utli u t-tekniki tal-ipproċessar tad-data, u fil-futur se jkun ikkumplimentat minn satelliti żgħar li jirreaġixxu għall-inqas stimulu għall-Intelligence, is-sorveljanza u t-tkixxif ibbażati fl-ispazju. Se jiġu kkunsidrati sinerġiji ma’ Proġetti PESCO, bħaċ-Ċentru Komuni għall-Immaġnijiet mill-Gvern (CoHGI).

(30)

Sistema tal-broadband ibbażata fuq l-art maħsuba biex tgħaqqad is-sistemi ta’ komunikazzjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss tal-Istati Membri għall-organizzazzjonijiet tas-sigurtà u s-sikurezza ċivili, li tippermettilhom joperaw fil-pajjiżi kollha tal-UE u ta’ Schengen. Ibbażata fuq il-proġetti BroadMap u BroadWay ta’ Orizzont 2020 , kif ukoll fuq il-proġett ta’ Tħejjija tal-Fond tas-Sigurtà Interna BroadNet

(31)

EDF-2021-SPACE-D-EPW

(32)

EDIDP –DA- ESSOR 

(33)

CASSINI hija l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tappoġġa lill-imprendituri, lin-negozji l-ġodda u lill-SMEs fl-industrija spazjali. https://defence-industry-space.ec.europa.eu/eu-space-policy/space-entrepreneurship-initiative-cassini_en

(34)

Komunikazzjoni “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija ta’ Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025”. COM/2020/152 final

(35)

https://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=23220&langId=en

(36)

Pereżempju, il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Aja (HCoC) kontra l-proliferazzjoni ta’ missili ballistiċi.

(37)

“Ittestjar ta’ missili anti-satellita bi tlugħ dirett distruttivi” (id-dokument A/C.1/77/L.62).

(38)

L-UE għamlet diversi kontribuzzjonijiet konġunti, u diversi mill-Istati Membri tagħha ppreżentaw dokumenti ta’ ħidma nazzjonali jew interreġjonali.

(39)

Adottat mir-Riżoluzzjoni 76/231 tal-AĠNU

Top