EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0522

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Portugall għall-2021

COM/2021/522 final

Brussell, 2.6.2021

COM(2021) 522 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Portugall għall-2021

{SWD(2021) 501 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Portugall għall-2021

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali 2 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir 3 . Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat il-fehma tagħha li, minħabba r-reċessjoni ekonomika severa li kienet mistennija minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet kienu jiġġustifikaw l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Il-klawżola liberatorja ġenerali tat lill-Istati Membri flessibbiltà baġitarja biex jittrattaw il-kriżi. Il-klawżola ffaċilitat il-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ reċessjoni ekonomika severa. L-attivazzjoni tagħha tippermetti diverġenza temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju ta’ kull Stat Membru, dment li dan ma jkunx jipperikola s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju. Fis-17 ta’ Settembru 2020, fl-Istrateġija Annwali tagħha għat-Tkabbir Sostenibbli, il-Kummissjoni ħabbret li l-klawżola liberatorja ġenerali kienet se tibqa’ attiva fl-2021 4 .

(2)Fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill irrakkomanda li l-Portugall 5  jieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali biex jindirizza b’mod effettiv il-pandemija, isostni l-ekonomija u jappoġġa l-irkupru riżultanti. Huwa rrakkomanda wkoll lill-Portugall biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, isegwi politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fit-terminu medju u l-iżgurar tas-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jsaħħu l-investiment.

(3)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro tindika li matul l-2021 l-politiki fiskali jibqgħu ta’ sostenn fl-Istati Membru kollha taż-Żona kollha tal-Euro u li jenħtieġ li l-miżuri ta’ politika jkunu mfassla apposta għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-pajjiż u jkunu wkoll f’waqthom, temporanji u mmirati 6 . Meta l-kundizzjonijiet epidemjoloġiċi u ekonomiċi jippermettu, jenħtieġ li l-miżuri ta’ emerġenza jitneħħew gradwalment, filwaqt li ssir reżistenza għall-impatt tal-kriżi fuq is-soċjetà u fis-suq tax-xogħol. Jenħtieġ li jiġu segwiti politiki fiskali li jkollhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fit-terminu medju u jiggarantixxi s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jtejbu l-investiment. Jenħtieġ li l-Istati Membri jsegwu riformi li jsaħħu l-kopertura, l-adegwatezza, u s-sostenibbiltà tas-sistemi sanitarji u soċjali għal kulħadd.

(4)Fit-18 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni adottat l-Opinjonijiet tagħha dwar l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2021 tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro, li kienu bbażati fuq valutazzjoni kwalitattiva tal-miżuri fiskali. Il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni li l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tal-Portugall kien ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjonijiet dwar il-politika fiskali adottati mill-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020, u li l-parti l-kbira tal-miżuri inklużi fil-pjan kienu jsostnu l-attività politika fil-konfront ta’ inċertezza sostanzjali.

(5)In-NextGenerationEU, flimkien mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, se tiggarantixxi rkupru sostenibbli, inklużiv u ġust. Ir-Regolament (UE) 2021/241 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 7 daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Din il-Faċilità se tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni tar-riformi u l-investiment, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. Din se tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku, għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, speċjalment għall-promozzjoni ta’ tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u se ssaħħaħ ir-reżiljenza u l-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomiji. B’hekk, se tgħin ukoll biex il-finanzi pubbliċi jirritornaw għal pożizzjonijiet aktar favorevoli fit-terminu qrib u se tikkontribwixxi biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, tat-tkabbir u tal-ħolqien tal-impjiegi fit-terminu medju u twil.

(6)Fit-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipprovdi orjentazzjonijiet ta’ politika ulterjuri biex tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki fiskali u t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri 8 . Jenħtieġ li t-teħid ta’ pożizzjoni fiskali ġenerali, b’kunsiderazzjoni għall-baġits nazzjonali u għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, jibqa’ wieħed ta’ sostenn matul l-2021 u l-2022. Fl-istess ħin, billi hu mistenni li fit-tieni nofs tal-2021 l-attività ekonomika tiġi gradwalment għan-normal, jenħtieġ li l-politiki fiskali tal-Istati Membri jsiru aktar differenzjati fl-2022. Jenħtieġ li l-politiki fiskali tal-Istati Membri jqisu l-istat tal-irkupru, is-sostenibbiltà fiskali u l-bżonn li jitnaqqsu d-diverġenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali. Fid-dawl tal-bżonn li jingħata appoġġ lill-irkupru sostenibbli fl-UE, jenħtieġ li l-Istati Membri b’riskji baxxi għas-sostenibbiltà jorjentaw il-baġits favur li tinżamm politika fiskali li sservi ta’ sostenn fl-2022, u li jqisu l-impatt tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Jenħtieġ li l-Istati Membri b’livelli għolja ta’ dejn isegwu politiki fiskali prudenti, filwaqt li jippreservaw l-investiment iffinanzjat b’mod nazzjonali u jużaw is-sovvenzjonijiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiffinanzjaw proġetti ta’ investiment u riformi strutturali addizzjonali ta’ kwalità għolja. Għall-perjodu lil hinn mill-2022, jenħtieġ li l-politiki fiskali jkomplu jqisu s-saħħa tal-irkupru, il-grad tal-inċertezza ekonomika u kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fiskali. L-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti f’terminu medju, inkluż bl-eliminazzjoni gradwali tal-miżuri ta’ sostenn, se jikkontribwixxi biex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.

(7)Il-Komunikazzjoni tat-3 ta’ Marzu 2021 ħabbret ukoll il-fehma tal-Kummissjoni li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew l-applikazzjoni kontinwata tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell tal-attività ekonomika fl-UE jew fiż-Żona tal-Euro mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala kriterju kwantitattiv ewlieni. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, fit-2 ta’ Ġunju l-Kummissjoni kkunsidrat li l-kundizzjonijiet biex tibqa’ tapplika l-klawżola liberatorja ġenerali fl-2022 u biex tiġi diżattivata b’seħħ mill-2023 kienu ssodisfati. Se jibqgħu jitqiesu s-sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż wara d-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali. 9

(8)Fit-30 ta’ April 2021, il-Portugall ippreżenta l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 tiegħu, f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(9)Fl-2020, fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Portugall kien ta’ 5,7 % tal-PDG, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied għal 133,6 % tal-PDG. Il-bidla annwali fil-bilanċ tal-baġit primarju ammontat għal -6 % tal-PDG, inklużi miżuri baġitarji diskrezzjonarji ta’ madwar 3 % tal-PDG b’appoġġ għall-ekonomija u l-operat tal-istabbilizzaturi awtomatiċi. Il-Portugall ipprovda wkoll sostenn f’forma ta’ likwidità lill-kumpaniji u lill-unitajiet domestiċi (bħal garanziji u differimenti tat-taxxa, li ma għandhomx impatt baġitarju dirett u immedjat), ikkalkulat li jilħaq l-4 % tal-PDG.

Fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE. Dan ir-rapport jiddiskuti l-qagħda baġitarja tal-Portugall, billi fl-2020 id-defiċit tal-gvern estiż tiegħu qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż tiegħu qabeż il-valur referenzjarju ta’ 60 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat u ma naqasx b’pass sodisfaċenti. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit ma ġiex issodisfat u li ma kienx hemm konformità mal-kriterju tad-dejn.

(10)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġettazzjonijiet baġitarji huwa realistiku fl-2021 u l-2022. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, il-PDG reali huwa ppproġettat li jespandi b’4 % fl-2021 u b’4,9 % fl-2022. Dan huwa konformi mat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni. Ir-riskji għall-prospettiva makroekonomika għadhom ixaqilbu lejn in-negattiv, minħabba d-dipendenza qawwija tal-Portugall fuq it-turiżmu barrani, fejn l-inċertezza fit-triq tal-irkupru tiegħu għadha għolja.

(11)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2021, il-gvern qed jippjana tnaqqis tad-defiċit tal-gvern estiż minn 5,7 % tal-PDG fl-2020 għal 4,5 % tal-PDG fl-2021, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn huwa ppjanat li jonqos għal 128 % tal-PDG fl-2021. Skont il-programm, il-bidla fil-bilanċ tal-baġit primarju fl-2021 meta mqabbla mal-livell ta’ qabel il-kriżi (2019) tammonta għal -5 % tal-PDG, li jirrifletti l-miżuri baġitarji diskrezzjonarji ta’ madwar 3 % tal-PDG b’appoġġ għall-ekonomija u l-operat tal-istabbilizzaturi awtomatiċi. Dawn il-proġezzjonijiet huma fuq l-istess linji tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni.

(12)B’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u r-reċessjoni ekonomika relatata, il-Portugall adotta miżuri baġitarji biex isaħħaħ il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tiegħu, irażżan il-pandemija, u jgħin lil dawk l-individwi u s-setturi li kienu partikolarment milquta. Dan ir-rispons ta’ politika qawwi taffa l-kontrazzjoni tal-PDG, li min-naħa tiegħu, naqqas iż-żieda fid-defiċit tal-gvern u d-dejn pubbliku. Jenħtieġ li l-miżuri fiskali jimmassimizzaw is-sostenn għall-irkupru mingħajr ma jantiċpaw traġettorji fiskali futuri. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-miżuri jevitaw li jinħoloq piż permanenti fuq il-finanzi pubbliċi. Meta l-Istati Membri jintroduċu miżuri permanenti, jenħtieġ li jiffinanzjawhom b’mod adegwat biex jiggarantixxu newtralità baġitarja fit-terminu medju. Il-miżuri li ħa l-Portugall fl-2020 u fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Uħud mill-miżuri diskrezzjonali adottati mill-gvern fl-2020 u fl-2021 ma jidhrux li huma temporanji jew akkumpanjati minn miżuri ta’ kumpens. Lil hinn mill-orizzont tat-tbassir tal-Kummissjoni, fl-2023, huwa stmat b’mod preliminari li l-impatt li jirriżulta minn dawn il-miżuri mhux temporanji jkun ta’ 1 % tal-PDG, li jikkonsisti l-aktar minn nefqa addizzjonali fuq il-pagi pubbliċi. Dawn il-miżuri mhux temporanji jinkludu wkoll investiment ta’ madwar  % tal-PDG, li mistenni jagħti appoġġ lit-tkabbir potenzjali ta’ terminu medju, u għaldaqstant is-sostenibbiltà.

(13)Il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021 jassumi investiment u riformi ffinanzjati minn għotjiet permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li jammontaw għal 0,3 % tal-PDG fl-2021, 1,3 % tal-PDG fl-2022, 1,5 % tal-PDG fl-2023, 1,3 % tal-PDG fl-2024, u 1,1 % tal-PDG fl-2025. Il-programm jassumi wkoll self permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li jammonta għal 0,7 % tal-PDG fl-2021, 0,2 % tal-PDG fl-2022, u 0,1 % tal-PDG kull sena fil-perjodu 2023-2025. It-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni jinkludi dawn l-għotjiet fil-proġezzjonijiet baġitarji tagħha.

(14)Hemm bżonn li i-indikaturi tal-aġġustament fiskali stabbiliti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1466/97 jiġu kkunsidrati fil-kuntest taċ-ċirkostanzi attwali. L-ewwel nett, hemm inċertezza sinifikanti rigward l-istimi tad-distakk fl-output. It-tieni, hemm bżonn ta’ politika fiskali li tkun lest biex tadatta malajr għall-evoluzzjoni tal-pandemija, u tiċċaqlaq minn għajnuna ta' emerġenza għal miżuri aktar speċifiċi ladarba r-riskji sanitarji jonqsu. It-tielet, il-kuntest attwali huwa karatterizzat minn rispons ta’ politika sinifikanti b’sostenn għall-attività ekonomika . Billi hemm trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-UE (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza:), l-indikaturi stabbiliti ma jirriflettux l-impuls kollu li jipprovdu l-politiki fiskali lill-ekonomija. B’dan l-isfond, jidher li l-indikatur tal-bilanċ strutturali mhuwiex biżżejjed fiċ-ċirkostanzi attwali. Min-naħa l-oħra, il-parametru referenzjarju tan-nefqa jrid jiġi adattat 10 u kkomplementat b’informazzjoni addizzjonali sabiex jikkalkula għalkollox l-orjentazzjoni tal-politika fiskali.

L-ewwel nett, u bħall-approċċ segwit fil-valutazzjoni tal-Abbozzi ta’ Pjanijiet Baġitarji tal-2021, miżuri ta’ emerġenza temporanji ġew esklużi mill-aggregat tan-nefqa. Dawn il-miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi jsostnu s-sistemi sanitarji u jikkumpensaw lill-ħaddiema u lid-ditti għat-telf ta’ introjtu minħabba l-lockdowns u l-interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista; it-treġġigħ lura tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi jiddependi mir-ritorn għan-normalità tas-sitwazzjoni ekonomika u tas-saħħa pubblika.

It-tieni, għall-valutazzjoni tat-teħid ta’ pożizzjoni fiskali ġenerali f’dan il-mument, jenħtieġ li t-trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-UE (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza) jiġu inklużi fl-aggregat rilevanti tan-nefqa.

Għalhekk, it-teħid ta’ pożizzjoni fiskali mbagħad titkejjel bit-tibdil fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali u bl-esklużjoni ta’ miżuri temporanji relatati mal-kriżi) flimkien man-nefqa ffinanzjata mis-sovvenzjonijiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.

Lil hinn mit-teħid ta’ pożizzjoni ġenerali fiskali, l-analiżi għandha l-għan ukoll li tivvaluta jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Għal din ir-raġuni, qed tingħata attenzjoni partikolari lill-evoluzzjoni tan-nefqa kurrenti primarja u l-investiment iffinanzjati b’mod nazzjonali.

(15)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2021, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Portugall huwa ppjanat li jonqos għal 3,2 % tal-PDG fl-2022, prinċipalment minħabba t-twaqqif tal-miżuri temporanji ta’ appoġġ adottati fl-2020 u fl-2021, kif ukoll minħabba l-irkupru ekonomiku mistenni. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li jonqos għal 123 % tal-PDG fl-2022. Dawn il-proġezzjonijiet huma fuq l-istess linji tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni.

Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni, it-teħid ta’ pożizzjoni fiskali ġenerali kif definita hawn fuq – flimkien ukoll mal-impatt fuq id-domanda aggregata fl-2022 minn investiment iffinanzjat kemm b’mod nazzjonali kif ukoll mill-baġits tal-UE, l-aktar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – hija kkalkulata għal - 1,1 % tal-PDG 11 . Il-kontribut pożittiv tan-nefqa ffinanzjata mis-sovvenzjonijiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE huwa pproġettat li jiżdied b’0,1 punt perċentwali tal-PDG. Investiment iffinanzjat b’mod nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribut espansjonarju ta’ 0,2 punti perċentwali tal-PDG 12 . In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata b’mod nazzjonali (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali) hija pproġettata li tipprovdi kontribut espansjonarju ta’ 0,7 punti perċentwali tal-PDG.

(16)Il-kwalità tal-miżuri baġitarji tal-Istat Membru tidher partikolarment importanti. Riformi strutturali fiskali li jkollhom l-għan li jtejbu l-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali jistgħu jkunu ta’ sostenn għat-tkabbir potenzjali, joħolqu spazju fiskali tant meħtieġ u jgħinu biex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu twil, inkluż fid-dawl tat-tibdil fil-klima u l-problemi sanitarji. Min-naħa tad-dħul, il-kriżi tal-COVID-19 saħħet l-importanza tar-riformi favur sistemi ta’ dħul pubbliku aktar effiċjenti u aktar ġusti. Min-naħa tan-nefqa, sar saħansitra aktar kruċjali li jiżdied il-livell u l-kwalità tal-investimenti sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, li jkunu konsistenti mal-qadi tal-objettivi tat-tisħiħ ekonomiku u r-reżiljenza soċjali u t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Il-Pjanijiet ta’ Rkupru u Reżiljenza se jippermettu li l-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali titjieb.

(17)Skont il-pjanijiet baġitarji ta’ terminu medju tal-programm, huwa ppjanat li d-defiċit tal-gvern estiż jonqos minn 2,2 % fl-2023, għal 1,6 % tal-PDG fl-2024. Il-defiċit tal-gvern estiż għalhekk huwa ppjanat li ma jkunx iktar minn 3 % tal-PDG fl-2023.

Fuq il-bażi tal-programm, it-teħid ta’ pożizzjoni fiskali ġenerali – flimkien ukoll mal-impatt fuq id-domanda aggregata minn investiment iffinanzjat kemm b’mod nazzjonali kif ukoll mill-baġits tal-UE, l-aktar mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – huwa kkalkulat għal medja ta’ 0,3 % tal-PDG fl-2023 u fl-2024. Il-kontribut pożittiv tan-nefqa ffinanzjata mis-sovvenzjonijiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE huma pproġettati li jibqgħu l-istess. Investiment iffinanzjat b’mod nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribut espansjonarju ta’ 0,1 punt perċentwali tal-PDG 13 . In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata b’mod nazzjonali (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali) hija pproġettata li tipprovdi kontribut kontrazzjonali ta’ 0,3 punti perċentwali tal-PDG.

L-istima attwali tat-tkabbir potenzjali nominali medju fuq 10 snin hija ta’ 3 % 14 . Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi strutturali li huma parti mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku potenzjali tal-Portugall.

(18)Id-dejn tal-gvern ġenerali huwa mistenni li jonqos minn 120,7 % tal-PDG fl-2023 għal 117,1 % tal-PDG fl-2024. Fid-dawl tal-proporzjon għoli tad-dejn, li huwa pproġettat li jonqos gradwalment maż-żmien, il-Portugall huwa meqjus li qed jiffaċċja riskji għolja ta’ sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju, skont l-aħħar analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn 15 .

(19)Fid-dawl tal-inċertezza li għadha għolja ħafna, il-gwida tal-politika fiskali għandha tibqa’ fil-parti l-kbira kwalitattiva. Gwida kwantifikata aktar preċiża għas-snin ta’ wara għandha tingħata fl-2022, jekk sa dak iż-żmien l-ammont ta’ inċertezza jkun naqas biżżejjed.

Il-Kunsill ivvaluta l-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021 u s-segwitu li għamel il-Portugall għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020.

B’ DAN JIRRAKKOMANDA LILL-PORTUGALL BIEX:

1.Fl-2022, juża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiffinanzja investiment addizzjonali b’sostenn għall-irkupru filwaqt li jsegwi politika fiskali prudenti. Jippreserva l-investiment iffinanzjat b’mod nazzjonali. Jillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata b’mod nazzjonali.

2.Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, isegwi politiki fiskali li jkollhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fit-terminu medju u li jiggarantixxu s-sostenibbiltà tad-dejn fit-terminu medju. Fl-istess ħin, isaħħaħ l-investiment biex tingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.

3.Jagħti attenzjoni partikolari għall-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi, kemm min-naħa tad-dħul kif ukoll tan-nefqa tal-baġit, u għall-kwalità tal-miżuri baġitarji, sabiex jiggarantixxi rikupru sostenibbli u inklużiv. Jagħti prijorità lill-investiment sostenibbli u li jsaħħaħ it-tkabbir, l-aktar is-sostenn għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Jagħti prijorità lir-riformi strutturali fiskali li se jgħinu biex jipprovdu finanzjament għall-prijoritajiet tal-politika pubblika u jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fit-terminu twil tal-finanzi pubbliċi, fosthom it-tisħiħ tal-kopertura, l-adegwatezza, u s-sostenibbiltà ta’ sistemi sanitarji u ta’ protezzjoni soċjali għal kulħadd.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)

   ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)

   Il-klawżola, kif inhu stipulat fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ reċessjoni ekonomika severa.

(3)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, Brussell, 20.3.2020, COM(2020) 123 final.

(4)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021, Brussell, 17.9.2020, COM(2020) 575 final.

(5)

   Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2020 tal-Portugall u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2020 tal-Portugall, ĠU C 282, 26.8.2020, p. 142 -148.

(6)    Sakemm issir l-adozzjoni finali mill-Kunsill, l-approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew. It-test miftiehem mill-Grupp tal-Euro fis-16 ta’ Diċembru 2020 jinsab fuq: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14356-2020-INIT/mt/pdf
(7)

    ĠU L 57, 18.2.2021, p.17.

(8)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Sena mit-tifqigħa tal-COVID-19: rispons tal-politika fiskali, Brussell, 3.3.2021, COM(2021) 105 final.

(9)

   Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika fl-2021: biex tingħelen il-COVID-19, ikun appoġġat l-irkupru u tkun modernizzata l-ekonomija tagħna, Brussell, 2.6.2021, COM(2021) 500 final.

(10)    B’mod partikolari, il-livellar ta’ investiment fuq erba’ snin użat fil-parametru referenzjarju tan-nefqa ma jippermettix li ssir valutazzjoni kif suppost tas-sostenn fiskali għall-irkupru li jipprovdu l-investimenti ffinanzjati b’mod nazzjonali.
(11)    Sinjal negattiv tal-indikatur jikkorrispondi għal eċċess tat-tkabbir tan-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku ta’ terminu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja.
(12)    Nefqa oħra ffinanzjata b’mod nazzjonali hija pproġettata li tipprovdi kontribut espansjonarju ta’ 0,1 punt perċentwali tal-PDG.
(13)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata b’mod nazzjonali hija pproġettata li tipprovdi kontribut kontrazzjonali ta’ 0,2 punti perċentwali tal-PDG.
(14)    Stmat mill-Kummissjoni, skont il-metodoloġija miftehma bejn kulħadd.
(15)    Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – Anness Statistiku li jipprovdi data ta’ sfond rilevanti biex jiġu vvalutati l-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza għall-2021.
Top