EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0882

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dejta miftuħaMezz għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-governanza trasparenti

/* KUMM/2011/0882 finali */

52011DC0882

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dejta miftuħaMezz għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-governanza trasparenti /* KUMM/2011/0882 finali */


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Dejta miftuħa Mezz għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-governanza trasparenti

1. Introduzzjoni

L-għan ċentrali tal-istrateġija UE 2020 huwa li l-ekonomiji tal-Ewropa jitpoġġew fi triq ta' tkabbir rapidu u sostenibbli. Għal dan l-għan, l-Ewropa se jkollha ssaħħaħ il-potenzjal innovattiv tagħha u tuża r-riżorsi tagħha bl-aħjar mod possibbli.

Waħda minn dawn ir-riżorsi hija d-dejta pubblika[1] — l-informazzjoni kollha li jipproduċu, jiġbru jew iħallsu għaliha l-entitajiet pubbliċi fl-Unjoni Ewropea. Eżempji ta’ dan huma l-informazzjoni ġeografika, l-istatistika, dejta dwar it-temp, dejta minn proġetti ta' riċerka ffinanzjati pubblikament, u kotba diġitizzati mil-libreriji. Din l-informazzjoni għandha potenzjal sinifikanti, li bħalissa mhuwiex sfruttat, għall-użu mill-ġdid fi prodotti u servizzi ġodda u għal titjib tal-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet. Il-benefiċċji ekonomiċi kumplessivi mill-ftuħ ta' din ir-riżorsa jistgħu jammontaw għal EUR 40 biljun fis-sena fl-UE. Il-ftuħ ta' dejta pubblika jħeġġeġ ukoll il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja politika u soċjali u jikkontribwixxi għal oqsma ta’ politika bħalma huma l-ambjent.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta pakkett ta' miżuri biex jingħelbu l-ostakoli u l-frammentazzjoni eżistenti madwar l-UE, bħala parti mill-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. Hija magħmula minn tliet komponenti li jsaħħu lil xulxin:

· L-adozzjoni tal-qafas legali għall-użu mill-ġdid tad-dejta. Flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni ġew adottati proposta għal reviżjoni ta' Direttiva dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni dwar is-settur pubbliku u għal reviżjoni ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tagħha stess,

· Il-mobilizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji bħala appoġġ għad-dejta miftuħa, u l-azzjonijiet ta' skjerament bħall-ħolqien ta' portali tad-dejta Ewropej,

· L-iffaċilitar tal-koordinazzjoni u l-iskambju tal-esperjenza bejn l-Istati Membri.

L-azzjonijiet jiffukaw fuq oqsma li għandhom x'jaqsmu mal-funzjonament tas-suq intern u fejn l-istandards u l-approċċi komuni jwasslu għal servizzi u prodotti ta' informazzjoni ġodda u aħjar għall-konsumatur Ewropew. Dawn l-azzjonijiet huma bbażati fuq is-sistemi nazzjonali u ma jaffettwawx l-aċċess għall-informazzjoni.

2. Dejta miftuħa, għaliex hija importanti għall-Ewropa? 2.1. Opportunitajiet tan-negozju u tal-ekonomija mhux sfruttati

Ir-Rapport Digital Britain tal-2009 jiddeskrivi d-dejta bħala “munita ta’ innovazzjoni” u “l-ħajja tal-ekonomija tal-għarfien”[2]. Parti kbira minn din il-munita ta’ innovazzjoni tiġi prodotta, miġbura jew imħallsa mill-gvernijiet madwar l-UE. Hija materja prima essenzjali għal firxa wiesgħa ta' prodotti u servizzi ta' informazzjoni ġodda li jibnu fuq possibbiltajiet ġodda biex janalizzaw u jivviżvalizzaw id-dejta minn sorsi differenti.

Dawn il-prodotti jvarjaw minn sistemi ta’ appoġġ għad-deċiżjonijiet għan-negozji, servizzi bbażati fil-post u sistemi ta’ navigazzjoni tal-karozzi sa tbassir tat-temp u applikazzjonijiet oħra għall-ismartphones tagħna.

Id-daqs u t-tkabbir tas-suq tas-settur tal-informazzjoni ġeografika juru l-potenzjal tad-dejta pubblika bħala mezz għall-ħolqien tal-impjiegi. Fl-2007, is-suq Ġermaniż għall-ġeoinformazzjoni kien stmat li jammonta għal EUR 1.4 biljun, żieda ta' 50 % mis-sena 2000[3]. Fil-Pajjiżi l-Baxxi, is-settur ġeografiku kien jammonta għal 15 000 impjegat full-time fl-2008. Oqsma oħra bħad-dejta meteoroloġika, l-informazzjoni legali u l-informazzjoni tan-negozju jiffurmaw ukoll il-bażi ta’ swieq li dejjem qed jikbru.

Studju riċenti jistma s-suq totali għall-informazzjoni tas-settur pubbliku fl-2008 għal EUR 28 biljun madwar l-UE[4]. L-istess studju jindika li l-benefiċċji ekonomiċi kumplessivi minn iktar ftuħ tal-informazzjoni tas-settur pubbliku billi jkun permess aċċess faċli, huma madwar EUR 40 biljun fis-sena għall-UE27. Il-benefiċċji ekonomiċi totali diretti u indiretti mill-applikazzjonijiet u l-użu tal-PSI fl-ekonomija kollha tal-UE27 għandhom ikunu madwar EUR 140 biljun fis-sena.

2.2. L-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà

L-ipproċessar intelliġenti tad-dejta huwa essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà. Id-dejta tista', pereżempju, tintuża biex ittejjeb is-sostenibilità tas-sistemi tal-kura tas-saħħa nazzjonali. Ir-rapport McKinsey tal-2011 stima li l-użu effikaċi tad-dejta jista' jiġġenera $ 300 biljun f'valur kull sena[5].

Il-progress fil-ġenomika, l-iskoperti tal-mediċina u d-djanjożi u t-trattament ta' mard serju bħall-kanċer jew mard tal-qalb, qed isiru dejjem aktar dipendenti fuq il-ġbir tad-dejta u l-analiżi ta' tekniki sofistikati.

Il-ġestjoni tad-dejta wkoll hija essenzjali għall-indirizzar tal-isfidi ambjentali. Eżempji ta’ dan huma l-ipproċessar ta’ dejta dwar it-tendenzi fil-konsum tal-enerġija biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jew tad-dejta dwar it-tniġġis li tintuża għall-ġestjoni tat-traffiku. Id-deċiżjonijiet infurmati ta' politika fl-oqsma tat-trasport, l-użu tal-art u t-tibdil fil-klima jiddependu dejjem iktar fuq analiżi tad-dejta disponibbli.

2.3. It-tħaffif tal-progress xjentifiku

L-attivitajiet xjentifiċi qed jiżdiedu dejjem iktar permezz tal-kollaborazzjoni globali fuq l-internet, bl-użu tal-ġbir ta' dejta kbira ħafna, riżorsi enormi tal-kompjuter u viżwalizzazzjoni ta' prestazzjoni għolja. Ix-xjenza elettronika (riċerka permessa permezz tal-infrastruttura elettronika/l-ICT) hija essenzjali biex jintlaħqu l-isfidi tas-seklu 21 fl-iskoperti u t-tagħlim xjentifiċi. Id-dejta użata tiġi minn simulazzjonijiet, strumenti diġitali, xbieki ta’ sensers, u osservatorji.

Ir-rapport "Riding the Wave"[6] tal-2010 enfasizza r-rwol kruċjali tad-dejta għax-xjenza u l-potenzjal tagħha li tbiddel in-natura propja tal-proċess xjentifiku.

L-aċċess wiesa' għad-dejta xjentifika se jgħin, pereżempju, lir-riċerkaturi f’oqsma differenti biex jikkollaboraw fuq l-istess sett ta’ dejta, biex jeżerċitaw forom kompletament ġodda ta' riċerka xjentifika u biex jesploraw korrelazzjonijiet bejn ir-riżultati tar-riċerka.

Il-bidla fil-proċess xjentifiku li seħħet minħabba x-xjenza elettronika se żżid il-produttività tar-riċerka u se twassal għal soluzzjonijiet ġodda u mhux antiċipati għall-isfidi tas-soċjetà. Barra minn hekk, il-kollaborazzjoni reċiproka bejn ir-riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku u mis-settur kummerċjali fil-“Qasam Ewropew tar-Riċerka onlajn” se tħaffef il-pass u l-impatt tal-innovazzjoni.

2.4. Il-ħtieġa li naġixxu fil-livelli kollha: lokali, reġjonali, nazzjonali u fil-livell tal-UE

Id-dejta pubblika tiġi prodotta fil-livelli kollha tal-gvern. Il-kundizzjonijiet li taħthom tkun disponibbli id-dejta għall-użu mill-ġdid kummerċjali jew mhux kummerċjali għandhom effett fuq il-kompetizzjoni u l-kompetittività.

Ħafna mill-prodotti u s-servizzi bbażati fuq l-informazzjoni tas-settur pubbliku jkollhom natura transkonfinali. Ħadd ma jrid li s-servizz tal-mowbajl tiegħu jieqaf fil-fruntiera, u s-servizzi tal-informazzjoni tan-negozju madwar l-Ewropa kollha li jkollhom lakuni f'pajjiż wieħed jew iktar ma jibqgħux ta’ interess. Barra minn hekk, sabiex jibbenefikaw mid-daqs tas-suq intern u biex jgħinu lill-SMEs jikbru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħhom, għandu jkun iffaċilitat l-iskjerament tas-servizzi madwar l-UE kollha.

Għalhekk, l-istess kundizzjonijiet bażiċi għandhom japplikaw madwar l-Unjoni Ewropea. Dan se joħloq livell ugwali u jistimula suq b’saħħtu ta’ prodotti u servizzi innovattivi bbażati fuq d-dejta pubblika.

3. Fejn ninsabu u xi nkiseb sa issa? 3.1. Fejn ninsabu?

L-impetu għal aktar dejta miftuħa qed jikseb momentum f'diversi Stati Membri. L-Istati Membri jħaddnu l-kunċett għal raġunijiet ta’ trasparenza, effiċjenza amministrattiva u l-potenzjal ekonomiku għall-użu mill-ġdid. Huma qed jappoġġaw gvern miftuħ permezz tal-leġiżlazzjoni u miżuri prattiċi, bħall-produzzjoni tad-dejta f’formati li huma leġibbli mekkanikament u l-ħolqien ta' portali tad-dejta.

Ir-Renju Unit waqqaf il-portal data.gov.uk li jiġbor flimkien dejta mill-organizzazzjonijiet tal-gvern fil-livelli kollha. Stati Membri oħra qed joħolqu portali simili, eżempju Franza bl-ETALAB. Il-portali tad-dejta jeżistu wkoll fil-livell reġjonali, bħad-dadesobertes.gencat.cat fil-Katalunja u dati.piemonte.it fi Piemonte fl-Italja.

Madankollu, il-livelli ta’ inizjattiva u ta’ kuxjenza ta' kwistjonijiet ta’ dejta miftuħa mhumiex uniformi fost l-Istati Membri. Hemm riskju li l-Ewropa titlef l-opportunitajiet offruti mid-dejta miftuħa, u taqa' lura minn reġjuni oħra fejn il-politiki tad-dejta miftuħa huma stabbiliti sew.

3.2. Xi nkiseb fil-livell tal-UE? 3.2.1. Qafas leġiżlattiv u inizjattivi ta’ politika

(1) Id-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku

Id-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku tal-2003[7] stabbilixxiet il-qafas leġiżlattiv ġenerali fil-livell Ewropew. Id-Direttiva tipprovdi għal livell minimu ta' armonizzazzjoni. Ir-reviżjoni tal-2009 tad-Direttiva indikat li minkejja l-progress mill-2003 għadhom jeżistu ostakli għall-użu transkonfinali tal-informazzjoni tas-settur pubbliku. Uħud minn dawn l-ostakli jistgħu jiġu indirizzati fil-leġiżlazzjoni eżistenti, filwaqt li oħrajn ma jistgħux.

(2) Inizjattivi ta' politika

Il-politika ġenerali ta' użu mill-ġdid hija kkumplimentata minn inizjattivi leġiżlattivi jew ta' politika f’setturi speċifiċi. Xi eżempji huma:

· id-Direttiva dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni Ambjentali u d-Direttiva INSPIRE[8], immirati lejn l-iktar tixrid wiesa' possibbli tal-informazzjoni ambjentali u l-armonizzazzjoni tas-settijiet tad-dejta ewlenin;

· il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Għarfien dwar il-Baħar tal-2020[9], li fost affarijiet oħra timmira li tagħmel id-dejta tal-baħar eħfef u irħas biex tintuża;

· l-inizjattivi fi ħdan il-Pjan ta' Azzjoni[10] għall-Iskjerament ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport (STI) tal-2008, li fost affarijiet oħra jħarsu lejn l-aċċess tal-fornituri ta’ servizzi privati għal informazzjoni dwar l-ivvjaġġar u t-traffiku fil-ħin reali;

· il-politika tal-Kummissjoni dwar l-aċċess miftuħ għall-informazzjoni xjentifika[11], li jinkludi strateġija pilota għal aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet li jirriżultaw minn proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u Infrastruttura elettronika pan-Ewropea tar-Repożitorji tal-Open Access parteċipatorja; Ir-repożitorju tal-pubblikazzjonijiet tal-JRC huwa wkoll rilevanti f'dan il-kuntest.

· il-politiki għad-diġitizzazzjoni tal-wirt kulturali u l-iżvilupp tal-Europeana, il-librerija diġitali, l-arkivju u l-mużew tal-Ewropa, jimmiraw li jiżguraw l-iktar użu wiesa' possibbli tal-materjal kulturali diġitizzat u l-metadejta relatata.

L-użu mill-ġdid tad-dejta tas-settur pubbliku, kemm għall-finijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali, għandu jirrispetta bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni dwar il-privatezza Ewropea u nazzjonali. L-għanijiet tal-promozzjoni tad-dejta miftuħa tal-gvern u tal-protezzjoni tad-dejta personali jistgħu jirrinforzaw lil xulxin jekk ikunu bbażati fuq ġestjoni ta' informazzjoni proattiva u konxja mis-settur pubbliku.

Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta' politiki dwar id-dejta miftuħa għandha tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ partijiet terzi u tal-obbligi tal-Unjoni Ewropea skont it-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

3.2.2. Kofinanzjament ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni (R&Ż&I)

Il-Kummissjoni appoġġat id-dejta miftuħa permezz tal-programmi tagħha ta' finanzjament, partikolarment il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp, il-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, u l-programm ISA. Il-proġetti jkopru firxa ta' oqsma ta' riċerka u ta’ applikazzjoni u tipi ta' organizzazzjonijiet.

Il-proġett Linked Open Data (LOD2)[12] beda f'Settembru 2010 u se jkompli għal 4 snin. Huwa jindirizza l-isfruttament tal-internet bħala pjattaforma għall-integrazzjoni tad-dejta u l-informazzjoni, u l-użu ta’ teknoloġiji semantiċi biex jagħmlu d-dejta tal-gvern iktar użabbli.

Il-proġett OpenAIRE[13], li beda f’Diċembru 2009 ma' msieħba minn 25 pajjiż tal-UE u diversi pajjiżi assoċjati, jimmira li tinbena infrastruttura parteċipattiva għall-inizjattivi Pilota tal-KE għall-Aċċess Miftuħ għall-Informazzjoni li toħroġ mir-Riċerka.

L-Azzjoni ISA dwar l-interoperabilità semantika (SEMIC.EU)[14] tippromwovi l-idea ta' Metadejta Miftuħa tal-Gvern bħala l-ewwel pass lejn l-allinjament tal-metadejta kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll Ewropew.

3.2.3. Inwettqu dak li ngħidu

Fl-2006, il-Kummissjoni stabbilixxiet politika miftuħa ta' użu mill-ġdid għar-riżorsi tal-informazzjoni tagħha stess permezz tad-Deċiżjoni dwar l-Użu mill-ġdid tal-Informazzjoni tal-Kummissjoni. Din tagħmel disponibbli l-informazzjoni kollha tal-Kummissjoni li tkun ġeneralment aċċessibbli għal finijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Eżempji huma d-dejta tal-Eurostat u l-memorji tat-traduzzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE. L-informazzjoni hija normalment disponibbli mingħajr ħlas, jew f’każijiet eċċezzjonali bi tpattija għal spejjeż marġinali tat-tixrid.

4. Sfidi u Opportunitajiet 4.1. Opportunitajiet ġodda permezz tal-progress teknoloġiku

Diversi żviluppi jħeġġu opportunitajiet ġodda għall-użu mill-ġdid tad-dejta, inkluż dejta tas-settur pubbliku, bi prodotti u servizzi ġodda tal-informazzjoni.

L-ewwel nett, l-ammont tad-dejta fid-dinja huwa enormi. F’April 2011 biss, il-US Library of Congress ġabret 235 terabytes ta' dejta[15]. Huwa mistenni tkabbir ta’ 40 % fid-dejta globali ġġenerata kull sena.

Parti minn dan it-tkabbir ġej minn tipi ġodda ta' dejta. F’setturi bħal ma huma dawk tat-trasport, tal-karozzi, tal-forniment ta' servizzi pubbliċi u setturi oħra, wieħed diġà jsib iktar minn 30 miljun nodi f’netwerks ta' sensers[16].

Fl-istess ħin, qed nassistu għal revoluzzjoni fit-teknoloġiji tal-analiżi, l-isfruttament u l-ipproċessar tad-dejta, pereżempju dwar it-tfittix multilingwi u l-estrazzjoni awtomatika tas-sinifikat minn netwerks ta' sensers.

4.2. L-isfidi u l-ostakoli li fadal

F’dawn l-aħħar snin sar xi progress sabiex id-dejta pubblika ssir aktar miftuħa, imma diversi ostakli jibqgħu jippersistu.

Il-qafas legali

Minkejja l-armonizzazzjoni minima fl-2003 permezz tad-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, jibqgħu jippersistu differenzi sinifikanti fir-regoli u l-prattiki nazzjonali. Dan iwassal għall-frammentazzjoni tas-suq tal-informazzjoni interna u jfixkel il-ħolqien ta’ servizzi ta’ informazzjoni transkonfinali.

Id-differenzi huma l-iktar ċari fir-rigward tal-ħlas, fejn f'ċertu każijiet ikunu bi rkupru tal-ħlas u f’każijiet oħra, l-użu mill-ġdid ikun bla ħlas jew prattikament bla ħlas. Analiżi ta’ studji riċenti tindika li mil-lat makroekonomiku, il-mudell tad-dejta miftuħa jwassal għal riżultati kumplessiv aħjar[17]. Serje ta' studji ta' każijiet dwar l-entitajiet tas-settur pubbliku li biddlu minn irkupru sħiħ tal-ispiża għal sistema ta' spejjeż marġinali juri li l-bidla mhux biss żiedet l-użu mill-ġdid, imma minnha bbenefikaw ukoll il-korpi tas-settur pubbliku kkonċernati[18]. Barra minn hekk, l-approċċ tad-dejta miftuħa jelimina t-tendenzi monopolistiċi possibbli bbażati fuq dejta ta' sors wieħed.

L-għarfien ta' organizzazzjonijiet u negozji pubbliċi

Fattur ewlieni ieħor huwa n-nuqqas ta’ għarfien fost l-organizzazzjonijiet pubbliċi tal-potenzjal tad-dejta miftuħa. Għad hemm biża' kbir li jintilef il-kontroll. Uħud mill-preokkupazzjonijiet huma leġittimi, bħall-protezzjoni tal-privatezza, tas-sigurtà nazzjonali u l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ partijiet terzi. Argumenti oħra jidhru li iktar huma skużi biex ma titteħidx azzjoni[19].

Biex tinbidel il-mentalità tal-amministrazzjonijiet jeħtieġ impenn politiku qawwi fl-ogħla livell u djalogu dinamiku bejn il-partijiet interessati, inklużi l-amministrazzjonijiet u d-detenturi tad-dejta pubblika, in-negozji u l-komunità akkademika. Każijiet ta' pilota u ta' testijiet, il-qsim tal-prattiki tajba, u l-kampanji tal-mobilizzazzjoni (li pereżempju jużaw kompetizzjonijiet ta’ dejta miftuħa) jistgħu jgħinu biex is-settur pubbliku jadotta kultura ta’ dejta miftuħa. Dan se jżid ukoll l-għarfien tan-negozji dwar id-disponibbiltà tad-dejta u l-opportunitajiet li toffri.

Ostakoli prattiċi u tekniċi

Fl-aħħar nett, hemm kwistjonijiet prattiċi u tekniċi li jridu jiġu indirizzati. L-ostakli tal-lingwa u l-kwistjonijiet tal-interoperabbiltà jeħtieġ li jiġu indirizzati sabiex ir-riżorsi ta’ informazzjoni minn organizzazzjonijiet u pajjiżi differenti jkunu jistgħu jintużaw flimkien. Id-disponibbiltà tal-informazzjoni f’format li jkun leġibbli mekkanikament kif ukoll bħala saff irqiq ta’ metadejta maqbula b'mod komuni jistgħu jiffaċilitaw il-kontroreferenza u l-interoperabbiltà tad-dejta u għalhekk, itejbu l-valur tagħha għall-użu mill-ġdid b'mod konsiderevoli. U l-infrastruttura teknika jeħtieġ li tkun fis-seħħ biex tiżgura d-disponibbiltà tal-informazzjoni fit-tul. Barra minn hekk, jenħtieġ iktar appoġġ għar-R&Ż u l-innovazzjoni fl-għodod tal-analiżi tad-dejta u tal-viżwalizzazzjoni.

4.3. Konklużjoni

L-isfruttament tad-dejta pubblika għandu potenzjal enormi għall-ekonomija tal-UE u l-benessri tal-konsumatur. Madankollu, l-għodod regolatorji eżistenti u l-implimentazzjoni tagħhom, in-nuqqas ta’ għarfien tal-amministrazzjonijiet u n-negozji u l-adozzjoni bil-mod tat-teknoloġiji innovattivi qed iżommu lura l-iżvilupp ta’ suq veru għall-użu mill-ġdid tad-dejta pubblika u ma jippermettux li jittieħdu l-benefiċċji massimi minn opportunitajiet ġodda li joffru d-dejta u t-teknoloġiji evolventi.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet wasslu lill-Kummissjoni biex tirrevedi u ssaħħaħ l-istrateġija tad-dejta pubblika tagħha billi tiffoka fuq il-qafas legali għall-użu mill-ġdid u l-għodod disponibbli għall-appoġġ.

5. Azzjonijiet fil-livell Ewropew: L-istrateġija riveduta għad-dejta pubblika miftuħa

L-istrateġija riveduta tal-Kummissjoni hija mibnija fuq tliet komponenti kumplimentari:

· L-adozzjoni tal-qafas għall-użu mill-ġdid tad-dejta, inklużi miżuri legali, miżuri ta' liġi mhux vinkolanti u miżuri ta' politika,

· Il-mobilizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji billi tingħata prijorità lid-dejta miftuħa fi programmi ta’ R&Ż&I u tal-infrastruttura,

· L-iffaċilitar tal-koordinazzjoni u l-iskambju tal-esperjenza bejn l-Istati Membri.

5.1. Qafas leġiżlattiv rivedut li jwassal għall-ftuħ u l-użu mill-ġdid

Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata bi proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku, billi:

– Tintroduċi l-prinċipju li l-informazzjoni pubblika kollha li mhijiex espliċitament koperta b'waħda mill-eċċezzjonijiet tista' terġa' tintuża mill-ġdid għal finijiet kummerċjali u mhux kummerċjali;

– Tiffissa l-ammont li jista' jiġi impost għall-informazzjoni tas-settur pubbliku għal mhux aktar mill-ispejjeż marġinali ta' tixrid; f'każijiet eċċezzjonali biss jibqa’ possibbli li jiġu imposti l-ispejjeż kollha għall-produzzjoni u t-tixrid tal-informazzjoni.

– Tespandi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva biex jinkludi l-libreriji, l-arkivji, il-mużewijiet u l-libreriji tal-universitajiet, għalkemm b’mod li jillimita l-effetti finanzjarji possibbli u li ma jimponix piż amministrattiv kbir fuq dawn l-istituzzjonijiet.

Anke għal entitajiet oħra tas-settur pubbliku, il-modifikazzjonijiet fid-Direttiva se jinvolvu piż finanzjarju u amministrattiv limitat li huwa ferm ikbar mill-benefiċċji mistennija għas-soċjetà inġenerali.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed taġġorna r-regoli dwar l-użu mill-ġdid tar-riżorsi tal-informazzjoni tagħha stess. Il-bidliet ewlenin jikkonċernaw l-inklużjoni ta' informazzjoni tar-riċerka prodotta miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka, miżuri li jtejbu l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni, u dispożizzjoni dwar formati li huma leġibbli mekkanikament. Fl-2012, il-Kummissjoni se tesplora jekk u kif regoli simili jiġu adottati mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u mill-aġenziji Ewropej ewlenin.

Fl-inizjattivi leġiżlattivi u ta’ politika tagħha li se tieħu f'oqsma bħat-trasport, l-ambjent, il-politika marittima u l-politika dwar l-ispazju, il-Kummissjoni se tikkunsidra bis-sħiħ l-opportunitajiet offruti mid-dejta miftuħa. Fejn rilevanti, se tmur lil hinn mill-kundizzjonijiet minimi stabbiliti bid-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, sabiex jiġi żgurat l-iktar użu wiesa' possibbli tar-riżorsi tad-dejta.

5.2. Liġi mhux vinkolanti għal informazzjoni ta' riċerka miftuħa

Minħabba l-ispeċifiċitajiet tad-dejta tar-riċerka, il-Kummissjoni se tistabbilixxi fid-dettall u f'dokumenti separati l-istrateġija tagħha għal dejta xjentifika u tar-riċerka u infrastrutturi assoċjati. Fl-2012, il-Kummissjoni biħsiebha tadotta Komunikazzjoni u Rakkomandazzjoni dwar l-aċċessibbiltà u l-preservazzjoni tal-informazzjoni xjentifika. Se taħdem mal-Istati Membri sabiex iħaffu l-attivitajiet tagħhom biex jipprovdu aċċess miftuħ għall-informazzjoni xjentifika abbażi ta’ sett konkret ta’ miżuri. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tispjega fid-dettall kif se tittratta r-riżultati tar-riċerka ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea.

5.3. Miżuri finanzjarji u ta’ appoġġ Stimulazzjoni tar-R&Ż&I f’dejta miftuħa

Il-Kummissjoni, permezz tal-programmi ta' finanzjament tagħha, se tkompli tistimula l-attivitajiet sabiex id-dejta tal-gvern tkun aktar aċċessibbli. Biex tistimula s-suq, biex tittestja u tippromwovi l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi, u biex tiżgura l-iktar adozzjoni wiesgħa possibbli tad-dejta miftuħa, il-Kummissjoni se tuża strumenti differenti.

(1) L-appoġġ għar-R&Ż

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa r-R&Ż fit-teknoloġiji li jimmaniġġjaw id-dejta, eż. it-tiftix tad-dejta, l-analitika jew il-viżwalizzazzjoni. Matul il-perjodu 2011-2013, il-Kummissjoni se tonfoq madwar EUR 100 miljun fir-R&Ż f'dawn l-oqsma. Il-ġestjoni tal-informazzjoni wkoll hija waħda mill-oqsma prijoritarji maħsuba għall-ICT fl-Orizzont 2020, li se jkopri l-appoġġ tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-perjodu 2014-2020.

Il-Kummissjoni se tappoġġa l-innovazzjoni u l-adozzjoni tat-teknoloġija permezz ta' azzjonijiet pilota, ta’ ttestjar u ta’ wiri ta' applikazzjonijiet innovattivi bħalma huma s-sistemi tal-informazzjoni ġeografika (GIS) u s-servizzi ta’ lokalizzazzjoni u applikazzjonijiet ta' kontenut kreattiv fl-edukazzjoni, il-kultura jew il-moda. Dawn se jiġu appoġġati mill-programm CIP-ICT PSP fl-2012-13 u huwa previst appoġġ ulterjuri fl-ambitu tal-Orizzont 2020.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tgħin biex torganizza kompetizzjonijiet tad-dejta miftuħa biex tippromwovi l-iżvilupp ta' servizzi ġodda tal-informazzjoni, u jittieħdu inizjattivi biex itejbu l-aċċess għall-kapital għall-imprendituri li jibnu servizzi tal-informazzjoni ġodda bbażati fuq id-dejta tas-settur pubbliku.

(2) Appoġġ għal infrastrutturi tad-dejta — il-portali tad-dejta għall-Ewropa

Sabiex tiffaċilita l-iżvilupp tal-prodotti u s-servizzi tal-informazzjoni li jużaw dejta minn madwar l-Unjoni Ewropea kollha, il-Kummissjoni se taħdem sabiex toħloq żewġ portali tad-dejta Ewropej interkonnessi.

Fl-2012, il-Kummissjoni se tibda topera portal li se jagħmel ir-riżorsi tad-dejta tagħha stess u dawk ta’ istituzzjonijiet u aġenziji oħra Ewropej aċċessibbli u użabbli faċilment. Fl-istess ħin, id-definizzjonijiet tal-metadejta b'potenzjal għoli ta' użu mill-ġdid se jiġu identifikati u promossi. Il-kundizzjonijiet standard għall-użu se jkollhom l-għan li jiżguraw l-iktar adozzjoni wiesgħa possibbli ta' dejta Ewropea fis-servizzi innovattivi tal-informazzjoni, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Istati Membri, l-entitajiet tas-settur pubbliku u aggregaturi reġjonali biex tistabbilixxi l-portal pan-Ewropew tad-dejta li se jibda jopera fl-2013, u li se jagħti aċċess dirett lil firxa ta' settijiet tad-dejta minn madwar l-UE (inkluża d-dejta disponibbli permezz tal-portal tal-Kummissjoni). Fejn possibbli, il-ħidma se tkompli fuq strutturi u żviluppi eżistenti, u l-portal se jespandi gradwalment il-kontenut tiegħu biex ikopri s-settijiet tad-dejta ewlenin mill-Istati Membri kollha.

Fil-fażi tal-bidu (2011-2013) se jiġi pprovdut appoġġ mill-programm CIP. Fil-perjodu 2014-2020, il-finanzjament tal-infrastruttura Ewropea għas-servizzi elettroniċi għad-dejta pubblika se jiġi mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa[20].

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa wkoll l-attivitajiet ta' diġitizzazzjoni u l-iżvilupp tal-pjattaforma Europeana li tindirizza aspett importanti tal-użu mill-ġdid tad-dejta.

(3) Appoġġ għal infrastrutturi tad-dejta tar-riċerka

Minbarra l-appoġġ li tagħti fl-ambitu tal-FP7, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tkompli tagħti l-appoġġ tagħha fil-qafas tal-Orizzont 2020 għall-iżvilupp ta' infrastruttura tas-servizzi persistenti u soda għad-dejta xjentifika fl-Ewropa li twieġeb għall-ħtiġijiet tax-xjenza u r-riċerka intensivi fid-dejta tal-2020, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport “Riding the Wave”. Din l-infrastruttura għandha tippermetti l-aċċess u interazzjoni għal fluss kontinwu ta’ informazzjoni, minn dejta ta' osservazzjoni mhux ipproċessata u dejta sperimentali sa pubblikazzjonijiet fl-oqsma kollha tax-xjenza.

Din l-infrastruttura tinkludi aspetti tekniċi, organizzattivi u regolatorji li jeħtieġu koordinazzjoni estensiva mal-Istati Membri u wkoll mal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali biex ikunu żgurati l-interoperabbiltà u l-aċċess reċiproku. Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-imsieħba internazzjonali tagħna biex tiżviluppa standards għall-aċċess u l-interoperabbiltà tad-dejta globali.

5.4. Miżuri ta’ koordinazzjoni fuq il-livell tal-Istati Membri u tal-UE

Il-Kummissjoni se tkompli tiffaċilita l-koordinazzjoni u l-iskambju tal-esperjenza bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari permezz ta':

· Il-grupp PSI, grupp ta’ esperti tal-Istati Membri għall-iskambju ta' prattiki tajbin u inizjattivi li jappoġġaw l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku,

· Il-pjattaforma tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku. Dan il-portal tal-internet jipprovdi aħbarijiet dwar l-iżviluppi Ewropej, prattiki tajba, eżempji ta' prodotti u servizzi ġodda, u kawżi legali li jikkonċernaw l-użu mill-ġdid tal-PSI,

· In-netwerk LAPSI, li janalizza kwistjonijiet legali relatati ma’ informazzjoni tas-settur pubbliku u li jippromwovi id-dibattitu fost ir-riċerkaturi u l-partijiet interessati. Se jipproduċi sett ta' linji gwida għall-politiki u l-prattiki tal-aċċess u l-użu mill-ġdid,

· L-azzjoni ISA dwar l-interoperabbiltà semantika.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa u tipparteċipa fil-gruppi konsultattivi tal-politika bħall-Forum ta' Politika dwar l-Infrastruttri elettroniċi u l-Grupp ta’ Riflessjoni dwar l-Infrastruttri elettroniċi, li huma importanti għall-koordinazzjoni tal-infrastrutturi tad-dejta xjentifika bejn l-Istati Membri.

6. Konklużjoni

L-informazzjoni prodotta, miġbura jew imħallsa minn organizzazzjonijiet pubbliċi madwar l-Unjoni Ewropea hija riżorsa ewlenija fl-ekonomija tal-informazzjoni. Bħalissa, il-potenzjal sħiħ tagħha għadu 'l bogħod milli jseħħ. F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tipproponi passi konkreti biex jilliberaw il-potenzjal tar-riżorsi tas-settur pubbliku tal-Ewropa, li jvarjaw minn reviżjoni tad-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku sal-ħolqien ta’ portal pan-Ewropew.

L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu sabiex id-dejta miftuħa ssir realtà permezz ta' adozzjoni, traspożizzjoni u implimentazzjoni rapidi tad-Direttiva riveduta dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku. Dan se joħloq il-kundizzjonijiet għall-attività ekonomika bbażata fuq dejta miftuħa u se jistimula l-applikazzjonijiet transkonfinali.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jifformulaw u jimplimentaw il-politiki dwar id-dejta miftuħa billi jadottaw eżempji ta' prattika tajba minn madwar l-UE. L-appoġġ għandu pereżempju jingħata lill-piloti tad-dejta miftuħa u lill-kompetizzjonijiet tad-dejta miftuħa, b'mod partikolari dawk li jimmiraw lejn l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi transkonfinali.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-portal pan-Ewropew tad-dejta. Il-Kummissjoni se tidħol f’diskussjonijiet ma’ esperti mill-Istati Membri sabiex ikun żgurat li l-portal ikollu pedament sod. Matul il-fazi tal-iskjerament, l-Istati Membri ser ikollhom jagħmlu disponibbli firxa wiesgħa ta' settijiet tad-dejta permezz tal-portal biex ibiddluh f’servizz ta' suċċess u bażi għall-attività ekonomika.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, biex joħolqu l-kundizzjonijiet ta’ qafas tajbin għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku madwar l-Unjoni Ewropea, u biex jappoġġaw il-proġetti u l-infrastrutturi li jistgħu jbiddlu d-dejta pubblika tal-Ewropa f'mezz għall-innovazzjoni, it-tkabbir u t-trasparenza.

Strateġija tad-dejta miftuħa, il-miżuri ewlenin

Il-qafas leġiżlattiv

· Il-proposta għal reviżjoni ta' Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, Diċembru 2011;

· Ir-reviżjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tal-Kummissjoni, Diċembru 2011; Ħidma biex is-sistema tiġi estiża għal Istituzzjonijiet u Aġenziji Ewropej oħra, 2012;

· Id-dejta miftuħa għandha tiddaħħal f'inizjattivi leġiżlattivi u ta' politika settorjali.

Portali u pjattaformi Ewropej tad-dejta miftuħa

· Portal li jagħti aċċess għad-dejta tal-Kummissjoni u dejta minn istituzzjonijiet u aġenziji oħra tal-UE, rebbiegħa 2012;

· Tnedija ta' portal pan-Ewropew tad-dejta, li jagħti aċċess għas-settijiet tad-dejta minn madwar l-UE, rebbiegħa 2013, wara l-ħidma preparatorja mal-Istati Membri mill-2011;

· Kofinanzjament tal-infrastruttura Ewropea għas-servizzi elettroniċi għad-dejta miftuħa permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2014-2020.

Dejta miftuħa għax-xjenza

· Komunikazzjoni u Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri dwar informazzjoni xjentifika, kmieni fl-2012;

· Espansjoni tal-inizjattiva pilota ta' aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi għall-Orizzont 2020 kollu u inizjattiva pilota b’aċċess miftuħ għad-dejta tar-riċerka.

Riċerka u innovazzjoni

· Proġetti tar-riċerka u l-innovazzjoni rilevanti għad-dejta miftuħa, b’mod partikolari permezz tal-FP7, il-programm CIP u Orizzont 2020, b'finanzjament għall-infrastrutturi tar-riċerka li jappoġġaw l-aċċess miftuħ għal artikli u d-dejta tar-riċerka;

· Kompetizzjonijiet tad-dejta miftuħa (2012-2013) u aċċess imtejjeb għall-kapital għall-imprendituri f'dan il-qasam.

Miri

Il-Kummissjoni impenjat ruħha li:

· fl-2012 tniedi portal tad-dejta miftuħa tal-Kummissjoni.

· fl-2013 tniedi portal pilota b'interfaċċja multilingwi u b'faċilitajiet ta' tiftix, b'settijiet ta' dejta minn madwar l-UE.

Il-ħidma mal-Istati Membri għandha twassal għal:

· formulazzjoni u implimentazzjoni ta' politiki dwar dejta pubblika miftuħa fl-Istati Membri kollha minn kmieni fl-2013.

· 1/3 tad-dejta kollha strutturata tal-gvern disponibbli fl-Istati Membri tkun tista’ tiġi mfittxa permezz tal-portal pan-Ewropew tad-dejta sal-2015.

L-impatt kumplessiv previst:

· sal-2017 (tliet snin wara d-data mistennija għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku), il-benefiċċji kumplessivi tal-użu mill-ġdid tal-PSI mistennija jilħqu EUR 100 biljun fis-sena fl-UE, inkluż l-iżvilupp ta' negozji ġodda u żieda fl-effiċjenza fis-servizzi tas-settur pubbliku.

[1]               Il-kunċetti ta' "dejta" u "informazzjoni" kif użati f'din il-Komunikazzjoni huma interkambjabbli u jirreferu għal kwalunkwe kontenut ikun xi jkun il-mezz tiegħu.

[2]               http://www.official-documents.gov.uk/document/cm76/7650/7650.pdf.

[3]               Valutazzjoni tal-użu mill-ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku fl-Informazzjoni Ġeografika, is-setturi tal-Informazzjoni Meteoroloġika u tal-Informazzjoni Legali, MICUS, Diċembru 2008.

[4]               G. Vickery, Awwissu 2011.

[5]               Ir-rapport Mc Kinsey dwar ‘’, Mejju 2011.

[6]               Ir-rapport finali tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar id-Dejta Xjentifika, Ottubru 2010.

[7]               ĠU L 345/90, 31.12.2003.

[8]               Id-Direttivi 2003/4/KE, ĠU L 41/26, 14.2.03 u 2007/2/KE, ĠU L 108/1, 14.3.2007.

[9]               COM(2010) 461 finali.

[10]             COM(2008) 886 finali/2

[11]             Komunikazzjoni dwar informazzjoni xjentifika fl-era diġitali, COM (2007) 56, Komunikazzjoni dwar Infrastrutturi tal-ICT għax-Xjenza elettronika COM(2009) 108 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill relatati.

[12]             http://lod2.eu/.

[13]             http://www.openaire.eu/.

[14]             http://www.semic.eu/

[15]             McKinsey, op.cit.

[16]             idem.

[17]             G. Vickery, op.cit.

[18]             Studju dwar , Deloitte Consulting u oħrajn, Ġunju 2011.

[19]             Xi eżempji fuq http://www.dr0i.de/lib/2011/07/04/a_sample_of_data_hugging_excuses.html

[20]             Ara l-proposti tal-Kummissjoni għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, COM(2011)665, COM(2011)657/3.

Top