EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0561

KTIBA ĦADRA Politika tal-Awditjar: Lezzjonijiet mill-Kriżi

/* KUMM/2010/0561 finali */

52010DC0561

/* KUMM/2010/0561 finali */ KTIBA ĦADRA Politika tal-Awditjar: Lezzjonijiet mill-Kriżi


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 13.10.2010

KUMM(2010) 561 finali

KTIBA ĦADRA

Politika tal-Awditjar: Lezzjonijiet mill-Kriżi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Ir-rwol tal-Awditur 6

2.1. Komunikazzjoni mill-awdituri lill-partijiet interessati 7

2.2. Standard Internazzjonali tal-Awditjar (ISAs) 10

3. Governanza u Independenza tad-Ditti tal-Awditjar 11

4. Superviżjoni 14

5. Konċentrazzjoni u struttura tas-suq 16

6. Ħolqien ta’ suq Ewropew 18

7. Simplifikazzjoni: Intrapriżi u Prattikanti Żgħar u ta’ daqs Medju 19

7.1. Intrapriżi Żgħar u ta’ daqs Medju (SMEs) 19

7.2. Prattikanti Żgħar u ta’ daqs Medju (SMPs) 20

8. Il-kooperazzjoni internazzjonali 20

9. Il-passi li jmiss 22

KTIBA ĦADRA

Politika tal-Awditjar: Lezzjonijiet mill-Kriżi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

INTRODUZZJONI

Il-miżuri adottati kemm fl-Ewroepa kif ukoll lil hinn minnha immedjatament wara l-kriżi finanzjarja ffukaw fuq il-bżonn urġenti li tiġi stabilizzata s-sistema finanzjarja[1]. Filwaqt li r-rwol tal-banek, fondi ħeġġ, aġenziji tal-klassifikazzjoni, superviżuri jew banek ċentrali kien ikkontestat u analizzat fil-fond f'diversi okkażjonijiet, s’issa ftit ingħatat attenzjoni dwar kif il-funzjoni tal-awditjar tista’ tittejjeb biex tikkontribwixxi għall-istabilità finanzjarja. Il-fatt li għadd ta’ banek irrivelaw telfiet kbar bejn l-2007 u l-2009 fil-pożizzjonijiet tagħhom kemm dawk inklużi kif ukoll dawk esklużi fil-karta bilanċjali, mhux biss iqajjem tħassib dwar kif l-awdituri setgħu jagħtu rapporti tal-awditjar pożittivi lill-klijenti tagħhom għal dawk il-perjodi[2] imma wkoll dwar l-idonjetà u l-adegwatezza tal-qafas leġiżlattiv attwali. Għalhekk jidher xieraq li kemm ir-rwol tal-awditjar kif ukoll l-ambitu tal-awditjar ikunu diskussi u skrutinizzati fil-kuntest ġenerali tar-riforma regolatorja tas-swieq finanzjarji.

Il-Kummissjoni interessata tieħu rwol ta’ tmexxija fil-livell internazzjonali f’dan id-dibattitu u ser tfittex il-kooperazzjoni mill-qrib tas-sħab globali tagħha fil-Bord għall-Istabilità Finanzjarja u l-G20. L-awditjar, flimkien mas-superviżjoni u l-governanza korporattiva, għandu jkun kontributur ewlieni għall-istabilità finanzjarja minħabba li jipprovdi aċċertament dwar il-veraċità tas-saħħa finanzjarja tal-kumpaniji kollha. Dan l-aċċertament għandu jnaqqas ir-riskju ta’ dikjarazzjoni skorretta, u għaldaqstant, inaqqas il-kost tal-falliment li inkella jkollu jiġġarrab mill-azzjonisti tal-kumpanija kif ukoll mis-soċjetà inġenerali. Awditjar robust, huwa kruċjali biex jiġu ristabbiliti l-fiduċja u l-kunfidenza fis-swieq. jikkontribwixxi għall-protezzjoni għall-investituri u jnaqqas il-kost tal-kapital għall-kumpaniji.

F’dan il-kuntest, huwa importanti li jinsaħaq li l-awdituri għandhom rwol important u jingħataw il-kompetenza bil-liġi biex iwettqu awditi statutorji. Din il-kompetenza twieġeb għall-qadi tar-rwol soċjetali billi tipprovdi opinjoni dwar il-verità u l-ġustizzja tar-rapporti finanzjarji tal-entitajiet awditjati. L-indipendenza tal-awdituri għandha għalhekk tkun is-sies tal-ambjent tal-awditjar. Wasal iż-żmien li niflu l-qadi vera ta' din il-kompetenza soċjetali. Ċerti partijiet interessati esprimew preokkupazzjonijiet2,[3],[4] fir-rigward tar-rilevanza tal-awditi fl-ambjent tan-negozju tal-lum. Għal partijiet interessati oħra jista’ jkun diffiċli li jifhmu li r-rapporti finanzjarji ta’ istituzzjoni jistgħu jissuġġerixxu “raġonevolezza” u “sodezza materjali” anki jekk l-istess istituzzjoni kienet, fil-fatt, f’taqlib finanzjarju. Fid-dawl li dawn il-partijiet interessati jistgħu ma jkunux konxji mil-limitazzjonijiet ta’ awditu (materjalità, tekniki ta’ kampjunar, ir-rwol tal-awditur fid-detezzjoni ta’ frodi u r-responsabilità tal-maniġment), dan joħloq diskrepanza fl-aspettazzjonijiet. Il-Kummissjoni għalhekk taħdem favur il-ħtieġa ta’ dibattitu komprensiv dwar x’jeħtieġ isir biex jiġi żgurat li kemm l-awditi tar-rapporti finanzjarji kif ukoll ir-rapporti tal-awdituri jkunu “idonei”

Minn perspettiva strutturali usa’, il-Kummissjoni tinnota li l-aħħar żewġ deċenji kienu xhieda ta’ konsolidazzjoni ta’ ditti kbar f’ditti saħansitra akbar. Wara l-waqgħa ta’ Arthur Andersen illum hemm ftit ditti kbar globali bħal dawn, b’għadd iżgħar ta' ditti li huma kapaċi jwettqu awditi fuq istituzzjonijiet kbar u kumplessi. Il-kollass potenzjali ta’ waħda minn dawn id-ditti mhux biss jista’ jqalleb d-disponibbiltà tal-informazzjoni finanzjarja awditjata dwar kumpaniji kbar, imma tista’ wkoll tippreġudika l-fiduċja u l-kunfidenza tal-investituri u timpatta fuq l-istabilità tas-sistema finanzjarja kumplessivament. Għalhekk huwa possibbli li jitqies li kull waħda minn dawn id-ditti globali kbar laħqu proporzjonijiet sistemiċi[5]..Bħal fil-każ ta’ istituzzjonijiet kbar oħra fis-settur finanzjarju, jeħtieġ li jiġu esplorati modi għall-mitigazzjoni tar-riskju.

Kunsiderazzjoni importanti oħra hija dwar jekk ditta tal-awditjar għandhiex titħalla ssir daqstant importanti li l-waqgħa tagħha tqalleb gravement is-suq5. Minkejja li l-isforzi ta’ ditti kbar biex jimminimizzaw ir-riskju tal-falliment intlaqgħu tajjeb, il-preokkupazzjonijiet huwa dwar il-mistoqsija ċentrali dwar jekk tali ditti “wisq kbar biex ifallu” potenzjalment jistgħux joħolqu r-riskju ta’ periklu morali. Huwa sabiex jiġu indirizzati dawn il-preokkupazzjonijiet u biex jinżamm l-approċċ li qed jitqies fis-settur bankarju, li l-kunċetti ta’ falliment ordinat, inkluż it-testmenti bioloġiċi, għandhom jiġu esplorati proattivament għal tali ditti sistemiċi.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-kontinwità fid-disponibilità ta' servizzi tal-awditjar għall-kumpaniji kbar hija kruċjali għall-istabilità finanzjarja[6]. Għal dan il-għan, għandhom jiġu eżaminati aktar l-alternattivi bħall-awmentazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ ditti nonsistemiċi u l-esplorazzjoni tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tat-“tiċkin” jew “ristrutturar” ta’ ditti sistemiċi. Il-Kummissjoni tixtieq ukoll tesplora l-possibilitajiet biex jitnaqqsu l-ostakli eżistenti għad-dħul fis-suq tal-awditjar, inkluż dibattitu dwar ir-regoli eżistenti dwar is-sjieda u l-mudell ta' sħubija mħaddem mill-biċċa l-kbira tad-ditti tal-awditjar.

Kwalunkwe konfigurazzjoni tas-suq għandha tkun akkumpanjata minn sistema superviżorja effikaċi li tkun totalment indipendenti mill-professjoni tal-awditjar. Bidliet strutturali fin-netwerks globali ma għandhomx jitħallew jirriżultaw f’xi vojt jew esklużjonijiet mis-sorvlejanza.

Jista’ jkun hemm suq singolu ġenwin għall-forniment tas-servizzi tal-awditjar ibbażat fuq armonizzazzjoni mtejba tar-regoli u l-ħolqien ta’ “passaport Ewropew” għall-awdituri li jkun jippermettilhom jipprovdu s-servizzi fl-UE kollha.

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni tixtieq tiftaħ dibattitu dwar ir-rwol tal-awditur, il-governanza u l-indipendenza tad-ditti tal-awditjar, is-superviżjoni tal-awdituri, il-konfigurazzjoni tas-suq tal-awditjar, il-ħolqien ta’ suq uniku għall-forniment tas-servizzi tal-awditjar, is-simplifikazzjoni tar-regoli għall-Intrapriżi (SMEs) u Prattikanti (SMPs) Żgħar u ta’ daqs Medju u l-kooperazzjoni internazzjonali għas-superviżjoni ta’ affiljazzjonijiet globali tal-awditjar. Il-Kummissjoni qed tvara din il-Ktiba Ħadra bħala parti mill-approċċ olistiku li jinkludi inizjattivi oħra fil-kuntest tal-istabilità finanzjarja. Din il-Ktiba Ħadra tibni wkoll fuq ir-riżultati ta’ studji u konsultazzjonijiet imwettqa qabel mill-Kummissjoni dwar dawn il-kwistjonijiet. Partikolarment, il-Ktiba Ħadra tat-2 ta' Ġunju 2010 dwar it-tmexxija korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji u l-politiki ta’ rimunerazzjoni[7] tindirizza għadd ta’ preokkupazzjonijiet dwar l-awditu ta’ istituzzjonijiet finanzjarji. Il-Ktiba Ħadra preżenti tara li tkopri l-awditjar b'mod komprensiv, u tmur lil hinn mill-Ktiba Ħadra dwar il-Governanza Korporattiva. Ir-reazzjonijiet rilevanti dwar l-awditjar fil-Ktiba Ħadra dwar il-Governanza Korporattiva ser jitqiesu meta jiġu evalwati r-risponsi għal din il-Ktiba Ħadra.

Il-Kummissjoni tisħaq il-ħtieġa ta’ approċċ differenzjat u kalibrat li jkun adattat u proporzjonat għad-daqs u l-karatteristiċi kemm tal-kumpanija awditjata kif ukoll l-awditur tagħha u ser tfittex, fil-każ ta’ kwalunkwe proposta potenzjali li tista’ tirriżulta minn din il-Ktiba Ħadra, li dan jitqies fit-tfassil ta’ kwalunkwe proposta bħal din. Dak li jista’ jkun neċessarju għal istituzzjonijiet sistemiċi kbar mhux bilfors ikun xieraq għal kumpaniji elenkati oħra jew għall-SMEs jew SMPs. Kwalunkwe miżura li l-Kummissjoni tipproponi b’segwitu għal din il-konsultazzjoni tkun soġġetta għall-prinċipji ta’ regolazzjoni aħjar, inkluż l-analiżijiet tal-benefiċċju u l-kostijiet u l-valutazzjonijiet tal-impatt.

Il-Kummissjoni ser tkun proattiva fit-tfittxija ta’ kummenti minn firxa wiesgħa kemm jista’ jkun ta’ partijiet interessati bħal investituri, mutwanti, maniġment, impjegati, awtoritajiet pubbliċi, awdituri, awtoritajiet fiskali, aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, analisti tal-ekwità, regolaturi, kontrapartijiet tan-negozju u SMEs.

Konsultazzjoni wiesgħa ser tippermetti lill-Kummissjoni tivvaluta l-interazzjoni bejn alternattivi differenti ta’ politika filwaqt li żżomm impenn favur l-istabilità finanzjarja. Din il-konsultazzjoni ser ukoll tgħin lill-Kummissjoni tikkalibra l-intensità ta’ kwalunkwe miżura futura b’mod li tkun xierqa għad-daqs u n-natura tal-entitajiet inkwistjoni. Barra minn hekk il-Kummissjoni ser tvara studju estern biex tivvaluta l-implimentazzjoni u l-impatt tar-regoli attwali kif ukoll biex tiġbor aktar dejta dwar l-istruttura tas-suq tal-awditjar. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju ser ikunu disponibbli fl-2011.

Mistoqsijiet

1. Għandek xi rimarki ġenerali dwar l-approċċ u l-iskopijiet ta’ din il-Ktiba Ħadra?

2. Taħseb li jeħtieġ li jiġu stipulat aħjar ir-rwol soċjetali tal-awditjar fir-rigward tal-veraċità tar-rapporti finanzjarji?

3. Taħseb li l-livell ġenerali tal-“kwalità tal-awditjar” jista’ jittejjeb?

IR-RWOL TAL-AWDITUR

Il-kontijiet annwali ta’ kumpaniji b’responsabilità limitata huma meħtieġa bil-liġi li jiġu awditjati[8]. Il-fatt li r-rapporti finanzjarji tal-kumpaniji jkunu awditjati ma jfissirx li jkun hemm xi obbligu fuq l-awditur biex jiżgura li l-kontijiet awditjati jkunu totalment ħielsa mid-dikjarazzjonijiet skorretti. Meta jirrapporta li r-rapporti finanzjarji jagħtu stampa vera u ġusta skont il-qafas tar-rapportar finanzjarju rilevanti[9], l-awditur jipprovdi “aċċertament raġonevoli”[10] li r-rapporti finanzjarji kumplessivament huma ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali, kemm jekk minħabba frodi u kemm minħabba żball[11]. L-awdituri għalhekk ifittxu li jimminimizzaw ir-riskju[12] li informazzjoni finanzjarja storika, ippreżentata b’konformità ma’ qafas kontabilistiku partikolari, tkun “materjalment” iddikjarata skorrettement. Il-Kummissjoni tinnota li l-awditjar statutorju evolva minn verifika sostantiva tal-introjtu, in-nefqa, l-assi u l-obbligazzjonijiet għal approċċ ibbażat fuq ir-riskju.

Il-prassi attwali jidher li tindika li l-“aċċertament raġonevoli” imsemmi hawn fuq huwa mmirat anqas lejn l-iżgurar li r-rapporti finanzjarji jagħtu stampa vera u ġusta u aktar immirati lejn l-iżgurar li r-rapporti finanzjarji jkunu ppreparati skont il-qafas tar-rapportar finanzjarju applikabbli. Il-kriżi bankarja wriet li l-opinjonijiet tal-awditjar għandhom jiffukaw fuq “is-sustanza aktar milli l-forma” li jinkludi l-iżgurar li ma jkunx hemm arbitraġġ tad-differenzi fl-oqfsa regolatorji bejn il-ġuriżdizzjonijiet. Huwa importanti li jitqies li l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarji (IFRS) jissejsu fuq il-premessa tal-prinċipji tal-istampa vera u ġusta u s-sustanza aktar milli l-forma[13].

L-għarfien miġbur mill-awdituri esterni matul xogħlhom jista’ jkun utli għas-superviżuri u l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awdituri u l-awtoritajiet superviżorji[14]. Madankollu, tinnota li kwalunkwe kooperazzjoni ulterjuri bejn l-awdituri u s-superviżuri, minkejja li hija mixtieqa ħafna, ma għandhiex titħalla tisfoka r-responsabilitajiet rispettivi tal-awdituri u s-superviżuri.

Komunikazzjoni mill-awdituri lill-partijiet interessati

Huwa importanti li jiġi ddefinit b’mod ċar x’tip ta’ informazzjoni għandha tiġi pprovduta lill-partijiet interessati mill-awditur bħala parti mill-opinjoni u s-sejbiet tiegħu; dan mhux biss jimplika li wieħed jifli r-rapport tal-awditur imma jqis ukoll komunikazzjoni addizzjonali dwar il-metodoloġija tal-awditjar li tispjega sa fejn waslet il-verifika sostantiva tal-karta bilanċjali tal-kumpanija awditjata.

Livell ogħla ta’ aċċertament għall-partijiet interessati

Minn perspettiva ta’ utent, l-awdituri għandhom jipprovdu livell għoli ħafna ta’ aċċertament lill-partijiet interessati dwar il-komponenti fil-karta bilanċjali u l-istima ta’ dawk il-komponenti fid-data tal-karta bilanċjali. Il-Kummissjoni tixtieq tesplora l-każ għal “treġġigħ lura għal bażiku” b’attenzjoni qawwija fuq il-verifika sostantiva tal-karta bilanċjali u anqas serħan fuq il-ħidma fuq il-konformità u tas-sistemi, jiġifieri l-kompiti li għandhom jibqgħu primarjament fir-responsabilità tal-klijent u prinċipalment koperti mill-awditjar intern. L-awdituri jistgħu jiddivulgaw liema komponenti kienu verifikati direttament u liema kienu verifikati abbażi tal-ġudizzju professjonali, mudelli interni, ipoteżijiet u spjegazzjonijiet tal-maniġment. Biex joħorġu “stampa vera u ġusta”, l-awdituri għandhom jiżguraw li s-sustanza tipprevali fuq il-forma.

L-imġiba tal-awditur

Filwaqt li r-responsabilità primarja għall-għoti ta’ informazzjoni finanzjarja tajba hija tal-maniġment tal-entitajiet awditjati, l-awdituri jista’ jkollhom rwol billi attivament jikkontestaw lill-maniġment minn perspettiva tal-utent; ikun kruċjali li jiġi eżerċitat “xettiċiżmu professjonali” vis-à-vis l-entità awditja[15][16]. Tali xettiċiżmu jista’ wkoll jiġi eżerċitat fir-rigward tad-divulgazzjonijiet ewlenin fir-rapporti finanzjarji u jista’ wkoll jirriżulta f’"osservazzjonijiet”[17] xierqa fir-rapport tal-awditur. Li jeħtieġ li jiġi evitat, madankollu, huwa proliferazzjoni ta' divulgazzjonijiet li jkollhom anqas sinifikat għall-partijiet interessati.

Rapporti tal-awditur kwalifikati

Waħda mill-kwistjonijiet ewlenin fl-ambjent tal-awditjar huwa l-perċezzjoni negattiva marbuta mar-rapport tal-awditur “kwalifikat”. Dan ipperpetwa perspettiva ta’ “kollox jew xejn” fejn “kwalifiki f’rapport tal-awditjar” saru anatema kemm għall-klijenti kif ukoll għall-awdituri. Għall-kuntrarju tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni u l-analisti tal-ekwità ma hemm l-ebda kategorizzazzjoni mill-awdituri tal-klijenti awditjati; dan ġej mill-fatt li l-awdituri jesprimu opinjoni dwar kemm ir-rapporti finanzjarji huma ġusti u mhux daqstant dwar il-prestazzjoni relattiva jew bl-istess mod dwar il-kwalità relattiva tar-rapporti finanzjarji ta’ entità relatriċi waħda meta mqabbla ma’ oħra. Wieħed għandu jikkunsidra jekk materji ta’ informazzjoni, eż. riskji potenzjali, evoluzzjoni settorjali, riskji tar-rati tal-komoditajiet u tal-kambju, eċċ., li jkunu pprovduti flimkien jew bħala parti mir-rapport tal-awditur jistgħu jkunu ta’ valur akbar għall-partijiet interessati[18].

Komunikazzjoni esterna aħjar

Ir-responsabilitajiet tal-awditur li jikkomunika jistgħu jitqiesu mill-ġdid sabiex jittejjeb il-proċess kumplessiv tal-komunikazzjoni u b’hekk titkabbar il-preċezzjoni tal-valur miżjud b’awditu. Pereżempju, ir-Renju Unit riċentement irreveda l-mudell tiegħu biex ir-rapporti tal-awdituri jkunu iqsar u qed jikkunsidra li jagħmlihom aktar informattivi. Il-Kodiċi Kummerċjali Franċiż jeħtieġ li l-awdituri jiġġustifikaw pubblikament, flimkien mar-rapport tagħhom dwar il-kontijiet annwali, l-opinjoni tagħhom tal-awditjar. Dan jinkludi l-kunsiderazzjoni tagħhom tal-għażliet jew l-użu minn kumpanija tal-metodi kontabilistiċi, tal-isitimi kontabilistiċi materjali jew sensittivi, kif ukoll, jekk neċessarju, tal-elementi tal-kontroll intern.

Kunsiderazzjoni potenzjali oħra tista’ kemm mill-informazzjoni ta’ interess pubbliku li tkun magħmula disponibbli lill-awdituri, għandha tiġi kkomunikata lill-pubbliku. Eżempji ta’ tali informazzjoni tista’ tkun l-iskopertura ta’ kumpanija għar-riskji jew avvenimenti futuri, ir-riskji tal-proprjetà intellettwali, sa fejn l-assi intanġibbli jkunu affettwati avversament, eċċ.

Aspett ieħor li jeħtieġ jitqies huwa l-prontezza u l-frekwenza tal-komunikazzjoni mill-awditur lill-partijiet interessati. Spiss jingħad li l-opinjoni tal-awditur tkun “ċuċata u tard wisq”.

Komunikazzjoni interna aħjar

Għandu jiġi żgurat djalogu regolari bejn il-Kumitat tal-Awditjar tal-kumpanija, l-awditur estern, jiġifieri statutorju, kif ukoll l-awditur intern. Dan jiżgura li ma jkun hemm l-ebda skappament fil-kopertura totali tal-konformità, il-monitoraġġ tar-riskji kif ukoll il-verifika sostantiva tal-assi, l-obbligazzjonijiet, id-dħulijiet u l-ispejjeż. Eżempju tajjeb ta’ tali komunikazzjoni jinsab fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, li teħtieġ lill-awditur estern jissottometti “rapport f’forma twila” lill-bord superviżorju. Tali rapport, li ma jkunx disponibbli għall-pubbliku, jiġbor f’aktar dettall mir-rapport tal-awditur is-sejbiet fundamentali tal-awditu dwar l-assunzjoni tan-negozju avjat u s-sistemi ta’ monitoraġġ assoċjati, żviluppi u riskji futuri li tiffaċċja l-kumpanija, divulgazzjonijiet materjali, irregolaritajiet misjuba, il-metodi kontabilistiċi użati jew kwalunkwe tranżazzjoni tal-“bżar fl-għajnejn”.

Tali djalogu mtejjeb ma għandux, madankollu, jitħalla jikkomprometti l-indipendenza tal-awditur statutorju.

Responsabilità Korporattiva Soċjali u Ambjentali (CSR)

Is-CSR tirreferi għall-mod li bih kumpaniji volontarjament tintegra l-preokkupazzjonijiet soċjali u ambjentali fl-operat kummerċjali tagħhom u fl-interazzjonijiet tagħhom mal-partijiet interessati.

Regoli ta’ rapportar aktar ċari jikkontribwixxu għal valwazzjoni aħjar tal-kumpaniji tal-UE u attenzjoni aħjar lejn il-kwisjonijiet ta' sostenibilità mill-kumpaniji u l-investituri.

Sabiex jiġu żgurati l-kwalità u l-kredibilità suffiċjent tal-informzzjoni rapportata, għandha titqajjem il-kwistjoni dwar jekk jistax ikun meħtieġ kontroll indipendenti fuq l-informazzjoni rapportata u jekk l-awdituri għandhomx ikollhom rwol f’dan ir-rigward.

Estensjoni tal-mandat tal-awditur

L-attenzjoni tal-awditi sal-lum kienet l-aktar ibbażata fuq informazzjoni storika. Huwa importanti li jitqies sa fejn l-awdituri għandhom jivvalutaw informazzjoni ta’ previżjoni pprovduta mill-kumpanija, u fid-dawl tal-aċċess privileġġat tagħhom għall-informazzjoni kruċjali, sa fejn l-awdituri għandhom huma stess jagħtu profil ekonomiku u finanzjarju tal-kumpanija. Dan tal-aħħar ikun partikolarment pertinenti fil-kuntest tan-“negozju avvjat”.

Analiżi prospettiva, tal-anqas għall-kumpaniji elenkati kbar, s’issa kienet koperta mill-analisti tal-ekwità u l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Ir-rwol tal-awditur għandu għalhekk jiġi estiż f’din id-direzzjoni jekk biss ikun hemm valur miżjud reali għall-partijiet interessati.

Mistoqsijiet

4. Taħseb li l-awditi għandhom jipprovdu serħan il-moħħ dwar is-saħħa finanzjarja tal-kumpaniji? L-awditi huwa idonei għal dan l-iskop?

5. Biex tingħalaq id-diskrepanza u biex jiġi ċċarat ir-rwol tal-awditi, il-metodoloġija tal-awditjar applikata għandha tiġi spjegata aħjar lill-utenti?

6. Għandu jiġi rrinforzat ix-“xettiċiżmu professjonali”? Dan kif jista’ jintlaħaq?

7. Għandha l-perċezzjoni negattiva marbuta mall-kwalifikazzjonijiet fir-rapporti tal-awditjar tiġi rikonoxxuta? Jekk iva, kif?

8. Liema informazzjoni addizzjonali għandha tiġi pprovduta lill-partijiet interessati esterni u kif?

9. Hemm djalogu adegwat u regolari bejn l-awdituri esterni, l-awdituri interni u l-Kumitat tal-Awditjar? Jekk le, kif tista tittejjeb din il-komunikazzjoni?

10. Taħseb li l-awdituri għandu jkollhom rwol fl-iżgurar tal-affidabilità tal-informazzjoni li l-kumpaniji jirrapportaw fil-qasam tas-CSR?

11. Għandu jkun hemm komunikazzjoni aktar regolari mill-awditur lill-partijiet interessati? Barra minn hekk, għandu jitnaqqas il-perjodu ta’ żmien bejn it-temmija tas-sena u d-data tal-opinjoni tal-awditjar?

12. X’miżuri oħra jistgħu jiddaħħlu biex jittejjeb il-valur tal-awditi?

Standard Internazzjonali tal-Awditjar (ISAs)

L-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (ISAs) u l-Istandards Internazzjonali dwar il-Kontroll tal-Kwalità (ISQCs) huma stabiliti mill-Bord Internazzjonali tal-Istandards dwar l-Awditjar u l-Aċċertament (IAASB), bord tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC). Il-Kummissjoni qed taħdem mas-sħab tagħha u organizzazzjonijiet internazzjonali prinċipali favur it-titjib tal-governanza u r-responsabilità tal-korpi li jistabilixxu l-istandards.

Bejn l-2006 u l-2009, l-IAASB wettaq reviżjoni u kjarifikazzjoni kbira tal-ISAs skont l-hekk imsejjaħ “Proġett ta’ Kjarifika” (“Clarity Project”). L-“ISAs iċċarati” għandhom japplikaw għall-ewwel darba għall-awditi tas-snin fiskali tal-2010. L-“ISAs ċċarati” jistgħu jitqiesu aktar robusti f’għadd ta’ oqsma milli kienu l-ISAs użati għall-awditi sas-snin fiskali tal-2009. Partikolarment, l-ISAs iċċarati jistgħu jkunu kapaċi jwasslu għal risponsi xierqa għall-bidliet fin-natura tal-evidenza għall-awditjar fir-rigward tal-kontabilità skont il-valur ġust, ir-rapportar tal-istimi u s-sensitivitajiet, jew l-approċċ għat-tranżazzjonijiet ma' partijiet relatati.

Il-Kummissjoni tinnota, b’riżultat tal-konsultazzjonijiet tagħha fl-2009[19], l-appoġġ ġenerali tal-partijiet interessati fl-UE għal adozzjoni tal-ISAs fil-livell tal-UE. Ir-rispondenti qiesu li standards komuni taħt il-forma tal-“ISAs iċċarati” u l-ISQCs jikkontribwixxu għall-awditi armonizzati u kwalitattivi li konsegwentement jappoġġaw il-kwalità u l-kredibilità tar-rapporti finanzjarji. Xi rispondenti talbu li jsir aktar xogħol biex jiġu adattati l-ISAs għall-ħtiġijiet tal-SMEs u l-SMPs.

L-ISAs iċċarati jew diġà ġew adottati jew jinsabu fil-proċess li jiġu adottati mill-maġġoranza tal-Istati Membri u qed jiġu wkoll applikati min-netwerks kbar tad-ditti tal-awditjar. Ġew ukoll introdotti minn bosta pajjiżi terzi, minkejja li mhux minn xi wħud mis-sħab internazzjonali ewlenin tagħna bħall-Istati Uniti. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra meta u kif ser tintroduċi l-ISAs fl-UE. L-introduzzjoni tista’ ssir permezz ta’ strumenti leġiżlattivi vinkolanti jew nonvinkolanti tal-Unjoni Ewropea.

Mistoqsijiet

13. X’taħseb dwar l-introduzzjoni tal-ISAs fl-UE?

14. L-ISAs għandhom ikunu vinkolanti fl-UE kollha? Jekk iva, għandu jkun hemm approċċ ta’ endorsjar simili għal dak eżistenti għall-endorsjar tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS)? Alternattivament, u fid-dawl tal-użu attwali mifrux tal-ISAs fl-UE, għandu l-użu tal-ISAs jitħeġġeġ aktar permezz ta’ strumenti legali nonvinkolanti (Rakkomandazzjoni, Kodiċi ta’ Kondotta)?

15. Għandhom l-ISAs ikunu adattati aktar biex jaqdu l-bżonnijiet tal-SMEs u l-SMPs?

GOVERNANZA U INDEPENDENZA TAD-DITTI TAL-AWDITJAR

Bħal f’bosta negozji professjonali, id-ditti tal-awditjar iridu attivament jimmaniġjaw il-kunflitti ta’ interess tagħhom. Madankollu, għall-kuntrarju ta’ bosta negozji professjonali, l-awdituri għandhom rwol statutorju; awditu huwa rekwiżit bil-liġi. Huwa maħsub bħala salvagwardja statutorja għall-investituri, il-mutwanti u l-kontrapartijiet tan-negozju li jkollhom interess jew interess kummerċjali fl-entitajiet li jkunu inkorporati bħala kumpaniji b’responsabilità limitata. L-indipendenza għandha għalhekk tkun is-sies intokkabbli tal-ambjent tal-awditjar.

Id-Direttiva dwar l-Awditjar Statutorju (2006/43/KE) (hawn taħt imsejħa “id-Direttiva") teħtieġ li l-awdituri statutorji jkunu soġġetti għal prinċipji ta' etika professjonali u tistipula għadd ta' prinċipji għall-indipendenza, li jvarjaw minn aspetti komportamentali għall-kunsiderazzjonijiet dwar sjieda, tariffi, rotazzjoni jew governanza tal-kumpaniji (kumitati tal-awditjar). Dawn il-prinċipji ġew trasposti fl-ambjent legali tal-Istati Membri permezz jew ta’ kodiċijiet nazzjonali speċifiċi, jew permezz ta' prinċipji vinkolanti ulterjorment mill-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC[20].

Minkejja d-dispożizzjonijiet legali kif ukoll il-Kodiċi tal-Etika msemmi hawn fuq, il-Kummissjoni tixtieq tirrinforza l-indipendenza tal-awdituri u tindirizza l-kunflitti ta’ interess li huma inerenti fl-isfond attwali kkaratterizzat minn elementi bħall-ħatra u rimunerazzjoni tal-awdituri mid-ditti tal-awditjar, livelli baxxi ta’ rotazzjoni tad-ditti tal-awditjar jew il-forniment ta' servizzi mhux tal-awditjar minn ditti tal-awditjar.

Ħatra u rimunerazzjoni tal-awdituri

L-awdituri jinħatru u jitħallsu mill-entità li teħtieġ li tiġi awditjata, u din bħala parti minn proċess kummerċjali ta’ offerti. Il-fatt li r-responsabilità tal-awdituri hija lejn il-partijiet interessati tal-kumpanija awditjata u partijiet interessati oħra minkejja li jitħallsu mill-kumpanija awditjata, joħloq distorsjoni fis-sistema. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra l-fattibilità ta’ xenarju fejn ir-rwol tal-awditjar ikun wieħed ta’ spezzjoni statutorja fejn il-ħatra, ir-rimunerazzjoni u d-durata tal-inkarigu tkun fir-responsabilità ta’ parti terza, pereżempju ta’ regolatur, aktar milli tal-kumpanija nnifisha[21]. Tali kunċett jista’ jkun rilevanti għall-awditjar tar-rapporti finanzjarji ta' kumpaniji kbar u/jew istituzzjonijiet finanzjarji sistemiċi. Din il-materja għanda tiġi esplorata billi jitqiesu, min-naħa, ir-riskji taż-żieda fil-burokrazija u, mill-oħra, il-benefiċċji soċjetali possibbli ta' ħatriet indipendenti bil-provi.

Rotazzjoni mandatorja

Sitwazzjonijiet fejn kumpanija ħatret l-istess ditta tal-awditjar għal deċenji jidhru inkompatibbli mal-istandards mixtieqa ta' indipendenza[22]. Anki meta ssir regolarment ir-rotazzjoni tas-“sħab ewlenin tal-awditjar” kif attwalment huwa mandatorju bid-Direttiva, it-theddida tal-familjarità tippersisti.

F’dan il-kuntest għandha titqies ir-rotazzjoni mandatorja tad-ditti tal-awditjar - mhux biss tas-sħab tal-awditjar. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-argumenti dwar it-telf ta’ għarfien b’riżultat tar-rotazzjoni. Madankollu tixtieq teżamina l-vantaġġi u żvantaġġi ta’ tali rotazzjoni, speċjalment bil-ħsieb li jitnisslu u jinżammu l-oġġettività u d-dinamiżmu fis-suq tal-awditjar. Biex jiġi pprevenut li s-sħab ibiddlu d-ditti biex “iġorru” magħhom ċerti klijenti, ir-regoli tar-rotazzjoni, jekk jiġu adottati, għandhom jiżguraw li r-rotazzjoni ma tkunx biss tad-ditti, imma anki tas-sħab.

Servizzi mhux tal-awditjar

Ma hemm l-ebda projbizzjoni fl-UE kollha għall-awdituri milli joffru servizzi mhux tal-awditjar lill-klijenti tal-awditjar. Skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva, is-servizzi tal-awditjar ma għandhomx jiġu pprovduti fil-każijiet fejn “parti terza oġġettiva, raġonevoli u informata tikkonkludi li l-indipendenza tal-awditur statutorju jew tal-kumpannija tal-verifika [ditta tal-awditjar] tkun kompromessa”. Ir-regola tapplika wkoll għall-forniment tas-servizzi mhux tal-awditjar. L-Artikolu 22 s’issa kien implimentat b’mod diverġenti ħafna madwar l-UE. Pereżempju fi Franza hemm projbizzjoni totali dwar il-forniment ta' servizzi mhux tal-awditjar mill-awditur lill-klijenti tiegħu kif ukoll restrizzjonijiet qawwija fuq il-possibilità tal-membri tal-affiljazzjoni tal-awditur biex jipprovdu servizzi lill-membri tal-grupp tal-entità awditjata. F’bosta Stati Membri oħra, ir-regoli huma anqas ristrettivi u l-forniment ta’ servizzi mhux tal-awditjar mill-awdituri lill-klijenti tagħhom tal-awditjar jibqa’ element regolari[23],[24] .

Il-Kummissjoni tixtieq teżamina r-rinforzar tal-projbizzjoni tas-servizzi mhux tal-awditjar mid-ditti tal-awditjar. Dan jista’ jkun jirriżulta potenzjalment fil-ħolqien tat-tip ta’ “ditti tal-awditjar puri” simili ta' unitajiet ta’ spezzjoni. Billi l-awdituri jipprovdu opinjoni indipendenti dwar is-saħħa finanzjarja tal-kumpaniji, idealment ma għandux ikollhom xi interess kummerċjali fil-kumpanija li tkun qed tiġi awditjata.

L-istruttura tat-tariffi

Limitu għall-proporzjon tat-tariffi li ditta tal-awditjar tista’ tirċievi minn klijent tal-awditjar singolu mqabbel mad-dħul totali tad-ditta mill-awditjar[25] jista’ jiġi previst flimkien ma’ divulgazzjonijiet xierqa. Ikun utli li jiġi eżaminat il-każ favur u kontra ta’ tali limitazzjonijiet, speċjalment fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom għad-ditti tal-awditjar żgħar.

Pubblikazzjoni tar-Rapporti Finanzjarji

Aspett ieħor li għandu jitqies huwa kif tinkiseb aktar trasparenza fir-rigward tar-rapporti finanzjarji tad-ditta tal-awditjar stess. Għal affiljazzjonijiet globali, it-trasparenza għandha tkopri l-affiljazzjoni kollha. Barra minn hekk, ta’ min wieħed jesplora jekk ir-rapporti finanzjarji ta’ tali ditti għandhomx ikunu awditjati u, fid-dawl tal-kunflitt potenzjali li jiġu awditjati minn kompetitur, jekk dawn awditi għandhomx jitwettqu minn korpi statutorji li jawditjaw il-kontijiet tal-korpi pubbliċi fil-livell nazzjonali jew anki fil-livell Ewropew.

Rekwiżiti organizzazzjonali

Ditti tal-awditjar għandhom isaħħu l-governanza korporattiva u r-rekwiżiti organizzazzjonali biex jimmitigaw aktar il-kunflitti ta’ interess u jirrinforzaw l-indipendenza tagħhom. Tista’ tinstab l-ispirazzjoni mir-Regolament dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu[26]. Referenza oħra hija l-kodiċi tal-governanza tad-ditti tal-awditjar, li riċentement ġie introdott fir-Renju Unit[27]. Il-kodiċi jistabilixxi, fost l-oħrajn, il-prinċipju li d-ditti tal-awditjar għandhom jaħtru uffiċjali noneżekuttivi indipendenti fl-istrutturi ta’ governanza tagħhom, u li l-azzjonisti tal-kumpaniji awditjati għandu jkollhom djalogu mad-ditti tal-awditjar biex ittejbu l-komunikazzjoni u l-fehim reċiproku.

Eżami mill-ġdid tar-Regoli tas-Sjieda u l-Mudell tas-Sħubija

Fil-preżent, id-Direttiva teħtieġ li l-awdituri jkollhom maġġoranza tad-drittijiet tal-vot f’ditta tal-awditjar u l-kontroll tal-bord maniġerjali[28]. Il-Kummissjoni taħseb li l-ħsieb wara dawn id-dispożizzjonijiet għandu jiġi rieżaminat[29].

S’issa, id-ditti tal-awditjar ħadmu skont il-mudell ta’ sħubija (kemm jekk organizzati permezz ta’ sħubija jew permezz ta’ kumpanija limitata). Madankollu, fid-dawl li kien hemm tkabbir konsiderevoli fid-daqs u l-kumplessità ta’ xi kumpaniji kbar, mhuwiex ċar jekk imqar waħda mid-ditti sistemiċi jkollhiex riżorsi adegwati biex tissodisfa kwalunkwe pretensjoni potenzjali ta’ responsabilità. Għalhekk ta’ min jesplora strutturi alternattivi li jkunu jippermettu ditti tal-awditjar li jiġbru kapital minn sorsi oħra. Dawn l-istrutturi alternattivi jkunu jeħtieġu li jdaħħlu fis-seħħ salvagwardji (pereżempju f’termini ta’ governanza) biex jiġi żgurat li s-sidien esterni ma jintferixxux fix-xogħol tal-awditjar.

Tali miżura tista’ tgħin ukoll ditti nonsistemiċi biex jiksbu aċċess għal aktar kapital u tippermettilhom ukoll li jawmentaw il-kapaċitajiet tagħhom u jikbru aktar malajr.

Awditi ta’ gruppi

Awditi ta’ gruppi kbar li joperaw f’diversi ġuriżdizzjonijiet spiss jitwettqu minn affiljazzjonijiet globali kbar fid-dawl tal-livell għoli ta’ riżorsi li tali awditi jkunu jeħtieġu. Il-Kummissjoni tikkondividi l-preokkupazzjonijiet ta’ għadd ta’ korpi sorveljanti tal-awditjar madwar id-dinja li jikkunsidraw li r-rwol tal-awditur tal-grupp jeħtieġ li jiġi rrinforzat. Jeħtieġ li jiddaħħlu fis-seħħ arranġamenti li jippermettu l-awditur tal-grupp jassumi r-rwol u r-responsabilitajiet tiegħu. L-awdituri tal-grupp għandu jkollhom aċċess għar-rapporti u d-dokumentazzjoni l-oħra tal-awdituri kollha li jeżaminaw is-sottoentitajiet tal-grupp. L-awdituri tal-grupp għandhom ikunu involuti fil-proċess komplet tal-awditjar u jkollhom idea ċara tiegħu biex ikunu kapaċi jappoġġaw u jiddefendu l-opinjoni tal-awditjar tal-grupp.

Mistoqsijiet

16. Jeżisti kunflitt bejn li l-awditur jinħatar u jiġi rinumerat mill-entità awditjata? X’arranġamenti alternattivi tirrakkomanda f’dan il-kuntest?

17. Il-ħatra minn parti terza tkun ġustifikata f’ċerti każijiet?

18. Għandu l-inkarigu kontinwu tad-ditti tal-awditjar ikun limitat fiż-żmien? Jekk iva, x’għandu jkun iż-żmien massimu ta’ inkarigu ta’ ditta tal-awditjar?

19. Il-forniment ta’ servizzi mhux tal-awditjar mid-ditti tal-awditjar għandu jkun projbit? Għandhom jiġu applikati xi projbizzjonijiet bħal dawn għad-ditti kollha u l-klijenti tagħhom jew għandhom jiġu applikati għal ċerti tipi ta’ istituzzjonijiet, bħal istituzzjonijiet finanzjarji sistemiċi?

20. Il-livell massimu tat-tariffi li ditta tal-awditjar tista’ tirċievi minn klijent singolu jista’ jiġi rregolat?

21. Għandhom jiddaħħlu regoli ġodda rigward it-trasparenza tar-rapporti finanzjarji tad-ditti tal-awditjar?

22. X’miżuri oħra jistgħu jiddaħħlu fil-governanza tad-ditti tal-awditjar biex tittejjeb l-indipendenza tal-awdituri?

23. Għandhom jiġu esplorati strutturi alternattivi biex id-ditti tal-awditjar jitħallew jiġbru kapitali minn riżorsi esterni?

24. Taqbel mas-suġġerimenti dwar l-Awdituri tal-Grupp? Għandek aktar ideat dwar is-suġġett?

SUPERVIżJONI

Is-sistemi ta’ sorveljanza pubblika, għandhom rwol ċentrali fis-superviżjoni tad-ditti tal-awditjar. Is-sistemi ta’ sorveljanza għandhom jiġu organizzati biex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta’ interess mal-professjoni tal-awditjar. Ir-regoli attwali jistgħu jiġu rrinforzati bil-ħsieb li tiġi żgurata l-indipendenza totali tas-sistema ta’ sorveljanza pubblika tal-Istati Membri kollha mill-professjoni tal-awditjar.

Is-superviżjoni tad-ditti tal-awditjar fl-Ewropa trid titwettaq fuq bażi aktar integrata, b’kooperazzjoni eqreb bejn is-sistemi nazzjonali ta’ sorveljanza tal-awditjar. Alternattiva possibli waħda tista’ tkun li l-EGAOB jiġi ttrasformat fl-hekk imsejjaħ “Kumitat Lamfalussy tal-Livell 3”. Dan huwa t-tip ta’ kumitat li jeżisti attwalment fl-oqsma tat-titoli, tal-assigurazzjoni u bankarju (il-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej (KRTE), il-Kumitat tas-Superviżuri Ewropew tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (CEIOPS) jew il-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej (KSBE)). Tali Kumitat jista’ jirrinforza l-kooperazzjoni fil-livell Ewropew u jseddaq il-konverġenza fl-applikazzjoni tar-regoli u jiżgura approċċ komuni għall-ispezzjonijiet tad-ditti tal-awditjar. Il-Kumitat jista’ jipprovdi pariri ta’ kwalità għolja lill-Kummissjoni dwar materji tal-awditjar. Alternattiva oħra tista’ tkun l-istabiliment ta’ Awtorità Superviżorja Ewropea[30] ġdida jew l-integrazzjoni tal-materji tal-awditjar ma’ waħda mill-awtoritajiet superviżorji li qed jiġu stabiliti skont il-proposti tal-Kummissjoni dwar is-superviżjoni finanzjarja li dwarhom intlaħaq qbil riċentement mill-Kunsill u l-Parlament.

Illum l-entitajiet maniġerjali transfruntieri li jkopru l-operazzjonijiet ta’ affiljazzjoni tal-awditjar f’diversi Stati Membri mhumiex supervizzati; kull komponent "nazzjonali” biss tal-affiljazzjoni jkun supervizzat fil-livell tal-Istati Membri. Dan l-ispariġġ bejn l-affiljazzjonijiet tal-awditjar panEwropej u s-superviżjoni nazzjonali għandu jiġi indirizzat. Is-superviżjoni tal-affiljazzjonijiet tal-awditjar internazzjonali tista’ ssir fil-livell Ewropew bl-istess mod kif ġie propost għall-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu[31].

Il-Kummissjoni tqis li jeħtieġ ukoll jiġi rinfurzat djalogu bejn ir-regolaturi u l-awdituri. Dan id-djalogu għandu jkun proċess reċiproku sabiex is-superviżuri wkoll iġibu għall-attenzjoni tal-awdituri oqsma partikolari ta’ tħassib. Fil-każ speċifiku tal-istituzzjonijiet finanzjarji u fornituri tas-servizzi tal-investiment, l-awdituri jeħtieġu, skont id-dritt tal-UE, jirrapportaw minnufih l-awtoritajiet kompetenti bi kwalunkwe fatt jew deċiżjoni li tkun tikkostitwixxi ksur materjali tal-liġijiet, taffettwa l-kapaċità tal-kumpanija li tkompli bħala negozju avvjat, jew twassal għal rapport tal-awditjar kwalifikat[32]. L-awdituri tad-ditti ta’ investiment jeħtieġu jirrapportaw kull sena lill-awtoritajiet kompetenti dwar għadd ta’ kwistjonijiet[33]. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda informazzjoni dwar jekk din id-dispożizzjoni ġietx effettivamet rispettata matul il-kriżi u jekk tali rapportar lill-awtoritajiet kompetenti mill-awdituri seħħx fil-każijiet individwali[34]. Il-Kummissjoni tixtieq tikkunsidra jekk il-komunikazzjoni bejn l-awdtituri u r-regolaturi tat-titoli rilevanti għandhiex issir mandatorja għall-kumpaniji kollha kbar jew elenkati; tingħata kunsiderazzjoni speċjali wkoll għall-komunikazzjoni mal-awtoritajiet xierqa fil-każ ta’ frodi fil-kumpaniji.

Mistoqsijiet

25. Liema miżuri għandhom jiddaħħlu biex tittejjeb aktar l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni dwar is-superviżjoni tad-ditti tal-awditjar fil-livell tal-UE?

26. Kif tista’ titlaħaq aktar konsultazzjoni u komunikazzjoni bejn l-awditur ta’ kumpaniji kbar elenkati u r-regolatur?

KONċENTRAZZJONI U STRUTTURA TAS-SUQ

Is-suq tal-awditjar tal-kumpaniji elenkati huwa, prinċipalment kopert mid-ditti tal-awditjar, l-hekk imsejħa, l-Erbgħa l-Kbar[35]. F’termini ta’ dħul u tariffi rċevuti, is-sehem mis-suq totali tal-Erbgħa l-Kbar għall-kumpaniji elenkati jaqbeż id-90% fil-maġġoranza kbira tal-Istati Membri tal-UE[36]. Id-dħul f’dan l-ogħla saff tas-suq tal-awditjar wera li huwa tassew diffiċli għal bosta ditti tal-awditjar fis-saff tan-nofs minkejja l-kapaċità tagħhom li joperaw fis-suq tal-awditjar internazzjonali.

Tali konċentrazzjoni tista’ ssarraf f’akkumulu ta’ riskju sistemiku u l-kollass ta’ “ditta sistemika" jew ditta li tkun laħqet “proporzjonijiet sistemiċi”5 tista’ tqalleb is-suq kollu.

Is-suq jidher li huwa wisq konċentrat f’ċerti segmenti u jċaħħad lill-klijenti minn biżżejjed għażla fid-deċiżjoni dwar l-awdituri tagħhom.

Barra minn hekk, li tkun awditur tal-kumpaniji kbar elenkati jidher li joħloq endorsjar reputazzjonali; tali assoċċjazzjoni pożittiva mbagħad tkun ta’ għajnuna għad-ditti l-kbar fl-iżgurar ta’ aktar inkarigi tal-awditjar ta’ profil għoli u b’hekk tikkontribwixxi għal nuqqas ta’ dinamiżmu fis-suq.

Id-ditti mhux fost l-Erbgħa l-Kbar mill-banda l-oħra jibqgħu jsoffru nuqqas ta’ rikonoxximent tal-kapaċitajiet tagħhom mill-akbar kumpaniji. Jidher li jeżistu wkoll każijiet fejn xi drabi jiġu imposti fuq il-kumpaniji, minn pereżempju istituzzjonijiet finanzjarji bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ selfa, klawżoli kuntrattwali għall-inkarigu tal-“Erbgħa l-Kbar biss”.

Il-Kummissjoni għalhekk tixtieq tikkunsidra l-miżuri li ġejjin:

Awditi konġunti / konsorzja tal-awditjar

Awditi konġunti per se huma infurzati fi Franza biss, fejn il-kumpaniji elenkati jeħtieġu jaħtru żewġ ditti differenti tal-awditjar, li jikkondividu x-xogħol tal-awditjar u jiffirmaw ir-rapport tal-awditjar flimkien. Din il-prassi, madankollu, għandha tiġi żviluppata aktar biex “tiddinamizza” is-suq biex ditti nonsistemiċi mis-saff tan-nofs jitħallew isiru parteċipanti attivi fis-segment tas-suq għall-awditi ta’ korporazzjonijiet kbar, li sal-lum għadha xi ħaġa elużiva. Biex tħeġġeġ li jiffjorixxu parteċipanti oħra u t-tkabbir ta’ prattikanti tal-awditjar żgħar u ta’ daqs medju, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra l-introduzzjoni ta’ formazzjoni mandatorja għal konsorzju ta’ ditti tal-awditjar bl-iklużjoni tal-anqas ta’ ditta tal-awditjar nonsistemika waħda għall-awditi ta' kumpaniji kbar. Tali konsorjza jkunu jeħtieġu li jiġu stabiliti b’linji ċari ta’ responsabilità għall-opinojini tal-awditjar kumplessiva kif ukoll mekkaniżmu tar-riżoluzzjoni / divulgazzjoni tad-differenzi fl-opinjoni bejn il-membri tal-konsorzju.

Il-kunċett ta’ “awditu konġunt” jista’ jkun mezz wieħed għall-mitigazzjoni tat-taqlib fis-suq tal-awditjar jekk waħda mill-affiljazzjonijiet l-kbar tal-awditjar tfalli.

Rotazzjoni mandatorja tal-awdituri u sejħa għall-offerti mill-ġdid

Ir-rotazzjoni mandatorja tista’ mhux biss ittejjeb l-indipendenza tal-awdituri kif diskuss aktar kmieni; tista’ wkoll isservi ta’ katalizzatur biex jiddaħħlu aktar dinamiżmu u kapaċità fis-suq tal-awditjar. Wieħed jista’ jdaħħal rotazzjoni mandatorja għad-ditti tal-awditjar / konsorzja wara perjodu fiss. Biex jiġi pprevenut li s-sħab ibiddlu d-ditti biex “iġorru” magħhom ċerti klijenti, ir-regoli tar-rotazzjoni għandhom jiżguraw li r-rotazzjoni ma tkunx biss tad-ditti, imma anki tas-sħab. Tali rotazzjoni mandatorja għandha tkun akkumpanjata minn sejħa għall-offerti mandatorja bi trasparenza sħiħa fir-rigward tal-kriterji li skonthom ikun ser jinħatar l-awditur. Il-kwalità u l-indipendenza għandhom ikunu kriterji kruċjali fl-għażla fi kwalunkwe proċedura tal-offerti. Inkella, jekk ikun hemm biss proporzjon vera żgħir ta’ awditi ta’ kumpaniji elenkati prominenti li joħorġu għall-offerti miftuħa u ġusti fi kwalunkwe sena partikolari, it-tentattivi li jiġi ddinamizzat is-suq jista’ jkollhom effett limitat.

L-indirizzar tal-preġudizzju li “l-Erbgħa l-Kbar huma l-Aqwa”

B’riżultat tal-konsolidazzjoni tas-saff l-għoli tas-suq, jidher li hemm livell ogħla ta’ “wens” fil-ħatra ta’ ditta mill-“Erbgħa l-Kbar" bħala l-awditur tal-kumpanija. Il-Kummissjoni madankollu tixtieq tifhem kemm minn dan kollu huwa attribwibbli għall-“perċezzjonijiet" u kemm għall-“mertu”. Din il-valutazzjoni tkun iffaċilitata mir-rapportar trasparenti tal-ispezzjonijiet kif inhu attwalment il-każ fir-Renju Unit[37].

Il-Kummissjoni ser tara wkoll li tindirizza l-kwistjoni tal-klawżoli kuntrattwali li informalment huma magħrufa bħala l-“klawżoli tal-Erbgħa l-Kbar biss”[38]. Perkors li jista’ jiġi esplorat jista’ jkun il-ħolqien ta' certifikazzjoni Ewropea ta’ kwalità għad-ditti tal-awditjar li tkun tirrikonoxxi formalment l-aptitudni tagħhom li jwettqu awditi ta’ kumpaniji elenkati kbar.

Pjan ta' kontinġenza

Il-Kummissjoni ser taħdem mal-Istati Membri, ditti tal-awditjar u partijiet interessati oħra, inkluż fora internazzjonali, għal diskussjoni ta’ pjan ta' kontinġneza. Dan il-pjan għandu jippermetti riżoluzzjoni mgħaġġla fil-każ tal-waqgħa ta’ ditta tal-awditjar sistemika, jevita taqlib fil-forniment tas-servizzi tal-awdijtar u jipprevjeni aktar akkumulu strutturali tar-riskju fis-suq.

Fil-kuntest ta’ pjan ta’ kontinġenza, irid jiġi nnutat li l-formazzjoni ta' konsorzja jista’ jkollha rwol sinifikanti. Fil-każ tal-waqgħa ta’ wieħed mill-membri tal-konsorzju, id-ditta "li ssalva" għandha tkun kapaċi tiżgura l-kontinwità tal-awditjar sakemm jiddaħħlu fis-seħħ arranġamenti aktar "permanenti".

Biex jinżamm l-approċċ meqjus fis-settur bankarju, li l-kunċetti ta’ falliment ordinat, inkluż it-“testmenti bioloġiċi”, speċjalment fil-każ ta’ ditti tal-awditjar sistematiċi, għandhom jiġu esplorati proattivament.

Rivalutazzjoni tal-motivaturi tal-konsolidazzjoni preċedenti

Il-Kummissjoni tixtieq teżamina safejn il-konsolidazzjoni tad-ditti akbar wasslet fl-innovazzjoni tal-metodoloġija tal-awditjar li kienet mistennija; dan huwa ta’ rilevanza partikolari fil-kuntest tal-awditjar tal-istituzzjonijiet finanzjarji fejn dawn tal-aħħar żvuluppaw pletora ta’ prodotti u proċessi li saru dejjem aktar kumplessi tul iż-żmien.

Il-Kummissjoni tilqa’ bi pjaċir opinjonijiet dwar jekk ir-raġunament usa’ għall-konsolidazzjoni tad-ditti tal-awditjar kbar tul l-aħħar żewġ deċenji (i.e. offerta globali, sinerġiji) għadhiex valida u jekk jeħtieġx razzjonalizzar mill-ġdid. Barra minn hekk, fid-dawl tar-riskju sistemiku rappreżentat mid-ditti globali kbar, il-Kummissjoni tilqa' wkoll bi pjaċir opinjonijiet dwar jekk il-konsolidazzjoni tad-deċenji li għaddew għandhiex titreġġa’ lura.

Mistoqsijiet

27. Tista’ l-konfigurazzjoni attwali tas-suq tal-awditjar tippreżenta riskju sistemiku?

28. Taħseb li l-formazzjoni mandatorja, ta’ konsorzju ta’ ditti tal-awditjar bl-inklużjoni ta’ mill-anqas ditta waħda tal-awditjar nonsistemika u iżgħar, tista’ sservi ta’ katalizzatur biex jiddinamizza s-suq tal-awditjar u jippermetti d-ditti żgħar u ta’ daqs medju jipparteċipaw aktar sostanzjalment fis-segment tal-awditi akbar?

29. Mill-perspettiva ta’ titjib tal-istruttura tas-swieq tal-awditjar, taqbel ma' rotazzjoni mandatorja u sejħa għall-offerti wara perjodu fiss? Kemm għandu jkun twil dan il-perjodu?

30. Kif għandu jiġi indirizzat l-“preġudizzju tal-Erbgħa l-Kbar”?

31. Taqbel li l-pjanijiet ta’ kontinġenza, inkluż testmenti bijoloġiċi, jistgħu jkunu kruċjali fl-indirizzar ta’ riskji sistemiċi u r-risjki ta’ falliment ta’ ditta?

32. Ir-raġunament usa’ għall-konsolidazzjoni ta’ ditti tal-awditjar kbar tul l-aħħar żewġ deċenji (i.e. offerta globali, sinerġiji) għadu validu? F’liema ċirkostanzi, jista’ jkun hemm treġġigħ lura?

ĦOLQIEN TA’ SUQ EWROPEW

Sar xi progress riċentement fit-traspożizzjoni mill-Istati Membri tal-Artikolu 3 tad-Direttiva, li tipprevedi possibilità ta’ sjieda transfruntiera tad-ditti tal-awditjar. Wara l-implimentazzjoni ta’ dan l-artikolu mill-Istati Membri, xi affiljazzjonijiet kbar kisbu livell ogħla ta’ integrazzjoni. Madankollu, baqa’ bosta ostakli għall-integrazzjoni tas-suq tal-awditjar Ewropew u l-mobilità transfruntiera tal-professjonisti tal-awditjar għadha baxxa.

Is-saffi regolatorji fil-livelli nazzjonali, Ewropej u internazzjonali wasslu għal livell ta’ kumplessità li joħloq ostakli għall-operat transfruntier tad-ditti tal-awditjar, speċjalment għal ditti iżgħar u ta’ daqs medju. Tali kumplessità ppreveniet ukoll affiljazzjonijiet iżgħar milli jikbru u jippenetraw fis-suq tal-awditi tal-kumpaniji l-kbar. In-nuqqas ta’ koordinazzjoni fil-livelli Ewropew u internazzjonali dwar is-sorveljanza pubblika u s-sistemi ta’ garanzija tal-kwalità tista’ wkoll tfixkel l-iżvilupp ta’ affiljazzjonijiet iżgħar ta' ditti tal-awditjar.

Ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva jistgħu wkoll jitqiesu bħala sors potenzjali ta’ frammentazzjoni tas-suq:

- L-Artikolu 3 tad-Direttiva jeħtieġ l-approvazzjoni u r-reġistrazzjoni f’kull Stat Membru fejn ikunu ser jitfornew is-servizzi;

- L-Artikolu 14 tad-Direttiva jipprevedi għal test tal-aptitudni f’kull Stat Membru biex awditur jitħalla jforni s-servizzi.

Ir-rekwiżiti ta' hawn fuq ivarjaw mir-regoli ġenerali applikabbli għal professjonijiet oħra regolati[39] u jservu ta’ ostakolu għall-mobilità tal-awdituri individwali.

Suq uniku Ewropew għall-forniment tas-servizzi tal-awditjar jista’ jissejjes fuq armonizzazzjoni (“massima”) imtejba u “passaport Ewropew għall-awdituri”. Dan ikun jimplika l-ħolqien ta’ reġistrazzjoni għall-Ewropea kollha b’rekwiżiti komuni ta’ kwalifiki professjonali u regoli komuni ta’ governanza, sjieda u indipendenza applikabbli fl-Unjoni Ewropea kollha. Jekk is-superviżjoni Ewropea tal-awdituri tkun rinfurzata skont il-linji diskussi fit-Taqsima 4, possibilità waħda li tista’ tiġi esplorata aktar tista’ tkun li dawn l-awdituri jkunu meħtieġa li jiġu rreġistrati u jitqiegħdu taħt is-sorveljanza ta’ regolatur singolu b’mod simli għal dak propost għall-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu[40]. Tali sistema tista’ wkoll tħeġġeġ aktar kompetizzjoni fis-suq tal-awditi kbar minħabba li tissimplifika l-iżvilupp ta’ affiljazzjonijiet tal-awditjar Ewropej u tnaqqas il-kostijiet tal-forniment tas-servizzi tal-awditjar madwar l-Ewropa.

Mistoqsijiet

33. Liema taħseb li huwa l-aħjar mod li bih tittejjeb il-mobilità transfruntiera tal-professjonisti tal-awditjar?

34. Taqbel ma’ “armonizzazzjoni massima” flimkien ma' passaport Ewropew uniku għall-awditur u d-ditti tal-awditjar? Taħseb li dan għandu japplika wkoll għad-ditti ż-żgħar?

Simplifikazzjoni: Intrapriżi u Prattikanti Żgħar u ta’ DAQS MEDJU

Intrapriżi Żgħar u ta’ daqs Medju (SMEs)

Filwaqt li l-SMEs jiksbu valur minn awditu f’termini ta’ kredibilità akbar tal-informazzjoni finanzjarja, l-awditi statutorji ġew identifikati wkoll bħala sors potenzjali ta’ piż amministrattiv. Għandhom isiru sforzi serji biex jinħoloq ambjent speċifiku għall-awditjar tal-SMEs. Dawn jistgħu jimplikaw:

- Skuraġġar tal-awditjar statutorju tal-SMEs.

- Alternattivament, fejn l-Istati Membri jkunu jridu jżommu xi forma ta’ aċċertament, l-introduzzjoni ta’ tip ġdid ta’ servizz statutorju adattat għall-ħtiġijiet tal-SMEs bħal “awditu limitat” jew “eżami statutorju” fejn l-awdituri jwettqu proċeduri limitati sabiex jaqbdu dikjarazzjonijiet skorretti minħabba żball jew frodi. L-approċċ ta’ obbligu ta’ eżami limitat għall-kumpaniji żgħar ġie segwit mill-Estonja, u qed jiġi kkunsidrat mid-Danimarka. L-Isvizzera wkoll issegwi approċċ bħal dan; eżamijiet limitati normalment huma aċċettati fl-USA.

- Fil-każ tal-projbizzjoni ta’ servizzi mhux tal-awditjar kif diskuss fit-Taqsima 3 hawn fuq, tista’ tingħata kunsiderazzjoni għall-previżjoni ta’ kenn sikur li, soġġett li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji xierqa, ikun jippermetti lill-awditur ta’ SME jibqa' jipprovdi ċerti servizzi mhux tal-awditjar lill-kumpanija - eż. jassistihom fl-aċċess għall-kreditu, formoli tat-taxxa, is-salarji, jew saħansitra fil-kontabilità.

Prattikanti Żgħar u ta’ daqs Medju (SMPs)

L-SMPs iħossuhom imdawra b’ambjent regolat dejjem jikber li mhux bilfors huwa idoneu għall-prattika tagħhom jew il-ħtiġijiet immedjati tal-kliejnti SMEs tagħhom. Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet xierqa għall-iżvilupp ta’ tali ditti, l-“awditu limitat” jew l-“eżami statutorju,” imsemmija hawn fuq, jistgħu jiġu akkompanjati minn regoli proporzjonati dwar il-kontroll tal-kwalità u s-sorveljanza mir-regolaturi tal-awditjar. Dan jippermetti l-SMPs inaqqsu l-kostijiet amministrattivi filwaqt li jgħinhom jaqdu aħjar lill-klijent tagħhom.

Mistoqsijiet

35. Taqbel ma’ livell aktar baxx ta’ servizz minn awditu, l-hekk imsejjaħ l-“awditu limitat” jew l-“eżami statutorju” għar-rapporti finanzjarji tal-SMEs minflok l-awditu statutorju? Tali servizz għandu jkun kondizzjonali skont jekk il-kontijiet ikunux tħejjew minn kontabilist (intern jew estern) kwalifikat kif xieraq?

36. Għandu jkun hemm “kenn sikur” fir-rigward ta’ kwalunkwe projbizzjoni futura potenzjali ta’ servizzi mhux tal-awditjar meta jinqdew klijenti SMEs?

37. L-“awditu limitat” jew l-“eżami statutorju” għandu jkun akkumpanjat minn regoli tal-kontroll tal-kwalità interni u sorvejlanza mis-superviżuri anqas iebsin? Tissuġġerixxi eżempji ta’ kif dan jista’ jsir fil-prattika?

IL-KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI

B’rabta mal-kooperazzjoni internazzjonali dwar is-sorveljanza tad-ditti tal-awditjar, id-Direttiva tipprovdi bażi għall-kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi tas-sorveljanza tal-awditjar f’pajjiżi terzi.

L-ewwel pass fil-kooperazzjoni internazzjonali huwa li tinbena fiduċja reċiproka permezz ta’ skambju ta’ dokumenti tax-xogħol tal-awditjar bejn il-korpi Ewropej tas-sorveljanza u l-kontropartijiet tagħhom fil-pajjiżi terzi. Tali skambju ta’ dokumenti tax-xogħol tal-awditjar jeħtieġ Deċiżjoni mill-Kummissjoni, bil-qbil tal-Istati Membri u l-Parlament Ewropew, li jiddikjara li s-sistemi ta’ pajjiżi terzi jipproteġu adegwatement id-dejta professjonali u personali. L-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jidħlu f’arranġamenti bilaterali għall-iskambju tad-dokumenti tax-xogħol tal-awditjar mal-kontropartijiet tagħhom f’dawk il-pajjiżi terzi fejn is-sistemi tas-sorveljanza jkunu ġew iddikkjarati "adegwati". Wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-adegwatezza adottata din is-sena, tali arranġamenti huma possibbli fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-korpi tas-sorveljanza tal-awditjar fl-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, l-Isvizzera u l-Istati Uniti.

It-tieni pass ikun l-amien reċiproku bejn l-Istati Membri u dawk il-pajjiżi terzi li għandhom dispożizzjonijiet ekwivalenti dwar materji bħall-ispezzjonijiet tad-ditti tal-awditjar. Il-Kummissjoni, bil-qbil mal-Istati Membri u l-Parlament Ewropew, tinsab fil-proċess tal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni li tiddetermina liema pajjiżi terzi huma ekwivalenti għall-UE. L-amien reċiproku jippermetti sorveljanza aktar effikaċi u effiċenti tad-ditti tal-awditjar globali. Tevita wkoll dupplikazzjoni tal-isforzi fis-superviżjoni ta’ ditti transfruntieri fil-livell internazzjonali.

Kif imsemmi qabel, is-superviżjoni tal-awdituri ta’ gruppi kbar li joperaw f’diversi ġurisdizzjonijiet hija kwistjoni ta’ tħassib. Barra minn kwalunkwe arranġament li jeħtieġ jiddaħħal fis-seħħ biex jippermetti lill-awditur tal-grupp jassumi r-rwol u r-responsabilitajiet tiegħu, il-Kummissjoni ser tiddiskuti mas-sħab internazzjonali tagħha x’miżuri oħra għandhom jiġu adottati fil-livell globali għas-superviżjoni tal-awditi tal-gruppi u l-affiljazzjonijiet tal-awditjar globali.

Mistoqsijiet

38. X’miżuri taħseb li jistgħu jtejbu l-kwalità tas-sorveljanza tal-parteċipanti tal-awditjar globali permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali?

IL-PASSI LI JMISS

Din il-Ktiba Ħadra ser tkun miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika sat- 8 ta’ Diċembru 2010. Ir-risponsi għandhom jiġu indirizzati lil markt-greenpaper-audit@ec.europa.eu . Il-kontributi kollha ser jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-internet tad-DĠ Suq Intern u Servizzi, sakemm il-kontributur ma jitlobx xorta oħra, u bl-istess mod ser tiġi ppubblikata Stqarrija dwar ir-Rispons li tqassar ir-risponsi għal din il-konsultazzjoni. Huwa importanti li tinqara l-istqarrija speċifika dwar il-privatezza li hija mehmuża ma' din il-Ktiba Ħadra għal informazzjoni dwar kif id-dejta personali u l-kontribut tiegħek se jiġu trattati.

Il-Kummissjoni ser torganizza Konferenza f’livell għoli fl- 10 ta’ Frar 2011. Il-Konferenza ser tiffoka fuq id-diskussjoni ta’ din il-Ktiba Ħadra u s-sejbiet ewlenin ta’ din il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha u tesplora modijiet futuri possibli. Ladarba din il-fażi ta’ konsultazzjoni tingħalaq il-Kummissjoni ser tħabbar kwalunkwe miżura u proposta xierqa ta’ segwitu fl-2011.

[1] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 2009 lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, "Nixprunaw l-Irkupru Ewropew", - COM(2009) 114. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 2010 COM(2010) 2020; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: EWROPA 2020 Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.

[2] House of Commons Treasury Committee, Banking crisis: Reforming corporate governance and pay in the City p76, 2009 http://www.publications.parliament.uk/pa/cm200809/cmselect/cmtreasy/519/519.pdf

[3] “Should statutory audit be dropped and assurance needs left to the market?” Stephen Haddrill, ICAS Aileen Beattie memorial event –it-28 ta’ April 2010.

[4] Maastricht Accounting, Auditing and Information Management Research Centre: The Value of Audit, l-1 ta’ Marzu 2010.

[5] Mir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni (IP/08/1727) fil-15/07/2009: “... fid-dawl tan-nuqqas ta’ parteċipanti meqjusa li għandhom il-kapaċità li jawditjaw istituzzjonijiet finanzjarji, il-kollass ta' waħda mill-4 l-kbar ikun aktar gravi għal din il-kategorija tal-klijenti. Tali telf ikollu wkoll impatt serju fuq il-kunfidenza pubblika fis-servizzi tal-awditjar. Fid-dawl tar-rwol ewlieni tal-awdituri fir-relazzjoni bejn il-kumpaniji u l-investituri, dan jista’ jwassal ukoll għal kriżi fil-kunfidenza fis-swieq finanzjarji. Il-konċentrazzjoni attwali fis-suq għas-servizzi tal-awditjar ta' kumpaniji pubbliċi kbar għalhekk tirrappreżenta theddida għall-istabilità tas-swieq finanzjarji." http://ec.europa.eu/internal_market/auditing/docs/market/consultation2008/summary_report_en.pdf . Ara wkoll l-istudju dwar ir-regoli tas-sjieda li japplikaw għad-ditti tal-awditjar u l-konsegwenzi tagħhom fuq il-konċentrazzjonijiet fis-suq tal-awditjar, Oxera, Ottubru 2007.

[6] IOSCO http://www.iosco.org/library/pubdocs/pdf/IOSCOPD269.pdf: “Il-funzjoni indipendenti tal-awditjar hija kontributur għall-kunfidenza tal-invesitur fis-swieq kapitali. Sitwazzjoni ta’ kontinġenza li tinvolvi ditta tal-awditjar tista’ temporanjament tqalleb l-operazzjonijiet normali tal-funzjoni tal-awditjar f’suq kapitali. It-taqlibiet fid-disponibilità tal-kapaċità tal-awditjar u s-servizzi tal-awditjar jistgħu jkoll jokkorru fuq skala internazzjonali jekk ditta globali tal-awditjar tkun involuta f’kontinġenza li tiżviluppa fi kriżi. Billi jiġu antiċipati kwistjonijiet u kundizzjonijiet li jistgħu joriġinaw u jinħolqu pjanijiet ta’ kontinġenza tar-regolaturi tat-titoli, il-membri tal-IOSCO jistgħu jfittxu li jimminimizzaw it-taqlibiet potenzjali u b’hekk joffru appoġġ għall-kunfidenza fis-swieq.”

[7] COM(2010)284 finali.

[8] Ir-Raba' Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju 1978 dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji, is-Seba' Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta' Ġunju 1983 dwar il-kontijiet konsolidati, id-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta' Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn u d-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE tad-19 ta' Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' intrapriżi tal-assigurazzjoni jirrikjedu li l-kontijiet annwali jew il-kontijiet konsolidati jkunu awditjati minn persuna waħda jew aktar li jkollhom il-kompetenza li jwettqu tali awditi. Id-Direttiva 2004/109/KE tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat teħtieġ fl-Artikolu 4(2)(a) li r-rapporti finanzjarji tal-emittenti jkun fihom rapporti finanzjarji awditjati.

[9] L-Artikolu 51a 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji.

[10] L-aċċertament raġonevoli huwa normalment iddefinit bħala livell ta’ aċċertament għoli imma mhux assolut.

[11] L-Istandard Internazzjonali tal-Awditjar (ISA) 200, L-Għanijiet Kumplessivi tal-Awditur Indipendenti u t-Twettiq ta' Awditu Skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar, il-paragrafu 11. Frodi fil-kuntest ta’ awditu tfisser l-att intenzjonali minn xi ħadd f'kumpanija biex jikseb vantaġġ inġust jew illegali. Il-kunċett ta’ probabilità ta’ frodi jista’ jiġi żviluppat aktar f’dan il-kuntest bħala element importanti.

[12] L-awdituri jnaqqsu r-riskju tal-awditjar permezz ta’ diversi proċeduri, inkluż l-identifikazzjoni ta’ riskji tal-kumpanija, valutazzjoni tal-kontrolli interni rilevanti, testijiet fuq kampjuni, konfermi diretti minn partijiet terzi, diskussjonijiet mal-maniġment, eċċ. Li jiġi ddeterminat il-livell ta' materjalità ta' dikjarazzjoni skorretta huwa pass kruċjali f'dan ir-rigward.

[13] L-IAS 1, il-paragrafi 17 u 21 u l-qafas tal-IFRS. Prinċipji rilevanti oħra jinkludu n-newtralità, il-kompletezza u l-prudenza.

[14] Ara l-mistoqsija 3.1 fil-Ktiba Ħadra - It-tmexxija korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji u l-politiki ta’ rimunerazzjoni COM(2010) 284 il-paġna 15: “Għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awdituri esterni u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza [superviżorji]? Jekk iva, kif għandu jsir dan? Fit-tweġibiet varji li waslu s’issa, jidher li hemm appoġġ ġenerali għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-awdituri esterni u s-superviżuri.

[15] Il-Financial Services Authority (FSA) u l-Financial Reporting Council (FRC) ħarġu ktiba ta' diskussjoni f'Ġunju 2010 li tistaqsi jekk l-awditur weriex dejjem xettiċiżmu suffiċjenti u tax biżżejjed attenzjoni għall-indikaturi ta’ preġudizzju tal-maniġment meta eżamina oqsma ewlenin tal-kontijiet u divulgazzjoni finanzjarji li jiddependu kruċjalment mill-ġudizzju tal-maniġment. – http://www.frc.org.uk/press/pub2303.html

[16] Ix-xettiċiżmu professjonali jista’ wkoll ikollu rwol importanti fid-detezzjoni u l-prevenzjoni tal-frodi.

[17] Paragrafu ta’ osservazzjoni jkun inkluż fir-rapport tal-awditur meta tokkorri entrata insolita imma li, fl-opinjoni tal-awditur, tkun fundamentali u għalhekk teħtieġ divulgazzjoni biex tippermetti fehim aħjar mill-utent(i) tar-rapporti finanzjarji. Ta' min jinnota wkoll li paragrafu ta’ “osservazzjoni” ma jaffettwax l-opinjoni tal-awditur dwar ir-rapporti finanzjarji.

[18] L-IOSCO (International Organisation of Securities Commissions) għamlet suġġerimenti biex jittejjeb ir-rapport tal-awdituri bil-ħsieb li titnaqqas id-diskrepanza fl-aspettazzjonijiet, biex jiġi evitat lingwaġġ tekniku, u biex titqies mill-ġdid in-natura doppja tal-opinjonijiet tal-awditjar. It-titjib tar-rapporti tal-awdituri jinsab ukoll fuq l-aġenda tal-IAASB [il-Bord Internazzjonali tal-Istandards dwar l-Awditjar u l-Aċċertament] għas-snin li ġejjin.

[19] Ara t-taqsira tal-kummenti dwar il-konsultazzjoni, ta’ Marzu 2010 fihttp://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2009/isa_en.htm

[20] Il-Kodiċi tal-Etika żviluppat mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jintuża bħala valuri referenzjarji mill-prattikanti minħabba l-aderenza tagħhom fil-kamra tal-professjoni tagħhom jew tad-ditta taħghom fl-istandards tal-IFAC. Kodiċijiet żviluppati mir-regolaturi fil-livell nazzjonali jkunu ġeneralment aktar strinġenti mill-Kodiċi tal-IFAC.

[21] Tali mudell għad qatt ma ġie ttestjat (ħlief għall-kooperattivi u banek ta’ tfaddil Ġermaniżi).

[22] Fi studju mwettaq fl-2006, aktar minn nofs il-kumpaniji rispondenti rrapportaw li l-awditur tagħhom serva lill-kumpanija għal aktar minn 7 snin, u 31 % irrapportaw li l-bidla ta’ awditur kienet ilha ma ssir għal aktar minn 15-il sena: it-tendenza ġenerali hija li akbar ma jkunu l-kumpaniji awditjati, anqas tkun ir-rata tar-rotazzjoni. (Study by London Economics on the Economic Impact of Auditors’ Liability Regimes; Settembru 2006, it-tabella 22, il-paġna 43: http://ec.europa.eu/internal_market/auditing/liability/index_en.htm).

[23] Għandu jiġi nnutat li skont il-liġijiet tal-US, l-awdituri ta' kumpaniji elenkati huma pprojbiti milli jipprovdu għadd ta' servizzi mhux tal-awditjar lill-klijenti tagħhom. Dan għandu implikazzjonijiet fl-UE għall-forniment ta’ servizzi mhux tal-awditjar lill-kumpaniji elenkati fl-US.

[24] Madankollu f’dan ir-rigward, l-UK FRC riċentement għamel osservazzjonijiet speċifiċi - stqarrija lill-istampa POB PN 60 tal-Audit Inspection Unit tal-Financial Reporting Council, tal-14 ta’ Settembru 2010.

[25] Pereżempju: il-paragrafu 290.222 tal-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC jgħid li awditur ta’ entità ta’ interess pubbliku għandu jiddivulga s-sitwazzjonijiet tal-klijent tiegħu fejn it-tariffi minn dak il-klijent jirrappreżentaw aktar minn 15% tat-tariffi totali rċevuti minn dik id-ditta.

[26] Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu [aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu].

[27] Audit Firm Governance Code of the FRC and Institute of Chartered Accountants in England and Wales (ICAEW), Jannar 2010.

[28] L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/43/KE dwar l-Awditjar Statutorju.

[29] Konsultazzjoni pubblika dwar l-istrutturi tal-kontroll ta’ ditti tal-awditjar u l-konsegwenzi fuq is-suq tal-awditjar (Public consultation on control structures in audit firms and their consequences on the audit market), Lulju 2009: http://ec.europa.eu/internal_market/auditing/market/index_en.htm

[30] Kwalunkwe alternattiva ta’ Kumitat ġdid jew Awtorità Superviżorja tista’ tkun teħtieġ li tiġi vvalutata f’termini tal-impatt fuq il-baġit tal-UE.

[31] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu [aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu], COM(2010)289 finali.

[32] L-Artikolu 55 tad-Direttiva 2004/39/KE tal-21 ta’ April 2004 dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji. L-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/48/KE tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta' kreditu.

[33] L-Artikolu 20 tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2006/73/KE tal-10 ta’ Awissu 2006.

[34] Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (li jakkumpanja l-Ktiba Ħadra dwar It-tmexxija [Il-governanza] korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji u l-politiki ta’ rimunerazzjoni) SEC(2010) 669, il-paġna 33, il-punt 6.1.1.

[35] Deloitte & Touche, Ernst & Young, PricewaterhouseCoopers and KPMG.

[36] Study by London Economics on the Economic Impact of Auditors’ Liability Regimes; Settembru 2006, it-tabella 5, il-paġni 22-23. http://ec.europa.eu/internal_market/auditing/liability/index_en.htm

[37] Stqarrija lill-Istampa: POB PN 60 tal-Audit Inspection Unit tal-Financial Reporting Council, tal-14 ta’ Settembru 2010.

[38] "Restrictive bank covenants keep Big four on top" (Christodoulou, 2010), Accountancy Age, 17 ta’ Ġunju 2010.

[39] Ir-regoli msemmija fid-Directive 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali u fid-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi.

[40] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu [aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu], COM(2010)289 finali.

Top