EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0358

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/358 tad-29 ta’ Settembru 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti dwar l-evalwazzjoni tal-kreditu ta’ proġetti ta’ finanzjament kollettiv, l-ipprezzar tal-offerti ta’ finanzjament kollettiv, u l-politiki u l-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju

C/2023/6442

ĠU L, 2024/358, 22.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/358/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/358/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/358

22.1.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/358

tad-29 ta’ Settembru 2023

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti dwar l-evalwazzjoni tal-kreditu ta’ proġetti ta’ finanzjament kollettiv, l-ipprezzar tal-offerti ta’ finanzjament kollettiv, u l-politiki u l-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(7) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2020/1503 jirrikjedi li l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jipprovdu biżżejjed informazzjoni lill-investituri dwar il-kwalità tal-proġetti ta’ finanzjament kollettiv u lis-sidien tal-proġetti, b’mod partikolari billi jipprovdu skeda bl-informazzjoni ewlenija dwar l-investiment, li jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni infurmata dwar l-investiment. Madankollu, jenħtieġ ukoll li l-investituri jkunu infurmati b’mod adegwat dwar kif il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jikkalkulaw l-evalwazzjonijiet tal-kreditu għall-proġetti ta’ finanzjament kollettiv u s-sidien tal-proġetti biex ikunu jistgħu jifhmu u jqabblu aħjar ir-riskji sottostanti għal self ta’ finanzjament kollettiv differenti.

(2)

F’dawn l-aħħar snin, it-tekniki tal-valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu u l-kalkolu tal-evalwazzjonijiet tar-riskju tal-kreditu, flimkien ma’ tekniki statistiċi aktar tradizzjonali, ġew żviluppati skont approċċi innovattivi bbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali u t-tagħlim awtomatiku. Pereżempju, għal intrapriżi żgħar u medji mingħajr storja twila ta’ kreditu, metodi innovattivi bbażati fuq data dwar it-tranżazzjonijiet jistgħu jkunu aktar utli minn metodi bbażati fuq data tradizzjonali dwar il-karta tal-bilanċ. Minħabba l-kumplessità tagħhom, l-użu ta’ dawk it-tekniki jista’ jżid l-asimmetrija tal-informazzjoni bejn l-investituri u l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-deskrizzjoni tal-metodu użat mill-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv biex jikkalkulaw l-evalwazzjonijiet tal-kreditu tindika l-mudell ta’ evalwazzjoni użat biex jappoġġa tali kalkolu, kif ukoll informazzjoni suffiċjenti dwar il-fatturi finanzjarji u mhux finanzjarji li jintużaw bħala input f’dawk il-mudelli ta’ evalwazzjoni u dwar l-output ipprovdut mill-mudelli ta’ evalwazzjoni.

(3)

L-investituri jistgħu ma jkunux kompletament konxji tal-mekkaniżmu għall-formazzjoni tal-prezzijiet għal offerti ta’ finanzjament kollettiv, u d-diversi fatturi involuti fih. Għaldaqstant, jenħtieġ li tiżdied it-trasparenza biex jiġi ffaċilitat it-tqabbil bejn self differenti. B’mod partikolari, meta l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jissuġġerixxu l-prezz ta’ offerta ta’ finanzjament kollettiv, jenħtieġ li dawn jiddeskrivu b’mod preċiż il-metodu użat għall-kalkolu ta’ dawk il-prezzijiet. Jenħtieġ li dik id-deskrizzjoni tqis dawk l-elementi li huma rilevanti kemm fil-mument kif ukoll wara l-punt meta jkun oriġina self, b’mod partikolari fir-rigward tat-tariffi li fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jista’ jitlob mill-investituri u mis-sidien tal-proġetti għas-servizzi pprovduti lilhom.

(4)

Jenħtieġ li l-prezz tas-self iffaċilitat fuq il-pjattaforma tal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv ikun ġust u xieraq. B’hekk jenħtieġ li jiġi żgurat li l-prezz jirrifletti l-profil tar-riskju u l-valur preżenti nett tas-self, u li l-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv ikun qies il-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq.

(5)

Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv iwettqu valutazzjoni affidabbli tar-riskju ta’ kreditu bħala protezzjoni minima għall-investituri li ma jkollhomx biżżejjed informazzjoni dwar l-affidabbiltà kreditizja tas-sidien tal-proġetti u dwar is-sostenibbiltà tal-proġetti ta’ finanzjament kollettiv. Sabiex jiġi żgurat li l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jivvalutaw ir-riskju ta’ kreditu tal-proġetti ta’ finanzjament kollettiv u tas-sidien tal-proġetti b’mod sod u robust, jenħtieġ li dawn iqisu ammont suffiċjenti ta’ informazzjoni dwar dawk il-fatturi li jaffettwaw is-sitwazzjoni finanzjarja u l-istrateġija tan-negozju tas-sidien tal-proġetti u tal-proġetti ta’ finanzjament kollettiv. Barra minn hekk, billi valutazzjoni komprensiva tar-riskju ta’ kreditu trid tqis ukoll jekk tali riskju huwiex ikkumpensat mid-disponibbiltà ta’ arranġamenti ta’ protezzjoni tal-kreditu, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv iqisu wkoll informazzjoni dwar il-kollateral u l-garanziji użati biex jittaffa r-riskju ta’ kreditu.

(6)

Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv ikollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti li tinsab fid-dokumentazzjoni relatata mal-valutazzjonijiet tar-riskju ta’ kreditu biex jippermettu analiżi ta’ valutazzjoni komparattiva adegwata dwar l-affidabbiltà kreditizja tas-sidien tal-proġetti prospettivi u jtejbu l-mudelli u l-għodod użati għall-approvazzjoni ta’ proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati fuq il-pjattaformi tagħhom. Jenħtieġ li d-data personali inkluża f’dik l-informazzjoni tinħażen għal perjodu ta’ mhux aktar minn ħames snin u xorta waħda tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(7)

Jenħtieġ li l-proċess biex jiġi ddeterminat il-prezz ta’ offerta ta’ finanzjament kollettiv jinkludi wkoll valwazzjoni preċiża tas-self ta’ finanzjament kollettiv. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jiżguraw li, matul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-self, tali valwazzjoni tkun ibbażata fuq għadd suffiċjenti ta’ fatturi li jirriflettu l-istruttura tal-introjtu u tal-kostijiet tas-self, kif ukoll il-livell ta’ riskju tiegħu.

(8)

Strutturi ta’ governanza tajba jsaħħu l-protezzjoni tal-investitur. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv ikollhom fis-seħħ arranġamenti ta’ governanza li jkunu proporzjonati għall-kumplessità tagħhom, flimkien ma’ politiki li jispeċifikaw l-elementi ta’ divulgazzjoni li jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta lill-investituri tkun dettaljata b’mod preċiż u suffiċjenti u tirrappreżenta l-proġett ta’ finanzjament kollettiv. Barra minn hekk, jenħtieġ li titwettaq diliġenza dovuta fuq il-proġetti ta’ finanzjament kollettiv u fuq is-sidien tal-proġetti. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-qafas tal-ġestjoni tar-riskju msemmi fl-Artikolu 4(4), il-punt (f) tar-Regolament (UE) 2020/1503 jidentifika r-rwoli u l-funzjonijiet ewlenin li huma responsabbli għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu u għall-assenjar ta’ self għall-kategoriji ta’ riskju rispettivi. Jenħtieġ li tali qafas ikun jaqbel mal-kumplessità tal-mudell kummerċjali tal-fornituri tal-finanzjament kollettiv u t-tip ta’ self iffaċilitat, u jirrifletti s-salvagwardji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2020/1503 għall-ġestjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu.

(9)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji żviluppat mill-Awtorità Bankarja Ewropea (European Banking Authority, EBA) f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, ESMA) u ppreżentat lill-Kummissjoni.

(10)

L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali, u talbet il-pariri tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(11)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u ta l-opinjoni tiegħu fl-10 ta’ Jannar 2023,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DESKRIZZJONI TAL-METODU UŻAT GĦALL-KALKOLU TAL-EVALWAZZJONIJIET TAL-KREDITU GĦALL-PROĠETTI TA’ FINANZJAMENT KOLLETTIV U L-PREZZIJIET TAL-OFFERTI TA’ FINANZJAMENT KOLLETTIV

Artikolu 1

Format tad-deskrizzjoni tal-metodu għall-kalkolu tal-evalwazzjonijiet tal-kreditu għall-proġetti ta’ finanzjament kollettiv u l-prezzijiet tal-offerti ta’ finanzjament kollettiv

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv li japplikaw evalwazzjonijiet tal-kreditu għall-proġetti ta’ finanzjament kollettiv jew li jissuġġerixxu l-ipprezzar tal-offerti ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw li d-deskrizzjoni tal-metodi użati għall-kalkolu ta’ dawk l-evalwazzjonijiet tal-kreditu jew il-prezzijiet tkun preċiża, affidabbli u aġġornata regolarment, u tikkonforma ma’ dan kollu li ġej:

(a)

id-deskrizzjoni tingħaraf b’mod ċar mill-komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni;

(b)

id-deskrizzjoni tkun ippreżentata b’mod li jkun faċli biex jinqara u espress b’mod li jiffaċilita l-fehim tagħha.

Artikolu 2

Elementi li għandhom jiġu inklużi fid-deskrizzjoni tal-metodu użat għall-kalkolu tal-evalwazzjonijiet tal-kreditu għall-proġetti ta’ finanzjament kollettiv

1.   Id-deskrizzjoni tal-metodu użat għall-kalkolu tal-evalwazzjonijiet tal-kreditu tal-proġetti ta’ finanzjament kollettiv għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

liema mill-mudelli ta’ evalwazzjoni li ġejjin intużaw:

(i)

mudell statistiku;

(ii)

mudell ibbażat fuq il-ġudizzju, fejn it-tekniki statistiċi jkunu integrati ma’ elementi diskrezzjonali tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

(iii)

mudell awtomatizzat;

(iv)

mudell ieħor;

(b)

jekk hemmx arranġamenti ta’ governanza xierqa fis-seħħ għad-disinn u l-użu tal-mudell;

(c)

deskrizzjoni tal-qafas applikat biex jiġi żgurat li l-kwalità tal-output tal-mudell tiġi vvalutata u jsir monitoraġġ tagħha regolarment;

(d)

jekk intużax mudell li ġie żviluppat minn fornituri terzi.

2.   Apparti l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, id-deskrizzjoni tal-metodu użat għall-kalkolu tal-evalwazzjonijiet tal-kreditu tal-proġetti ta’ finanzjament kollettiv għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

informazzjoni dwar is-sors ta’ kwalunkwe data użata għall-alimentazzjoni ta’ mudelli ta’ evalwazzjoni, u li tindika, b’mod partikolari, jekk l-informazzjoni hijiex:

(i)

riċevuta mingħand sid il-proġett;

(ii)

miksuba minn reġistri ta’ kreditu esterni;

(iii)

miksuba minn sorsi disponibbli għall-pubbliku;

(iv)

miksuba minn kwalunkwe sors ieħor;

(b)

spjegazzjoni ta’ kif il-metodu jikkunsidra l-fatturi finanzjarji li ġejjin relatati ma’ sid il-proġett u mal-proġett ta’ finanzjament kollettiv u jużahom bħala input fil-mudell tal-evalwazzjoni:

(i)

il-profittabbiltà tal-proġett ta’ finanzjament kollettiv;

(ii)

il-fluss tal-flus iġġenerat mill-proġett ta’ finanzjament kollettiv;

(iii)

l-ingranaġġ, il-piż tad-dejn u s-solvenza ta’ sid il-proġett;

(iv)

l-istorja tal-kreditu ta’ sid il-proġett;

(v)

id-disponibbiltà ta’ kollateral jew ta’ garanziji;

(c)

spjegazzjoni ta’ kif il-metodu jikkunsidra l-fatturi mhux finanzjarji li ġejjin relatati ma’ sid il-proġett u jużahom bħala input fil-mudell tal-evalwazzjoni:

(i)

il-kundizzjonijiet makroekonomiċi fil-ġuriżdizzjoni fejn se jsir il-proġett;

(ii)

il-livell ta’ kompetizzjoni fl-industrija fejn il-proġett se jiġi żviluppat;

(iii)

l-għarfien u l-esperjenza ta’ sid il-proġett tas-settur speċifiku li fih jagħmel in-negozju;

(iv)

ir-reputazzjoni ta’ sid il-proġett;

(d)

il-piżijiet assenjati lill-fatturi finanzjarji u mhux finanzjarji msemmija fil-punti (b) u (c);

(e)

il-metriċi rilevanti li jitqiesu fir-rigward tal-fatturi finanzjarji u mhux finanzjarji msemmija fil-punti (b) u (c);

(f)

spjegazzjoni ta’ kif ir-riskji li jirriżultaw minn attivitajiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu jitqiesu meta jiġu assenjati l-evalwazzjonijiet tal-kreditu;

(g)

deskrizzjoni tal-output tal-mudell tal-evalwazzjoni, inkluża tabella li tindika l-passi tal-evalwazzjoni tal-kreditu, li tindika għal kull pass:

(i)

il-klassifikazzjoni tal-kreditu;

(ii)

il-probabbiltà ta’ inadempjenza;

(iii)

interpretazzjoni kwalitattiva tal-istadju tal-evalwazzjoni tal-kreditu;

(iv)

l-aċċettazzjoni jew ir-rifjut tal-finanzjament tal-proġett mill-fornitur ta’ servizz ta’ finanzjament kollettiv;

(h)

deskrizzjoni ta’ kemm-il darba l-evalwazzjonijiet tal-kreditu u l-klassifikazzjonijiet korrispondenti tal-proġett ta’ finanzjament kollettiv jiġu aġġornati matul il-ħajja tas-self li jiffinanzja l-proġett;

(i)

indikazzjoni ta’ jekk l-evalwazzjonijiet tal-kreditu miksuba bl-użu ta’ mudelli awtomatizzati jistgħux jiġu kkoreġuti manwalment, u ċ-ċirkostanzi li fihom isiru tali korrezzjonijiet manwali;

(j)

indikazzjoni ta’ kif l-output tal-metodu jiġi kkunsidrat fid-determinazzjoni ta’:

(i)

l-ammont massimu ta’ self offrut lil sid ta’ proġett prospettiv;

(ii)

id-durata massima tas-self offrut lil sid ta’ proġett prospettiv.

3.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jinfurmaw lill-investituri meta bidla fil-metodu użat biex jiġu ddeterminati l-evalwazzjonijiet tal-kreditu twassal għal bidliet materjali fir-riżultati ta’ dak il-metodu.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-punt (a)(i), meta l-informazzjoni msemmija f’dak il-punt tkun ibbażata fuq kontijiet mhux awditjati, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiddivulgaw lill-investituri biżżejjed informazzjoni dwar l-affidabbiltà ta’ dik l-informazzjoni.

Artikolu 3

Elementi li għandhom jiġu inklużi fid-deskrizzjoni tal-metodu użat għall-kalkolu tal-prezzijiet ta’ offerti ta’ finanzjament kollettiv

1.   Id-deskrizzjoni tal-metodu użat għall-kalkolu tal-prezz għall-offerti ta’ finanzjament kollettiv għandha tispjega kif l-elementi kollha li ġejjin tas-self jitqiesu fl-istrateġija tal-ipprezzar:

(a)

l-ammont ta’ kapital tas-self;

(b)

il-maturità tas-self;

(c)

l-istruttura taż-żmien tal-ħlasijiet parzjali ta’ ripagamenti;

(d)

ir-riżultati tal-mudelli tal-evalwazzjoni;

2.   Id-deskrizzjoni tal-metodu msemmi fil-paragrafu 1 għandha tindika kif l-elementi kollha li ġejjin huma kkunsidrati fil-punt tal-oriġinazzjoni tas-self:

(a)

ir-rata tal-imgħax mingħajr riskju użata;

(b)

il-kategorija tar-riskju ta’ sid il-proġett assenjata f’konformità mal-Artikolu 19;

(c)

id-disponibbiltà ta’ kollateral jew ta’ garanziji;

(d)

kwalunkwe kost operatorju u amministrattiv, u tariffi imposti mill-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għal servizzi pprovduti b’rabta mas-self;

(e)

fejn rilevanti, kwalunkwe riskju ieħor assoċjat mas-self.

3.   Apparti l-elementi msemmija fil-paragrafi 1 u 2, id-deskrizzjoni tal-metodu msemmi fil-paragrafu 1 għandha tindika wkoll kif jitqiesu l-elementi kollha li ġejjin wara l-punt tal-oriġinazzjoni tas-self:

(a)

tariffi għall-amministrazzjoni u l-monitoraġġ tas-self;

(b)

tariffi fir-rigward tal-evalwazzjoni mill-ġdid tal-kollateral;

(c)

tariffi għal bidliet fit-termini tal-ftehim ta’ self jew fil-kundizzjonijiet ta’ ristrutturar, inklużi bidliet wara inadempjenza minn sid il-proġett;

(d)

tariffi għall-bejgħ tas-self mill-investitur;

(e)

tariffi għar-ripagament bikri tas-self;

(f)

tariffi għall-fondi ta’ kontinġenza kif imsemmi fl-Artikolu 6(5) u (6) tar-Regolament (UE) 2020/1503.

KAPITOLU II

VALUTAZZJONI TAR-RISKJU TA’ KREDITU U VALUTAZZJONI TAS-SELF

Artikolu 4

Approċċi u informazzjoni għall-valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu u l-valutazzjoni tas-self

Għall-finijiet ta’ dan il-kapitolu, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom:

(a)

jadottaw metodi u approċċi għall-valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu u l-valutazzjoni tas-self li huma proporzjonati għad-daqs, it-tip u l-maturità tas-self u għall-karatteristiki ta’ sid il-proġett u tal-proġett ta’ finanzjament kollettiv;

(b)

jużaw informazzjoni u data preċiżi, affidabbli u aġġornati.

Artikolu 5

Rekwiżiti ġenerali għall-valutazzjonijiet tar-riskju ta’ kreditu ta’ proġetti ta’ finanzjament kollettiv jew tas-sidien tal-proġetti

1.   Meta jivvalutaw ir-riskju ta’ kreditu tal-proġetti ta’ finanzjament kollettiv jew tas-sidien tal-proġetti, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jivvalutaw il-kapaċità attwali u futura ta’ sid il-proġett li jissodisfa l-obbligi finanzjarji stabbiliti fil-ftehim ta’ self.

2.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiddokumentaw tajjeb id-deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u għandhom iżommu dik id-dokumentazzjoni għal mill-inqas ħames snin wara r-ripagament tal-aħħar ħlas parzjali tas-self.

3.   Għall-fini tal-paragrafu 2, kwalunkwe data personali kif definita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, għandha tinżamm għal mhux aktar minn ħames snin wara r-ripagament tal-aħħar ħlas parzjali tas-self.

Artikolu 6

Informazzjoni li għandha tiġi kkunsidrata fil-valutazzjonijiet tar-riskju ta’ kreditu ta’ proġetti ta’ finanzjament kollettiv jew tas-sidien tal-proġetti

Meta jivvalutaw ir-riskju ta’ kreditu tal-proġetti ta’ finanzjament kollettiv jew tas-sidien tal-proġetti, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jikkunsidraw l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

id-deskrizzjoni tal-proġett ta’ finanzjament kollettiv;

(b)

l-iskop tas-self;

(c)

l-istruttura tas-sjieda ta’ sid il-proġett;

(d)

il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju li fuqu huwa bbażat il-proġett ta’ finanzjament kollettiv;

(e)

id-disponibbiltà ta’ kollateral jew ta’ garanziji.

Artikolu 7

Fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ sid il-proġett jew tal-proġett ta’ finanzjament kollettiv

1.   Meta jivvalutaw ir-riskju ta’ kreditu tal-proġetti ta’ finanzjament kollettiv jew tas-sidien tal-proġetti, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin b’rabta mas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ sid il-proġett jew tal-proġett ta’ finanzjament kollettiv:

(a)

l-introjtu u l-fluss tal-flus iġġenerati mill-proġett ta’ finanzjament kollettiv matul l-aħħar sentejn, fejn disponibbli;

(b)

l-introjtu u l-flussi tal-flus mistennija tal-proġett ta’ finanzjament kollettiv f’xenarji differenti;

(c)

is-sitwazzjoni finanzjarja attwali u proġettata ta’ sid il-proġett, inkluż kwalunkwe self u obbligazzjonijiet eżistenti oħra;

(d)

id-disponibbiltà ta’ kollateral jew ta’ garanziji oħra.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (c), il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jikkunsidraw il-fatturi li ġejjin meta jivvalutaw self u obbligazzjonijiet oħra li sid il-proġett jista’ jkollu fis-seħħ fiż-żmien tat-talba għal self:

(a)

l-ammont ta’ dak is-self jew obbligazzjonijiet oħrajn;

(b)

il-munita li fiha jinħareġ dak is-self jew obbligazzjonijiet oħrajn;

(c)

il-maturità ta’ dak is-self jew obbligazzjonijiet oħrajn;

(d)

l-iskeda ta’ ripagament ta’ dak is-self jew obbligazzjonijiet oħrajn;

(e)

ir-rata tal-imgħax jew kwalunkwe kumpens ieħor previst f’dawk il-kuntratti ta’ self jew obbligazzjonijiet oħrajn.

3.   Meta jwettqu l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jikkunsidraw indikaturi finanzjarji, speċifiċi għall-klassi tal-assi jew speċifiċi għat-tip ta’ prodott rilevanti għall-aħħar tliet snin finanzjarji, fejn disponibbli, f’konformità mal-politiki stabbiliti fil-Kapitolu IV. Dawk l-indikaturi għandhom jiġu kkalkulati f’konformità mal-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju jew il-Prinċipji tal-Kontabbiltà Ġeneralment Aċċettati lokali, f’konformità mal-politiki stabbiliti fil-Kapitolu IV.

4.   L-indikaturi finanzjarji rilevanti jistgħu jinkludu l-punti elenkati fl-Anness, iżda mhumiex limitati għalihom.

5.   Meta jużaw projezzjonijiet finanzjarji biex jivvalutaw ir-riskju ta’ kreditu, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw li dawk il-projezzjonijiet ikunu bbażati fuq suppożizzjonijiet solidi u prudenti u jkunu konsistenti ma’ data storika u aspettattivi raġonevoli tas-suq.

Artikolu 8

Informazzjoni li għandha tiġi kkunsidrata fil-valutazzjoni tal-mudell u l-istrateġija tan-negozju tal-proġetti ta’ finanzjament kollettiv u tas-sidien tal-proġetti

Meta jivvalutaw ir-riskju ta’ kreditu tal-proġetti ta’ finanzjament kollettiv jew tas-sidien tal-proġetti, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jikkunsidraw l-informazzjoni li ġejja b’rabta mal-mudell tan-negozju u l-istrateġija tan-negozju tal-proġett ta’ finanzjament kollettiv:

(a)

l-għarfien ta’ sid il-proġett tas-settur tan-negozju relatat mal-proġett ta’ finanzjament kollettiv u l-esperjenza fi proġetti simili;

(b)

il-fattibbiltà u s-sostenibbiltà tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju marbut mal-proġett ta’ finanzjament kollettiv;

(c)

analiżi tal-punti b’saħħithom u d-dgħufijiet tal-proġett ta’ finanzjament kollettiv;

(d)

il-livell ta’ kompetizzjoni fis-settur tan-negozju li fih ikun qed iseħħ il-proġett ta’ finanzjament kollettiv;

(e)

it-tip ta’ klijenti u l-pożizzjoni ġeografika tagħhom.

Artikolu 9

Informazzjoni dwar arranġamenti ta’ protezzjoni tal-kreditu

1.   Meta self mogħti lil sid il-proġett ikun garantit minn arranġamenti ta’ protezzjoni tal-kreditu, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiġbru informazzjoni dwar:

(a)

il-preċiżjoni tal-valutazzjoni tal-kollateral u l-garanziji;

(b)

l-effettività u l-infurzabbiltà tal-kollateral u l-garanziji.

2.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jivvalutaw u jagħmlu monitoraġġ b’mod regolari tal-valur tal-kollateral u l-garanziji, u jieħdu azzjoni xierqa jekk il-valur tal-kollateral jonqos materjalment.

Artikolu 10

Informazzjoni dwar il-protezzjoni ffinanzjata tal-kreditu

1.   Meta s-self ikun garantit minn kollateral, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw li l-valutazzjoni tal-kollateral tqis l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

informazzjoni dwar il-maturità tal-kollateral;

(b)

għal kollateral finanzjarju, l-aħħar prezz disponibbli għall-kollateral u l-prezz medju matul it-12-il xahar preċedenti f’suq likwidu u nnegozjat;

(c)

għal kollateral fiżiku, l-aħħar valur tas-suq disponibbli;

(d)

informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ suq għal-likwidazzjoni immedjata tal-kollateral;

(e)

miżura tal-volatilità tal-valur tal-kollateral.

2.   Fin-nuqqas ta’ suq li jistabbilixxi b’mod oġġettiv prezz jew valur tas-suq għall-kollateral, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jikkunsidraw l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

is-suppożizzjonijiet li ntużaw biex jiġi vvalutat il-valur tal-kollateral;

(b)

il-frekwenza li biha l-valur jista’ jinkiseb fil-pront, inkluża evalwazzjoni jew valutazzjoni professjonali.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandu jkollhom fis-seħħ politiki u proċeduri biex jagħmlu monitoraġġ tal-valur tal-kollateral.

Artikolu 11

Informazzjoni dwar il-protezzjoni tal-kreditu mhux iffinanzjata

Meta s-self ikun garantit, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw li l-valutazzjoni tal-kollateral tqis l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

l-identità tal-garanti;

(b)

it-tip ta’ garanzija;

(c)

l-eżegwibbiltà tal-garanzija;

(d)

il-livell ta’ protezzjoni pprovdut mill-garanzija;

(e)

l-ammont li l-garanti jkun impenja ruħu li jħallas fil-każ ta’ inadempjenza ta’ sid il-proġett jew nuqqas ta’ pagament minn dak is-sid tal-proġett.

Artikolu 12

Informazzjoni dwar il-kontabbiltà

Meta d-dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati ma jkunux disponibbli għall-aħħar sentejn finanzjarji, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom, għall-finijiet tal-Artikolu 4(4), il-punt (b)(i) tar-Regolament (UE) 2020/1503, jibbażaw il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ sid il-proġett fuq dokumenti mħejjija minn konsulent tat-taxxa, kontabilist ġuramentat jew persuna ċċertifikata oħra soġġetta għal sistema ta’ assigurazzjoni tal-kwalità professjonali.

Artikolu 13

Informazzjoni li għandha tiġi kkunsidrata għall-valutazzjoni tas-self

1.   Meta jivvalutaw kull self kif imsemmi fl-Artikolu 4(4), il-punt (e)(i) tar-Regolament (UE) 2020/1503, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom:

(a)

iwettqu valutazzjoni tas-self mogħti lis-sidien tal-proġetti filwaqt li jqisu informazzjoni suffiċjenti u aġġornata;

(b)

iwettqu l-valutazzjoni fi żmien tliet xhur qabel l-għoti tas-self.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, fil-punt tal-oriġinazzjoni tas-self, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

il-maturità tas-self;

(b)

il-frekwenza tal-pagamenti parzjali u l-flussi futuri tal-flus mistennija;

(c)

jekk hemmx xi opzjoni ta’ prepagamenti prevista fil-kuntratt tas-self;

(d)

rata tal-imgħax mingħajr riskju biex jiġu skontati l-pagamenti magħmula mis-self;

(e)

ir-rata tal-imgħax stabbilita fil-ftehim tas-self;

(f)

il-probabbiltà ta’ inadempjenza minn sid il-proġett kif stabbilit fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2115 (5);

(g)

il-valur ta’ kwalunkwe kollateral, jekk ikun hemm; li sid il-proġett ikun uża bħala parti mill-ftehim tas-self;

(h)

kwalunkwe garanzija u l-livell ta’ protezzjoni pprovduti minn dawk il-garanziji.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, wara l-punt tal-oriġinazzjoni tas-self, il-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandu jqis, minbarra l-fatturi msemmija fil-paragrafu 2, il-fatturi li ġejjin:

(a)

iż-żmien għall-maturità tas-self;

(b)

l-istennija ta’ telf fil-futur.

4.   Meta l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, f’konformità mal-Artikolu 4(4), il-punt (e)(iii), tar-Regolament (UE) 2020/1503, iwettqu l-valutazzjoni ta’ self wara inadempjenza, dawn għandhom iwettqu l-valutazzjoni tal-kollateral u l-garanziji b’mod konservattiv u għandhom jikkunsidraw tariffi u spejjeż oħra relatati mal-ġbir tad-dejn.

KAPITOLU III

PREZZAR ĠUST U XIERAQ TAS-SELF

Artikolu 14

Fatturi biex jiġi żgurat prezzar ġust u xieraq tas-self

1.   Meta jiddeterminaw il-prezz għal self li jiffaċilitaw, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom iqisu l-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

il-profil tar-riskju ta’ sid il-proġett jew tal-proġett ta’ finanzjament kollettiv, kif determinat fil-kategoriji ta’ riskju msemmija fl-Artikolu 19;

(b)

il-valur preżenti nett tas-self;

(c)

il-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq fil-punt tal-oriġinazzjoni tas-self u matul il-ħajja tas-self;

(d)

l-istrateġija tan-negozju tagħhom.

2.   Meta jikkalkulaw il-valur preżenti nett imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

l-ammont ta’ kapital tas-self;

(b)

il-maturità tas-self;

(c)

il-frekwenza tal-ħlasijiet parzjali tas-self;

(d)

rata tal-imgħax xierqa biex jiġu skontati r-ripagamenti futuri.

KAPITOLU IV

POLITIKI U PROĊEDURI BIEX TIĠI ŻGURATA INFORMAZZJONI SUFFIĊJENTI GĦALL-KLIJENTI U BIEX IKUNU JISTGĦU JSIRU VALUTAZZJONIJIET TAR-RISKJU TAL-KREDITU, VALUTAZZJONI TAS-SELF U PREZZAR

Artikolu 15

Arranġamenti ta’ governanza għall-informazzjoni lill-klijenti

1.   Għall-informazzjoni lill-klijenti kif imsemmi fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2020/1503, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandu jkollhom fis-seħħ qafas ta’ governanza adegwat u għandu jkollhom deskrizzjoni bil-miktub tiegħu.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw dan kollu li ġej:

(a)

li l-informazzjoni kollha pprovduta lill-klijenti tkun kompluta u aġġornata;

(b)

li l-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi ta’ governanza interna għad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni lill-klijenti jkunu proporzjonati għad-daqs u l-kumplessità tal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv.

3.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw li d-divulgazzjonijiet kwantitattivi kollha lill-klijenti jkunu akkumpanjati minn narrattiva kwalitattiva u informazzjoni supplimentari oħra li tista’ tkun meħtieġa għall-klijenti biex jiksbu fehim sħiħ tad-divulgazzjonijiet kwantitattivi.

Artikolu 16

Politiki għad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni lill-klijenti

1.   Il-politiki għad-divulgazzjoni tal-informazzjoni lill-klijenti kif imsemmi fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2020/1503 għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kollha lill-klijenti tiġi ppreżentata b’mod li jkun faċli biex tinqara, u espressa b’mod li jiffaċilita l-fehim, b’mod partikolari minn investituri mhux sofistikati prospettivi.

2.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw li l-politiki li jipprovdu biżżejjed informazzjoni lill-klijenti jkun fihom l-elementi kollha li ġejjin:

(a)

il-frekwenza għall-aġġornament tal-informazzjoni pprovduta lill-klijenti;

(b)

ir-rwoli jew il-funzjonijiet responsabbli għat-tħejjija tal-informazzjoni għall-klijenti;

(c)

it-trattament ta’ informazzjoni li jista’ jkollha impatt fuq l-ipprezzar ta’ self (informazzjoni sensittiva għall-prezzijiet);

(d)

il-proċess għall-validazzjoni tal-informazzjoni għall-klijenti.

3.   Il-korp maniġerjali tal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandu japprova l-politiki, il-proċeduri u l-arranġamenti organizzattivi relatati mad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni lill-klijenti, u dawk il-politiki għandhom ikunu bil-miktub, aġġornati regolarment, u dokumentati tajjeb.

Artikolu 17

Stabbiliment ta’ qafas ta’ ġestjoni tar-riskju

1.   Il-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju msemmi fl-Artikolu 4(4)(f) tar-Regolament (UE) 2020/1503 għandu jkun:

(a)

integrat fl-istruttura organizzattiva u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ġenerali tal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv;

(b)

proporzjonat għall-kumplessità tal-mudell operatorju tan-negozju tal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv.

2.   Fil-qafas tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jispeċifikaw ir-rwoli jew il-funzjonijiet responsabbli għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu u l-kompiti ta’ monitoraġġ, il-proċess ta’ approvazzjoni ta’ proġetti ta’ finanzjament kollettiv li għandhom jiġu proposti lill-investituri, u l-valutazzjoni tas-self.

3.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jistabbilixxu oqfsa ta’ rapportar trasparenti. Dawk l-oqfsa ta’ rapportar għandhom jiżguraw li l-korp maniġerjali tal-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv u r-rwoli u l-funzjonijiet jiġu pprovduti b’informazzjoni adegwata li tippermettilhom ikejlu, jivvalutaw u jagħmlu monitoraġġ tar-riskju ta’ kreditu. Il-qafas ta’ rapportar għandu jkun dettaljat u dokumentat biżżejjed.

4.   Il-korp maniġerjali tal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta’ governanza u organizzattivi relatati mal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju, inkluż l-istabbiliment, il-manutenzjoni u l-pubblikazzjoni tal-politiki u l-proċeduri rispettivi.

Artikolu 18

Rwoli u funzjonijiet stabbiliti fil-qafas tal-ġestjoni tar-riskju

1.   Ir-rwoli u l-funzjonijiet stabbiliti fil-qafas tal-ġestjoni tar-riskju għandhom ikunu responsabbli għal dan li ġej:

(a)

il-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu tal-proġetti ta’ finanzjament kollettiv u tas-sidien tal-proġetti għall-finijiet ta’ evalwazzjoni f’konformità mal-Kapitolu III;

(b)

l-għoti ta’ self lil kategoriji ta’ riskju xierqa;

(c)

it-tfassil ta’ proċessi xierqa għall-monitoraġġ u r-rapportar tar-riskju ta’ kreditu;

(d)

l-istabbiliment ta’ proċessi xierqa biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet li fihom sid il-proġett ma jkunx jista’ jissodisfa l-obbligi tiegħu jew ikun inadempjenti, kif stabbilit fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2115.

2.   Meta l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv iwettqu kompiti individwali ta’ ġestjoni tal-portafoll fir-rigward ta’ self f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/1503, dawn għandu jkollhom fis-seħħ proċess dettaljat u dokumentat biex jallokaw il-fondi tal-investituri fost il-proġetti ta’ finanzjament kollettiv.

3.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv li jissuġġerixxu l-ipprezzar tal-offerti ta’ finanzjament kollettiv għandu jkollhom fis-seħħ qafas ta’ pprezzar adegwat, appoġġat minn dokumentazzjoni u strutturi ta’ governanza responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-ipprezzar xierqa.

Artikolu 19

Kategoriji ta’ riskju

1.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw li l-assenjar ta’ self lil kategoriji ta’ riskju f’konformità mal-Artikolu 18(1)(b) jirrifletti:

(a)

il-livelli ta’ riskju tal-proġetti ta’ finanzjament kollettiv rispettivi kif determinati mill-output tal-mudelli interni ta’ evalwazzjoni tal-kreditu f’konformità mal-Kapitolu I;

(b)

fatturi speċifiċi li huma relatati mas-self, inklużi r-rata tal-imgħax, il-maturità tas-self u l-frekwenza tal-pagamenti parzjali, iżda mhux limitati għalihom.

2.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw li:

(a)

il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju fih proċeduri adegwati għar-rieżami tal-assenjar ta’ self lil kategoriji u għall-assenjar mill-ġdid tiegħu għal kategorija ġdida ta’ riskju kull meta jkun hemm bidla fl-evalwazzjoni tal-kreditu rispettiv jew f’fatturi oħra relatati mas-self;

(b)

kull kategorija ta’ riskju hija assoċjata ma’ probabbiltà ta’ inadempjenza.

Artikolu 20

Approvazzjoni ta’ proġetti ta’ finanzjament kollettiv

1.   Fil-qafas tal-ġestjoni tar-riskju, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jistabbilixxu proċessi ċari u dokumentati tajjeb għall-approvazzjoni ta’ proġetti ta’ finanzjament kollettiv li għandhom jiġu proposti lill-investituri.

2.   Il-proċessi stabbiliti f’konformità mal-paragrafu 1 għandhom jistabbilixxu r-responsabbiltajiet tar-rwol u l-funzjonijiet rilevanti fl-istruttura organizzazzjonali tal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv.

3.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw li l-membri tal-persunal li jistgħu japprovaw proġetti li għandhom jiġu proposti lill-investituri jkunu mħarrġa b’mod adegwat u jkollhom għarfien espert u anzjanità rilevanti fir-rigward tas-setgħat speċifiċi delegati lilhom.

Artikolu 21

Użu ta’ mudelli awtomatizzati

1.   Meta jintużaw mudelli awtomatizzati għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu ta’ proġetti ta’ finanzjament kollettiv jew ta’ sidien ta’ proġetti u għall-approvazzjoni ta’ proġetti ta’ finanzjament kollettiv li għandhom jiġu proposti lill-investituri, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw li:

(a)

ir-rwoli u l-funzjonijiet ikkonċernati jkollhom fehim tajjeb tal-metodoloġija ta’ dawk il-mudelli, id-data tal-input tagħhom, u s-suppożizzjonijiet u l-limitazzjonijiet tagħhom;

(b)

il-korp maniġerjali jkollu fehim suffiċjenti tal-użu tal-innovazzjoni abilitata mit-teknoloġija applikata għall-prodotti finanzjarji;

(c)

il-mudelli awtomatizzati jkunu adattati għall-iskop tagħhom, u li l-użu tagħhom ikun proporzjonat għad-daqs u l-kumplessità tal-attività ta’ sid il-proġett, tal-proġett ta’ finanzjament kollettiv u l-ammont tas-self.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandu jkollhom fis-seħħ politiki u proċeduri u jistabbilixxu arranġamenti ta’ governanza xierqa għat-tfassil u l-użu ta’ tali mudelli awtomatizzati.

3.   Il-politiki u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2 għandhom:

(a)

jiżguraw il-kwalità tad-data użata bħala input għall-mudelli awtomatizzati;

(b)

jiżguraw li l-kwalità tal-output tal-mudelli awtomatizzati tiġi vvalutata regolarment;

(c)

jistabbilixxu kriterji biex jiġi deċiż meta l-eżitu ta’ tali mudelli awtomatizzati jista’ jiġi revokat.

4.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandu jkollhom fis-seħħ dokumentazzjoni adegwata li tkopri l-metodoloġija, l-input tad-data u l-kriterji li jużaw il-mudelli awtomatizzati għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu, il-monitoraġġ tar-riskju ta’ kreditu u l-approvazzjoni ta’ proġetti ta’ finanzjament kollettiv li għandhom jiġu proposti lill-investituri.

Artikolu 22

Politiki għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu

1.   Fil-qafas tal-ġestjoni tar-riskju ta’ kreditu tagħhom, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jistabbilixxu politiki u proċeduri xierqa dwar ir-riskju ta’ kreditu għad-determinazzjoni tal-kriterji għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ tar-riskju ta’ kreditu.

2.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandu jkollhom fis-seħħ politiki u proċeduri ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ kreditu li jispeċifikaw dan kollu li ġej:

(a)

il-proċess għall-approvazzjoni ta’ proġetti ta’ finanzjament kollettiv li għandhom jiġu proposti lill-investituri;

(b)

il-proċess għall-assenjazzjoni ta’ proġetti ta’ finanzjament kollettiv u s-sidien tal-proġetti għal kategoriji ta’ riskju f’konformità mal-Artikolu 19;

(c)

l-informazzjoni u l-fatturi li għandhom jintużaw biex tiġi vvalutata l-affidabbiltà kreditizja tal-proġetti ta’ finanzjament kollettiv u tas-sidien tal-proġetti f’konformità mal-Kapitolu II;

(d)

il-kriterji għall-aċċettazzjoni u l-użu ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu;

(e)

il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat fil-proċess għall-approvazzjoni ta’ proġetti ta’ finanzjament kollettiv li għandhom jiġu proposti lill-investituri;

(f)

iċ-ċirkustanzi li fihom huma possibbli devjazzjonijiet minn proċeduri standard;

(g)

il-proċess għall-monitoraġġ tar-riskju tal-kreditu wara l-punt tal-oriġinazzjoni tas-self;

(h)

il-proċessi biex jiġu ttrattati s-sidien tal-proġetti li jkunu tardivi fir-ripagament tas-self tagħhom.

3.   Il-politiki u l-proċeduri ta’ riskju ta’ kreditu msemmija fil-paragrafu 1 għandhom:

(a)

ikunu proporzjonati għad-daqs u l-kumplessità tal-proġetti ta’ finanzjament kollettiv offruti fuq il-pjattaforma tal-finanzjament kollettiv;

(b)

jidentifikaw b’mod ċar ir-rwoli u/jew il-funzjonijiet responsabbli għat-twettiq tal-kompiti rilevanti;

(c)

jiġu dokumentati u jinżammu aġġornati.

4.   Il-politiki dwar ir-riskju ta’ kreditu msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw jekk u kif il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jinkludu riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza fil-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu tal-proġetti ta’ finanzjament kollettiv.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Settembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.10.2020, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2115 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija għall-kalkolu tar-rati ta’ inadempjenza tas-self offrut fuq pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv (ĠU L 287, 8.11.2022, p. 33).


ANNESS

Indikaturi finanzjarji rilevanti li għandhom jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 7(4)

I)   

Indikaturi tal-profittabbiltà:

(a)

Introjtu Nett Annwali

(b)

EBITDA

(c)

Redditu fuq l-Ekwità (Return on Equity, RoE) – RoE = (EBIT-Taxxa-Mgħax Imħallas)/(Ekwità Medja)

(d)

Redditu fuq l-Assi (Return on Assets, RoA) – RoA = (EBIT-Taxxa)/(Assi Totali Medji)

(e)

Marġni tal-Profitt Nett (Net Profit Margin, NPM) – NPM = (EBIT-Taxxa)/(Assi Totali Medji)

(f)

Bejgħ għall-Assi Totali (Sales to Total Assets, STA) – STA = Bejgħ/(Assi Totali Medji)

II)   

Indikaturi tal-ingranaġġ u tad-dejn:

(a)

Proporzjon ta’ Dejn-Ekwità (Debt to Equity Ratio, DER) – DER = (Dejn+Valur tal-Lokazzjonijiet)/Ekwità

(b)

Proporzjon tad-Dejn (Debt Ratio, DR) – DR = (Dejn Totali)/(Assi Totali)

(c)

Rendiment tad-Dejn (Debt Yield, DY) – DY = EBITDA/Ammont ta’ Self

(d)

Proporzjon bejn is-Self u l-Kost (Loan to Cost, LC) – LC = (Ammont tas-Self)/(Kost tal-Kostruzzjoni)

(e)

Proporzjon bejn is-Self u l-Valur (Loan to Value, LV) – LV = (Ammont tas-Self)/(Valur tal-Proprjetà)

III)   

Indikaturi tal-likwidità:

(a)

Proporzjon tal-Kopertura tal-Imgħax (Interest Coverage Ratio, ICR) – ICR = EBIT/Spejjeż tal-Imgħax

(b)

Proporzjon tal-Kopertura tas-Servizz tad-Dejn (Debt Service Coverage Ratio, DSCR) – DSCR = EBITDA/(Ammont ta’ Kapital+Ammont tal-Imgħax)

(c)

Proporzjon bejn il-Fluss ta’ Flus u d-Dejn (Cash Flow to Debt Ratio, CFD) – CFD = (Fluss ta’ Flus)/Dejn

(d)

Proporzjon ta’ Flus (Cash Ratio, CR) – CR = (Flus+Titoli Kummerċjabbli)/(Obbligazzjonijiet Kurrenti)

(e)

Proporzjon bejn il-Kapital Operatorju Nett u l-Assi Totali (Net Working Capital to Total Assets, NWCTA) – NWCTA = (Assi Kurrenti (Flus, Titoli b’Terminu Qasir, Riċevuti, Inventarji, Assi Kurrenti Oħra))/Assi

IV)   

Indikaturi tal-kapital:

(a)

Rata ta’ Kapitalizzazzjoni (Capitalisation Rate, CR) – CR = (Introjtu Operatorju Nett)/Kapital

(b)

Rendiment tal-Qligħ (Profit Yield, PY) – PY = (Introjtu Nett)/Kapital


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/358/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top