EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31993R0315

Regolament tal-kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabblixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel.

ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1–3 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 07/08/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1993/315/oj

31993R0315



Official Journal L 037 , 13/02/1993 P. 0001 - 0003
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 12 P. 0078
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 12 P. 0078


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93

tat-8 ta’ Frar 1993

li jistabblixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel.

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

B’koperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi huwa importanti li jiġu adottati miżuri bil-għan li progessivament jiġi stabbilit is-suq intern f’perjodu li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 1992; billi s-suq intern għandu jikkonsisti f’żona mingħajr fruntieri interni li fihom il-moviment liberu tal-merkanzija, persuni, servizzi u kapital ikun assigurat;

Billi d-differenzi fir-regoli adottati mill-Istati Membri jistgħu itellfu l-funzjonament tas-suq komuni u billi huwa neċessarju li tkun stabbilita proċedura għall-adozzjoni ta’ regoli armonizzati tal-Komunità;

Billi kontaminanti jistgħu jidħlu fl-ikel fi kwalunkwe stadju mill-produzzjoni sal-konsum;

Billi huwa essenzjali, fl-interess tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, li dawn il-kontaminati jkunu miżmuma f’livelli li huma tossikoloġikament aċċettabbli;

Billi aktar eliminazzjoni trid tiġi mwettqa meta dan hu possibbli permezz ta’ prattiċi ta’ xogħol tajbin; billi konformità ma’ tali prattiċi tajbin tista’ tkun ikkontrollata effiċjentement minn awtoritajiet pubbliċi, minħabba t-taħriġ vokazzjonali u l-esperjanza ta’ l-aġenti tagħhom;

Billi dan ir-Regolament irid japplika mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet adottati fil-kuntest ta’ regoli aktar speċifiċi tal-Komunità;

Billi huwa xieraq f’termini ta’ protezzjoni tas-saħħa li tkun inkoraġġuta t-tfittxija għal approċċ komprensiv għall-kwistjoni ta’ kontaminanti fl-ikel;

Billi l-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel stabbilit b’Deċiżjoni 74/234/KEE [4] irid jiġi kkonsultat fuq il-kwistjonijiet kollha li jista’ jkollhom effett fuq is-saħħa pubblika,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament jikkonċerna kontaminanti miżmuma fl-ikel.

"Kontaminant" ifisser kwalunkwe sustanza miżjuda mhux intenzjonalment ma’ l-ikel li hu preżenti f’tali ikel bħala riżultat tal-produzzjoni (b’inklużjoni ta’ operazzjonijiet imwettqa fl- agrikoltura ta’ l-uċuħ tar-raba’, trobbija ta’ l-annimali u mediċina veterinarja), manifattura, ipproċessar, preparazzjoni, trattament, ippakkjar, imballaġġ, trasport jew żamm ta’ tali ikel, jew bħala riżultat ta’ kontaminazzjoni ambjentali. Materja estranea, bħal, per eżempju, biċċiet ta’ insetti, xagħar ta’ l-annimali eċċ, mhix kopera minn din id-definizzjoni.

2. Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-kontaminati li huma s-suġġett ta’ regoli aktar speċifiċi tal-Komunità.

Mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippubblika fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, għall-iskopijiet ta’ informazzjoni, lista tar-regoli msemmija fl-ewwel subparagrafu. Dik il-lista għandha tkun aġġornata, kif xieraq mill-Kummissjoni.

3. Disposizzjonijiet rigward kontaminati għandhom jiġu adottati skond dan ir-Regolament, ħlief dawk stabbiliti mir-regoli msemmija f’paragrafu 2.

Artikolu 2

1. Ikel li jkun fih kontaminat f’ammont li mhux aċċettabbli mil-lat ta’ saħħa pubblika u b’mod partikolari f’livell tossikoloġiku m’għandux ikun mqiegħed fis-suq.

2. Aktar u aktar, livelli ta’ kontaminati għandhom jinżammu l-iktar baxx li raġonevolment jista’ jinkiseb billi jiġu segwiti prattiċi tajbin fl-istadji kollha msemmija fl-Artikolu 1.

3. Sabiex tkun protetta s-saħħa pubblika u skond paragrafu 1, fejn neċessarju, tolleranzi massimi għall-kontaminati speċifiċi għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8.

Dawn it-tolleranzi għandhom jiġu adottati fil-forma ta’ lista mhux eżawrjenti tal-Komunità u jistgħu jinkludu:

- limiti għall-istess kontaminat f’ikel differenti;

- limiti ta’ skoperti analitiċi;

- referenza għall-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi li jridu jkunu użati.

Artikolu 3

Disposizzjonijiet li jista’ jkollhom effett fuq is-saħħa pubblika għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni tal-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel.

Artikolu 4

1. Fejn Stat Membru, bħala riżultat ta’ informazzjoni ġdida jew ta’ stima mill-ġdid ta’ informazzjoni eżistenti, ikollu raġun jissuspetta li kontaminant fl-ikel għalkemm jikkonforma ma’ dan ir-Regolament jew Regolamenti speċifiċi adottati skond dan ir-Regolament, jikkostitwixxi riskju ta’ saħħa, dan jista’ jissospendi temporanjament jew jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet konċernati fit-territorju tiegħu. Hu għandu immedjatament jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’dan u jagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

2. Il-Kummissjoni għandha teżamina r-raġunijiet mogħtija mill-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 mill-aktar fis possibbli fil-Kumitat Permanenti għall-Ikel, imwaqqaf b’Deċiżjoni 69/314/KEE [5] u għandu jwassal l-opinjoni tiegħu immedjatament u jieħu kwalunkwe miżuri neċessarji skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8.

Artikolu 5

1. Stati Membri ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew iwaqqfu t-tqiegħid fis-suq ta’ ikel li jikkonforma ma’ dan ir- Regolament jew disposizzjonijiet speċifiċi adottati skond dan ir- Regolament għal raġunijiet rigward il-livelli ta’ kontaminant tiegħu.

2. Fejn disposizzjonijiet tal-Komunità li jikkonċernaw t-tolleranzi massimi msemmija fl-Artikolu 2(3) ma ġewx adottati, id-disposizzjonijiet nazzjonali relevanti għandhom ikunu applikabbli suġġetti għal konformità mad-disposizzjonijiet tat-Trattat.

3. (a) Meta Stat Membru jmantni d-disposizzjonijiet tal-liġi domestika tiegħu, għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar dan minnufih sa perjodu ta’ sitt xhur wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(b) Jekk Stat Membru jqis neċessarju li jadotta leġislazzjoni ġdida, hu għandu jikkomunika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-miżuri ppreveduti u jagħti r-raġunijiet li jiġġustifikawhom. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Istati Membri fil-Kumitat Permanenti dwar l-affarijiet ta’ l-Ikel jekk tikkunsidra li tali konsultazzjoni tkun bżonnjuża jew jekk Stat Membru hekk jitlob.

Stati Membri jistgħu jieħdu tali miżuri ppreveduti biss wara tliet xhur ta’ tali komunikazzjoni u sakemm l-opinjoni tal-Kummissjoni mhix negattiva.

Fiċ-ċirkostanza ta’ l-aħħar, qabel jiskadi l-perjodu msemmi fit-tieni subparagrafu, il- Kummissjoni għandha tibda l-proċedura pprovduta fl-Artikolu 8 sabiex tiddetermina jekk il-miżuri ppreveduti jistgħux ikunu implimentati suġġetti, jekk neċessarju, għal emendi xierqa.

Artikolu 6

Kull sena l-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kumitat Permanenti fuq l-affarijiet ta’ l- Ikel rapport fuq l-iżvilupp ġenerali tal-leġislazzjoni tal- Komunità dwar kontaminati.

Artikolu 7

Erba’ snin wara li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Kunsill rapport fuq l-esperjenza ggwadanjata akkumpanjat, jekk meħtieġ, minn proposta xierqa.

Artikolu 8

Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti għall-affarijiet ta’ l-Ikel, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "il-Kumitat".

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-kumitat għandu jwassal l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz fil-limitu ta’ żmien li l-president jista’ jistabbilixxi skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tittieħed mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill hu mitlub jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fi ħdan il-kumitat għandhom jiġu mwieżna bil-mod imniżżel f’dak l-Artikolu. Il-president m’għandux jivvota.

(a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri ppreveduti jekk dawn huma skond l-opinjoni tal-kumitat.

Jekk il-miżuri ppreveduti mhumiex skond l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tittieħed, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il- Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

Jekk, ma’ l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tliet xhur mid-data msemmija lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx għadu ħa azzjoni, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, barra fejn il-Kunsill iddeċieda kontra l-imsemmija miżuri b’maġġoranza sempliċi.

Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 1993.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-8 ta’ Frar 1993.

Għall-Kunill

Il-President

J. Trøjborg

[1] ĠU C 57, ta’ l-4.3.1992, pġ. 11.

[2] ĠU C 129, ta’ l-20.5.1991 pġ. 104 u Deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Jannar 1993 (għada mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 223, tal-31.8.1992, pġ. 24.

[4] ĠU L 136, ta’ l-20.5.1974, pġ. 1.

[5] ĠU L 291, tad-19.11.1969, pġ. 9.

--------------------------------------------------

Top