Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32020R1474

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/1474 tat-13 ta’ Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 360/2012 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu tiegħu ta’ applikazzjoni u deroga limitata fiż-żmien għal impriżi f’diffikultà biex iqisu l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/6927

    IO L 337, 14.10.2020, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Status legali tad-dokument Fis-seħħ

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1474/oj

    14.10.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 337/1


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1474

    tat-13 ta’ Ottubru 2020

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 360/2012 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu tiegħu ta’ applikazzjoni u deroga limitata fiż-żmien għal impriżi f’diffikultà biex iqisu l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,

    Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,

    Billi:

    (1)

    Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 (2), l-għajnuna taħt ċertu limitu mogħtija lill-impriżi għall-forniment ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u hija, għalhekk, eżentata mill-ħtieġa ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) Nru 360/2012 se jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2020.

    (3)

    Huwa meħtieġ li tiġi pprovduta prevedibbiltà u ċertezza legali, filwaqt li jiġi mħejji aġġornament possibbli fil-futur tar-Regolament (UE) Nru 360/2012, allinjat ma’ aġġornament possibbli fil-futur tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 (3).

    (4)

    Għalhekk, l-ewwel jenħtieġ li l-perjodu tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 360/2012 jiġi estiż. It-tieni nett, f’konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar, ir-Regolament (UE) Nru 360/2012 u r-regoli l-oħra dwar is-SIEĠ stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011 (4), fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (5) u fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku (2011) (6), sa fejn dawn japplikaw għas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali, jenħtieġ li jiġu evalwati. Il-Kummissjoni varat l-evalwazzjoni ta’ dawn ir-regoli diġà f’Ġunju 2019. Jenħtieġ li l-estensjoni tar-Regolament (UE) Nru 360/2012 tippermetti lill-Kummissjoni biex tqis ir-riżultati tal-Kontroll tal-Idoneità li jkopri wkoll ir-Regolament (UE) Nru 1407/2013. Għalhekk id-durata tal-estensjoni tar-Regolament (UE) Nru 360/2012 jenħtieġ li tiġi allinjata mad-durata tal-estensjoni tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013. Jenħtieġ li din l-estensjoni tippermetti lill-Kummissjoni biex ikollha stampa aktar sħiħa ta’ kif l-elementi differenti taż-żewġ regolamenti jaħdmu flimkien. Jenħtieġ li l-estensjoni taż-żmien li tkun limitata fiż-żmien tikkontribwixxi biex tipprovdi ċertezza legali lill-impriżi fdati b’SIEĠ u m’għandhiex twassal għal żieda fil-piż amministrattiv minħabba li l-miżuri ta’ kumpens li ma jaqbżux EUR 500 000 matul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali mogħtija lil impriżi li jipprovdu SIEĠ, se jkomplu jitqiesu li mhumiex għajnuna mill-Istat.

    (5)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-perjodu tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 360/2012 jiġi estiż bi tliet snin. sal-31 ta’ Diċembru 2023.

    (6)

    Fid-dawl tal-konsegwenzi ekonomiċi u finanzjarji li t-tifqigħa tal-COVID-19 għandha fuq l-impriżi u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mar-rispons ta’ politika ġenerali adottat mill-Kummissjoni, speċjalment fil-perjodu 2020-2021, jenħtieġ li l-impriżi li saru impriżi f’diffikultà bħala konsegwenza tat-tifqigħa tal-COVID-19 jibqgħu eliġibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 360/2012 għal perjodu ta’ żmien limitat.

    (7)

    Jenħtieġ, għalhekk, li r-Regolament (UE) Nru 360/2012 jiġi emendat b’dan il-mod,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 360/2012 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Fl-Artikolu 1 jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

    “2a.   B’deroga mill-punt (h) tal-paragrafu 2, dan ir-Regolament għandu japplika għal impriżi li ma kinux f’diffikultà fil-31 ta’ Diċembru 2019 iżda saru impriżi f’diffikultà fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021.”

    (b)

    Fl-Artikolu 5, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2023.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal-25 ta’ April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis mogħtija lil intrapriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 114, 26.4.2012, p. 8).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku, C(2011) 9380, ġenerali (ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3).

    (5)  ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4.

    (6)  ĠU C 8, 11.1.2012, p. 15.


    Fuq