EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-Trattat ta’ Marrakexx

 

SOMMARJU TA’:

It-Trattat ta’ Marrakexx dwar l-aċċess għall-istampar għal persuni neqsin mid-dawl

Id-Deċiżjoni (UE) 2018/254 dwar il-konklużjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx

X’INHU L-GĦAN TAT-TRATTAT U TAD-DEĊIŻJONI?

It-Trattat ta’ Marrakexx għandu l-għan li jtejjeb id-disponibbiltà u l-iskambji transfruntiera ta’ ċerti xogħlijiet u suġġetti protetti oħrajn f’formati aċċessibbli għal persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat.

Id-deċiżjoni tawtorizza l-konklużjoni tat-trattat mill-UE.

It-Trattat ta’ Marrakexx ġie implimentat fil-Liġi tal-UE mid-Direttiva (UE) 2017/1564 u mir-Regolament (UE) 2017/1563.

PUNTI EWLENIN

It-Trattat ta’ Marrakexx jeħtieġ li l-partijiet kontraenti jippermettu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u għad-drittijiet relatati biex jirriproduċu u jxerrdu kopji, f’formati aċċessibbli, ta’ ċerti xogħlijiet u suġġetti protetti oħra, u għaċ-ċirkolazzjoni internazzjonali ta’ dawk il-kopji.

Persuni benefiċjarji

Il-persuni benefiċjarji taħt it-trattat huma dawk affettwati minn firxa ta’ diżabilitajiet li jinterferixxu mal-qari effettiv ta’ materjal stampat. Dawn jinkludu persuni li huma għomja, jew li għandhom diżabbiltà fit-tagħlim, diżabbiltà fiżika jew diżabbiltà fil-vista li ma tħallihomx jaqraw u jifhmu materjal stampat, jew iżommu jew jimmanipulaw kotba jew xogħlijiet oħrajn stampati (persuni benefiċjarji taħt it-trattat).

Dan jinkludi xogħlijiet “fil-forma ta’ test, notazzjoni u/jew illustrazzjonijiet relatati, kemm jekk ippubblikati jew magħmula disponibbli pubblikament fi kwalunkwe mezz”, inklużi l-awdjokotba.

It-trattat jirrikonoxxi wkoll ir-rwol ta’ entitajiet awtorizzati li jistgħu, fuq bażi ta’ bla skop ta’ qligħ, jagħmlu kopji ta’ format aċċessibbli ta’ xogħlijiet ippubblikati, għal self mhux kummerċjali jew distribuzzjoni elettronika, sakemm l-aċċess għax-xogħol ikun legali, u li jagħmel dawk il-bidliet meħtieġa biex jagħmel ix-xogħol aċċessibbli, u li jipprovdi l-kopji għall-użu biss minn persuni benefiċjarji.

Eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur, inkluż għall-importazzjoni u l-esportazzjoni

It-trattat jeħtieġ li l-partijiet jintroduċu eċċezzjoni jew limitazzjoni għal-liġijiet nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur biex jippermettu r-riproduzzjoni u t-tixrid ta’ kopji ta’ format aċċessibbli.

Barra minn hekk, sabiex tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni internazzjonali ta’ kotba disponibbli f’kopji ta’ format aċċessibbli, it-trattat jeħtieġ li l-partijiet jippermettu l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ kopji ta’ format aċċessibbli taħt ċerti kondizzjonijiet:

  • kopja tista’ tiġi importata mingħajr awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet;
  • kopji ta’ format aċċessibbli jistgħu jiġu esportati minn entità awtorizzata lil persuna benefiċjarja jew lil entità oħra awtorizzata għall-użu esklussiv tax-xogħlijiet minn persuni benefiċjarji.

Partijiet fit-trattat

Is-sħubija fit-trattat hija miftuħa għall-membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) u għall-UE. It-trattat jirrikjedi li l-WIPO tistabbilixxi “punt ta’ aċċess għall-informazzjoni” biex tippermetti l-iskambju volontarju ta’ informazzjoni u l-identifikazzjoni ta’ entitajiet awtorizzati. Jistabbilixxi wkoll Assemblea tal-Partijiet Kontraenti li l-kompitu ewlieni tagħha huwa li żżomm u tiżviluppa t-trattat.

Ratifika tal-UE

Fit-13 ta’ Settembru 2017, ir-Regolament (UE) 2017/1563 u d-Direttiva (UE) 2017/1564 introduċew fil-liġi tal-UE l-eċċezzjoni mandatorja l-ġdida għar-regoli tad-drittijiet tal-awtur, f’konformità mat-trattat. Fil-15 ta’ Frar 2018, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/254 approvat il-konklużjoni tat-trattat qabel ir-ratifika sħiħa.

MINN META JAPPLIKA T-TRATTAT?

It-Trattat ta’ Marrakexx daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Settembru 2016, 3 xhur wara li ntlaħaq in-numru meħtieġ ta’ 20 parti fit-trattat.

Id-deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni tat-trattat ġiet adottata fil-15 ta’ Frar 2018, bir-ratifika tal-UE tat-trattat wara t-12 ta’ Ottubru 2018.

SFOND

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ddeċidiet fl-2017 li l-UE għandha kompetenza esklussiva u li t-Trattat ta’ Marrakexx jista’ jiġi konkluż mill-UE li taġixxi waħidha, mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi individwali tal-UE.

Il-partijiet fit-trattat għandhom il-libertà li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tiegħu billi jqisu s-sistemi u l-prattiċi legali tagħhom stess, billi jikkonformaw mal-obbligi ta’ ttestjar fi tliet stadji stabbiliti fl-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi. Taħt il-konvenzjoni, kull eċċezzjoni jew limitazzjoni ma tridx tkun f’kunflitt ma’ sfruttament normali tax-xogħol u ma tridx tippreġudika b’mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi tal-awtur.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

It-Trattat ta’ Marrakexx biex jiffaċilita l-aċċess għal Xogħlijiet ippubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (ĠU L 48, 21.2.2018, p. 3-11)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/254 tal-15 ta’ Frar 2018 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tat-Trattat ta’ Marrakexx biex Jiffaċilita l-Aċċess għal Xogħlijiet Ippubblikati għal Persuni li huma Għomja, Neqsin mid-Dawl, jew b’Diżabilità biex Jaqraw il-Kitba Stampata (ĠU L 48, 21.2.2018, p. 1-2)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2017/1563 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar l-iskambju transfruntiera bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi ta’ kopji ta’ format aċċessibbli ta’ ċerti xogħlijiet u suġġetti protetti oħra mid-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati għall-benefiċċju ta’ persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat (ĠU L 242, 20.9.2017, p. 1-5)

Id-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar ċerti użi permessi ta’ ċerti xogħlijiet u suġġetti protetti oħra bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-benefiċċju ta’ persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 242, 20.9.2017, p. 6-13)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/221/UE tal-14 ta’ April 2014 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tat-Trattat ta’ Marrakexx biex Jiffaċilita l-Aċċess għal Xogħlijiet Ippubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (ĠU L 115, 17.4.2014, p. 1-2)

l-aħħar aġġornament 06.11.2018

Top