EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ għall-Asil

Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil biex isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam u jassistihom biex ikampaw f'sitwazzjonijiet ta' kriżi.

ATT

Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil.

SOMMARJU

L-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ għall-Asil (EASO) huwa aġenzija tal-Unjoni Ewropea (UE) u ilu jaħdem sa mill-2011. Il-funzjoni tiegħu hija li:

  • jsaħħaħ il-kooperazzjoni tal-Istati Membri fuq kwistjonijiet ta' asil;
  • jappoġġa lill-Istati Membri li s-sistemi ta' asil u ta' lqugħ tagħhom huma taħt pressjoni partikolari;
  • itejjeb l-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA).

L-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera dalwaqt għandhom jissieħbu fl-EASO bħala pajjiżi assoċjati, ladarba l-ftehimiet innegozjati mill-UE ma' kull wieħed minnhom jkunu ġew ratifikati.

Appoġġ għall-kooperazzjoni tal-Istati Membri fuq kwistjonijiet ta' asil

Ir-rwol tal-EASO f'dan il-qasam jikkonsisti minn:

  • tħeġġiġ tal-iskambju u kondiviżjoni tal-aqwa prattiċi bejn l-Istati Membri;
  • organizzazzjoni ta' attivitajiet relatati mal-ġbir, analiżi u disponibbilta' ta' informazzjoni dwar il-pajjiżi ta' oriġini ta' nies li jkunu qegħdin japplikaw għal protezzjoni internazzjonali;
  • faċilitar, fejn ikun hemm bżonn, tar-rilokazzjoni tal-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali fi ħdan l-Unjoni;
  • jistabbilixxi u jiżviluppa taħriġ disponibbli għall-membri tal-amministrazzjonijiet u qrati u tribunali nazzjonali kollha u servizzi nazzjonali responsabbli għal kwistjonijiet ta' asil fl-Istati Membri;
  • jiġbor informazzjoni utli biex jidentifika r-riskji ta' influss massiv ta' dawk li jfittxu l-asil u l-ħila tal-Istati kkonċernati sabiex jirreaġixxu, sabiex jiġu attivati sistemi ta' twissija bikrija u jħejji kwalunkwe miżura ta' emerġenza meħtieġa sabiex ikampaw b'dawn il-pressjonijiet.

Appoġġ għal Stati Membri soġġetti għal pressjoni speċifika

L-EASO jikkoordina l-għajnuna ta' emerġenza lil Stati Membri li l-faċilitajiet ta' lqugħ u s-sistemi ta' asil tagħhom huma soġġetti għal pressjonijiet kbar b'mod eċċezzjonali, billi jipprovdi appoġġ u assistenza temporanja.

Din l-għajnuna tinvolvi prinċipalment l-użu, fl-Istati Membri li jitolbuha, ta' timijiet ta' appoġġ għall-asil li jipprovdu l-ħila esperta tagħhom relatata mas-servizzi ta' interpretazzjoni, informazzjoni dwar il-pajjiż ta' oriġini u għarfien dwar il-maniġġ u ġestjoni ta' każijiet ta' asil.

Meta l-EASO jiddeċiedi li jikkoloka tim ta' appoġġ għall-asil wieħed jew aktar, huwa jfassl pjan operattiv flimkien mal-Istat Membru li jitlob dan, sabiex jiddefinixxi:

  • il-modus operandi u l-miri ta' użu;
  • it-tul ta' żmien imbassar tiegħu;
  • iż-żona ġeografika fejn it-timijiet ikunu sejrin jintużaw;
  • il-kompożizzjoni tat-timijiet u d-dmirijiet tal-membri tagħhom.

L-esperti tat-tim ta' appoġġ huma magħmulin disponibbli mill-Istati Membri u huma parti mill-Grupp ta' Intervent tal-Asil tal-EASO.

Implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA)

L-EASO jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-SEKA kemm ġewwa kif ukoll barra mill-UE.

F'termini tad-dimensjoni interna tas-SEKA, il-kontribuzzjoni tal-EASO hija prinċipalment sabiex:

  • jiġbor informazzjoni relatata mal-ipproċessar tat-talbiet għal protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri u l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fi kwistjonijiet tal-asil; u
  • jikteb rapport annwali dwar is-sitwazzjoni Ewropea tal-asil u jħejji, jekk ikun hemm bżonn, dokumenti tekniċi dwar l-implimentazzjoni ta' strumenti tal-asil tal-UE.

F'termini tad-dimensjoni esterna tas-SEKA, l-EASO huwa responsabbli b'mod speċjali għal:

  • il-koordinazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni u tal-azzjonijiet meħudin mill-Istati Membri taħt ir-rilokazzjoni tar-refuġjati li joriġinaw minn pajjiżi terzi;
  • il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi għall-promozzjoni u l-assistenza tal-bini tal-kapaċità fil-faċilitajiet tal-asil u ta' lqugħ tagħhom stess u għall-implimentazzjoni ta' programmi ta' protezzjoni reġjonali.

L-istruttura tal-EASO u l-governanza

Il-Bord Maniġerjali huwa l-awtorità tal-ippjanar u ta' monitoraġġ tal-EASO. Huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE u ta' pajjiżi assoċjati, il-Kummissjoni Ewropea u rappreżentant tal-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR).

Id-Direttur Eżekuttiv jinħatar mill-Bord Maniġerjali u huwa responsabbli mill-amministrazzjoni ta' kuljum tal-aġenzija. Huwa r-rappreżentant legali tiegħu.

Il-Forum Konsultattiv huwa spazju għal djalogu bilaterali li ma jaqta' xejn, skambju ta' informazzjoni u kondiviżjoni ta' għarfien bejn l-EASO u s-soċjetà ċivili. Ilaqqa' flimkien lil esperti fuq aspetti varji tal-asil.

L-uffiċċju jikseb l-introjtu tiegħu prinċipalment permezz ta' kontribuzzjoni rreġistrata fil-baġit tal-UE ġenerali u mill-kontribuzzjonijiet minn pajjiżi assoċjati.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolment (UE) Nru. 439/2010

18.6.2010

-

ĠU L 132, 29.5.2010

ATTI RELATATI

Deċiżjoni 2010/762/UE tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tal- 25 ta’ Frar 2010 li tiddetermina s-sede tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (ĠU L 324, 9.12.2010).

Din id-deċiżjoni tistabbilixxi s-sede tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ għall-Asil fil-Belt Valletta, Malta.

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/185/EU tal-11 ta' Frar 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tagħha fl-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ għall-Asil (ĠU L 102, 5.4.2014).

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/186/UE tal-11 ta' Frar 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (ĠU L 102, 5.4.2014).

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/194/EU tal-11 ta' Frar 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tagħha fl-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (ĠU L 106, 9.4.2014).

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/204/EU tal-11 ta' Frar 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tagħha fl-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (ĠU L 109, 12.4.2014).

L-aħħar aġġornament: 22.07.2014

Top