EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Programmi tal-kompjuter — protezzjoni legali

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2009/24/KE — il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija għandha l-għan li tiċċara u telimina d-differenzi bejn il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter f’pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea (UE) sabiex tikkontribwixxi għall-funzjonament xieraq tas-suq intern.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’applikazzjoni

Il-protezzjoni pprovduta f’din id-direttiva tapplika għal:

  • l-espressjonibażi ta’ programm tal-kompjuter fi kwalunkwe forma, iżda mhux l- ideat u l-prinċipji li jservu ta’bażi għal programm tal-kompjuter jew kwalunkwe element tiegħu;
  • programm tal-kompjuter li huwa oriġinali fis-sens li huwa l-ħolqien intellettwali tal-awtur stess;
  • programmi tal-kompjuter li nħolqu qabel l-1 ta’ Jannar 1993, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att konkluż u drittijiet miksuba qabel dik id-data.

L-awtur

  • L-awtur ta’ programm tal-kompjuter huwa l-persuna jew grupp ta’persuni li jkunu ħolqu l-programm jew, fejn tippermetti l-leġiżlazzjoni nazzjonali, persuna ġuridika, jiġifieri kumpanija jew entità legali oħra.
  • Jekk jipparteċipaw diversi persuni fil-ħolqien ta’ programm, id-drittijiet esklużivi jkunu ta’ dawn il-persuni flimkien.
  • Jekk impjegat joħloq programm tal-kompjuter waqt li jkun qed jaqdi d-dmirijiet tiegħu jew isegwi l-istruzzjonijiet mogħtija mill-prinċipal tiegħu, il-prinċipal b’mod esklussiv għandu jkun intitolat biex jeżerċita d-drittijiet ekonomiċi kollha relatati ma’ dak il-programm tal-kompjuter.

Drittijiet esklużivi tad-detentur tad-drittijiet

Id-detentur tad-drittijiet għal programm tal-kompjuter jista’ jwettaq, jew jawtorizza lil oħrajn iwettqu s-segwenti:

  • ir-riproduzzjoni permanenti jew temporanja tal-programm, jew ta’ parti minnu;
  • it-traduzzjoni, l-adattament, l-arranġament jew kwalunkwe bidla oħra tal-programm;
  • id-distribuzzjoni tal-programm.

Limitazzjonijiet għal dawk id-drittijiet esklużivi (l-ebda ħtieġa għal awtorizzazzjoni minn qabel mid-detentur tad-drittijiet)

  • Min ikun kiseb programm legalment jista’ jirriproduċi, jittraduċi, jadatta, jirranġa jew ibiddel il-programm, meta jkun meħtieġ sabiex il-programm jintuża skont l-iskop intiż tiegħu.
  • Persuna li jkollha d-dritt tuża l-programm tal-kompjuter tista’ tagħmel kopja ta’riserva sakemm dan ikun meħtieġ għal dak l-użu.
  • Din il-persuna tista’ wkoll tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonament tal-programm sabiex tiddetermina l-ideat u l-prinċipji li jservu ta’ bażi għal kwalunkwe element tal-programm.

Dekumpilazzjoni *

Ma hijiex meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel mid-detentur tad-drittijiet meta r-riproduzzjoni tal-kodiċi u t-traduzzjoni tal-forma tiegħu jkunu essenzjali sabiex tinkiseb l-informazzjoni neċessarja biex tinkiseb l-interoperabilità * ta’ programm tal-kompjuter ġdid ma’ programmi oħrajn.

Japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

  • dawk l-atti jitwettqu mill-persuna li tingħatalha l-liċenzja jew minn persuna oħra li jkollha d-dritt li tuża kopja ta’ programm;
  • l-informazzjoni dwar l-interoperabilità ma tkunx saret disponibbli minn qabel;
  • dawk l-atti jkunu limitati għall-partijiet tal-programm oriġinali li huma meħtieġa biex tinkiseb l-interoperabilità.

Miżuri speċjali ta’protezzjoni

Il-pajjiżi tal-UE jridu jieħdu miżuri kontra persuni li jwettqu kwalunkwe att minn dawn li ġejjin:

  • iqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni kopja illegali ta’ programm tal-kompjuter;
  • ikunu fil-pussess ta’ kopja illegali ta’ programm għal skopijiet kummerċjali;
  • iqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni jew ikunu fil-pussess ta’ kwalunkwe mezz, għal skopijiet kummerċjali, li l-uniku għan maħsub għalih hu li jippermetti t-tneħħija mhux awtorizzata jew l-evitar ta’ kwalunkwe apparat tekniku ta’protezzjoni.

Kopja illegali ta’ programm tal-kompjuter tista’ tiġi sekwestrata skont il-liġijiet tal-pajjiżi tal-UE.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija ilha tapplika mill-25 ta’ Mejju 2009. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fid-dritt nazzjonali tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 1992, id-data indikata fid-Direttiva 91/250/KEE li hija kkodifikata mid-Direttiva 2009/24/KE.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Dekumpilazzjoni: il-konverżjoni ta’ kodiċi ta’ programm f’lingwa tal-ipprogrammar ta’ livell ogħla li tista’ tinqara minn bniedem.

Interoperabilità: il-kapaċità ta’ sistema jew prodott li jaħdem ma’ sistemi jew prodotti oħrajn mingħajr il-ħtieġa għal aktar azzjoni min-naħa tal-konsumatur.

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 111, 5.5.2009, pp. 16-22)

l-aħħar aġġornament 23.01.2017

Top