This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Il-politika taż-żgħażagħ hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE). Skont l-Artikolu 165(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU), l-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam għandha tkun immirata lejn “it-tħeġġiġ tal-iżvilupp tal-iskambji fost iż-żgħażagħ u l-iskambji ta’ ħarrieġa soċjoedukattivi, u t-tħeġġiġ tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa”. L-Artikolu 166 tat-TFEU tafda lill-UE bil-kompitu li tiffaċilita l-aċċess għal taħriġ vokazzjonali u l-inkoraġġiment tal-mobilità tal-ħarrieġa u apprendisti, b’mod partikolari ż-żgħażagħ.
L-Istati Membri ilhom jikkooperaw fil-qasam taż-żgħażagħ mill-2002. Il-qafas kurrenti, l-istrateġija taż-żgħażagħ tal-UE (2019-2027), tfittex li trawwem il-parteċipazzjoni taz-żgħażagħ fil-ħajja demokratika u tappoġġa wkoll l-involviment soċjali u ċiviku bil-għan li tiżgura li ż-żgħażagħ kollha jkollhom ir-riżorsi meħtieġa biex ikunu parti mis-soċjetà. L-istrateġija tiffoka fuq tliet oqsma ewlenin ta’ azzjoni, ibbażati fuq tliet kelmiet — involviment, konnessjoni, għoti tas-setgħa — filwaqt li taħdem fuq implimentazzjoni konġunta bejn is-setturi. Hija għandha 11-il għan, li jidentifikaw l-oqsma bejn is-setturi li jaffettwaw il-ħajjiet taż-żgħażagħ u huma relatati mal-isfidi li jistgħu jiffaċċjaw:
L-UE tiffinanzja serje ta’ programmi li joffru opportunitajiet liż-żgħażagħ, bħall-Erasmus+ (inkluż DiscoverEU), il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u l-iskambju virtwali tal-Erasmus+. Dawn jgħinu liż-żgħażagħ jespandu l-orizzonti tagħhom u jibnu pontijiet fl-Ewropa u lil hinn. Informazzjoni ulterjuri hija disponibbli mill-Portal Ewropew taż-żgħażagħ, li jaqsam informazzjoni tal-UE u nazzjonali u opportunitajiet li huma ta’ interess għaż-żgħażagħ.
Fl-2013, l-UE nediet il-garanzija għaż-żgħażagħ — skema biex tiżgura li ż-żgħażagħ jirċievu offerta ta’ impjieg ta’ kwalità tajba, ikomplu l-edukazzjoni jew it-taħriġ fi żmien erba’ xhur minn meta jispiċċaw qiegħda jew jitilqu mill-edukazzjoni formali. Il-garanzija għaż-żgħażagħ iġġeddet fl-2020 u hija sostnuta mill-inizjattiva tal-UE favur l-impjieg taż-żgħażagħ, li se ddum għaddejja sal-2023, meta l-inizjattiva se ssir parti mill-Fond Soċjali Ewropew.
ARA WKOLL