This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Ir-roaming huwa s-sitwazzjoni meta individwi jivvjaġġaw lejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) li mhumiex dawk fejn tkun inħarġet il-kard tal-modulu tal-identità tal-abbonat (SIM) tal-mowbajls tagħhom, u jistgħu jċemplu, jibagħtu messaġġi u jużaw data mobbli mingħajr spejjeż żejda. Fi kliem ieħor, huma jistgħu “jużaw ir-roaming qishom qegħdin f’pajjiżhom”.
Ir-regoli oriġinali tal-UE dwar ir-roaming ġew stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 531/2012. Ir-regolament temm it-tariffi tar-roaming meta wieħed jivvjaġġa fi ħdan l-UE u stabbilixxa salvagwardji biex jiżgura li l-operaturi tat-telefonija ċellulari jkunu protetti mill-abbużi u jkunu jifilħu għar-regoli l-ġodda dwar ir-roaming mingħajr ma jżidu l-prezzijiet domestiċi. Att emendatorju, ir-Regolament (UE) 2017/920 introduċa regoli li jillimitaw l-ammont li l-operaturi tat-telefonija ċellulari jistgħu jitolbu lil xulxin għar-roaming (jiġifieri, roaming bl-ingrossa) fl-UE.
Peress li l-leġiżlazzjoni tal-2012 skadiet f’Ġunju 2022, din ġiet sostitwita b’leġiżlazzjoni ġdida, ir-Regolament (UE) 2022/612, li hija valida sal-2032.
Ir-Regolament (UE) 2022/612 jestendi u jtejjeb is-servizzi tar-roaming b’benefiċċji addizzjonali. L-individwi se jkollhom aktar informazzjoni dwar tariffi potenzjali minn sejħa għal servizzi ta’ valur miżjud (bħal helpdesks, kumpaniji tal-assigurazzjoni jew linji tal-ajru). Dawn se jkunu wkoll protetti aħjar minn tariffi involontarji u eċċessivi.
Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni:
L-operaturi ta’ network mobbli jeħtiġilhom jilħqu t-talbiet kollha raġonevoli għall-aċċess għar-roaming bl-ingrossa, b’mod partikolari b’mod li jħalli lill-fornitur tar-roaming jirreplika s-servizzi mobbli bl-imnut offerti lokalment meta dan ikun teknikament possibbli, sabiex isir dan fuq in-network fejn qed issir iż-żjara.
L-operaturi ta’ network mobbli jistgħu jirrifjutaw biss talbiet għal aċċess għar-roaming bl-ingrossa abbażi ta’ kriterji oġġettivi, bħal fattibilità teknika u l-integrità tan-network. Il-kunsiderazzjonijiet kummerċjali mhumiex raġunijiet għalfejn talbiet għal aċċess għar-roaming bl-ingrossa għandhom jiġu rifjutati sabiex jiġ llimitat il-forniment ta’ servizzi tar-roaming kompetittivi.
ARA WKOLL