EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-politika agrikola komuni (PAK)

Il-politika agrikola komuni (PAK) hija qasam li fiha l-kompetenza hija kondiviża bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri tal-UE.

Skont l-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-PAK għandha l-għan li:

  • iżżid il-produttività agrikola billi tippromwovi l-progress tekniku u tiżgura li jsir l-aħjar użu mill-fatturi tal-produzzjoni, b’mod partikolari x-xogħol;
  • tiggarantixxi standard ta’ għajxien ġust għall-bdiewa;
  • tistabbilizza s-swieq;
  • tassigura d-disponibbiltà tal-provvisti;
  • tiggarantixxi prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi.

Bil-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), il-PAK tgħin lill-bdiewa tal-UE jipprovdu provvista sigura ta’ ikel sigur, bnin u affordabbli billi jipprovdi dħul biex jappoġġa l-bdiewa. Hija tiffinanzja wkoll miżuri li jappoġġjaw u jistabbiliżżaw is-swieq agrikoli. Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jiffinanzja l-programmi ta’ żvilupp rurali tal-Istati Membri.

Il-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet dwar l-agrikoltura jittieħdu permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona (l-Artikoli 42(1) u 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea).

Il-PAK issa għandha kważi 60 sena. Hija għaddejja mis-sitt riforma ewlenija, u l-PAK il-ġdida se tibda tapplika mill-bidu tal-2023. Fl-aħħar 30 sena, is-sehem tal-baġit tal-UE naqas b’mod kostanti minn 73 % fl-1985 għal 31 % għall-perjodu 2021-2027.

Il-PAK il-ġdida għandha l-għan li trawwem settur tal-agrikoltura sostenibbli u kompetittivà li tista’ tappoġġa l-għajxien tal-bdiewa u tipprovdi ikel san u sostenibbli għas-soċjetà, flimkien ma’ żoni rurali vibranti.

Iż-żoni agrikoli u rurali huma ċentrali għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, u l-PAK il-ġdida se tkun għodda ewlenija biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet tal-istrateġiji mill-irziezet sal-imwejjed u l-bijodiversità.

Minħabba d-dewmien fin-negozjati tal-PAK il-ġdida, id-data tal-bidu ġiet posposta għall-1 ta’ Jannar 2023. Ir-Regolament (UE) 2020/2220 (regolament tranżitorju) ġie adottat biex jiżgura l-pagament lill-bdiewa u benefiċjarji oħra tal-PAK fl-2021 u 2022.

ARA WKOLL

Top