Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-proċedura ta’ kumitat

It-terminu “proċedura ta’ kumitat” jirreferi għas-sett ta’ proċeduri li permezz tagħhom il-Kummissjoni Ewropea teżerċita s-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lilha mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea (UE), bl-assistenza tal-kumitati ta’ rappreżentanti mill-Istati Membri tal-UE.

Skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-leġiżlatur tal-UE jista’ jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta “atti ta’ implimentazzjoni” permezz ta’ regoli speċifiċi miktuba f’att leġiżlattiv (l-“att bażiku”). Dan isir meta jkun meħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, minflok ma kull Stat Membru jitħalla jimplimentaha waħdu b’mod potenzjalment diverġenti.

Ir-regoli prattiċi u l-prinċipji ġenerali li għandhom jiġu segwiti dwar il-proċedura ta’ kumitat huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 (ir-“regolament dwar il-proċedura ta’ kumitat”). Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonsulta kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha u mmexxi mill-Kummissjoni dwar abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawn il-kumitati jużaw żewġ tip ta’ proċeduri:

  • eżaminazzjoni u
  • konsulenza.

Dawn il-proċeduri jvarjaw fir-regoli tal-votazzjoni tagħhom u fil-mod kif il-voti tagħhom jinfluwenzaw il-possibbiltajiet tal-Kummissjoni li tadotta l-att ta’ implimentazzjoni inkwistjoni. L-għażla tal-proċedura għal att speċifiku ssir mil-leġiżlatur tal-UE u tiddependi min-natura tas-setgħat ta’ implimentazzjoni li huma stipulati fl-att bażiku (regolament, direttiva jew deċiżjoni).

ARA WKOLL

Top