EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0096

Direttiva 2008/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq

ĠU L 319, 29.11.2008, p. 59–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 183, 9.7.2019, p. 15–23 (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 16/12/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/96/oj

29.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 319/59


DIRETTIVA 2008/96/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Novembru 2008

dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 71(1) (c) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

In-netwerk trans-Ewropew tat-toroq, kif definit fid-Deċiżjoni 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 1996 fuq linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew (3), huwa ta’ l-akbar importanza fl-appoġġ għall-integrazzjoni u l-koeżjoni Ewropej, kif ukoll biex jiġi assigurat livell għoli ta’ benessri. B’mod partikulari, għandu jkun garantit livell għoli ta’ sikurezza.

(2)

Fil-White Paper tagħha tat-12 ta’ Settembru 2001, “Linja politika għal trasport Ewropew għall-2010: il-waqt li niddeċiedu”, il-Kummissjoni esprimiet il-bżonn li tagħmel evalwazzjoni ta’ l-impatt tas-sikurezza u awditjar tas-sikurezza fit-toroq, biex tidentifika u tieħu ħsieb is-sezzjonijiet b’konċentrazzjoni għolja ta’ inċidenti madwar il-Komunità. Stabbiliet ukoll il-mira li tnaqqas bin-nofs l-għadd ta’ mwiet fit-toroq fl-Unjoni Ewropea bejn l-2001 u l-2010.

(3)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-2 ta’ Ġunju 2003, “Programm ta’ Azzjoni Ewropew għas-Sikurezza tat-Toroq: Innaqqsu bin-nofs in-numru ta’ vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku fl-Unjoni Ewropea sa l-2010: Responsabbilta’ komuni”, il-Kummissjoni identifikat l-infrastruttura tat-toroq bħala t-tielet pilastru tal-linja politika għas-sikurezza fit-toroq, li għandha tagħti kontribut importanti lejn il-mira Komunitarja tat-tnaqqis ta’ l-inċidenti.

(4)

Matul dawn l-aħħar snin saru avvanzi kbar fid-disinn tal-vetturi (miżuri ta’ sikurezza u l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda) li kkontribwew sabiex inaqqsu n-numru ta’ persuni maqtula jew korruti f’inċidenti tat-triq. Sabiex tintlaħaq il-mira għall-2010, jeħtieġ li tittieħed azzjoni f’oqsma oħrajn ukoll. Hemm ħafna x’jista' jittejjeb f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġestjoni tas-sikurezza ta’ l-infrastruttura, u dan għandu jiġi sfruttat.

(5)

L-istabbilment ta’ proċeduri xierqa huwa għodda essenzjali sabiex titjieb is-sikurezza ta’ l-infrastruttura tat-toroq fin-netwerk trans-Ewropew tat-toroq. L-evalwazzjoni ta’ l-impatt tas-sikurezza tat-toroq għandha turi, fuq livell strateġiku, l-implikazzjonijiet fuq is-sikurezza tat-toroq ta’ diversi alternattivi ta’ tfassil ta’ proġetti ta’ infrastruttura u għandu jkollha rwol importanti meta jkunu qed jintgħażlu r-rotot. Ir-riżultati ta’ l-evalwazzjonijiet ta’ l-impatt tas-sikurezza jistgħu jiġu stabbiliti f’numru ta’ dokumenti. Barra minn hekk, l-awditjar tas-sikurezza tat-toroq għandu jidentifika b’mod dettaljat il-karatteristiċi mhux sikuri ta’ proġetti ta’ infrastruttura tat-toroq. Għaldaqstant jagħmel sens li jiġu żviluppati proċeduri li għandhom jiġu segwiti f’dawk iż-żewġ oqsma, bil-għan li tiżdied is-sikurezza fl-infrastrutturi tat-toroq fin-netwerk trans-Ewropew tat-toroq, filwaqt li fl-istess ħin ikunu esklużi l-mini tat-triq li huma koperti mid-Direttiva 2004/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-ħtiġiet minimi tas-sigurtà għall-mini fin-Netwerk Trans-Ewropew tat-Toroq (4).

(6)

Diversi Stati Membri diġà għandhom sistemi ta’ ġestjoni tas-sikurezza ta’ l-infrastruttura tat-toroq li jiffunzjonaw tajjeb. Dawn il-pajjiżi għandhom jitħallew ikomplu jużaw il-metodi eżistenti tagħhom, sa fejn ikunu konsistenti ma’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

(7)

Ir-riċerka hija importanti ħafna għat-titjib tas-sikurezza tat-toroq fl-Unjoni Ewropea. L-iżvilupp u d-dimostrazzjoni ta’ komponenti, miżuri u metodi (inkluża t-telematika) u d-disseminazzjoni ta’ riżultati ta’ riċerka għandhom parti importanti fiż-żieda tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq.

(8)

Il-livell ta’ sikurezza ta’ toroq eżistenti jrid jittejjeb billi jiġu mmirati investimenti fis-sezzjonijiet tat-toroq li jkollhom l-ogħla konċentrazzjoni ta’ inċidenti u/jew l-ogħla potenzjal ta’ tnaqqis ta’ inċidenti. Sabiex jadattaw l-imġiba tagħhom u jżidu l-konformità mar-regoli tat-traffiku, speċjalment il-limiti tal-veloċità, għandha tinġibed l-attenzjoni tas-sewwieqa dwar sezzjonijiet ta’ toroq b’konċentrazzjoni għolja ta’ inċidenti.

(9)

Il-klassifikazzjoni tas-sikurezza tan-netwerk għandha potenzjal għoli minnufih malli tiġi implimentata. Ladarba s-sezzjonijiet tat-toroq b’konċentrazzjoni għolja ta’ inċidenti jkunu ġew ittrattati u jkunu ttieħdu miżuri rimedjali, l-ispezzjonijiet ta’ sikurezza bħala miżura preventiva għandhom jassumu rwol aktar importanti. L-ispezzjonijiet regolari huma għodda essenzjali għall-prevenzjoni ta’ perikli possibbli għal kull min juża t-triq, inklużi utenti vulnerabbli, u wkoll fil-każ ta’ xogħlijiet fit-triq.

(10)

It-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni għall-ħaddiema ta’ sikurezza permezz ta’ kurrikuli ta’ taħriġ u għodod għall-kwalifikazzjoni vvalidati mill-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prattikanti jiksbu l-aħħar tagħrif meħtieġ.

(11)

Sabiex tittejjeb is-sikurezza tat-toroq fl-Unjoni Ewropea, għandhom isiru arranġamenti għal skambji aktar frekwenti u konsistenti ta’ l-aħjar prattika fost l-Istati Membri.

(12)

Biex jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza tat-toroq fl-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom japplikaw linji gwida dwar il-ġestjoni tas-sikurezza ta’ l-infrastruttura. In-notifika ta’ dawk il-linji gwida lill-Kummissjoni, flimkien ma’ rappurtaġġ regolari dwar l-implimentazzjoni tagħhom, għandhom iwittu t-triq għal titjib sistematiku tas-sikurezza ta’ l-infrastruttura fil-livell Komunitarju, u jipprovdu bażi għall-evoluzzjoni lejn sistema aktar effettiva maż-żmien. Barra minn hekk, ir-rappurtaġġ dwar l-implimentazzjoni tagħhom għandu jippermetti lil Stati Membri oħrajn jidentifikaw l-aktar soluzzjonijiet effettivi, filwaqt li l-ġabra sistematika ta’ data minn studji ta’ tqabbil bejn is-sitwazzjonijiet ta’ qabel u ta’ wara l-implimentazzjoni għandha tiffaċilita l-għażla ta’ l-aktar miżura effettiva għal azzjoni fil-ġejjieni.

(13)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li għandhom x’jaqsmu ma’ l-investiment fis-sikurezza tat-toroq għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ l-investiment fil-manutenzjoni tan-netwerk tat-toroq.

(14)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-istabbiliment ta’ proċeduri li jiżguraw livell għoli konsistenti ta’ sikurezza tat-toroq fin-netwerk trans-Ewropew tat-toroq kollu, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u jista’ għalhekk bis-saħħa ta’ l-effetti ta’ l-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(15)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni 1999/468/KE tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (5).

(16)

B’mod partikolari il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-kriterji neċessarji għat-titjib tal-prattika ta’ ġestjoni tas-sikurezza tat-toroq u għall-addattament ta’ l-annessi għall-progress tekniku. Billi dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma maħsuba sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, inter alia billi jissupplimentawha b’elementi ġodda mhux essenzjali, dawn għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(17)

Huwa importanti ħafna li jkun hemm biżżejjed żoni ta’ parkeġġ mal-ġenb tat-triq, mhux biss għall-prevenzjoni tal-kriminalità iżda wkoll għas-sikurezza fit-toroq. Iż-żoni ta’ parkeġġ jippermettu lis-sewwieqa li jieqfu għall-mistrieħ meta jkun il-waqt u jkomplu l-vjaġġ tagħhom b’konċentrazzjoni sħiħa. Għaldaqstant, parti integrali mill-ġestjoni tas-sikurezza ta’ l-infrastruttura tat-toroq għandha tkun li jkun hemm biżżejjed żoni ta’ parkeġġ.

(18)

F’konformità mal-punt 34 tal-ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (6), l-Istati Membri huma inkoraġġiti li jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess li, sa fejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, u biex jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva teħtieġ l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ proċeduri relatati ma’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt tas-sikurezza fit-toroq, l-awditjar tas-sikurezza fit-toroq, il-ġestjoni tas-sikurezza tan-netwerk tat-toroq u l-ispezzjonijiet tas-sikurezza mill-Istati Membri.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal toroq li huma parti min-Netwerk Trans-Ewropew tat-Toroq, kemm jekk ikunu fl-istadju ta’ disinn, kif ukoll jekk qed jinbnew jew joperaw.

3.   L-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, bħala ġabra ta’ prattika tajba, għall-infrastruttura nazzjonali tat-trasport fit-toroq, li mhix inkluża fin-netwerk tat-toroq trans-Ewropej, u li kienet inbniet kompletament jew parzjalment bl-użu ta’ fondi Komunitarji.

4.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-mini fit-triq koperti mid-Direttiva 2004/54/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“netwerk trans-Ewropew tat-toroq” tfisser in-netwerk tat-toroq identifikat fis-Sezzjoni 2 ta’ l-Anness I tad-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE;

(2)

“entità kompetenti” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata mwaqqfa f’livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, involuta fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva minħabba l-kompetenzi tagħha inklużi l-korpi innominati bħala entitajiet kompetenti li kienu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, sa fejn dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva;

(3)

“evalwazzjoni ta’ l-impatt tas-sikurezza fit-toroq” tfisser analiżi strateġika komparattiva ta’ l-impatt li jkollhom triq ġdida jew modifika sostanzjali għan-netwerk eżistenti fuq il-livell tas-sikurezza tan-netwerk tat-toroq;

(4)

“awditjar tas-sikurezza fit-toroq” ifisser verifika indipendenti, dettaljata, sistematika u teknika tas-sikurezza tal-karatteristiċi tad-disinn ta’ proġett ta’ infrastruttura tat-toroq, li jkopri kull stadju mill-ippjanar sal-bidu ta’ l-operat;

(5)

“klassifikazzjoni ta’ sezzjonijiet ta’ toroq b’rata għolja ta’ inċidenti” tfisser metodu biex jiġu identifikati, analizzati u kklassifikati sezzjonijiet tan-netwerk tat-toroq li ilhom joperaw għal aktar minn tliet snin, u li fihom ġraw għadd kbir ta’ inċidenti fatali fi proporzjon mal-fluss tat-traffiku;

(6)

“klassifikazzjoni tas-sikurezza tan-netwerk” tfisser metodu għall-identifikazzjoni, l-analiżi u l-klassifikazzjoni ta’ partijiet min-netwerk ta’ toroq eżistenti skond il-potenzjal tagħhom għall-iżvilupp tas-sikurezza u għat-tnaqqis fi spejjeż ta’ inċidenti;

(7)

“spezzjoni tas-sikurezza” tfisser verifika perjodika ordinarja tal-karatteristiċi u d-difetti li jeħtieġu xogħol ta’ manutenzjoni għal-raġunijiet ta’ sikurezza;

(8)

“linji gwida” huma miżuri adottati mill-Istati Membri, li jistabbilixxu l-passi li għandhom jiġu segwiti, kif ukoll l-elementi li għandhom jitqiesu fl-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ sikurezza stabbiliti f’din id-Direttiva;

(9)

“proġett ta’ infrastruttura” ifisser proġett għall-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ġdida tat-toroq, jew modifikazzjoni sostanzjali għan-netwerk eżistenti li jaffettwa il-fluss tat-traffiku.

Artikolu 3

L-evalwazzjoni ta’ l-impatt tas-sikurezza tat-toroq għal proġetti ta’ infrastruttura

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li titwettaq evalwazzjoni ta’ l-impatt tas-sikurezza tat-toroq għall-proġett kollha ta’ infrastruttura.

2.   L-evalwazzjoni ta’ l-impatt tas-sikurezza tat-toroq għandha ssir fl-istadju inizjali ta’ l-ippjanar, qabel ma jiġi approvat il-proġett ta’ infrastruttura. B’rabta ma’ dan, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Anness I.

3.   L-evalwazzjoni ta’ l-impatt tas-sikurezza tat-toroq għandha tindika l-konsiderazzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq li jikkontribwixxu għall-għażla tas-soluzzjoni proposta. Għandha tipprovdi wkoll kull informazzjoni rilevanti meħtieġa għal analiżi dwar ir-relazzjoni bejn in-nefqa u l-benefiċċju tal-għażliet differenti li ġew evalwati.

Artikolu 4

L-awditjar tas-sikurezza tat-toroq għal proġetti ta’ infrastruttura

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awditjar tas-sikurezza tat-toroq isir għal kull proġett ta’ infrastruttura.

2.   Meta jagħmlu l-awditjar tas-sikurezza tat-toroq l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Anness II.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinħatar awditur biex jivverifika l-karatteristiċi tad-disinn ta’ proġett ta’ infrastruttura.

L-awditur għandu jinħatar skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9, paragrafu 4 u għandu jkollu l-kompetenza u t-taħriġ meħtieġa kif provdut fl-Artikolu 9. Fejn l-awditjar isir minn gruppi ta’ spezzjoni, mill-anqas membru wieħed mill-grupp għandu jkollu ċertifikat ta’ kompetenza kif previst fl-Artikolu 9(3).

3.   L-awditjar tas-sikurezza tat-toroq għandu jifforma parti integrali mill-proċess tad-disinn tal-proġett ta’ infrastruttura fl-istadji ta’ l-abbozz tad-disinn, tad-disinn dettaljat, tal-ftuħ minn qabel u ta’ l-operazzjoni bikrija.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awditur jistabbilixxi elementi ta’ disinn li jikkompromettu s-sikurezza fir-rapport ta’ l-awditjar għal kull stadju tal-proġett ta’ l-infrastruttura. Kull fejn jiġu identifikati karatteristiċi mhux sikuri waqt il-proċess ta’ l-awditjar mingħajr ma jitranġa d-disinn qabel it-tmiem ta’ l-istadju xieraq kif imsemmi fl-Anness II, ir-raġunijiet għandhom ikunu ddikjarati mill-entità kompetenti f’anness ma’ dak ir-rapport.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapport imsemmi fil-paragrafu 4 iwassal għal rakkomandazzjonijiet relevanti mill-perspettiva ta’ sikurezza.

Artikolu 5

Il-klassifikazzjoni u l-ġestjoni tas-sikurezza tan-netwerk tat-toroq li jkun qed jopera

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klassifikazzjoni ta’ sezzjonijiet ta’ toroq b’rati għolja ta’ inċidenti u l-klassifikazzjoni tas-sikurezza tan-netwerk tat-toroq jsiru abbażi ta’ reviżjonijiet ta’ l-operazzjoni tan-netwerk tat-toroq, li għandhom isiru mhux inqas minn kull tliet snin. B’rabta ma’ dan, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Anness III.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sezzjonijiet tat-toroq li juru prijorità ogħla skond ir-riżultati tal-klassifikazzjoni ta’ sezzjonijiet ta’ toroq b’rati għolja ta’ inċidenti u mill-klassifikazzjoni tas-sikurezza tan-netwerk, għandhom ikunu evalwati minn gruppi ta’ esperti permezz ta’ żjarat fuq il-post skont l-elementi msemmija fil-punt 3 ta’ l-Anness III. Ta’ l-inqas membru wieħed tal-grupp ta’ esperti għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 9(4)(a).

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri ta’ rimedju jkunu indirizzati speċifikament għas-sezzjonijiet tat-toroq imsemmija fil-paragrafu 2. Għandha tingħata prijorità lil dawk il-miżuri msemmija fil-punt 3 (e) ta’ l-Anness III waqt li tingħata attenzjoni lil dawk il-miżuri li jippreżentaw l-akbar proporzjon bejn il-benefiċċju u l-ispiża.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm sinjali xierqa biex iwissu lil min juża t-toroq dwar partijiet ta’ l-infrastruttura tat-toroq li fihom ikunu qed isiru tiswijiet u li jistgħu għaldaqstant jipperikolaw is-sikurezza ta’ min juża t-toroq. Dawn is-sinjali għandhom jinkludu wkoll sinjali li jkunu viżibbli kemm binhar kif ukoll billejl u jitpoġġew f’distanza sikura, u għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna ta’ l-1968 dwar is-Sinjali u l-Indikazzjonijiet tat-Toroq.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull min juża t-triq ikun infurmat, permezz ta’ miżuri xierqa, dwar l-eżistenza ta’ sezzjoni b’rati għolja ta’ incidenti. Jekk Stat Membru jiddeċiedi li juża sinjali, dawn għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar is-Sinjali u l-Indikazzjonijiet tat-Toroq ta’ l-1968.

Artikolu 6

Spezzjonijiet ta’ sikurezza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsiru spezzjonijiet ta’ sikurezza tat-toroq li jkunu qed joperaw, bil-għan li jidentifikaw il-fatturi relatati mar-riskji ta’ sikurezza tat-toroq u li jipprevjenu l-inċidenti.

2.   L-ispezzjonijiet ta’ sikurezza għandhom jikkonsistu fi spezzjonijiet perjodiċi tan-netwerk tat-toroq u studji dwar l-impatt possibbli ta’ xogħlijiet fit-toroq fuq is-sikurezza tal-fluss tat-traffiku.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsiru spezzjonijiet perjodiċi mill-entità kompetenti. Tali spezzjonijiet għandhom ikunu frekwenti biżżejjed sabiex jiżguraw livelli xierqa ta’ sikurezza għall-infrastruttura tat-toroq ikkonċernata.

4.   Bla ħsara għal-linji gwida adottati skond l-Artikolu 8, l-Istati Membri għandhom jadottaw linji gwida dwar miżuri temporanji ta’ sikurezza li japplikaw għax-xogħlijiet fit-toroq. Għandhom jimplimentaw ukoll skema adegwata ta’ spezzjoni biex jiżguraw li tali linji gwida jiġu applikati sewwa.

Artikolu 7

Ġestjoni tad-data

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għal kull inċident fatali li jseħħ fi triq imsemmija fl-Artikolu 1(2), jinkiteb rapport ta’ inċident komplet mill-entità kompetenti. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex f’dak ir-rapport jinkludu kull element li jinsab elenkat fl-Anness IV.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw l-ispiża soċjali medja ta’ inċident fatali u l-ispiża soċjali medja ta’ inċident gravi li jsir fit-territorju tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jkomplu jiddifferenzjaw ir-rati ta’ l-ispejjeż, li għandhom jiġu aġġornati mill-anqas kull ħames snin.

Artikolu 8

L-adozzjoni u l-komunikazzjoni tal-linji gwida

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, jekk ma jkunux diġa jeżistu, jiġu adottati linji gwida sad-19 ta’ Diċembru 2011, biex jappoġġjaw lill-entitajiet kompetenti fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw dawn il-linji gwida lill-Kummissjoni, fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni jew l-emendar tagħhom.

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmilhom disponibbli fuq sit web pubbliku.

Artikolu 9

Il-ħatra u t-taħriġ ta’ awdituri

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, jekk ma jkunux diġà jeżistu għandhom ikunu adottati kurrikuli ta’ taħriġ għal awdituri tas-sikurezza tat-toroq sad-19 ta’ Diċembru 2011.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, kull fejn awditur tas-sikurezza tat-toroq jeżerċita funzjoni taħt din id-Direttiva, l-awditur isegwi taħriġ inizjali li jwassal għall-għoti ta’ ċertifikat ta’ kompetenza u għandu jipparteċipa f’korsijiet regolari ta’ taħriġ ulterjuri.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awdituri tas-sikurezza tat-toroq ikollhom ċertifikat ta’ kompetenza. Iċ-ċertifikati li jkunu ngħataw qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu rikonoxxuti.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awdituri jkunu maħtura konformement mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-awditur għandu jkollu esperjenza rilevanti jew taħriġ fid-disinn tat-toroq, fl-inġinerija tas-sikurezza tat-toroq u fl-analiżi ta’ l-inċidenti;

(b)

minn sentejn wara l-adozzjoni mill-Istati Membri tal-linji gwida skond l-Artikolu 8, l-awditjar tas-sikurezza tat-toroq għandu jsir biss minn awdituri jew gruppi li jkun fihom awdituri li jissodisfaw ir-rekwiżiti provduti fil-paragrafi 2 u 3;

(c)

għall-għan tal-proġett ta’ infrastruttura li jkun qed jiġi awditjat, l-awditur m’għandux ikun involut, fil-mument ta’ l-awditjar, fil-ħolqien jew fl-operazzjoni tal-proġett ta’ infrastruttura kkonċernat.

Artikolu 10

Skambju ta’ l-aħjar prattika

Sabiex tiżdied is-sikurezza ta’ toroq fl-Unjoni Ewropea li ma jiffurmawx parti min-Netwerk Trans-Ewropew tat-Toroq, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema koerenti ta’ skambju ta’ l-aħjar prattika bejn l-Istati Membri, li tkopri inter alia proġetti ta’ sikurezza ta’ l-infrastruttura tat-toroq eżistenti, u teknoloġija ta’ sikurezza tat-toroq li ġiet ipprovata.

Artikolu 11

Titjib kontinwu ta’ prattika ta’ ġestjoni ta’ sikurezza

1.   Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita u tistruttura l-iskambju ta’ tagħrif u l-aħjar prattika bejn l-Istati Membri, u tagħmel użu mill-esperjenza miksuba f’fora attwali rilevanti internazzjonali, bil-ħsieb li jinkiseb titjib kontinwu tal-prattika ta’ ġestjoni ta’ sikurezza rigward infrastrutturi tat-toroq fl-Unjoni Ewropea.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 13. Sa fejn tkun meħtieġa l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi, miżuri bħal dawn għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju imsemmija fl-Artikolu 13(3).

3.   Fejn xieraq, organizzazzjonijiet mhux governattivi rilevanti, attivi fil-qasam tas-sikurezza u fil-ġestjoni ta’ infrastrutturi tat-triq, jistgħu jiġu konsultati dwar kwistjonijiet relatati ma’ aspetti tekniċi ta’ sikurezza.

Artikolu 12

Adattament għall-progress tekniku

L-Annessi għal din id-Direttiva għandhom jiġu adattati għall-progress tekniku skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 13(3).

Artikolu 13

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat.

2.   Kull fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 14

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mid-19 ta’ Diċembru 2010. Huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 19 ta’ Novembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J.-P. JOUYET


(1)  ĠU C 168, 20.7.2007, p. 71.

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Ġunju 2008 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 20 ta’ Ottubru 2008.

(3)  ĠU L 228, 9.9.1996, p. 1.

(4)  ĠU L 167, 30.4.2004, p. 39.

(5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(6)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


ANNESS I

L-EVALWAZZJONI TA’ L-IMPATT TAS-SIKUREZZA TAT-TOROQ GĦALL-PROĠETTI TA’ INFRASTRUTTURA

1.

Elementi ta’ evalwazzjoni ta’ l-impatt tas-sikurezza tat-toroq:

(a)

definizzjoni tal-problema;

(b)

is-sitwazzjoni attwali u x-xenarju li fih “ma jsir xejn”;

(ċ)

l-għanijiet tas-sikurezza fit-toroq;

(d)

l-analiżi ta’ l-impatti fuq is-sikurezza tat-toroq ta’ l-alternattivi proposti;

(e)

il-paragun ta’ l-alternattivi, li jinkludi l-analiżi dwar ir-relazzjoni bejn in-nefqa u l-benefiċċju;

(f)

il-preżentazzjoni tal-firxa ta’ soluzzjonijiet possibbli.

2.

Elementi li għandhom jitqiesu:

(a)

fatalitajiet u inċidenti, il-miri ta’ tnaqqis imqabbel max-xenarju li fih “ma jsir xejn”;

(b)

ix-xejriet fl-għażla tar-rotta u tat-traffiku;

(ċ)

effetti possibbli fuq netwerks eżistenti (eż. ħruġ, intersezzjonijiet, passaġġi invelli);

(d)

utenti tat-triq, inklużi persuni vulnerabbli li jużaw it-toroq (eż. il-persuni li jkunu mixjin, iċ-ċiklisti, is-sewwieqa tal-muturi);

(e)

it-traffiku (eż. volumi ta’ traffiku, kategorizzazzjoni tat-traffiku skond it-tip);

(f)

Kundizzjonijiet staġunali u klimatiċi;

(g)

preżenza ta’ għadd biżżejjed ta’ zoni ta’ parkeġġ sikuri;

(h)

attivitajiet sismiċi.


ANNESS II

L-AWDITJAR TAS-SIKUREZZA TAT-TOROQ GĦAL PROĠETTI TA’ INFRASTRUTTURA

1.

Il-kriterji fl-istadju ta’ l-abbozz preliminari tad-disinn:

(a)

il-pożizzjoni ġeografika (eż. l-espożizzjoni għal żerżiq minn ġnub l-għoljiet, għargħar, valangi) u kundizzjonijiet klimatiċi u staġjonali kif ukoll attivitajiet sismiċi;

(b)

it-tipi ta’ junctions u d-distanzi bejniethom;

(ċ)

l-għadd u t-tipi ta’ lanes;

(d)

it-tipi tat-traffiku li huma ammissibbli għat-triq il-ġdida;

(e)

il-funzjonalità tat-triq fin-netwerk;

(f)

kundizzjonijiet meteoroloġiċi;

(g)

il-veloċità tas-sewqan;

(h)

is-sezzjonijiet (eż. wisa’ tal-karreġġjata, rotot għar-roti, mogħdijiet għall-mixi);

(i)

l-allinjamenti orizzontali u vertikali;

(j)

il-viżibbiltà;

(k)

it-tqassim tal-junctions;

(l)

trasport pubbliku u infrastruttura pubblika;

(m)

il-passaġġi invelli ta’ toroq/ferroviji.

2.

Il-kriterji fl-istadju tad-disinn dettaljat:

(a)

it-tqassim;

(b)

is-sinjali u l-marki fit-toroq koerenti;

(ċ)

dawl ta’ toroq imdawla u intersezzjonijiet;

(d)

apparat fil-ġenb tat-triq;

(e)

l-ambjent fil-ġenb tat-triq, inkluża l-veġetazzjoni;

(f)

l-ostakli mwaħħlin fil-ġenb tat-triq;

(g)

provvediment ta’ zoni ta’ parkeġġ sikuri;

(h)

utenti vulnerabbli tat-toroq (il-persuni mixjin fit-triq, iċ-ċiklisti u is-sewwieqa tal-muturi);

(i)

adattament li jkun xieraq għall-utent ta’ sistemi stradali ta’ lqugħ (riservazzjonijiet ċentrali u crash barriers biex jiġi evitat li jkun hemm perikli għal utenti vulnerabbli).

3.

Il-kriterji għall-istadju ta’ qabel il-ftuħ:

(a)

is-sikurezza tal-persuni li jużaw it-toroq u l-viżibbiltà f’kundizzjonijiet differenti, bħal eż. fid-dlam u taħt kundizzjonijiet ta’ temp normali;

(b)

iċ-ċarezza tas-sinjali u tal-marki fit-toroq;

(ċ)

il-kundizzjoni ta’ l-uċuħ tat-toroq.

4.

Il-kriterji għat-tħaddim bikri: evalwazzjoni tas-sikurezza tat-toroq fid-dawl ta’ l-imġiba attwali ta’ l-utenti.

Awditjar fi kwalunkwe stadju jista’ jinvolvi l-bżonn li jitqiesu mill-ġdid il-kriterji mill-istadji ta’ qabel.


ANNESS III

KLASSIFIKAZZJONI TA’ SEZZJONIJIET TA’ KONĊENTRAZZJONI TA’ INĊIDENTI GĦOLJA U KLASSIFIKAZZJONI TA’ SIKUREZZA TAN-NETWERK

1.   L-identifikazzjoni ta’ sezzjonijiet ta’ toroq b’densità għolja ta’ inċidenti

L-identifikazzjoni ta’ sezzjonijiet ta’ toroq b’densità għolja ta’ inċidenti tqis ta’ l-anqas l-għadd ta’ l-inċidenti fatali li seħħew fl-aħħar snin għal kull unità ta’ tul tat-triq proporzjonalment mal-volum ta’ traffiku, u, fil-każ ta’ l-intersezzjonijiet, l-għadd ta’ tali inċidenti għal kull pożizzjoni ta’ l-intersezzjonijiet.

2.   L-identifikazzjoni ta’ sezzjonijiet għal analiżi fil-klassifikazzjoni tas-sikurezza tan-netwerk

L-identifikazzjoni ta’ taqsimiet għal analiżi tal-klassifikazzjoni ta’ sikurezza tan-netwerk tqis it-tnaqqis potenzjali ta’ spejjeż ta’ inċidenti. Is-sezzjonijiet tat-toroq għandhom jitqassmu fi tliet kategoriji. Għal kull kategorija ta’ toroq, sezzjonijiet ta’ toroq għandhom ikunu analizzati u kklassifikati skond fatturi relatati mas-sikurezza, bħal konċentrazzjoni ta’ inċidenti, volum tat-traffiku u tipoloġija tat-traffiku.

Għal kull kategorija ta’ triq, il-klassifikazzjoni tas-sikurezza tan-netwerk għandha tirriżulta f’lista ta’ prijorità ta’ sezzjonijiet ta’ toroq fejn it-titjib ta’ l-infrastruttura huwa mistenni li jkun effettiv ħafna.

3.   L-elementi ta’ evalwazzjoni għal żjarat fuq il-post minn timijiet ta’ esperti:

(a)

id-deskrizzjoni tas-sezzjoni ta’ triq;

(b)

referenza għal rapporti preċedenti possibbli dwar l-istess sezzjoni ta’ triq;

(ċ)

l-analiżi tar-rapporti ta’ inċidenti possibbli;

(d)

in-numru ta’ inċidenti, imwiet u ta’ persuni korruti serjament fit-tliet snin ta’ qabel;

(e)

sett ta’ miżuri rimedjali potenzjali li jridu jitwettqu fi żmien perjodi ta’ żmien differenti, li jqisu per eżempju:

it-tneħħija jew il-protezzjoni ta’ ostakli mwaħħlin fil-ġenb tat-triq;

tnaqqis tal-limiti ta’ veloċità u l-intensifikar ta’ l-infurzar lokali tagħhom;

titjib fil-viżibbiltà f’kundizzjonijiet differenti tat-temp u tad-dawl;

titjib fil-kundizzjoni ta’ sikurezza ta’ apparat fil-ġenb tat-triq, bħal sistemi ta’ trażżin fit-toroq;

titjib fil-koerenza, il-viżibbiltà, iċ-ċarezza biex jinqraw u l-pożizzjoni ta’ marki fit-toroq (li jinkludu l-applikazzjoni ta’ strippi għall-ħsejjes), is-sinjali u senjalazzjonijiet;

protezzjoni minn blat li jaqa’, żerżiq tal-art u valangi;

titjib tal-qabda/il-ħruxija ta’ l-uċuħ tat-toroq;

id-disinn mill-ġdid ta’ sistemi ta’ trażżin fit-toroq;

provvediment u titjib tal-ħarsien medjan;

tibdil fit-tqassim għall-qbiż (overtaking);

it-titjib tal-junctions, inklużi l-passaġġi invelli tat-toroq/ferroviji;

bidla fl-allinjament;

tibdil tal-wisa’ tat-triq, biż-żieda ta’ hard shoulders;

l-istallazzjoni ta’ sistema għall-ġestjoni u l-kontroll tat-traffiku;

tnaqqis tal-kunflitt potenzjali ma’ utenti vulnerabbli tat-triq;

it-tiġdid ta’ triq skond l-istandards attwali tad-disinn;

ir-restawr jew it-tibdil ta’ l-uċuħ tat-toroq;

użu ta’ sinjali ta’ toroq intelliġenti;

titjib ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti u ta’ servizzi telematiċi għal skopijiet ta’ interoperabilità, ta’ emerġenza u ta’ sinjali.


ANNESS IV

INFORMAZZJONI DWAR L-INĊIDENTI FIR-RAPPORTI TA’ L-INĊIDENTI

Ir-rapporti ta’ l-inċidenti għandhom jinkludu l-elementi li ġejjin:

1.

il-pożizzjoni preċiża kemm jista’ jkun ta’ l-inċident;

2.

l-istampi u/jew id-dijagrammi tal-post ta’ l-inċident;

3.

id-data u l-ħin ta’ l-inċident;

4.

informazzjoni dwar it-triq, bħal pereżempju, it-tip taż-żona, it-tip tat-triq, it-tip ta’ junction inklużi s-sinjali, in-numru tal-lanes, il-marki, wiċċ it-triq, il-kundizzjonijiet tad-dawl u tat-temp, il-limitu tal-veloċità, u l-ostakli fil-ġenb tat-triq;

5.

is-serjetà ta’ l-inċident, li tinkludi l-għadd ta’ mwiet u persuni mweġġgħin, jekk jista’ jkun skond kriterji komuni li jridu jkunu stabbiliti skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 13(3);

6.

il-karatteristiċi tal-persuni involuti, bħal età, is-sess, in-nazzjonalità, il-livell ta’ alkoħol, l-użu jew le ta’ apparat tas-sikurezza;

7.

data dwar il-vetturi involuti (tip, età, pajjiż, l-apparat tas-sikurezza jekk ikun rilevanti, data ta’ l-aħħar kontroll tekniku perjodiku skond il-leġiżlazzjoni li tapplika);

8.

data dwar l-inċident bħal tip ta’ inċident, tip ta’ ħabta, manuvri tal-vettura u tas-sewwieq;

9.

fejn possibbli, informazzjoni dwar il-ħin li għadda bejn il-ħin ta’ l-inċident u r-reġistrazzjoni ta’ l-inċident, jew il-wasla tas-servizzi ta’ emerġenza.


Top