EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1927R(01)

Rettifika għar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ( ĠU L 406, 30.12.2006 )

ĠU L 48, 22.2.2008, p. 82–88 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1927/corrigendum/2008-02-22/oj

22.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 48/82


Rettifika għar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

( Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea L 406, tat-30 ta' Diċembru 2006 )

Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 għandu jaqra kif ġej:

REGOLAMENT (KE) Nru 1927/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta' l-20 ta’ Diċembru 2006

li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 159 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Minkejja l-effetti pożittivi tal-globalizzazzjoni fuq l-iżvilupp u l-impjiegi fil-Komunità, din tista' wkoll iġġib konsegwenzi negattivi għall-ħaddiema l-aktar vulnerabbli u dawk l-anqas kwalifikati f'ċerti setturi. Għalhekk huwa opportun li jiġi stabbilit Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (“EGF”) aċċessibbli għall-Istati Membri kollha, li permezz tiegħu l-Komunità tista' turi s-solidarjetà tagħha lejn il-ħaddiema milquta minn telf ta’ impjiegi b’riżultat ta’ bidliet fix-xejriet kummerċjali dinjija.

(2)

Huwa neċessarju li jinżammu l-valuri Ewropej u li jiġi promoss l-iżvilupp ta' kummerċ estern ġust. L-effetti negattivi tal-globalizzazzjoni għandhom jiġu ffaċċjati l-ewwel permezz ta' strateġija Komunitarja sostenibbli u fit-tul għal politika tal-kummerċ li timmira lejn standards soċjali u ekoloġiċi għoljin. L-għajnuna pprovduta mill-EGF għandha tkun dinamika u kapaċi tadatta għal ċirkostanzi tas-suq li jinbidlu b'mod kostanti u li jkunu sikwit imprevedibbli.

(3)

L-EGF għandu jipprovdi għajnuna speċifika ta’ darba sabiex jiffaċilita r-reintegrazzjoni fid-dinja tax-xogħol tal-ħaddiema f’oqsma, setturi, territorji jew reġjuni tas-suq tax-xogħol li jkunu qed ibatu minn xokk ta’ disturb ekonomiku serju. L-EGF għandhom jippromwovu l-imprenditorjat, pereżempju permezz ta’ mikro-krediti jew permezz tat-twaqqif ta’ proġetti koperattivi.

(4)

L-azzjonijiet skond dan ir-Regolament għandhom ikunu definiti skond kriterji stretti ta’ intervent li huma relatati ma’ l-iskala tal-perturbazzjoni ekonomika u ma’ l-impatt tagħha fuq settur jew żona ġeografika partikolari, sabiex ikun żgurat li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF tkun konċentrata fuq ħaddiema fir-reġjuni u fis-setturi ekonomiċi tal-Komunità li jintlaqtu l-aktar serjament. Perturbazzjoni ta' dan it-tip mhux neċessarjament tkun ikkonċentrata fi Stat Membru wieħed. F'dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jressqu talbiet konġunti għal assistenza mill-EGF.

(5)

L-attivitajiet ta’ l-EGF għandhom ikunu koerenti u kompatibbli mal-linji politiċi l-oħra tal-Komunità u għandhom ikunu konformi ma’ l-acquis tagħha, b'mod speċjali l-interventi tal-Fondi Strutturali, filwaqt li jagħtu kontribut ġenwin lil-linji politiċi soċjali Komunitarji.

(6)

Il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (4) (Ftehim Interistituzzjonali) jiddetermina l-qafas baġitarju ta' l-EGF.

(7)

Azzjoni speċifika finanzjata taħt dan ir-Regolament m'għandhiex tirċievi għajnuna finanzjarja minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Komunità. Madankollu, hija meħtieġa koordinazzjoni ma' miżuri eżistenti jew ippjanati ta' modernizzazzjoni u ristrutturazzjoni fil-qafas ta' l-iżvilupp reġjonali, għalkemm koordinazzjoni ta' dan it-tip m'għandhiex tirriżulta fil-ħolqien ta' strutturi ta' ġestjoni, paralleli jew addizzjonali, għal azzjonijiet finanzjati mill-EGF.

(8)

Sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, in-nefqa għandha tkun eliġibbli mid-data li fiha l-Istat Membru jibda jipprovdi servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta. Għandu jiġi stabbilit perjodu ta’ żmien li matulu għandha tintuża l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF, b’hekk tiġi riflessa l-ħtieġa għal rispons konċentrat li jimmira b’mod speċifiku għar-reintegrazzjoni fid-dinja tax-xogħol.

(9)

L-Istat Membru għandu jibqa’ responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja u għall-ġestjoni u l-kontroll ta’ l-azzjonijiet appoġġati mill-finanzjament tal-Komunità, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5) (“ir-Regolament Finanzjarju”). L-Istat Membr għandu jiġġustifika l-użu li jkun sar mill-kontribuzzjoni finanzjarja li jkunu rċevew mill-EGF.

(10)

Iċ-Ċentru Ewropew tal-Monitoraġġ tal-Bidla jista' jgħin lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri konċernati permezz ta’ analiżi kwalitattivi u kwantitattivi biex b' hekk jgħin fl-evalwazzjoni ta' applikazzjoni għal fondi mill-EGF.

(11)

Ladarba l-għanjiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilt f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(12)

Minħabba li ż-żmien ta’ implimentazzjoni ta’ l-EGF huwa marbut mat-tul tal-qafas finanzjarju mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013, l-appoġġ għandu jkun disponibbli għall–ħaddiema milquta minn telf ta' impjiegi relatat mal-kummerċ mill-1 ta’ Jannar 2007,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni

1.   Bl-għan li jistimula t-tkabbir ekonomiku u li joħloq iktar impjiegi fl-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-EGF sabiex il-Komunità tkun tista’ tipprovdi appoġġ għall-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fis-sistemi kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni fejn dan it-telf ta’ impjiegi kellu impatt negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija reġjonali jew lokali.

Il-perjodu ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jkun marbut mal-qafas finanzjarju mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli rigward l-operazzjoni ta’ l-EGF sabiex jiffaċilita r-reintegrazzjoni fid-dinja tax-xogħol għall-ħaddiema milquta minn telf ta’ impjiegi li jkun relatat mal-kummerċ.

Artikolu 2

Il-kriterji ta’ intervent

Għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF meta bidliet strutturali kbar fis-sistemi kummerċjali dinjija jwasslu għal disturb ekonomiku serju, partikolarment żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea, jew deklin rapidu tas-sehem mis-suq ta’ l-UE f’settur partikolari jew delokalizzazzjoni lejn pajjiżi terzi, li jirriżultaw f’:

(a)

telf ta’ mill-inqas 1 000 impjieg fuq perjodu ta’ 4 xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom mal-fornituri tagħha jew mal-produtturi downstream tagħha ; jew

(b)

telf ta’ mill-inqas 1 000 impjieg, fuq perjodu ta’ 9 xhur, f’intrapriża waħda jew aktar, partikularment intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, f'settur NACE 2 f'reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni bi fruntieri komuni fuq livell NUTS II.

(ċ)

Fi swieq tax-xogħol żgħar jew f'ċirkustanzi eċċezzjonali, fejn sostanzjati adegwatament mill-Istat Membru jew l-Istati Membri konċernati, applikazzjoni għal kontribuzzjoni mill-EGF tista' tkun meqjusa ammissibbli anke jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) u (b) ma jkunux ġew sodisfatti għal kollox, meta t-telf ta' impjieg ikollu effett serju fuq ix-xogħol u fuq l-ekonomija lokali. L-ammont aggregat tal-kontribuzzjonijiet f'ċirkustanzi eċċezzjonali ma jistax jaqbeż il-15 % ta' l-EGF kull sena.

Artikolu 3

L-azzjonijiet eliġibbli

Tista’ tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF għal miżuri attivi tas-suq tax-xogħol li jagħmlu parti minn pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati mfassla sabiex jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol lill-ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom, inkluża dik:

(a)

għal għajnuna għat-tfittix ta’ impjieg, gwida dwar ix-xogħol, taħriġ imfassal apposta u taħriġ mill-ġdid, li jinkludu ħiliet relatati mat-teknoloġija ta' l-informazzjoni u tal-kommunikazzjoni u ċertifikazzjoni ta’ l-esperjenza miksuba, kif ukoll għal għajnuna għall-klassifikazzjoni mill-ġdid esterna u għall-promozzjoni ta’ l-intraprenditorjat jew għajnuna għas-self empoyed;

(b)

għal miżuri speċjali b’limitu ta’ żmien, bħal sussidji għal meta wieħed ikun qed ifittex impjieg, sussidji għall-mobbiltà, jew sussidji lill-individwi li jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ tagħlim matul il-ħajja kollha u attivitajiet ta’ taħriġ;

(ċ)

għal miżuri li jistimulaw, b’mod partikulari lil ħaddiema żvantaġġati jew ixjeħ, sabiex jibqgħu jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol.

L-EGF ma għandiex tiffinanzja miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

Fuq l-inizjattiva ta’ l-Istat Membru konċernat, l-EGF tista’ tiffinanzja l-attivitajiet ta’ tħejjija, amministrazzjoni, tagħrif u pubbliċità, u kontroll għall-implimentazzjoni tal-Fond.

Artikolu 4

It-tip ta’ kontribuzzjoni finanzjarja

Il-Kummissjoni għandha tagħti kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta’ pagament wieħed, li għandha tiġi implimentata fil-qafas ta’ amministrazzjoni komuni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, skond l-Artikolu 53(1)(b) u l-Artikolu 53(5) u (6) tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 5

Applikazzjonijiet

1.   L-Istat Membru jew Stati Membri għandhom jippreżentaw applikazzjoni għall-kontribuzzjoni mill-EGF lill-Kummissjoni fi żmien 10 ġimgħat mid-data li fiha l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 għall-mobilizzazzjoni ta’ l-EGF jkunu milħuqa. L-applikazzjoni tista’ sussegwentement tiġi supplimentata mill-Istat Membru jew Stati Membri konċernati.

2.   L-applikazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

analiżi raġunata tar-rabta bejn it-telf ta’ l-impjiegi ippjanat u l-bidliet strutturali kbar fis-sistemi kummerċjali dinjija u wirja tan-numru ta’ impjiegi mitlufa u spjegazzjoni tan-natura mhux prevedibbli ta’ dan it-telf ta’ impjiegi;

(b)

l-identifikazzjoni ta’ l-intrapriżi li keċċew lill-impjegati (nazzjonali jew multinazzjonali), il-fornituri jew il-produtturi downstream, is- setturi, u l-kategoriji ta’ ħaddiema li għandhom ikunu mmirati;

(ċ)

deskrizzjoni tat-territorju konċernat u l-awtoritajiet reġjonali tiegħu u partijiet interessati oħra, u l-impatt li huwa mistenni li se jkollhom l-impjiegi mitlufa fir-rigward ta’ l-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali;

(d)

il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu finanzjati u analiżi ta’ kemm mistenni jiswa, inkluża l-komplementarjetà tiegħu ma’ azzjonijiet finanzjati mill-Fondi Strutturali kif ukoll informazzjoni dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skond il-liġi nazzjonali jew skond ftehim kollettivi;

(e)

id-data jew dati meta nbdew jew huwa ppjanat li jinbdew servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta;

(f)

il-proċeduri segwiti sabiex jiġu konsultati l-imsieħba soċjali;

(g)

l-awtorità responsabbli mill-obbligi ta’ amministrazzjoni u kontroll finanzjarju skond l-Artikolu 18.

3.   Billi l-azzjonijiet li ġew implimentati mill-Istat Membru jew Stati Membri, mir-reġjun, mill-imsieħba soċjali u mill-intrapriżi konċernati permezz tal-liġi nazzjonali jew tal-ftehim kollettivi, u billi ngħatat attenzjoni partikolari lill-azzjonijiet li kienu finanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew (l-ESF), l-informazzjoni provduta taħt il-paragrafu 2 għandha tinkludi deskrizzjoni fil-qosor ta’ l-azzjonijiet li ttieħdu u li kienu ppjanati mill-awtorità nazzjonali u mill-intrapriżi konċernati, inkluża stima ta’ kemm ġew jiswew.

4.   L-Istat Membru jew l-Istati Membri konċernati għandhom jipprovdu wkoll informazzjoni statistika u informazzjoni oħra, fuq l-aktar livell territorjali xieraq, li l-Kummissjoni teħtieġ sabiex tevalwa jekk il-kriterji ta’ intervent intlaħqux jew le.

5.   Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni prevista fil-paragrafu 2 u fi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali ppreżentata mill-Istat Membru jew Stati Membri, il-Kummissjoni għandha tevalwa, f'konsultazzjoni ma' dawk l-Istati Membri, jekk intlaħqux il-kondizzjonijiet sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Komplementarjetà, konformità u koordinazzjoni

1.   Kontribuzzjoni mill-EGF m’għandhiex tissostitwixxi azzjonijiet li jkunu r-responsabbiltà ta' kumpanniji skond il-liġi nazzjonali jew skond xi ftehim kollettiv.

2.   Kontribuzzjoni mill-EGF għandha tikkomplementa l-azzjonijiet ta’ l-Istati Membri fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali, inklużi dawk li huma kofinanzjati mill-Fondi Strutturali.

3.   Kontribuzzjoni mill-EGF għandha tipprovdi solidarjetà u appoġġ għal ħaddiema individwali li jkunu tilfu l-impjieg bħala riżultat ta' bidliet strutturali fis-sistemi kummerċjali dinjija. L-EGF m'għandux jiffinanzja l-istrutturar mill-ġdid ta' kumpanniji jew setturi.

4.   Skond ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istat Membru jew l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni ta’ l-għajnuna mill-fondi Komunitarji.

5.   L-Istat Membru jew l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet speċifiċi li jirċievu kontribuzzjoni mill-EGF ma għandhomx ukoll jirċievu għajnuna minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra.

Artikolu 7

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi jiġu promossi matul l-istadji varji ta' implimentazzjoni ta' l-EGF. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu passi xierqa sabiex jipprevjenu kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba sess, razza, jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali matul l-istadji varji ta' implimentazzjoni ta' l-EGF, u b'mod partikulari, fl-aċċess għall-EGF.

Artikolu 8

L-għajnuna teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni

1.   Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, bla ħsara għal rata massima ta’ 0.35 % tar-riżorsi finanzjarji disponibbli għal dik is-sena, l-EGF jista’ jintuża sabiex jiffinanzja l-monitoraġġ, l-informazzjoni, l-appoġġ amministrattiv u tekniku, l-attivitajiet ta’ verifiki, kontroll u evalwazzjoni li huma meħtieġa sabiex ikun implimentat dan ir-Regolament.

2.   Kompiti ta’ din ix-xorta għandhom jitwettqu skond ir-Regolament Finanzjarju, kif ukoll skond ir-regoli implimentattivi tiegħu li japplikaw għal din il-forma ta’ implimentazzjoni tal-baġit.

Artikolu 9

Informazzjoni u pubbliċità

1.   L-Istat Membru jew l-Istati Membri konċernati għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-azzjonijiet finanzjati u għandhom jippubbliċizzawhom. L-informazzjoni għandha tkun indirizzata lill-ħaddiema konċernati, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-imsieħba soċjali, il-media u lill-pubbliku in ġenerali. Għandha tenfasizza l-irwol tal-Komunità u għandha tiżgura li l-kontribuzzjoni mill-EGF tkun viżibbli.

2.   Il-Kummissjoni għandha twaqqaf sit ta’ l-internet li jkun disponibbli bil-lingwi kollha tal-Komunità, liema sit għandu jipprovdi tagħrif dwar l-EGF, gwida dwar it-tfigħ ta’ l-applikazzjonijiet, kif ukoll tagħrif aġġornat dwar applikazzjonijiet aċċettati u miċħuda, filwaqt li jenfasizzaw l-irwol ta’ l-awtorità baġitarja.

Artikolu 10

Id-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja

1.   Fuq il-bażi tal-valutazzjoni li twettqet skond l-Artikolu 5(5), il-Kummissjoni għandha, b' mod partikolari billi tieħu kont tan-numru ta’ ħaddiema li għandhom jiġu appoġġati, l-azzjonijiet proposti u l-ispejjeż kalkulati, tevalwa u tipproponi kemm jista’ jkun malajr l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja, li tista' tingħata, fil-limiti tar-riżorsi disponibbli.

L-ammont ma jistax jeċċedi l-50 % tat-total ta’ l-ispejjeż stimati ndikati fl-Artikolu 5(2)(d).

2.   Fejn, abbażi tal-valutazzjoni li twettqet skond l-Artikolu 5(5), il-Kummissjoni tkun ikkonkludiet li ntlaħqu l-kondizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja taħt dan ir-Regolament, għandha minnufih tagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12.

3.   Fejn, fuq il-bażi tal-valutazzjoni li tkun saret skond l-Artikolu 5(5), il-Kummissjoni tkun ikkonkludiet li l-kondizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja taħt dan ir-Regolament ma ntlaħqux, għandha tinnotifika mill-aktar fis possibbli lill-Istat Membru jew Stati Membri konċernati.

Artikolu 11

L-eliġibbiltà tan-nefqa

In-nefqa għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-EGF mid-data jew dati li fiha l-Istat Membru jew l-Istati Membri konċernati jibdew jipprovdu servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta, kif stabbilit fl-Artikolu 5(2)(e).

Artikolu 12

Il-proċedura baġitarja

1.   L-arranġamenti għall-EGF għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali.

2.   L-approprjazzjonijiet li jikkonċernaw l-EGF għandhom ikunu jidħlu fil-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea bħala provvediment permezz tal-proċedura baġitarja normali hekk kif l-Kummisjoni tkun identifikat marġni suffiċjenti u/jew ikkanċellat impenji.

3.   Fejn il-Kummissjoni tkun ikkonkludiet li għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF, għandha tressaq proposta quddiem l-awtorità tal-baġit sabiex tawtorizza l-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għall-ammont li ġie ddeterminat skond l-Artikolu 10 u talba għat-trasferiment ta' l-ammont għal-linja baġitarja ta' l-EGF. Il-proposti jistgħu jinġabru fi gruppi.

It-trasferimenti li għandhom x'jaqsmu ma' l-EGF se jseħħu skond l-Artikolu 24(4) tar-Regolament Finanzjarju.

4.   Proposta skond il-paragrafu 3 għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

il-valutazzjoni mwettqa skond l-Artikolu 5(5), flimkien ma’ sommarju ta’ l-informazzjoni li fuqha hija bbażata dik il-valutazzjoni;

(b)

evidenza li ntlaħqu l-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 2 u 6; u

(ċ)

ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-ammonti proposti.

5.   Fl-istess ħin, waqt li tippreżenta l-proposta tagħha, il-Kummissjoni għandha tibda proċedura ta' trijalogu, possibilment f'forma sempliċi, sabiex tilħaq ftehim bejn iż-żewġ naħat ta' l-awtorità tal-baġit dwar il-bżonn li jintuża l-EGF u dwar l-ammont meħtieġ.

6.   Fl-1 ta’ Settembru ta’ kull sena, mill-inqas kwart ta’ l-ammont annwali massimu ta’ l-EGF għandu jibqa’ disponibbli sabiex ikunu koperti l-ħtiġijiet li jinqalgħu sakemm tintemm is-sena.

7.   Hekk kif l-approprjazzjonijiet isiru disponibbli min-naħa ta’ l-awtorità baġitarja, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja.

Artikolu 13

Il-pagament u l-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja

1.   Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni skond l-Artikolu 12(7), il-Kummissjoni għandha tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja lill-Istat Membru f’pagament wieħed, bħala prinċipju fi żmien 15-il ġurnata.

2.   L-Istat Membru jew l-Istati Membri għandhom jużaw l-kontribuzzjoni finanzjarja, kif ukoll kwalunkwe imgħax li jaqla minn fuqha, fi 12-il xahar mid-data ta' l-applikazzjoni skond l-Artikolu 5.

Artikolu 14

L-użu ta’ l-euro

L-applikazzjonijiet, id-deċiżjonijiet dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u r-rapporti li jaqgħu taħt dan ir-Regolament, kif ukoll kwalunkwe dokument relatat ieħor, għandhom jesprimu l-ammonti kollha f’Ewro.

Artikolu 15

Ir-rapport finali u l-għeluq

1.   Mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jiskadi l-perjodu speċifikat fl-Artikolu 13(2), l-Istat Membru jew l-Istati Membri konċernati għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar it-twettiq tal-kontribuzzjoni finanzjarja, li jinkludi informazzjoni dwar it-tip ta’ azzjonijiet u r-riżultati ewlenin, flimkien ma’ rendikont li jiġġustifika n-nefqa u li jindika, fejn ikun xieraq, il-komplementarjetà ta’ l-azzjonijiet ma’ dawk finanzjati mill-ESF.

2.   Mhux aktar tard minn sitt xhur wara li l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni kollha meħtieġa taħt il-paragrafu 1, għandha tagħlaq il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF.

Artikolu 16

Ir-rapport annwali

1.   Sa l-1 ta’ Lulju ta’ kull sena, u għall-ewwel darba fl-2008, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport kwantitattiv u kwalitattiv dwar l-attivitajiet taħt dan ir-Regolament matul is-sena ta’ qabel. Ir-rapport għandu jiffoka l-iktar fuq ir-riżultati li ntlaħqu mill-EGF and għandu jinkludi b’mod partikulari informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ l-applikazzjonijiet imressqa, mad-deċiżjonijiet li ġew adottati, ma’ l-azzjonijiet finanzjati, inkluża l-komplementarjetà tagħhom ma' l-azzjonijiet finanzjati mill-Fondi Strutturali, b'mod partikolari l-ESF, u ma' l-għeluq tal-kontribuzzjoni finanzjarja li saret. Għandu jiddokumenta wkoll dawk it-talbiet li ġew miċħuda minħabba nuqqas ta' l-approprjazzjonijiet suffiċjenti jew minħabba li ma kienux eliġibbli.

2.   Ir-rapport għandu jiġi trasmess, bħala informazzjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-imsieħba soċjali.

Artikolu 17

Evalwazzjoni

1.   Fuq l-inizjattiva tagħha stess u f’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha twettaq:

(a)

sal-31 ta’ Diċembru 2011, evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ l-effikaċja u s-sostenibbiltà tar-riżultati miksuba; u

(b)

sal-31 ta’ Diċembru 2014, evalwazzjoni ex-post bl-għajnuna ta' esperti esterni, sabiex jiġi mkejjel l-impatt ta' l-EGF u l-valur miżjud tiegħu.

2.   Ir-riżultati ta’ l-evalwazzjoni għandhom jiġu trasmessi, bħala informazzjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-imsieħba soċjali.

Artikolu 18

L-amministrazzjoni u l-kontroll finanzjarju

1.   Bla ħsara għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, l-Istati Membri għandhom jassumu r-responsabbiltà fl-ewwel lok għall-amministrazzjoni ta’ l-azzjonijiet appoġġati mill-EGF u l-kontroll finanzjarju ta’ l-azzjonijiet. Għal dan l-għan, il-miżuri li huma jieħdu għandhom jinkludu:

(a)

li jivverifikaw li ġew stabbiliti arranġamenti ta’ ġestjoni u kontroll u li qed ikunu implimentati b’tali mod li jassiguraw li l-fondi tal-Komunità qed ikunu użati b’mod effiċjenti u korrett, b’konformità mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba;

(b)

li jivverifikaw li l-azzjonijiet finanzjati twettqu kif suppost;

(ċ)

li jassiguraw li l-infiq finanzjat ikun bbażat fuq dokumenti ta’ ġustifikazzjoni vera, huwa korrett u regolari; u

(d)

li jimpedixxu, isibu u jikkorreġu l-irregolaritajiet kif definiti fl-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni (6) u jirkurpraw l-ammonti indebitament imħallsa flimkien ma’ l-interessi fuq pagamenti magħmula tard skond l-istess Artikolu. L-Istat Membru jew l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw kwalunkwe irregolarità bħal dawn lill-Kummissjoni, fiż-żmien dovut, u jżommu lill-Kummissjoni informata bil-progress tal-proċedimenti amministrattivi u legali.

2.   L-Istat Membru jew l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa fejn tkun aċċertata irregolarità. Il-korrezzjonijiet magħmula mill-Istat Membru jew Stati Membri għandhom jikkonsistu fir-revoka, parzjali jew kompleta, tal-kontribuzzjoni Komunitarja. L-Istat Membru jew l-Istati Membri għandhom jirkupraw kull ammont mitluf bħala riżultat ta' xi irregolarità skoperta, għandhom iħallsu lura lill-Kummissjoni u, fejn l-ammont ma jitħallasx fil-limitu ta’ żmien mogħti mill-Istat Membru jew Stati Membri konċernati, għandu jkun dovut interess awtomatiku.

3.   Il-Kummissjoni, fir-responsabbiltà tagħha għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, għandha tieħu l-passi kollha neċessarji sabiex tivverifika li l-azzjonijiet finanzjati twettqu skond il-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u effiċjenti, f' konformita' mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju. Hija r-responsabbiltà ta' l-Stat Membru jew l-Istati Membri konċernati li jiżguraw li jkollhom sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll li jaħdmu tajjeb. Il-Kummissjoni għandha tivverifika hija stess l-eżistenza ta' dawn is-sistemi.

Għal dan l-iskop, bla ħsara għall-poteri tal-Qorti ta’ l-Awdituri jew għall-verifiki mwettqa mill-Istat Membru jew Stati Membri skond il-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi, l-uffiċjali jew l-impjegati tal-Kummissjoni jistgħu jwettqu verifiki fil-post, inklużi verifiki rappreżentattivi, dwar l-azzjonijiet finanzjati mill-EGF bi pre-avviż minimu ta’ jum ta’ xogħol. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru konċernat bl-iskop li takkwista l-assistenza neċessarja kollha. Jistgħu jieħdu parti f’dawn il-verifiki uffiċjali jew impjegati ta’ l-Istat Membru konċernat.

4.   L-Istat Membru għandu jassigura li d-dokumenti ta’ ġustifikazzjoni li jirrigwardaw in-nefqa magħmula jinżammu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u l-Qorti ta’ l-Awdituri għal perjodu ta’ tliet snin wara l-konklużjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja rċevut mill-EGF.

Artikolu 19

Rimborż tal-kontribuzzjoni finanzjarja

1.   F’każi fejn l-ammont ta’ l-ispiża effettiva ta’ azzjoni jkun inqas mill-ammont stimat li kien kwotat skond l-Artikolu 12, il-Kummissjoni għandha tesiġi li l-Istat Membru jħallas lura ammont li jikkorrispondi għall-kontribuzzjoni finanzjarja riċevuta.

2.   Fejn Stat Membru jew Stati Membri jonqsu milli jikkonformaw ma’ l-obbligi dikjarati fid-Deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex tesiġi li l-Istat Membru jew l-Istati Membri jħallsu lura l-kontribuzzjoni finanzjarja riċevuta kollha jew parti minnha.

3.   Qabel ma tiġi adottata Deċiżjoni taħt il-paragrafi 1 jew 2, il-Kummissjoni għandha twettaq eżami xieraq tal-każ u, b’mod partikolari, għandha tagħti lill-Istat Membru perjodu speċifiku ta’ żmien li matulu jista’ jressaq il-kummenti tiegħu.

4.   Jekk, wara li jitlestew il-verifiki neċessarji, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Istat Membru jew l-Istati Membri mhumiex jikkonformaw ma’ l-obbligi tagħhom skond l-Artikolu 18(1), hi għandha, jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim u jekk l-Istat Membru jkun għadu ma wettaqx il-korrezzjonijiet f’perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, u b'kont meħud ta' kwalunkwe kumment magħmul mill-Istat Membru, tiddeċiedi fi tliet xhur mill-aħħar tal-perjodu msemmi hawn fuq sabiex tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa billi tikkanċella, parzjalment jew kompletament, il-kontribuzzjoni mill-EGF għall-azzjoni involuta. Kull ammont mitluf li jirriżulta minn irregolarità skoperta għandu jiġi irkuprat u, fejn l-ammont ma jiġix imħallas lura fiż-żmien mogħti mill-Istat Membru jew Stati Membri konċernati, għandu jkun dovut l-interess awtomatiku.

Artikolu 20

Klawsola ta’ reviżjoni

Fuq il-bażi ta’ l-ewwel rapport annwali provdut fl-Artikolu 16, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jirrivedu dan ir-Regolament, fuq il-bażi ta’ proposta min-naħa tal-Kummissjoni, sabiex ikun żgurat li qed jintlaħaq l-għan ta’ solidarjetà ta’ l-EGF u li d-dispożizzjonijiet tiegħu jikkunsidraw b’mod adegwat, il-karatteristiċi ekonomiċi, soċjali u territorjali ta’ l-Istati Membri kollha.

Fi kwalunkwe każ, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrivedu dan ir-Regolament sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew,

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill,

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 38.

(2)  ĠU C 51, 6.3.2007, p. 1.

(3)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU C 317 E, 23.12.2006, p. 432) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2006.

(4)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

(6)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1989/2006 (ĠU L 411, 30.12.2006, p. 6).


Top