Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
L-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddefinixxi r-rwol tal-Unjoni Ewropea (UE) fil-qasam tal-kultura. F’dan is-settur, l-UE timmira “li ssostni, tikkoordina jew tissupplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri”, kif stipulat fl-Artikolu 6 tat-TFEU .
Ibbażat fuq “it-teħid ta’ ispirazzjoni mill-wirt kulturali, reliġjuż u umanist tal-Ewropa”, l-oġġettivi tal-politika kulturali tal-UE huma li “tirrispetta d-diversità kulturali u lingwistika rikka tagħha, u […] li tassigura li l-wirt kulturali tal-Ewropa huwa salvagwardjat u mtejjeb” (Artikolu 3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewoprea). L-UE tista’ wkoll tgħin dawn is-setturi kulturali u kreattivi biex jirkupraw f’każ ta’ kriżi, u trawwem ir-reżiljenza tagħhom biex tagħmilhom iktar sostenibbli fil-futur.
Filwaqt li l-Istati Membri tal-UE huma responsabbli għall-politiki kulturali tagħhom stess, l-UE tgħinhom biex jindirizzaw sfidi komuni li jvarjaw mill-impatt tat-teknoloġiji diġitali sas-sostenn tal-innovazzjoni fis-setturi kulturali u kreattivi.
L-UE tappoġġa wkoll azzjonijiet biex tippreserva l-wirt kulturali u tippromwovi l-kooperazzjoni u skambji transnazzjonali bejn l-istituzzjonijiet kulturali fl-Istati Membri. Is-setturi kulturali jistgħu jibbenefikaw ukoll minn opportunitajiet speċifiċi ta’ finanzjament taħt Orizzont Ewropa, il-Programm tas-Suq Uniku, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-fondi għall-politika ta’ koeżjoni.
Il-programm il-ġdid ta’ finanzjament Ewropa Kreattiva (2021–2027), isostni s-setturi kulturali u kreattivi u l-kooperazzjoni transfruntiera kif ukoll attivitajiet ta’ netwerking għas-setturi relatati kollha. Inizjattivi oħrajn jinkludu “Jiem tal-Wirt” u “Kapitali tal-Kultura”, li t-tnejn kienu mnehdija fl-1985.
Barra minn hekk, l-UE taħdem ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNESCO, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni għal Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp biex tindirizza it-traffikar ta’ oġġetti kulturali u tippromwovi l-iżvilupp lokali permezz tal-kultura.