SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

5 ta’ April 2017 ( *1 )

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti sottomessi fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34/KE — Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru — Għoti ta’ aċċess — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċedimenti fil-qrati — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-iskop ta’ spezzjonijiet, investigazzjonijiet u verifiki — Kunsens minn qabel tal-Istat Membru”

Fil-Kawża T‑344/15,

Ir-Repubblika Franċiża, inizjalment irrappreżentata minn F. Alabrune, G. de Bergues, D. Colas u F. Fize, sussegwentement minn D. Colas u B. Fodda, u fl-aħħar nett minn D. Colas, B. Fodda u E. de Moustier, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, T. Müller u J. Vláčil, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz u F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ares(2015) 1681819, tal‑21 ta’ April 2015, li tagħti liċ-ċittadin l-aċċess għad-dokumenti sottomessi mir-Repubblika Franċiża fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, I. Labucka, E. Bieliūnas (Relatur), I. S. Forrester u C. Iliopoulos, Imħallfin,

Reġistratur: G. Predonzani, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑14 ta’ Diċembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fil‑21 ta’ Jannar 2014, l-awtoritajiet Franċiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea, konformement mal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), bi proposta ta’ liġi intiża li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-bejgħ mill-bogħod ta’ kotba u li tagħti s-setgħa lill-Gvern Franċiż jemenda permezz ta’ digriet id-dispożizzjonijiet tal-code de la propriété intellectuelle relatives au contrat d’édition (kodiċi tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kuntratt ta’ pubblikazzjoni).

2

B’ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni rċeviet, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), talba għal aċċess tad-dokumenti kollha maħruġa jew irċevuti minnha waqt li kienet qiegħda tittratta din in-notifika.

3

Il-Kummissjoni identifikat ħames dokumenti li jaqgħu taħt l-iskop tat-talba għal aċċess, jiġifieri:

it-talba tagħha għal informazzjoni addizzjonali tas‑27 ta’ Frar 2014;

it-tweġiba tal-Gvern Franċiż għal din it-talba, tal‑11 ta’ Marzu 2014;

l-opinjoni ddettaljata tal-Gvern Awstrijak tad‑9 ta’ April 2014;

l-opinjoni ddettaljata tagħha tal‑15 ta’ April 2014;

it-tweġiba tal-Gvern Franċiż għal dawn iż-żewġ opinjonijiet iddettaljati, tas‑17 ta’ Ġunju 2014.

4

Fl-assenza ta’ komunikazzjoni ġdida min-naħa tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, ir-Repubblika Franċiża adottat, fit‑8 ta’ Lulju 2014, il-Liġi Nru 2014‑779 li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-bejgħ mill-bogħod ta’ kotba u li tagħti s-setgħa lill-Gvern Franċiż jemenda permezz ta’ digriet id-dispożizzjonijiet tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kuntratt ta’ pubblikazzjoni (JORF tad‑9 ta’ Lulju 2014, p. 11363).

5

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-Repubblika Franċiża informat lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittri tad‑19 ta’ Diċembru 2014 u tat‑13 u l‑14 ta’ Jannar 2015, li hija kienet qiegħda topponi li jingħata aċċess, minn naħa, għat-tweġiba tal-Gvern Franċiż tal‑11 ta’ Marzu 2014 għat-talba għal informazzjoni addizzjonali tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, għat-tweġiba tal-Gvern Franċiż tas‑17 ta’ Ġunju 2014 għall-opinjonijiet iddettaljati tal-Gvern Awstrijak u tal-Kummissjoni, imsemmija fit-tieni u fil-ħames inċiż tal-punt 3 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem id-“dokumenti kontenzjużi”), abbażi tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar il-protezzjoni ta’ proċedimenti fil-qrati. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, l-iżvelar kien jimmina l-protezzjoni ta’ proċedimenti futuri fil-qrati fi proċedura eventwali ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE li setgħet issir kontra r-Repubblika Franċiża minkejja l-osservanza minnha tal-proċedura prevista fid-Direttiva 98/34. Fil-fatt, skont l-awtoritajiet Franċiżi, ir-riskju ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien jeżisti peress li l-Kummissjoni kienet adottat opinjoni ddettaljata li fiha hija kienet semmiet riskju eventwali ta’ nuqqas ta’ konformità tal-proposta tal-liġi Franċiża mad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-opportunitajiet bejnha u l-Kummissjoni f’tilwima eventwali, ir-Repubblika Franċiża kienet, għaldaqstant, talbet li jinżamm il-karattru kunfidenzjali tal-korrispondenza mal-Kummissjoni.

6

Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni tat l-aċċess għat-talba għal informazzjoni addizzjonali tagħha tas‑27 ta’ Frar 2014, għall-opinjoni ddettaljata tal-Gvern Awstrijak tad‑9 ta’ April 2014, u għall-opinjoni ddettaljata tagħha tal‑15 ta’ April 2014, imsemmija fl-ewwel, fit-tielet u fir-raba’ inċiż tal-punt 3 iktar ’il fuq, iżda rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi, billi informat lill-applikant għall-aċċess bl-oppożizzjoni tar-Repubblika Franċiża u bir-raġuni li hija kienet tat insostenn tar-rifjut tagħha.

7

Fil‑11 ta’ Frar 2015, l-applikant għall-aċċess għamel applikazzjoni konfermatorja lill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

8

Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Franċiża teżamina mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha, b’mod partikolari abbażi tas-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Iżvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541), u tas‑6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni (T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190), dwar l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-proċedimenti fil-qrati.

9

Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Marzu 2015, l-awtoritajiet Franċiżi reġgħu sostnew il-pożizzjoni tagħhom li ma kellu jingħata ebda aċċess għad-dokumenti kontenzjużi. F’dan ir-rigward, minbarra li rrepetew l-oppożizzjoni tagħhom għall-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi abbażi tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, huma qiesu li l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni kellu jiġi miċħud ukoll abbażi tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, dwar il-protezzjoni tal-iskop ta’ spezzjonijiet, investigazzjonijiet u verifiki. Fil-fatt, skont l-awtoritajiet Franċiżi, id-dokumenti kollha msemmija fit-talba għal aċċess kienu jidħlu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni li kienet tirrigwarda l-awtoritajiet Franċiżi u li kienet dwar possibbiltà ta’ ksur tal-liġi Franċiża, għalhekk dwar l-istudju fi ħdan il-parlament Franċiż, tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li eżaminaw il-possibbiltà li jagħtu aċċess parzjali għad-dokumenti kontenzjużi, iżda wasslu għall-konklużjoni li tali aċċess ma setax jingħata, sa fejn l-eċċezzjonijiet kienu jirrigwardaw id-dokumenti kollha.

10

Permezz tad-Deċiżjoni Ares(2015) 1681819, tal‑21 ta’ April 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti lill-applikant l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tal-motivi tar-rifjut invokati mill-awtoritajiet Franċiżi u kkonkludiet, fir-rigward tal-motiv tar-rifjut ibbażat fuq l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li “d-dokumenti li [kien] qed jintalab l-aċċess għalihom ma [kinux] strettament marbutin ma’ proċedimenti kontenzjużi li jeżistu jew raġonevolment prevedibbli f’dan l-istadju” u li “[g]ħaldaqstant [kien] manifest li dawn id-dokumenti inkwistjoni ma [kinux jaqgħu] taħt l-eċċezzjoni invokata mill-awtoritajiet Franċiżi” u li “l-iżvelar tagħhom ma jistax jiġi mfixkel mill-imsemmija eċċezzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fir-rigward tal-motiv tar-rifjut ibbażat fuq l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni indikat li, “fid-dawl tal-fatt li ma [kienet] teżisti ebda investigazzjoni pendenti, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija iktar ’il fuq, f’dan l-istadju, [kienet] tidher purament ipotetika u l-invokazzjoni tagħha [kienet] tidher, konsegwentement, prima facie, […] infondata fiċ-ċirkustanza” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Lulju 2015, ir-Repubblika Franċiża ppreżentat dan ir-rikors.

12

Fir-rikors, ir-Repubblika Franċiża talbet, skont l-Artikolu 28(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża minn Awla komposta minn mill-inqas ħames imħallfin.

13

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-Repubblika Franċiża ressqet talba għal miżuri provviżorji.

14

Din it-talba ntlaqgħet permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal‑1 ta’ Settembru 2015 u l-ispejjeż ġew irriżervati.

15

Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni talbet li dan ir-rikors jiġi deċiż bi proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 152 tar-Regoli tal-Proċedura.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Ottubru 2015, il-Qorti Ġenerali (it-Tielet Awla) ċaħdet it-talba għal proċedura mħaffa.

17

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Ottubru 2015, ir-Repubblika Ċeka talbet li tintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Franċiża.

18

Permezz ta’ digriet tas‑6 ta’ Novembru 2015, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent. Ir-Repubblika Ċeka ppreżentat in-nota tagħha u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din tal-aħħar fit-termini mogħtija.

19

Fil‑21 ta’ Lulju 2016, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali informa lill-partijiet li din il-kawża kienet intbagħtet lura quddiem it-Tielet Awla Estiża.

20

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet numru ta’ mistoqsijiet lill-partijiet sabiex iwiġbuhom bil-miktub. Il-partijiet prinċipali għamlu dan fit-terminu impost.

21

It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑14 ta’ Diċembru 2016. Ir-Repubblika Ċeka rrinunzjat li tipparteċipa fis-seduta.

22

Ir-Repubblika Franċiża, sostnuta mir-Repubblika Ċeka, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

Id-dritt

24

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Franċiża inizjalment qajmet tliet motivi. Hija invokat, l-ewwel nett u prinċipalment, il-ksur tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, it-tieni nett u sussidjarjament, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament u, it-tielet nett u b’mod iktar sussidjarju, il-ksur tat-tieni u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament.

25

Fit-tweġiba tagħha tad‑19 ta’ Ottubru 2016 għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-Repubblika Franċiża indikat li kienet qiegħda tirrinunzja għat-tieni motiv tagħha.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001

26

Ir-Repubblika Franċiża targumenta li l-Kummissjoni wettqet, b’mod żbaljat, l-eżami tal-argumenti tal-awtoritajiet Franċiżi fuq l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi u b’dan il-mod awtorizzat l-aċċess għalihom minkejja l-oppożizzjoni tagħha debitament iġġustifikata minn motivi li jagħmlu riferiment għal żewġ eċċezzjonijiet għall-aċċess għad-dokumenti previsti fit-tieni u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

27

Għaldaqstant, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-Repubblika Franċiża targumenta, essenzjalment, li l-Kummissjoni marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa tagħha ta’ stħarriġ u, b’dan il-mod, kisret l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

28

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Franċiża.

29

Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, bħalma jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, li jagħti lill-pubbliku d-dritt ta’ aċċess l-iktar estensiv possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Iżvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 33, u tat‑3 ta’ Ottubru 2012, Jurašinović vs Il‑Kunsill, T‑63/10, EU:T:2012:516, punt 28). Bis-saħħa tal-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament, dan id-dritt ikopri mhux biss id-dokumenti redatti minn istituzzjoni, imma wkoll dawk riċevuti minn terzi, li fosthom hemm l-Istati Membri, hekk kif jippreċiża espressament l-Artikolu 3(b) tal-istess regolament.

30

Madankollu, dan id-dritt ta’ aċċess huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (sentenzi tal‑1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 62, u tat‑3 ta’ Ottubru 2012, Jurašinović vs Il‑Kunsill, T‑63/10, EU:T:2012:516, punt 29). B’mod partikolari, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jistabbilixxi li Stat Membru jista’ jitlob lil istituzzjoni li ma tiżvelax dokument minn dan l-Istat mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu (sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza IFAW vs Il‑Kummissjoni”, EU:C:2012:376, punt 50, u tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑669/11, EU:T:2014:814, punt 41).

31

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tispeċifika, fis-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Iżvezja vs Il‑Kummissjoni (C‑64/05 P, EU:C:2007:802), u tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni (C‑135/11 P, EU:C:2012:376), il-portata tal-oppożizzjoni mressqa minn Stat Membru skont l-imsemmija dispożizzjoni (sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑669/11, EU:T:2014:814, punt 43).

32

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 kellu karattru proċedurali peress li kien limitat li jipprevedi r-rekwiżit ta’ kunsens minn qabel tal-Istat Membru kkonċernat meta dan tal-aħħar ikun għamel talba speċifika f’dan is-sens u li din kienet intiża għall-proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Unjoni (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L-Iżvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punti 7881; tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 53, u tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑669/11, EU:T:2014:814, punt 44).

33

B’differenza mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jippermetti lil terzi, fil-każ ta’ dokumenti li joriġinaw minnhom, id-dritt biss li jiġu kkonsultati mill-istituzzjoni kkonċernata fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 u 2 tal-istess Artikolu 4, il-paragrafu 5 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi l-kunsens minn qabel tal-Istat Membru bħala kundizzjoni neċessarja għall-iżvelar ta’ dokument li joriġina minn dan tal-aħħar fil-każ fejn dan l-istess Stat jitlob hekk (sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 54, u tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑669/11, EU:T:2014:814, punt 45).

34

Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta Stat Membru jkun eżerċita l-fakultà li kienet miftuħa lilu permezz tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 li jitlob li dokument speċifiku, li joriġina minn dan l-istess Stat, ma jiġix żvelat mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu, l-iżvelar eventwali ta’ dan id-dokument mill-istituzzjoni kien jeħtieġ il-kisba ta’ kunsens minn qabel tal-imsemmi Stat Membru (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Iżvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 50; tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 55, u tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑669/11, EU:T:2014:814, punt 46).

35

Minn dan isegwi, a contrario sensu, li l-istituzzjoni li ma jkollhiex il-kunsens tal-Istat Membru kkonċernat ma għandhiex is-setgħa tiżvela d-dokument inkwistjoni (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Iżvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 44; tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 56, u tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑669/11, EU:T:2014:814, punt 47).

36

Madankollu, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jagħtix lill-Istat Membru kkonċernat dritt ta’ veto ġenerali u inkundizzjonat li jippermettilu jopponi, b’mod purament diskrezzjonali u mingħajr ma jkollu jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu, għall-iżvelar ta’ kwalunkwe dokument miżmum minn istituzzjoni minħabba l-fatt biss li l-imsemmi dokument joriġina minn dan l-Istat Membru (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Iżvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 58; tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 57, u tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑669/11, EU:T:2014:814, punt 48).

37

Fil-fatt, l-eżerċizzju tas-setgħa li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jagħti lill-Istat Membru kkonċernat huwa ddelimitat permezz tal-eċċezzjonijiet materjali elenkati fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-istess artikolu, peress li f’dan ir-rigward dan l-Istat Membru jingħata biss il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni fid-deċiżjoni tal-istituzzjoni. Il-kunsens minn qabel tal-Istat Membru kkonċernat li dan l-artikolu jirreferi għalih jixbah, għalhekk, mhux dritt ta’ veto diskrezzjonali, iżda forma ta’ opinjoni li tikkonferma l-ineżistenza tal-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3 tal-istess artikolu. Il-proċess deċiżjonali stabbilit mill-imsemmi artikolu b’dan il-mod għaldaqstant jeżiġi li l-istituzzjoni u l-Istat Membru kkonċernati jżommu mal-eċċezzjonijiet materjali previsti fl-imsemmija paragrafi 1 sa 3 (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Iżvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punti 7683; tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 58, u tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑669/11, EU:T:2014:814, punt 49).

38

Konsegwentement, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jawtorizza l-Istat Membru kkonċernat sabiex jopponi għall-iżvelar ta’ dokumenti li joriġinaw minnu biss fuq il-bażi tal-eċċezzjonijiet materjali previsti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu u billi jimmotiva debitament il-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Iżvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 99; tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 59, u tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑669/11, EU:T:2014:814, punt 50).

39

Fir-rigward, f’dan il-każ, tal-portata tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 fil-konfront tal-istituzzjoni adita b’talba għal aċċess għal dokument, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-intervent tal-Istat Membru kkonċernat ma kienx jaffettwa, fir-rigward tal-applikant, in-natura ta’ att tal-Unjoni tad-deċiżjoni li l-istituzzjoni tindirizzalu ulterjorment bħala tweġiba għat-talba għal aċċess tiegħu għal dokument li hija żżomm fil-pussess tagħha (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Iżvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 94; tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 60, u tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑669/11, EU:T:2014:814, punt 51).

40

L-istituzzjoni adita b’talba għal aċċess għal dokument, bħala awtriċi ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti, hija għaldaqstant responsabbli mil-legalità tagħha. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dik l-istituzzjoni ma tistax tilqa’ l-oppożizzjoni murija minn Stat Membru għall-iżvelar ta’ dokument li oriġina minnu jekk din l-oppożizzjoni kienet nieqsa minn kull motivazzjoni jew jekk il-motivi li dan l-Istat Membru bbaża ruħu fuqhom sabiex l-aċċess għad-dokument inkwistjoni jiġi miċħud ma kinux spjegati b’riferiment għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Iżvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 88; tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 61, u tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑669/11, EU:T:2014:814, punt 52).

41

Minn dan isegwi li, qabel ma tirrifjuta l-aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha teżamina jekk dan tal-aħħar ibbażax l-oppożizzjoni tiegħu fuq l-eċċezzjonijiet materjali previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u jekk immotivax debitament il-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward. B’dan il-mod, fil-kuntest tal-proċess tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rifjut tal-aċċess, l-imsemmija istituzzjoni għandha tiżgura ruħha bl-eżistenza ta’ tali motivazzjoni u tagħmel riferiment għaliha fid-deċiżjoni adottata minnha fl-aħħar tal-proċedura (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Iżvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 99; tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 62, u tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑669/11, EU:T:2014:814, punt 53).

42

Fl-aħħar nett, bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjoni stess għandha l-obbligu timmotiva d-deċiżjoni ta’ rifjut li hija tagħti lill-awtur tat-talba għal aċċess. Tali obbligu jimplika li l-istituzzjoni tesponi, fid-deċiżjoni tagħha, mhux biss l-oppożizzjoni mmanifestata mill-Istat Membru kkonċernat għall-iżvelar tad-dokument mitlub, iżda wkoll raġunijiet invokati minn dan l-Istat Membru sabiex tikkonkludi li waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tal-istess regolament hija applikabbli. Tali indikazzjonijiet huma fil-fatt ta’ natura li jippermettu lill-applikant jifhem l-oriġini u r-raġunijiet tar-rifjut kontriha u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita, skont il-każ, l-istħarriġ li huwa responsabbiltà tagħha (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Iżvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 89, u digriet tas‑27 ta’ Marzu 2014, Ecologistas en Acción vs Il‑Kummissjoni, T‑603/11, mhux ippubblikat, EU:T:2014:182, punt 42).

43

Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza, ma hijiex ir-responsabbiltà tal-istituzzjoni adita b’talba għal aċċess għal dokument li twettaq evalwazzjoni eżawrjenti tad-deċiżjoni ta’ oppożizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, meta twettaq stħarriġ li jmur lil hinn mill-verifika tas-sempliċi eżistenza ta’ motivazzjoni li tirreferi għall-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 63; digriet tas‑27 ta’ Marzu 2014, Ecologistas en Acción vs Il‑Kummissjoni, T‑603/11, mhux ippubblikat, EU:T:2014:182, punt 44, u sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑669/11, EU:T:2014:814, punt 54).

44

Fil-fatt, li tiġi rikjesta tali evalwazzjoni jista’ jwassal sabiex, ladarba din issir, l-istituzzjoni adita b’talba għal aċċess għal dokument tkun tista’, b’mod żbaljat, tipproċedi sabiex tikkomunika d-dokument inkwistjoni lill-applikant minkejja l-oppożizzjoni, debitament immotivata fis-sens tal-punti 40 u 41 iktar ’il fuq, tal-Istat Membru li minnu joriġina dan id-dokument (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 64; digriet tas‑27 ta’ Marzu 2014, Ecologistas en Acción vs Il‑Kummissjoni, T‑603/11, mhux ippubblikat, EU:T:2014:182, punt 45, u sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑669/11, EU:T:2014:814, punt 55).

45

Lanqas ma hija responsabbiltà tal-Kummissjoni li tipproċedi, fir-rigward tad-dokument li l-iżvelar tiegħu ġie rrifjutat, għal evalwazzjoni eżawrjenti tal-motivi ta’ oppożizzjoni invokati mill-Istat Membru abbażi tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 65, u digriet tas‑27 ta’ Marzu 2014, Ecologistas en Acción vs Il‑Kummissjoni, T‑603/11, mhux ippubblikat, EU:T:2014:182, punt 47).

46

Fl-aħħar nett, fis-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑59/09, EU:T:2012:75), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-eżami mill-istituzzjoni ma kienx jikkonsisti f’li jiġi ddeterminat jekk il-motivazzjoni mressqa mill-Istat Membru kkonċernat kinitx mingħajr dubju ta’ xejn żbaljata, iżda li jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli, il-motivi mressqa mill-Istat Membru insostenn tal-oppożizzjoni tiegħu kinux tali li jiġġustifikaw prima facie tali rifjut u, għaldaqstant, jekk dawn il-motivi kinux jippermettu lill-imsemmija istituzzjoni tassumi r-responsabbiltà li jagħtiha l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001(ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑59/09, EU:T:2012:75, punti 5253, u digriet tas‑27 ta’ Marzu 2014, Ecologistas en Acción vs Il‑Kummissjoni, T‑603/11, mhux ippubblikat, EU:T:2014:182, punt 46).

47

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali speċifikat li ma kinitx kwistjoni, għall-istituzzjoni, li timponi l-opinjoni tagħha jew li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Istat Membru kkonċernat, iżda li tevita l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li hija ma qisitx li kienet difendibbli. Fil-fatt, l-istituzzjoni, bħala awtriċi tad-deċiżjoni ta’ aċċess jew ta’ rifjut, hija responsabbli għal-legalità tagħha. Qabel ma tirrifjuta l-aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru, hija għandha għaldaqstant teżamina jekk dan tal-aħħar ikunx ibbaża l-oppożizzjoni tiegħu fuq l-eċċezzjonijiet materjali previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u jekk ikunx debitament immotiva l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward ta’ dawn l-eċċezzjonijiet (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑59/09, EU:T:2012:75, punt 54; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tas‑27 ta’ Marzu 2014, Ecologistas en Acción vs Il‑Kummissjoni, T‑603/11, mhux ippubblikat, EU:T:2014:182, punt 43).

48

Għandu jiġi enfasizzat li dan l-eżami għandu jitwettaq fil-kuntest tad-djalogu leali li jikkaratterizza l-proċess deċiżjonali stabbilit mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, bl-istituzzjoni tkun obbligata tippermetti lill-Istat Membru jesponi l-motivi tiegħu b’mod iktar ċar jew li jevalwahom mill-ġdid sabiex ikunu jistgħu jitqiesu, prima facie, bħala difendibbli (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑59/09, EU:T:2012:75, punt 55).

49

Dan l-eżami għandu ukoll isir billi jittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-prinċipju li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett, fid-dawl tal-għanijiet li dan ir-regolament irid jilħaq, b’mod partikolari l-fatt, imfakkar fil-premessa 2 tiegħu, li dan id-dritt ta’ aċċess huwa marbut man-natura demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-fatt li dan ir-regolament huwa intiż, kif indikat fil-premessa 4 tiegħu u fl-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess li huwa l-ikbar possibbli (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑59/09, EU:T:2012:75, punt 56).

50

F’dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża targumenta li r-raġunament fis-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑59/09, EU:T:2012:75), ġie mminat mis-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni (C‑135/11 P, EU:C:2012:376), kif ukoll mis-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni (T‑669/11, EU:T:2014:814). Hija targumenta li mis-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni (C‑135/11 P, EU:C:2012:376), jirriżulta b’mod ċar li l-verifika tal-eżistenza ta’ motivazzjoni tikkostitwixxi l-limitu massimu tal-istħarriġ li l-istituzzjoni adita tista’ twettaq. L-użu mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 63 tal-imsemmija sentenza, tal-aġġettiv “sempliċi” qabel “eżistenza ta’ motivazzjoni” juri fi kwalunkwe każ b’mod ċar il-portata limitata ta’ dan l-istħarriġ.

51

F’dan ir-rigward, b’mod partikolari mill-punti 59, 62 u 63 tas-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni (C‑135/11 P, EU:C:2012:376), imfakkra fil-punti 38, 41 u 43 iktar ’il fuq, jirriżulta li, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-istħarriġ tal-istituzzjoni ma jistax imur lil hinn mill-verifika tas-sempliċi eżistenza ta’ motivazzjoni li tagħmel riferiment għall-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, xorta jibqa’ l-fatt li hija l-istituzzjoni li għandha tivverifika, f’dan il-każ, li l-oppożizzjoni tal-Istat Membru hija immotivata debitament.

52

Issa, hemm lok jiġi rrilevat li, fis-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni (C‑135/11 P, EU:C:2012:376), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-appell ippreżentat mill-kumpannija IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds mis-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2011, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni (T‑362/08, EU:T:2011:6), li fiha l-Qorti Ġenerali ma kinitx iddeċidiet il-kwistjoni jekk kinitx responsabbiltà tal-Kummissjoni li twettaq stħarriġ prima facie jew stħarriġ sħiħ tal-motivi ta’ oppożizzjoni invokati mill-Istat Membru (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2011, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, T‑362/08, EU:T:2011:6, punt 86). Fuq din il-kwistjoni, l-appellanti f’dik il-kawża, fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, ikkritikat lill-Qorti Ġenerali biss li ma rrikonoxxietx li kienet responsabbiltà tal-Kummissjoni li twettaq, fir-rigward tad-dokument li l-iżvelar tiegħu kien rrifjutat, evalwazzjoni eżawrjenti tal-motivi ta’ oppożizzjoni invokati mill-Istat Membru abbażi tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Fir-rigward tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Qorti Ġenerali ma kinitx wettqet żball ta’ liġi f’dan ir-rigward (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 65).

53

Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha li tirrifjuta l-possibbiltà għall-istituzzjoni li twettaq evalwazzjoni eżawrjenti mingħajr madankollu ma topponi għal stħarriġ prima facie tar-raġuni tal-oppożizzjoni tal-Istat Membru.

54

Barra minn hekk, minn qari flimkien tal-punti 69, 81, 83 sa 85 tas-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni (T‑669/11, EU:T:2014:814), jirriżulta li, minkejja li l-istituzzjoni ma għandhiex l-obbligu twettaq l-eżami konkret u individwali tad-dokumenti li huwa mitlub l-aċċess tagħhom fil-konfront tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, eżami meħtieġ minn ġurisprudenza stabbilita fil-qasam (sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 53; tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Iżvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 72, u tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 44), u minkejja li ma hijiex responsabbiltà tagħha li twettaq evalwazzjoni eżawrjenti tal-motivazzjoni ppreżentata mill-Istat Membru sabiex jiġġustifika l-oppożizzjoni għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba, l-obbligu tagħha ta’ eżami diliġenti għandu madankollu jwassalha sabiex tivverifika jekk l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Istat Membru jidhrux prima facie fondati.

55

Huwa b’dan il-mod li, fil-kawża Spirlea vs Il‑Kummissjoni, il-Kummissjoni kienet qieset li r-rifjut tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ibbażat fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-iskop ta’ spezzjonijiet, kien jidher, prima facie, fondat sa fejn il-proċedura EU Pilot 2070/11/SNCO, li tippreċedi ftuħ eventwali tal-fażi formali ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li fil-kuntest tagħha d-dokument mitlub, jiġifieri t-tweġiba tal-awtoritajiet Ġermaniżi għal talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni, tfassal, kienet għadha għaddejja. Fil-fatt, il-Kummissjoni kompliet teżamina t-tweġiba tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-azzjoni li għandha tiġi segwita (sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑669/11, EU:T:2014:814, punti 70, 84103).

56

Għaldaqstant il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li, prima facie, l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-iskop ta’ spezzjonijiet, investigazzjonijiet u verifiki setgħet validament tiġi invokata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sa fejn il-proċedura kienet għadha għaddejja, konstatazzjoni li kienet teħtieġ min-naħa tagħha l-verifika li l-fatti invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinux manifestament ineżatti.

57

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li targumenta r-Repubblika Franċiża, ma hemmx lok li jitqies li l-Qorti Ġenerali rrinunzjat, fis-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni (T‑669/11, EU:T:2014:814), għall-approċċ tagħha fis-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑59/09, EU:T:2012:75), lanqas, barra minn hekk, li topponi għal din is-sentenza tal-aħħar u għas-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW vs Il‑Kummissjoni (C‑135/11 P, EU:C:2012:376).

58

Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li l-istituzzjoni għandha twettaq stħarriġ prima facie tal-fondatezza tal-motivi tar-rifjut għall-iżvelar li l-Istat Membru kkonċernat qiegħed jopponi għalih.

59

Fl-aħħar nett, l-argument tar-Repubblika Franċiża, li l-Kummissjoni għamlet, b’mod żbaljat, evalwazzjoni eżawrjenti tal-motivi tar-rifjut li hija kienet esprimiet, kuntrarjament għal-limiti tal-portata tal-istħarriġ tagħha, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, f’dan il-każ, bħalma tfakkar fil-punt 10 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tal-motivi tar-rifjut invokati mill-awtoritajiet Franċiżi u kkonkludiet, fir-rigward tal-motiv tar-rifjut ibbażat fuq l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li “d-dokumenti li [kien] qed jintalab l-aċċess għalihom ma [kinux] strettament marbutin ma’ proċedimenti kontenzjużi li jeżistu jew raġonevolment prevedibbli f’dan l-istadju”, li “[g]ħaldaqstant [kien] manifest li dawn id-dokumenti inkwistjoni ma [kinux jaqgħu] taħt l-eċċezzjoni invokata mill-awtoritajiet Franċiżi” u li “l-iżvelar tagħhom ma jistax jiġi mfixkel mill-imsemmija eċċezzjoni”. Fir-rigward tal-motiv tar-rifjut ibbażat fuq l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni indikat li, “fid-dawl tal-fatt li ma [kienet] teżisti ebda investigazzjoni pendenti, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija iktar ’il fuq, f’dan l-istadju, [kienet] tidher purament ipotetika u l-invokazzjoni tagħha [kienet] tidher, konsegwentement, prima facie, […] infondata fiċ-ċirkustanza”.

60

Issa, minn naħa, il-fatt li din l-analiżi hija qasira, kif ukoll l-użu ta’ kliem u ta’ espressjonijiet bħal “manifest” jew “prima facie” jippermettu l-konklużjoni li inkwistjoni ma hemmx stħarriġ eżawrjenti tal-motivazzjoni miġjuba mir-Repubblika Franċiża, iżda pjuttost stħarriġ prima facie.

61

Min-naħa l-oħra, kien jaqa’ taħt l-obbligu ta’ diliġenza tal-Kummissjoni li tivverifika prima facie l-eżistenza ta’ kontenzjuż jew ta’ investigazzjoni li fil-kuntest tagħhom ġew imfassla d-dokumenti kontenzjużi sa fejn hija preċiżament l-eżistenza ta’ tali kontenzjuż jew ta’ tali investigazzjoni li setgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fit-tieni u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

62

Konsegwentement, il-Kummissjoni ma qabżitx il-limiti tal-istħarriġ tagħha, kif iddefiniti mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-tieni u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

63

Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-Repubblika Franċiża tallega li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li hija ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċedimenti fil-qrati u fuq dik dwar il-protezzjoni tal-iskop ta’ investigazzjonijiet sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi.

64

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkonkludi li l-motivi miġjuba mir-Repubblika Franċiża insostenn tal-oppożizzjoni tagħha għall-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi kinux, prima facie, fondati.

65

F’dan ir-rigward, it-tielet motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, bl-ewwel parti tkun ibbażata fuq il-ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, it-tieni, fuq il-ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament.

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

66

Ir-Repubblika Franċiża, sostnuta mir-Repubblika Ċeka, targumenta, essenzjalment, li, fid-dawl tal-għan u tal-iżvolġiment tagħha, il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 għandha similaritajiet qawwija mal-fażi prekontenzjuża tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u tfakkar li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim persistenti bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 tista’ twassal għall-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

67

Issa, fil-każ li titnieda proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-konfront ta’ standard tekniku li kien is-suġġett tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, l-intimazzjoni u l-opinjoni motivata jikkostitwixxu atti proċedurali mhux komunikabbli b’mod partikolari skont il-protezzjoni tal-attivitajiet tal-qrati.

68

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Franċiża.

69

Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ li l-iżvelar tiegħu jimmina l-protezzjoni tal-proċedimenti fil-qrati u tal-pariri legali, sakemm interess pubbliku ikbar ma jiġġustifikax l-iżvelar tad-dokument mitlub.

70

Għandu jitfakkar li ġie deċiż li l-kliem “proċedimenti fil-qrati” għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-protezzjoni tal-interess pubbliku tipprekludi l-iżvelar tal-kontenut tad-dokumenti mfassla għall-għan biss ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2012, Jurašinović vs Il‑Kunsill, T‑63/10, EU:T:2012:516, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Bl-istess mod, ġie deċiż, fil-kuntest ta’ kawża li tikkonċerna l-Kummissjoni, li, permezz tal-kliem “dokumenti bil-miktub [redatti] intiżi għal proċedura ġuridika [ġudizzjarja] partikolari”, wieħed kellu jifhem in-noti u l-atti ppreżentati, id-dokumenti interni li jikkonċernaw l-istruzzjoni tal-kawża li tkun għaddejja u l-komunikazzjonijiet relattivi għall-kawża bejn id-direzzjoni ġenerali kkonċernata u d-dipartiment legali jew kamra tal-avukati, b’din id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni fl-imsemmija kawża jkollha l-għan li tiggarantixxi, minn naħa, il-ħarsien tax-xogħol intern tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, il-kunfidenzjalità u l-ħarsien tal-prinċipju tas-sigriet professjonali tal-avukati (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2012, Jurašinović vs Il‑Kunsill, T‑63/10, EU:T:2012:516, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Madankollu, f’dan il-każ, id-dokumenti kontenzjużi la huma noti u lanqas atti ppreżentati fil-kuntest ta’ proċedimenti fil-qrati u, b’mod ġenerali, ma humiex redatti għall-finijiet ta’ proċedura fil-qrati partikolari.

73

Fir-rigward tal-argumenti tar-Repubblika Franċiża, sostnuta mir-Repubblika Ċeka, li l-Istat Membru għandu jqis li, għal ċertu perijodu, jeżisti riskju ta’ azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu dwar it-test adottat wara l-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, u dan iktar u iktar meta l-Kummissjoni ma tkunx adottat deċiżjoni formali li tagħlaq il-proċedura, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interess protett għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in ’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

F’dan ir-rigward, filwaqt li huwa minnu li l-Kummissjoni, meta hija tqis li Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, tibqa’ libera li tevalwa jekk taġixxix kontra dan l-Istat jew le u li tagħżel il-mument li fih tibda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 61), xorta jibqa’ l-fatt li d-dokumenti kontenzjużi u, b’mod partikolari, it-tweġiba tal-Gvern Franċiż tas‑17 ta’ Ġunju 2014 għall-opinjonijiet iddettaljati tal-Gvern Awstrijak u tal-Kummissjoni, imsemmija fil-ħames inċiż tal-punt 3 iktar ’il fuq, ma kinux wasslu, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri iktar minn disa’ xhur wara l-adozzjoni tal-Liġi Nru 2014‑779, sabiex il-Kummissjoni tibgħat ittra ta’ intimazzjoni, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE.

75

B’dan il-mod, anki jekk, bħalma targumenta r-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tiftaħ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Franċiża u, għal dan il-għan, kienet ħadet elementi mill-opinjoni ddettaljata tagħha fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha, jew f’nota ulterjuri ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-iżvelar tagħha jista’ jimmina l-protezzjoni tal-proċedimenti fil-qrati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2001, Petrie et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/99, EU:T:2001:284, punti 6869), ir-riskju ta’ ftuħ tal-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Franċiża, f’dan il-każ, ma kienx raġonevolment prevedibbli u kien għalhekk purament ipotetiku.

76

F’dan ir-rigward, huwa notevoli f’dan il-każ li l-awtoritajiet Franċiżi semmew biss proċedimenti “futuri” fil-qrati fil-kuntest ta’ proċedura “eventwali” ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Minn dan isegwi li, anki għall-awtoritajiet Franċiżi, it-tnedija ta’ tali proċeduri ma kinitx raġonevolment prevedibbli u li huma ħasbu li jipproteġu lilhom infushom fil-każ li l-Kummissjoni tkun bi ħsiebha li tiftaħ tali proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

77

Fl-aħħar nett, peress li d-dokumenti kontenzjużi effettivament ma tfasslux fil-kuntest ta’ proċedimenti fil-qrati, iżda fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 u li, barra minn hekk, il-ftuħ tal-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-konfront tar-Repubblika Franċiża ma kienx raġonevolment prevedibbli u kien għadu purament ipotetiku, il-Kummissjoni ġustament qieset li r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti kontenzjużi oppost mill-awtoritajiet Franċiżi, ibbażat fuq it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma kienx jidher, prime facie, bħala fondat.

78

Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

79

Ir-Repubblika Franċiża targumenta li l-Kummissjoni kellha tikkonstata li d-dokumenti li l-Gvern Franċiż ħareġ fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 kienu jgawdu preżunzjoni ġenerali li jimminaw l-iskop ta’ investigazzjonijiet u li għaldaqstant hija setgħet tirrifjuta l-aċċess għalihom. Fil-fatt, il-motivi li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tqis li kien hemm preżunzjoni ġenerali li jimminaw l-iskop ta’ investigazzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-fażi prekontenzjuża tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 65) huma applikabbli wkoll għall-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34.

80

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Franċiża.

81

Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ li l-iżvelar tiegħu jkun jimmina l-protezzjoni tal-iskop ta’ spezzjonijiet, investigazzjonijiet u verifiki, sakemm ma’ jkunx hemm interess pubbliku ikbar fl-iżvelar tad-dokument ikkonċernat.

82

Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, bħalma ammettiet ir-Repubblika Franċiża fit-tweġiba tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni ma kkontestatx li l-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 tista’ tiġi kklassifikata bħala attività ta’ investigazzjoni. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma setgħetx tapplika sa fejn, fi kwalunkwe każ, il-proċedura kienet ingħalqet qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni u ma kien maħsub ebda segwitu għaliha.

83

Min-naħa l-oħra, l-eċċezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża li tipproteġi l-attivitajiet ta’ investigazzjoni bħala tali, iżda l-għan ta’ dawn l-attivitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punti 105109, u tal‑14 ta’ Frar 2012, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑59/09, EU:T:2012:75, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

F’dan il-każ, sa fejn il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 kienet tlestiet meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, l-iżvelar tad-dokumenti stabbiliti f’dan il-kuntest ma jistax jimmina l-għan imfittex minn din il-proċedura.

85

F’dan ir-rigward, l-argument tar-Repubblika Franċiża, sostnut f’dan is-sens mir-Repubblika Ċeka, li d-dokumenti kontenzjużi ma kellhomx jiġu żvelati għal ċertu perijodu wara li tingħalaq l-investigazzjoni, jiġifieri sakemm ikun jeżisti riskju raġonevolment prevedibbli li l-Istat Membru u l-Kummissjoni jkollhom bżonn spazju liberu għall-finijiet ta’ diskussjoni mhux imfixkla sabiex isolvu kwistjonijiet dwar il-konformità ta’ dispożittiv nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi miċħud.

86

Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni, li hija intiża li tipproteġi “l-għanijiet ta’ l-attivitajiet ta’ spezzjoni, investigazzjoni u verifika”, hija applikabbli biss jekk l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni jista’ jipperikola t-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punt 109).

87

Ċertament, id-diversi atti ta’ investigazzjoni jew spezzjoni jistgħu jibqgħu koperti mill-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika, sakemm l-attivitajiet ta’ investigazzjoni jew spezzjoni jkollhom segwitu, u anki jekk l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni partikolari li jkunu taw lok għar-rapport li għalih ġie mitlub aċċess, intemmu (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

Madankollu, li jiġi aċċettat li d-dokumenti differenti relatati mal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni jew ta’ verifika huma koperti bl-eċċezzjoni bbażata fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sakemm il-proċeduri li jsegwu ma jkunux ġew deċiżi, iwassal biex jissuġġetta l-aċċess għall-imsemmija dokumenti għal avveniment inċert, futur u eventwalment iktar ’il bogħod, skont il-ħeffa u d-diliġenza tal-awtoritajiet differenti (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punt 111).

89

Tali soluzzjoni tmur kontra l-għan ta’ garanzija tal-aċċess lill-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, sabiex iċ-ċittadini jkollhom il-possibbiltà jikkontrollaw b’mod iktar effettiv il-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni (T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punt 112).

90

F’dan il-każ, mhux biss il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 kienet tlestiet, iżda, bħalma tfakkar fil-punt 75 iktar ’il fuq, il-ftuħ ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma kienx raġonevolment prevedibbli u kien għadu purament ipotetiku. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma setgħetx tiġi invokata sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi.

91

Il-Kummissjoni għaldaqstant ġustament qieset li, prima facie, il-motiv ibbażat fuq il-protezzjoni tal-iskop ta’ investigazzjoni ma kienx fondat.

92

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tiegħu, imqajma mill-Kummissjoni, li, essenzjalment, ir-Repubblika Franċiża kellha fil-mira tagħha, bl-imsemmi motiv, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata meħuda fil-konfront tal-applikant għall-aċċess, u mhux l-osservanza tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jiddefinixxi s-suġġett leġittimu uniku ta’ din il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punt 52).

93

Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

94

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet il-kawża, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

95

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. Ir-Repubblika Ċeka għandha għaldaqstant tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

 

3)

Ir-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Papasavvas

Labucka

Bieliūnas

Forrester

Iliopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ April 2017.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.