SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

16 ta’ Novembru 2006 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Perossidi organiċi – Multi – Artikolu 81 KE – Regolament (KEE) Nru 2988/74 – Preskrizzjoni – Dewmien tal-ksur – Tqassim ta’ l-oneru tal-prova – Trattament ugwali”

Fil-kawża T-120/04,

Peróxidos Orgánicos, SA, stabbilita f’San Cugat del Vallés (Spanja), irrappreżentata minn A. Creus Carreras u B. Uriarte Valiente, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Bouquet u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/349/KE, ta’ l-10 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-2/37.857 – Perossidi organiċi) (ĠU 2005, L 110, p. 44),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, J. Azizi u E. Cremona, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-24 ta’ Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1       L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/74 tas-26 ta’ Novembru 1974 li jikkonċerna l-perijodi ta’ limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU L 319, p. 1; iktar ’il quddiem ir-“Regolament fuq il-preskrizzjoni”), intitolat “[Preskrizzjoni] fil-proċedimenti”, jgħid li:

“1. Is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi jew penalitajiet għall-ksur tar-regoli […ta]l-kompetizzjoni għandha tkun suġġetta għall-perijodi ta’ [preskrizzjoni] segwenti:

[…]

(b) ħames snin fil-każ tal-ksur [li ma jkunx ksur ta’ dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjonijiet jew in-notifikazzjonijiet ta’ impriżi jew assoċazzjonijiet ta’ impriżi, talbiet għal informazzjoni, jew it-twettiq ta’ investigazzjonijiet].

2. Iż-żmien għandu jibda jiddekorri fil-ġurnata li fiha l-ksur ikun sar. Madankollu, fil-każ ta' ksur kontinwat jew ripetut, iż-żmien għandu jibda jiddekorri fil-ġurnata li fiha l-ksur jieqaf.”

2       L-Artikolu 2 ta’ l-imsemmi Regolament, intitolat “L-interruzzjoni tal-[preskrizzjoni] fil-proċedimenti”, jgħid li:

“1. Kull azzjoni meħuda mill-Kummissjoni […] għall-għanijiet ta’ l-investigazzjoni jew proċedimenti preliminari fir-rigward ta’ ksur għandha tinterrompi l-[preskrizzjoni] fil-proċedimenti. Il-[preskrizzjoni] għand[ha] [t]iġi interrott[a] b’effett mid-data li fiha l-azzjoni tiġi nnotifikata lil mill-inqas impriża jew assoċazzjoni ta’ impriżi waħda li jkunu pparteċipaw fil-ksur.

Azzjonijiet li jinterrompu d-dekorrenza tal-perijodu għandhom jinkludu partikolarment is-segwenti:

(a) talbiet bil-miktub għall-informazzjoni mill-Kummissjoni […];

[…]

2. L-interruzzjoni tal-[preskrizzjoni] għandha tapplika għall-impriżi jew l-assoċazzjonijiet ta’ impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur.

3. [Wara k]ull interruzzjoni […] ż-żmien jibda jiddekorri mill-ġdid […]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

3       Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/349/KE, ta’ l-10 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-2/37.857 – Perossidi organiċi) (ĠU 2005, L 110, p. 44) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) tikkonċerna akkordju konkluż u implementat fis-suq Ewropew tal-perossidi organiċi, prodotti kimiċi użati fl-industrija tal-plastik u tal-gomma, b’mod partikolari mill-grupp AKZO (iktar ’il quddiem “AKZO”) kif ukoll mill-kumpanniji Atofina SA, li ssuċċediet lil Atochem (iktar ’il quddiem “Atochem/Atofina”), u Peroxid Chemie GmbH & Co. KG, kumpannija kkontrollata minn Laporte plc, li saret Degussa UK Holdings Ltd. Dan l-akkordju ġie implementat fi Spanja bħala ftehim sussidjarju, li fih ipparteċipat ir-rikorrenti u jew direttament, jew indirettament, il-kumpanniji ċċitati iktar ’il fuq.

4       L-akkordju ngħata bidu fl-1971 bil-konklużjoni ta’ ftehim bil-miktub, emendat fl-1975 bejn AKZO, Luperox GmBH, li wara saret Atochem/Atofina, u Peroxid Chemie (iktar ’il quddiem l-“akkordju prinċipali”). Fil-bidu, dan kien jikkonsisti minn numru ta’ ftehimiet sussidjarji li jikkonċernaw diversi prodotti kimiċi, bħall-polimeri għolja, ir-rażi ta’ poliester thermoset u aġenti li jqassmu (cross linking agents). L-akkordju kien maqsum ukoll fi ftehimiet sussidjarji reġjonali, fosthom dak li jikkonċerna Spanja (iktar ’il quddiem il-“ftehim sussidjarju Spanjol”), li jsegwi r-regoli essenzjali ta’ l-akkordju prinċipali. Dan kellu b’mod partikolari l-intenzjoni li jippreżerva l-ishma mis-suq ta’ l-impriżi parteċipanti u li jikkoordina ż-żieda fil-prezzijiet min-naħa tagħhom. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, kumpannija ta’ konsulenza stabbilita fl-Iżvizzera – inizjalment Fides Trust AG, imbagħad AC Treuhand AG – ġiet inkarigata, fost affarijiet oħra, bil-ġbir u l-ipproċessar tal-figuri dettaljati tal-bejgħ ta’ l-impriżi parteċipanti kif ukoll li tikkomunikalhom il-figuri pproċessati b’dan il-mod. Kienu jsiru laqgħat regolari sabiex tiġi żgurata l-ħidma t-tajba ta’ l-akkordju prinċipali u tal-ftehimiet sussidjarji tagħha.

5       Ir-rikorrenti, li hija kumpannija Spanjola attiva fis-settur ta’ l-industrija kimika u kkontrollata mill-kumpanniji FMC Foret SA (iktar ’il quddiem “Foret”) u Degussa UK flimkien, ipparteċipat fil-ftehim sussidjarju Spanjol biss. Il-perijodu kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata għal din il-parteċipazzjoni huwa mill-31 ta’ Diċembru 1975 u l-31 ta’ Diċembru 1999 [premessi 2 u 210 sa 219 u l-Artikolu 1(e), tad-deċiżjoni kkontestata].

6       Il-Kummissjoni kienet bdiet tinvestiga l-akkordju wara laqgħa li saret fis-7 ta’April 2000 mar-rappreżentanti ta’ l-AKZO, li infurmawha li sar ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, sabiex jibbenefikaw mill-immunità skond il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tikkonċerna n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis ta’ l-ammont tagħhom fil-każ ta’ akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4; iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni fuq il-klemenza”). Sussegwentement, Atochem/Atofina ddeċidiet li tikkollabora wkoll mal-Kummissjoni billi pprovditilha informazzjoni supplementari (premessi 56 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata).

7       Fil-31 ta’ Jannar u l-20 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni skond l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), lill-parteċipanti prinċipali fil-ksur, fosthom Laporte, AKZO u Atochem/Atofina (premessi 61 u 64 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu hija bagħtet talba bħal din lir-rikorrenti biss fid-29 ta’ Novembru 2002 (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

8       Fis-27 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura formali ta’ eżami u adottat dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li ġiet sussegwentement innotifikata lir-rikorrenti. Ir-rikorrenti bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet fis-17 ta’ Ġunju 2003 u pparteċipat fis-seduta li saret fis-26 ta’ Ġunju 2003. Fl-aħħar, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fl-10 ta’ Diċembru 2003, innotifikata lir-rikorrenti fit-13 ta’ Jannar 2004, fejn imponiet fuqha multa ta’ EUR 500 000 [l-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kkontestata].

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9       Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Marzu 2004, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

10     B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-13 ta’ Settembru 2004, ir-rikorrenti ddikjarat li kienet qed tirrinunzja għad-dritt tagħha li tippreżenta replika u talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tieħu ċerti miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u ċerti miżuri istruttorji. Il-konvenuta ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-ittra fis-26 ta’ Ottubru 2004.

11     Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Instemgħu t-trattazzjoni orali tal-partijiet kif ukoll ir-risposti tagħhom għad-domandi orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta ta’ l-24 ta’ Novembru 2005.

12     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–       tannulla l-Artikoli 1, 2 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata safejn dawn jaffettwawha ;

–       sussidjarjament, tannulla l-multa li ġiet imposta fuqha;

–       tordna li l-konvenuta tbati l-ispejjeż.

13     Il-konvenuta titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli fir-rigward ta’ l-Artikoli 1 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata;

–       sussidjarjament, tiċħad ir-rikors;

–       tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament ta’ l-Artikoli 1 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

14     Il-konvenuta tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward tat-talbiet għall-annullament ta’ l-Artikoli 1 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni li, billi l-uniku motiv imqajjem mir-rikorrenti jikkonċerna l-preskrizzjoni u mhux il-verifika ta’ ksur, l-argumenti magħmula f’dan il-kuntest huma rrilevanti u t-talbiet għall-annullament ta’ l-Artikoli 1 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata huma inammissibbli. Fil-fatt, anki li kieku s-setgħa li tiġi imposta multa fuq ir-rikorrenti minħabba l-ksur li d-deċiżjoni kkontestata stabbiliet li hija għamlet kienet preskritta, il-Kummissjoni tqis li hija setgħet tikkonstata dan il-ksur, li r-rikorrenti ma jidhirx li qed tikkontesta l-eżistenza tiegħu bħala tali iżda pjuttost id-dewmien tiegħu, u setgħet tagħti deċiżjoni fil-konfront tagħha f’dan ir-rigward. B’hekk, safejn ir-rikorrenti tipprova tikseb l-annullament ta’ l-Artikolu 1, inkwantu dan jikkonstata ksur imwettaq minnha, kif ukoll ta’ l-Artikolu 4, li jsemmi sempliċement id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, dawn it-talbiet mhumiex ammissibbli.

15     Ir-rikorrenti tikkontesta l-argument li t-talbiet għal annullament huma inammissibbli billi tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni (T-22/02 u T-23/02, Ġabra p. II-4065).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

16     Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata qabel kollox li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenuta, bil-kontra ta’ dak li hija tallega, mhijiex tali li tqajjem dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament ta’ l-Artikoli 1 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata. Sostanzjalment, il-konvenuta tillimita ruħha għall-argument li l-motivi u l-argumenti invokati mir-rikorrenti, biex issostni l-opinjoni tagħha dwar il-preskrizzjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li tipproċedi kontra l-ksur, ma jiġġustifikawx l-annullament ta’ l-imsemmija Artikoli peress li fil-verità dawn mhumiex diretti kontra l-konstatazzjoni ta’ ksur kif tinsab fid-deċiżjoni kkontestata. Issa, minn naħa, din il-kwistjoni ma tikkonċernax l-ammissibbiltà, iżda pjuttost il-mertu ta’ dawn il-motivi u argumenti u, min-naħa l-oħra, il-konvenuta ma tikkontestax l-interess tar-rikorrenti li tieħu azzjoni kontra l-konstatazzjoni tal-ksur bħala tali.

17     Barra minn hekk, anki li kieku din kienet kwistjoni ta’ ammissibbiltà, jirriżulta, għall-inqas indirettament, mill-atti tal-konvenuta kif riprodotti fil-punt 14 hawn fuq li hi ta’ l-opinjoni li s-sempliċi konstatazzjoni tal-ksur, fid-deċiżjoni kkontestata, mhijiex koperta mill-kunċett ta’ “penalità” fis-sens ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament fuq il-preskrizzjoni u li, anki fil-każ ta’ preskrizzjoni, hija kellha d-dritt li tagħti deċiżjoni bħal din fil-konfront tar-rikorrenti.

18     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li deċiżjoni li tikkonstata ksur ma tikkostitwixxix penalità skond l-Artikolu 1(1) tar-Regolament fuq il-preskrizzjoni u mhijiex għaldaqstant koperta mill-preskrizzjoni stipulata f’din id-dispożizzjoni. B’hekk, il-preskrizzjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi ma tistax taffetwa s-setgħa impliċita tagħha li tikkonstata l-ksur (is-sentenza Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 15 supra, punti 61 u 62). Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa impliċita li tiġi adottata deċiżjoni li tikkonstata ksur wara li jiskadi l-perijodu ta’ preskrizzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-Kummissjoni tipprova l-eżistenza ta’ interess leġittimu biex tipproċedi għal tali konstatazzjoni, fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Marzu 1983, GVL vs Il-Kummissjoni (7/82, Ġabra p. 483, punt 24) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 15 supra, punti 130 sa 132).

19     Fid-dawl tal-kunisderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenuta mhijiex sostenibbli.

20     Fil-fatt, minn naħa, anki li kieku l-kundizzjonijiet ta’ preskrizzjoni ġew soddisfatti f’dan il-każ, jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq li l-Kummissjoni kien imissha pprovat l-eżistenza ta’ interess leġittimu sabiex tkun tista’ tikkonstata b’mod legali li r-rikorrenti kienet wettqet ksur. Għaldaqstant, bil-kontra ta’ l-opinjoni tal-konvenuta, f‘tali ipoteżi, hija r-responsabbiltà tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tirrispondi għat-talbiet ta’ annullament tar-rikorrenti biex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni effettivament kellhiex dan l-interess fid-deċiżjoni kkontestata.

21     Min-naħa l-oħra, kif tammetti l-konvenuta stess, id-determinazzjoni tad-dewmien tal-ksur tikkostitwixxi kemm element integrali u inseparabbli minn kull konstatazzjoni ta’ ksur kif ukoll waħda mill-kundizzjonijiet li jirregolaw il-preskrizzjoni ta’ proċedimenti kontra ksur kontinwu. Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li jidher li qed issostni l-konvenuta, it-talbiet għal annullament tar-rikorrenti magħmula kontra l-Artikoli 1 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jiġu separati mill-motiv tagħha bbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni għamlet applikazzjoni żbaljata tar-regoli tal-preskrizzjoni. Fil-fatt, l-osservanza ta’ dawn ir-regoli mill-Kummissjoni timplika li hija tiddetermina korrettement il-perijodu li fih ir-rikorrenti pparteċipat fil-ksur.

22     Jirriżulta minn dak li ntqal li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq il-motiv ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni għamlet applikazzjoni żbaljata tar-regoli tal-preskrizzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

 Osservazzjoni preliminari

23     In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv ta’ annullament, ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni żbaljatament imponiet multa fuqha, minkejja li, wara li ddekorrew iżjed minn ħames snin bejn l-aħħar parteċipazzjoni allegata tagħha fil-ftehim sussidjarju Spanjol u l-ewwel miżuri ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, il-proċedura kienet preskritta skond ir-Regolament fuq il-preskrizzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljatament irrespinġiet l-argument tagħha bbażat fuq il-preskrizzjoni, billi argumentat, minn naħa, li hija kienet taf dwar l-akkordju prinċipali u, min-naħa l-oħra, li ma kienx ċar meta kien il-mument preċiż li fih intemmet b’mod definittiv il-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim sussidjarju Spanjol.

 Fuq l-argument li r-rikorrenti kienet taf bl-akkordju prinċipali

24     Ir-rikorrenti ssostni, sostanzjalment, li l-eżistenza tal-ftehim prinċipali m’għandhiex tiġi attribbwita lilha għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-preskrizzjoni peress li hija la pparteċipat f’dan il-ftehim u lanqas kienet taf bih.

25     In sostenn ta’ l-argument tagħha, ir-rikorrenti tafferma, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, tagħmel distinzjoni bejn l-akkordju prinċipali u l-ftehimiet sussidjarji reġjonali u, min-naħa l-oħra, turi l-partikolaritajiet tal-ftehim sussidjarju Spanjol, li baqa’ separat mill-ftehim prinċipali mill-bidu sa l-aħħar mument ta’ l-akkordju, mingħajr ma ġie integrat fl-akkordju prinċipali bħal fil-każ tal-ftehimiet sussidjarji l-oħra (premessi 47, 80, in fine, 86, 92, 203, 209 sa 267 u 268 tad-deċiżjoni kkontestata).

26     Fit-tieni lok, hija tosserva li l-Kummissjoni la allegat b’mod ċar, ħlief b’mod indirett, permezz ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-ftehim sussidjarju Spanjol, u lanqas uriet b’mod suffiċjenti skond il-liġi li r-rikorrenti kienet taf bl-akkordju prinċipali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni li tinsab fil-premessi 217, 236 u 250 tad-deċiżjoni kkontestata hija konfuża u kontraddittorja. Ir-rikorrenti minn dan tiddeduċi li huwa biss minħabba l-kuntatti ma’ l-impjegati tal-kumpanniji implikati fl-akkordju prinċipali u minħabba l-eventwali preżenza ta’ kuntratti pan-Ewropej – konklużi mill-parteċipanti fl-akkordju prinċipali ma’ l-ikbar klijenti – li l-Kummissjoni kkonkludiet li hija kienet taf bl-eżistenza ta’ akkordju fuq livell Ewropew.

27     Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tqis li l-fatt li, skond il-premessa 252 tad-deċiżjoni kkontestata, “il-partijiet l-oħra fil-ftehim sussidjarju fi Spanja [AKZO, Atochem/Atofina u Peroxid Chemie] taw l-impressjoni li [hija] kienet effettivament taf bl-akkordju prinċipali” u li din “kienet infurmata sew, peress li l-membri tal-bord tad-diretturi kienu jafu bl-akkordju prinċipali”, ma jikkostitwixxix element ta’ prova rilevanti, wisq iżjed peress li l-kumpanniji kkonċernati talbu li jibbenefikaw mill-immunità prevista mill-komunikazzjoni fuq il-klemenza. Hija żżid li l-fatt li l-membri tal-bord tad-diretturi tagħha li jirrappreżenta liż-żewġ kumpanniji li flimkien għandhom il-kontroll tagħha – Foret u Laporte, li saru Degussa UK – kienu jafu bl-akkordju prinċipali ma jipprovax li dawn għaddewlha xi informazzjoni fuq l-akkordju Ewropew. L-ebda waħda minn dawn iż-żewġ kumpanniji ma għamlet dikjarazzjoni f’dan is-sens. Ir-rikorrenti tikkonkludi, sostanzjalment, li, fi kwalunkwe każ, tali għarfien ma jistax jiġi attribwit lilha.

28     Fl-aħħar, ir-rikorrenti tirrimarka li, jekk il-Kummissjoni effettivament qieset li hija kienet l-unika kumpannija li topera f’isem Peroxid Chemie fi Spanja, hija ma kellhiex tiġi mmultata separatament, iżda flimkien ma’ din ta’ l-aħħar. Jekk bil-kontra ta’ dan, hija kienet qed taġixxi b’mod awtonomu (premessa 267 tad-deċiżjoni kkontestata), skond hi, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda raġuni biex tqis li hija kienet taf jew kellha tkun taf bl-akkordju prinċipali.

29     Ir-rikorrenti tiddeduċi minn dak kollu li ntqal li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ssoddisfatx ir-rekwiżiti tal-prova, kif previsti b’mod partikolari mis-“sentenza Carton”. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma pprovatx li r-rikorrenti “kienet taf, jew kellha tkun taf” fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza (ara l-premessa 320 u n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 231 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirreferu għas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Buchmann vs Il-Kummissjoni, T-295/94, Ġabra p. II-813, punt 121; Gruber + Weber vs Il-Kummissjoni, T-310/94, Ġabra p. II-1043, punt 140, u ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II-1487, punt 231).

30     Il-konvenuta sostanzjalment issostni li r-rikorrenti, peress li hija l-operatriċi prinċipali fis-suq Spanjol li pparteċipat fis-sistema ċentralizzata ta’ skambju ta’ informazzjoni permezz ta’ kumpannija ta’ konsulenza Żvizzera u kkontrollata minn kumpanniji parent implikati fl-akkordju Ewropew, kienet taf jew suppost kienet taf bl-akkordju prinċipali. Barra minn hekk, skond il-partijiet l-oħra fl-akkordju prinċipali, il-ftehim sussidjarju Spanjol kien jagħmel parti minn dan l-akkordju u r-rikorrenti kkontribwiet, billi kienet implikata fl-imsemmi ftehim sussidjarju u fl-implementazzjoni tal-kuntratti pan-Ewropej mal-klijenti l-kbar, għal għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha fl-akkordju prinċipali.

 Fuq it-tmiem tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim sussidjarju Spanjol

31     Ir-rikorrenti ssostni li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim sussidjarju Spanjol ma ntemmietx qabel l-1999 – flimkien ma’ l-akkordju prinċipali – mhijiex eżatta. Hija tqis li diġà pprovat b’mod suffiċjenti skond il-liġi fl-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-ftehim sussidjarju Spanjol ġiet interrotta mill-14 ta’ Jannar 1997, id-data ta’ l-aħħar laqgħa li fiha ġiet ikkonstatata l-parteċipazzjoni tas-Sur K, li kien jirrappreżentaha fi ħdan l-imsemmi ftehim sussidjarju. Dan ta’ l-aħħar ma baqax impjegat tar-rikorrenti wara l-14 ta’ Frar 1997. Barra minn hekk, l-elementi fattwali miġbura mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ftehim sussidjarju Spanjol ma jagħmlu effettivament l-ebda referenza għal laqgħa kwalunkwe, li saret wara x-xahar ta’ Jannar 1997, li fiha setgħet ipparteċipat ir-rikorrenti.

32     L-uniċi elementi ta’ prova relatati mat-tmiem tal-ksur fi Spanja huma essenzjalment kkostitwiti minn dikjarazzjonijiet pjuttost ġenerali u vagi ta’ AKZO (premessi 211, 213, 216 sa 219 tad-deċiżjoni kkontestata). Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat, minkejja n-nuqqas ta’ elementi ta’ prova li jsostnu l-opinjoni tagħha, li l-parteċipazzjoni tagħha ma ġietx fi tmiem fl-1997.

33     L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ddeduċiet b’mod żbaljat mill-affermazzjonijiet ta’ AKZO u ta’ Atochem/Atofina, skond liema l-ftehim sussidjarju Spanjol dam sa l-1999, li huwa illoġiku li jiġi kkunsidrat li dawn iż-żewġ parteċipanti fis-suq Spanjol kienu jkomplu jimplementaw dan il-ftehim sussidjarju jekk r-rikorrenti, li kellha sehem kbir mis-suq Spanjol, kienet irtirat minn dan il-ftehim fil-bidu ta’ l-1997. Bl-istess mod, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li ma jidhirx li huwa plawżibbli li AKZO u Atochem/Atofina kkalkolaw id-differenzi bejn l-ishma mis-suq teoretiċi u l-ishma mis-suq effettivi sat-tielet trimestru ta’ l-1999 jekk ir-rikorrenti kienet temmet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim sussidjarju iżjed kmieni, hija żbaljata (premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata). Skond ir-rikorrenti, l-eżistenza tal-ftehim sussidjarju Spanjol wara l-1997 ma jistax ikollha bħala l-unika spjegazzjoni, il-parteċipazzjoni kontinwata tagħha. Għall-kuntrarju, l-irtirar tagħha minn dan il-ftehim sussidjarju jista’ biss irendi iżjed koerenti d-diskussjonijiet dwar is-suq Spanjol u dawk dwar il-livell Ewropew u ma’ l-istess parteċipanti. Barra minn hekk, l-unika persuna ta’ kuntatt fil-kuntest tal-ftehim sussidjarju, jiġifieri s-Sur K, temm l-impjieg tiegħu fi Frar 1997, li jispjega għaliex il-parteċipanti l-oħra fil-ftehim sussidjarju Spanjol ma ġewx infurmati dwar it-tluq tiegħu. Fl-aħħar nett, ma teżisti l-ebda prova li AKZO kienet informat lir-rikorrenti dwar l-intenzjoni tagħha li ttemm jew l-akkordju prinċipali, jew il-ftehim sussidjarju Spanjol, filwaqt li AKZO kienet għamlet hekk fir-rigward tal-parteċipanti l-oħra.

34     It-tieni nett, il-Kummissjoni żbaljatament ikkonkludiet li l-parteċipazzjoni kontinwata tar-rikorrenti hija kkonfermata minn lista ta’ figuri dwar is-suq Spanjol ippreżentat minn AKZO, li tqabbel il-bejgħ tagħha effettiv mal-kwoti li ġew allokati lilha għall-1997 u ssemmi l-prezzijiet tagħha, il-kwantitajiet u l-klijenti tagħha sa l-1999 (premessa 259 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti kkontestat, fl-osservazzjonijiet tagħha u fis-seduta, “li dawn il-figuri ngħataw minn[ha stess] qabel [AKZO, li talbet biex tibbenefika mill-komunikazzjoni fuq il-]klemenza”, u hija ssostni li “ma kien hemm l-ebda reazzjoni jew dikjarazzjoni oħra li setgħet timplika[ha]” u li “ [i]l-Kummissjoni għaldaqstant imissha ddeduċiet li l-figuri kellhom jiġu minn x’imkien u li l-persuna li kienet fl-aħjar pożizzjoni biex tagħnel dan kienet ir-rikorrenti”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tat spjegazzjonijiet alternattivi, li ma ġewx ikkonfutati mill-Kummissjoni, fir-rigward tal-konstatazzjonijiet li Peroxid Chemie kienet ammettiet li għamlet pressjoni fuqha biex twaqqafha milli tesporta minn Spanja (premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll fir-rigward tal-konstatazzjonijiet li Peroxid Chemie kienet tirċievi figuri ta’ bejgħ li kienu jikkonċernawha, kienet tikkomunika dawn il-figuri lil AC Treuhand u tibgħat lir-rikorrenti listi ta’ figuri relatati mal-figuri ta’ bejgħ fis-suq Spanjol stabbiliti minn AC Treuhand (premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, l-informazzjoni li tinsab fl-imsemmija listi ta’ figuri ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi “prova ġuridika adegwata” tal-parteċipazzjoni kontinwata tar-rikorrenti fil-ftehim sussidjarju Spanjol, fid-dawl tal-fatt li kien faċli li tiġi kkalkolata l-kwota tar-rikorrenti permezz ta’ sempliċi addizzjoni segwita minn sottrazzjoni wara li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-ishma tal-parteċipanti l-oħra, jiġifieri AKZO u Atochem/Atofina.

35     It-tielet nett, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li, “fi kwalunkwe każ, l-effetti ta’ l-aħħar laqgħa allegata ta’ l-14 ta’ Jannar 1997 inħassew anki wara Mejju ta’ l-1997” (premessi 257 u 330 tad-deċiżjoni kkontestata) mhijiex eżatta u mhijiex sostnuta minn elementi ta’ prova.

36     Il-konvenuta tikkontesta r-rilevanza ta’ l-argumenti mressqa mir-rikorrenti f’dan ir-rigward. Sostanzjalment, hija tosserva li kkonkludiet li r-rikorrenti pparteċipat fil-ftehim sussidjarju Spanjol sa l-1999 abbażi ta’ numru ta’ elementi ta’ prova u mhux biss fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ AKZO, elementi li fosthom insibu lista ta’ figuri u minuti miktubin bl-id tal-laqgħa tas-6 ta’ Novembru 1997, ippreżentati minn AKZO. Dawn id-dokumenti juru li l-kompetituri tar-rikorrenti kellhom aċċess għal figuri sensittivi li jikkonċernawha sa l-1999 (premessi 215, 218 u 258 sa 260 tad-deċiżjoni kkontestata), mingħajr ma r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tikkontesta realment l-eżattezza u l-verità tagħhom. Barra minn hekk, kienet ir-rikorrenti li kellha turi li hija kienet tbiegħdet pubblikament mill-akkordju – ħaġa li m’għamlitx – wara Jannar ta’ l-1997 u li tara li l-informazzjoni sensittiva fuq il-klijenti tagħha ma jiġux użati mill-partijiet l-oħra għall-finijiet tal-kalkolu tal-kwoti. Fl-aħħar, ir-rikorrenti ammettiet li hija ma kinitx informat lill-kumpanniji parent tagħha, Foret u Degussa UK, dwar it-tkeċċija tas-Sur K. u dwar ir-raġunijiet għal din it-tkeċċija.

 Fuq il-bidu tal-perijodu ta’ preskrizzjoni

37     Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ħadet l-ewwel miżuri ta’ investigazzjoni fil-31 ta’ Jannar 2002, billi bagħtet talba għal informazzjoni lil Laporte u lil kumpanniji oħra implikati fl-akkordju Ewropew (premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni sussegwentement bagħtet, fl-20 ta’ Marzu 2002, talba għal informazzjoni lil AKZO u lil Atochem/Atofina, kumpanniji implikati kemm fl-akkordju Ewropew kif ukoll fil-ftehim sussidjarju Spanjol (premessa 64 tad-deċiżjoni kkontestata). Kien biss fid-29 ta’ Novembru 2002 li l-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lir-rikorrenti (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

38     Ir-rikorrenti hija ta’ l-opinjoni li d-29 ta’ Novembru 2002 hija d-data rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni, peress li din id-data tikkostitwixxi l-ewwel kuntatt bejn il-Kummissjoni u hija stess għall-finijiet ta’ l-investigazzjoni ta’ din il-kawża. Ir-rikorrenti tiddeduċi minn dan li, bejn l-14 ta’ Jannar 1997 u d-29 ta’ Novembru 2002, għaddew iżjed minn ħames snin, li b’hekk taw lok għall-preskrizzjoni. Dan jirriżulta mill-bżonn li r-regolament fuq il-preskrizzjoni jiġi interpretat b’mod restrittiv fil-kuntest ta’ proċedura li tapplika l-komunikazzjoni fuq il-klemenza, bħal dik f’dan il-każ, peress li l-imsemmi regolament huwa bbażat fuq ir-ratio ta’ l-investigazzjonijiet tradizzjonali magħmula mill-Kummissjoni. Fil-kuntest ta‘ tali investigazzjonijiet, l-informazzjoni ġeneralment tinkiseb iżjed bil-mod, hija iżjed diffiċli u iżjed kumplessa milli fil-każ ta’ proċedimenti li fihom impriża titlob li tibbenefika mill-komunikazzjoni fuq il-klemenza. Fil-fatt, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinsab fil-pussess ta’ l-informazzjoni kompleta sa mill-bidu. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li d-data ta’ referenza hija l-20 ta’ Marzu 2002, data li fiha l-ewwel talba għal informazzjoni ġiet innotifikata lil parteċipant fil-ftehim sussidjarju Spanjol, xorta waħda tidħol il-preskrizzjoni peress li għaddew ħames snin mill-14 ta’ Jannar 1997.

39     Ir-rikorrenti tfakkar li l-Kummissjoni madankollu qieset, fil-premessa 262 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-preskrizzjoni ġiet interrotta mit-talbiet tagħha għal informazzjoni tal-31 ta’ Jannar 2002 minħabba li, l-ewwel nett, “il-ftehim sussidjarju Spanjol kien parti mill-akkordju prinċipali”, li, it-tieni nett, it-talba għal informazzjoni kienet tinkludi wkoll lir-rikorrenti peress li din intbagħtet lil Laporte biex issirilha d-domanda dwar il-parteċipazzjoni tagħha u dik tas-sussidjarji tagħha f’akkordju fuq il-perossidi organiċi u li, it-tielet nett, anki jekk kellu jiġi kkunsidrat li l-ftehim sussidjarju Spanjol kien ftehim awtonomu, l-ewwel talba għal informazzjoni li ntbagħtet lil Laporte, fost oħrajn, interrompiet il-preskrizzjoni. Madankollu, skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tistax tagħmel użu mill-fatt li ntbagħtet l-ewwel talba għal informazzjoni, fil-31 ta’ Jannar 2002, lill-parteċipanti fl-akkordju prinċipali biss, u mhux lill-parteċipanti fil-ftehim sussidjarju Spanjol, biex issostni li l-perijodu ta’ preskrizzjoni ġie interrott skond l-Artikolu 2 tar-regolament fuq il-preskrizzjoni. Skond ir-rikorrenti, tali effett jippresupponi li l-Kummissjoni tkun tat prova – ħaġa li l-Kummissjoni m’għamlitx – li ż-żewġ vjolazzjonijiet, jiġifieri dik fuq livell Ewropew u dik li twettqet fi Spanja, kienu ħaġa waħda u li r-rikorrenti kienet taf bl-akkordju prinċipali.

40     Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li n-nuqqas ta’ elementi ta’ prova fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim sussidjarju Spanjol wara l-14 ta’ Jannar 1997 ma jistax jiġi kkumpensat mill-affermazzjonijiet vagi b’mod partikolari ta’ AKZO li, min-naħa tagħha, tikkuntenta ruħha billi tindika li hija stess temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-1999 mingħajr ma tirreferi għar-rikorrenti. Dan huwa wisq iżjed veru peress li AKZO u kumpanniji oħra allegatament implikati fil-ksur kienu kkooperaw b’mod attiv mal-Kummissjoni għal iżjed minn tliet snin ta’ investigazzjoni, mingħajr ma din l-investigazzjoni pproduċiet ebda element ta’ prova li jikkonċerna l-implikazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim sussidjarju Spanjol wara x-xahar ta’ Jannar 1997.

41     Sussidjarjament, ir-rikorrenti tosserva li, fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-preskrizzjoni, hija kienet suġġetta għal trattament differenti u inġustifikat meta mqabbla mal-każ ta’ Pergan GmbH. Fir-rigward ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 319 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kinitx teżisti prova li turi li l-parteċipazzjoni ta’ din il-kumpannija kompliet wara l-31 ta’ Jannar 1997. Issa, bl-eċċezzjoni tad-dikjarazzjonijiet tagħha stess, m’hemm l-ebda element ta’ prova li juri li Pergan kienet informat lill-parteċipanti l-oħra dwar l-irtirar tagħha mill-akkordju. Għall-kuntrarju, skond il-premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata, Peroxid Chemie kienet ipprovdiet dokument li kien inħareġ minn Pergan b’informazzjoni fuq il-prezzijiet u l-kwantitajiet bejn l-1997 u t-30 ta’ Settembru 1998. F’dan ir-rigward, filwaqt li Peroxid Chemie ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonferma jew li tiċħad id-dikjarazzjoni ta’ Pergan li dan id-dokument intiża biss fil-kuntest ta’ evalwazzjoni dettaljata (due diligenceprocedure) ta’ l-impriża, hija qajmet dubji dwarha (premessi 173 u 175 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, fil-każ ta’ Pergan, bil-kontra ta’ dak tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm preskrizzjoni, billi aċċettat id-dikjarazzjoni ta’ Pergan, li tixbah dik tar-rikorrenti, li tgħid li Pergan kienet temmet il-parteċipazzjoni tagħha f’Novembru 1996, jiġifieri bilkemm xahrejn qabel il-31 ta’ Jannar 1997, u fil-każ tagħha daħlet il-preskrizzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni fl-akkordju prinċipali.

42     Il-konvenuta tosserva, sostanzjalment, li l-preskrizzjoni ġiet interrotta l-iżjed tard fil-31 ta’ Jannar 2002, data li fiha hija kienet bagħtet talba għal informazzjoni lil Laporte, kumpannija implikata fil-ftehim sussidjarju Spanjol, minn naħa, permezz tal-kumpannija sussidjarja tagħha Peroxid Chemie li kienet iżżomm l-ishma kollha tagħha, u, min-naħa l-oħra, permezz taż-żamma ta’ 50% mill-kapital tar-rikorrenti (premessi 262 u 328 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-konvenuta tikkontesta l-argument li ttrattat lir-rikorrenti b’mod differenti mill-kumpannija Pergan fl-applikazzjoni tar-regoli tal-preskrizzjoni, ladarba, bil-kontra tal-każ tar-rikorrenti, ma kienet teżisti l-ebda prova tal-parteċipazzjoni ta’ Pergan wara l-31 ta’ Jannar 1997.

 Fuq it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u miżuri istruttorji

43     Ir-rikorrenti titlob ix-xhieda orali ta’ żewġ uffiċjali tal-Kummissjoni inkarigati mill-fajl fir-rigward tal-mod kif tmexxa dan il-każ b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, fir-rigward tagħha. Ir-raġuni għal din it-talba tinsab fit-talba għal annullament, li hija talba fattwali, u fl-inkoerenzi fid-deċiżjoni kkontestata. Dawn iż-żewġ uffiċjali jistgħu jilluminaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-kontenut reali ta’ din id-deċiżjoni sabiex tkun tista’ tiddeċiedi iżjed faċilment. Ir-rikorrenti titlob ukoll lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tordna l-eżibizzjoni ta’ dokumenti, miżmuma mill-Kummissjoni u li għadhom mhumiex aċċessibbli, peress li jistgħu jkunu ta’ interess għaliha. Dawn il-miżuri huma wkoll intiżi biex possibbilment jinkisbu elementi ta’ prova favuriha, inklużi dawk li jipprovaw li r-rikorrenti waqfet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim sussidjarju Spanjol f’Jannar 1997.

44     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddikjara bħala inammissibbli t-talbiet għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għall-miżuri istruttorji mressqa mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Osservazzjonijiet preliminari

45     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-motiv tar-rikorrenti huwa bbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament fuq il-preskrizzjoni.

46     Fir-rigward tal-preskrizzjoni skond l-Artikolu 1(1)(b) u (2) tar-Regolament fuq il-preskrizzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, f'każ ta’ ksur kontinwu jew kontinwat, jeħtieġ li jiddekorru ħames snin mid-data li fiha l-ksur ikun ġie fit-tmiem sabiex tiġi preskritta s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi l-multi. Skond l-Artikolu 2(1) ta’ l-imsemmi Regolament, dan il-perijodu jista’ jiġi interrot minn kull att li permezz tiegħu l-Kummissjoni tinvestiga l-ksur, b’mod partikolari permezz ta’ talbiet għal informazzjoni bil-miktub, u din l-interruzzjoni sseħħ fid-data tan-notifika ta’ l-imsemmija talba lid-destinatarju tagħha u għandha bħala konsegwenza, skond l-Artikolu 2(3) ta’ l-imsemmi regolament, li l-preskrizzjoni tibda tiddekorri mill-ġdid minn din id-data.

47     F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li r-rikorrenti ammettiet, waqt is-seduta, li t-talba għal informazzjoni, mibgħuta fl-20 ta’ Marzu 2002, lil impriżi li pparteċipaw fil-ftehim sussidjarju Spanjol, setgħet tagħti lok għall-interruzzjoni tal-perijodu ta’ preskrizzjoni, skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 2(1) tar-Regolament fuq il-preskrizzjoni, liema interruzzjoni, skond l-Artikolu 2(2) ta’ l-imsemi Regolament, kienet tapplika wkoll fir-rigward tar-rikorrenti bħala parteċipanta fl-istess ftehim sussidjarju.

48     Għaldaqstant, huwa biżżejjed li jiġi vverifikat, f’dan il-każ, jekk il-Kummissjoni pprovatx, b’mod suffiċjenti skond il-liġi, li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim sussidjarju Spanjol damet, għall-inqas, sa l-20 ta’ Marzu 1997 biex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tikkonkludi jekk il-perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin iddekorriex jew le. Barra minn hekk jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhiex bżonn tevalwa, f’dan il-kuntest, l-argumenti mqajma mir-rikorrenti li jikkonċernaw, minn naħa, l-eventwali nuqqas ta’ relazzjoni bejn il-ftehim sussidjarju Spanjol u l-ftehim prinċipali, u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni jekk ir-rikorrenti kinitx taf b’dan il-ftehim prinċipali.

49     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li huwa opportun li tiġi vverifikata, fl-ewwel lok, id-data li fiha r-rikorrenti ma baqgħetx tipparteċipa fil-ftehim sussidjarju Spanjol.

 Fuq id-data li fiha r-rikorrenti ma baqgħetx tipparteċipa fil-ftehim sussidjarju Spanjol

–       Fuq it-tqassim ta’ l-oneru tal-prova bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni

50     Fir-rigward tal-kwistjoni dwar id-data li fiha l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur ġiet fi tmiem, għandha tiġi mfakkra, preliminarjament, il-ġurisprudenza stabbilita li tistabbilixi li, minn naħa, huwa f’idejn il-parti jew l-awtorità li qed tallega ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li ġġib il-prova ta’ dan billi tistabbilixxi, b’mod suffiċjenti skond il-liġi, il-fatti li jikkostitwixxu ksur u, min-naħa l-oħra, huwa f’idejn l-impriża li qed tinvoka l-benefiċċju ta’ eċċezzjoni kontra konstatazzjoni tal-ksur li ġġib il-prova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni huma soddisfatti, b’mod li l-imsemmija awtorità jkollha għaldaqstant tirrikorri għal elementi oħrajn ta’ prova (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 58, u tas-7 ta’Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 78).

51     Barra minn hekk, id-dewmien tal-ksur huwa element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ ksur skond l-Artikolu 81(1) KE, element li fir-rigward tiegħu l-oneru tal-prova huwa, prinċipalment, fuq il-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza teżiġi li, fin-nuqqas ta’ elementi ta’ prova li jistgħu jistabbilixxu direttament id-dewmien ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, għall-inqas, fuq elementi ta’ prova relatati ma’ fatti li ġraw fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ kontinwament bejn żewġ dati preċiżi (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, T-43/92, Ġabra p. II-441, punt 79).

52     F’dan il-każ, il-prinċipju ġenerali li l-Kummissjoni għandha tipprova l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-ksur, inkluż id-dewmien tiegħu, li jista’ jkollhom effett fuq il-konklużjonijiet definittivi tagħha fir-rigward tal-gravità ta’ tali ksur, mhuwiex ikkontestat mill-fatt li r-rikorrenti qajmet eċċezzjoni bbażata fuq il-preskrizzjoni, fejn l-oneru tal-prova jistrieħ, bħala regola, fuq din ta’ l-aħħar. Fil-fatt, minbarra l-fatt li din l-eċċezzjoni m’għandhiex x’taqsam mal-konstatazzjoni tal-ksur, huwa evidenti li l-invokazzjoni ta’ tali eċċezzjoni timplika neċessarjament li d-dewmien tal-ksur kif ukoll id-data li fiha dan ġie fi tmiem jiġu stabbiliti. Issa, dawn iċ-ċirkustanzi ma jistgħux jiġġustifikaw, waħedhom, trasferiment ta’ l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward bi ħsara għar-rikorrenti. Minn naħa, id-dewmien ta’ ksur, li jimplika li d-data finali tiegħu hija magħrufa, jikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali tal-ksur, u l-oneru tal-prova fir-rigward tiegħu jistrieħ fuq il-Kummissjoni, indipendentement mill-fatt li l-kontestazzjoni ta’ dawn l-elementi jagħmlu wkoll parti mill-eċċezzjoni bbażata fuq il-preskrizzjoni (ara l-punt 21 ’il fuq). Min-naħa l-oħra, din il-konklużjoni hija ġġustifikata mill-fatt li n-nuqqas ta’ preskrizzjoni tal-proċedimenti tal-Kummissjoni, skond ir-Regolament fuq il-preskrizzjoni, jikkostitwixxi kriterju legali oġġettiv, li jirriżulta mill-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 15 ’il fuq, punti 80 sa 82), ikkonfermat mit-tieni premessa tal-preambolu ta’ l-imsemmi Regolament, u, għaldaqstant, kundizzjoni tal-validità ta’ kull deċiżjoni li timponi penalità. Fil-fatt, ir-rispett ta’ din il-kundizzjoni hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni anki jekk l-impriża ma tkunx qajment eċċezzjoni f’dan ir-rigward.

53     Hemm lok biex jiġi ppreċiżat li dan it-tqassim ta’ l-oneru tal-prova madankollu jista’ jvarja meta l-elementi ta’ fatt li waħda mill-partijiet tinvoka jistgħu jkunu tat-tip li jobbligaw lill-parti l-oħra sabiex tagħti spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, fin-nuqqas ta’ liema’ jista jiġi konkluż li l-prova tkun ingħatat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 50 supra, punt 79).

54     Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni stabbilietx korrettement il-fatti li fuqhom hija tibbaża l-evalwazzjoni tagħha li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim sussidjarju Spanjol ġiet fi tmiem fl-1999. Iżjed preċiżament, meta titqies l-interruzzjoni, li r-rikorrenti tammetti, tal-perijodu ta’ preskrizzjoni fl-20 ta’ Marzu 2002, huwa biżżejjed li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni pprovatx, b’mmod suffiċjenti skond il-liġi, li din il-parteċipazzjoni damet, għall-inqas, sa l-20 ta’ Marzu 1997.

–       Fuq il-valur probatorju ta’ l-elementi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim sussidjarju Spanjol damet għall-inqas sa l-20 ta’ Marzu 1997

55     Preliminarjament, għandhom jiġu mfakkra l-elementi essenzjali ta’ fatt li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha, fid-deċiżjoni kkontestata, li tistipula li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim sussidjarju Spanjol damet sa l-1999. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni straħet b’mod partikolari fuq l-elementi li ġejjin (premessi 215, 218, 250 sa 267 u 320 sa 330 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi lista ta’ figuri ppreżentata minn AKZO li tikkonċerna s-suq Spanjol, li tindika l-figuri tal-bejgħ u l-ishma mis-suq dettaljati tar-rikorrenti, ta’ AKZO u ta’ Atochem/Altofina sat-tielet trimestru ta’ l-1999 kif ukoll l-ishma mis-suq "teoretiċi", jiġifieri li ġew miftiehma fil-kuntest ta’ l-akkordju, u d-“differenzi”, għall-inqas, sa l-aħħar trimestru ta’ l-1998 (premessi 259 u 327 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni nett, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi minuti miktubin bl-id ta’ laqgħa li saret fis-6 ta’ Novembru 1997, li fihom, in-numri “1”, “2” u “3” huma kodiċijiet għall-ismijiet ta’ AKZO, ir-rikorrenti u Atochem/Atofina (punt 218 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tielet nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li seħħew l-allegazzjonijiet ta’ AKZO u ta’ Peroxid Chemie, li ċerta informazzjoni, inkluża dik li kienet ġejja mir-rikorrenti, ġiet skambjata permezz ta’ Peroxid Chemie u ta’ AC Treuhand sa l-1999 (premessi 215 u 237 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni tammetti li hija ma setgħetx tipprova kompletament li dan l-iskambju ta’ informazzjoni kien sar direttament bejn ir-rikorrenti u l-kumpanniji sussidjarji Spanjoli ta’ AKZO u ta’ Atochem/Atofina.

56     Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-lista ta’ figuri ppreżentata minn AKZO, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata qabel kollox li din kien fiha figuri li jikkorrispondu għall-unità “MT” (metric tonnes), espressi f’“%” relatati, minn naħa, f’ringiela orizzontali, ma’ erba’ kategoriji ta’ taqsimiet rispettivament intitolati “ACTUALS", “THEORETICAL”, “DEVIATIONS” u “CUMM. DEVIATIONS” u, min-naħa l-oħra, f’kolonni vertikali, mas-snin 1988 sa 1999, maqsumin ulterjorment fi trimestri għas-snin 1998 u 1999 sat-tielet trimestru tas-sena 1999. Barra minn hekk, taħt kull waħda mit-taqsimiet imsemmija hawn fuq, kienu jidhru n-numri “2”, “1” u “3”, li, skond l-ispjegazzjonijiet mogħtija u inklużi fil-fajl amministrattiv minn AKZO (p. 10214 tal-fajl tal-Kummissjoni), jissimbolizzaw rispettivament lir-rikorrenti, AKZO u Atochem/Atofina bħala parteċipanti fis-suq Spanjol. AKZO tispjega sussegwentement li t-taqsima “ACTUALS” tiġbor fiha l-kwantitajiet effettivament mibjugħin minn dawn il-parteċipanti kif ukoll is-sehem mis-suq rispettiv tagħhom. It-taqsima “THEORETICAL” turi l-kwantitajiet ta’ bejgħ mistennija għal kull parteċipant, filwaqt li t-taqsima “DEVIATIONS” tindika d-differenzi bejn il-kwantitajiet effettivament mibjugħin u dawk li kienu mistennija. It-taqsima “CUMM. DEVIATIONS” turi d-differenzi li akkumulaw matul is-snin ta’ qabel. B’mod iżjed partikolari, fir-rigward tas-snin 1998 u 1999, AKZO tippreċiża fl-ispjegazzjonijiet tagħha li t-taqsima “THEORETICAL” tinkludi d-diviżjoni ta’ l-ishma mis-suq miftiehma bejn il-parteċipanti għas-suq Spanjol, jiġifieri 32.2 % għal AKZO, 53.9 % għar-rikorrenti u 13.9 % għal Atochem/Atofina.

57     Għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-lista ta’ figuri kkonċernata, ir-rikorrenti ma tikkontesta, b’mod dettaljat, la l-allegazzjonijiet ta’ AKZO f’dan ir-rigward u lanqas il-konstatazzjoni li tinsab fil-premessa 259, in fine, tad-deċiżjoni kkontestata li AKZO kienet taf, b’mod partikolari, bil-prezzijiet mistennija mir-rikorrenti għas-snin 1997 sa l-1999. Barra minn hekk, waqt il-proċedura amministrattiva u matul din l-istanza, ir-rikorrenti ma kkontestax, b’mod dettaljat, l-informazzjoni mogħtija minn AKZO li tikkonċernaha (punt 260 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti sostniet biss li kien impossibbli għaliha li tivverifika l-verità u l-eżattezza ta’ din l-informazzjoni, mingħajr madanakollu ma ċaħdet ir-rilevanza tagħhom kollha (punt 4.12 ta’ l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, ara l-punt 8 iktar ’il fuq).

58     Fit-tieni lok, fir-rigward tal-minuti miktubin bl-id tal-laqgħa tas-6 ta’ Novembru 1997, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li dawn jikkonfermaw u jsostnu l-ispjegazzjonijiet mogħtija minn AKZO fir-rigward tal-lista ta’ figuri msemmija iktar ’il fuq, fejn l-istess ismijiet kkodifikati huma użati biex jidentifikaw il-parteċipanti fil-ftehim sussidjarju Spanjol. Issa, ir-rikorrenti ma tikkontesta la l-kontenut, la l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni ta’ dawn il-minuti u lanqas il-fatt li l-figura “2” hija intiża biex tirrappreżenta lilha.

59     Fit-tielet lok, fir-rigward ta’ l-allegazzjonijiet ta’ AKZO u ta’ Peroxid Chemie dwar l-iskambju ta’ informazzjoni tar-rikorrenti permezz ta’ Peroxid Chemie u ta’ AC Treuhand sa l-1999, ir-rikorrenti ammettiet, minn naħa, ir-rilevanza tal-konstatazzjonijiet, riprodotti fil-punt 237 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet ipprovdiet informazzjoni kummerċjali lil Peroxid Chemie li, min-naħa tagħha, bagħtitha lil AC Treuhand biex sussegwentement tirċevihom lura mingħand din ta’ l-aħħar taħt il-forma ta’ listi ta’ figuri relativi għas-suq Spanjol u fl-aħħar terġa’ tibgħathom lir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, li dan l-iskambju ta’ informazzjoni seta’ dam isir għall-inqas sa nofs is-sena 1997 (rapport tas-seduta, p. 2).

60     Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonkludi minn dan li r-rikorrenti baqgħet tipparteċipa, minkejja li b’mod indirett, fis-sistema ċentralizzata ta’ skambju ta’ informazzjoni sensittiva permezz ta’ AC Treuhand wara l-20 ta’ Marzu 1997.

61     Fl-aħħar fir-rigward, b’mod iżjed partikolari, ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ Peroxid Chemie, il-kumpannija sussidjarja ta’ Laporte, li kienet iżżomm 50 % ta’ l-ishma tar-rikorrenti, din ta’ l-aħħar ma tikkontestax dan, iżda tallega biss li l-iskambju kien leġittimu u twettaq mingħajr ma kienet taf li l-informazzjoni in kwistjoni kien se jintuża għal skopijiet anti-kompetittivi (punt 246 tad-deċiżjoni kkontestata).

62     Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dawn l-elementi jistgħu jsostnu l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tkomplija tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim sussidjarju Spanjol wara l-20 ta’ Marzu 1997, mingħajr ma huwa meħtieġ, f’dan il-kuntest, li jiġi vverifikat, abbażi ta’ l-elementi ta’ prova disponibbli, jekk din il-parteċipazzjoni damitx effettivament sal-31 ta’ Diċembru 1999, kif ġie kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata.

63     Fid-dawl ta’ dawn l-indizji, għandu sussegwentement jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti ressqitx argumenti u elementi fattwali li jistgħu jikkontradixxu dawn l-indizji jew jinvalidaw il-valur probatorju tagħhom.

–       Fuq l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tan-nuqqas ta’ prova li tikkonċerna l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur għall-inqas sa l-20 ta’ Marzu 1997

64     Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, fl-ewwel lok, li, bil-kontra ta’ l-affermazzjoni tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kkonstatat korrettement li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ma waqfitx fid-data preċiża ta’ l-aħħar laqgħa fil-preżenza ta’ wieħed mir-rappreżentanti tagħha, is-Sur K., fl-14 ta’ Jannar 1997. Fil-fatt, l-ewwel nett, l-iskambji ta’ informazzjoni bejn il-parteċipanti permezz ta’ AC Treuhand, komplew wara din id-data, minkejja li r-rikorrenti ma kellhiex kuntatt dirett ma’ din ta’ l-aħħar iżda biss permezz ta’ Peroxid Chemie. It-tieni nett, it-tkeċċija tas-Sur K., li saret fl-14 ta’ Frar 1997, lanqas ma tista’ tindika l-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti qabel l-20 ta’ Marzu 1997. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ammettiet fis-seduta li, minn naħa, hija kienet kompliet tuża rappreżentant ieħor minn tagħha li kien jakkumpanja lis-Sur K. f’uħud mill-laqgħat anti-kompetittivi, is-Sur V. u li, min-naħa l-oħra, it-tkeċċija tas-Sur K. ma ġietx ikkomunikata lill-kumpanniji azzjonisti tagħha, u wisq inqas lill-parteċipanti l-oħra fil-ftehim sussidjarju Spanjol (punt 242 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, peress li Laporte, bħala azzjonista tar-rikorrenti, u Peroxid Chemie, kumpannija sussidjarja oħra ta’ Laporte, kienu t-tnejn li huma pparteċipaw fl-akkordju Ewropew, kellhom kull interess li jirċievu informazzjoni f’dan ir-rigward, u dan wisq iżjed meta jitqies li s-Sur K. kien il-persuna prinċipali ta’ kuntatt tar-rikorrenti fil-kuntest tal-ftehim sussidjarju Spanjol. Jirriżulta wkoll minn dan li l-ispjegazzjoni mogħtija mir-rikorrenti li t-tkeċċija tas-Sur K. kienet ir-raġuni tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni lill-parteċipanti l-oħra dwar l-irtirar tagħha mill-ksur u li, fi kwalunkwe każ, it-tluq tiegħu, peress li kien direttur kummerċjali, kien imissu ġie nnutat mill-parteċipanti l-oħra, ma tistax tiġi aċċettata. Din l-ispjegazzjoni pjuttost tikkonferma, bil-kontra, li r-rikorrenti ma ddistakkatx ruħha mill-ksur apertament, kif inhu mitlub mill-ġurisprudenza (ara l-punt 68 iktar ’il quddiem).

65     Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra, fit-tieni lok, li, għall-kuntrarju ta’ l-opinjoni tar-rikorrenti, il-fatt li l-parteċipanti l-oħra fil-ksur ma ddikjarawx li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti ma ntemmitx fil-bidu ta’ l-1997 iżda iżjed tard, ma jistax jinvalida l-indizji mressqa mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat, fl-ewwel lok, li, f’dan il-każ, hemm ukoll nuqqas ta’ informazzjoni min-naħa ta’ terzi li turi li r-rikorrenti effettivament abbandunat jew, għall-inqas, iddikjarat li abbandunat il-parteċipazzjoni attiva tagħha fil-ksur fid-dati speċifikati minnha stess. Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-aġir tal-parteċipanti l-oħra fil-ftehim sussidjarju Spanjol, jiġifieri AKZO u Atochem/Atofina, mis-snin 1997 sa 1999 jindika, għall-kuntrarju, li r-rikorrenti kompliet bil-parteċipazzjoni tagħha wara d-dati li hija ssemmi. Minn naħa, ir-rikorrenti ma ddikjaratx li kkomunikat lill-parteċipanti l-oħra, fiż-żmien ta’ l-allegat irtirar tagħha mill-ksur, ix-xewqa tagħha li tabbanduna l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim sussidjarju Spanjol, li dam sa l-1999 (punt 258 tad-deċiżjoni kkontestata). Fis-seduta, ir-rikorrenti ammettiet ukoll li ma kinitx teżisti dikjarazzjoni uffiċjali f’dan ir-rigward, per eżempju permezz ta’ ittra indirizzata lill-parteċipanti l-oħra fil-ksur. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti lanqas ma ddikjarat li infurmat lill-kumpanniji azzjonisti tagħha f’dan ir-rigward, u lanqas fir-rigward tat-tkeċċija tas-Sur K. u dwar ir-raġunijiet għal din it-tkeċċija. L-affermazzjoni tar-rikorrenti li t-tkeċċija saret għal raġunijiet marbutin max-xewqa tagħha li tiddistakka ruħha mill-ksur (punt 261 tad-deċiżjoni kkontestata) tikkostitwixxi għaldaqstant sempliċi allegazzjoni.

66     F’dan il-kuntest, l-allegazzjoni li AKZO u Atochem/Atofina komplew iwettqu l-ksur mingħajr il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti, minkejja n-nuqqas ta’ komunikazzjoni fir-rigward ta’ l-irtirar tagħha mill-imsemmi ksur u l-fatt li hija kienet l-ikbar operatriċi fis-suq Spanjol, kif il-Kummissjoni ġustament tikkonstata fil-punt 258 tad-deċiżjoni kkontestata, mhijiex fondata. Bil-kontra ta’ dan, din l-ipoteżi kif ukoll l-argument – li huwa purament konġettura – tar-rikorrenti li l-irtirar tagħha mill-ftehim sussidjarju Spanjol seta’ biss irendi iżjed koerenti d-diskussjonijiet bejn AKZO u Atochem/Atofina dwar is-suq Spanjol huma inkompatibbli mal-prinċipji li jirregolaw kartell oligopolistiku, peress li l-operat tiegħu jiddependi b’mod partikolari mill-parteċipazzjoni ta’ l-iżjed operatur importanti fis-suq rilevanti. Dan huwa wisq iżjed veru peress li, skond il-lista ta’ figuri msemmija fil-punti 56 u 57 iktar ’il fuq, li mhijiex ikkontestata f’dan ir-rigward mir-rikorrenti, hija kellha sehem mis-suq ta’ iżjed minn 50 % fi Spanja. Issa, kif sostniet korrettement il-konvenuta fis-seduta, ma jidhirx loġiku li, meta sar il-kalkolu u t-tqassim tal-kwoti rispettivi, AKZO u Atochem/Atofina kienu effettivament irrispettaw is-sehem mis-suq ta’ l-ikbar kompetitriċi tagħhom fis-suq Spanjol jekk huma kienu aċċettaw in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim sussidjarju Spanjol.

67     Bl-istess mod, lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li l-kalkolu ta’ l-ishma mis-suq u ta’ l-informazzjoni l-oħra li tirreferi għall-attività ekonomika tagħha, bħal dik li tinsab, fost affarijiet oħra, fil-listi ta’ figuri relativi għas-snin 1998 u 1999 mogħtija minn AKZO, kien ir-riżultat ta’ informazzjoni mogħtija minn impriżi terzi u mhux, anki jekk indirettament, mir-rikorrenti stess. Dan huwa wisq iżjed veru peress li minn naħa, ir-rikorrenti ma kinitx f’sitwazzjoni li tieħu pożizzjoni ċara fir-rigward tal-verità u l-eżattezza ta’ din l-informazzjoni u li tagħti spjegazzjoni konvinċenti għall-inkapaċità tagħha li tikkonfermaha jew biex turi l-eventwali natura żbaljata tagħha fid-dawl ta’ l-informazzjoni li tirriżulta mill-isfera ekonomika tagħha stess (premessa 260 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ammettiet li kompliet tipparteċipa, għall-inqas indirettament, fil-mekkaniżmu ċentralizzat ta’ skambju ta’ informazzjoni permezz ta’ Peroxid Chemie u AC Treuhand (ara l-punt 59 iktar ’il fuq). Fl-aħħar, fid-dawl ta’ l-indizji preċedenti li jaqblu, ma tistax tiġi aċċettata l-ispjegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li din l-informazzjoni setgħet tiġi dedotta permezz ta’ sempliċi kalkolu abbażi ta’ l-informazzjoni tal-parteċipanti l-oħra fil-ftehim sussidjarju Spanjol, jiġifieri AKZO u Atochem/Atofina (punt 4.13 ta’ l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet).

68     F’dan ir-rigward, il-konvenuta ġustament tirreferi għall-ġurisprudenza li tistabbilixxi li l-fatt li l-impriża in kwistjoni ma tkunx iddistakkat ruħha pubblikament minn ksur li fih ipparteċipat jew li ma rrapportatx dan il-ksur lill-awtoritajiet amministrattivi għandu bħala konsegwenza li jinkoraġġixxi l-kontinwazzjoni tal-ksur u li tiġi kompromessa l-iskoperta tiegħu, b’mod li din l-approvazzjoni taċita tista tiġi ddefinita bħala kompliċità jew bħala mod passiv ta’ parteċipazzjoni fil-ksur (is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 50 supra, punt 84). Issa, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti la wriet l-eventwali distakk pubbliku tagħha mill-aġir illegali tagħha wara l-allegat irtirar tagħha mill-ftehim sussidjarju Spanjol, u lanqas iddikjarat li informat lill-parteċipanti l-oħra f’dan ir-rigward, jew tat spjegazzjoni konvinċenti fir-rigward tar-raġunijiet relativi għall-fatt li kompla jsir l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva permezz ta’ Peroxid Chemie u AC Treuhand.

69     Fit-tielet lok, għall-kuntrarju ta’ l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-fatt li AKZO eventwalment ma informatx lir-rikorrenti dwar l-intenzjoni tagħha li ttemm il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-1999, meta hija kienet għamlet dan fil-konfront ta’ parteċipanti oħrajn (premessa 187 tad-deċiżjoni kkontestata), ma jindikax li r-rikorrenti ma kinitx qed tipparteċipa iżjed fil-ftehim sussidjarju Spanjol f’din id-data u, a fortiori, matul is-snin preċedenti għal din il-komunikazzjoni, jiġifieri b’mod partikolari fl-1997 u fl-1998.

70     Fl-aħħar, ir-rikorrenti sostanzjalment issostni, diversi drabi, li l-informazzjoni u l-ispjegazzjonijiet mogħtija b’mod partikolari minn AKZO u Atochem/Atofina mhumiex affidabbli ladarba dawn il-partijiet qed jitolbu li jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-klemenza u, f’dan ir-rigward, kellhom interess li jippreżentaw xhieda kontra r-rikorrenti. Issa, filwaqt li huwa ġeneralment aċċettabbli li xhieda mogħtija b’mod volontarju mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali tiġi ttrattata b’ċertu suspett, meta titqies il-possibbiltà li dawn il-parteċipanti jkollhom it-tendenza li jnaqqsu l-importanza tal-kontribut tagħhom fil-ksur u li jżidu dak ta’ oħrajn (ara l-premessa 278 tad-deċiżjoni kkontestata), madankollu, l-argument tar-rikorrenti ma jikkorrispondix għal-loġika inerenti tal-proċedura prevista mill-komunikazzjoni fuq il-klemenza. Il-fatt li persuna titob biex tibbenefika mill-applikazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni bil-għan li jinkiseb tnaqqis tal-multa mhux neċessarjament joħloq inċentiv biex jiġu ppreżentati elementi ta’ prova mhux idonei fil-konfront tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkriminati. Fil-fatt, kull tentattiv biex il-Kummissjoni tiġi indotta tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni ta’ min qed jagħmel it-talba u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li dan jibbenefika b’mod sħiħ mill-komunikazzjoni fuq il-klemenza. B’hekk, fir-rigward ta’ l-importanza u tan-numru ta’ indizzji li jaqblu, li jistrieħu fuq ir-rilevanza tad-dikjarazzjonijiet ta’ AKZO u ta’ Atochem/Atofina, dan l-argument tar-rikorrenti ma jistax jiġi milqugħ.

71     Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni kellha biżżejjed indizji li jiġġustifikaw l-evalwazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ftehim sussidjarju Spanjol kien qed jitħaddem, fi kwalunkwe każ, sa l-aħħar tax-xahar ta’ Marzu 1997, u dan bil-parteċipazzjoni, għall-inqas indiretta, tar-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tikkontesta dawn l-indizji b’mod konkret, permezz ta’ provi li jsostnuha, sabiex tikkontesta l-valur probatorju tagħhom, u lanqas ma kienet f’pożizzjoni li tagħti spjegazzjoni alternattiva konvinċenti għall-eżistenza tagħhom, kif mitlub mill-ġurisprudenza. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni stabbiliet l-elementi fattwali msemmija iktar ’il fuq in sostenn tal-parteċipazzjoni kontinwa tar-rikorrenti fil-ftehim sussidjarju Spanjol wara l-20 ta’ Marzu 1997, kellha tkun ir-rikorrenti li tagħti spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni alternattiva li tista’ tikkontradixxi l-interpretazzjoni mogħtija lil dawn l-indizji. Fin-nuqqas ta’ dan, jista’ jiġi konkluż li l-prova li kellha tingħata mill-Kummissjoni ngħatat (ara, f’dan il-każ, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 50 supra, punt 79).

72     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonkludi li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu, b’mod partikolari, fil-premessi 257 sa 261 tad-deċiżjoni kkontestata, safejn dawn jirreferu għall-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim sussidjarju Spanjol, għall-inqas sa tmiem ix-xahar ta’ Marzu 1997, mhumiex manifestament żbaljati jew illegali. Fid-dawl tat-tkomplija stabbilita tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim sussidjarju Spanjol, għall-inqas sa l-20 ta’ Marzu 1997 u ta’ l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni l-iktar tard fl-20 ta’ Marzu 2002, il-proċedimenti tal-Kummissjoni kontra r-rikorrenti għall-finijiet ta’ l-impożizzjoni ta’ multa skond l-Artikolu 81 KE ma kinitx preskritta.

73     Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni m’għamlitx kunsiderazzjoni żbaljata tal-kriterji li jirregolaw il-preskrizzjoni previsti fl-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament fuq il-preskrizzjoni.

74     Minn dan jirriżulta wkoll li mhuwiex meħtieġ li jiġi evalwat il-mertu ta’ l-ilmenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti in sostenn tal-motiv tagħha, jiġifieri dawk relativi għall-argument li r-rikorrenti ma kinitx taf bil-ftehim prinċipali u r-rabta bejn dan il-ftehim u l-ftehim sussidjarju Spanjol u dak relativ għad-data eżatta ta’ l-interruzzjoni tal-perijodu ta’ preskrizzjoni.

75     Għaldaqstant, il-motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-allegata diskriminazzjoni tar-rikorrenti meta mqabbla ma’ Pergan

76     Fir-rigward ta’ l-argument sussidjarju tar-rikorrenti li hija kienet suġġetta għal trattament diskriminatorju meta mqabbla mal-kumpannija Pergan, li fil-konfront tagħha l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet li ddekorra l-perijodu ta’ preskrizzjoni minkejja l-fatt li din il-kumpannija kienet f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ tagħha, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ ipoteżijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, l-illegalità eventwali, u, it-tieni nett, il-legalità eventwali tal-mod kif il-Kumissjoni mxiet fil-konfront ta’ Pergan.

77     Fir-rigward ta’ l-ewwel ipoteżi, li tippreżupponi li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-kriterji li jirregolaw il-preskrizzjoni fir-rigward ta’ Pergan, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li tali illegalità, li dwarha l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ġietx adita fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ma tfissirx li r-rikors tar-rikorrenti għal annullament huwa fondat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li r-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali jrid jaqbel ma’ dak tal-prinċipju ta’ legalità, li jimplika li ħadd ma jista’ jinvoka favurih illegalità li twettqet favur ħaddieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Lulju 1985, Williams vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, 134/84, Ġabra p. 2225, punt 14; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T-327/94, Ġabra p. II-1373, punt 160, u ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II-1705, punt 367). Fil-fatt, illegalità eventwali li ssir fil-konfornt ta’ impriża oħra, li mhijiex parti f’din il-proċedura, ma tistax twassal lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tikkonstata diskriminazzjoni u, għaldaqstant, illegalità fir-rigward tar-rikorrenti. Tali argument ikun ekwivalenti għall-implementazzjoni ta’ prinċipju ta’ “trattament ugwali fl-illegalità” u għall-impożizzjoni fuq il-Kummissjoni, f’dan il-każ, ta’ l-obbligu li ma jingħatax kas ta’ l-elementi ta’ prova li hija għandha biex tippenalizza l-impriża li għamlet ksur punibbli, għall-unika raġuni li impriża oħra li tista’ tinsab eventwalment f’sitwazzjoni simili, illegalment, ma tkunx ġiet ippenalizzata b’dan il-mod. Barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza relativa għall-prinċipju ta’ trattament ugwali, meta impriża, bl-aġir tagħha stess, tkun kisret l-Artikolu 81(1) KE, hija ma tistax tevita kull penalità għar-raġuni li operaturi ekonomiċi oħra ma ngħatawx din il-multa, meta, bħal f’dan il-każ, is-sitwazzjoni ta’ dawn l-aħħar ma tkunx inġiebet a konjizzjoni tal-qorti Komunitarja (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, Ġabra p. I-1307, punt 197, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, T-5/00 u T-6/00, Ġabra p. II-5761, punt 430).

78     Fir-rigward tat-tieni ipoteżi, li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonċernaw lil Pergan mhumiex illegali – b’mod partikolari għar-raġuni ta’ preskrizzjoni minħabba n-nuqqas ta’ provi suffiċjenti fir-rigward tal-parteċipazzjoni kontinwa ta’ din l-impriża fil-ksur -, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li lanqas hawnhekk ma tqum il-kwistjoni ta’ diskriminazzjoni eventwali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ trattament ugwali huwa vvjolat biss meta sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 77 supra, punt 428 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, b’differenza għas-sitwazzjoni ta’ Pergan fit-tieni ipoteżi, il-Kummissjoni kellha elementi ta’ prova suffiċjenti sabiex tkun tista’ tikkonkludi li kien hemm il-parteċipazzjoni kontinwa tar-rikorrenti fil-ksur u sabiex tippenalizzaha skond l-Artikolu 81 KE (ara l-punti 50 sa 72 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tikkunsidra li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti u dik ta’ Pergan ma kinux simili minħabba l-preżenza jew in-nuqqas ta’ elementi ta’ prova fir-rigward tad-dewmien tal-parteċipazzjoni rispettiva ta’ dawn l-impriżi fil-ksur.

79     Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq id-diskriminazzjoni li għaliha kienet soġġetta r-rikorrenti ma jista’ jiġi milqugħ f’ebda waħda mill-ipoteżijiet imsemmija iktar ’il fuq.

 Fuq it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji

80     Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li t-talbiet tar-rikorrenti sabiex jinstemgħu x-xhieda u sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tippreżenta ċerti dokumenti kunfidenzjali tal-fajl ta’ l-investigazzjoni huma manifestament inammissibbli u infondati. Minn naħa, l-imsemmija talbiet huma neqsin mill-preċiżjoni meħtieġa fir-rigward ta’ l-elementi fattwali u tad-dokumenti rilevanti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali miżuri skond l-Artikolu 64(3)(d) u l-Artikolu 65(b) u (c), flimkien ma’ l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex ikunu ammissibbli. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ressqet ebda prova preċiża u rilevanti li tispjega b’liema mod ix-xhieda mitluba u d-dokumenti in kwistjoni setgħu jkunu ta’ interess għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża. Min-naħa l-oħra, fid-dawl ta’ l-atti tal-partijiet, tad-dokumenti fil-proċess u tar-riżultati tas-seduta, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li hija infurmata biżżejjed sabiex tiddeċiedi din il-kawża.

81     Għaldaqstant, it-talbiet dwar il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u dwar il-miżuri istruttorji mressqa mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

82     Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li r-rikors tar-rikorrenti għandu, kollu kemm hu, jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ispejjeż

83     Skond l-Artikolu 87(2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Jaeger

Azizi

Cremona

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Novembru 2006.

E. Coulon

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

      President


                                             Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1. Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament ta’ l-Artikoli 1 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2. Fuq il-motiv ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni għamlet applikazzjoni żbaljata tar-regoli tal-preskrizzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Osservazzjoni preliminari

Fuq l-argument li r-rikorrenti kienet taf bl-akkordju prinċipali

Fuq it-tmiem tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim sussidjarju Spanjol

Fuq il-bidu tal-perijodu ta’ preskrizzjoni

Fuq it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u miżuri istruttorji

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq id-data li fiha r-rikorrenti ma baqgħetx tipparteċipa fil-ftehim sussidjarju Spanjol

– Fuq it-tqassim ta’ l-oneru tal-prova bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni

– Fuq il-valur probatorju ta’ l-elementi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim sussidjarju Spanjol damet għall-inqas sa l-20 ta’ Marzu 1997

– Fuq l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tan-nuqqas ta’ prova li tikkonċerna l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur għall-inqas sa l-20 ta’ Marzu 1997

Fuq l-allegata diskriminazzjoni tar-rikorrenti meta mqabbla ma’ Pergan

Fuq it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.