EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002TJ0367

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (ir-Raba' Awla) tat-12 ta' Jannar 2005.
Wieland-Werke AG vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja - Trade marks verbali SnTEM, SnPUR u SnMIX - Raġunijiet assoluti għal rifjut - Karattru deskrittiv - Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 40/94.
Każijiet Magħquda T-367/02 sa T-369/02.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2005:3

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Jannar 2005 (*)

"Trade mark Komunitarja – Trade marks verbali SnTEM, SnPUR u SnMIX – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawżi magħquda T-367/02 sa T-369/02,

Wieland-Werke AG, stabbilita f'Ulm (il-Ġermanja), irrappreżentata minn S. Gruber u F. Graf von Stosch, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinji) (UASI), irrappreżentat minn T. L. Eichenberg u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors magħmul kontra tliet deċiżjonijiet ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tal-25 ta’ Settembru 2002 (kawżi R 338/2001-1, R 337/2001-1 u R 335/2001-1), dwar talbiet għar-reġistrazzjoni tat-trade marks verbali SnTEM, SnPUR u SnMIX bħala trade marks Komunitarji,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Legal, President, V. Tiili u M. Vilaras, Imħallfin,

Reġistratur: D. Christensen, Amministratur,

wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-9 ta’ Diċembru 2002,

wara li rat li l-kawżi preżenti ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura miktuba, tal-proċedura orali u tas-sentenza, skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ April 2003,

wara s-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fl-14 ta’ Diċembru 1999, ir-rikorrenti ppreżentat tliet talbiet għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-Trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huma s-sinjali verbali SnTEM, SnPUR u SnMIX.

3       Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 6 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

"Prodotti tal-metall mhux kompluti fil-forma ta’ pjanċi, strixxi, wajers, pajpijiet, vireg jew simili, b’mod partikolari ta’ metalli bla ħadid, bħal ram jew lega tar-ram, b'kisja ta’ metall fuq waħda jew żewġ naħat, b’mod partikolari ta’ stann jew ta’ lega ta’ stann."

4       B’ittri ta’ l-10 ta’ Frar 2000, l’eżaminatriċi għarrfet lir-rikorrenti li s-sinjali in kwistjoni mhumiex suxxettibbli għar-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 7(1)(b)(c) u (g) tar-Regolament Nru 40/94, billi dawn jiddeskrivu prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, li huma nieqsa minn karattru distintiv u huma ta’ natura tali li jqarrqu bil-pubbliku. Fil-fatt, skond l-eżaminatriċi, l-element "Sn" jirrappreżenta s-simbolu kimiku ta’ l-istann. Fir-rigward ta’ l-element "TEM", huwa l-abbrevjazzjoni użata fil-qasam xjentifiku u tekniku tal-kelma "tempered", li fil-qasam tal-legi jfisser "ittemprat". Għalhekk, it-trade mark SnTEM tfisser "tempered tin" (stann ittemprat). L-element "PUR" ifisser "pur", it-trade mark SnPUR tfisser "stann pur". Fl-aħħar nett, skond l-eżaminatriċi, l-element "MIX" huwa ekwivalenti għall-kelma "taħlit" fil-Ġermaniż u, għalhekk, it-trade mark SnMIX tfisser "lega ta’ l-istann". L-eżaminatriċi wkoll ikkonstatat li kull trade mark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija ta’ natura li tqarraq bil-pubbliku sa fejn il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni mhumiex konformi ma dawn l-indikazzjonijiet.

5       B’ittra tat-3 ta’ April 2000, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet fuq l-oġġezzjonijiet ta’ l-eżaminatriċi. Minbarra dan, hi limitat il-lista ta’ prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għal trade marks billi neħħiet t-tieni "b’mod partikolari", qabel l-element "ta’ stann jew ta’ lega ta’ stann", għalhekk il-lista ta’ prodotti ssir:

"Prodotti tal-metall mhux kompluti fil-forma ta’ pjanċi, strixxi, wajers, pajpijiet, vireg jew simili, b’mod partikolari ta’ metalli bla ħadid, bħal ram jew lega tar-ram, b'kisja ta’ metall fuq waħda jew żewġ naħat, ta’ stann jew ta’ lega ta’ stann."

6       Permezz ta' tliet deċiżjonijiet tas-7 u tat-8 ta’ Frar 2001, l-eżaminatriċi ċaħdet it-talbiet għar-reġistrazzjoni abbażi ta’ l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 40/94.

7       Fl-4 ta’ April 2001, ir-rikorrenti ressqet tliet appelli quddiem l-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94.

8       Permezz tad-deċiżjonijiet tal-25 ta’ Settembru 2002, R 338/2001‑1, R 337/2001‑1 u R 335/2001‑1 (iktar ‘il quddiem id-"deċiżjonijiet ikkontestati"), innotifikati lir-rikorrenti fl-10 ta’ Ottubru 2002, l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ċaħdet l-appell. Essenzjalment, dan ta’ l-aħħar ikkunsidra li, billi fost l-ambjenti speċjalizzati s-sinjifikat tas-simbolu kimiku "Sn", kif ukoll is-sinjifikat ta’ l-abbrevjazzjonijiet "TEM", "PUR" u "MIX" huwa magħruf, it-trade marks mitluba jindikaw, rispettivament, li jirrigwardaw stann ittemprat, stann pur jew lega ta’ stann. Għalhekk, skond il-Bord ta’ l-Appell, it-trade marks fil-kawża jiddeskrivu prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u huma nieqsa minn karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(c) u (b) tar-Regolament Nru 40/94.

 It-talbiet tal-partijiet

9       Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza :

–       tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–       tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

10     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza :

–       ti     ċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fid-dritt

11     In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ raġunijiet. L-ewwel waħda bbażata fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94. It-tieni waħda bbażata fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) ta’ l-istess Regolament.

12     Wieħed għandu jipproċedi għall-eżami ta’ l-ewwel raġuni.

13     Ir-rikorrenti tikkontesta li s-sinjali SnTEM, SnPUR u SnMIX huma purament deskrittivi ta’ prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u tqis li dawn is-sinjali ma jiddeżinjawx direttament u konkretament, fost l-ambjenti kkonċernati, il-kwalità jew karatteristiċi oħra tal-prodotti msemmija.

14     L-UASI ssostni li l-Bord ta’ l-Appell ġustament qies, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li kellhom jiġu rrifjutati l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade marks in kwistjoni.

15     Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, għandhom jiġu rrifjutati r-reġistrazzjoni ta' "trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi". Minbarra dan, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94 jiddisponi li l-"paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-Komunità".

16     L-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 jipprekludi li s-sinjali jew indikazzjonijiet li jaqgħu taħtu jiġu rriżervati għal impriża waħda biss minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark. Din id-dispożizzjoni għalhekk għandha għan ta’ interess ġenerali, għan li jeżiġi li sinjali jew indikazzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġu użati liberament minn kulħadd (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, L-UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, Ġabra p. I‑12447, punt 31).

17     Il-karattru deskrittiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, fil-konfront tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal [is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Jannar 2001, TaurusFilm vs L-UASI (Cine Action), T135/99, Ġabra p. II-379, punt 25, u Taurus-Film vs L-UASI (Cine Comedy), T136/99, Ġabra p. II-397, punt 25] u, min-naħa l-oħra, fil-konfront tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti li huwa kompost mill-konsumatur ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 2002, ELLOS vs L-UASI (ELLOS), T‑219/00, Ġabra p. II‑753, punt 29).

18     F’din il-kawża, l-ewwel nett, għandu jitqies li l-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huma prodotti mhux kompluti tal-metall – b’mod partikolari ta’ metalli bla ħadid –, fil-forma ta’ pjanċi, strixxi, wajers, pajpijiet, vireg jew simili, u li għandhom, fuq waħda jew żewġ naħat, kisja tal-metall ta’ stann jew ta’ lega ta’ stann.

19     Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, minħabba fin-natura tal-prodotti in kwistjoni, il-pubbliku rilevanti huwa magħmul minn speċjalisti fil-qasam tal-metallurġija.

20     Minbarra dan, safejn dawn l-ispeċjalisti għandhom għarfien ta’ kliem u abbrevjazzjonijiet xjentifiċi normalment użati fil-qasam ta’ l-attivitajiet tagħhom, u jkun xi jkun l-oriġini lingwistiku ta’ dawn il-kliem jew abbrevjazzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li l-pubbliku rilevanti huwa kkostitwit minn speċjalisti tal-metallurġija f’pajjiżi differenti ta’ l-Unjoni Ewropea.

21     Għalhekk, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi eżaminat, fir-rigward tas-sinjifikat mogħti lis-sinjali verbali in kwistjoni, jekk f’għajnejn il-pubbliku rilevanti jeżistix rapport, li huwa dirett u konkret biżżejjed, bejn dawn is-sinjali u l-kategoriji ta’ prodotti jew ta’ servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, DaimlerChrysler vs L-UASI (TELE AID), T‑355/00, Ġabra p. II‑1939, punt 28].

22     F’dak li jirrigwarda s-sinjifikat tat-trade marks mitluba, għandu jiġi kkunsidrat li kull wieħed mis-sinjal verbali SnTEM, SnPUR u SnMIX huwa magħmul minn żewġ elementi distinti, jiġifieri "Sn" u, rispettivament, "TEM", "PUR" u "MIX".

23     L-ewwel nett, huwa kostanti li l-element "Sn", użat għat-tliet sinjali verbali in kwistjoni, huwa s-simbolu kimiku ta’ l-istann. Issa, il-prodotti kollha li għalihom ir-rikorrenti talbet ir-reġistrazzjoni għandhom "kisja ta’ metall fuq waħda jew żewġ naħat, ta’ stann jew ta’ lega ta’ stann". Għalhekk, il-prodotti kollha li għalihom ir-rikorrenti talbet ir-reġistrazzjoni fihom l-istann u, għaldaqstant, l-element "Sn" huwa deskrittiv ta’ wieħed mill-karatteristiċi tagħhom.

24     It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat is-sinjifikat tat-tieni element li jifforma t-tliet sinjali li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

25     L-ewwel nett, fir-rigward ta’ l-element "TEM", jirreferi – u dan mhuwiex ikkontestat – għall-verb Ingliż "temper" (ittemprat), li jirrigwarda trattament bis-sħana, li jikkostitwixxi karatteristika tal-prodotti in kwistjoni. L-argument tar-rikorrenti li skond dan il-kelma "temper" ma tiddisinjax il-kwalitajiet materjali ta’ prodott iżda proċess ta’ fabbrikazzjoni mhijiex rilevanti. Fil-fatt, l-indikazzjoni tal-proċess ta’ fabbrikazzjoni ta’ prodott jirrigwarda wkoll karatteristika ta’ dan.

26     Għalhekk, l-element "TEM" irid ikun ikkunsidrat bħala deskrittiv ta’ waħda mill-karatteristiċi tal-prodotti in kwistjoni.

27     Wara dan, fir-rigward ta’ l-element "PUR", irid ukoll ikun ikkunsidrat bħala deskrittiv ta’ waħda mill-karatteristiċi tal-prodotti in kwistjoni, jiġifieri l-"purità" tagħhom.

28     Fir-rigward ta’ l-element "MIX", dan jirreferi – u dan mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti – għal taħlit.

29     Għalhekk, dan l-element huwa deskrittiv ta’ waħda mill-karatteristiċi tal-prodotti in kwistjoni, billi jindika li l-prodotti in kwistjoni jew parti minn dawn huma kkostitwiti minn lega ta’ metalli differenti.

30     It-tielet nett, wieħed għandu jipproċedi għall-eżami tas-sinjifikat ta’ kull wieħed minn dawn is-sinjali in kwistjoni.

31     Fil-fatt, għandu jitfakkar li, sabiex trade mark li tkun magħmula minn neoloġiżmu jew minn kelma magħmula minn diversi elementi tkun ikkunsidrata bħala deskrittiva skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, mhuwiex biżżejjed li jiġi kkonstatat karattru deskrittiv għal kull wieħed minn dawn l-elementi. Tali karattru għandu wkoll jiġi kkonstatat għan-neoloġiżmu jew għall-kelma stess (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2004, Campina Melkunie, C‑265/00, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37, u Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 96).

32     Trade mark magħmula minn neoloġiżmu jew minn kelma magħmula minn diversi elementi li kull wieħed minnhom jiddeskrivi l-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija fija nfisha deskrittiva tal-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew servizzi, skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, ħlief jekk tkun teżisti differenza perċettibbli bejn in-neoloġiżmu jew l-kelma u s-sempliċi totalità ta’ l-elementi li jifformawha. Dan jippreżumi li, minħabba l-karattru mhux normali tat-tqegħid flimkien tal-kliem li jirreferi għall-imsemmija prodotti u servizzi, in-neoloġiżmu jew il-kelma joħolqu impressjoni differenti biżżejjed minn dik li tirriżulta mis-sempliċi għaqda ta’ l-indikazzjonijiet li jirriżultaw mill-elementi li jifformawhom, b’tali mod li l-kelma tipprevali fuq it-totalità ta’ l-imsemmija elementi (ara, b’analoġija, is-sentenza Campina Melkunie, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 43, u s-sentenza Koninklijke KPN Nederland, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 104).

33     F’din il-kawża, fir-rigward tas-sinjali SnTEM u SnPUR, mill-annessi ta' mar-risposta ta’ l-UASI jirriżulta, u dan mhux ikkontestat mir-rikorrenti, li fil-qasam tal-prodotti tal-metall bħal dawk in kwistjoni huwa normali li wara t-titolu tal-materjal ikkonċernat tinżied spjegazzjoni fejn tiġi msemmija l-kwalità eżatta tal-materjali użati għal dawn il-prodotti. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, is-sinjali SnTEM u SnPUR mhumiex ikkunsidrati bħala invenzjonijiet lessiċi. Minbarra dan, kif ġustament osserva l-UASI, l-aġġettiv "pur" huwa spiss imqiegħed wara n-nom li jiddeskrivi sabiex jenfasizza l-purezza ta’ dan ta' l-aħħar.

34     Għalhekk, fid-dawl tan-natura tal-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark, il-pubbliku rilevanti mill-ewwel jifhem is-sinjal verbali SnPUR bħala li jiddeżinja prodotti magħmula minn stann pur.

35     F’dak li jirrigwarda s-sinjal verbali SnTEM, minħabba fin-natura tal-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark, il-pubbliku rilevanti, jiġifieri l-ispeċjalisti tal-qasam tal-metallurġija, jifmuh fis-sens li l-prodotti in kwistjoni huwa magħmula minn stann ittemprat. F’dan ir-rigward, l-istess rikorrenti tammetti li wieħed jista' "jara', fis-sinjal, allużjoni vaga għat-trattament termali ta’ l-istann (‘stann ittemprat’)", iżda tqis li s-sinjal ma jistax jinftiehem mill-ewwel f’dan is-sens, qabel it-traduzzjoni tas-simbolu kimiku "Sn" fi stann. Għandu jiġi kkonstatat li l-ispeċjalisti jistgħu jifhmu immedjatament, fir-rigward tal-prodotti in kwistjoni, li "Sn" ifisser l-istann. Fil-fatt, kif jirriżulta mis-siti ta’ l-internet li għalihom l-UASI rrefera fir-risposta tiegħu, mingħajr ma ġie kkontestati fuq dan il-punt mir-rikorrenti, l-użu tas-simboli kimiċi huwa normali fis-settur ikkonċernat.

36     F’dak li jirrigwarda s-sinjal verbali SnMIX, minħabba fin-natura tal-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark, il-pubbliku rilevanti mill-ewwel jifhmu bħala li jiddeżinja prodotti magħmula minn lega ta’ l-istann. Ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li r-rabta bejn is-sinjal SnMIX u l-prodotti in kwistjoni hija vaga jew inċerta wisq sabiex is-sinjal in kwistjoni jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala deskrizzjoni tal-prodotti in kwistjoni. Fil-fatt, is-sempliċi indikazzjoni li din hija lega ta’ l-istann hija biżżejjed sabiex tikkaratterizza l-prodotti in kwistjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li jsir magħruf ma liema metall jew materja oħra ġie mħallat l-istann. Huwa wkoll nieqes mir-rilevanza l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-espressjoni "taħlit ta’ l-istann" jirreferi għall-proċess ta’ fabbrikazzjoni, billi dan ta’ l-aħħar huwa parti mill-karatteristiċi ta’ prodott.

37     Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li s-sinjali verbali SnTEM, SnPUR u SnMIX huma fihom infushom deskrittivi tal-karatteristiċi tal-prodotti in kwistjoni, billi ma teżisti l-ebda differenza perċettibbli bejn dawn is-sinjali u s-sempliċi totalità ta’ l-elementi li jifformawhom. Fil-fatt, fir-rispett tal-prodotti in kwistjoni, it-tqegħid flimkien tal-kliem SnTEM, SnPUR u SnMIX huwa wieħed normali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Campina Melkunie, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 41).

38     F’dak li jirrigwarda s-sinjal SnTEM, il-Bord ta’ l-Appell, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata fil-kawża T‑367/02, ikkonstata li l-ambjenti speċjalizzati jafu s-sinjifikat ta’ l-abbrevjazzjoni "Sn" u li "TEM" hija abrevjazzjoni normali fil-lingwa Ingliża, anke jekk it-tqegħid flimkien ta’ żewġ elementi f'SnTEM ma tistax tkun ċertifikata fir-rigward tal-lessiku. Skond il-punt 24 ta’ l-istess deċiżjoni, l-ambjenti speċjalizzati fis-sinjal verbali SnTEM ma jarawx "neoloġiżmu li jmur kontra r-regoli tal-grammatika", iżda pjuttost abbrevjazzjoni li b’mod ċar tindika li tirrigwarda "tempered tin" (stann ittemprat). Għalhekk, il-Bord ta’ l-Appell ikkonkluda, fil-punt 25 ta’ din id-deċiżjoni, li t-trade mark li għalih saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija purament deskrittiva tal-prodotti in kwistjoni. Raġunament analogu huwa espost fil-punti 24 sa 26 tad-deċiżjoni kkontestata fil-kawża T‑368/02, u fil-punti 24 sa 26 tad-deċiżjoni kkontestata fil-kawża T‑369/02.

39     Għalhekk fid-deċiżjonijiet ikkontestati l-Bord ta’ l-Appell, essenzjalment qies li s-sinjali in kwistjoni huma normali. Konsegwentement, il-Bord ta’ l-Appell ma interpretax ħażin, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs L-UASI (C‑383/99 P, Ġabra p. I‑6251), fir-rigward tat-trade mark verbali BABY-DRY, meta jiġi meqjus li f’din il-kawża huwa paċifiku li t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ma jikkostitwixxux invenzjonijiet lessiċi.

40     Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-espressjonijiet SnTEM, SnPUR u SnMIX mhumiex użati biex jiddeżinjaw la l-istess prodotti intermedji, la waħda mill-karatteristiċi essenzjali u lanqas il-kwalità li tirriżulta mit-trattament li għalih huma suġġetti, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li mhuwiex neċessarju li s-sinjali jew indikazzjonijiet li jifformaw it-trade mark, previsti mill-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, ikunu effettivament użati, fil-mument ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, għal għanijiet deskrittivi ta’ prodotti bħal dawn li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew għal karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti. Huwa biżżejjed li dawn is-sinjali u indikazzjonijiet ikunu jistgħu jintużaw għal tali għanijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza Campina Melkunie, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 38), u dan jirriżulta b'mod xieraq mid-dokumenti, li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, ppreżentati mill-UASI lill-Qorti tal-Prim’Istanza.. Ir-rikorrenti lanqas ma tista' tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Jannar 2001, Wrigley vs L-UASI (DOUBLEMINT) (T‑193/99, Ġabra p. II‑417), annullata mis-sentenza L-UASI vs Wrigley, iċċitata iktar ‘il fuq, billi huwa biżżejjed li s-sinjal in kwistjoni jiddeżinja, għallinqas f’wieħed mis-sinjifikati potenzjali tiegħu, karatteristika tal-prodotti jew servizzi kkonċernati (ara s-sentenza L-UASI vs Wrigley, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 32, u, b’analoġija, is-sentenza Campina Melkunie, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 38).

41     L-argument tar-rikorrenti li jgħid li jeżistu espressjonijiet oħra biex jiddeżinjaw l-istess karatteristiċi tal-prodotti tagħha mhuwiex aċċettabbli. Mhuwiex rilevanti jekk jeżistux jew le sinonimi li jippermettu li jiġu ddeżinjati l-istess karatteristiċi ta’ prodotti jew servizzi msemmija fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 jipprevedi li, sabiex taqa’ taħt ir-raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni indikata, it-trade mark trid tkun magħmula "esklużivament" minn sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu sabiex jindikaw karatteristiċi ta’ prodotti jew servizzi kkonċernati, min-naħa l-oħra, huwa ma jeħtieġx li tali sinjali jew indikazzjonijiet ikunu l-uniku mod ta’ identifikazzjoni ta’ tali karatteristiċi (ara, b’analoġija, is-sentenzi Campina Melkunie, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 42, u Koninklijke KPN Nederland, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 57 u 101).

42     Mill kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar 'il fuq jirriżulta li s-sinjali verbali SnTEM, SnPUR u SnMIX jistgħu jservu, skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, f’għajnejn il-pubbliku rilevanti, biex jiddeżinjaw karatteristiċi essenzjali tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kategoriji li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

43     Konsegwentement, il-Bord ta’ l-Appell ma kisirx l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, meta kkunsidra li s-sinjali verbali SnTEM, SnPUR u SnMIX ma jistgħux jiġu rreġistrati bħala trade marks Komunitarji.

44     Għalhekk, l-ewwel raġuni tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li jinstema’ x-xhud invokat mir-rikorrenti.

45     F’dak li jirrigwarda t-tieni raġuni, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94, huwa biżżejjed li waħda mir-raġunijiet għal rifjut elenkati tkun tapplika sabiex is-sinjal ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja [is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs L-UASI, C‑104/00 P, Ġabra p. I‑7561, punt 29; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs L-UASI (Giroform), T‑331/99, Ġabra p. II‑433, punt 30, u tas-27 ta’ Novembru 2003, Quick vs L-UASI (Quick), T‑348/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37].

46     Barra minn hekk, skond il-ġurisprudenza, trade mark verbali deskrittiva tal-karatteristiċi ta’ prodotti u ta’ servizzi, fis-sens l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, hija, minħabba f'dan, bilfors nieqes mill-karattru distintiv fir-rigward ta’ l-istess prodotti jew servizzi, fis-sens l-Artikolu 7(1)(b) (ara, b’analoġija, is-sentenza Campina Melkunie, iċċitata iktar il-fuq, punt 19, u s-sentenza Koninklijke KPN Nederland, iċċitata iktar il-fuq, punt 86).

47     F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni raġuni tar-rikorrenti, ibbażata fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma tistax tiġi milqugħa.

48     Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

49     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet ta’ l-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Legal

Tiili

Vilaras

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Jannar 2005.

H. Jung

 

      H. Legal

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-proċedura: il-Ġermaniż.

Top