SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Diċembru 2012 ( *1 )

“Politika Agrikola Komuni — Sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll — Tnaqqis jew esklużjoni minn pagamenti fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ kundizzjonalità — Responsabbiltà għal atti ta’ terzi”

Fil-Kawża C-11/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-College van Beroep voor het Bedrijfsleven (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Jannar 2012, fil-proċedura

Maatschap L.A. en D.A.B. Langestraat en P. Langestraat-Troost

vs

Staatssecretaris van Economische Zaken, Landbouw en Innovatie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, J.-J. Kasel u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Olandiż, minn C. S. Schillemans u C. Wissels, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Burggraaf u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Maatschap L.A. en D.A.B. Langestraat en P. Langestraat-Troost (iktar ’il quddiem il-“Maatschap”) u Staatssecretaris van Economische Zaken, Landbouw en Innovatie (iktar ’il quddiem “Staatssecretaris”) dwar it-tnaqqis tal-għajnuna li ngħatatilha abbażi tal-politika agrikola komuni.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003

3

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269) fil-forma oriġinali tiegħu, kien jipprovdi:

“Fejn il-kondizzjonijiet amministrattivi statutarji jew il-kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba mhumiex osservati, bħala riżultat ta’ azzjoni jew ommissjoni direttament attribwita lill-bidwi individwali, l-ammont totali ta’ pagamenti diretti li ser jingħataw fis-sena kalendarja li fiha seħħ in-nuqqas ta’ osservanza, u wara l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 10 u 11, għandhom jitnaqqsu jew jiġu kanċellati skond ir-regoli dettaljati stabbiliti taħt l-Artikolu 7.”

4

Wara l-1 ta’ April 2008, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 146/2008, tal-14 ta’ Frar 2008 (ĠU L 46, p. 1), jinqara kif ġej:

“Meta l-kondizzjonijiet amministrattivi statutarji jew il-kondizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin ma jiġux osservati fi kwalunkwe ħin matul sena kalendarja partikolari, (minn issa ’l quddiem imsejħa ‘is-sena kalendarja kkonċernata’), u n-nuqqas ta’ konformità in kwistjoni ikun ir-riżultat ta’ att jew ommissjoni attribwita direttament lill-bidwi li jkun li jkun ippreżenta applikazzjoni għall-għajnuna tul is-sena kalendarja kkonċernata, l-ammont totali tal-pagamenti diretti li għandu jingħata lil dak il-bidwi, wara l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 10 u 11, għandu jitnaqqas jew ikun ikkanċellat skond ir-regoli dettaljati stabbiliti fl-Artikolu 7.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll meta, in-nuqqas ta’ konformità in kwistjoni ikun ir-riżultat ta’ att jew ommissjoni attribwita direttament lill-persuna li lilha jew mingħandha tkun ġiet trasferita l-art agrikola.

[...]

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, ‘trasferiment’ tfisser kwalunkwe tip ta’ trasferiment li bih l-art agrikola ma tibqax għad-dispożizzjoni ta’ min jagħmel it-trasferiment.”

5

Ir-Regolament Nru 1782/2003 tħassar sa mill-1 ta’ Jannar 2009 bir-Regolament Nru 73/2009.

Ir-Regolament Nru 146/2008

6

Il-premessi 2 u 3 tar-Regolament Nru 146/2008 huma fformulati kif ġej:

“(2)

L-Artikolu 44(3) tar-Regolament [Nru 1782/2003] jipprevedi li l-bdiewa għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tagħhom għal perijodu ta’ mill-anqas 10 xhur il-biċċiet ta’ art li jikkorrispondu għall-ettari eliġibbli. L-esperjenza wriet li din il-kondizzjoni tirriskja li tirrestrinġi l-funzjonament tas-suq ta’ l-artijiet, u toħloq ħidma amministrattiva sinifikanti għall-bdiewa u s-servizzi amministrattivi involuti. Minkejja dan, sabiex jiġi żgurat li ma jsirux talbiet doppji għall-istess art għandha tiġi stabbilita data li fiha l-biċċiet ta’ art għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-bidwi. Ikun xieraq li l-Istati Membri jiddeterminaw dik id-data li m’għandhiex tkun aktar tard mid-data stabbilita għall-emenda ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna. L-istess regola għandha tapplika wkoll għall-Istati Membri li japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku skond l-erja.

(3)

Bħala konsegwenza tat-tnaqqis tal-perijodu li matulu l-bidwi għandu jżomm għad-dispożizzjoni tiegħu l-biċċiet ta’ art korrispondenti għall-ettaru eliġibbli għal jum wieħed kemm għall-iskema ta’ pagament uniku kif ukoll għall-iskema ta’ pagament uniku skond l-erja, ir-regoli dwar ir-responsabbiltà taħt il-kondizzjonalità b’mod partikolari fil-każ tat-trasferiment ta’ l-art matul is-sena kalendarja kkonċernata, għandhom ikunu ċċarati. Għaldaqstant għandu jkun iċċarat li l-bidwi li jippreżenta applikazzjoni għall-għajnuna għandu jinżamm responsabbli lejn l-awtorità kompetenti fir-rigward ta’ kwalunkwe nuqqas li jissodisfa l-ħtiġiet ta’ kondizzjonalità fis-sena kalendarja kkonċernata għall-art agrikola kollha ddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna. Dan m’għandux jeskludi arranġamenti ta’ dritt privat bejn il-bidwi kkonċernat u l-persuna li lilha jew li mingħandha ġiet trasferita l-art agrikola.”

Ir-Regolament (KE) Nru 796/2004

7

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema tal-amministrazzjoni integrata u l-kontroll provduti taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità provduta taħt ir-Regolament (KE) Nru 479/2008 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1266/2008, tas-16 ta’ Diċembru 2008 (ĠU L 338, p. 34), jirrigwarda l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tas-sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli marbuta mal-kundizzjonalità.

8

Skont il-premessi 56 u 57 ta’ dan ir-regolament:

“(56)

Is-sistema ta’ tnaqqis u esklużjonijiet maħsuba fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 fir-rigward tal-konformità mal-obbligi iżda tħares lejn miri differenti, jiġifieri biex tistabbilixxi inċentiv għall-bdiewa li jħarsu l-leġislazzjoni, diġà eżistenti, fl-oqsma differenti tal-konformità.

(57)

It-tnaqqis u l-esklużjonijiet għandhom jiġu stabbiliti wara li jingħata kont tal-prinċipju tal-proporzjonalità u, fil-każ ta’ kriterji ta’ eliġibilità, il-problemi speċjali marbuta ma’ każi ta’ forza maġġuri kif ukoll ċirkostanzi eċċezjonali u naturali. Fil-każ ta’ obbligi ta’ konformità it-tnaqqis u l-esklużjonijiet jistgħu jiġu biss applikati fejn il-bidwi jkun aġixxa bi traskuraġni jew xjentement. It-tnaqqis u l-esklużjonijiet għandhom jiġi gradati skond il-gravità u l-irregolarità kommessa u jistgħu jwasslu sal-esklużjoni totali minn skema waħda jew diversi ta’ għajnuna għal perjodu speċifiku. Dawn għandhom, fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibilità, jagħtu kont tal-karatteristiċi tal-iskemi varji ta’ għajnuna.”

Ir-Regolament Nru 73/2009

9

Il-premessa 3 tar-Regolament Nru 73/2009 tiddikjara:

“Ir-Regolament (KE) Nr 1782/2003 stabbilixxa l-prinċipju li l-bdiewa li ma jikkonformawx ma’ ċerti ħtiġiet fl-oqsma tas-saħħa tal-pubbliku, tal-annimali u tal-pjanti, u l-ambjent u l-benessri tal-annimali huma soġġetti għal tnaqqis jew għal esklużjoni minn appoġġ dirett. Din is-sistema ta’ ‘kundizzjonalità’ tifforma parti integrali mill-appoġġ Komunitarju taħt il-pagamenti diretti u għalhekk għandha tinżamm. Madankollu, l-esperjenza turi li għadd ta’ ħtiġiet fl-ambitu tal-kundizzjonalità m’humiex rilevanti biżżejjed għall-attività agrikola jew l-art agrikola jew jikkonċernaw aktar l-awtoritajiet nazzjonali milli l-bdiewa. Għaldaqstant huwa xieraq li l-ambitu tal-kundizzjonalità jiġi aġġustat.”

10

L-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 73/2009, intitolat “Tnaqqis jew esklużjoni minn pagamenti fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-kundizzjonalità”, huwa fformulat kif ġej:

“Fejn fi kwalunkwe żmien f’sena kalendarja partikolari (minn hawn ’il quddiem imsejħa “is-sena kalendarja konċernata”) ma ssirx konformità mal-kundizzjonjiet amministrattivi statutorji u l-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba, u n-nuqqas ta’ konformità msemmi jkun ir-riżultat ta’ att jew ta’ nuqqas direttament marbut mal-bidwi li kien ippreżenta l-applikazzjoni għall-għajnuna fis-sena kalendarja konċernata, l-ammont totali ta’ pagamenti diretti li ngħata jew għandu jingħata lil dak il-bidwi, [...] għandhu jitnaqqas jew jiġi eskluż f’konformità mar-regoli dettaljati stipulati fl-Artikolu 24.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika ukoll fejn in-nuqqas ta’ konformità fil-kwistjoni jkun ir-riżultat ta’ att jew nuqqas marbut direttament ma’ dik il-persuna lil min jew minn ġiet ittrasferita l-art agrikola.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, ‘trasferiment’ tfisser kull tip ta’ transazzjoni li permezz tagħha l-art agrikola tieqaf milli tkun għad-dispożizzjoni ta’ dak li qed jittrasferixxi.

B’deroga mit-tieni subparagrafu, mill-2010, fejn il-persuna li lilha l-att jew ommissjoni huma attribwibbli direttament ippreżentat applikazzjoni għall-għajnuna fis-sena kalendarja kkonċernata, it-tnaqqis jew esklużjoni għandhom ikunu applikati għall-ammonti totali ta’ pagamenti mogħtija jew li għandhom jingħataw lil dik il-persuna.”

11

L-Artikolu 24 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Regoli dettaljati dwar tnaqqis u esklużjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli ta’ kundizzjonalità”, jipprovdi:

“1)   Regoli dettaljati għat-tnaqqis u l-esklużjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23 għadhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 141(2). F’dan il-kuntest, għandhom jiġu meqjusa s-severità, il-firxa, il-permanenza u r-repetizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità li jirriżulta kif ukoll il-kriterji mniżżla fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.   F’każ ta’ negliġenza, il-perċentwali tat-tnaqqis m’għandux jaqbeż il-5 % u, 15 % fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità repetittiv.

[...]

3.   Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza intenzjonali, bħala prinċipju l-perċentwali ta’ tnaqqis m’għandux ikun inqas minn 20 % u jista’ jwassal saħansitra għal esklużjoni totali minn waħda jew aktar mill-iskemi ta’ għajnuna varji u dan ikun japplika għal sena kalendarja waħda jew aktar.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Il-kumpannija L. Oosthoek en J. P. Groen (iktar ’il quddiem “Oosthoek/Groen”) kriet porzjon ta’ art agrikola lil Maatschap sabiex din tal-aħħar tikkultiva l-basal. Il-kirja kienet tinkludi kundizzjoni li tippermetti lil Oosthoek/Groen tkompli taħdem dan il-porzjon u li tferrex ammont ta’ fertilizzant. Il-partijiet ftiehmu li l-kirja kienet tibda mill-1 ta’ Jannar 2009, iżda l-kerrejja, il-Maatschap, kellu jkollha t-tgawdija effettiva tal-imsemmi porzjon biss wara li dan jinħadem.

13

Effettivament, Oosthoek/Groen xerrdet il-fertilizzant fuq il-porzjon inkwistjoni, iżda l-art ma nħadmitx skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal użu tal-fertilizzant li jipproduċi inqas emissjonijiet. Oosthoek/Groen ġiet immultata f’dan is-sens.

14

Il-Maatschap, li ħadet il-pussess tal-imsemmi porzjon fil-bidu tax-xahar ta’ Marzu 2009, ressqet applikazzjoni għal pagamenti diretti għas-sena 2009, b’mod partikolari fuq il-porzjon inkwistjoni. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju hija saret taf bil-ksur imwettaq minn Oosthoek/Groen biss permezz ta’ ittra tal-iStaatssecretaris, tat-23 ta’ Novembru 2009, li tħabbar tnaqqis eventwali tal-pagamenti diretti għal raġuni ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali minħabba n-nuqqas ta’ użu ta’ fertilizzant li jipproduċi inqas emissjonijiet.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, l-iStaatssecretaris applika tnaqqis ta’ 20 % mill-pagamenti diretti lil Maatschap għal ksur tal-kundizzjonijiet statutorji fil-qasam tal-agrikoltura minħabba dan il-ksur. Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Marzu 2010, il-Maatschap ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ April 2010, l-iStaatssecretaris iddikjara dan l-ilment infondat. Għalhekk, il-Maatschap ippreżentat rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

16

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li Oosthoek/Groen għandha titqies bħala ċ-ċessjonarja tal-art agrikola, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 73/2009. Konsegwentement, il-pagamenti diretti fil-konfront tal-Maatschap għandhom jitnaqqsu jew jiġu esklużi minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet stautorji fil-qasam tal-agrikoltura li kien oriġina minn Oosthoek/Groen. Din il-qorti tqis li d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-uffiċjali tal-imsemmija kumpannija lid-dipartiment ta’ ispezzjoni ġenerali tiġġustifika konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza intenzjonali min-naħa tagħha ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

17

Peress li ma rrilevat l-ebda tort min-naħa tal-Maatschap fil-ksur imwettaq minn Oosthoek/Groen, madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha ċerti dubji dwar il-possibbiltà li jiġi applikat it-tnaqqis fil-pagamenti diretti lil Maatschap, li ma kinitx il-kawża tal-ksur, minħabba nuqqas ta’ osservanza intenzjonali tal-kundizzjonijiet statutorji fil-qasam tal-agrikoltura.

18

B’mod partikolari hija tirrileva li, skont il-premessi 56 u 57 tar-Regolament Nru 796/2004, l-iskop tas-sistema ta’ tnaqqis u ta’ esklużjonijiet huwa li l-bdiewa jiġu mħeġġa jirrispettaw il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-varji oqsma tal-kundizzjonalità, u li din is-sistema hija stabbilita fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalhekk, minn naħa, it-tnaqqis u l-esklużjonijiet jistgħu jiġu applikati biss meta l-bidwi jkun negliġenti jew aġixxa intenzjonalment u, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu adattati skont il-gravità tal-irregolarità mwettqa.

19

Skont il-qorti tar-rinviju, jeżistu żewġ interpretazzjonijiet possibbli tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 73/2009, jiġifieri jew li l-tort imwettaq minn Oosthoek/Groen għandu jiġi attribwit direttament lill-Maatschap, jew li huwa biss n-nuqqas ta’ osservanza, fih innifsu, tal-kundizzjonijiet statutorji fil-qasam tal-agrikoltura li għandu jiġi imputat lil din tal-aħħar.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jiġi impost tnaqqis jew esklużjoni fuq il-bidwi li ressaq talba għal għajnuna, bħal dak li jiġi impost, għan-nuqqas ta’ konformità kkonstatat, fuq il-veru persuna li wettqet il-ksur, li lilha jew permezz tagħha l-art ġiet ittrasferita, jekk din il-persuna li wettqet il-ksur kienet ressqet hija stess it-talba? Jew id-dispożizzjoni tfisser biss li n-nuqqas ta’ konformità kkonstatat huwa imputat lil dik il-persuna li ressqet it-talba għal għajnuna iżda li l-livell ta’ negliġenza, ta’ tort jew ta’ dolus tal-bidwi stess għadhom iridu jiġu ddeterminati sabiex tittieħed deċiżjoni dwar (ir-rata) tat-tnaqqis jew tal-esklużjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

21

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 73/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità min-naħa tal-benefiċjarju jew taċ-ċessjonarju tal-art agrikola li jimplika t-tnaqqis fl-ammont totali ta’ pagamenti diretti jew l-esklużjoni ta’ dawn il-pagamenti għandux ikun integralment imputat lill-bidwi li ppreżenta l-applikazzjoni għall-għajnuna.

22

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 73/2009 jipprovdi tnaqqis tal-ammont totali ta’ pagamenti diretti mogħtija jew li għandhom jingħataw lill-bidwi li ppreżenta applikazzjoni għall-għajnuna meta l-kundizzjonijiet amministrattivi statutarji jew il-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba ma jiġux osservati f’kull ħin matul is-sena kalendarja li abbażi tagħha tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-għajnuna.

23

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tal-imsemmi regolament, it-tnaqqis tal-ammont totali ta’ pagamenti diretti huwa previst anki meta s-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza inkwistjoni tkun dovuta għal xi azzjoni jew ommissjoni direttament imputabbli lill-benefiċjarju jew liċ-ċessjonarju tal-art agrikola.

24

Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija ċara sa fejn tikkonċerna l-imputazzjoni lil bidwi li ppreżenta applikazzjoni għall-għajnuna f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità mill-benefiċjarju jew miċ-ċessjonarju tal-art agrikola. Madankollu, ir-Regolament Nru 73/2009 ma jippreċiżax jekk il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ element intenzjonali imputabbli lill-benefiċjarju jew liċ-ċessjonarju għandhiex tkun ukoll imputabbli lil dan il-bidwi.

25

F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 796/2004 jippreċiża li r-rata ta’ tnaqqis applikabbli f’każ ta’ negliġenza tal-bidwi tvarja bejn il-1 % u l-15 %. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn it-tnaqqis ikun impost bħala riżultat ta’ att intenzjonali tal-bidwi, din ir-rata tvarja, bħala prinċipju, bejn l-20 % u l-100 %.

26

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 73/2009 ma tippermettix, waħedha, li tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

27

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandux jiġi kkunsidrat biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Beneo-Orafti, C-150/10, Ġabra p. I-6843, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Issa, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li r-“regola ta’ għaxar xhur”, li tinsab fl-Artikolu 44(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, li tgħid li, sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw applikazzjoni għall-għajnuna, il-bdiewa jkunu meħtieġa li jżommu għad-dispożizzjoni tagħhom il-porzjonijiet ta’ art li jikkorrispondu għall-ettari eliġibbli għall-perijodu ta’ mill-inqas għaxar xhur, kienet tnaqqset għal jum wieħed biss mir-Regolament Nru 146/2008. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li l-bidwi jkollu porzjon ta’ art fid-data ta’ referenza sabiex jikseb il-pagament dirett għas-sena li matulha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-għajnuna.

29

Kif jirriżulta mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 146/2008, din is-simplifikazzjoni tar-regoli ta’ eliġibbiltà kienet intiża sabiex tnaqqas il-piż amministrattiv kemm għall-bdiewa kif ukoll għall-awtoritajiet ikkonċernati.

30

Jirriżulta wkoll li porzjon speċifiku ta’ art jista’ jkun, b’mod iktar faċli, suġġett għal trasferiment matul sena kalendarja, li jista’ jkollu bħala konsegwenza ż-żieda ta’ probabbiltà li l-bidwi li ppreżenta talba għall-għajnuna ma jkunx ħadem l-art huwa stess.

31

Fit-tieni lok, l-abbandun tar-“regola ta’ għaxar xhur” wasslet għal emenda tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 bir-Regolament Nru 146/2008, peress li din id-dispożizzjoni kienet ġiet riprodotta mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 73/2009, li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-bidwi f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ kundizzjonalità, filwaqt li żżid li bidwi li jippreżenta applikazzjoni għall-għajnuna abbażi ta’ porzjon ta’ art, jibqa’ responsabbli għal dan, f’każ ta’ trasferiment ta’ dan il-porzjon matul is-sena kollha li għaliha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-għajnuna.

32

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 73/2009 ma jagħmilx distinzjoni bejn il-każijiet ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità dovuti, minn naħa, għan-negliġenza u, min-naħa l-oħra, għall-att intenzjonali tal-benefiċjarju jew taċ-ċessjonarju tal-art agrikola. Għalhekk, l-imputazzjoni, lill-bidwi li ppreżenta applikazzjoni għall-għajnuna, ta’ konsegwenzi ta’ att imwettaq mill-benefiċjarju jew miċ-ċessjonarju tal-art agrikola ma tistax tiġi eskluża.

33

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 73/2009 għandha tingħata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni invokata iktar ’il fuq.

34

Mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 146/2008 jirriżulta li s-simplifikazzjoni tal-aċċess għall-pagamenti diretti tippermetti lill-bdiewa li jirrikorru b’mod iktar faċli għall-għajnuna fis-settur agrikolu. Barra minn hekk, il-premessa 3 tar-Regolament Nru 73/2009 tfakkar li, l-għoti tal-għajnuna huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju tal-għajnuna jirrispetta r-regoli tal-kundizzjonalità.

35

Konsegwentement, is-sanzjoni applikabbli f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija regoli tikkostitwixxi strument amministrattiv speċifiku li jifforma parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna fis-settur agrikolu u hija intiż li tiżgura l-osservanza ta’ dawn l-istess regoli.

36

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat għal diversi drabi li r-regoli li nkisru huma indirizzati biss lill-operaturi ekonomiċi li bil-libertà kollha għażlu li jirrikorru għal skema ta’ għajnuna fil-qasam agrikolu (ara s-sentenzi, tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et, 137/85, Ġabra p. 4587, punt 13; tas-27 ta’ Ottubru 1992, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-240/90, Ġabra p. I-5383, punt 26; tal-11 ta’ Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister, C-210/00, Ġabra p. I-6453, punt 41, kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2012, Bonda, C-489/10, punt 30).

37

Minn dan isegwi li l-bidwi li jirċievi l-għajnuna, anki jekk ma għandux it-tgawdija effettiva tal-porzjon ta’ art li fuqha huwa talab il-pagament dirett matul is-sena kalendarja kollha, għandu jassumi r-riskju tal-imputazzjoni ta’ każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ kundizzjonalità fuq dan il-porzjon dovut kemm għan-negliġenza kif ukoll għal att intenzjonali mill-benefiċjarju jew miċ-ċessjonarju tal-imsemmi porzjon, li jistgħu jwassal għal tnaqqis tal-ammont totali tal-pagamenti diretti jew għall-esklużjoni tal-għajnuna tagħhom. Għalhekk, dan il-bidwi jista’ jinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq mill-benefiċjarju jew miċ-ċessjonarju tal-art agrikola inkwistjoni, inkluż għall-konsegwenzi tal-atti intenzjonali.

38

Madankollu, il-premessa 57 tar-Regolament Nru 796/2004 tiddikjara li t-tnaqqis fl-ammont totali tal-pagamenti diretti u l-esklużjonijiet tal-benefiċċju tagħhom għandhom jiġu stabbiliti fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalhekk, hemm lok li jiġi vverifikat jekk is-soluzzjoni adottata fil-punt preċedenti tosservax dan il-prinċipju.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-motivi implementati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu kapaċi jilħqu l-għanijiet intiżi u li, sabiex jintlaħqu, ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Association Kokopelli, C-59/11, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Mill-punti 34 sa 37 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-responsabbiltà tal-bidwi li jippreżenta applikazzjoni għall-għajnuna fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ kundizzjonalità dovut kemm għan-negliġenza kif ukoll għal att intenzjonali tal-benefiċjarju jew taċ-ċessjonarju tal-art agrikola, tippermetti li jintlaħaq l-għan li fuqu hija bbażata s-sistema ta’ tnaqqis tal-ammont totali tal-pagamenti diretti u ta’ esklużjonijiet tal-benefiċċju tagħhom, kif imfakkar fil-premessa 3 tar-Regolament Nru 73/2009, jiġifieri l-integrazzjoni ta’ standards bażiċi fis-settur tal-ambjent, tas-sigurtà tal-ikel, tas-saħħa u tal-benesseru tal-annimali kif ukoll kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin fl-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq.

41

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali responsabbiltà tal-bidwi li ppreżenta applikazzjoni għall-għajnuna tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan, għandu jiġi rrilevat li l-bidwi li jirċievi l-għajnuna jibqa’ l-uniku wieħed responsabbli fil-konfront tal-awtoritajiet. Madankollu, kif argumentaw ġustament il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni Ewropea, xejn ma jżomm lill-partijiet f’kuntratt ta’ ċessjoni ta’ art agrikola milli jiftiehmu bejniethom fuq dispożizzjonijiet iktar preċiżi dwar ir-riskji finanzjarji ta’ kuntratt bħal dan, inkluż ir-riskju ta’ tnaqqis eventwali jew esklużjoni tas-sussidji agrikoli. Barra minn hekk, anki fin-nuqqas ta’ stipulazzjoni bħal din, l-użu tal-mekkaniżmi tad-dritt ċivili li jippermetti li jiġu mħarsa l-interessi tal-bidwi li ppreżenta applikazzjoni għall-għajnuna ma tistax tiġi immedjatament eskluża.

42

Għalhekk, l-imputazzjoni sħiħa ta’ ksur imwettaq mill-benefiċjarju jew miċ-ċessjonarju tal-art agrikola lill-bidwi li ppreżenta applikazzjoni għal għajnuna fuq il-porzjon ta’ art li fuqha ġie kkonstatat in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż.

43

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li jekk il-bidwi li wettqet il-ksur jew il-bidwi li kien fil-pussess tal-porzjon inkwistjoni fid-data ta’ referenza ma jippreżentawx applikazzjoni għall-għajnuna, l-ebda sanzjoni ma tiġi imposta. Fil-fatt, is-sistema ta’ tnaqqis tal-ammont totali tal-pagamenti diretti u tal-esklużjonijiet tal-benefiċċju tagħhom, tikkostitwixxi miżura amministrattiva marbuta ma’ inċentivi fil-forma ta’ pagamenti diretti.

44

Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 73/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ kundizzjonalità mill-benefiċjarju jew miċ-ċessjonarju tal-art agrikola li jimplika t-tnaqqis fl-ammont totali tal-pagamenti diretti jew l-esklużjoni mill-benefiċċju tagħhom għandu jiġi imputat b’mod sħiħ lill-bidwi li ppreżenta l-applikazzjoni għall-għajnuna.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 23(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ kundizzjonalità mill-benefiċjarju jew miċ-ċessjonarju tal-art agrikola li jimplika t-tnaqqis fl-ammont totali tal-pagamenti diretti jew l-esklużjoni mill-benefiċċju tagħhom għandu jiġi imputat b’mod sħiħ lill-bidwi li ppreżenta l-applikazzjoni għall-għajnuna.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.