SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

27 ta’ Novembru 2012 ( *1 )

“Appell — Sistema lingwistika — Avviżi ta’ kompetizzjoni ġenerali għar-reklutaġġ ta’ amministraturi u ta’ assistenti — Pubblikazzjoni kompluta fi tliet lingwi uffiċjali — Lingwa użata għall-eżamijiet — Għażla tat-tieni lingwa fost tliet lingwi uffiċjali”

Fil-Kawża C-566/10 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-2 ta’ Diċembru 2010,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u J. Baquero Cruz, bħala aġenti, assistiti minn A. Dal Ferro, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika tal-Litwanja,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn A. Samoni-Rantou, S. Vodina u G. Papagianni, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, vice-President, A. Tizzano, M. Ilešič, A. Rosas (Relatur), G. Arestis u J. Malenovský, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, U. Lõhmus, C. Toader, J.-J. Kasel, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Taljana titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Settembru 2010, L-Italja vs Il-Kummissjoni (T-166/07 u T-285/07, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din il-qorti ċaħdet ir-rikors li kienet ippreżentat għall-annullament tal-avviżi ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/94/07 biex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva ta’ Amministraturi (AD5) fil-qasam tal-informazzjoni, tal-komunikazzjoni u tal-medja (ĠU 2007, C 45 A, p. 3), EPSO/AST/37/07, biex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva ta’ Assistenti (AST3) fil-qasam tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni (ĠU 2007, C 45 A, p. 15), u EPSO/AD/95/07 biex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva ta’ Amministraturi (AD5) fil-qasam tal-informazzjoni (Librerija/Dokumentazzjoni) (ĠU 2007, C 103 A, p. 7) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien l-“avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati”.

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1, tal-15 ta’ April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, p. 629, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1”), jipprovdu:

“Artikolu 1

Il-lingwi uffiċjali u l-lingwi użati fil-ħidma ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom ikunu il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonu, il-Finlandiż, il-Franċiz, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

Artikolu 2

Id-dokumenti li Stat Membru jew li persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru jibagħtu lill-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jitfasslu f’kull waħda mil-lingwi uffiċjali magħżula minn min jibgħat [tali dokument]. Ir-risposta għandha titfassal fl-istess lingwa.

Artikolu 3

Id-dokumenti li xi istituzzjoni tal-Komunità tibgħat lil xi Stat Membru jew lil xi persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru għandhom ikunu mfassla fil-lingwa ta’ dak l-Istat.

Artikolu 4

Ir-Regolamenti u dokumenti oħra ta’ applikazzjoni ġenerali għandhom ikunu abbozzati fil-lingwi uffiċjali.

Artikolu 5

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għandu jkun ippubblikat fil-lingwi uffiċjali.

Artikolu 6

L-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jistipulaw fir-regoli ta’ proċedura tagħhom liema minn dawn il-lingwi għandhom jintużaw f’każijiet speċifiċi.”

3

L-Artikolu 1d, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7(1), l-Artikolu 24a u l-Artikoli 27, 28, 29(1) u 45 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdu:

“Artikolu 1d

1.   Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni bbażata fuq kull raġuni, bħas-sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, fatturi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew kull opinjoni oħra, sħubija f’minorita nazzjonali, proprjetà, twelid, disabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali, hija pprojbita.

[…]

6.   Waqt li jkun irrispettat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-prinċipju tal-proporzjonalità, kull limitazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom trid tkun iġġustifikata fuq bażijiet oġġettivi [objettivi] u raġonevoli, u trid tkun immirata lejn oġġetti leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal. It-tali oġġettivi jistgħu partikolarment jiġġustifikaw li tkun stipulata età mandatarja ta’ rtirar u età minima biex tieħu pensjoni ta’ rtirar.”

Artikolu 7

1.   L-Awtorità tal-Ħatra għandha, waqt li taġixxi biss fl-interess tas-servizz u mingħajr kas tan-nazzjonalità, tassenja kull uffiċjal b’ħatra jew trasferiment għall-posizzjoni fil-grupp tal-funzjoni tiegħu li jikkorrospondi mal-grad tiegħu.

[…]

Artikolu 24a

Il-Komunitajiet stess għandha tiffaċilita dak it-taħriġ u struzzjoni addizzjonali għall-uffiċjali kif inhu kompatibbli mal-ħidma tajba tas-servizz u ma’ l-interessi.

L-imsemmi taħriġ u struzzjoni għandu jkun ikkunsidrat għall-iskopijiet ta’ promozzjoni fil-karriera tagħhom.

[…]

Artikolu 27

Ir-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali ta’ l-ogħla livell ta’ kapaċita’, effiċjenza u integrita, magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-Komunitajiet.

L-ebda post ma jkun riservat għal ċittadini ta’ xi Stat Membru speċifiku.

[…]

Artikolu 28

Uffiċjal jista’ jkun appuntat biss bil-kondizzjoni li:

[…]

f)

huwa jipproduċi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mill-lingwi tal-Komunitajiet u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Komunitajiet sal-punt meħtieġ biex iwettaq d-dmirijiet tiegħu.

Artikolu 29

1.   Qabel ma jimtela posizzjoni battala f’istituzzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra għandha [...]

[…]

[tiftaħ i]l-proċedura tal-kompetizzjonijiet, fuq il-bażi jew ta’ kwalifikazzjonijiet jew ta’ eżamijiet, [jew] ta’ kwalifikazzjonijiet kif ukoll ta’ eżamijiet. L-Anness III jippreżenta l-proċedura tal-kompetizzjoni.

Il-proċedura tista’ l-istess tkun segwita għall-iskop biex tkun kostitwita riserva għall-reklutaġġ futur.

[…]

Artikolu 45

1.   Il-promozzjoni tkun b’deċiżjoni mill-Awtorità tal-Ħatra fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 6(2). Tkun effettwata bil-ħatra ta’ l-uffiċjal għall-grad aktar għoli li jmis fil-grupp tal-funzjoni li miegħu jappartjeni. Il-promozzjoni għandha tkun esklussivament bl-għażla fost l-uffiċjali li għamlu perjodu minimu ta’ sentejn fil-grad tagħhom, wara konsiderazzjoni tal-meriti komparabbli ta’ l-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni. Meta tikkunsidra l-meriti għall-paragun, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tikkunsidra partikolarment ir-rapporti dwar' l-uffiċjali, l-użu tallingwi fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tagħhom, għajr il-lingwa li għaliha pproduċew evidenza ta’ għarfien sew, skond l-Artikolu 28(f) u, fejn ikun il-każ, il-livell tarresponsabbiltajiet eserċitat minnhom.

2.   L-uffiċjali għandhom ikunu meħtieġa juru, qabel l-ewwel promozzjoni tagħhom wara r-reklutaġġ, l-abiltà li jaħdmu b’terza lingwa minn fost dawk riferuti fl-Artikolu 314 tat-Trattat tal-KE. L-istituzzjonijiet għandhom jadottaw regoli komuni bil-qbil bejniethom, biex jimplimentaw dan il-paragrafu. Dawn ir-regoli għandhom bżonn aċċess għal taħriġ għall-uffiċjali f’terza lingwa u jniżżlu l-arranġamenti dettaljati għall-istima ta’ l-abiltà ta’ l-uffiċjali li jaħdmu b’terza lingwa, skond l-Artikolu 7(2)(d) ta’ l-Anness III.”

4

L-Artikolu 1(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 7 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdu:

“Artikolu 1

1.   L-avviż tal-kompetizzjonijiet jitħejja mill-awtorità tal-ħatra wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat Konġunt.

Irid jispeċifika:

(a)

l-għamla tal-kompetizzjoni (kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni, kompetizzjoni interna għall-istituzzjonijiet, kompetizzjoni miftuħa, fejn ikun il-każ, komuni għal żewġ istituzzjonijiet jew aktar);

(b)

it-tip ta’ kompetizzjoni (jekk mhux fuq bażi ta’ jew il-kwalifiki jew l-eżamijiet, jew ta’ kemm il-kwalifiki kif ukoll l-eżamijiet);

(ċ)

it-tip ta’ dmirijiet u l-kompiti involuti fil-posizzjoni li għandha timtela;

(d)

skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, id-diplomi u evidenza oħra ta’ kwalifiki formali jew il-livell ta’ esperjenza meħtieġa għall-posizzjonijiet li għandhom jimtlew;

(e)

meta l-kompetizzjoni hija fuq bażi ta’ eżamijiet, x’tip ikunu u kif ikunu mmarkati;

(f)

fejn applikabbli, l-għarfien tal-lingwi meħtieġa minħabba n-natura speċjali tal-posizzjonijiet li għandhom jimtlew;

(g)

fejn ikun il-każ, il-limitu taż-żmien u xi estensjoni tal-limitu taż-żmien fil-każ tal-ħaddiema tal-Komunitajiet li taw mhux anqas minn sena servizz;

(h)

id-data ta’ l-għeluq ta’ l-applikazzjonijiet;

(i)

kull eċċezzjoni skond l-Artikolu 28(a) tar-Regolamenti tal-Persunal.

L-avviż tal-kompetizzjonijiet miftuħa komuni għal żewġ istituzzjonijiet jew aktar jitħejja mill-awtorità tal-ħatra imsemmija fl-Artikolu 2(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat Konġunt komuni.

2.   L-avviż tal-kompetizzjonijiet miftuħa jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej mhux anqas minn xahar qabel id-data ta’ l-għeluq għall-applikazzjonijiet u, fejn ikun il-każ, mhux anqas minn xahrejn qabel id-data ta’ l-eżamijiet.

3.   Il-kompetizzjonijiet kollha jkunu rreklamati ġewwa l-istituzzjonijiet tat-tlett Komunitajiet Ewropej, jitħarsu l-istess limiti ta’ żmien.

[…]

Artikolu 7

1.   L-istituzzjoniet għandhom, wara konsultazzjonijiet mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, jafdaw lill-Uffiċċju ta’ l-Għażla tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej [iktar ’il-quddiem l-“EPSO”] bir-responsabbiltà biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li standards uniformi huma applikati fil-proċeduri ta’ l-għażla ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet, u fl-istima u fil-proċeduri ta’ l-eżami, riferuti fl-Artikoli 45 u 45a tar-Regolamenti tal-Persunal.

2.   Il-kompitu ta’ l-[EPSO] jkun li:

(a)

jorganizza, fuq talba ta’ l-istituzzjonijiet individwali, kompetizzjonijiet individwali [miftuħa];

[…]

(d)

jassumi responsabbiltà ġenerali għad-definizzjoni u l-organizzazzjoni ta’ listima ta’ l-abiltà lingwista, sabiex jiżgura li l-ħtiġijiet ta’ l-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jitħarsu b’mod armoniżżat u konsistenti.

[…]”

5

L-EPSO twaqqaf permezz tad-Deċiżjoni 2002/620/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat u tar-Reġjuni u tal-Ombudsman Ewropew, tal-25 ta’ Lulju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 46). Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-deċiżjoni, l-EPSO għandu jeżerċita s-setgħa tal-għażla mogħtija, b’mod partikolari mill-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, lill-Awtorità tal-Ħatra tal-istituzzjonijiet li jiffirmaw din id-deċiżjoni. L-aħħar sentenza tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2002/620 tipprovdi li kull appell f’dawn l-oqsma għandu jitressaq kontra l-Kummissjoni Ewropea.

6

Ir-rwol tal-EPSO ġie ċċarat mill-Artikolu 7 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, miżjud mir-Regolament Nru 723/2004.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

7

Fit-28 ta’ Frar 2007, l-EPSO ppubblika l-avviżi ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/94/07 u EPSO/AST/37/07 fil-verżjoni Ġermaniża, Ingliża u Franċiża biss tal-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea, sabiex tiġi stabbilita, minn naħa, lista ta’ riżerva intiża sabiex jimtlew pożizzjonijiet vakanti fi ħdan l-istituzzjonijiet ta’ Amministraturi (AD 5) fil-qasam tal-informazzjoni, tal-komunikazzjoni u tal-medja u, min-naħa l-oħra, lista ta’ riżerva intiża sabiex jimtlew pożizzjonijiet vakanti fi ħdan l-istituzzjonijiet ta’ Assistenti (AST 3) fil-qasam tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni.

8

Fit-8 ta’ Mejju 2007, l-EPSO ippubblika l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/95/07 fil-verżjoni Ġermaniża, Ingliża u Franċiża biss tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sabiex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva intiża sabiex jimtlew pożizzjonijiet vakanti, b’mod partikolari fi ħdan il-Parlament Ewropew, ta’ Amministraturi (AD 5) fil-qasam tal-informazzjoni (Librerija/Dokumentazzjoni).

9

Il-punt I A tal-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati, li jirregola l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni għat-testijiet ta’ ammissjoni, kien jipprovdi, taħt it-titolu “Għarfien tal-lingwi”, li l-kandidati kollha ried ikollom għarfien fil-fond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“lingwi uffiċjali”) bħala l-lingwa prinċipali u għarfien sodisfaċenti tal-Ġermaniż, tal-Ingliż jew tal-Franċiż bħala t-tieni lingwa li kellha bilfors tkun differenti mil-lingwa prinċipali. Barra minn hekk, taħt l-stess titolu kien ġie previst li, sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċarezza u l-komprensjoni tat-testi ta’ natura ġenerali u tal-komunikazzjonijiet kollha bejn l-EPSO u l-kandidati, is-sejħiet għad-diversi testijiet u eżamijiet kif ukoll kull korrispondenza bejn l-EPSO jew is-segretarjat tal-kompetizzjoni u l-kandidati kellhom isiru biss bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż. Il-punt I B tal-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati kien jindika, barra minn hekk, li t-testijiet ta’ ammissjoni kienu ser isiru “bil-Ġermaniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż ([it-tieni] lingwa […])”.

10

Il-punt II A tal-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati, dwar in-natura tad-dmirijiet u l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-kompetizzjoni, kien jipprevedi, taħt it-titolu “Għarfien tal-lingwi” li, sabiex jiġu ammessi għall-eżamijiet bil-miktub, il-kandidati ried ikollhom għarfien fil-fond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni bħala l-lingwa prinċipali u għarfien sodisfaċenti tal-Ġermaniż, tal-Ingliż jew tal-Franċiż bħala t-tieni lingwa li kellha bilfors tkun differenti mil-lingwa prinċipali. Barra minn hekk, il-punt II B tal-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati kien jipprevedi li l-eżamijiet bil-miktub kienu ser isiru “bil-Ġermaniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż ([it-tieni] lingwa […])”.

11

Fl-20 ta’ Ġunju 2007 u fit-13 ta’ Lulju 2007 (9) l-EPSO ppubblika żewġ emendi għall-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati fil-verżjonijiet kollha lingwistiċi tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (C 136 A, p. 1, u C 160, p. 14). Fl-emendi ppubblikati fl-20 ta’ Ġunju 2007 ġie indikat li għall-kompetizzjoni EPSO/AD/94/07 il-kandidati ried jew ikollhom grad mill-Università ta’ tliet snin studju fil-qasam ikkonċernat, jiġifieri dak tal-informazzjoni, tal-komunikazzjoni jew tal-medja, jew ikollhom grad mill-Università ta’ tliet snin studju fi kwalunkwe qasam ieħor segwit minn tal-inqas tliet snin esperjenza professjonali f’qasam li huwa relatat man-natura tad-dmirijiet ikkonċernati. Ġie indikat ukoll, għall-kompetizzjoni EPSO/AST/37/07 li kienet meħtieġa esperjenza professjonali ta’ tliet jew sitt snin, skont it-tip ta’ kwalifiki li kellhom il-kandidati. Fl-emendi ppubblikati fit-13 ta’ Lulju 2007, kien indikat li għall-kompetizzjoni EPSO/AD/95/07, il-kandidati ried ikollhom livell universitarju ta’ tliet snin fil-qasam tal-informazzjoni (Librerija/Dokumentazzjoni) jew livell universitarju ta’ tliet snin segwit bi kwalifika speċjalizzata f’dan il-qasam u li ebda esperjenza professjonali ma kienet meħtieġa. Barra minn hekk, iż-żewġ emendi rreferew espressament għall-verżjoni kompluta tal-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati ppubblikati fl-edizzjoni Ġermaniża, Ingliża u Franċiża tal-Ġurnal Uffiċjali u taw terminu ġdid li fih il-kandidati setgħu japplikaw għall-kompetizzjonijiet inkwistjoni.

Ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

12

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Mejju 2007, ir-Repubblika Taljana bdiet kawża għall-annullament tal-avviżi ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/94/07 u EPSO/AST/37/07. Ir-Repubblika tal-Litwanja interveniet insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana f’din il-kawża, irreġistrata bin-numru T-166/07.

13

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Lulju 2007, ir-Repubblika Taljana bdiet kawża għall-annullament tal-avviżi ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/95/07. Ir-Repubblika Ellenika interveniet insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana f’din il-kawża, irreġistrata bin-numru T-285/07.

14

Il-Kawżi T-166/07 u T-285/07 ġew magħquda permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Novembru 2009 għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

15

Ir-Repubblika Taljana kkontestatat, fl-ewwel lok, l-assenza ta’ pubblikazzjoni kompluta tal-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, bil-lingwi uffiċjali l-oħra li ma humiex il-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż u, fit-tieni lok, il-limitazzjoni arbitrarja għal tliet lingwi biss fl-għażla tat-tieni lingwa għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet inkwistjoni, għall-komunikazzjoni kollha mal-EPSO u għall-iżvolġiment tal-eżamijiet.

16

Wara li ċaħdet talba għall-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mressqa mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fl-ewwel lok, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 290 KE u, fit-tieni lok, dak ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 1, 4, 5 u 6 tar-Regolament Nru 1. Fit-tielet lok, hija ddeċidiet fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ multilingwiżmu. Dan il-motiv, maqsum f’żewġ partijiet, kien jirrigwarda fl-ewwel parti tiegħu, il-konformità ma’ dawn it-tliet prinċipji tal-pubblikazzjoni kompluta tal-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż biss. It-tieni parti ta’ dan il-motiv kien jirrigwarda l-konformità ma’ dawn l-istess prinċipji tal-għażla tat-tieni lingwa fost it-tliet lingwi meqjusa għall-partiċipazzjoni għall-kompetizzjoni inkwistjoni, għall-komunikazzjoni kollha mal-EPSO u għall-iżvolġiment tal-eżamijiet. Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex tivverifika jekk il-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tippreġudikax dan il-prinċipju, sa fejn hija tikkontradixxi prattika stabbilita li kienet segwita sa Lulju 2005 li tikkonsisti f’li l-avviżi ta’ kompetizzjoni jiġu mfassla u ppubblikati kompletament fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati u l-użu ħażin ta’ poter.

17

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi u, konsegwentement, ir-rikors għal annullament.

It-talbiet tal-appellanti

18

Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi direttament fuq il-kawża u tannulla l-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

20

Ir-Repubblika Ellenika titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tilqa’ r-risposta b’tali mod li s-sentenza mogħtija fit-13 ta’ Settembru 2010 mill-Qorti Ġenerali fil-Kawżi T-166/07 u T-285/07 tiġi annullata.

21

Ir-Repubblika tal-Litwanja ma ppreżentatx risposta.

Fuq l-appell

22

L-appell huwa bbażat fuq seba’ aggravji.

L-argumenti tal-partijiet

L-ewwel aggravju

23

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu [290 KE] u tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1.

24

Huwa jirrigwarda l-punti 41 u 42 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati ma kinux jiksru l-Artikolu 290 KE, sa fejn ġew adottati mill-Kummissjoni taħt il-kompetenza mogħtija lill-istituzzjonijiet u lill-korpi Komunitarji mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1, li jippermetti espressament lill-istituzzjonijiet jiddeterminaw il-metodu ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika fir-regoli ta’ proċedura tagħhom. Filwaqt li rreferiet b’mod partikolari għall-punt 48 tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Eurojust (C-160/03, Ġabra p. I-2077) u għall-ġurisprudenza ċċitata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet f’dawn l-istess punti li l-istituzzjonijiet għandhom jingħataw ċertu awtonomija funzjonali fl-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija lilhom mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tagħhom.

25

Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 290 KE u l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 billi rrikonoxxiet il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta l-avviżi kkontestati filwaqt li, l-ewwel nett, l-ebda regoli ta’ proċedura ma ġew adottati mill-Kummissjoni sabiex jiġi ddeterminat il-metodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1, it-tieni nett, avviż ta’ kompetizzjoni ma huwiex regola ta’ proċedura u, it-tielet nett, il-Kummissjoni, permezz tal-EPSO, issostitwixxiet ruħha għall-Kunsill billi ppretendiet li tiddeċiedi, permezz ta’ sempliċi prattika amministrattiva, sistema lingwistika f’qasam importanti bħal dak tal-kompetizzjonijiet għall-ammissjoni għal karriera fl-amministrazzjoni tal-Unjoni.

26

Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Ġunju 2010, Pachtitis vs Il-Kummissjoni (F-35/08), sentenza li fil-mument meta r-Repubblika Ellenika ppreżentat ir-risposta tagħha kienet qiegħda tiġi appellata mill-Kummissjoni, li ġiet miċħuda mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Pachtitis (T-361/10 P, Ġabra p. II-8225), ir-Repubblika Ellenika tenfasizza li l-EPSO ma għandux kompetenza jiddetermina l-lingwa ta’ kompetizzjoni, mhux sempliċement għax dan iffisser li jiddetermina s-sistema lingwistika ta’ istituzzjoni, filwaqt li dan jaqa’ fil-kompetenza tal-Kunsill, iżda wkoll peress li l-lingwi jikkostitwixxu “l-kontenut tal-eżamijiet” u jagħmlu parti mill-għarfien li l-evalwazzjoni tiegħu huwa kompetenza tal-Bord tal-Għażla. Hija tistaqsi dwar l-eżistenza ta’ “awtonomija funzjonali”, kif irrilevat fil-punt 41 tas-sentenza appellata, ibbażata fuq l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 u rrikonoxxuta mill-Qorti Ġenerali lill-istituzzjonijiet. Hija tikkonkludi li r-regolament huwa użat sabiex jiġi evitat il-vot unanimu meħtieġ mill-Artikolu 290 KE.

27

Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi. Hija tfakkar li l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet jingħataw ċertu awtonomija funzjonali tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kienet ġusta meta ddeċidiet li l-avviżi ta’ kompetizzjoni huma espressjoni ta’ din is-setgħa ta’ awtoorganizzazzjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni ma adottatx dispożizzjonijiet ta’ proċedura fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 ma huwiex rilevanti peress li din id-dispożizzjoni hija biss espressjoni ta’ setgħa ta’ awtoorganizzazzjoni iktar wiesgħa.

It-tieni aggravju

28

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 1 u 4 sa 6 tar-Regolament Nru 1.

29

Huwa jirrigwarda l-punti 52 sa 57 tas-sentenza appellata. Fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, filwaqt li ċċitat b’mod partikolari l-punt 60 tas-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2005, Rasmussen vs Il-Kummissjoni (T-203/03, ĠabraSP p. I-A-279 u II-1287), il-Qorti Ġenerali fakkret ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li “r-Regolament Nru 1 ma japplikax għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħhom, għaliex dan jistabbilixxi biss is-sistema lingwistika applikabbli bejn l-istituzzjonijiet u Stat Membru jew persuna li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ wieħed mill-Istati Membri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-punt 53 tal-imsemmija sentenza, filwaqt li rreferiet b’mod partikolari għall-punt 13 tas-sentenza tas-7 ta’ Frar 2001, Bonaiti Brighina vs Il-Kummissjoni (T-118/99, ĠabraSP p. I-A-25 u II-97), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li “l-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħra tal-Komunitajiet, kif ukoll il-kandidati għal dawn il-pożizzjonijiet, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Komunitajiet biss” u li, barra minn hekk, “l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 jippermetti espressament li l-istituzzjonijiet jiddeterminaw il-metodu ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika fir-regoli tal-proċedura tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-punt 54 tas-sentenza appellata, hija ġġustifikat l-assimilazzjoni tal-kandidati għal tali pożizzjonijiet mal-uffiċjali u mal-membri tal-persunal l-oħra tal-Komunitajiet, fil-qasam tas-sistema lingwistika applikabbli, bil-“fatt li l-imsemmija kandidati jidħlu f’relazzjoni ma’ istituzzjoni biss bl-għan li jiksbu pożizzjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal li għaliha, ċertu għarfien tal-lingwi huwa meħtieġ u jista’ jkun meħtieġ mid-dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli sabiex timtela l-pożizzjoni inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn dan hija kkonkludiet, fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza li “l-Artikoli 1, 4 u 5 tar-Regolament Nru 1 ma japplikawx għall-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati” u li “l-għażla tal-lingwa ta’ pubblikazzjoni esterna ta’ avviż […] taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

30

Ir-Repubblika Taljana tenfasizza mill-ġdid li ebda regoli ta’ proċedura ma ġew adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1. Barra minn hekk, hija ssostni li avviż ta’ kompetizzjoni huwa test ta’ portata ġenerali fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1, peress li jista’ jinteressa liċ-ċittadini Komunitarji kollha u li, fi kwalunkwe każ, l-avviż huwa l-liġi speċjali tal-kompetizzjoni. Dan huwa kkonfermat mill-Artikolu 1(2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li jimponi l-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ kompetizzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Fl-aħħar nett, dan l-Istat Membru jikkontesta l-assimilazzjoni tal-kandidati għal kompetizzjoni mal-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħra, filwaqt li jenfasizza li kandidat huwa ċittadin tal-Unjoni li għandu dritt fundamentali individwali bbażat fuq id-dritt pubbliku għal aċċess għal pożizzjonijiet tas-servizz pubbliku tal-Unjoni u li meta huwa jitlob li jipparteċipa f’kompetizzjoni sabiex jidħol f’istituzzjoni, huwa jinsab neċessarjament barra mill-Unjoni.

31

Ir-Repubblika Ellenika ssostni li teżisti kontradizzjoni bejn il-punti 41 u 42 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati ġew adottati taħt il-kompetenza mogħtija lill-istituzzjonijiet mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 u l-punti 52 sa 58 ta’ din is-sentenza, li permezz tagħhom hija ċaħdet il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-Artikoli 1 u 4 sa 6 tar-Regolament Nru 1, minħabba li r-regolament ma huwiex applikabbli għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijet tal-Unjoni u l-uffiċjali tagħhom. Skont ir-Repubblika Ellenika, jew ir-Regolament Nru 1 huwa applikabli u, f’dan il-każ, l-Artikolu 6 tiegħu huwa rilevanti, jew ma huwiex. Barra minn hekk hija ssostni li l-punt 60 tas-sentenza Rasmussen, iċċitata iktar ’il fuq, hija sempliċi affirmazzjoni li ma hijiex iġġustifikata u li, permezz ta’ repetizzjoni, saret ġurisprudenza stabbilita.

32

Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żbalji ta’ liġi, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-assimilazzjoni tal-kandidati għal kompetizzjoni mal-uffiċjali diġà fis-servizz. Tali prinċipju jinsab ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tal-proċeduri tar-Regolamenti tal-Persunal għal dawk li jixtiequ dan l-istatus. Barra minn hekk, avviż ta’ kompetizzjoni jiddefinixxi r-regoli applikabli għall-persuni li jkunu kandidati, regoli li jesprimu biss l-interess tas-servizz u għaldaqstant il-bżonnijiet interni tal-istituzzjoni. Tali avviż ma jistax għalhekk jikkostitwixxi test ta’ portata ġenerali.

33

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi obbligi sabiex jiggarantixxi l-ugwaljanza fl-aċċess għall-informazzjoni u ma jesprimix eżiġenzi lingwistiċi ta’ forma li jikkaratterizzaw is-sistema “esterna”, jiġifieri r-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u d-dinja esterna.

It-tielet aggravju

34

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ multilingwiżmu u, b’mod iktar partikolari, il-ksur tal-Artikolu [12 KE], tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 6(3) UE, tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1, tal-Artikolu 1(2) u (3) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal u, fl-aħħar nett, tal-Artikolu 230 KE.

35

Huwa jirrigwarda l-punti 72 sa 91 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar l-ewwel parti ta’ motiv relatat mal-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż kif ukoll mal-pubblikazzjoni tal-emendi għall-imsemmija avviżi ta’ kompetizzjoni f’dan il-Ġurnal bil-lingwi uffiċjali kollha.

36

Fil-punt 72 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li “l-ebda dispożizzjoni u l-ebda prinċipju ta’ dritt Komunitarju ma jimponi li avviżi ta’ kompetizzjoni għandhom jiġu ppubblikati b’mod sistematiku fil-Ġurnal Uffiċjali bil-lingwi uffiċjali kollha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, fil-punt 74 ta’ din is-sentenza hija fakkret li “għalkemm l-amministrazzjoni għandha dritt li tadotta l-miżuri li jidhrilha li huma xierqa sabiex tirregola ċertu aspetti tal-proċedura ta’ reklutaġġ tal-persunal, dawn il-miżuri ma għandhomx iwasslu għal diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa bejn il-kandidati għal pożizzjoni partikolari” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-punt 84 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat “li l-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati ġew ippubblikati, b’mod komplut, bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż biss” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija madankollu kkunsidrat, fil-punt 85 tal-istess sentenza, li ż-żewġ emendi ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha, li informaw lill-pubbliku fil-qosor bl-eżistenza u bil-kontenut tal-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati u li rreferew għall-edizzjoni Ġermaniża, Ingliża u Franċiża sabiex jinkiseb it-test komplut tagħhom “irrimedjaw għan-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati, fil-Ġurnal Uffiċjali, fil-lingwi uffiċjali kollha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, fil-punt 90 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li “l-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati, b’mod komplut, fil-Ġurnal Uffiċjali, bi tliet lingwi biss, segwita minn pubblikazzjoni fil-qosor ta’ emendi għall-imsemmija avviżi, fil-Ġurnal Uffiċjali, bil-lingwi uffiċjali kollha, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa bejn il-kandidati li tmur kontra l-Artikolu 12 KE[, li hija] lanqas ma tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 6(3) UE, li sempliċement jindika li l-Unjoni tirrispetta l-identitajiet nazzjonali[, u li hija] ma tippreġudikax l-Artikolu 22 tal-Karta, peress li barra minn hekk din ma għandhiex saħħa legali vinkolanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

37

Ir-Repubblika Taljana ssostni li, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-emendi għall-avviżi ta’ kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 230 KE, peress li l-legalità ta’ att għandha tiġi evalwata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kliem tiegħu fil-mument meta ġie adottat. Barra minn hekk hija ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-pubblikazzjoni tal-emendi ma ppermettietx li jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tal-avviżi fil-lingwi uffiċjali kollha.

38

Skont ir-Repubblika Taljana, teżisti tawtoloġija fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, inkwantu jippreżumi l-għarfien tat-tliet lingwi minħabba li l-avviżi kienu jipprevedu biss dawn it-tliet lingwi. Issa, kellha tiġi preċiżament iġġustifikata l-limitazzjoni għal tliet lingwi, kif ukoll id-diskriminazzjoni li tirriżulta minn dan.

39

Ir-Repubblika Ellenika ssostni wkoll li l-avviżi ta’ kompetizzjoni kien messhom ġew ippubblikati fil-lingwi uffiċjali kollha u tikkontesta li l-pubblikazzjoni tal-emendi rrimedjat għan-nuqqas inizjali.

40

Il-Kummissjoni tirrileva li l-argumenti żviluppati fil-kuntest ta’ dan l-aggravju ma jimminax ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 72, 73 sa 76 u lanqas 79 sa 81 tas-sentenza appellata, li kien biżżejjed, fil-fehma tagħha, sabiex ikun il-bażi tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza. Fi kwalunkwe każ, l-avviż ta’ kompetizzjoni kellu jiddetta r-rekwiżiti mitluba mill-interess tas-servizz sabiex jiġi evitat li persuni bla kwalifiki jippreżentaw ruħhom inutilment. Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod korrett il-konklużjoni li waslet għaliha u li tipprovdi li l-obbligu tal-istituzzjoni ma huwiex li tippubblika l-avviżi ta’ kompetizzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha, iżda li tiżgura li l-metodu ta’ pubblikazzjoni magħżul ma jkunx sors ta’ diskriminazzjoni bejn il-kandidati.

Ir-raba’ aggravju

41

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tar-regoli dwar in-nondiskriminazzjoni minħabba l-lingwa, tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1 u tal-Artikoli 1d(1) u (6), 27(2) u 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal.

42

Huwa jirrigwarda l-punti 93 sa 105 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar parti minn motiv li kien jikkonċerna l-għażla tat-tieni lingwa fost tliet lingwi għall-parteċipazzjoni għall-kompetizzjonijiet inkwistjoni, għall-komunikazzjoni kollha mal-EPSO u għall-iżvolġiment tal-eżamijiet u kkonkludiet, fl-imsemmi punt 105, li kien hemm lok li tiċħad, fl-intier tiegħu, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ multilingwiżmu.

43

Filwaq li bbażat ruħha fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża li wasslet għas-sentenza Spanja vs Eurojust, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, “li l-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet u tal-korpi Komunitarji jista’ oġġettivament jiġġustifika għażla limitata ta’ lingwi ta’ komunikazzjoni interna” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-punt 94 ta’ din is-sentenza hija fakkret ukoll li l-għażla ta’ waħda jew diversi lingwi uffiċjali fuq livell intern ma tistax tikkomprometti l-ugwaljanza fl-aċċess taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-impjiegi proposti mill-istituzzjonijiet u l-kopri Komunitarji. Madankollu huwa stabbilit, fil-punt 95 tal-imsemmija sentenza “li l-kandidati kollha għall-kompetizzjoni inkwistjoni li kellhom il-kompetenzi lingwistiċi meħtieġa mill-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati setgħu jaċċedu u jipparteċipaw, fl-istess kundizzjonijiet għall-proċeduri ta’ reklutaġġ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-punt 99 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li “r-Repubblika Taljana ma pproduċiet l-ebda element konkret tali li jimmina r-rilevanza tal-għarfien tal-lingwi meħtieġ mill-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati [u li ] konsegwentement hija ma tistax tallega li dan ir-rekwiżit ma huwiex iddettat oġġettivament mill-bżonnijiet tas-servizz” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan il-punt hija rrilevat ukoll li l-assenza ta’ pubblikazzjoni ta’ riferiment inizjali bil-lingwi uffiċjali kollha ma kinitx ta’ żvantaġġ għall-kandidati li l-lingwa prinċipali tagħhom ma kinitx il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż, inkwantu ż-żewġ emendi ppubblikati sussegwentement fetħu mill-ġdid it-terminu sabiex jiġu ppreżentati l-kandidaturi għall-kompetizzjonijiet inkwistjoni. Fl-aħħar nett, fil-punt 101 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għalkemm l-oqsma koperti mill-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati jirrikjedu varjeta kbira ta’ kompetenzi lingwistiċi, il-fatt li l-lingwa prinċipali, li l-għarfien fil-fond tagħha huwa meħtieġ mill-imsemmija avviżi, tista’ tkun kwalunkwe lingwa uffiċjali huwa biżżejjed sabiex tiġi ggarantita varjetà kbira ta’ kompetenzi lingwistiċi fir-reklutaġġ ta’ kandidati li jirrispondu għall-avviżi.

44

Permezz ta’ dan l-aggravju, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-ammissjoni ta’ tliet lingwi uffiċjali biss bħala t-tieni lingwa, għall-komunikazzjonijiet kollha mal-EPSO kif ukoll għall-iżvolġiment tal-eżamijiet tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba l-lingwa, l-ewwel nett fir-rigward tal-lingwi l-oħrajn li ma humiex ikkunsidrati bħala t-tieni lingwa, iżda wkoll fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istati Membri li għandhom għarfien ta’ tieni lingwa uffiċjali iżda li ma hijiex waħda mit-tliet lingwi kkunsidrati. Hija ssostni li l-fakultà, tal-istituzzjonijiet, li jiddeterminaw il-metodu ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika fir-regoli ta’ proċedura tagħhom tikkonċerna biss il-funzjonament intern tal-istituzzjonijiet, u mhux l-iżvolġiment tal-kompetizzjonijiet esterni u li, fi kwalunkwe każ, l-ebda istituzzjoni ma adottat dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward.

45

Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni li, fid-dawl tal-prinċipju tal-projbizzjoni li jiġu rriżervati impjiegi għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru partikolari, prevista fl-Artikolu 27(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-restrizzjonijiet għall-użu tal-lingwi fi ħdan l-istituzzjonijiet għandhom jitqiesu bħala eċċezzjonijiet li għandhom ikunu debitament iġġustifikati. Barra dan, l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal jippreċiża li t-tieni lingwa tista’ tingħażel fost kwalunkwe lingwa tal-Unjoni u ma jipprovdi pożizzjoni privileġġata lill-ebda waħda fostom f’dan ir-rigward. Minn dan, l-imsemmi Stat Membru jiddeduċi li l-lingwi ta’ għażla għandhom ikunu l-iktar newtrali possibbli meta mqabbla mal-kwalifiki mfittxija u dan jippreżumi li l-lingwi kollha tal-Unjoni jistgħu jiġu ammessi. Skont ir-Repubblika Taljana, interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal għandha twassal għall-konklużjoni li sabiex l-evalwazzjoni tal-kwalifiki professjonali, neċessarji għall-finijiet ta’ suċċess fis-selezzjoni, tkun effikaċi u nondiskriminatorja hija ma għandhiex tkun influwenzata b’mod deċiżiv mill-għarfien tal-lingwi tal-kandidat. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 1 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li l-avviż ta’ kompetizzjoni għandu jispeċifika, eventwalment, l-għarfien tal-lingwi meħtieġ min-natura partikolari tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew. Il-limitazzjonijiet li din id-dispożizzjoni tipprevedi huma biss sempliċi eventwalitajiet. Huma għandhom ikunu motivati fl-avviż u jkunu bbażati fuq dak li huwa “meħtieġ biex iwettaq d-dmirijiet tiegħu” u fuq “[i]n-natura speċjali tal-posizzjonijiet li għandhom jimtlew”. Issa, l-avviżi kkontestati ma osservawx dawn ir-regoli.

46

Ir-Repubblika Taljana tikkontesta l-affirmazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 98 u 99 tas-sentenza appellata, li hija ma pprovatx li l-għażla ta’ tliet lingwi bħala lingwi tal-iżvolġiment tal-eżamijiet ma kinitx xierqa fid-dawl tal-għanijiet tal-kompetizzjonijiet inkwistjoni. Hija ssostni li l-oneru tal-prova ma kienx tagħha iżda tal-Kummissjoni, peress li din l-istituzzjoni tinvoka eċċezzjoni għar-regoli li jipprovdu li l-lingwi Komunitarji kollha huma lingwi uffiċjali u lingwi tal-ħidma tal-istituzzjonijiet.

47

Ir-Repubblika Taljana ma tinnegax l-importanza tal-bżonnijiet ta’ organizzazzjoni interna, jew anki tal-prattiki, tal-istituzzjonijiet. Madankollu hija tqis li meta din l-importanza hija riflessa f’limitazzjonijiet għall-possibbiltajiet ta’ espressjoni tal-lingwi taċ-ċittadini Ewropej, hija għandha tiġi invokata fil-kuntest ta’ regoli trasparenti u xierqa. L-istituzzjonijiet għandhom jippreċiżaw in-natura tal-bżonnijiet li jistgħu jwasslu għal limitazzjonijiet ta’ lingwi mhux biss fi ħdan l-istituzzjonijiet, iżda a fortiori fil-kompetizzjonijiet li jagħtu aċċess għalihom, – li ma humiex sempliċi kwistjoni interna tal-istituzzjonijiet –, kif ukoll ir-regoli proċedurali li permezz tagħhom tali limitazzjonijiet jistgħu jiġu imposti. Skont dan l-Istat Membru, l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali bbażat biss fuq l-importanza – mingħajr la jkun magħruf fuq liema livell u lanqas skont liema kriterji – ta’ allegati prattiki de facto ma huwiex aċċettabbli.

48

Il-Kummissjoni tenfasizza li r-Repubblika Taljana ma tikkontestax l-eżistenza ta’ bżonn oġġettiv tal-istituzzjonijiet li jiġġustifika l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni għal tliet lingwi uffiċjali. Hija tfakkar, barra minn hekk, li dawn il-bżonnijiet huma rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza (senteza tal-5 ta’ April 2005, Hendrickx vs Il-Kunsill, T-376/03, ĠabraSP p. I-A-83 u II-379). Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li “l-kandidati kollha għall-kompetizzjoni inkwistjoni li għandhom il-kompetenzi lingwistiċi meħtieġa mill-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati setgħu jaċċedu u jipparteċipaw, fl-istess kundizzjonijiet għall-proċeduri ta’ reklutaġġ” [traduzzjoni mhux uffiċjali], hija konstatazzjoni fattwali li ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarreġ fil-kuntest ta’ appell.

Il-ħames aggravju

49

Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6(3) UE, inkwantu dan l-Artikolu jiddefinixxi l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi bħala dritt fundamentali li jirriżulta minn tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri.

50

Huwa jirrigwarda l-punti 110 sa 115 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dan il-prinċipju. Il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari ddeċidiet, fil-punt 110 ta’ din is-sentenza, li “l-ebda persuna ma tista’ tinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ garanziji preċiżi mogħtija lilha mill-amministrazzjoni” [tradizzjoni mhux uffiċjali] u fil-punt 112 tal-imsemmija sentenza, “li sempliċi prattika […] ma tammontax għal informazzjoni preċiża, bla kundizzjonijiet u konsistenti” fis-sens tal-ġurisprudenza.

51

Ir-Repubblika Taljana ssostni li, billi nnegat l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi minħabba li ma ngħatat l-ebda garanzija, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-portata tal-prattika li ilha teżisti għal għexiren ta’ snin, li l-eżistenza tagħha kienet ikkonstatata mill-Qorti Ġenerali nnifisha, din tal-aħħar kisret il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi. Il-bidla ta’ pożizzjoni, mingħajr avviż minn qabel u mingħajr ġustifikazzjoni, favur użu ta’ tliet lingwi setgħet iddiskriminat lil dawk li raġonevolment kellhom il-ħsieb jaċċedu għal karrieri Ewropej fuq il-bażi tal-kompetenzi lingwistiċi differenti u li sa dan il-mument kienu perfettament leġittimi.

52

Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

Is-sitt aggravju

53

Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu [253 KE], dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti.

54

Huwa jirrigwarda l-punti 125 u 126 tas-sentenza appellata. Fil-punt 125 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret “li r-rwol essenzjali tal-avviż ta’ kompetizzjoni huwa li jinforma lill-persuni kkonċernati bl-iktar mod eżatt possibbli bin-natura tal-kundizzjonijiet stipulati sabiex il-pożizzjoni li dwarha jirrigwarda dan l-avviż timtela bl-għan li b’hekk ikunu f’pożizzjoni li jevalwaw, minn naħa, jekk hemmx lok li jippreżentaw il-kandidatura tagħhom u, min-naħa l-oħra, liema dokumenti ta’ sostenn huma importanti għax-xogħol tal-Bord tal-Għażla u għandhom, konsegwentement, jiġu mehmuża mal-applikazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-punt 126 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali tqis li “ma kienx l-obbligu tal-amministrazzjoni li fl-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati tiġġustifika l-għażla ta’ tliet lingwi bħala t-tieni lingwa għall-parteċipazzjoni għall-kompetizzjonijiet u għall-eżamijiet, peress li huwa stabbilit li [din l-għażla] tissodisfa r-rekwiżiti interni tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

55

Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-Qorti Ġenerali għamlet konfużjoni bejn il-funzjoni tal-avviżi ta’ kompetizzjoni u l-motivazzjoni tagħhom. L-avviżi kienu jimplementaw il-possibbiltajiet ta’ restrizzjonijiet ta’ lingwi mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal u kellhom, għaldaqstant, jindikaw ir-rabta funzjonali preċiża bejn in-natura tal-missjonijiet li riedu jitwettqu jew il-bżonnijiet tas-servizz u r-restrizzjonijiet ta’ lingwa adottati għall-proċedura ta’ selezzjoni. Is-silenzju totali dwar l-eżistenza u n-natura tal-allegati “bżonnijiet interni” ma jippermettix l-istħarriġ tal-għażla tal-Kummissjoni mill-qorti u mid-destinatarji tal-att. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat li l-motivazzjoni dwar il-bżonnijiet korrispondenti tas-servizz setgħet tiġi dedotta mill-preżenza, fl-avviż, ta’ dispożizzjonijiet restrittivi.

56

Il-Kummissjoni tfakkar li l-ħtieġa ta’ motivazzjoni tiddependi fuq in-natura u l-għan tal-att inkwistjoni. Hawnhekk il-każ ma kienx jirrigwarda atti vinkolanti iżda atti informattivi, jiġifieri stediniet għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet. Hija tqis li l-Qorti Ġenerali ma kinitx żbaljata meta kkonkludiet, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li ebda motivazzjoni dwar l-għażla tal-użu ta’ tliet lingwi ma kienet meħtieġa.

Is-seba’ aggravju

57

Is-seba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur ta’ regoli sostantivi inerenti għan-natura u għall-għan tal-avviżi ta’ kompetizzjoni u partikolarment tal-Artikoli 1d(1) u (6), 28(f) u 27(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

58

Huwa jirrigwarda l-punti 128 sa 135 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat fost oħrajn li l-EPSO ma kienx għamel użu ħażin mill-poter peress li ma kienx uża is-sistema lingwistika tal-kompetizzjonijiet għall-finijiet estranji għall-kompetenzi tiegħu. Ir-Repubblika Taljana tikkontesta l-punt 133 ta’ din is-sentenza, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali rrilevat li “l-Bord tal-Għażla huwa marbut bl-avviż tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, bil-kundizzjonijiet għall-ammissjoni stabbiliti minnu” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif ukoll il-punt 134 tal-imsemmija sentenza li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li “EPSO ma jistax jiġi kkritikat li fl-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati ddefinixxa eżiġenzi lingwistiċi li setgħu, bħala kundizzjonijiet għall-ammissjoni, jeskludu ċerti kandidati potenzjali u, b’mod partikolari, li uża metodi ta’ pubblikazzjoni li fil-prattika jostakola l-parteċipazzjoni għall-kompetizzjonijiet inkwistjoni tal-persuni kkonċernati sa fejn huma ma jissodisfawx dawn l-eżiġenzi lingwistiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

59

Skont ir-Repubblika Taljana, l-eżiġenzi lingwistiċi huma distinti mill-eżiġenzi professjonali. L-eżiġenzi lingwistiċi għandhom ikunu mistħarrġa mill-Bord tal-Għażla tal-proċedura ta’ selezzjoni u mhux qabel, mill-korp li jkun ħareġ l-avviż ta’ kompetizzjoni. Ir-restrizzjonijiet preliminari tal-lingwi, jiġifieri dawk previsti fl-avviż ta’ kompetizzjoni, ma jistgħux ikunu aċċettati ħlief jekk ikunu marbuta ma’ bżonnijiet li jkunu pprovati. Issa, f’dan il-każ, fl-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati l-Kummissjoni ma speċifikatx l-iċken eżiġenza lingwistika li tiġġustifika l-limitazzjonijiet, filwaqt li allegat, kif jirriżulta mill-punt 134 tas-sentenza appellata, li l-imsemmija limitazzjonijiet “fil-prattika [kienu] jostakola[w i]l-parteċipazzjoni għall-kompetizzjonijiet inkwistjoni tal-persuni kkonċernati” sa fejn huma ma jissodisfawx l-eżiġenzi lingwistiċi restrittivi imposti mill-avviż. Dan l-Istat Membru jikkonkludi minn dan li, billi ma ddeċidietx li kien l-obbligu tal-Bord tal-Għażla li jevalwa l-kompetenzi lingwistiċi tal-kandidati, peress li l-korp li adotta l-avviż seta’, bħala prevenzjoni, iwettaq selezzjoni preliminari ta’ persuni kkonċernati fuq bażi purament lingwistika, il-Qorti Ġenerali kisret id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u l-prinċipju inerenti fihom li jipprovdi li l-avviżi tal-kompetizzjoni għandhom ifittxu li jivverifikaw, bl-iktar mod wiesa’ possibbli, l-eżistenza tal-kompetenzi lingwistiċi neċessarji sabiex impjiegi fi ħdan l-istituzzjonijiet jimtlew.

60

Il-Kummissjoni tirrileva li r-Repubblika Taljana tirrepeti l-argument diġà żviluppat fl-aggravji l-oħra u tirreferi hija stess għar-risposti tagħha għal dawn il-motivi. Hija tfakkar għal darba oħra li r-Repubblika Taljana ma ddubitatx mir-realtà tas-sitwazzjoni fattwali fl-istituzzjonijiet sa fejn jikkonċerna l-użu ta’ ċerti lingwi sabiex il-komunikazzjoni interna tiġi ffaċilitata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61

Hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, minn naħa, l-ewwel tliet aggravji relatati mal-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati u, min-naħa l-oħra, l-aħħar erba’ aggravji relatati mal-għażla tal-Ġermaniż, Ingliż u Franċiż bħala t-tieni lingwa, bħala l-lingwa ta’ komunikazzjoni mal-EPSO u bħala lingwa tal-eżamijiet tal-kompetizzjonijiet.

Fuq l-ewwel tliet aggravji li jirrigwardaw il-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ kompetizzjoni

62

Skont l-Artikolu 1 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, avviż ta’ kompetizzjoni huwa stabbilit mill-Awtorità tal-Ħatra tal-istituzzjoni li torganizza l-kompetizzjoni, wara li tikkonsulta lill-Kumitat Konġunt, u għandu jispeċifika ċertu informazzjoni dwar il-kompetizzjoni. Sa mid-Deċiżjoni 2002/620, is-setgħat ta’ selezzjoni ddelegati b’mod partikolari f’dan l-anness lill-awtorità tal-ħatra tal-istituzzjonijiet li ffirmaw id-deċiżjoni, huma eżerċitati mill-EPSO.

63

Fl-appell preżenti ġew invokati żewġ dispożizzjonijiet bħala dispożizzjonijiet li jimponu l-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati bil-lingwi uffiċjali kolha, jiġifieri l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1 kif ukoll l-Artikolu 1(2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1. Għaldaqstant huwa importanti li jiġu eżaminati l-obbligi previsti minn kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

64

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1 jipprovdi li r-Regolamenti u t-testi l-oħrajn ta’ portata ġenerali huma abbozzati bil-lingwi uffiċjali kollha. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet, l-ewwel nett, li r-Regolament Nru 1 ma japplikax għall-avviżi ta’ kompetizzjoni, peress li dawn jikkonċernaw persuni assimilati ma’ uffiċjali, imbagħad, u fi kwalunkwe każ, li l-istituzzjoni għandha l-fakultà tiddetermina l-lingwa ta’ pubblikazzjoni tal-avviż skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, u fl-aħħar nett, li avviżi ta’ kompetizzjoni ma humiex testi ta’ portata ġenerali.

65

Fil-punt 52 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali, ir-Regolament Nru 1 ma japplikax għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħhom inkwantu jistabbilixxi biss is-sistema lingwistika applikabbli bejn l-istituzzjonijiet u Stat Membru jew persuna li taqa’ fil-ġurisdizzjoni ta’ wieħed mill-Istati Membri.

66

Skont il-Qorti Ġenerali din l-inapplikabbiltà hija ġġustifikata, minn naħa, mill-fatt li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħrajn, kif ukoll il-kandidati għal kompetizzjoni, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Komunitajiet biss għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1.

67

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 jiddikjara espliċitament liema huma l-lingwi tal-ħidma tal-istituzzjonijiet u l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-istituzzjonijiet jistgħu jiddeterminaw il-metodu ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika fir-regoli ta’ proċedura tagħhom. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-istituzzjonijiet ikkonċernati mill-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati ma ddeterminawx, abbażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1, ir-regoli ddettaljati tas-sistema lingwistika fir-regoli ta’ proċedura tagħhom. B’mod partikolari, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tagħha, l-avviżi ta’ kompetizzjoni ma setgħux jitqiesu bħala jikkostitwixxu regoli ta’ proċedura f’dan ir-rigward.

68

Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet regolamentari speċjali applikabbli għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal u fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward fir-regoli ta’ proċedura tal-istituzzjonijiet ikkonċernati mill-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati, l-ebda test ma jwassal għall-konklużjoni li r-relazzjonijiet bejn dawn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħhom huma totalment esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1.

69

A fortiori dan huwa l-istess għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn istituzzjonijiet u kandidati għall-kompetizzjoni esterna li, fil-prinċipju, la huma uffiċjali u lanqas membri tal-persunal.

70

Imbagħad għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk avviżi ta’ kompetizzjoni ġenerali, bħall-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati, jaqgħux taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1 jew l-Artikolu 1(2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, biżżejjed jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi speċifikament li, għall-kompetizzjonijiet ġenerali, avviż ta’ kompetizzjoni għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

71

Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi deċiż jekk avviż ta’ kompetizzjoni huwiex test ta’ portata ġenerali fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1 biżżejjed jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 1(2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1, li jipprovdi li l-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandu joħroġ bil-lingwi uffiċjali kollha, l-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati riedu jiġu ppubblikati fl-intier tagħhom bil-lingwi uffiċjali kollha.

72

Peress li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprovdu ebda eċċezzjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li l-pubblikazzjoni sussegwenti tal-emendi tal-20 ta’ Ġunju u tat-13 ta’ Lulju 2007, li jinkludu biss informazzjoni fil-qosor, irremedjat għall-assenza ta’ pubbikazzjoni kompluta tal-avviżi ta’ kompetizzjoni fl-imsemmi Ġurnal bil-lingwi uffiċjali kollha.

73

Fi kwalunkwe każ, anki jekk dawn l-emendi kien fihom ċertu informazzjoni dwar il-kompetizzjoni, jekk jiġi preżunt li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jaqraw il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bil-lingwa materna tagħhom u li din il-lingwa hija waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, kandidat potenzjali li l-lingwa materna tiegħu ma kinitx waħda mil-lingwi tal-pubblikazzjoni kompluta tal-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati kellu jakkwista dan il-Ġurnal b’waħda minn dawn il-lingwi u jaqra l-avviż b’din il-lingwa qabel ma jiddeċiedi jekk jixtieqx japplika għal waħda minn dawn il-kompetizzjonijiet.

74

Tali kandidat kien fi żvantaġġ meta mqabbel ma’ kandidat li l-lingwa materna tiegħu kienet waħda mit-tliet lingwi li bihom l-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati ġew ippubblikati b’mod komplut, kemm għal dak li jikkonċerna l-fatt li jifhem dawn l-avviżi b’mod korrett kif ukoll għal dak li jikkonċerna t-terminu sabiex jipprepara u jibgħat kandidatura għal dawn il-kompetizzjonijiet.

75

Dan l-iżvantaġġ huwa l-konsegwenza tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa, ipprojbita mill-Artikolu 21 tal-Karta u mill-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal iġġenerata minn dawn il-pubblikazzjonijiet. L-Artikolu 1d(6) jipprovdi li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kwalunkwe limitazzjoni għandha tkun oġġettivament iġġustifikata u għandha tissodisfa l-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal.

76

Waqt is-seduta l-Kummissjoni spjegat li l-prattika l-ġdida ta’ pubblikazzjoni limitata tal-avviżi ta’ kompetizzjoni kienet saret meħtieġa mill-ammont ta’ xogħol, li rriżulta mill-adeżjoni tal-Istati l-ġodda mal-Unjoni Ewropea, għal kompetizzjoni tas-snin 2004 u 2007 u b’mod partikolari, permezz taż-żieda f’daqqa ta’ numru ta’ lingwi uffiċjali, filwaqt li l-EPSO ma kellhiex il-kapaċitajiet suffiċjenti għat-traduzzjoni. Madankollu, matul is-seduta ġie enfasizzat li din il-prattika ta’ pubblikazzjoni ma kinitx tidher marbuta mal-adeżjonijiet peress li kienet għadha għaddejja, peress li t-testi tal-avviżi ta’ kompetizzjoni kienu ta’ natura repetittiva, li konsegwentement ma kellhomx jikkostitwixxu ammont ta’ xogħol insuperabbli u peress li l-problemi materjali ta’ kapaċitajiet ta’ traduzzjoni kellhom jiġu bbilanċjati mad-dritt għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jsiru jafu bl-avviżi ta’ kompetizzjoni fl-istess kundizzjonijiet.

77

Minn dan isegwi li l-prattika ta’ pubblikazzjoni limitata ma tosservax il-prinċipju ta’ propozjonalità u għaldaqstant tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba l-lingwa, ipprojbita mill-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal.

78

Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet li la l-Artikolu 1(2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1 u lanqas l-Artikolu 1d tal-istess regolamenti ma nkisru fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati.

Fuq l-aħħar erba’ aggravi dwar il-lingwi imposti bħala t-tieni lingwa għall-komunikazzjonijiet mal-EPSO u għall-eżamijiet tal-kompetizzjonijiet

79

Filwaqt li tammetti li multilingwiżmu sħiħ jista’ jkun ta’ ħsara għall-effikaċja tal-ħidma fl-istituzzjonijiet, ir-Repubblika Taljana tikkritika l-assenza ta’ regoli ċari, oġġettivi u prevedibbli rigward l-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet, u dan ma jippermettix lil kandidat sabiex jipprepara ruħu għall-eżamijiet. Barra minn hekk, hija ssostni li l-obbligu li l-kompetizzjoni tiġi ppreżentata fit-tieni lingwa jikkostitwixxi, fir-realità, forma mhux xierqa ta’ preselezzjoni, peress li fil-fehma tagħha, kandidat għandu l-ewwel nett jiġi magħżul fuq il-kompetenzi professjonali tiegħu u, sussegwentement, fuq l-għarfien tal-lingwi tiegħu.

80

Matul is-seduta, il-Kummissjoni esponiet li t-tliet lingwi magħżula huma dawk l-iktar użati fl-istituzzjonijiet, u dan sa minn żmien twil u li minn studju tal-EPSO jirriżulta li, bejn is-sena 2003 u s-sena 2005, jiġifieri fi żmien meta l-kandidati setgħu jagħżlu t-tieni lingwa tagħhom, iktar minn 90 % tal-kandidati għall-kompetizzjonijiet kienu għażlu l-Ġermaniz, l-Ingliż jew il-Franċiż bħala t-tieni lingwa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li l-indikazzjoni ta’ lingwi ta’ kompetizzjoni fl-avviż jippermetti lill-kandidati jippreparaw ruħhom għall-eżamijiet.

81

F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 67 tas-sentenza preżenti, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 jindika 23 lingwi mhux biss bħala lingwi uffiċjali iżda wkoll bħala lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

82

Barra minn hekk, l-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata, fost oħrajn, fuq il-lingwa, hija ipprojbita fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1d(6) ta’ dan l-artikolu, kwalunkwe limitazzjoni għall-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità għandha tiġi oġġettivament u raġonevolmenti ġġustifikata u għandha tissodisfa oġġettivi leġittimi ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal.

83

Barra minn hekk, l-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li ħadd ma jista’ jiġi appuntat bħala uffiċjal jekk ma jipproduċix evidenza ta’ għarfien fil-fond ta’ waħda mil-lingwi tal-Unjoni u għarfien sodisfaċjenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni. Għalkemm din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-għarfien sodisfaċjenti ta’ lingwa oħra huwa meħtieg “sal-punt meħtieġ biex [uffiċjal] iwettaq id-dmirijiet tiegħu”, hija ma tindikax il-kriterji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex l-għażla ta’ din il-lingwa fost it-23 lingwi uffiċjali tkun limitata.

84

Huwa minnu li, skont l-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, l-avviż ta’ kompetizzjoni jista’ jispeċifika eventwalment l-għarfien tal-lingwi meħtieġa min-natura partikolari tal-pożizzjoni li trid timtela. Madankollu, minn din id-dispożizzjoni ma tirriżultax awtorizzazzjoni ġenerali sabiex issir deroga mir-rekwiżiti tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1.

85

Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma jipprovdux kriterji espliċiti li jippermettu li tiġi limitata l-għażla tat-tieni lingwa, kemm għat-tliet lingwi imposti mill-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati kemm għal lingwi uffiċjali oħrajn.

86

Għandu jingħad ukoll li l-istituzzjonijiet ikkonċernati mill-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati ma humiex suġġetti għal sistema lingwistika speċifika (ara, fir-rigward tas-sistema lingwistika tal-UASI, ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Kik vs UASI, C-361/01 P, Ġabra p. I-8283, punti 81 sa 97).

87

Madankollu hemm lok li jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżit tal-għarfien ta’ waħda mit-tliet lingwi inkwistjoni jistax ikun iġġustifikat mill-interess tas-servizz, kif issostni l-Kummissjoni.

88

F’dan ir-rigward mid-dispożizzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-interess tas-servizz jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni. B’mod partikolari, kif ġie indikat fil-punt 82 tas-sentenza preżenti, l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal jawtorizza limiti għall-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità. Madankollu, huwa importanti li dan l-interess tas-servizz ikun oġġettivament iġġustifikat u li l-livell ta’ għarfien tal-lingwi meħtieġ ikun proporzjonat mal-bżonnijiet reali tas-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 1975, Küster vs Il-Parlement, 79/74, Ġabra p. 725, punti 16 u 20, kif ukoll tad-29 ta’ Ottubru 1975, Küster vs Il-Parlement, 22/75, Ġabra p. 1267, punti 13 u 17).

89

Fil-punt 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “huwa stabbilit” li l-għażla tat-tliet lingwi li għandhom jintużaw bħala t-tieni lingwa għall-parteċipazzjoni għall-kompetizzjonijiet u eżamijiet tissodisfa r-rekwiżiti interni ta’ amministrazzjoni. Madankollu, il-Qorti Ġenerali mhux biss ma mmotivatx l-affirmazzjoni tagħha iżda hija kkonstatat, barra minn hekk, li tali motivazzjoni min-naħa tal-amministrazzjoni ma kinitx meħtieġa.

90

F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li r-regoli li jillimitaw l-għażla tat-tieni lingwa għandhom jipprevedu kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli sabiex il-kandidati jkunu jistgħu jsiru jafu suffiċjentement bil-quddiem liema eżiġenzi lingwistiċi huma meħtieġa, u dan sabiex ikunu jistgħu jippreparaw ruħhom għall-kompetizzjonijiet fl-aħjar kundizzjonijiet.

91

Issa, kif tfakkar il-punt 67 tas-sentenza preżenti, l-istituzzjonijiet ikkonċernati mill-kompetizzjonijiet qatt ma adottaw regoli ta’ proċedura skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1. Barra minn hekk, il-Kummissjoni lanqas ma invokat l-eżistenza ta’ atti oħrajn, bħal komunikazzjonijiet li jistipulaw il-kriterji għal limitazzjoni tal-għażla ta’ lingwa bħala t-tieni lingwa għall-parteċipazzjoni għall-kompetizzjonijiet. Fl-aħħar nett, l-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati ma fihom l-ebda motivazzjoni li tiġġustifika l-għażla tat-tliet lingwi inkwistjoni.

92

Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, is-sentenza Hendrickx vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, ma tikkonfermax l-argument li jipprovdi li l-interess tas-servizz jista’ jiġġustifika r-rekwiżit tal-għarfien tal-Ġermaniż, Ingliż u Franċiż li jinsab fl-avviżi ta’ kompetizzjoni kkontestati. Fil-fatt, filwaqt li dawn l-avviżi ta’ kompetizzjoni ġenerali kienu indirizzati għal ċittadini tal-Unjoni li, fil-parti l-kbira tagħhom, ma kinux familjari mal-istituzzjonijiet, l-imsemmija sentenza Hendrickx vs Il-Kunsill kienet tikkonċerna avviż ta’ kompetizzjoni interna miftuħa għall-uffiċjali u l-membri tal-persunal fis-servizz tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea b’mill-inqas ħames snin anzjanità fis-servizz tal-Komunitajiet. Barra minn hekk, il-funzjonijiet li kellhom jiġu eżerċitati kienu deskritti b’mod preċiż, u dan kien jippermetti lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tas-Segretarjat Ġenerali jifhmu l-ġustifikazzjoni tal-lingwi imposti għall-eżamijiet u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-għażla ta’ dawn il-lingwi.

93

Sal-punt fejn huwa possibbli li għan leġittimu ta’ interess ġenerali jista’ jiġi invokat u l-eżistenza vera tiegħu murija, għandu jitfakkar li differenza fit-trattament minħabba l-lingwa għandha, barra minn hekk, tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri li hija għandha tkun adatta sabiex tilħaq l-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C-453/03, C-11/04, C-12/04 u C-194/04, Ġabra p. I-10423, punt 68).

94

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-reklutaġġ tal-uffiċjali għandu jimmira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali tal-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità. Peress li dan l-għan jista’ jkun issalvagwardjat aħjar meta l-kandidati jkunu awtorizzati jippreżentaw l-eżamijiet ta’ selezzjoni fil-lingwa materna tagħhom jew fit-tieni lingwa li huma jqisu ruħhom tajbin fiha, huwa l-obbligu tal-istituzzjonijiet, f’dan ir-rigward, li jibbilanċjaw l-għan leġittimu li jiġġustifika l-limitazzjoni tan-numru ta’ lingwi tal-kompetizzjonijiet u l-għan li jiġu identifikati l-kandidati li għandhom l-ogħla kwalitajiet ta’ kompetenza.

95

Matul is-seduta l-Kummissjoni sostniet li l-kandidati kellhom il-possibbiltà jippreparaw ruħhom wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni. Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li t-terminu bejn il-pubblikazzjoni ta’ kull avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat u d-data tal-eżamijiet bil-miktub mhux neċessarjament jippermetti lil kandidat jakkwista l-għarfien tal-lingwi suffiċjenti sabiex juri l-kompetenzi professjonali tiegħu. Għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jitgħallem waħda minn dawn it-tliet lingwi fil-perspettiva ta’ kompetizzjonijiet futuri, hija tippreżumi li l-lingwi imposti mill-EPSO jiġu ddeterminati ħafna minn qabel. Issa, fl-assenza ta’ regoli bħal dawk imsemmija fil-punt 91 tas-sentenza preżenti ma tiggarantixxi bl-ebda mod il-persistenza tal-għażla tal-lingwi tal-kompetizzjoni u ma tippermetti l-ebda previdibbiltà fil-qasam.

96

Barra minn hekk, l-għarfien tal-lingwi tal-uffiċjali huwa element essenzjali fil-karriera tagħhom u l-awtoritajiet tal-ħatra għandhom diversi mezzi sabiex jistħarrġu dan l-għarfien u l-isforz li jagħmlu l-uffiċjali sabiex ipoġġu fil-prattika dan l-għarfien u sabiex eventwalment jakkwistaw għarfien ġdid. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 34(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirrigwarda l-perijodu ta’ prova u l-Artikolu 45(1) tal-imsemmija regolamenti li jirrigwarda l-kriterji ta’ promozzjoni. L-importanza tal-għarfien tal-lingwi ssaħħet, barra minn hekk, permezz tar-riforma tal-1 ta’ Mejju 2004, introdotta mir-Regolament Nru 723/2004, peress li, skont l-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti, l-uffiċjal huwa meħtieġ li juri, qabel l-ewwel promozzjoni tiegħu wara r-reklutaġġ, il-kapaċità tiegħu li jaħdem bit-tielet lingwa fost dawk imsemmija fl-Artikolu 314 KE.

97

F’dan ir-rigward, huwa għaldaqstant l-obbligu tal-istituzzjonijiet li jibbilanċjaw l-għan leġittimu li jiġġustifika l-limitazzjoni tan-numru ta’ lingwi tal-kompetizzjonijiet u l-possibbiltajiet ta’ tagħlim mill-uffiċjali impjegati, fi ħdan l-istituzzjonijiet, tal-lingwi neċessarji għall-interess tas-servizz.

98

Mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 81 sa 97 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-elementi sottomessi mill-Kummissjoni lill-Qorti Ġenerali ma kinux jippermettu sħarriġ ġudizzjarju li għandu l-għan jivverifika jekk l-interess tas-servizz kienx jikkostitwixxi għan leġittimu li jiġġustifika deroga mir-regola stabbilita fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

99

Ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-aggravji u lmenti l-oħrajn invokati fir-rigward tat-tieni lingwi imposti għall-kompetizzjonijiet.

100

Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta u, b’mod iktar partikolari, fil-punti 78 u 98 tas-sentenza preżenti, li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

Fuq ir-rikors fl-ewwel istanza

101

Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kawża jekk din tkun fi stat li tiġi deċiża.

102

F’dan il-każ, l-aggravji żviluppati hawn fuq u, b’mod iktar partikolari,

il-ksur tal-Artikolu 1(2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1, u

l-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-lingwa, imsemmi fl-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal,

l-avviżi ta’ kompetizzjoni inkwistjoni għandhom jiġu annullati.

103

Kif issuġġeriet l-Avukat Ġenerali fil-punti 115 u 116 tal-konklużjonijiet tagħha u sabiex jinżammu l-aspettattivi leġittimi tal-kandidati magħżula, ma hemmx lok li jiġu mminati r-riżultati ta’ dawn il-kompetizzjonijiet.

Fuq l-ispejjeż

104

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

105

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

106

Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tar-Repubblika Taljana u sabiex tbati l-ispejjeż tagħha stess fiż-żewġ istanzi.

107

L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli wkoll għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Skont din id-dispożizzjoni, għandu jiġi deċiż li r-Repubblika Ellenika u r-Repubblika tal-Litwanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Settembru 2010, L-Italja vs Il-Kummissjoni (T-166/07 u T-285/07), hija annullata.

 

2)

L-avviżi ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/94/07, biex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva ta’ Amministraturi (AD5) fil-qasam tal-informazzjoni, tal-komunikazzjoni u tal-medja, EPSO/AST/37/07, biex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva ta’ Assistenti (AST3) fil-qasam tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni u EPSO/AD/95/07 biex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva ta’ Amministraturi (AD5) fil-qasam tal-informazzjoni (Librerija/Dokumentazzjoni) huma annullati.

 

3)

Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż tar-Repubblika Taljana u għall-ispejjeż tagħha stess fiż-żewġ istanzi.

 

4)

Ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika tal-Litwanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.