EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0145

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta' Novembru 2010.
Land Baden-Württemberg vs Panagiotis Tsakouridis.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg - il-Ġermanja.
Moviment liberu tal-persuni - Direttiva 2004/38/KE - Artikoli 16(4) u 28(3)(a) - Ċittadin tal-Unjoni li twieled u għex għal iktar minn 30 sena fl-Istat ospitanti - Assenzi mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti - Kundanni kriminali - Deċiżjoni ta’ tkeċċija - Raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika.
Kawża C-145/09.

European Court Reports 2010 I-11979

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:708

Kawża C-145/09

Land Baden-Württemberg

vs

Panagiotis Tsakouridis

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg)

“Moviment liberu tal-persuni — Direttiva 2004/38/KE — Artikoli 16(4) u 28(3)(a) — Ċittadin tal-Unjoni li twieled u rrisjeda għal iktar minn 30 sena fl-Istat Membru ospitanti — Assenzi mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti — Kundanni kriminali — Deċiżjoni ta’ tkeċċija — Raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika”

Sommarju tas-sentenza

1.        Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Limitazzjoni tad-dritt ta’ dħul u tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika — Protezzjoni kontra tkeċċija — Kundizzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 28(3)(a))

2.        Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Limitazzjoni tad-dritt ta’ dħul u tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika — Deċiżjoni ta’ tkeċċija — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni — Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 27 u 28)

3.        Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Limitazzjoni tad-dritt ta’ dħul u tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika — Protezzjoni kontra t-tkeċċija — Derogi

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 28(2) u (3))

1.        L-Artikolu 28(3)(a) tad Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal- Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk ċittadin tal-Unjoni kienx għex fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin li jippreċedu d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, kriterju determinanti għall-għoti tal-protezzjoni ogħla li tipprovdilu din id-dispożizzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni t-totalità tal-aspetti rilevanti f’kull każ inkwistjoni, b’mod partikolari t-tul ta’ kull waħda mill-assenzi tal-persuna kkonċernata mill-Istat ospitanti, it-tul akkumulat u l-frekwenza ta’ dawn l-assenzi kif ukoll ir-raġunijiet li mmotivaw lill-persuna kkonċernata meta telqet minn dan l-Istat Membru u li jistgħu jistabbilixxu jekk dawn l-assenzi jimplikawx jew le l-ispostament lejn Stat ieħor li huwa ċ-ċentru tal-interessi personali, familjari jew professjonali.

(ara l-punt 38 u d-dispożittiv 1)

2.        Fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal- Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, għandhom jitqiesu b’mod partikolari, minn naħa, in-natura eċċezzjonali tat-theddida għas-sigurtà pubblika minħabba l-aġir personali tal-persuna kkonċernata, evalwata, skont il-każ, fiż-żmien meta tingħata d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, skont it-tul tal-pieni inkorsi u ta’ dawk skontati, skont il-grad ta’ involviment fl-attività kriminali, skont il-portata tad-dannu u, jekk ikun il-każ, skont it-tendenza ta’ reċidiva, flimkien, min-naħa l-oħra, mar-riskju li tiġi kompromessa r-reintegrazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni fejn huwa integrat sew, li huwa fl-interess mhux biss ta’ dan tal-aħħar, iżda wkoll tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali.

Il-piena mogħtija għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala element ta’ dawn il-fatturi kollha. Kundanna għal piena ta’ ħames snin ma tistax twassal għal deċiżjoni ta’ tkeċċija mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi deskritti fil-punt preċedenti, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li jiġu rrispettati, inkwantu l-motivi ta’ interess ġenerali jistgħu jiġu invokati sabiex tiġi ġġustifikata miżura nazzjonali li hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-persuni biss meta l-miżura inkwistjoni tieħu inkunsiderazzjoni dawn id-drittijiet, u b’mod partikolari d-dritt għall-osservanza tal-ħajja privata u familjari kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(ara l-punti 50-52)

3.        L-Artikolu 28(3) tad‑Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal- Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mat-traffiku ta’ drogi fi grupp organizzat tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika” li tista’ tiġġustifika miżura ta’ tkeċċija ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun irrisjeda fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin preċedenti.

L-Artikolu 28(2) tad Direttiva 2004/38, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mat-traffiku ta’ drogi fi grupp organizzat taqa’ taħt il-kunċett ta’ “raġunijiet gravi ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika”.

(ara l-punt 56 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

23 ta’ Novembru 2010 (*)

“Moviment liberu tal-persuni – Direttiva 2004/38/KE – Artikoli 16(4) u 28(3)(a) – Ċittadin tal-Unjoni li twieled u rrisjeda għal iktar minn 30 sena fl-Istat ospitanti – Assenzi mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti – Kundanni kriminali – Deċiżjoni ta’ tkeċċija – Raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika”

Fil-Kawża C‑145/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa minn Verwaltungsgerich’tshof Baden-Württemberg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ April 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-24 ta’ April 2009, fil-proċedura

Land Baden-Württemberg

vs

Panagiotis Tsakouridis,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues (relatur), K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, D. Šváby, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, J. Malenovský, U. Lõhmus, E. Levits, A. Ó Caoimh, L. Bay Larsen, u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ April 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal-Land Baden-Württemberg, minn M. Schenk, bħala aġent,

–        għal M. Tsakouridis, minn K. Frank, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, J. Möller u C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent,

–        għall-Gvern Daniż, minn B. Weis Fogh, bħala aġent,

–        għall-Gvern Estonjan, minn L. Uibo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn R. Somssich, M. Fehér u K. Veres, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth u I. Rao, bħala aġenti, assistiti minn K. Beal, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Maidani u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(4) u l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal‑membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id‑Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5 Vol. 5, p. 46).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Land Baden-Württemberg u P. Tsakouridis, ta’ nazzjonalità Griega, dwar id-deċiżjoni tal-Land li tikkonstata t‑telf tad-dritt ta’ dħul u ta’ residenza ta’ P. Tsakouridis fuq it-territorju tar‑Repubblika Federali tal-Ġermanja u theddida ta’ tkeċċija fil-konfronti tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2004/38

3        Il-premessa 3 tad-Direttiva 2004/38 tipprovdi:

“Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tkun l-istatus fondamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza. Hu għalhekk neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni.”

4        Skont il-premessa 22 ta’ din id-direttiva:

“It-Trattat jikkonsenta restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u residenza għal raġunijiet ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Sabiex tiġi żgurata definizzjoni rigoruża taċ-ċirkostanzi u tal-garanziji proċedurali li minħabba fihom ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom ma jitħallewx jidħlu jew jistgħu jitkeċċew, din id-Direttiva għandha tibdel id-Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE tal-25 ta’ Frar 1964 dwar il-kordinazzjoni tal-miżuri speċjali dwar il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin, li huma ġustifikati minn raġunijiet ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 11) hekk kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill, 75/35/KEE, tas-17 ta’ Diċembru 1974, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 174).”

5        Skont it-termini tal-premessi 23 u 24 tad-Direttiva 2004/38:

“(23) It-tkeċċija taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-familji tagħhom minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku] jew ta’ sigurtà pubblika hi miżura li tista’ tweġġa’ serjament persuni li, wara li utilizzaw id-drittijiet u l‑libertajiet konferiti lilhom mit-Trattat [KE], ġenwinament integraw rwieħhom fl-Istat Membru ospitanti. L-iskop ta’ dawn il-miżuri għandu għalhekk ikun limitat skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, waqt li jkun ikkunsidrat il-grad ta’ integrazzjoni tal-persuni kkonċernati, it-tul tar-residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, l-età tagħhom, il-kondizzjonijiet ta’ saħħa, tas-sitwazzjoni familjari u ekonomika u r-rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini

(24)      Għalhekk, aktar ma tkun kbira l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, aktar għandha tkun kbira l-protezzjoni kontra tkeċċija. F’ċirkostanzi eċċezzjonali biss, fejn hemm raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, għandha tittieħed miżura ta’ tkeċċija kontra ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għexu għal diversi snin fit-territorju ta’ l-Istat Membru, b’mod partikolari meta jkunu twieldu u għexu hemm matul il-ħajja kollha tagħhom. B’addizzjoni, dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom japplikaw ukoll għal miżura ta’ tkeċċija meħuda kontra minorenni, sabiex jiġu protetti r-rabtiet tagħhom mal-familja, skond il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, ta’ l-20 ta’ Novembru 1989.”

6        L-Artikolu 16 tad-Direttiva jipprovdi:

“1.      Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.

[…]

3.      Il-kontinwità tar-residenza m’għandhiex tintlaqat minn assenzi temporanji li ma jaqbżux is-sitt xhur f’sena, jew minn assenzi ta’ dewma itwal għal servizz militari obbligatorju, jew minn assenza waħda ta’ massimu ta’ 12-il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti bħal tqala u maternità, mard serju, studju jew taħriġ professjonali, jew kariga fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.

4.      Meta jinkiseb, id-dritt ta’ residenza permanenti għandu jintilef biss permezz ta’ assenza mill-Istat Membru ospitanti għal perjodu ta’ sentejn konsekuttivi.”

7        L-Artikolu 27(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2.      Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.”

8        Skont l-Artikolu 28 tal-istess direttiva:

“1.      Qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba politika pubblika jew sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jqis l-konsiderazzjonijiet bħat-tul tar-residenza ta’ l-individwu kkonċernat fit-territorju tiegħu, l-età, l-istat ta’ saħħa, is-sitwazzjoni familjari u dik ekonomika, integrazzjoni soċjali u kulturali fl-Istat Membru ospitanti u l-limitu tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini.

2.      L-Istat Membru ospitanti ma jistax jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li għandhom id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tiegħu, ħlief minħabba raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.

3.      Deċiżjoni ta’ tkeċċija m’għandhiex tittieħed kontra ċittadini ta’ l-Unjoni, ħlief meta d-deċiżjoni hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, kif imfissra mill-Istati Membri, jekk dawn:

a)      għexu fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti; jew

b)      huma minorenni, ħlief jekk it-tkeċċija hi neċessarja għall-aħjar interessi tat-tifel/tifla, kif previst mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ta’ l-20 ta’ Novembru 1989.”

9        L-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

“Persuni esklużi minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew sigurtà pubblika jistgħu jippreżentaw applikazzjoni għat-tneħħija ta’ l-ordni ta’ tkeċċija wara perjodu raġonevoli, skond iċ-ċirkostanzi, u fi kwalunkwe każ wara tliet snin mill-infurzar ta’ l-aħħar ordni ta’ tkeċċija li ġiet adottata b’mod validu skond il-liġi tal-Komunità, billi jiġu ppreżentati argumenti biex jiġi stabbilit li kien hemm tibdil materjali fiċ-ċirkostanzi li ġġustifikaw id-deċiżjoni li tordna l-esklużjoni tagħhom.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jilħaq deċiżjoni fuq din l-applikazzjoni sa sitt xhur mill-preżentazzjoni tagħha.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10      L-Artikolu 6 tal-liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (Gesetz über die allgemeine Freizügigkeit von Unionsbürgern), tat-30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. I p. 1950), hekk kif emendati bil-liġi li temenda l-liġi dwar il-pulizija Federali u liġijiet oħra (Gesetz zur Änderung des Bundespolizeigesetzes und anderer Gesetze), tas-26 ta’ Frar 2008, (BGBl. I, p. 215, iktar ’il quddiem il‑“FreizügG/EU”), jipprovdi:

“(1)      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(5), meta l-attestazzjoni tad-dritt ta’ residenza tad-dritt Komunitarju jew ta’ residenza permanenti tiġi kkonfiskata, it‑telf tad-dritt imsemmi fl-Artikolu 2(1) jista’ jiġi kkonstatat biss, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ siġurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika (Artikoli 39(3) u 46(1) tat-Trattat [KE]). Id-dħul fuq it-territorju jista’ wkoll jiġi rrifjutat għall‑motivi iċċitati iktar ’il fuq. Raġuni ta’ saħħa pubblika tista’ tiġi kkonstatata biss jekk il-marda tkun bdiet matul it-tliet xhur qabel id-dħul.

(2)      Sempliċi kundanna kriminali ma hijiex biżżejjed waħidha sabiex tiġġustifika d-deċiżjonijiet jew il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1. Huma biss il-kundanni kriminali li ma jkunux għadhom tħassru mir-reġistru ċentrali li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, u unikament sakemm iċ-ċirkustanzi li jiffurmaw il-bażi ta’ dawn il-kundanni jkunu xhieda ta’ aġir personali li jirrappreżenta theddida reali għall-ordni pubbliku. Għandha tkun theddida reali u serja biżżejjed li tolqot interess fundamentali tas-soċjetà.

(3)      Għall-finijiet ta’ deċiżjoni skont il-paragrafu 1, għandu, b’mod partikolari, jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul ta’ residenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju Ġermaniż, l-età tagħha, l-istat ta’ saħħitha, is-sitwazzjoni familjari u ekonomika tagħha, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha f’dan it-territorju, kif ukoll il‑qawwa tar-rabtiet tagħha mal-Istat ta’ oriġini tagħha.

(4)      Wara li jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, konstatazzjoni skont il-paragrafu 1 tista’ ssir biss għal raġunijiet serji.

(5)      F’dak li jikkonċerna ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li għexu fit-territorju Federali matul l-aħħar għaxar snin u fir-rigward tal-minuri, id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista’ ssir biss minħabba raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika. Din ir-regola ma tapplikax għal minuri meta t-telf tad-dritt ta’ residenza huwa meħtieġ fl-interess tat-tfal. Jeżistu raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika biss fil-każ li l-persuna kkonċernata tkun ġiet ikkundannata minħabba reat jew reati mwettqa intenzjonalment għal piena ta’ privazzjoni tal-libertà jew għal piena minħabba att kriminali minn minuri ta’ mhux inqas minn ħames snin li tkun saret res judicata jew tkun ġiet imposta detenzjoni preventiva matul l-aħħar kundanna definittiva tagħha, fil-każ li tkun involuta s-sigurtà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew meta l-persuna kkonċernata tippreżenta theddida terroristika.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      P. Tsakouridis twieled fil-Ġermanja fl-1 ta’ Marzu 1978. Fl-1996, kiseb diploma tat-tmiem tal-iskola sekondarja. Sa minn Ottubru 2001, P. Tsakouridis għandu permess ta’ residenza illimitata f’dan l-Istat Membru. Minn Marzu 2004 sa nofs Ottubru tal-istess sena, kellu posta tal-kreps fil-Gzira ta’ Ródos fil‑Greċja. Sussegwentement, huwa rritorna l-Ġermanja fejn ħadem minn Diċembru 2004. F’nofs Ottubru 2005, P. Tsakouridis reġa’ mar Ródos u reġa’ beda jaħdem fuq il-posta tal-kreps. Fit-22 ta’ Novembru 2005, l-Amtsgericht Stuttgart ħarġet mandat ta’ arrest internazzjonali kontra P. Tsakouridis. Fid-19 ta’ Novembru 2006 ġie arrestat f’Ródos u ġie ttrasferit fil-Ġermanja fid-19 ta’ Marzu 2007.

12      Il-preċedenti kriminali ta’ P. Tsakouridis huma s-segwenti. L-Amtsgericht Stuttgart-Bad Cannstatt ikkundannatu għall-ħlas ta’ diversi multi, jiġifieri, fl-14 ta’ Ottubru 1998 minħabba pussess ta’ oġġett ipprojbit, fil-15 ta’ Ġunju 1999 għal vjolenza u offiża gravi u, fit-8 ta’ Frar 2000 minħabba vjolenza u offiża volontarji bl-użu tal-forza. Barra minn hekk, l-Amtsgericht Stuttgart ikkundannat lil P. Tsakouridis fil-5 ta’ Settembru 2002 għall-ħlas ta’ multa minħabba vjolenza u offiża volontarji bl-użu tal-forza. Fl-aħħar nett, P. Tsakouridis ġie kkundannat fit‑28 ta’ Awwissu 2007 mil-Landgericht Stuttgart għal piena ta’ sitt snin u sitt xhur ħabs minħabba kummerċ illegali fi grupp organizzat ta’ droga fi kwantitajiet kbar, fi tmien darbiet.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Awwissu, ir-Regierungspräsidium Stuttgart, wara li semgħet lil P. Tsakouridis, ikkonstatat li kien tilef id-dritt tiegħu li jidħol u jirresjedi fuq it-territorju Ġermaniż u informatu li seta’ jiġi suġġett għal miżura ta’ tkeċċija lejn il-Greċja mingħajr ma stabbiliet terminu għal tluq volontarju. Bħala motivazzjoni, ir-Regierungspräsidium Stuttgart irrilevat li, bis-sentenza tal‑Landgericht Stuttgart tat-28 ta’ Awwissu 2007, il-limitu ta’ ħames snin ħabs kien inqabeż, b’mod li l-miżuri inkwistjoni huma ġġustifikati għal “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad‑Direttiva 2004/38 u tal-Artikolu 6(5) tal-FreizügG/EU.

14      Skont ir-Regierungspräsidium Stuttgart, l-aġir personali ta’ P. Tsakouridis jirrappreżenta theddida reali għall-ordni pubbliku. Ir-reati li wettaq fil-qasam tat‑traffikar tad-droga huma gravi ħafna u jeżisti riskju serju ta’ reċidiva. P. Tsakouridis kien immotivat jipparteċipa fil-kummerċ illegali ta’ drogi għal raġunijiet finanzjarji. Huwa kien indifferenti għall-problemi kkawżati minn dan il‑kummerċ għall-persuni dipendenti fuq id-droga u s-soċjetà inġenerali. Jeżisti interess fundamentali tas-soċjetà li tiġġieled b’mod effettiv il-kriminalità marbuta mat-traffiku ta’ drogi, li joħolqu ħsara partikolarment mill-perspettiva soċjali, bil‑mezzi kollha disponibbli.

15      Ir-Regierungspräsidium Stuttgart tosserva li P. Tsakouridis ma kellux l-intenzjoni jew ma kienx f’pożizzjoni li jirrispetta l-ordinament ġuridiku eżistenti. Wettaq reati b’intenzjoni kriminali kbira ħafna. Aġir eventwalment eżemplari fl-eżekuzzjoni tal-piena tiegħu ma jippermettix li jiġi konkluż li ma hemmx riskju ta’ reċidiva. Peress li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-FreizügG/EU huma sodisfatti, id-deċiżjoni taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet. L‑interess personali ta’ P. Tsakouridis li ma jitlifx id-dritt tiegħu ta’ dħul u ta’ residenza minħabba t-tul tar-residenza regolari tiegħu fil-Ġermanja ma huwiex ikbar mill-interess pubbliku predominanti tal-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mat-traffiku tad-droga. Il-probabbiltà li jerġa’ jwettaq tali reati hija għolja ħafna.

16      Skont ir-Regierungspräsidium Stuttgart, peress li, matul dawn l-aħħar snin, P. Tsakouridis għadda diversi xhur fit-territorju tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, ma jidhirx li jista’ jkollu diffikultajiet ta’ integrazzjoni, wara t-tkeċċija tiegħu mit-territorju Ġermaniż. Ir-riskju ta’ reċidiva jiġġustifika wkoll il‑preġudizzju għad-dritt tiegħu ta’ aċċess liberu, bħala ċittadin tal-Unjoni, għas‑suq tax-xogħol Ġermaniż. Ma jeżistux miżuri inqas restrittivi u lanqas daqstant xierqa bħall-miżuri ordnati u dawn ma jippreġudikawx mezzi ta’ eżistenza ekonomika diġà stabbiliti.

17      Fid-dawl tal-gravità tar-reati kkonstatati, il-preġudizzju għall-ħajja privata u familjari ta’ P. Tsakouridis huwa ġġustifikat fl-interess superjuri tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku u tal-prevenzjoni ta’ reati oħra, fis-sens tal-Artikolu 8 tal‑Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal‑Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, mingħajr ma tista’ ssir distinzjoni bejn l-interessi privati u familjari ekwivalenti li jirrikjedu li ma tittiħiedx il-miżura ta’ tkeċċija għal motivi ta’ proporzjonalità.

18      Fis-17 ta’ Settembru 2008, P. Tsakouridis ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tar‑Regierungspräsidium Stuttgart tad-19 ta’ Awwissu 2008 quddiem il‑Verwaltungsgericht Stuttgart fejn invoka l-fatt li l-parti l-kbira tal-familja tiegħu tgħix fil-Ġermanja. Barra minn hekk, mis-sentenza tal-Landgericht Stuttgart tat-28 ta’ Awwissu 2007 jirriżulta li huwa kien membru sekondarju tal‑grupp organizzat. Peress li kiber fil-Ġermanja u li mar l-iskola hemmhekk, ma hemmx periklu fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-FreizügG/EU. Bl-istess mod, għandu relazzjoni stretta ma’ missieru, li jgħix fil-Ġermanja u li jmur iżuru regolarment fil-ħabs. Huwa ppreżenta ruħu volontarjament għand il-pulizija, li juri li ma jippreżentax iktar periklu għall-ordni pubbliku wara li jkun skonta l-piena tiegħu, b’mod li l-konstatazzjoni tat-telf tad-dritt tiegħu li jidħol u li jirrisjedi fit-territorju Ġermaniż hija sproporzjonata. Fl-aħħar nett, ommu, li bħalissa qegħda toqgħod għand it-tifla tagħha fl-Awstralja, se terġa’ tmur toqgħod b’mod definittiv mal‑konjuġi tagħha fil-Ġermanja fir-Rebbiegħa tas-sena 2009.

19      Permezz tas-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2008, il-Verwaltungsgericht Stuttgart annullat id-deċiżjoni tar-Regierungspräsidium Stuttgart tad-19 ta’ Awwissu 2008. Skont l-imsemmija qorti, sempliċi kundanna kriminali waħdiha ma hijiex biżżejjed sabiex ikun ibbażat fuqha t-telf tad-dritt ta’ dħul u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni, telf li jippreżupponi riskju gravi, effettiv u suffiċjenti li jhedded interess fundamentali tas-soċjetà fis-sens tal-Artikolu 6(2) tal‑FreizügG/EU. Barra minn hekk, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tal‑Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38, telf tad-dritt ta’ dħul u ta’ residenza skont l‑Artikolu 6(1) tal-FreizügG/EU jista’ jiġi kkonstatat biss, f’każ bħal dak ta’ P. Tsakouridis, li għex għal iktar minn għaxar snin fit-territorju Ġermaniż, fil‑preżenza ta’ raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, kif jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(5) tal-imsemmija liġi. F’dan ir-rigward, il‑Verwaltungsgericht Stuttgart tirreleva li P. Tsakouridis ma tilifx id-dritt tiegħu ta’ residenza permanenti minħabba l-perijodi li għamel joqgħod fil-Gżira ta’ Ródos, peress li l-ewwel sentenza tal-imsemmi Artikolu 6(5) ma tirrikjedix residenza mingħajr interruzzjonijiet matul l-għaxar snin fuq it-territorju Ġermaniż.

20      Il-Verwaltungsgericht Stuttgart iddeċieda li ma kienx hemm “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika”, fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(5) tal‑FreizügG/EU li jiġġustifikaw miżura ta’ tkeċċija. Is-sigurtà pubblika tinkludi biss is-sigurtà interna u esterna ta’ Stat Membru, u għaldaqstant, hija iktar dejqa mill-kunċett ta’ ordni pubbliku li jinkludi wkoll l-ordni kriminali intern. Il-qbiż tal-piena minima stabbilita fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(5) tal-FreizügG/EU ma jippermettix li jiġi konkluż li jeżistu raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika għall-finijiet ta’ miżura ta’ tkeċċija. M. Tsakouridis jirrappreżenta, f’dan il-każ, periklu importanti għall-ordni pubbliku, iżda fl-ebda każ l-eżistenza tal-Istat u tal-istituzzjonijiet tiegħu jew is-sopravivenza tal-popolazzjoni tiegħu ma hi inkwistjoni. Tali elementi lanqas ma ġew invokati mir-Regierungspräsidium Stuttgart.

21      Il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg mitluba tiddeċiedi kontra s‑sentenza tal-Verwaltungsgericht Stuttgart, tal-24 ta’ Novembru 2008, iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Il-kunċett ta’ ‘raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika’, użat fl‑Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38 […], għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa biss it-theddid assolut għas-sigurtà esterna jew interna tal-Istat Membru li jista’ jiġġustifika [deċiżjoni] ta’ tkeċċija u li jgħoddu bħala tali biss l-eżistenza tal-Istat u tal-istituzzjonijiet fundamentali tiegħu, il-kapaċità tagħhom li jiffunzjonaw, is-sopravivenza tal-poplu, kif ukoll ir-relazzjonijiet esterni u r-relazzjonijiet paċifiċi bejn in-nazzjonijiet?

2)      Il-protezzjoni ogħla kontra t-tkeċċija miksuba, skont l-Artikolu 28(3)(a) tad‑Direttiva 2004/38/KE, wara residenza ta’ 10 snin fl-Istat Membru ospitanti, taħt liema kundizzjonijiet tintilef mill-ġdid? F’dan ir-rigward, għandu wieħed japplika b’analoġija l-kundizzjoni rigward it-telf tad-dritt ta’ residenza permanenti prevista fl-Artikolu 16(4) [ta’ din id-Direttiva]?

3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda u għall-kwistjoni tal‑applikabbiltà b’analoġija tal-Artikolu 16(4) [tal-imsemmija direttiva]: il‑protezzjoni ogħla kontra t-tkeċċija tintilef biss kif jiddekadi ż-żmien, indipendentament mir-raġunijiet tal-assenza?

4)      Bl-istess mod, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda u għall‑kwistjoni tal-applikabbiltà b’analoġija tal-Artikolu 16(4) tad-Direttiva [2004/38]: ritorn forzat fl-Istat ospitanti fil-kuntest ta’ proċeduri penali huwa adegwat sabiex tinżamm il-protezzjoni ogħla anki jekk, wara r-ritorn, il‑libertajiet fundamentali ma jkunux jistgħu jiġu eżerċitati għal perijodu twil?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni sar-raba’ domandi

22      Permezz tat-tieni sar-raba’ domandi tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment sa fejn assenza mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu msemmi fl-Artikolu 28(3)(a) tad‑Direttiva 2004/38, jiġifieri matul l-għaxar snin li jippreċedu d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-persuna kkonċernata, timpedixxi lil dan tal-aħħar milli jibbenefika mill‑protezzjoni ogħla prevista f’din id-dispożizzjoni.

23      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2004/38 hija intiża sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali li wieħed jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju tal-Istati Membri li huwa mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea mit-Trattat u għandha b’mod partikolari l-għan li ssaħħaħ l-imsemmi dritt, b’tali mod li l-imsemmija ċittadini ma għandhomx jiksbu inqas drittijiet milli kieku jagħtuhom l-atti legiżlattivi li ġew emendati jew imħassra minn din id-direttiva (ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C‑127/08, Ġabra p. I-6241, punti 59 u 82, kif ukoll tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal, C‑162/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30).

24      Mill-premessa 23 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li t-tkeċċija taċ-ċittadini tal‑Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika tista’ tweġġa’ serjament persuni li, wara li utilizzaw id-drittijiet u l-libertajiet konferiti lilhom mit-Trattat, ġenwinament integraw rwieħhom fl-Istat Membru ospitanti.

25      Għal din ir-raġuni, kif jirriżulta mill-premessa 24 tad-Direttiva 2004/38, din timplementa sistema ta’ protezzjoni kontra miżuri ta’ tkeċċija li hija bbażata fuq il-grad ta’ integrazzjoni tal-persuni kkonċernati fl-Istat Membru ospitanti, b’mod li iktar kemm tkun kbira l-integrazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal‑familja tagħhom fl-Istat Membru ospitanti iktar trid tkun kbira l-protezzjoni tagħhom kontra t-tkeċċija.

26      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 28(1) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi, f’termini ġenerali, li, qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju minħabba ordni pubbliku jew sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jqis il‑kunsiderazzjonijiet bħat-tul tar-residenza tal-individwu kkonċernat fit-territorju tiegħu, l-età, l-istat ta’ saħħa, is-sitwazzjoni familjari u dik ekonomika, l‑integrazzjoni soċjali u kulturali fl-Istat Membru ospitanti u l-intensità tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini.

27      Skont il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, ċittadin tal-Unjoni jew il-membri tal‑familja tiegħu, tkun liema tkun in-nazzjonalità tagħhom, li jkunu kisbu dritt ta’ residenza permanenti fuq it-territorju tal-Istat Membru ospitanti skont l‑Artikolu 16 tal-istess direttiva, ma jistgħux ikunu suġġetti ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju “ħlief minħabba raġunijiet gravi ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika”.

28      Fir-rigward ta’ ċittadini tal-Unjoni li qagħdu fl-Istat Membru ospitanti matul l‑għaxar snin preċedenti, l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38 isaħħaħ b’mod kunsiderevoli l-protezzjoni kontra l-miżuri ta’ tkeċċija billi jistabbilixxi li tali miżura ma tistax tittieħed, sakemm id-deċiżjoni ma tkunx ibbażata fuq “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika kif imfissra mill-Istati Membri”.

29      Issa, l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, filwaqt li jissottometti l-benefiċċju tal-protezzjoni ogħla għall-preżenza tal-persuna kkonċernata fuq it-territorju tal‑Istat Membru kkonċernat matul perijodu ta’ għaxar snin qabel il-miżura ta’ tkeċċija, huwa sieket dwar iċ-ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għall-interruzzjoni tal‑perijodu ta’ residenza ta’ għaxar snin għall-finijiet tal-ksib tad-dritt għall‑protezzjoni ogħla kontra t-tkeċċija previst f’din id-dispożizzjoni.

30      Billi titlaq mill-premessa li tgħid li, bħad-dritt ta’ residenza permanenti, il‑protezzjoni ogħla tinkiseb wara residenza ta’ ċertu tul fl-Istat Membru ospitanti u li din tista’, sussegwentement, tintilef, il-qorti tar-rinviju tqis possibbli li tapplika b’analoġija l-kriterji previsti fl-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2004/38.

31      Għalkemm huwa minnu li l-premessi 23 u 24 tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxu protezzjoni partikolari għall-persuni li integraw ruħhom sew fl-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari meta jkunu twieldu u għexu hemm ħajjithom kollha, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 28(3) tad‑Direttiva 2004/38, il-kriterju determinanti jirrisjedi fil-kwistjoni li jsir magħruf jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni kienx għex f’dan l-Istat Membru matul l-għaxar snin qabel id-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

32      Fir-rigward tal-kwistjoni li jsir magħruf sa fejn assenzi mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu msemmi fl-Artikolu 28(3)(a) tad‑Direttiva 2004/38, jiġifieri matul l-għaxar snin qabel id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-persuna kkonċernata, li ċċaħħad lil dan tal-aħħar li jibbenefika mill-protezzjoni ogħla, hemm lok li ssir evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata kull darba fil-mument preċiż meta tqum il-kwistjoni tat-tkeċċija.

33      L-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28(3) tad‑Direttiva 2004/38 għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni t-totalità tal-aspetti rilevanti f’kull każ inkwistjoni, b’mod partikolari t-tul ta’ kull assenza tal-persuna kkonċernata mill-Istat Membru ospitanti, it-tul akkumulat u l-frekwenza ta’ dawn l-assenzi kif ukoll ir-raġunijiet li mmotivaw lill-persuna kkonċernata meta telqet minn dan l-Istat Membru. Fil-fatt, huwa importanti li jiġi vverifikat jekk l-assenzi inkwistjoni jimplikawx l-ispostament lejn Stat ieħor li huwa ċentru tal-interessi personali jew professjonali tal-persuna kkonċernata.

34      Il-fatt li l-persuna kkonċernata rritornat obbligatorjament fl-Istat Membru ospitanti sabiex tiskonta piena ta’ ħabs u ż-żmien li għadda f’detenzjoni, flimkien mal‑elementi elenkati fil-punt preċedenti, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni globali meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rabtiet ta’ integrazzjoni li jkunu nħolqu preċedentement mal-Istat Membru ospitanti ġewx interrotti.

35      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali. Jekk tasal għall-konklużjoni li l-assenzi ta’ P. Tsakouridis mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ma humiex ta’ natura li jċaħħduh milli jibbenefika mill‑protezzjoni ogħla, hija għandha sussegwentement teżamina jekk id-deċiżjoni ta’ tkeċċija hijiex ibbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika fis-sens tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38.

36      Għandu jitfakkar li, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti nazzjonali li tippermettilha li tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt Komunitarju li ma sarx riferiment għalihom fid-domandi preliminari tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, Gintec, C‑374/05, Ġabra p. I‑9517, punt 48).

37      Fl-ipoteżi fejn jiġi konkluż li persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ P. Tsakouridis, li kiseb dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti, ma tissodisfax il‑kundizzjoni ta’ residenza stabbilita fl-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38, miżura ta’ tkeċċija tista’, jekk ikun il-każ, tiġi ġġustifikata fil-preżenza ta’ “raġunijiet gravi ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika”, kif jipprovdi l‑Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/38.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni sar-raba’ domandi għandha tkun li l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk ċittadin tal-Unjoni kienx għex fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin li jippreċedu d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, kriterju determinanti għall-għoti tal-protezzjoni ogħla li tipprovdilu din id-dispożizzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni t-totalità tal-aspetti rilevanti f’kull każ inkwistjoni, b’mod partikolari t-tul ta’ kull waħda mill-assenzi tal-persuna kkonċernata mill-Istat ospitanti, it-tul akkumulat u l-frekwenza ta’ dawn l-assenzi kif ukoll ir-raġunijiet li mmotivaw lill-persuna kkonċernata meta telqet minn dan l-Istat Membru u li jistgħu jistabbilixxu jekk dawn l-assenzi jimplikawx jew le l-ispostament lejn Stat ieħor li huwa ċ-ċentru tal-interessi personali, familjari jew professjonali.

 Fuq l-ewwel domanda

39      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni sar-raba’ domandi, hemm lok li l-ewwel domanda tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk u sa fejn il-kriminalità marbuta mat-traffiku ta’ drogi fi grupp organizzat tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika”, għall‑każ fejn din il-qorti tikkonkludi li ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jibbenefika mill-protezzjoni tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38, jew tal-kunċett ta’ “raġunijiet gravi ta’ ordni pubbbliku jew ta’ sigurtà pubblika”, għall-każ fejn tikkonkludi li l-imsemmi ċittadin jibbenefika mill-protezzjoni tal-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva.

40      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/38 kif ukoll mill-ispirtu ta’ din id-dispożizzjoni, hekk kif imfakkra fil-punti 24 sa 28 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, billi ssottometta kull miżura ta’ tkeċċija fl-ipoteżi msemmija fl‑Artikolu 28(3) ta’ din id-direttiva għall-preżenza ta’ “raġunijiet imperattivi” ta’ sigurtà pubblika, kunċett li huwa konsiderevolment iktar strett minn dak ta’ “raġunijiet gravi” fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, il-leġiżlatur tal-Unjoni manifestament kellu l-intenzjoni li jillimita l-miżuri bbażati fuq l-imsemmi paragrafu 3 għal “ċirkustanzi eċċezzjonali”, kif huwa stabbilit fil-premessa 24 tal‑imsemmija direttiva.

41      Fil-fatt, il-kunċett ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika” jippreżupponi mhux biss l-eżistenza ta’ preġudizzju għas-sigurtà pubblika, iżda, barra minn hekk, li tali preġudizzju għandu grad ta’ gravità partikolarment għoli, rifless fl-użu tal-espressjoni “raġunijiet imperattivi”.

42      Huwa wkoll f’dan il-kuntest li għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “sigurtà pubblika” li jinsab fl-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38.

43      Fil-qasam ta’ sigurtà pubblika, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din tkopri kemm is-sigurtà interna ta’ Stat Membru kif ukoll is-sigurtà esterna tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 1999, Sirdar, C-273/97, Ġabra p. I-7403, punt 17; tal-11 ta’ Jannar 2000, Kreil, C-285/98, Ġabra p. I-69, punt 17, tat-13 ta’ Lulju 2000, Albore, C-423/98, Ġabra p. I-5965, punt 18, u tal-11 ta’ Marzu 2003, Dory, C-186/01, Ġabra p. I-2479, punt 32).

44      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-preġudizzju għall-funzjonament tal‑istituzzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi essenzjali kif ukoll is-sopravivenza tal‑popolazzjoni, l-istess bħar-riskju ta’ perturbazzjoni gravi tar-relazzjonijiet esterni jew tal-koeżistenza paċifika tal-popli, jew inkella l-preġudizzju tal‑interessi militari, jistgħu jaffettwaw is-sigurtà pubblika (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju1984, Campus Oil et, 72/83, punti 34 u 35; tas-17 ta’ Ottubru 1995, Werner, C-70/94, Ġabra p. I-3189, punt 27; Albore, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22, kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2001, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑398/98, Ġabra p. I-7915, punt 29).

45      Għaldaqstant minn dan jirriżulta li l-għanijiet bħall-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mat-traffiku ta’ drogi fi grupp organizzat huma neċessarjament esklużi mill-imsemmi kunċett.

46      It-traffiku ta’ drogi fi grupp organizzat jikkostitwixxi kriminalità mferrxa, mogħnija b’mezzi ekonomiċi u operattivi impressjonanti u li spiss għandha konnessjonijiet transnazzjonali. Fir-rigward tal-effetti devastanti tal-kriminalità marbuta ma’ dan it-traffiku, id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI, tal‑25 ta’ Ottubru 2004, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (ĠU L 153M, p. 94), tipprovdi, fil-premessa 1 tagħha, li t-traffiku illeċitu ta’ drogi joħloq theddida għas-saħħa, għas-sigurtà u għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal‑Unjoni, kif ukoll għall-ekonomija legali, għall-istabbiltà u għas-sigurtà tal‑Istati Membri.

47      Fil-fatt, peress li t-tossikomanija tikkostitwixxi pjaga għall-individwu u periklu ekonomiku u soċjali għall-umanità (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is‑sentenza tas-26 ta’ Ottubru 1982, Wolf, 221/81, Ġabra p. 3681, punt 9, kif ukoll tal-Qorti Ewropea għad-Drittijet tal-Bniedem, kawża Aoulmi vs Franza, tas-17 ta’ Jannar 2006, paragrafu 86), it-traffiku ta’ drogi fi grupp organizzat jista’ jippreżenta livell ta’ intensità ta’ natura li thedded direttament it-trankwillità u s‑sigurtà fiżika tal-popolazzjoni kollha jew parti kbira minnha.

48      Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 jenfasizza li l-aġir tal-persuna kkonċernata għandu jirrappreżenta theddida reali u attwali għall‑interess fundamentali tas-soċjetà jew tal-Istat Membru kkonċernat, li s‑sempliċi eżistenza ta’ kundanni kriminali preċedenti ma tistax timmotiva miżuri ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika u li ġustifikazzjonijiet mhux direttament marbuta mal-każ individwali kkonċernat jew li huma dwar raġunijiet ta’ prevenzjoni ġenerali ma jistgħux jintlaqgħu.

49      Konsegwentement, miżura ta’ tkeċċija għandha tkun ibbażata fuq eżami individwali tal-każ inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Metock et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74) u tista’ tiġi ġġustifikata għal raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika fis-sens tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38 biss jekk, fid‑dawl tal-gravità eċċezzjonali tat-theddida, tali miżura hija neċessarja għall‑protezzjoni tal-interessi li hija tfittex li tiggarantixxi, fuq il-kundizzjoni li dan l-għan jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas stretti, fid-dawl tat-tul ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadin tal-Unjoni u b’mod partikolari tal‑konsegwenzi negattivi gravi li tali miżura tista’ ġġib għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu verament integraw fl-Istat Membru ospitanti.

50      Fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38, għandhom jitqiesu b’mod partikolari, minn naħa, in-natura eċċezzjonali tat-theddida għas-sigurtà pubblika minħabba l‑aġir personali tal-persuna kkonċernata, evalwata, skont il-każ, fiż-żmien meta tingħata d-deċiżjoni ta’ tkeċċija (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C‑482/01 u C‑493/01, Ġabra p. I‑5257, punti 77 sa 79), skont it-tul tal-pieni inkorsi u ta’ dawk skontati, skont il-grad ta’ involviment fl-attività kriminali, skont il-portata tad-dannu u, jekk ikun il-każ, skont it-tendenza ta’ reċidiva (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, Ġabra p. 1999, punt 29), flimkien, min-naħa l-oħra, mar-riskju li tiġi kompromessa r-reintegrazzjoni taċ-ċittadin tal‑Unjoni fejn huwa integrat sew, li huwa fl-interess mhux biss ta’ dan tal-aħħar, iżda wkoll tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tiegħu.

51      Il-piena mogħtija għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala element ta’ dawn il‑fatturi kollha. Kundanna għal piena ta’ ħames snin ma tistax twassal għal deċiżjoni ta’ tkeċċija, kif previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi deskritti fil-punt preċedenti, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

52      Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d‑drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li jiġu rrispettati, inkwantu l-motivi ta’ interess ġenerali jistgħu jiġu invokati sabiex tiġi ġġustifikata miżura nazzjonali li hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-persuni biss meta l-miżura inkwistjoni tieħu inkunsiderazzjoni dawn id‑drittijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Orfanopoulos u Oliveri, iċċitata iktar ’il fuq, punti 97 sa 99), u b’mod partikolari d-dritt għall-osservanza tal-ħajja privata u familjari kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB, C‑400/10 PPU, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 53, u tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Maslov vs Autriche [GC], tat-23 ta’ Ġunju 2008, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2008 - paragrafu 61 et seq).

53      Sabiex jiġi evalwat jekk l-intrużjoni prevista hijiex proporzjonata mal-għan leġittimu intiż, f’dan il-każ il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari n-natura u l-gravità tal-ksur imwettaq, it-tul tar-residenza tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru ospitanti, il-perijodu li għadda minn meta sar il-ksur u l-kondotta tal-persuna kkonċernata matul dan il‑perijodu kif ukoll is-solidità tar-rabtiet soċjali, kulturali u familjari mal-Istat ospitanti. Fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni li għadda b’mod legali, il‑parti l-kbira, jekk mhux l-integralità, tal-infanzja u l-adoloxxenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, għandhom jittressqu raġunijiet sodi sabiex tiġi ġġustifikata l‑miżura ta’ tkeċċija (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Maslov vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, paragrafu 71 sa 75).

54      Fi kwalunkwe każ, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru jista’, sabiex jippreserva l-ordni pubbliku, jikkunsidra li l-użu ta’ drogi jikkostitwixxi periklu għas-soċjetà ta’ natura li jiġġustifika miżuri dwar id-drogi (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1999, Calfa, C‑348/96, Ġabra p. I‑11, punt 22, kif ukoll Orfanopoulos u Oliveri, iċċitat iktar ’il fuq, punt 67), għandu jiġi konkluż li t‑traffiku ta’ drogi fi grupp organizzat jaqa’, iktar u iktar, taħt il-kunċett ta’ “ordni pubbliku”, hekk kif previst fl-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/38.

55      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l‑elementi kollha msemmija iktar ’il fuq, jekk l-aġir ta’ P. Tsakouridis jaqax taħt “raġunijiet gravi ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika”, fis-sens tal‑Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/38, jew ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 28(3) tagħha, u jekk il-miżura ta’ tkeċċija inkwistjoni tirrispettax il-kundizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, f’każ fejn il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jibbenefika mill-protezzjoni tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-ġlieda kontra l‑kriminalità marbuta mat-traffiku ta’ drogi fi grupp organizzat tista’ taqa’ taħt il‑kunċett ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika” li tista’ tiġġustifika miżura ta’ tkeċċija ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun irrisjeda fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin preċedenti. F’każ fejn il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jibbenefika mill-protezzjoni tal-Artikolu 28(2) tad‑Direttiva 2004/38, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l‑ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mat-traffiku ta’ drogi fi grupp organizzat taqa’ taħt il-kunċett ta’ “raġunijiet gravi ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika”.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal‑Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk ċittadin tal-Unjoni kienx għex fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin li jippreċedu d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, kriterju determinanti għall-għoti tal-protezzjoni ogħla li tipprovdilu din id-dispożizzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni t-totalità tal‑aspetti rilevanti f’kull każ inkwistjoni, b’mod partikolari t-tul ta’ kull waħda mill-assenzi tal-persuna kkonċernata mill-Istat ospitanti, it‑tul akkumulat u l-frekwenza ta’ dawn l-assenzi kif ukoll ir-raġunijiet li mmotivaw lill-persuna kkonċernata meta telqet minn dan l-Istat Membru u li jistgħu jistabbilixxu jekk dawn l-assenzi jimplikawx jew le l-ispostament lejn Stat ieħor li huwa ċ-ċentru tal-interessi personali, familjari jew professjonali

2)      F’każ fejn il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jibbenefika mill-protezzjoni tal-Artikolu 28(3) tad‑Direttiva 2004/38, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis‑sens li l-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mat-traffiku ta’ drogi fi grupp organizzat tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika” li tista’ tiġġustifika miżura ta’ tkeċċija ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun irrisjeda fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin preċedenti. F’każ fejn il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li ċittadin tal‑Unjoni kkonċernat jibbenefika mill-protezzjoni tal-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/38, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis‑sens li l-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mat-traffiku ta’ drogi fi grupp organizzat taqa’ taħt il-kunċett ta’ “raġunijiet gravi ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika”.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top