Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0074

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) ta' l-20 ta' Settembru 2007.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Ellenika.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Artikolu 90 KE - Taxxa tar-reġistrazzjoni tal-vetturi użati importati - Stabbiliment tal-valur taxxabbli - Deprezzament tal-vetturi bbażat biss fuq kemm għandhom żmien - Tagħrif tal-kriterji ta’ kalkolu - Possibbiltà li tiġi kkontestata l-applikazzjoni tal-metodu tal-kalkolu b'rata fissa.
    Kawża C-74/06.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-07585

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:534

    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet

    Fil-kawża C‑74/06,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-8 ta’ Frar 2006,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Triantafyllou, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn P. Mylonopoulos u K. Boskovits, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President ta’ l-Awla, E. Juhász, G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ April 2007,

    wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza

    1. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi li, billi applikat, sabiex jiġi stabbilit il-valur taxxabbli tal-vetturi użati importati minn Stat Membru ieħor fuq it-territorju Elleniku, kriterju wieħed ta’ deprezzament tal-vettura fuq il-bażi ta’ kemm għandha żmien u meta applikat tnaqqis tal-valur ta’ 7 % għall-vetturi li għandhom bejn sitta u tnax-il xahar jew ta’ 14 % għall-vetturi li għandhom sena, fejn dan ma jiggarantix li t-taxxa dovuta ma taqbiżx, anki jekk biss f’ċerti każijiet, l-ammont tat-taxxa residwa inkluż fil-valur tal-vetturi użati simili diġà rreġistrati fit-territorju nazzjonali, filwaqt li l-bażi ta’ kalkolu ta’ deprezzament mhuwiex ikkomunikat lill-pubbliku u li l-eżami tal-vetturi minn esperti huwa suġġett għall-ħlas ta’ dazju ta’ EUR 300, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 90 KE.

    Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

    2. L-Artikolu 126(1)(a) tal-Liġi 2960/2001 dwar il-kodiċi doganali nazzjonali (FEK A’ 265), kif emendat mil-Liġi 3156/2003 (FEK A’ 157, iktar ’il quddiem il-“Liġi 2960/2001”), jistabbilixxi, għat-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi użati importati, il-valur taxxabbli bil-mod segwenti:

    “[…]

    Għall-vettur individwali li huma użati, huwa meħud in kunsiderazzjoni […] tal-prezz ta’ bejgħ bl-ingrossa tal-vettura korrispondenti fis-seħħ meta tqiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni fis-suq internazzjonali, dan il-prezz jitnaqqas, għal raġunijiet ta’ xedd u kedd dovut għall-użu abitwali jew għal kwalunkwe raġuni oħra, fuq il-bażi tal-perċentwali ta’ deprezzament segwenti:

    Bejn 6 u 12-il xahar sa mid-data ta’ l-ewwel darba meta l-vettura titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni u bil-kundizzjoni li din tkun diġà għamlet aktar minn 6 000 kilometru, deprezzament ta’ 7 %.

    Minn 1 sa 2 snin inkluż 14 % Bejn 2 u 3 snin inkluż 21 % Bejn 3 u 4 snin inkluż 28 % Bejn 4 u 5 snin inkluż 34 % Bejn 5 u 6 snin inkluż 40 % Bejn 6 u 7 snin inkluż 46 % Bejn 7 u 8 snin inkluż 52 % Bejn 8 u 9 snin inkluż 57 % Bejn 9 u 10 snin inkluż 62 % Bejn 10 u 11 snin inkluż 67 % Bejn 11 u 12 snin inkluż 70 % Bejn 12 u 13 snin inkluż 73 % Bejn 13 u 14 snin inkluż 76 % Bejn 14 u 15 snin inkluż 79 % Bejn 15 u 16 snin inkluż 80 %.”

    3. L-Artikolu 126(5) tal-Liġi 2960/2001 jipprovdi li, jekk il-proprjetarju ta’ vettura individwali użata jikkontesta l-ammont tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni kkalkulata fuq il-bażi ta’ l-iskala ta’ deprezzament stabbilita fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu, il-valur taxxabbli huwa ddeterminat minn kumitat ta’ esperti, li jaġixxu bħala kummissjoni ta’ ilmenti, b’tali mod li t-taxxa ta’ reġistrazzjoni dovuta tkun daqs l-ammont ta’ din it-taxxa residwa inkluża fil-valur ta’ vettura ta’ l-istess trade mark, ta’ l-istess mudell u ta’ l-istess sistema ta’ propulsjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, ta’ vettura simili jew ekwivalenti li tqiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni fil-Greċja fl-istess sena bħal dik ta’ l-ewwel tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tal-vettura kkonċernata fi Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-kummissjonijiet ta’ l-ilmenti li jeżaminaw l-istat reali tal-vetturi għandhom il-bażi tagħhom fil-kwartieri ġenerali tad-distretti doganali u huma komposti minn rappreżentant tad-distrett doganali, minn rappreżentant tal-Ministeru tat-Trasport u tal-Komunikazzjoni kif ukoll mill-proprjetarju tal-vettura jew mir-rappreżentant tiegħu. Sabiex kummissjoni ta’ l-ilmenti tkun tista’ tipproċedi bil-valutazzjoni ta’ vettura, il-proprjetarju ta’ din il-vettura għandu jħallas dazju ta’ l-ammont ta’ EUR 300.

    4. Id-Digriet F.112/50 tas-Segretarju ta’ l-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi u għall-Finanzi, tas-27 ta’ Jannar 2004 (FEK B’ 207), stabbilixxa l-elementi li jippermettu lill-kummissjonijiet ta’ l-ilmenti previsti fl-Artikolu 126(5) tal-Liġi 2960/2001 li jevalwaw l-istat reali tal-vetturi individwali użati. L-Artikolu 2(b) u (c) ta’ dan id-Digriet jipprovdi wkoll li l-kummissjoni ta’ l-ilmenti:

    “b) tanalizza l-istat mekkaniku tal-vettura billi tikkontrolla l-karrozzerija, il-magna, il-batterija, is-sistema elettrika, l-istat tar-roti u tevalwa l-funzjonament rispettiv tagħhom, filwaqt li, għal dak li jikkonċerna l-apparenza esterna tal-vettura, hija għanda tikkontrolla t-tip u l-istat ta’ l-isprej;

    c) tivverifika l-istat ġenerali tal-vettura fuq il-livell ta’ l-użu tagħha u tal-manutenzjoni tagħha, il-kwalità ta’ tappezerija interna u, b’mod aktar ġenerali, ta’ l-intern tal-kabina, il-kilometraġġ li jidher fl-arloġġ, l-istat taċ-ċintorini tas-sigurtà kif ukoll il-kwalità ta’ l-aċċessorji installati fl-imsemmija vettura, b’mod partikolari dik tas-sistema ta’ airconditioning, tar-radju, tal-kompjuter, ta’ l-alloy wheels, ta’ l-airbags, tas-sistema ta’ burglar alarm, tas-saqaf li jinfetaħ, tal-gerijiet awtomatiċi, tas-sistemi tal-brejkijiet ABS, EBV, u tip ta’ sistema ta’ preċiżjoni fid-dawrien EDS, ASR, ESP u ta’ aċċessorji oħra li huma essenzjali sabiex jiġi stabbilit il-valur kummerċjali ta’ l-imsemmija vettura”.

    Il-proċedura prekontenzjuża

    5. Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet, permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑375/95, Ġabra p. I‑5981), li r-Repubblika Ellenika kienet naqqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 95 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 90 KE) meta ddeterminat, għall-applikazzjoni tat-taxxa speċjali tal-konsum u tat-taxxa speċjali addizzjonali unika, il-valur taxxabbli tal-vetturi użati importati billi naqqset il-prezz mill-vetturi ġodda li jikkorrispondi għal 5 % għal kull sena żmien tal-vetturi kkonċernati, fejn it-tnaqqis massimu bħala prinċipju ma setax jaqbeż 20 %.

    6. Sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-imsemmija sentenza, ir-Repubblika Ellenika, fl-1999, fl-2001 u fl-2003, irriformat is-sistema tagħha ta’ tassazzjoni tal-vetturi kkonċernati billi ssostitwiet il-ġbir tat-taxxa speċjali tal-konsum u t-taxxa speċjali addizzjonali unika b’dik tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni, kif ukoll billi rrevediet il-metodu ta’ kalkolu tal-valur taxxabbli ta’ l-imsemmija vetturi. Fl-2003, xi kummissjonijiet ta’ l-ilmenti ġew stabbiliti sabiex jinstemgħu kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni.

    7. Il-Kummissjoni madankollu kkunsidrat li, hekk kif emendata, il-leġiżlazzjoni Ellenika tapplika skala li hija bbażata fuq kriterju wieħed ta’ deprezzament tal-vettura (it-terminu ta’ żmien ta’ l-użu fil-jum ta’ l-impożizzjoni) li ma jirreflettix id-deprezzament reali bil-preċiżjoni meħieġa sabiex jiġi evitat kull riskju li l-vetturi użati importati ma jkunux suġġetti għal taxxa li taqbeż l-ammont tat-taxxa residwa inkluża fil-valur tal-vetturi użati simili diġà rreġistrati fil-Greċja. Hija tqis li din l-iskala, li permezz tagħha tipprattika, anki jekk biss f’ċerti każijiet, l-impożizzjoni ta’ taxxa aktar għolja fuq il-vetturi importati, tmur kontra l-Artikolu 90 KE.

    8. Intbagħtet ittra ta’ intimazzjoni mill-Kummissjoni lir-Repubblika Ellenika li tikkritika l-imsemmija leġiżlazzjoni fl-24 ta’ April 2004, segwita fid-9 ta’ Lulju 2004, minn ittra ta’ intimazzjoni sussegwenti li tieħu in kunsiderazzjoni l-ħolqien tal-kummissjonijiet ta’ l-ilmenti. Wara r-risposta ta’ dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni indirizzata fit-13 ta’ Lulju 2005 b’opinjoni motivata. Billi qieset li r-risposta tar-Repubblika Ellenika għal din l-opinjoni ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

    Fuq ir-rikors

    L-argumenti tal-partijiet

    9. Skond il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 90 KE meta applikat, sabiex tistabbilixxi l-valur taxxabbli tal-vetturi użati importati, kriterju wieħed ta’ deprezzament ibbażat fuq kemm għandha żmien il-vettura. Sistema bħal din ma teskludix, anki jekk biss f’ċerti każijiet, li l-prodotti importati jiġu ntaxxati aktar mill-prodotti nazzjonali.

    10. Jekk l-iskala ta’ deprezzament prevista mil-leġiżlazzjoni Ellenika hekk kif ġiet emendata fl-2003 tersaq aktar lejn il-valur reali tal-vetturi użati, madankollu din ma tistax tiġi kkunsidrata li toffri l-livell neċessarju ta’ preċiżjoni. Fil-fatt, it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ deprezzament ta’ 7 % għall-vetturi fejn iż-żmien tal-vetturi ivarja bejn sitta u tnax-il xahar jew 14 % għall-vetturi li għandhom iktar minn sena ma jammontax għal kunsiderazzjoni realista tat-telf tal-valur reali tal-vettura, f’prattikament il-każijiet kollha. L-imsemmija skala għadha tkun ibbażata fuq deprezzament aktar mgħaġġel u li jkopri l-vetturi kollha. Madakollu, ma jirriżultax mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni li kriterji oħra minbarra ż-żmien tal-vettura, bħal dawk proposti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, qed jiġu meħuda in kunsiderazzjoni.

    11. Minbarra dan, il-leġiżlazzjoni Ellenika mhijiex konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skond liema, meta Stat Membru japplika fuq vetturi użati importati minn Stati Membri oħra sistema ta’ taxxa li fiha d-deprezzament reali tal-vetturi huwa definit b’mod ġenerali u astratt fuq il-bażi ta’ kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali, l-ewwel sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE jeħtieġ li din is-sistema ta’ tassazzjoni tiġi mmexxija b’mod li teskludi, b’kunsiderazzjoni ta’ l-approssimazzjonijiet raġonevoli inerenti għal sistema ta’ dan it-tip, kull effett diskriminatorju.

    12. Minn naħa, jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li t-tagħrif tal-kriterji li fuqhom huwa bbażat il-metodu ta’ kalkolu b’rata waħda tad-deprezzament tal-vetturi huwa indispensabbli sabiex jirrimedja n-nuqqas ta’ trasparenza tas-sistema ta’ tassazzjoni in kwistjoni. Madankollu, il-Gvern Elleniku kien irrifjuta uffiċjalment li jikkomunika lill-Unjoni Ellenika tan-negozjanti u importaturi ta’ vetturi, kull informazzjoni li tikkonċerna l-valuri taxxabbli attwalment ikkunsidrati. F’dan ir-rigward, ma jkunx suffiċjenti li jiġu ppubblikati l-kriterji ġenerali, marbuta maż-żmien tal-vettura, iżda huwa meħtieġ ukoll li jiġu ppublikati l-iskedi ta’ valuri fissi li huma stabbiliti fuq il-bażi ta’ l-imsemmija kriterji. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ tagħrif f’dan ir-rigward iwassal għal riskju li l-awtoritajiet jistgħu jiffissaw arbitrarjament il-valur taxxabbli. Il-Kummissjoni barra minn hekk tikkunsidra li, hekk kif il-valuri oġġettivi huma fissati bil-mezz leġiżlattiv għall-beni immobbli, jeħtieġ li tiddaħħal sistema ekwivalenti għall-vetturi. Il-Kummissjoni f’dan ir-rigward tinvoka l-prezzijiet ippublikati fir-rivisti tal-klabbs awtomobbilistiċi sabiex turi l-possibbiltà li jiġu stabbiliti skedi ta’ referenza f’dak li jirrigwarda l-valur tal-vetturi użati.

    13. Il-Kummissjoni żżid li hija qatt ma eżiġiet li l-prezzijiet applikati minn distributur b’mod partikolari jiġu kkomunikati u li għalhekk huwa għalxejn li jiġi invokat is-sigriet professjonali u amministrattiv li jipproteġi l-prezzijiet ta’ bejgħ kif ukoll il-possibbiltà teoretika, għal individwu, li jsaqsi għall-informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti.

    14. Min-naħa l-oħra, filwaqt li tiddikjara lilha nfisha favorevoli għall-ħolqien tal-kummissjonijiet ta’ l-ilmenti, il-Kummissjoni fl-ewwel lok issostni li fejn il-metodu tal-kalkolu tal-valur taxxabbli, ibbażat fuq skala jibbaża fuq kriterju wieħed, jibqa’ l-istess, il-proċedura quddiem dawn il-kummissjonijiet ma tippermettix li jimtlew il-lakuni ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu u ma tikkontribwixxix sabiex tiġi sodisfatta l-ħtieġa li skond din l-ammont tat-taxxa m’għandux jaqbeż, anki jekk biss f’ċerti każijiet, l-ammont tat-taxxa residwa inkluża fil-valur tal-vetturi simili diġà rreġistrati fil-Greċja. Fil-fatt, l-użu tal-kummissjonijiet ta’ l-ilmenti għandu jkun limitat għall-każijiet fejn hemm lok li jiġu kkorreġuti, b’mod eċċezzjonali, l-iżbalji ta’ applikazzjoni marġinali ta’ sistema li ġiet ippjanata korrettement, u mhux biex iservi ta’ sostitut għal sistema defiċjenti. Fit-tieni lok, l-obbligu li jitħallas dazju li jitla’ għal EUR 300 huwa ta’ natura li jiddiswadi lill-persuni taxxabbli milli jirrikorru għall-proċedura ta’ ilment. B’hekk, minħabba nuqqas ta’ trasparenza tas-sistema leġiżlattiva li tistabbilixxi l-ammont tat-taxxa kkonċernata u d-dazju li għandu jiġi mħallas sabiex tiġi ppreżentata l-imsemmija proċedura, din fil-prattika tibqa’ bla effett u inutili, u dan barra minn hekk jidher mill-ftit rikorsi ppreżentati.

    15. Ir-Repubblika Ellenika tikkontesta li s-sistema tagħha ta’ tassazzjoni tal-vetturi użati importati tammonta għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 90 KE.

    16. Fl-ewwel lok, din is-sistema tintegra fir-realtà l-parti l-kbira tal-kriterji meħtieġa mill-ġurisprudenza. B’hekk, sabiex jiġi stabbilit iż-żmien, u konsegwentement, id-deprezzament tal-vettura partikolari sabiex jiġi ffissat il-valur taxxabbli tagħha, jiġi kkunsidrat, minn naħa, ix-xedd u kedd li jirriżulta mill-użu normali jew minn kull kawża oħra kif ukoll, għall-vetturi li ż-żmien tagħhom ivarja bejn sitta u tnax-il xahar, in-numru tal-kilometri li jkunu saru u, min-naħa l-oħra, it-tip ta’ vettura, peress li l-prezz ta’ bejgħ bl-ingrossa użat bħala bażi ta’ kalkolu huwa stabbilit permezz tal-listi tal-prezz ppreżentati lill-awtoritajiet doganali mid-distributuri uffiċjali ta’ vetturi, li huma mfassla abbażi taċ-ċilindraġġ u tal-mudell.

    17. Skond ir-Repubblika Ellenika, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq il-ħtieġa tal-bosta kriterji, iżda mingħajr ma tippreċiża aktar in-natura xierqa tar-rabta tagħhom u lanqas ma tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-ebda kriterju definit minn liġi ma jista’ jikkorrispondi bi preċiżjoni assoluta għad-deprezzament reali ta’ vettura. Minbarra dan, din il-ħtieġa tista’ twassal għall-applikazzjoni ta’ sistemi ta’ kalkolu kumplessi li jistgħu jostakolaw l-importazzjoni tal-vetturi użati.

    18. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika ssostni li s-sistema attwali ffavorixxiet l-importazzjoni tal-vetturi użati, li ttriplikaw bejn 2002 u 2005, li juri li dan huwa metodu oġġettiv u realistiku ta’ deprezzament ta’ l-imsemmija vetturi.

    19. Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ l-allegat nuqqas ta’ reklamar tal-kriterji li fuq il-bażi tagħhom huwa stabbilit il-valur taxxabbli, ir-Repubblika Ellenika ssostni, l-ewwel nett, li l-elementi li jidhru fid-dokumenti doganali huma koperti mis-sigriet tas-servizzi u li komunikazzjoni lil terzi tal-listi tal-prezz tal-bejgħ bl-ingrossa ppreżentati mid-distributuri tal-karozzi jolqot ħażin kemm dan is-sigriet kif ukoll il-każijiet imressqa. Minbarra dan, kemm il-kriterji ta’ deprezzament tal-vetturi individwali użati kif ukoll l-elementi li jippermettu lill-kummissjonijiet ta’ l-ilmenti li jevalwaw l-istat reali tagħhom huma interament ippubblikati u aċċessibbli lill-pubbliku. B’hekk, qabel l-iżdoganar ta’ vettura importata, il-proprjetarju tagħha jista’ jikkomunika mal-Ministeru tal-Finanzi sabiex isir jaf bl-elementi intervenjenti kollha fid-determinazzjoni tal-valur taxxabbli ta’ din il-vettura.

    20. Barra minn hekk, il-prezzijiet bl-imnut ippublikati fir-rivisti huma biss indikattivi u b’hekk m’humiex referenza ċerta u stabbli. Huma madankollu jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni minn kummissjoni ta’ l-ilmenti fl-ipoteżi fejn il-proprjetarju ta’ vettura jistabbilixxi differenza sostanzjali bejn dawn il-prezzijiet u l-valur ikkunsidrat fl-iżdoganar.

    21. Ir-Repubblika Ellenika tikkontesta r-rilevanza tal-proposta tal-Kummissjoni li tippubblika l-iskedi ta’ valuri ta’ referenza, simili għall-valuri fissi stabbiliti għall-beni immobbli. Fil-fatt, f’dan l-aħħar każ, l-imsemmija valuri huma r-riflessjoni mhux tal-prezzijiet medji definiti mis-suq, iżda ta’ leġiżlazzjoni dwar il-valuri taxxabbli stabbiliti wara l-evalwazzjonijiet li jkunu saru mill-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti. Minbarra dan, il-Kummissjoni b’hekk tħeġġeġ li dan l-Istat Membru jagħmel pubbliku l-medja tal-prezzijiet tas-suq imposti mill-kummerċjanti bl-imnut, peress li s-sistema Ellenika hija bbażata fuq il-prezz ta’ bejgħ bl-ingrossa.

    22. Fit-tielet lok, fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi kkontestata l-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu b’rata fissa quddiem il-kummissjonijiet ta’ l-ilmenti, ir-Repubblika Ellenika ssostni li t-twaqqif ta’ dawn il-kummissjonijiet, flimkien ma’ l-applikazzjoni ta’ skala oġġettiva ta’ deprezzament, għandu l-għan li jevita, fil-każijiet kollha, l-impożizzjoni ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni bi ksur ta’ l-Artikolu 90 KE. B’hekk, il-leġiżlazzjoni Ellenika hija konformi mal-ġurisprudenza skond liema l-possibbiltà, għall-proprjetarju ta’ vettura importata, li jikkontesta l-applikazzjoni ta’ l-iskala fissa għal dak li jikkonċerna l-vettura tiegħu turi li hija twassal għal tassazzjoni aktar għolja mill-ammont tat-taxxa residwa inkluża fil-valur tal-vetturi użati simili rreġistrati fit-territorju nazzjonali u hija ta’ natura li tipprevjeni l-effetti diskriminatorji eventwali ta’ sistema ta’ tassazzjoni bbażata fuq tali skala. It-twaqqif tal-kummissjonijiet ta’ l-ilmenti jirrispondi, minbarra dan, għall-ħtiġijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha tad-Direttiva li tirrigwarda t-taxxi fuq il-vetturi individwali [COM(2005) 261 finali], speċjalment għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10(3) ta’ din il-proposta għad-Direttiva f’dak li jikkonċerna l-iskala ta’ valur.

    23. Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dazju ta’ EUR 300 impost mill-awtoritajiet pubbliċi bħala kumpens għall-valutazzjoni ta’ vettura magħmula minn kummissjoni ta’ l-ilmenti, dan ma jiddiswadix ebda persuna taxxabbli milli tressaq ilment quddiem tali kummissjoni sabiex issostni l-allegazzjonijiet tagħha sabiex tikseb li deprezzament għola tal-vettura tagħha tiġi kkunsidrata jekk hija għandha realment raġunijiet għaliex taħseb li l-valur ta’ din kien sopravalutat mill-awtoritajiet doganali. In-numru baxx ta’ każijiet imressqa quddiem il-kummissjonijiet ta’ l-ilmenti juri li l-leġiżlazzjoni Ellenika tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    24. Fir-rigward tat-tassazzjoni tal-vetturi awtomobilistiċi użati importati, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 90 KE huwa intiż sabiex jiggarantixxi n-newtralità perfetta tat-taxxi interni fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn prodotti li jinsabu diġà fis-suq nazzjonali u prodotti importati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Weigel, C‑387/01, Ġabra p. I‑4981, punt 66; tal-5 ta’ Ottubru 2006, Nádasdi u Németh, C‑290/05 u C‑333/05, Ġabra p. I‑10115, punt 46, kif ukoll tat-18 ta’ Jannar 2007, Brzeziński, C‑313/05, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 28).

    25. Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 90 KE huwa miksur meta t-taxxa imposta fuq il-prodott importat u dik imposta fuq il-prodott nazzjonali simili huma kkalkulati b’mod differenti u jsegwu metodi differenti li jwasslu, anki jekk biss f’ċerti każijiet, għal taxxa ogħla tal-prodott importat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-22 ta’ Frar 2001, Gomes Valente, C‑393/98, Ġabra p. I‑1327, punt 21, kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2002, Tulliasiamies u Siilin, C‑101/00, Ġabra p. I‑7487, punt 53).

    26. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ikkunsidrat li l-ġbir minn Stat Membru ta’ taxxa fuq il-vetturi użati provenjenti minn Stat Membru ieħor jmur kontra l-Artikolu 90 KE meta l-ammont ta’ din it-taxxa, ikkalkulat mingħajr kunsiderazzjoni tad-deprezzament reali tal-vettura, jaqbeż l-ammont tat-taxxa residwa inkluż fil-valur tal-vetturi użati simili diġà rreġistrati fit-territorju nazzjonali (sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1995, Nunes Tadeu, C‑345/93, Ġabra p. I‑479, punt 20, u Gomes Valente, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

    27. Għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 90 KE, u b’mod partikolari għall-ħtiġijiet tal-paragun bejn is-sistema tat-tassazzjoni tal-vetturi użati importati u dik tal-vetturi użati li huma mixtrija fuq il-post, li jikkostitwixxu prodotti simili jew kompetittivi, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni mhux biss ir-rata tat-taxxa interna imposta direttament jew indirettament fuq il-prodotti nazzjonali u l-prodotti importati, iżda ukoll il-valutazzjoni u regoli ddettaljati għall-impożizzjoni tat-taxxa in kwistjoni (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi, 74/76, Ġabra p. 557, punt 21; tal-11 ta’ Diċembru 1990, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑47/88, Ġabra p. I‑4509, punt 18, kif ukoll Nunes Tadeu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12).

    28. Aktar preċiżament, Stat Membru ma jistax jiġbor taxxa fuq il-vetturi użati importati stmata fuq valur ogħla mill-valur reali tal-vettura, b’konsegwenza ta’ tassazzjoni ogħla minn dik tal-vetturi użati simili disponibbli fis-suq nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22). Il-valur tal-vettura użata importata stmat mill-aministrazzjoni bħala bażi ta’ taxxa għandu jirrefletti fedelment il-valur ta’ vettura simili diġà rreġistrata fit-territorju nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Weigel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

    29. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-teħid in kunsiderazzjoni tad-deprezzament reali tal-vetturi m’għandux neċessarjament jagħti lok għal evalwazzjoni jew għal valutazzjoni ta’ kull waħda minnhom. Fil-fatt, billi jevita piż inevitabbli għal sistema bħal din, Stat Membru jista’ jiffissa, permezz ta’ skali fissi stabbiliti minn dispożizzjoni leġiżlattiva, regolamentarja jew amministrattiva u kkalkulati fuq il-bażi ta’ kriterji bħaż-żmien tal-vettura, il-kilometraġġ, l-istat ġenerali, il-metodu ta’ propulsjoni, it-trade mark jew il-mudell tal-vettura, valur tal-vetturi użati li, bħala regola ġenerali, ikun qrib ħafna l-valur reali tagħhom (sentenzi iċċitati iktar ’il fuqs Gomes Valente, punt 24, u Weigel, punt 73).

    30. Skali bħal dawn għandhom, fi kwalunkwe każ, jieħdu in kunsiderazzjoni l-fatt li t-tnaqqis annwali tal-valur tal-vetturi awtomobbilistiċi huwa normalment ħafna aktar ogħla minn 5 % u li dan id-deprezzament mhuwiex lineari, b’mod partikolari fl-ewwel snin, fejn dan jirriżulta ħafna aktar b’saħħtu iktar ’il quddiem. Minbarra dan, id-deprezzament ta’ vettura jibda mix-xiri tagħha jew meta tibda tintuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi iċċitata iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 22, kif ukoll Tulliasiamies u Siilin, punt 78).

    31. Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, sabiex sistema ta’ tassazzjoni tal-vetturi użati importati tieħu in kunsiderazzjoni d-deprezzament reali tal-vetturi fuq il-bażi ta’ kriterji ġenerali tkun kompatibbli ma’ l-Artikolu 90 KE, xorta jeħtieġ li topera b’mod li teskludi, b’kunsiderazzjoni ta’ l-approssimazzjonijiet raġonevoli inerenti għal kull sistema ta’ dan it-tip, kull effett diskriminatorju (sentenza Gomes Valente, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 29, u Brzeziński, punt 40).

    32. F’dan il-każ partikolari, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li s-sistema Ellenika ta’ tassazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-vetturi importati tibbaża ruħha fuq il-prezz tal-bejgħ bl-ingrossa tal-vettura li tikkorrispondi mal-vettura kkunsidrat eżistenti matul it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni fis-suq internazzjonali. Dan il-prezz jitnaqqas sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni x-xedd u l-kedd dovut għall-użu abitwali jew għal kull kawża oħra permezz ta’ applikazzjoni ta’ perċentwali ta’ deprezzament li jvarja skond kemm għandha żmien il-vettura. Il-kilometraġġ huwa meħud in kunsiderazzjoni biss f’dak li jikkonċerna l-vetturi li għandhom bejn sitta u tnax-il xahar, f’każ biss li jiġi applikat deprezzament ta’ 7 % lil dawk il-vetturi li jkunu għamlu 6 000 kilometru.

    33. L-ewwel nett, fir-rigward tal-bażi tal-kalkolu tal-valur taxxabbli, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, jekk l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu, hekk kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, jirreferu għal gwida li tindika l-prezzijiet medji tal-vetturi fis-suq nazzjonali jew għal lista ta’ prezzijiet kurrenti medji użati bħala referenza fis-settur (sentenzi ċċitata iktar ’il fuq Gomes Valente, punt 25, u Weigel, punt 74), ir-Repubblika Ellenika ma tistax tiġi akkużata li bbażat ruħha fuq il-prezz ta’ bejgħ bl-ingrossa tal-vettura korrispondenti fis-seħħ matul it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni fis-suq internazzjonali tal-vettura importata.

    34. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet, fil-kuntest ta’ l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ma’ l-Artikolu 90 KE, li din tista’ tibbaża ruħha, sabiex tiddetermina l-valur taxxabbli ta’ vettura użata importata, fuq il-valur ta’ vettura ġdida, sakemm il-vettura użata bħala referenza sabiex tiġi kkalkolata t-taxxa dovuta tkun vettura simili, li jimplika t-teħid in kunsiderazzjoni tal-mudell, tat-tip u ta’ karatteristiċi oħra, bħall-metodu ta’ propulsjoni jew it-tagħmir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tulliasiamies u Siilin, iċċitata iktar ’il fuq, punti 73 sa 76).

    35. Huwa stabbilit li l-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa tal-vetturi huma stabbiliti minn min jiffabbrika l-karrozzi u jidhru fil-katalogi uffiċjali li dawn jiddistribwixxu. Ir-Repubblika Ellenika speċifikat matul is-seduta, mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni, li dawn il-prezzijiet jieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċilindrata kif ukoll il-mudell tal-vettura kkonċernata u jinkludu ċerti karatteristiċi tekniċi, bħall-metodu ta’ propulsjoni, is-saħħa tal-magna, in-numru ta’ ċilindri u n-numru ta’ bibien tal-vettura.

    36. Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ l-iskala ta’ deprezzament, hekk kif ġie spjegat fil-punt 30 tas-sentenza preżenti, it-telf ta’ valur bħala deprezzament ta’ vettura jibda mix-xiri tagħha jew minn meta tibda tintuża. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġbir, għall-vetturi użati importati, ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni li l-bażi tagħha hija ta’ l-anqas 90 % tal-valur ta’ vettura ġdida ġeneralment jammonta għal taxxa addizzjonali manifesta ta’ dawn il-vetturi meta mqabbel mal-valur residwu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi użati rreġistrati qabel, mixtrija fis-suq nazzjonali, indipendentement minn kemm għandhom żmien jew l-istat ta’ użu tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

    37. Kif ġie mfakkar fil-punt 29 tas-sentenza preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, mingħajr ma kkunsidrat b’mod eżawrjenti u imperattiv, il-kriterji oġġettivi li jservu bħala bażi ta’ skala fissa. B’hekk hija rreferiet għal kemm għandha żmien il-vettura, iżda ukoll għall-kilometraġġ tagħha, l-istat ġenerali tagħha, il-metodu ta’ propulsjoni tagħha, it-trade mark tagħha jew il-mudell tagħha.

    38. F’dan il-każ partikolari, huwa stabbilit li l-leġiżlazzjoni Ellenika tipprovdi biss għad-deprezzament sa minn meta l-vettura jkollha sitt xhur u sakemm il-vettura tkun għamlet aktar minn 6,000 kilometru. Minn naħa jirriżulta li r-Repubblika Ellenika tapplika għall-vetturi użati importati minn Stat Membru ieħor sistema ta’ tassazzjoni li fiha t-taxxa dovuta hija daqs it-taxxa li tiġi imposta fuq vettura ġdida simili matul l-ewwel sitt xhur sa’ mill-ewwel tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ l-imsemmija vetturi, ikun xi jkun il-kilometraġġ li jkun sar. L-istess japplika għall-vetturi użati importati li għandhom bejn sitta sa tnax-il xahar li jkunu għamlu kilometraġġ ta’ anqas minn 6,000 kilometru.

    39. Min-naħa l-oħra, jekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-prezz ta’ bejgħ bl-ingrossa li jservi bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-vetturi użati importati jieħu in kunsiderazzjoni t-tip ta’ vettura, jiġifieri ċ-ċilindrata, il-mudell u l-karatteristiċi tekniċi oħra bħall-metodu ta’ propulsjoni, jeħtieġ li jiġi stabbilit li l-iskala ta’ deprezzament li huwa sussegwentement applikat sabiex jiġi stabbilit il-valur taxxabbli hija bbażata fuq kriterju wieħed li huwa kemm għandha żmien il-vettura. Fil-fatt, l-unika referenza għall-kundizzjoni li l-vettura tkun għamlet aktar minn 6,000 kilometru jekk hija għandha bejn sitta u tnax-il xahar żmien ma jippermetix li jiġi kkunsidrat li din l-iskala tieħu in kunsiderazzjoni l-kilometraġġ tal-vettura, l-aktar għaliex dan huwa limitu ta’ użu li taħtu l-ebda deprezzament ma jiġi kkunsidrat jekk il-vettura m’għandhiex sena żmien.

    40. Madankollu, b’mod partikolari fil-każ ta’ użu intensiv ta’ vettura matul l-ewwel snin ta’ ċirkolazzjoni, ix-xedd u kedd u, b’hekk, id-deprezzament ikun ħafna aktar kunsiderevoli ħlief jekk din il-vettura kienet intużat b’mod imsejjaħ “abitwali”. Madankollu, peress li l-liġi in kwistjoni ma tieħux in kunsiderazzjoni l-kilometraġġ fil-kalkolu tad-deprezzament ta’ l-imsemmija vettura, dan jiġi applikat abbażi tar-rata ta’ deprezzament korrispondenti għal kemm għandha żmien. F’dan il-każ, il-valur tal-vettura kkunsidrata, li jammonta għall-bażi ta’ stima ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni, ser ikun manifestament iffissat għal livell eċċessiv, li jwassal għall-ġbir ta’ taxxa li l-ammont, ikkalkulat mingħajr teħid in kunsiderazzjoni tad-deprezzament reali tal-vettura, jeċċedi dak tat-taxxa residwa inkluża fil-valur tal-vetturi użati simili diġà rreġistrati fit-territorju nazzjonali.

    41. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, mhuwiex suffiċjenti, sabiex jiġi evitat li sistema ta’ tassazzjoni tmur kontra l-Artikolu 90 KE, li, f’każijiet bħal dawn ta’ użu intensiv ta’ vettura, il-proprjetarju tagħha għandu l-possibbiltá li jikkontesta l-applikazzjoni ta’ l-iskala fissa.

    42. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 29 tas-sentenza preżenti, jekk Stat Membru jista’ jevita l-piż ta’ sistema ta’ evalwazzjoni bbażata fuq il-valutazzjoni ta’ kull vettura billi jirrikorri għal skala fissa, xorta jeħtieġ li skala bħal din tippermetti li jiġi fissat valur tal-vetturi użati li, bħala regola ġenerali, ikun qrib ħafna għall-valur reali tagħhom.

    43. Madankollu, jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li, fin-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni tal-kilometraġġ, l-iskala kkunsidrata mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni ma twassalx, bħala regola ġenerali, għal approssimazzjoni raġonevoli tal-valur reali tal-vetturi użati importati.

    44. F’dan il-kuntest, l-argument ippreżentat mir-Repubblika Ellenika skond liema ż-żieda ta’ numru ta’ vetturi individwali użati importati turi n-nuqqas ta’ effett dissważiv tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni fuq l-importazzjonijiet ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, din iż-żieda tistabbilixxi biss li s-sistema ta’ tassazzjoni in kwistjoni tippermetti, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 tas-sentenza preżenti, li jiġi ffissat valur tal-vetturi użati li, bħala regola ġenerali, huwa qrib ħafna tal-valur reali tagħhom.

    45. Barra minn hekk, indipendentement mill-każ tal-vetturi li kienu intużaw b’mod intensiv matul l-ewwel snin ta’ ċirkulazzjoni, il-Kummissjoni tgħid li l-mod kif ċerti aspetti tas-sistema ta’ tassazzjoni Ellenika huma mmexxija ma jiggarantix in-nuqqas ta’ kull effett diskriminatorju.

    46. F’dan ir-rigward, minn naħa, il-kompatibbiltá ta’ tali sistema ma’ l-Artikolu 90 KE tippreżupponi li l-kriterji li fuqhom huwa bbażat il-metodu ta’ kalkolu b’rata fissa tad-deprezzament tal-vetturi jiġu kkomunikati lill-pubbliku (sentenza Tulliasiamies u Siilin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 87).

    47. F’dan il-każ partikolari, għandu jiġi rrilevat li l-kriterji ta’ deprezzament tal-vetturi individwali użati huma msemmija fl-Artikolu 126(1) tal-Liġi 2960/2001 u li l-elementi li jippermettu lill-kummissjonijiet ta’ l-ilmenti li jevalwaw l-istat reali tal-vetturi li jitressqu quddiemhom huma stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Digriet F.112/50 tas-Segretarju ta’ l-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi u għall-Finanzi, tas-27 ta’ Jannar 2004.

    48. Minbarra dan, anki jekk, kif issostni r-Repubblika Ellenika, komunikazzjoni lil terzi tal-listi tal-prezz ta’ bejgħ bl-ingrossa li huma ppreżentati mid-distributuri awtomobbilistiċi lill-awtoritajiet doganali tippreġudika s-sigriet tas-servizzi u dak tal-każijiet, jirriżulta mir-risposti mogħtija għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta li, skond l-Artikolu 5(2) tal-Liġi 2960/1999 li tistabbilixxi l-kodiċi ta’ proċédura amministrattiva, kull persuna li għandha interess leġittimu tista’, fuq talba, issir taf dwar id-dokumenti individwali miżmuma mis-servizzi publiċi li huma relatati ma’ każ li jikkonċernaha li huwa pendenti quddiem dawn is-servizzi jew li ġie ttrattat minnhom. B’hekk, persuna tista’ tindirizza lill-awtoritajiet kompetenti sabiex tikseb il-prezz ta’ bejgħ bl-ingrossa li jservi bħala l-bażi li fuqu jiġi stabbilit il-valur ta’ l-imsemmija vettura.

    49. Peress li l-prezz ta’ bejgħ bl-ingrossa għandu jiġi kkunsidrat li b’hekk ġie kkomunikat lill-pubbliku, l-argument tal-Kummissjoni li għandu l-għan li jissostitwixxi l-prezzijiet ippubblikati fir-rivisti tal-klabbs awtomobbilistiċi ma jistax jiġi aċċettat. F’dan ir-rigward, hekk kif indikat ukoll ir-Repubblika Ellenika mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni, fil-każ fejn persuna taxxabbli tistabilixxi differenza sostanzjali bejn il-prezzijiet indikattivi ta’ bejgħ bl-imnut li jidhru fl-istampa u l-valur stabbilit matul l-iżdoganar tal-vettura tagħha, tressaq rikors quddiem kummissjoni ta’ l-ilmenti, il-prezzijiet ippublikati fl-istampa jittieħdu in kunsiderazzjoni b’mod li, skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Ellenika, it-taxxa ta’ reġistrazzjoni dovuta ma tkunx ogħla mill-ammont tat-taxxa residwa inkluża fil-valur tal-vetturi simili diġà rreġistrati fit-territorju Elleniku.

    50. Min-naħa l-oħra, il-kompatibbiltà ma’ l-Artikolu 90 KE ta’ sistema ta’ tassazzjoni tal-vetturi użati importati li tieħu in kunsiderazzjoni d-deprezzament reali tal-vetturi fuq il-bażi ta’ kriterji ġenerali tissupponi li l-proprjetarju ta’ tali vettura għandu l-possibbilità li jikkontesta l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu b’rata fissa għal din il-vettura sabiex juri li hija twassal għal tassazzjoni ogħla mill-ammont tat-taxxa residwa inkluża fil-valur tal-vetturi użati simili diġà rreġistrati fit-territorju nazzjonali (sentenza Tulliasiamies u Siilin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88).

    51. Għandu jiġi rrilevat li, meta stabbilixxa l-kummissjonijiet ta’ l-ilmenti, il-leġiżlatur Elleniku xtaq jikkonforma mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    52. Madankollu, skond il-Kummissjoni, il-proċedura ta’ l-ilment ma tipprovdix il-possibbiltà reali li tikkontesta l-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu b’rata fissa, f’każ fejn il-persuna taxxabbli għandha tħallas dazju li jitla’ għal EUR 300, ammont li jkun, fir-rigward tat-taxxa dovuta, ta’ natura li jostakola l-possibbiltá li jitressaq rikors quddiem kummissjoni ta’ l-ilmenti.

    53. Hemm lok li jiġi rrilevat li dazju bħal dan mhuwiex ta’ tip li jiddiswadi l-proprjetarju ta’ vettura li jersaq quddiem kummissjoni ta’ l-ilmenti ħlief jekk jirrappreżenta parti sinjifikattiva ta’ l-ammont tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni ikkontestat.

    54. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika indikat matul is-seduta li r-rata ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni tvarja skond iċ-ċilindrata tal-vettura kkunsidrata. B’hekk, ir-rata ta’ reġistrazzjoni hija daqs 20 % tal-bażi taxxabbli għal vettura ta’ ċilindrata li tmur minn 1 000 sa 1 600 cm 3 , sa 30 % għal vettura ta’ ċilindrata bejn 1 601 sa 1 800 cm 3 , sa 40 % għal vettura ta’ ċilindrata bejn 1 801 sa 2 000 cm 3 u sa 50 % għal vettura ta’ ċilindrata ta’ aktar minn 2 000 cm 3 .

    55. Minbarra dan, ir-Repubblika Ellenika indikat mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni, li l-parti l-kbira ta’ l-importazzjonijiet ta’ vetturi użati li jikkonċernaw vetturi ta’ ċilindrata għolja (2 000 cm 3 u aktar), fejn il-valur huwa pjuttost għoli u li konsegwentement għalihom l-ammont tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni huwa relattivament kunsiderevoli.

    56. F’dan il-kuntest, jidher li d-dazju in kwistjoni ġeneralment jirrappreżenta biss ammont ftit sinjifikattiv meta mqabbel ma’ dak tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni mitluba.

    57. Minbarra dan, hekk kif indikat ir-Repubblika Ellenika matul is-seduta, mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni, id-dazju in kwistjoni huwa ta’ ammont globalment ekwivalenti, anki ta’ spiss aktar baxx, mill-ispiża ta’ stima teknika privata.

    58. B’hekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma stabbilietx li l-imsemmija dazju huwa ta’ tip li jiddiswadi proprjetarju li jersaq quddiem kummissjoni ta’ l-ilmenti sabiex jassigura lilu nnifsu li t-taxxa applikata lill-vetturi tiegħu skond l-iskala prevista mil-leġiżlazzjoni Ellenika mhix ogħla mill-ammont ta’ taxxa residwa inkorporata fil-valur ta’ vettura użata simili diġà rreġistrata fil-Greċja.

    59. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment dwar l-obbligi li r-Repubblika Ellenika għandha skond l-Artikolu 90 KE huwa stabbilit safejn is-sistema ta’ kalkolu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi użati importati f’dan l-Istat Membru tibbaża fuq kriterju wieħed ta’ deprezzament ibbażat fuq kemm għandhom żmien il-vetturi, li ma tiggarantix li l-valur ta’ l-imsemmija vetturi jiġi ffissat għal ammont li, bħala regola ġenerali, huwa qrib ħafna l-valur reali tagħhom. B’hekk, dan il-metodu ta’ tassazzjoni ma jeskludix li, f’ċerti każijiet, il-vetturi użati importati jiġu suġġetti għal taxxa ta’ ammont aktar għoli minn dak tat-taxxa residwa inkluża fil-valur tal-vetturi użati simili diġà irreġistrati fit-territorju Elleniku.

    60. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas mhuwiex stabbilit f’dak li jikkonċerna l-aġġustamenti tas-sistema ta’ tassazzjoni li huma meħtieġa meta din is-sistema tipprovdi metodu ta’ determinazzjoni fiss ta’ l- ammont tat-taxxa, jiġifieri t-tagħrif tal-kriterji ta’ kalkolu tat-taxxa u l-possibbiltà li tiġi kkontestata l-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu b’rata fissa sabiex jiġi eskluż kull effett diskriminatorju.

    61. B’kunsiderazzjoni ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi stabbilit li, meta applikat, sabiex tistabbilixxi l-valur taxxabbli tal-vetturi użati importati minn Stat Membru ieħor fit-territorju Elleniku sabiex tiġi stabbilita t-taxxa ta’ reġistrazzjoni, kriterju wieħed ta’ deprezzament ibbażat fuq kemm għandhom żmien il-vetturi u li japplika tnaqqis ta’ valur ta’ 7 % għall-vetturi ta’ sitta sa tnax-il-xahar jew ta’ 14 % għall-vetturi ta’ sena, li ma jiggarantix li t-taxxa dovuta ma taqbiżx, anki jekk biss f’ċerti każijiet, l-ammont tat-taxxa residwa inkluż fil-valur tal-vetturi użati simili diġà rreġistrati fit-territorju nazzjonali, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 90 KE.

    62. Hemm lok li l-bqija tar-rikors jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    63. Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

    64. Peress illi f’dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni u r-Repubblika Ellenika tilfu fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħom, hemm lok li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

    Parti operattiva

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

    1) Billi applikat, sabiex tistabbilixxi l-valur taxxabbli tal-vetturi użati importati minn Stat Membru ieħor fit-territorju Elleniku sabiex tiġi stabbilita t-taxxa ta’ reġistrazzjoni, kriterju wieħed ta’ deprezzament ibbażat fuq kemm għandhom żmien il-vetturi u li japplika tnaqqis ta’ valur ta’ 7 % għall-vetturi ta’ sitta sa tnax-il-xahar jew ta’ 14 % għall-vetturi ta’ sena, li ma jiggarantix li t-taxxa dovuta ma taqbiżx, anki jekk biss f’ċerti każijiet, l-ammont tat-taxxa residwa inkluż fil-valur tal-vetturi użati simili diġà rreġistrati fit-territorju nazzjonali, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 90 KE.

    2) Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

    3) Ir-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej huma kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.

    Top