SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

22 ta’ Frar 2018 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 91/271/KEE – Trattament tal-ilma urban mormi – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 260(2) TFUE – Sanzjonijiet pekunjarji – Somma f’daqqa – Pagamenti ta’ penalità”

Fil-Kawża C‑328/16,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, imressaq fl-10 ta’ Ġunju 2016,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Zavvos, E. Manhaeve u D. Triantafyllou, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn E. Skandalou, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: R. Schiano, administrateur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2017,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tikkonstata li billi ma ħaditx il-miżuri kollha involuti fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE;

tordna lir-Repubblika Ellenika tħallas lill-Kummissjoni l-pagamenti ta’ penalità proposti li jammontaw għal EUR 34974 għal kull jum ta’ dewmien sakemm tiġi eżegwita s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), u dan b’effett mid-data ta’ meta tingħata s-sentenza fil-kawża preżenti sa meta tiġi eżegwita s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385);

tordna lir-Repubblika Ellenika tħallas lill-Kummissjoni s-somma f’daqqa ta’ EUR 3828 kuljum, b’effett mid-data ta’ meta ngħatat is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385) sal-jum meta tingħata s-sentenza fil-kawża preżenti jew sa meta tiġi eżegwita s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), jekk dan iseħħ qabel; u

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Il-kuntest ġuridiku

2

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/15/KE tas-27 ta’ Frar 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 27) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/271”), tikkonċerna l-ġbir, it-trattament u l-iskariki ta’ ilma urban mormi kif ukoll it-trattment u l-iskariki ta’ ilma mormi minn ċertu setturi industrijali. Hija għandha l-għan li tipproteġi lill-ambjent minn deterjorament dovut għall-iskariki tal-ilma urban mormi.

3

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi, fil-punt 1 tiegħu, l-“ilma mormi urban” bħala li jfisser “ilma mormi domestiku jew taħlita ta’ ilma mormi domestiku ma’ ilma mormi industrijali u/jew ilma tax-xita”. Dan l-artikolu jiddefinixxi wkoll fil-punt 4 tiegħu, l-“agglomerazzjoni” bħala li hija żona fejn il-popolazzjoni u/jew l-attivitajiet ekonomiċi huma kkonċentrati b’mod suffiċjenti sabiex l-ilma urban mormi jkun jista’ jinġabar u jittieħed f’impjant ta’ trattament tal-ilma urban mormi jew għall-punt ta’ skarikar finali u, fil-punt 6 tiegħu, jiddefinixxi ekwivalenti ta’ popolazzjoni (iktar ’il quddiem l-“EP”) bħala li huwa “it-toqol organiku biodegradabbli li jkollu domanda għall-ossiġenu bio-kemikali ta’ ħamest ijiem (BOD5) ta’ 60 g ta’ ossiġnu kuljum”. Fil‑punt 8 tal-imsemmi artikolu, it-“trattament sekondarju” huwa ddefinit bħala “trattament ta’ ilma mormi urban bi proċessi li jinvolvu ġeneralment trattament bioloġiku bi tqegħid sekondarju, jew proċessi oħra li fihom il-kriterji stabbiliti fit-Tabella 1 ta’ l-Anness I huma rispettati”.

4

Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-agglomerazzjonijiet kollha jkunu pprovduti b’sistemi ta’ ġbir għall-ilma mormi urban[…],

Għall-ilma mormi urban li jispiċċa f’ilmijiet li jilqgħu dan id-drenaġġ u li huma kkunsidrati bħala ‘żoni sensittivi’ kif mfisser taħt l-Artikolu 5, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li sistemi ta’ ġbir ikunu disponibbli sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998 għall-agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 10000 e.p..

Fejn it-twaqqif ta’ sistemi ta’ ġbir ma jkunx iġġustifikat jew għaliex dan ma jkun jipprovdi l-ebda benefiċċju ambjentali jew għaliex ikun jinvolvi spiża eċċessiva, għandhom jintużaw sistemi individwali jew sistemi adatti oħra li jkunu jilħqu l-istess livell ta’ protezzjoni ambjentali.”

5

Ir-regoli ġenerali applikabbli għall-ilma urban mormi jinsabu fl-Artikolu 4 ta’ din l-istess direttiva, li fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir għandu ma jkun skarikat ikun suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti ieħor kif ġej:

sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2000 għall-skariki kollha minn agglomerazzjoni ta’ aktar minn 15000 e.p.,

[…]”

6

L-Artikolu 5(1)u (2) tad-Direttiva 91/271 jipprevedi:

“1.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 2, l-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 1993 għandhom jidentifikaw żoni sensittivi skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness II.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir ikun, qabel ma jippermettu l-iskarikar tiegħu f’żoni sensittivi, soġġett għal trattament iktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998 għall-skariki kollha minn agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 10000 e.p.”

Is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385)

7

Fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji għall-installazzjoni ta’ sistema ta’ ġbir tal-ilma urban mormi tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio u billi ma ssuġġettatx għal trattment iktar rigoruż minn trattament sekondarju l-ilma urban mormi tal-imsemmi reġjun qabel ma jiġi skarikat fiż-żona sensittiva tal-Golf ta’ Eleusi, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikoli 3(1) u l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/271.

Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

8

Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), is-servizzi tal-Kummissjoni talbu lill-awtoritajiet Griegi, permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Awwissu 2004, għal informazzjoni dwar il-miżuri meħuda għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza.

9

Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Ġunju 2005, dawn l-awtoritajiet bagħtu lis-servizzi tal-Kummissjoni aġenda li tikkonċerna l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-imsemmija sentenza. Skont din l-aġenda, is-sistema ta’ ġbir tal-ilma urban mormi tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio kellha tibda topera fl-20 ta’ Ġunju 2009.

10

Permezz tal-ittra ta’ intimazzjoni tal-10 ta’ April 2006, il-Kummissjoni indikat lill-awtoritajiet Griegi li l-konformità mar-rekwiżiti tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385) ma kinitx għada ntlaħqet.

11

Permezz ta’ diversi ittri ta’ risposta, l-awtoritajiet Griegi enfasizzaw id-data ta’ skadenza prevista mid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li japprovaw il-kofinanzjament, mill-Fond ta’ Koeżjoni, ta’ proġetti intiżi sabiex jiżguraw li tintlaħaq din il-konformità, jiġifieri l‑31 ta’ Diċembru 2009. B’mod partikolari, fir-risposti tagħhom, tad‑29 ta’ Ġunju 2006, l-awtoritajiet Griegi affermaw li dan it-terminu kien ser jiġi osservat minkejja d-dewmien ikkonstatat. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Griegi informaw lill-Kummissjoni bil-fatt li rikors għal miżuri provviżorji ppreżentat kontra r-riżultat ta’ sejħa għal offerti li hija kienet nehdiet f’dan il-kuntest seta’ jwassal għal dewmien.

12

Ir-Repubblika Ellenika qieset li s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), kellha tiġi eżegwita permezz ta’ diversi proġetti:

il-ħolqien ta’ faċilità ta’ trattament tal-ilma urban mormi (iktar ’il quddiem l-“impjant ta’ trattament”);

il-kostruzzjoni ta’ pajpijiet prinċipali għan-netwerk tal-ilma urban mormi (iktar ’il quddiem in-“netwerk prinċipali”);

il-kostruzzjoni ta’ katusi għan-netwerk tal-ilma urban mormi (iktar ’il quddiem in-“netwerk sekondarju”);

il-kollegament tad-diversi abitazzjonijiet u industriji tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio, b’mod iktar partikolari l-agglomerazzjonijiet ta’ Aspropyrgos, ta’ Élefsina, ta’ Mandra u ta’ Magoula, man-netwerk tal-ilma urban mormi (iktar ’il quddiem in-“netwerk terzjarju”).

13

Fir-risposti sussegwenti tagħhom, l-awtoritajiet Griegi informaw lill-Kummissjoni li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tan-netwerk prinċipali kienu mexjin b’dewmien dovut għal diffikultajiet tekniċi u li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tan-netwerk sekondarju ġarrbu dewmien minħabba rikors ippreżentat quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja).

14

Billi invokaw ċertu numru ta’ diffikultajiet legali u tekniċi li żammew lix-xogħlijiet biex tintlaħaq il-konformità milli javvanzaw, l-awtoritajiet Griegi talbu estensjoni tat-terminu ffissat fid-deċiżjonijiet ta’ kofinanzjament tagħhom u annettew, ma’ din it-talba, aġenda ġdida tat-tlestija ta’ dawn ix-xogħlijiet. Skont din l-aġenda, ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tan-netwerk prinċipali u tal-impjant ta’ trattament kellhom jitlestew fil-31 ta’ Lulju 2010 u x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tan-netwerk sekondarju fl-1 ta’ Awwissu 2010.

15

Fit-2 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika Ellenika u fis-7 ta’ Mejju 2010, ittra ta’ intimazzjoni supplimentari.

16

Permezz ta’ diversi ittri ta’ risposta u matul laqgħat li nżammu bejn ix-xhur ta’ Lulju 2010 u ta’ Frar 2015, l-awtoritajiet Griegi informaw lill-Kummissjoni bl-iżvilupp tas-sitwazzjoni.

17

Għaldaqstant, f’ittra tas-27 ta’ Novembru 2012, l-awtoritajiet Griegi informaw lill-Kummissjoni li l-impjant ta’ trattament kien ilu jiffunzjona, fil-fażi ta’ prova, mis-27 ta’ Lulju 2012 u, b’mod operazzjonali, mis-27 ta’ Novembru 2012. Għall-kuntrarju, in-netwerk sekondarju u dak terzjarju ma kinux għadhom tlestew, minkejja li l-ewwel wieħed minn dawn in-netwerks kien prattikament mitmum, bl-eċċezzjoni ta’ parti minnu li sservi lill-agglomerazzjoni ta’ Élefsina, jiġifieri s-settur ta’ Kato Élefsina.

18

Għal dak li jirrigwarda n-netwerk terzjarju, l-awtoritajiet Griegi informaw regolarment lill-Kummissjoni, bejn ix-xhur ta’ Marzu 2013 u ta’ Awwissu 2015, bil-fatt li, wara diffikultajiet ta’ natura interna, ir-rata ta’ ġbir tal-ilma urban mormi ma kinitx laħqet livell sodisfaċjenti, peress li 28 % minnu biss kien jinġabar.

19

Il-Kummissjoni tqis, fil-mument tal-preżentata tar-rikors preżenti, li minkejja li għaddew tnax-il sena minn meta ngħatat is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), din ma kinitx għada ġiet eżegwita kompletament mir-Repubblika Ellenika.

20

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kienet irċeviet mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ebda aġenda li kienet affidabbli u li kienet tippermetti li titqies id-data li minnha seta’ jkun hemm progress reali. Apparti n-netwerk terzjarju, in-netwerk sekondarju lanqas ma kien tlesta, b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-parti tiegħu li sservi lis-settur ta’ Kato Élefsina, fl-agglomerazzjoni ta’ Élefsina. Skont il-Kummissjoni, is-sejbiet arkeoloġiċi invokati mir-Repubblika Ellenika ma setgħux jiġu kklassifikati bħala “każ ta’ forza maġġuri” li jiġġustifika tali dewmien fl-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet.

21

Il-Kummissjoni tosserva li, minbarra r-risposta tal-awtoritajiet Griegi bid-data tas-27 ta’ Novembru 2012, hija ma rċeviet ebda informazzjoni li tipprova li l-ilma urban mormi li nġabar ġie suġġett għal trattament iktar rigoruż mit-trattament sekondarju. Issa, biex jistabbilixxu li t-trattament tal-ilma mormi kien suffiċjenti, l-awtoritajiet Griegi kellhom jipprovaw, fuq perijodu ta’ tnax-il xahar, li l-impjant ta’ trattament jiffunzjona tajjeb u dan permezz ta’ teħid ta’ kampjuni mwettaq konformement mal-Anness I, D, tad-Direttiva 91/271, li jindikaw perċentwali ta’ tnaqqis tal-BOD5 u taċ-COD skont ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva għal dak li jikkonċerna t-trattament sekondarju u, għal dak li jikkonċerna t-trattament terzjarju, perċentwali suffiċjenti ta’ tnaqqis tan-nitroġenu konformement mat-Tabella 2 tal-Anness I tal-imsemmija direttiva.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Kummissjoni qieset li ma kienx għad hemm konformità mas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385) hija ppreżentat dan ir-rikors.

Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

L-argumenti tal-partijiet

23

Il-Kummissjoni tosserva li r-Repubblika Ellenika kellha tieħu, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998, il-miżuri neċessarji sabiex l-ilma urban mormi tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio jinġabar u jiġi suġġett għal trattament konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/271, qabel ma jiġi skarikat fiż-żona sensittiva tal-Golf ta’ Éleusis.

24

Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Ellenika ssostni li s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385) ġiet eżegwita u li, għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa infondat.

25

F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jsostni li t-trattament tal-ilma urban mormi tar-reġjun inkwistjoni kellu jseħħ permezz tal-kostruzzjoni tal-impjant ta’ trattament, kif ukoll tan-netwerks prinċipali, sekondarju u terzjarju.

26

Għal dak li jirrigwarda, qabel kollox, il-kostruzzjoni tal-impjant ta’ trattament kif ukoll tan-netwerks prinċipali u sekondarju, din inbdiet qabel l-introduzzjoni tar-rikors fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385).

27

F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Griegi ssottomettew lill-Kummissjoni talbiet għal kofinanzjament ta’ dawn ix-xogħlijiet, li din aċċettat fix-xahar ta’ Diċembru 2004.

28

Ir-Repubblika Ellenika tosserva li r-reazzjonijiet tal-popolazzjoni lokali kif ukoll il-ftuħ ta’ kawżi quddiem qrati kkawżaw dewmien konsegwenti fil-kostruzzjoni tal-impjant ta’ trattament.

29

Din il-kostruzzjoni finalment tlestiet fis-7 ta’ April 2011, u, wara perijodu ta’ prova, il-faċilità ma kinitx operazzjonali ħlief mis‑27 ta’ Novembru 2012.

30

Sabiex jiġi żgurat segwitu iktar komplet tal-funzjonament tal-impjant ta’ trattament, kampjuni rappreżentattivi qed jittieħdu mill-ilma urban mormi fid-dħul u fil-ħruġ tal-impjant. Ir-riżultati miksuba juru li dan l-ilma huwa suġġett għal trattament iktar rigoruż mit-trattament sekondarju. F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru ssottometta lill-Qorti tal-Ġustizzja informazzjoni sa mis-27 ta’ Novembru 2012 u sat-28 ta’ Lulju 2016, li kienet turi li t-trattament tal-ilma huwa konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271.

31

Għal dak li jirrigwarda, sussegwentement, in-netwerk prinċipali, ir-Repubblika Ellenika ssostni li minkejja li nbnew sistemi ta’ ġbir prinċipali, tħaffir u skoperti arkeoloġiċi kif ukoll diversi problemi tekniċi li qamu kkawżaw id-dewmien tal-kostruzzjoni ta’ dan in-netwerk fit-territorju tal-agglomerazzjoni ta’ Élefsina.

32

Għal dak li jirrigwarda, barra minn hekk, in-netwerk sekondarju, ir-Repubblika Ellenika ssostni li kawżi quddiem il-qorti, diffikultajiet tekniċi, kundizzjonijiet idroġeoloġiċi ħżiena kif ukoll tħaffir u skoperti arkeoloġiċi kkawżaw dewmien sinjifikattiv fil-kostruzzjoni ta’ dan in-netwerk u żammew il-kostruzzjoni ta’ ċerti partijiet minnu. Jirriżulta li n-netwerk sekondarju tlesta kompletament, bl-eċċezzjoni tal-parti li tinsab fis-settur ta’ Kato Élefsina tal-agglomerazzjoni ta’ Élefsina, u b’hekk kien qed jinqeda 95 % tal-EP tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio.

33

Ir-Repubblika Ellenika tippreċiża madankollu li t-trattament tal-ilma mormi mis-settur ta’ Kato Élefsina bħalissa qed isir mill-faċilità ta’ trattament tal-ilma mormi ta’ Metamorfosi u li, għaldaqstant, mhux qed jiġi skarikat ebda ilma mormi mhux ittrattat fl-ilma tal-wiċċ.

34

Fl-aħħar nett, in-numru insuffiċjenti tal-konnessjonijiet, ikkalkolati f’EP, man-netwerk terzjarju huwa marbut mal-fatt li l-ispiża tal-konnessjoni hija r-responsabbiltà tal-proprjetarji tal-immobbli, bl-għajnuna mill-Istat, billi l-kriżi ekonomika ma tippermettix lil dan l-Istat Membru jiffinanzja dawn il-konnessjonijiet mingħajr il-konribut tal-abitanti. Issa, dawn tal-aħħar ma humiex f’pożizzjoni jiffinanzjaw lill-imsemmija konnessjonijiet man-netwerk sanitarju.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-numru ta’ konnessjonijiet man-netwerk terzjarju jilħaq 45 % tal-EP tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio.

36

Madankollu, ir-Repubblika Ellenika tippreċiża li l-ilma urban mormi tad-djar li ma għandhomx konnessjoni jinġabar f’sistemi ta’ ġibjuni u ta’ tankijiet settiċi, qabel ma jiġi ttrasportat permezz ta’ trakkijiet b’tank għal impjanti ta’ trattament fil-viċin sabiex jiġi trattat.

37

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, skont id-dikjarazzjoni tar-Repubblika Ellenika stess, li n-netwerk sekondarju u dak terzjarju għandhom iridu jitlestew.

38

Għaldaqstant, hija ssostni l-ilmenti tagħha u ttenni li r-Repubblika Ellenika għadha ma hijiex konformi mas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385).

39

Din l-istituzzjoni tosserva li dan l-Istat Membru finalment ikkomunika, fir-risposta tiegħu, ir-riżultati tal-kampjuni meħtieġa. Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni taqbel li dawn ir-riżultati juru li l-impjant ta’ trattament jiffunzjona b’mod xieraq u li l-ilma urban mormi kollu li attwalment jinġabar huwa ttrattat konformement għar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271.

40

Għal dak li jirrigwarda, madankollu, in-netwerk sekondarju, il-Kummissjoni tfakkar li r-Repubblika Ellenika tirrikonoxxi hija stess in-neċessità li titlesta l-kostruzzjoni tiegħu. Fil-fatt, fuq il-198 km ta’ katusi previsti, 184 km biss tlestew, dawk tas-settur ta’ Kato Élefsina, fl-agglomerazzjoni ta’ Élefsina, fejn kienu neqsin.

41

Għal dak li jirrigwarda n-netwerk terzjarju, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Ellenika fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni taqbel ma’ dan l-Istat Membru dwar il-fatt li 45 % tal-EP tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio għandu konnessjoni u b’hekk l-ilma urban mormi miġbur permezz ta’ din is-sistema issa huwa suġġett għal trattament xieraq.

42

Madankollu, ir-Repubblika Ellenika għadha ma tistax tipprova li l-55 % tal-EP li jibqa’ ta’ dan ir-reġjun għandu konnessjoni fir-rigward ta’ trattament f’konformità mad-Direttiva 91/271. Fil-fatt, minbarra l-indikazzjonijiet li jikkonċernaw l-impjant ta’ trattament ta’ Metamorfossi, li tirċievi biss 5 % mill-piż espress f’EP, dan l-Istat Membru ma jipproduċi ebda prova li turi li s-sistema provviżorja implementata minnu qiegħda tiffunzjona tajjeb, anki jekk fuq bażi temporanja.

43

Skont din l-istituzzjoni, minkejja li r-Repubblika Ellenika turi li s-sistema tiffunzjona b’mod korrett, dan il-fatt ikun biss ċirkustanza attenwanti u ma jkunx iffisser li hija tkun konformi mas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385).

44

Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Ellenika ssostni li s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385) ġiet eżegwita u li, għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa infondat.

45

Għal dak li jikkonċerna n-netwerk sekondarju, dan l-Istat Membru jammetti li fadal parti żgħira ħafna biex tinbena.

46

Għal dak li jirrigwarda l-konnessjonijiet tal-abitanti tar-Reġjun ta’ Thriasio Pedio man-netwerk terzjarju, mill-informazzjoni kkomunikata mill-agglomerazzjonijiet ikkonċernati ta’ Élefsina, ta’ Aspropyrgos, ta’ Mandra u ta’ Magoula jirriżulta li l-konnessjonijiet privati kienu qed jiżdiedu b’mod regolari.

47

Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna d-49.3 % tal-EP tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio li, skont l-affermazzjoni ta’ dan l-Istat Membru matul is-seduta, għad ma għandux konnessjoni man-netwerk sanitarju, l-ilma mormi huwa ttrasportat lejn faċilità ta’ trattament fil-viċin minn kumpanniji privati, permezz ta’ trakkijiet b’tank. Għalkemm jinżamm reġistru tad-data dwar il-vjeġġi tat-trakkijiet b’tank li jaslu fuq is-sit, l-informazzjoni dwar minn fejn ikun ġej l-ilma mormi u d-dettalji tal-proprjetarju, madankollu, ma jinżammux ħlief meta jkun skart likwidu li ġej mill-industriji.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

48

Sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-Repubblika Ellenika adottatx il-miżuri neċessarji kollha sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), skont l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE, għandu jiġi vverifikat jekk dan l-Istat Membru osservax b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/271, b’mod iktar partikolari billi jieħu l-miżuri neċessarji sabiex iwaqqaf sistema ta’ ġbir tal-ilma urban mormi tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio u billi jissuġġetta għal trattament iktar rigoruż mit-trattament sekondarju msemmi fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva l-ilma urban mormi tal-imsemmi reġjun qabel ma jkun skarikat fiż-żona sensittiva tal-Golf ta’ Éleusis.

49

Għal dak li jikkonċerna l-proċedura għal nuqqas ta’ twetttiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 260(2) TFUE, hemm lok li d-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala data ta’ referenza għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tkun dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta skont din id-dispożizzjoni (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 36).

50

Fil-każ ineżami, hekk kif tfakkar fil-punt 15 tas-sentenza preżenti, peress li l-Kummissjoni bagħtet, fis-7 ta’ Mejju 2010, lir-Repubblika Ellenika ittra ta’ intimazzjoni supplimentari, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE, id-data ta’ referenza msemmija fil-punt preċedenti hija dik tal-iskadenza tat-terminu ffissat f’din l-ittra, jiġifieri s-7 ta’ Lulju 2010.

51

Madankollu, huwa paċifiku li, f’din id-data tal-aħħar, l-ilma urban mormi tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio ma kienx għadu jinġabar u jiġi suġġett għal trattament skont ir-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/271, qabel ma jiġi skarikat fiż-żona sensittiva tal-Golf ta’ Éleusis. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mir-risposta ta’ dan l-Istat Membru, il-kostruzzjoni tal-impjant ta’ trattament saret wara din id-data peress li hija tlestiet biss fis-7 ta’ April 2011 u li l-impjant beda jiffunzjona, apparti l-perijodi ta’ prova, mis-27 ta’ Novembru 2012.

52

Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Ellenika tammetti, minn naħa, li n-netwerk ta’ ġbir sekondarju għadu ma tlestiex kollu kemm hu, billi s-settur ta’ Kato Élefsina, fl-agglomerazzjoni ta’ Élefsina, għad ma ghandux tali netwerk u, min-naħa l-oħra, billi l-abitanti kollha tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio ma għandhomx konnessjoni man-netwerk terzjarju.

53

Għal dak li jirrigwarda l-argumentazzjoni tar-Repubblika Ellenika bbażata fuq id-diffikultajiet li dan l-Istat Membru ltaqa’ magħhom sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax jinvoka diffikultajiet ta’ natura interna sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑502/15, mhux ippubblikata, EU:C:2017:334, punt 48).

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ħaditx il-miżuri kollha involuti fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

Fuq is-sanzjonijiet pekunjarji

55

Il-Kummissjoni titlob li r-Repubblika Ellenika tiġi kkundannata tħallas kemm pagamenti ta’ penalità kif ukoll somma f’daqqa.

56

Għal dak li jirrigwarda l-ammont tal-imsemmija pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-Komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2005, intitolata “Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu [260 TFUE]” [SEC(2005) 1658], kif aġġornata mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C (2015/C 257/01) 6767 tas‑6 ta’ Awwissu 2015, intitolata “L-aġġornament tad-dejta użata biex jiġu kkalkolati l-ħlasijiet ta’ somma f’daqqa u ta’ penali li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċedimenti ta’ ksur” (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tat-13 ta’ Diċembru 2005”).

Fuq il-pagamenti ta’ penalità

L-argumenti tal-partijiet

57

Skont il-punt 6 tal-Komunikazzjoni tat-13 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq tliet kriterji prinċipali sabiex tiddetermina l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità li hija tissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi, jiġifieri l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u l-ħtieġa li jiġi żgurat effett dissważiv tas-sanzjoni, b’tali mod li jiġu evitati r-reċidivi.

58

Għal dak li jirrigwarda l-gravità tal-ksur ikkonstatat, il-Kummissjoni tenfasizza li l-iskariku tal-ilma mormi mhux trattat fil-wiċċ iwassal għal tniġġis li huwa kkaratterizzat minn żbilanċ tal-ossiġnu, filwaqt li t-tixrid ta’ nutrijenti huma ta’ ħsara partikolarment għall-kwalità tal-mases ta’ ilma tal-wiċċ u l-ekosistemi relatati. Barra minn hekk, l-iskariku ta’ tali ilma urban mormi jista’ jkollu riperkussjonijiet importanti fuq is-saħħa pubblika.

59

Barra minn hekk, l-eżekuzzjoni mhux kompluta tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385) tippreġudika l-possibbiltà tal-abitanti li japprofittaw minn mases ta’ ilma tal-wiċċ suffiċjentement nodfa sabiex tiġi permessa l-prattika ta’ attivitajiet rikreattivi.

60

Għal dak li jikkonċerna l-ilma urban mormi li kien suġġett biss għal trattament insuffiċjenti, il-Kummissjoni tenfasizza li s-sempliċi twettiq ta’ trattament sekondarju ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi eliminat kwalunkwe riskju ta’ tniġġis u ta’ deterjorament tal-kwalità tal-ilma kif ukoll tal-ekosistemi fil-qrib jekk l-ilmijiet riċeventi ġew irrikonoxxuti bħala li jikkostitwixxu żoni sensittivi, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271. Madankollu, minkejja l-isforzi magħmula u l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Griegi, 72 % tal-ilma urban mormi ma jinġabarx konformement mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271, b’tali mod li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat f’dan ir-rigward skont is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385) għadu fis-seħħ.

61

Skont il-Kummissjoni, l-isforzi magħmula mill-awtoritajiet Griegi, b’mod partikolari minn meta ngħatat is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), jistgħu eventwalment jitqiesu bħala ċirkustanzi attenwanti. Fil-fatt, l-impjant ta’ trattament illum il-ġurnata jopera, in-netwerk prinċipali ta’ pajpijiet inbena u n-netwerk sekondarju, bl-eċċezzjoni tas-settur ta’ Kato Élefsina, tlesta.

62

Madankollu, il-Kummissjoni tqis li dawn iċ-ċirkustanzi attenwanti huma, fil-parti l-kbira, innewtralizzati miċ-ċirkustanzi aggravanti li jikkaratterizzaw il-kawża preżenti. B’mod partikolari, għaddew iktar minn tnax-il sena minn meta ngħatat is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385). Fi kliem ieħor, ir-Repubblika Ellenika kellha iktar minn sittax-il sena minn meta bdiet il-proċedura ta’ ksur sabiex tikkonforma ruħha b’mod sħiħ mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma għandha għad-dispożizzjoni tagħha ebda aġenda indikattiva jew data affidabbli li jippermettulha tippreċiża l-mument meta r-Repubblika Ellenika temmet l-adozzjoni tal-miżuri intiżi sabiex tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti kollha li jirriżultaw mis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385).

63

Konsegwentement, fid-dawl tal-importanza tar-regoli tad-dritt tal-unjoni li huma s-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat f’dan ir-rigward skont is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), tal-konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas fuq l-interessi ġenerali u partikolari, taċ-ċirkustanza attenwanti marbuta mal-progress miksub sal-lum il-ġurnata, taċ-ċirkustanzi aggravanti li jirriżultaw mill-inċertezza dwar id-data li fiha r-Repubblika Ellenika kkonformat ruħha b’mod sħiħ ma’ din is-sentenza, taċ-ċarezza tad-dispożizzjonijiet miksura tad-Direttiva 91/271 u tal-aġir ripetut li jikkostitwixxi ksur tar-Repubblika Ellenika fil-qasam tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-ambjent u tal-osservanza tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tipproponi koeffiċjent ta’ gravità ta’ 5, ikkalkolat skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-Komunikazzjoni tat-13 ta’ Diċembru 2005.

64

Għal dak li jirrigwarda t-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385) fl-24 ta’ Ġunju 2004, filwaqt li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta rikors fuq il-bażi tal-Artikolu 260(2) TFUE fid-19 ta’ Novembru 2015. Peress li l-perijodu li ddekorra kien ta’ 137 xahar, il-Kummissjoni titlob li l-koeffiċjent tat-tul jiġi ffissat għal 3, fuq skala ta’ 1 sa 3.

65

Fir-rigward tal-koeffiċjent relatat mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru li kontrih tressqu l-proċeduri, imsejjaħ fattur “n”, din l-istituzzjoni tfakkar li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2005 tistabbilixxih għal 3.48 għar-Repubblika Ellenika.

66

Il-Kummissjoni tirrileva li, skont il-formola ċċitata f’din il-komunikazzjoni, il-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum huma ugwali għall-ammont bażiku uniformi, ta’ EUR 670, immultiplikat bil-koeffiċjent ta’ gravità, bil-koeffiċjent ta’ tul u bil-fattur “n”. Għaldaqstant, fil-każ ineżami, hija tipproponi pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 34 974.00.

67

Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-pagamenti ta’ penalità għandhom jitnaqqsu gradwalment abbażi tal-progress li jsir fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385). Għaldaqstant, hija tipproponi li jiġi applikat, skont il-punt 13.2 tal-imsemmija komunikazzjoni, pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum li jonqsu, li l-ammont effettivi tagħhom għandu jiġi kkalkolat fi tmiem kull perijodu ta’ sitt xhur, filwaqt li jitnaqqas it-total għal dawn il-perijodi b’perċentwali li jikkorrispondi għall-proporzjon ta’ EP li jkun sar konformi mas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385) fi tmiem il-perijodu kkonċernat.

68

F’dan ir-rigward, fir-rikors tagħha l-Kummissjoni tippreċiża li l-proporzjon tal-popolazzjoni tar-reġjun ikkonċernat li ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha sistemi ta’ ġbir u ta’ trattament skont ir-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/271 kien jikkorrispondi, fil-mument meta hija ppreżentat ir-rikors tagħha, għal EP totali ta’ 35883, u fir-replika tagħha dan l-ammont kien ta’ 27500.

69

Skont il-Kummissjoni, sabiex jiġi stabbilit l-ammont definittiv tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kull unità ta’ EP li effettivament tkun saret konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271, wara komunikazzjoni ma’ din l-istituzzjoni mir-Repubblika Ellenika ta’ informazzjoni li tistabbilixxi li din il-konformità ntlaħqet.

70

Ir-Repubblika Ellenika ssostni li la l-gravità tal-ksur, la t-tul ta’ dan tal-aħħar, la l-kooperazzjoni u d-diliġenza li hija uriet matul il-proċedura, u lanqas il-progress li sar fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385) ma jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità. Sussidjarjament, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-metodu ta’ kalkolu tiegħu.

71

Dan l-Istat Membru jqis għaldaqstant li l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità propost huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-gravità tal-ksur, li l-effetti tiegħu fuq l-ambjent abbażi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi speċifiċi li jirriżultaw mid-Direttiva 91/271 ma ġewx evalwati b’mod preċiż.

72

Ir-Repubblika Ellenika tqis li hija eżegwixxiet is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), fis-sens li hija implementat ix-xogħlijiet neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza.

73

Għal dak li jirrigwarda l-gravità u t-tul tal-ksur, il-proposta tal-Kummissjoni li jiġi applikat koeffiċjent ta’ 5 ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt lill-imsemmija sentenza, preċiżament, diġà ġiet eżegwita. F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jsostni li l-ħsara kkawżata lis-saħħa tal-bniedem, f’dan il-każ, ma hijiex ipprovata, peress li l-ilma urban mormi tad-djar li ma għandhomx konnessjoni man-netwerk sekondarju ma huwiex skarikat direttament u bla ebda kontroll fl-ilmijiet riċeventi, iżda jinġabar f’sistemi ta’ ġibjuni kif ukoll ta’ tankijiet settiċi, qabel ma jiġi ttrasportat minn trakkijiet b’tank fl-impjanti ta’ trattament operazzjonali fil-viċin, sabiex jiġu trattati hemmhekk. Barra minn hekk, dan il-koeffiċjent ta’ gravità huwa eċċessiv b’teħid inkunsiderazzjoni tal-koeffiċjenti propost mill-Kummissjoni u adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjon vs Il-Portugall (C‑557/14, EU:C:2016:471).

74

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiddikjara, mingħajr ebda bażi, li l-eżekuzzjoni allegatament mhux kompluta tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385) tista’ taffettwa l-implementazzjoni ta’ direttivi oħrajn tal-Unjoni jew għandha riperkussjonijiet fuq interessi ġenerali jew partikolari fil-każ ineżami.

75

Ir-Repubblika Ellenika tikkontesta wkoll l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li dan l-Istat Membru għandu aġir li jikkostitwixxi ksur li jirrepeti ruħu f’dan il-qasam preċiż tad-dritt tal-Unjoni.

76

Fil-każ ineżami, skont ir-Repubblika Ellenika, hija pprovat minn naħa, li l-ilma urban mormi tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio huwa suġġett għal trattament iktar rigoruż mit-trattament sekondarju li jippermetti li jiġi eliminat minnu l-fosfru u n-nitroġenu u, minn naħa l-oħra, li l-proporzjon tal-popolazzjoni li għad ma għandhiex konnessjoni, minħabba tħaffir arkeoloġiku jew diffikultajiet finanzjarji, tinqeda mill-faċilità ta’ trattament ta’ ilma mormi ta’ Metamorfosi.

77

Peress li r-Repubblika Ellenika eliminat, jew għall-inqas, naqqset b’mod sostanzjali, il-ħsara għall-ambjent li tirriżulta min-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat mis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), ir-Repubblika Ellenika tipproponi, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li timponilha pagamenti ta’ penalità, li tikkalkola l-ammont tagħhom abbażi ta’ koeffiċjent ta’ gravità mnaqqas għal 1.

78

Barra minn hekk, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, l-imsemmija pagamenti ta’ penalità huma sproporzjonati fid-dawl tat-tul tal-ksur, kif ukoll tal-kapaċità ta’ ħlas imnaqqsa tar-Repubblika Ellenika minħabba l-kriżi ekonomika subita minn din tal-aħħar.

79

Fil-fatt, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li jonqos sabiex jitlesta biss 5 % tan-netwerk sekondarju u li r-Repubblika Ellenika issa ħadet il-miżuri neċessarji għal dan il-għan, l-Istat Membru jqis li hemm lok li l-koeffiċjent tat-tul għall-finijiet tal-kalkolu tal-eventwali pagamenti ta’ penalità jiġi ffissat għal 1.

80

Għal dak li jirrigwarda l-kapaċità ta’ ħlas tal-imsemmi Stat Membru, il-prodott gross domestiku (PGD) tiegħu naqas bejn is-sena 2010 u s-sena 2016 b’25.5 %.

81

Fl-aħħar nett, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li timponilha pagamenti ta’ penalità, ir-Repubblika Ellenika titlob li tiġi approvata l-proposta tal-Kummissjoni li tikkonsisti f’li jiġu applikati pagamenti ta’ penalità li jonqsu skont l-istat tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385) u li l-ammont tagħhom jiġi kkalkolat fi tmiem kull sitt xhur.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

82

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, bħala prinċipju, hija ġġustifikata biss sakemm jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza preċedenti sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 30 u 39 tas-sentenza preżenti, fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Ellenika kkomunikat ir-riżultati tal-kampjuni rappreżentattivi meħuda fl-impjant ta’ trattament li juru li hija tiffunzjona b’mod xieraq u juru, għall-perijodu mis-27 ta’ Novembru 2012 sat-28 ta Lulju 2016, l-effettività tat-trattament tal-ilma urban mormi miġbur fid-dawl tad-Direttiva 91/271. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonfermat, kemm fir-replika tagħha kif ukoll fis-seduta, li l-ilma urban mormi attwalment miġbur huwa effettivament suġġett għal trattament konformement mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.

84

Madankollu, minn naħa, għalkemm in-netwerk prinċipali tlesta kompletament fir-reġjun ta’ Thriasio Pedio, in-netwerk sekondarju għadu ma nbeniex fis-settur ta’ Kato Élefsina tal-agglomerazzjoni ta’ Élefsina, hekk kif issostni l-Kummissjoni u bħalma tirrikonoxxi, barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika nnifisha, inkluż matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li n-netwerk sekondarju tlesta kompletament fir-reġjun ta’ Thriasio Pedio.

85

Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-konnessjoni tal-popolazzjoni kollha tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio man-netwerk terzjarju, jekk jiġi preżunt li l-affermazzjoni magħmula mir-Repubblika Ellenika matul is-seduta, li tipprovdi li 50.7 % tal-EP ta’ dan ir-reġjun kellu diġà konnessjoni ma’ dan in-netwerk, hija fondata, affermazzjoni li hija kkontestata mill-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li 49.3 % tal-EP tal-imsemmi reġjun, ikkalkolata f’EP, għad ma għandux konnessjoni man-netwerk terzjarju.

86

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-Repubblika Ellenika ma pprovatx li hija kienet eżegwixxiet kompletament, fid-data tas-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligi li jirriżultaw mis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385).

87

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kundanna tar-Repubblika Ellenika għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità jikkostitwixxi mezz finanzjarju xieraq sabiex tħeġġeġ lil din tal-aħħar tieħu l-miżuri neċessarji sabiex ittemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat mis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385) u sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni kompleta ta’ din tal-aħħar.

88

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż a priori li, fid-data li tingħata s-sentenza preżenti, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385) tkun ġiet kompletament eżegwita. Għaldaqstant, il-pagamenti ta’ penalità għandhom jiġu imposti biss fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jissokta fid-data li tingħata din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 66).

89

Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-pagamenti ta’ penalità għandhom ikunu deċiżi skont il-grad ta’ persważjoni neċessarju sabiex l-Istat Membru li jonqos milli jeżegwixxi sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jbiddel l-aġir tiegħu u jtemm il-ksur li bih ikun akkużat (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall. C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità, b’tali mod li dawn ikunu, minn naħa, adattati għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 68).

91

Il-proposti tal-Kummissjoni dwar il-pagamenti ta’ penalità ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss punt ta’ riferiment utli. Bl-istess mod, linji gwida bħal dawk inklużi fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni nnifisha meta din l-istituzzjoni tagħmel proposti lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ proċedura bbażata fuq l-Artikolu 260(2) TFUE, dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jissokta minn Stat Membru minkejja l-fatt li dan in-nuqqas stess ta’ twettiq ta’ obbligu diġà ġie kkonstatat fl-ewwel sentenza mogħtija skont l-Artikolu 258 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibqa’ libera li tiffissa l-pagamenti ta’ penalità fl-ammont u fil-forma li hija tqis adatti sabiex tħeġġeġ lil dan l-Istat Membru jtemm in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn din l-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 69)

92

Għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, il-kriterji bażiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura koerċittiva ta’ dawn tal-aħħar, fid-dawl ta’ applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni, huma, fil-prinċipju, il-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, hemm lok li jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi, kif ukoll l-urġenza li teżisti li l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 70).

93

Fl-ewwel lok, għal dak li jikkonċerna l-gravità tal-ksur, għandu jitfakkar li d-Direttiva 91/271 hija intiża sabiex tipproteġi l-ambjent. L-assenza jew l-insuffiċjenza b’mod partikolari ta’ sistemi ta’ trattament tal-ilma urban mormi jistgħu jikkawżaw ħsara lill-ambjent u għandhom jitqiesu li huma partikolarment serji (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 71).

94

Barra minn hekk għandu jiġi kkonstatat bħala aggravanti l-fatt li l-eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), għadha, hekk kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet tar-Repubblika Ellenika, ma seħħietx, u dan huwa ekwivalenti għal dewmien ta’ kważi għoxrin sena, inkwantu l-obbligu li tiġi żgurata l-konformità tat-trattament sekondarju tal-ilma urban mormi tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio kellu jiġi ssodisfatt mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 1998 (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385, punt 51). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax ħlief tikkonstata ksur fuq perijodu partikolarment twil li, fid-dawl tal-għan imsemmi iktar ’il fuq, huwa ċertament serju (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 74).

95

Għal dak li jirrigwarda l-argument imressaq mir-Repubblika Ellenika, li l-ilma urban mormi skarikat mill-popolazzjoni tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio li ma għandhiex konnessjoni man-netwerk terzjarju ma huwiex mixħut fin-natura iżda huwa ttrasportat f’impjant ta’ trattament fil-qrib minn trakkijiet b’tank, dan l-argument, li barra minn hekk huwa kkontestat mill-Kummissjoni, ma jistax jintlaqa’ peress li r-Repubblika Ellenika ma tipprovdi ebda prova li tali sistema ta’ ġbir tiffunzjona tajjeb.

96

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni fir-reġjun ta’ Thriasio Pedio tjiebet meta mqabbla ma’ dik li kienet teżisti meta nbdiet il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li wasslet għas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385). Fil-fatt, għalkemm, f’dak iż-żmien, is-sistema ta’ ġbir tal-ilma urban mormi ma kinitx teżisti, fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, in-netwerk prinċipali tlesta kompletament, in-netwerk sekondarju għad fadal jitlesta biss fis-settur ta’ Kato Élefsina u l-konnessjoni tal-populazzjoni tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio man-netwerk terzjarju, hekk kif sostniet ir-Repubblika Ellenika fl-atti proċedurali tagħha, laħqet perċentwali ta’ 45 % tal-EP ta’ dan ir-reġjun. F’dan ir-rigward, madankollu, il-perċentwali ta’ 50.7 % ddikjarata minn dan l-Istat Membru, hekk kif jirriżulta mill-punt 85 tas-sentenza preżenti, ma tistax tiġi aċċettata, peress li huwa ma pprovax il-fondatezza tagħha.

97

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża preżenti, l-importanza tal-ħsara li, fid-data tal-għoti tas-sentenza preżenti, tkun għadha qed tiġi kkawżata għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent minħabba n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, tiddependi, fil-parti l-kbira fuq in-numru ta’ siti affettwati minn dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għaldaqstant, dan id-dannu huwa inqas sostanzjali mid-dannu li ġie kkawżat lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent minħabba n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inizjali kkonstatat fis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385) (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 56).

98

Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat bħala attenwanti l-fatt li, hekk kif issostni r-Repubblika Ellenika, ir-reġjun ta’ Thriasio Pedio huwa reġjun li għandu partimonju arkeoloġiku kbir u li, minħabba tħaffir arkeoloġiku u l-iskoperta ta’ fdalijiet arkeoloġiċi, in-netwerk sekondarju tlesta, bl-eċċezzjoni ta’ parti minnu li tinsab fis-settur ta’ Kato Élefsina tal-agglomerazzjoni ta’ Élefsina.

99

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, it-tul tal-ksur, għandu jitfakkar li dan għandu jiġi evalwat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u mhux dak li fih din tal-aħħar hija adita mill-Kummissjoni. Issa, fil-każ inkwistjoni, it-tul tal-ksur, jiġifieri kważi erbatax-il sena mid-data tal-għoti tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), huwa kunsiderevoli (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 76).

100

Fil-fatt, minkejja li l-Artikolu 260(1) TFUE ma jippreċiżax it-terminu li fih għandha ssir l-eżekuzzjoni ta’ sentenza, l-interess li huwa jagħti lil applikazzjoni immedjata u uniformi tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġ, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din l-eżekuzzjoni tinbeda immedjatament u tintemm mill-iktar fiss possibbli (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101

Fit-tielet lok, għal dak li jikkonċerna l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni reċenti tal-PGD ta’ dan l-Istat Membru, hekk kif tkun fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 78). F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-argumenti tar-Repubblika Ellenika, li l-PGD tagħha naqas b’25.5 % bejn is-sena 2010 u s-sena 2016, meta dan l-Istat Membru ssottometta r-risposta tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

102

Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tnaqqas gradwalment il-pagamenti ta’ penalità skont il-progress imwettaq fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385).

103

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, anki jekk, sabiex tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-pagamenti ta’ penalità għandhom jintalbu fl-intier tagħhom sa meta l-Istat Membru jkun ħa l-miżuri kollha neċessarji sabiex itemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, f’ċerti każijiet speċifiċi, madankollu, sanzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-progress eventwalment imwettaq mill-Istat Membru fl-eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu tista’ tiġi kkunsidrata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembrue 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 60).

104

Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li għall-kalkolu tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, jittieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis gradwali tan-numru ta’ EP li ma humiex konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271, u dan jippermetti li jittieħed kont tal-progressi mwettqa mir-Repubblika Ellenika fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385) u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Huwa importanti, permezz ta’ dan it-tnaqqis gradwali, li r-Repubblika Ellenika tiġi mħeġġa mhux biss sabiex twaqqaf is-sistema ta’ ġbir fis-settur ta’ Kato Élefsina mill-iktar fiss possibbli, iżda anki, sabiex tiżgura li sistema ta’ ġbir konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271 tiġi implementata fir-reġjun kollu ta’ Thriasio Pedio.

105

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha tal-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis adatta l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità li jitnaqqsu gradwalment ta’ ammont ta’ EUR 18000 għal kull jum.

106

Għal dak li jikkonċerna l-frekwenza tal-pagament ta’ penalità, il-komponent tat-tnaqqis gradwali tagħhom huwa ffissat, skont il-proposta tal-Kummissjoni, fuq bażi ta’ sitt xhur, fid-dawl tal-fatt li l-produzzjoni ta’ provi tal-konformità mad-Direttiva 91/271 tista’ teżiġi ċertu żmien u sabiex jittieħed kont tal-progress eventwalment miksub mill-Istat Membru konvenut. Għaldaqstant, għandu jitnaqqas l-ammont totali relattiv għal kull wieħed minn dawn il-perijodi b’perċentwali li tikkorrispondi għall-proporzjon li jirrappreżenta n-numru ta’ unitajiet ta’ EP li jkunu effettivament saru konformi mas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385) fir-reġjun ta’ Thriasio Pedio (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑167/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:684, punt 66).

107

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis opportun, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li tiffissa pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 3276000 kull sitt xhur.

108

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-Repubblika Ellenika għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 3276000 kull sitt xhur ta’ dewmien fl-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), b’effett mid-data ta’ meta tingħata s-sentenza preżenti, u sa meta tiġi eżegwita kompletament is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), li l-ammont effettiv tagħhom għandu jiġi kkalkolat fi tmiem kull perijodu ta’ sitt xhur filwaqt li jitnaqqas l-ammont totali relattiv għal kull wieħed minn dawn il-perijodi b’perċentwali li tikkorrispondi għall-proporzjon li jirrappreżenta n-numru ta’ unitajiet ta’ EP li jkunu saru effettivament konformi mas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), fir-reġjun ta’ Thriasio Pedio, fi tmiem il-perijodu kkunsidrat meta mqabbel man-numru ta’ unitajiet ta’ EP li ma jkunux konformi mas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), f’dan ir-reġjun, fil-jum meta tingħata s-sentenza preżenti.

Fuq is-somma f’daqqa

L-argumenti tal-partijiet

109

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 3828 kull jum, ikkalkolata abbażi tal-Komunikazzjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2005, li l-ammont tagħha jirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-ammont bażiku uniformi, iffissat għal EUR 220, bil-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 5 u bil-fattur “n” ta’ 3.48, b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), sad-data ta’ meta tingħata s-sentenza preżenti jew sad-data ta’ meta hija tkun eżegwixxiet is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), jekk din tiġi eżegwita qabel ma tingħata s-sentenza preżenti.

110

Fil-kawża ineżami, għaddew 4165 jum bejn is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385) u d-deċiżjoni tal—Kummissjoni li tippreżenta r-rikors preżenti skont l-Artikolu 260(2) TFUE, jiġifieri d‑19 ta’ Novembru 2015. Konsegwentement, is-somma f’daqqa totali fid-data ta’ din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija ugwali għas-somma f’daqqa ta’ kuljum inkwistjoni fil-punt preċedenti, immultiplikata b’dan in-numru ta’ ġranet, jiġifieri EUR 15943620, ammont li huwa ikbar mis-somma f’daqqa minima ffissata għar-Repubblika Ellenika, li hija ta’ EUR 1933000.

111

Sa fejn l-ammont tas-somma f’daqqa jaqbeż dak tas-somma f’daqqa minima, għandha tiġi imposta s-somma f’daqqa ta’ EUR 3828 għal kull jum skont il-modalitajiet ippreċiżati fil-punt 110 tas-sentenza preżenti.

112

Ir-Repubblika Ellenika ssostni li hija eżegwixxiet is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), peress li x-xogħlijiet intiżi sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tagħha tlestew u li, għal dak li jirrigwarda x-xogħlijiet li għad fadal jitlestew, il-miżuri neċessarji għal dan il-għan ittieħdu diġà. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru kkoopera b’mod sistematiku u leali mas-servizzi tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, ma hemmx riskju ta’ reċidiva peress li r-Repubblika Ellenika eliminat, jew għall-inqas, naqqset b’mod kunsiderevoli, kull ħsara addizzjonali għall-ambjent. Għaldaqstant, dan l-Istat Membru jsostni li l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa ma hijiex iġġustifikata fil-każ ineżami.

113

Jekk madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li timponi fuq ir-Repubblika Ellenika somma f’daqqa, dan l-Istat Membru jsostni li l-jum li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tagħha ma għandux ikun dak ta’ meta ngħatat is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), peress li, b’teħid inkunsiderazzjoni tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li għaddejjin, din is-sentenza ma setgħetx tkun eżegwita f’din id-data, iżda fi skadenza li tiġi wara li jkun għadda żmien raġonevoli għall-eżekuzzjoni tagħha.

114

Fi kwalunkwe każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika “estremament diffiċli” li qed tiffaċja r-Repubblika Ellenika, hemmx oġġettivament lok li jiġi impost il-ħlas ta’ tali somma fuq dan l-Istat Membru jew, bil-kontra, li jiġi eżentat minnu kompletament.

115

Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-metodu ta’ kalkolu tal-Kummissjoni. Hija ssostni li jekk hi kellha tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ kuljum, din għandha tammonta għal EUR 765.60 u, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li timponi somma f’daqqa unika, din għandha tkun tal-ammont ta’ EUR 1933000.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

116

Għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha fil-qasam ikkunsidrat, timponi, simultanjament, pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 91).

117

Il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u l-iffissar tal-ammont eventwali ta’ din is-somma għandhom, f’kull każ inkwistjoni, jibqgħu jiddependu fuq l-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw kemm il-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll l-aġir stess tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċedura mibdija skont l-Artikolu 260 TFUE. F’dan ir-rigward, dan jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi dwar l-impożizzjoni jew le ta’ tali sanzjoni u sabiex tiddetermina, jekk ikun meħtieġ, l-ammont tagħha (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 92).

118

Fil-kawża preżenti, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha li wasslu għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkunsidrat, b’mod partikolari, l-fatt li diġà ngħataw sentenzi oħrajn, jiġifieri, minbarra s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, (C‑517/11, mhux ippubblikata, EU:C:2013:66) u tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑167/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:684), li jikkonstataw in-nuqqas tar-Repubblika Ellenika li twettaq l-obbligi tagħha fil-qasam tat-trattament tal-ilma urban mormi, jikkostitwixxu indikatur li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni fil-ġejjieni ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija tali li teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva, bħall-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 93).

119

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li għandha tiffissa l-ammont ta’ din is-somma f’daqqa b’mod li din tkun, minn naħa, adatta għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata għall-ksur imwettaq (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 94).

120

Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm, b’mod partikolari, dawk tal-gravità tal-ksur ikkonstatat u tal-perijodu li matulu dan issokta mill-għoti tas-sentenza li kkonstatat tali ksur (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 95).

121

Il-fatti tal-każ ineżami li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jirriżultaw b’mod partikolari mill-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punti 92 sa 101 tas-sentenza preżenti, relatati mal-gravità u mat-tul tal-ksur, kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni.

122

Għal dak li jikkonċerna l-gravità tal-ksur inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-kostruzzjoni tan-netwerk sekondarju, parti waħda biss ta’ agglomerazzjoni għadha nieqsa minn tali netwerk, jiġifieri s-settur ta’ Kato Élefsina, fl-agglomerazzjoni ta’ Élefsina, u, għal dak li jirrigwarda l-EP tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio li għandu konnessjoni man-netwerk terzjarju, dan jammonta għal 45 %. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, bħala medja, matul il-parti l-kbira tal-perijodu bejn id-data tal-għoti tas-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385) u dik tal-għoti tas-sentenza preżenti, dan ir-reġjun lanqas ma kellu impjant ta’ trattament, peress li dan tal-aħħar beda jopera biss mis-27 ta’ Novembru 2012. Għaldaqstant, hemm lok li dan il-ksur jitqies bħala li huwa iktar serju għall-finijiet tal-kalkolu tas-somma f’daqqa milli għall-finijiet tal-iffissar tal-pagamenti ta’ penalità.

123

Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda t-tul tal-ksur, minbarra l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 99 u 100 tas-sentenza preżenti, għall-finijiet tal-iffissar tas-somma f’daqqa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li minkejja li hija kkooperat b’mod sistematiku mas-servizzi tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika ma osservatx id-diversi aġendi li kienet stabbilixxiet hija stess sabiex tiżgura l-konformità tat-trattament tal-ilma urban mormi mar-reġjun ta’ Thriasio Pedio kollu. Fil-fatt, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kumissjoni ma rċeviet mingħand dan l-Istat Membru ebda aġenda affidabbli li tippermetti li tiġi stmata d-data li minnha l-Kummissjoni tista’ tikkonstata progress reali fl-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385) u għaldaqstant, sabiex tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271.

124

Il-ġustifikazzjonjiet invokati mir-Repubblika Ellenika f’dan ir-rigward, jiġifieri l-fatt li d-dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza huwa dovut għal diffikultajiet interni ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil-punt 53 tas-sentenza preżenti, Stat Membru ma jistax jinvoka diffikultajiet ta’ natura interna sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, peress li tali argumentazzjoni ma tistax, għaldaqstant, tintlaqa’.

125

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih hija akkużata r-Repubblika Ellenika ssokta għal perijodu ta’ żmien sinjifikattiv.

126

Fl-aħħar nett, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru kbir ta’ sentenzi, imsemmija fil-punt 118 tas-sentenza preżenti, li kkonstataw nuqqasijiet, mir-Repubblika Ellenika milli twettaq l-obbligi tagħha fir-rigward tat-trattament tal-ilma urban mormi. Issa, in-natura repetittiva tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Stat Membru hija iktar u iktar inaċċettabbli meta dan ikun f’settur li fih l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent huma partikolarment sinjifikattivi. F’dan ir-rigward, repetizzjoni minn Stat Membru ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur, f’settur speċifiku tista’ tikkostitwixxi indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni fil-ġejjieni ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li teżiġi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva, bħall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 99).

127

Madankollu, kif ġie indikat fil-punt 121 tas-sentenza preżenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll elementi, bħal dawk imsemmija fil-punti 92 sa 101 tas-sentenza preżenti, fosthom dawk relatati mad-diffikultajiet marbuta mat-tħaffir arkeoloġiku u mal-iskoperta ta’ fdalijiet arkeoloġiċi fir-reġjun ta’ Thriasio Pedio kif ukoll dawk marbuta mal-effetti tal-kriżi ekonomika mġarrba mir-Repubblika Ellenika fuq il-kapaċità ta’ ħlas ta’ dan l-Istat Membru.

128

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami jekk l-ammont tas-somma f’daqqa li r-Repubblika Elllenika għandha tħallas jiġi ffissat għal EUR 5000000.

129

Konsegwentement, ir-Repubblika Ellenika għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kumissjoni s-somma f’daqqa ta’ EUR 5000000.

Fuq l-ispejjeż

130

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, u peress li ġie kkonstatat li hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji involuti fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

 

2)

Fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 1 jissokkta fid-data tal-għoti tas-sentenza preżenti, ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 3276000 kull sitt xhur ta’ dewmien fl-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza preżenti sad-data li fiha tiġi eżegwita kompletament is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), li l-ammont effettiv tagħhom għandu jiġi kkalkolat fi tmiem kull perijodu ta’ sitt xhur filwaqt li jitnaqqas l-ammont totali relattiv għal kull wieħed minn dawn il-perijodi b’perċentwali li tikkorrispondi għall-proporzjon li jirrappreżenta n-numru ta’ unitajiet ta’ ekwivalenti ta’ popolazzjoni (EP) li jkunu saru effettivament konformi mas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), fir-reġjun ta’ Thriasio Pedio, fi tmiem il-perijodu kkunsidrat meta mqabbel man-numru ta’ unitajiet ta’ ekwivalenti ta’ popolazzjoni li ma jkunux konformi mas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑119/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:385), f’dan ir-reġjun, fil-jum meta tingħata s-sentenza preżenti.

 

3)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea somma f’daqqa ta’ EUR 5 miljuni.

 

4)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.