SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

3 ta’ Diċembru 2015

Eva Cuallado Martorell

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Reklutaġġ — Kompetizzjoni ġenerali għall-kostituzzjoni ta’ lista ta’ riżerva ta’ ġuristi lingwisti bil-lingwa Spanjola — Deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li tikkonferma li l-appellanti ma għaddietx mill-aħħar eżami bil-miktub u li tiċħad l-ammissjoni tagħha għall-eżami orali — Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal — Ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza — Obbligu ta’ motivazzjoni — Rifjut ta’ komunikazzjoni lir-rikorrenti tal-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti — Aċċess għad-dokumenti”

Suġġett :

Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tat-18 ta’ Settembru 2012, Cuallado Martorell vs Il-Kummissjoni (F‑96/09, ĠabraSP, EU:F:2012:129), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni :

Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tat-18 ta’ Settembru 2012, Cuallado Martorell vs Il-Kummissjoni (F‑96/09, ĠabraSP, EU:F:2012:129), hija annullata sa fejn din tiddikjara r-rikors inammissibbli sa fejn dan jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-ammissjoni tal-appellanti għall-eżami orali u, konsegwentement, tal-lista ta’ riżerva. Il-kumplament tal-appell huwa miċħud. Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

  1. Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Rifjut ta’ komunikazzjoni tal-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Osservanza tas-sigriet tal-proċeduri

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25 u Anness III, Artikolu 6)

  2. Rikorsi tal-uffiċjali — Deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Natura fakultattiva — Introduzzjoni — Konsegwenzi — Osservanza tar-restrizzjonijiet proċedurali marbuta mar-rimedju ta’ kontestazzjoni minn qabel

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

  3. Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Kunċett

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

  1.  Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandha l-għan, minn naħa, li tipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tevalwa l-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni u l-opportunità li tressaq kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li tippermetti lil din il-qorti twettaq l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni.

    F’dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet meħuda minn Bord tal-Għażla, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jikkonċilja ruħu mal-osservanza tas-sigriet li jiċċirkonda l-proċeduri tal-Bord tal-Għażla u, għaldaqstant, il-komunikazzjoni tal-marki miksuba fid-diversi eżamijiet tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla. Fil-fatt, deċiżjoni espliċita li tirrifjuta l-komunikazzjoni tal-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti hija suffiċjentement motivata sa fejn din tagħmel riferiment għall-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal li jipprovdi li l-proċeduri tal-Bord tal-Għażla huma sigrieti.

    (ara l-punti 37 sa 39 u 67)

    Referenza :

    Il-Qorti tal-Ġustizzja : sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati,C‑254/95 P, Ġabra, EU:C:1996:276, punt 31

    Il-Qorti Ġenerali : sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 2003, Pyres vs Il-Kummissjoni,T‑72/01, ĠabraSP, EU:T:2003:176, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata ; tal-5 ta’ April 2005, Hendrickx vs Il-Kunsill,T‑376/03, ĠabraSP, EU:T:2005:116, punti 7374 u l-ġurisprudenza ċċitata ; tat-12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni,F‑127/11, ĠabraSP, EU:F:2014:14, punt 94, u tal-11 ta’ Diċembru 2014, van der Aat et vs Il-Kummissjoni,T‑304/13 P, ĠabraSP, EU:T:2014:1055, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata

  2.  Ir-rimedju ġudizzjarju miftuħ kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla normalment jikkonsisti f’riferiment dirett lill-qorti tal-Unjoni. Il-possibbiltà għal persuna kkonċernata li tinvoka tali rimedju ġudizzjarju dirett mingħajr ilment amministrattiv minn qabel tfittex preċiżament l-applikazzjoni tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, din hija possibbiltà u mhux obbligu.

    Madankollu, jekk persuna kkonċernata fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla, minflok ma taġixxi direttament quddiem il-qorti Komunitarja, tinvoka d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex, fil-forma ta’ lment amministrattiv, tressaq il-każ tagħha quddiem l-Awtorità tal-Ħatra, l-ammissibbiltà tar-rikors imressaq sussegwentement tkun tiddependi mill-osservanza, min-naħa tal-persuna kkonċernata, tar-rekwiżiti proċedurali kollha li huma marbuta mar-rimedju tal-ilment preliminari.

    (ara l-punti 54, 55 u 62)

    Referenza :

    Il-Qorti Ġenerali : sentenza tat-23 ta’ Jannar 2002, Gonçalves vs Il-Parlament,T‑386/00, ĠabraSP, EU:T:2002:12, punti 3435 u l-ġurisprudenza ċċitata

  3.  Hija lment, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ittra li permezz tagħha uffiċjal, mingħajr ma jitlob b’mod espress l-irtirar tad-deċiżjoni inkwistjoni, b’mod ċar ikun intiż li jikseb sodisfazzjon għall-ilmenti tiegħu b’mod bonarju jew inkella l-ittra li b’mod ċar turi r-rieda tar-rikorrent li jikkontesta d-deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju.

    Għaldaqstant, billi l-għan tal-proċedura prekontenzjuża hija s-soluzzjoni bonarja ta’ tilwima li tqum fil-mument li jsir l-ilment, għandu jkun possibbli għall-Awtorità tal-Ħatra li tkun taf b’mod preċiż biżżejjed l-argumenti li l-uffiċjal jifformula kontra deċiżjoni amministrattiva. Minn dan jirriżulta li l-ilment għandu jkun fih espożizzjoni tal-motivi u tal-argumenti invokati kontra d-deċiżjoni amministrattiva li kontriha jitressaq l-ilment.

    Barra minn hekk, ilment ma għandux ikollha forma partikolari. Huwa biżżejjed li dan juri b’mod ċar u preċiż ir-rieda tal-awtur tiegħu li jikkontesta deċiżjoni meħuda fir-rigward tiegħu.

    L-amministrazzjoni għandha teżamina l-ilment bi spirtu ta’ ftuħ u, sabiex jitqies li din għandha quddiemha ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa biżżejjed li jkun tqajjem motiv minn qabel, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, b’mod ċar biżżejjed sabiex ikun possibbli għall-Awtorità tal-Ħatra li ssir taf il-kritiki li l-persuna kkonċernata fformulat kontra d-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, anki jekk motivi jew argumenti ma jkunux ġew inklużi fl-ilment stess, sa fejn kien possibbli għall-imsemmija awtorità li ssir tafhom b’mod preċiż permezz ta’ dokument li jkun mgħoddi lilha b’mod separat, l-ilment ma jistax jitqies inammissibli.

    (ara l-punti 63 sa 66)

    Referenza :

    Il-Qorti tal-Ġustizzja : sentenzi tal-31 ta’ Mejju 1988, Rousseau vs Il-Qorti tal‑Awdituri, 167/86, Ġabra, EU:C:1988:266, punt 8, u tal-14 ta’ Lulju 1988, Aldinger u Virgili vs Il-Parlament, 23/87 u 24/87, Ġabra, EU:C:1988:406, punt 13

    Il-Qorti Ġenerali : sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1996, Williams vs Il-Qorti tal‑Awdituri, T‑146/94, ĠabraSP, EU:T:1996:34, punti 4450 u l-ġurisprudenza ċċitata ; tat-13 ta’ Jannar 1998, Volger vs Il-Parlament,T‑176/96, ĠabraSP, EU:T:1998:1, punt 65, u tas-16 ta’ Frar 2005, Reggimenti vs Il-Parlament,T‑354/03, ĠabraSP, EU:T:2005:54, punti 4344 u l-ġurisprudenza ċċitata.