Kawża T-39/06

Transcatab SpA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Taljan tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Multi — Proporzjonalità — Gravità u tul tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Kooperazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha

(Artikolu 81 KE)

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kontenut neċessarju

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(1))

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ammont massimu — Kalkolu — Dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni — Att intiż sabiex joħloq effetti esterni — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ksur ikkwalifikat bħala serju ħafna unikament fuq il-bażi tan-natura tiegħu

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Deċiżjoni li timponi multi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Artikoli 81 KE u 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

7.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kontenut neċessarju

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Marġni ta’ diskrezzjoni rriżervat għall-Kummissjoni — Limiti — Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Natura dissważiva tal-multa

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 5(b))

10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva ta’ ftehim

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, l-ewwel paragrafu tal-punt 1 A, u t-tieni inċiż tal-punt 3)

11.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Waqfien tal-ksur mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni — Portata

(Artikolu 81(1) KE, Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, it-tielet inċiż tal-punt 3)

12.    Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Kundizzjonijiet

13.    Agrikoltura — Regoli tal-kompetizzjoni — Regolament Nru 26 — Applikazzjoni tad-deroga stabbilita għall-ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 33 KE — Kundizzjonijiet

(Artikoli 33 KE u 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 26, Artikolu 2)

14.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Kooperazzjoni tal-impriża implikata barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 98/C 9/03, is-sitt inċiż tal-punt 3, u 2002/C 45/03)

15.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — L-ewwel każ ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għal settur partikolari tal-ekonomija — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 3)

16.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Kundizzjoni finanzjarja ħażina tas-settur inkwistjoni — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

17.    Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 44(1)(ċ) u 48(2))

18.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, l-aħħar paragrafu tal-punt 23)


19.    Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku

(Artikolu 81(1) KE)

1.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, peress li l-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur.

Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din il-kumpannija sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni iuris tantum li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita tali influwenza determinanti. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, mingħajr ma tkun meħtieġa li tressaq provi supplimentari li jistabbilixxu li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat tali influwenza jew li kellha ta’ mill-inqas xi għarfien dwar il-ksur jew l-involviment ta’ dik il-kumpannija sussidjarja f’dan il-ksur. Din hija preżunzjoni konfutabbli, li tista’ tiġi kkonfutata permezz ta’ prova kuntrarja. B’hekk, hija l-kumpannija parent li għandha l-oneru li tikkonfuta dik il-preżunzjoni permezz ta’ elementi ta’ prova li jistgħu jistabbilixxu li l-kumpannija sussidjarja tagħha tiddetermina b’mod awtonomu l-linja ta’ azzjoni tagħha fis-suq u li dawk iż-żewġ kumpanniji b’hekk ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda. Fin-nuqqas, l-eżerċizzju ta’ kontroll jiġi pprovat bil-fatt li l-preżunzjoni bbażata fuq il-pussess totali tal-kapital ma ġietx ikkonfutata.

Il-fatt li kumpannija sussidjarja jkollha l-maniġment lokali u l-mezzi proprji ma jfissirx, fih innifsu, li hija tiddefinixxi l-aġir tagħha fis-suq indipendentement mill-kumpannija parent tagħha. Il-fatt li t-tmexxija tal-attivitajiet ta’ kuljum tiġi fdata f’idejn l-amministrazzjoni lokali ta’ kumpannija sussidjarja li tkun 100 % proprjetà tal-kumpannija parent huwa, fil-fatt, prattika komuni u, għaldaqstant, ma huwiex prova tal-awtonomija reali tal-kumpanniji sussidjarji.

(ara l-punti 92-94, 103, 106)

2.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża teżiġi li l-impriża kkonċernata tkun tqiegħdet fil-pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li effettivament tgħarraf l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ‑ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar eżistenza ta’ ksur tat-Trattat.

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirrifletti dan il-prinċipju inkwantu jipprovdi li l-partijiet għandhom jirċievu dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tiddikjara b’mod ċar l-elementi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu effettivament jidentifikaw l-aġir li huma qegħdin jiġu akkużati bih mill-Kummissjoni u sabiex ikunu jistgħu jsostnu utilment id-difiża tagħhom qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva. Dan ir-rekwiżit huwa osservat meta l-imsemmija deċiżjoni ma tallegax li dawk ikkonċernati wettqu ksur differenti minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tieħu inkunsiderazzjoni biss il-fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jagħtu spjegazzjoni.

Madankollu, din l-indikazzjoni tista’ ssir b’mod sommarju u d-deċiżjoni finali ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li din id-dikjarazzjoni hija dokument preparatorju u l-kunsiderazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li jinsabu fiha huma ta’ natura purament provviżorja. Għalhekk, huma wkoll ammissibbli xi żidiet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fid-dawl tar-risposti tal-partijiet, fejn l-argumenti mressqa juru li dawn setgħu effettivament jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ wkoll, fid-dawl tal-proċedura amministrattiva, tirrevedi jew iżżid xi argumenti ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn tal-ilmenti li hija fformulat.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-imputabbiltà lil kumpannija parent ta’ ksur imwettaq mis-sussidjarji li jkunu 100 % proprjetà tagħha, il-Kummissjoni hija obbligata li tippreżenta biss, fir-rigward tal-imputabbiltà tal-ksur, fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-provi li jirrigwardaw il-fatt li l-kumpannija parent kienet proprjetarja tal-kapital tal-kumpanniji sussidjarji tagħha.

(ara l-punti 115-117, 123)

3.      Il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat mill-kumpanniji kollha li jiffurmaw l-entità ekonomika li taġixxi bħala impriża għall-finijiet tal-Artikolu 81 KE, minħabba li d-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji komponenti jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tad-daqs u tal-qawwa ekonomika tal-impriża inkwistjoni.

(ara l-punti 129, 130)

4.      Il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 15, paragrafu 2, tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA huma strument intiż li jippreċiża, fl-osservanza tad-dritt ta’ kompetenzi superjuri, il-kriterji li l-Kummissjoni tixtieq tapplika fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-multi mogħtija lilha mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Il-Linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika ta’ deċiżjoni li timponi multi, peress li din tal-aħħar hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 1/2003, iżda huma jiddeterminaw, b’mod ġenerali u astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti minn din id-deċiżjoni u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi.

B’hekk, għalkemm il-Linji gwida ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala regola tad-dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, huma madankollu jistabbilixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prattika li għandha tiġi segwita li minnha l-amministrazzjoni ma tistax tiddevja, f’każ partikolari, mingħajr ma tippreżenta ġustifikazzjonijiet.

L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-Linji gwida madankollu ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali għall-Kummissjoni. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni ppreċiżat, permezz tal-Linji gwida, l-approċċ tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, ma tipprekludix li hija tevalwa dan il-kriterju globalment skont iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inklużi elementi li ma jissemmewx espressament fil-Linji gwida.

(ara l-punti 141-143)

5.      Mill-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) KEFA jirriżulta li l-akkordji orizzontali li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-iffissar tal-prezzijiet, jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “serji ħafna” sempliċement fuq il-bażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr ma l-Kummissjoni hija obbligata turi impatt konkret tal-ksur fis-suq u mingħajr ma d-daqs limitat tas-suq ġeografiku kkonċernat jipprekludi tali kwalifikazzjoni. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, għalkemm id-deskrizzjoni tal-ksur gravi ssemmi espressament l-impatt fis-suq u l-effetti fuq iż-żoni estiżi tas-suq komuni, dik tal-ksur serji ħafna, min-naħa l-oħra, ma ssemmi ebda rekwiżit ta’ impatt konkret fis-suq u lanqas tal-produzzjoni ta’ effetti fuq żona ġeografika partikolari.

Biex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, huwa deċiżiv li jiġi stabbilit li l-membri tal-akkordju kienu għamlu dak kollu li setgħu jagħmlu sabiex jagħtu effett reali lill-intenzjonijiet tagħhom. Billi dak li seħħ sussegwentement, fir-rigward tal-prezzijiet tas-suq effettivament realizzati, seta’ kien influwenzat minn fatturi oħrajn lil hinn mill-kontroll tal-membri tal-akkordju, il-membri tal-akkordju ma jistgħux jinvokaw favur tagħhom fatturi esterni li kkontrabattew l-isforzi tagħhom, billi jsostnu li dawn huma elementi li jiġġustifikaw tnaqqis tal-multa.

Il-Kummissjoni ma tistax tkun meħtieġa, meta tkun ġiet stabbilita l-implementazzjoni ta’ akkordju, li turi sistematikament li l-akkordji effettivament ippermettew lill-impriżi kkonċernati li jilħqu livell ta’ prezzijiet ta’ tranżazzjonijiet ogħla, jew, bħal fil-każ ta’ akkordji dwar xiri, inqas minn dawk li kien ikun hemm fin-nuqqas tal-akkordju. Ikun sproporzjonat li tintalab tali prova li tassorbi riżorsi kunsiderevoli fid-dawl tal-fatt li din tirrikjedi l-użu ta’ kalkoli ipotetiċi bbażati fuq mudelli ekonomiċi li l-eżattezza tagħhom tkun diffiċli li tiġi vverifikata mill-qorti tal-Unjoni u fejn ma hemm l-ebda prova tan-natura infallibbli tagħhom.

Barra minn hekk, id-daqs tas-suq ġeografiku ma huwiex kriterju awtonomu, fis-sens li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “serji ħafna” biss dawk il-ksur li jikkonċernaw lill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. La t-Trattat, la r-Regolament Nru 1/2003, la l-Linji gwida, u lanqas il-ġurisprudenza ma jippermettu li jiġu kkunsidrati biss b’dan il-mod ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li huma ġeografikament mifruxa ħafna. Barra minn hekk, ftehim intiżi b’mod partikolari għall-iffissar tal-prezzijiet tax-xiri kif ukoll it-tqassim tal-kwantitajiet mixtrija, jistgħu jiġu kkwalifikati bħala ksur serji ħafna, sempliċement fuq il-bażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr ma huwa neċessarju li tali aġir jiġi kkaratterizzat b’daqs ġeografiku partikolari. Minn dan isegwi li d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat, anki jekk huwa limitat, ma jipprekludix il-kwalifikazzjoni tal-ksur ikkonstatat f’dan il-każ bħala “serju ħafna”.

(ara l-punti 148, 149, 168, 169, 172)

6.      Fil-kuntest tal-iffissar ta’ multi minħabba l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa sodisfatt meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tiddetermina l-gravità u d-dewmien tal-ksur.

Fil-kuntest tal-analiżi li jikkonċernaw il-ksur tal-Artikolu 81 KE, l-Artikolu 253 KE ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li l-Kummissjoni tispjega fid-deċiżjonijiet tagħha r-raġunijiet għalfejn hija ma adottatx, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, approċċi differenti minn dawk li effettivament ġew adottati fid-deċiżjoni finali.

(ara l-punti 175, 177)

7.      Meta l-Kummissjoni tindika espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, li din ser teżamina jekk hemmx lok li jkunu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati, u meta din tistabbilixxi l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multa, bħall-gravità u d-dewmien tal-allegat ksur u l-fatt li dan twettaq intenzjonalment jew b’negliġenza, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt tas-smigħ tal-impriżi. B’dan il-mod, hija tagħtihom l-elementi meħtieġa biex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra l-konstatazzjoni ta’ ksur, iżda wkoll kontra l-fatt li ġiet imposta multa kontrihom.

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, meta tkun indikat l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija tkun ibbażat il-kalkolu tagħha tal-ammont tal-multi, li tippreċiża l-mod kif hija tkun użat kull wieħed minn dawk l-elementi għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell tal-multa. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni tista’ wkoll, fid-dawl tal-proċedura amministrattiva, tirrevedi jew iżżid argumenti ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn tal-ilmenti li hija tkun ifformulat.

Minn dan isegwi li, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, id-drittijiet ta’ difiża tal-impriżi kkonċernati huma ggarantiti quddiem il-Kummissjoni permezz tal-possibbiltà li jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-dewmien, il-gravità u n-natura antikompetittiva tal-fatti allegati kontrihom.

(ara l-punti 180-182)

8.      Fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa mill-Kummissjoni biex tippenalizza l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità timplika li l-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati mal-għanijiet imfittxija, jiġifieri fir-rigward tal-osservanza ta’ dawn ir-regoli, u li l-ammont tal-multa imposta fuq l-impriża abbażi ta’ ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat mal-ksur, evalwat fit-totalità tiegħu, billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tiegħu. B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa proporzjonalment mal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni biex tevalwa l-gravità tal-ksur u li f’dan ir-rigward għandha tapplika dawk l-elementi b’mod koerenti u ġġustifikat oġġettivament.

F’dan ir-rigward, la r-Regolament Nru 1/2003, u lanqas il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) KEFA ma jipprevedu li l-ammont tal-multi għandu jiġi ffissat direttament skont id-daqs tas-suq inkwistjoni, peress li dan il-fattur ma huwiex element obbligatorju, iżda biss element pertinenti fost oħrajn biex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur. Dawn id-dispożizzjonijiet b’hekk ma jimponux, waħedhom, li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs limitat tas-suq tal-prodotti.

Id-dritt applikabbli ma jistabbilixxix prinċipju ta’ applikazzjoni ġenerali li jgħid li l-penali għandha tkun proporzjonata mad-dħul mill-bejgħ miksub mill-impriża fis-suq ikkonċernat. Huwa permess, fid-dawl tal-iffissar tal-multa, li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża li huwa ħjiel, minkejja li huwa approssimattiv u mhux komplut, tad-daqs ta’ din u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll tal-parti minn dan id-dħul mill-bejgħ li ġejja mill-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur u li għaldaqstant hija tali li tagħti ħjiel tal-gravità tiegħu. Ebda waħda minn dawn iċ-ċifri ma għandha tingħata importanza sproporzjonata meta mqabbla mal-fatturi l-oħra ta’ evalwazzjoni u, konsegwentement, l-iffissar ta’ multa xierqa ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-merkanzija kkonċernata tirrappreżenta biss parti żgħira ta’ dan id-dħul mill-bejgħ. Barra minn hekk, meta l-ammont tal-multa finali ma jkunx jaqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata matul l-aħħar sena tal-ksur, il-multa ma tistax titqies li hija sproporzjonata għas-sempliċi fatt li tkun taqbeż id-dħul mill-bejgħ miksub fis-suq ikkonċernat.

(ara l-punti 189, 190, 196, 197, 199)

9.      Fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, peress li l-objettiv ta’ dissważjoni kien marbut mal-aġir tal-impriżi fi ħdan l-Unjoni, il-fattur ta’ dissważjoni huwa evalwat fid-dawl ta’ għadd ta’ elementi, u mhux biss il-qagħda partikolari tal-impriża kkonċernata.

Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, li tikkunsidra d-defiċit finanzjarju ta’ impriża, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal sabiex jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq. Għaldaqstant, kumpannija ma tistax tikkontesta l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur għal finijiet dissważivi billi tibbaża ruħha fuq iċ-ċirkustanza li hija ġarrbet telf matul il-perijodu tal-implementazzjoni tal-akkordju li wassal biex hija ma tibqax attiva fis-suq ikkonċernat mill-akkordju wara l-ftuħ tal-proċedura amministrattiva.

Barra minn hekk, il-fatt li miżura meħuda minn istituzzjoni twassal għall-falliment jew għall-istralċ ta’ impriża partikolari ma huwiex ipprojbit, fih innifsu, mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-likwidazzjoni ta’ impriża taħt is-sura ġuridika tagħha inkwistjoni, għalkemm tista’ tagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-proprjetarji, azzjonisti jew detenturi ta’ ishma, ma tfissirx madankollu li l-elementi personali, materjali u immaterjali rrappreżentati mill-impriża għandhom jitilfu huma wkoll il-valur tagħhom.

(ara l-punti 221-224)

10.    Iċ-ċirkustanza attenwanti prevista fit-tieni inċiż tal-punt 3 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) KEFA, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-akkordji jew tal-prattiki li jikkostitwixxu ksur, tistrieħ fuq l-aġir partikolari ta’ kull impriża. Minn dan jirriżulta li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ dik iċ-ċirkustanza attenwanti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux l-effetti li jirriżultaw mill-ksur kollu li għandhom jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tal-impatt konkret ta’ ksur fis-suq għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tiegħu (l-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida), iżda l-aġir individwali ta’ kull impriża, għall-finijiet li tiġi eżaminata s-serjetà tal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża fil-ksur.

Fi kwalunkwe każ, sabiex jibbenefikaw mit-tieni inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida msemmija, dawk li wettqu l-ksur għandhom juru li huma adottaw komportament kompetittiv jew, għall-inqas, li huma kisru, b’mod ċar u b’mod kunsiderevoli, l-obbligi intiżi sabiex jiġi implementat l-akkordju, sal-punt li fixklu l-funzjonament tiegħu, u li ma jkunux taw l-impressjoni li aderixxew mal-ftehim u, minħabba f’hekk, ħeġġew lil impriżi oħra jimplementaw l-akkordju inkwistjoni.

(ara l-punti 273, 275)

11.    B’mod konformi mat-tielet inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) KEFA, l‑ammont bażiku tal-multa ffissat mill-Kummissjoni jista’ jitnaqqas meta l-impriża akkużata twaqqaf il-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni.

Madankollu, tali tnaqqis fil-multa ma jistax ikun awtomatiku, iżda jiddependi fuq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ mill-Kummissjoni, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Iċ-ċirkustanzi tal-każ b’hekk jistgħu jwasslu lill-Kummissjoni biex ma tagħtix tali tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa lil impriża li tkun parti minn akkordju illeċitu.

Ir-rikonoxximent tal-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti f’sitwazzjonijiet fejn impriża tkun parti minn akkordju manifestament illegali, li hija kienet taf bih jew li ma setgħetx ma tkunx taf li kien jikkostitwixxi ksur, jista’ jħeġġeġ lill-impriżi jidħlu f’akkordju sigriet għall-itwal żmien possibbli, bit-tama li l-imġiba tagħhom ma tinkixef qatt, filwaqt li jkunu jafu li jekk jinkixfu, huma jistgħu jkollhom il-multa mnaqqsa billi jwaqqfu l-ksur. Tali rikonoxximent ineħħi kull effett dissważiv tal-multa imposta u jkun ta’ ħsara għall-effett utli tal-Artikolu 81(1) KE.

Barra minn hekk, il-waqfien minn ksur imwettaq intenzjonalment ma għandux jiġi meqjus bħala ċirkustanza attenwanti meta din tkun ġiet iddeterminata bl-intervent tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 282-284)

12.    Id-dritt li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jeħtieġ li jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, għandhom ikunu ngħataw garanziji preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, lill-persuna kkonċernata mill-amministrazzjoni. It-tieni nett, dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu ta’ natura li jnisslu aspettattivi leġittimi fir-rigward ta’ dak li lilu jkunu indirizzati. It-tielet nett, l-assigurazzjonijiet mogħtija għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli

Fil-qasam tal-kompetizzjoni, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat, fil-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, li ċerti elementi jikkostitwixxu ċirkustanzi attenwanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ma jimplikax li hija obbligata tagħti l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni sussegwenti. Għaldaqstant, impriża ma tistax tibni argument fuq il-fatt li ċirkustanza attenwanti ġiet applikata f’każijiet oħrajn ta’ ksur sabiex tinvoka aspettattiva leġittima f’dan ir-rigward.

(ara l-punti 289, 291)

13.    Ir-Regolament Nru 26, li japplika ċerti regoli tal-kompetizzjoni għall-produzzjoni u l-kummerċ ta’ prodotti agrikoli, u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, jistabbilixxi deroga mill-applikabbiltà tal-Artikolu 81(1) KE, għall-akkordji, id-deċiżjonijiet u l-prattiki dwar il-produzzjoni jew il-kummerċ tal-prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat KE, li jifformaw parti integrali minn organizzazzjoni nazzjonali tas-suq jew li huma neċessarji għall-kisba tal-objettivi ddikjarati fl-Artikolu 33 KE.

Fir-rigward ta’ deroga mir-regola ta’ applikazzjoni ġenerali tal-Artikolu 81(1) KE, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 26 għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Barra minn hekk, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 26, li jipprovdi l-eċċezzjoni invokata, tapplika biss jekk l-akkordju inkwistjoni jkun jippromwovi l-kisba tal-objettivi kollha tal-Artikolu 33 KE. Finalment, kif jirriżulta mit-test innifsu tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 26, l-akkordju inkwistjoni għandu jkun “neċessarju” għall-kisba tal-imsemmija objettivi.

F’dan ir-rigward, fin-nuqqas ta’ notifika u proċedura formali, impriża li pparteċipat fi ksur manifest u serju ħafna tal-Artikolu 81 KE fis-settur tat-tabakk mhux maħdum ma tistax targumenta li hija kellha dubju dwar il-possibbiltà li l-akkordju kkonċernat jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista mir-Regolament Nru 26. Barra minn hekk, f’sistema bħal dik prevista mir-Regolament Nru 26, huwa eskluż li operaturi privati jistgħu jippretendu li jissostitwixxu l-evalwazzjoni tagħhom għal dik tal-Kummissjoni dwar l-iktar mezzi xierqa biex jinkisbu l-objettivi ffissati mill-Artikolu 33 KE u li b’hekk jieħdu inizjattivi illegali li jkunu ġġustifikati miċ-ċirkustanza li huma jsegwu dawk l-objettivi. Barra minn hekk, iż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-prodotti agrikoli tifforma parti mill-għanijiet tal-politika agrikola komuni u tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq inkwistjoni. B’hekk, tali impriża ma tistax issostni li akkordji manifestament antikompetittivi li pparteċipat fihom kienu jsegwu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 33(1) KE.

(ara l-punti 298-300, 303, 305)

14.    Skont is-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) KEFA, l-ammont bażiku ta’ multa jista’ jitnaqqas minħabba l-kooperazzjoni effettiva mill-impriża fil-proċedura barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell. Dik iċ-ċirkustanza attenwanti speċifika tapplika biss għal ksur li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni tas-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida ma jistax ikollha l-konsegwenza li ċċaħħad lill-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni mill-effettività tagħha. Fil-fatt, din tistabbilixxi qafas sabiex jiġu kkumpensati, għall-kooperazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, impriżi li jifformaw parti jew kienu jifformaw parti minn akkordji sigrieti li jaffettwaw lill-Unjoni. Għaldaqstant, mill-kliem u mill-istruttura tal-imsemmija komunikazzjoni jirriżulta li l-impriżi ma jistgħux, bħala prinċipju, jiksbu tnaqqis tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni tagħhom ħlief jekk huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet stretti stabbiliti fl-imsemmija komunikazzjoni.

Għaldaqstant, sabiex tippreżerva l-effettività tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tagħti tnaqqis tal-multa lil impriża fuq il-bażi tas-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida ħlief f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-kooperazzjoni ta’ impriża, filwaqt li tmur lil hinn mill-obbligu legali ta’ kooperazzjoni tagħha mingħajr madankollu ma tagħtiha d-dritt għal tnaqqis tal-multa skont il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, tkun ta’ utilità oġġettiva għall-Kummissjoni.

(ara l-punti 327-330)

15.    Il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) KEFA ma jipprevedu espressament ebda ċirkustanza attenwanti relatata man-nuqqas ta’ preċedenti fis-suq ikkonċernat mill-ksur. L-aħħar inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida jipprovdi, madankollu, il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tqis ċirkustanzi oħrajn bħal dawk imsemmija fl-inċiżi preċedenti sabiex tagħti tnaqqis fl-ammont bażiku tal-multa. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tagħti attenwazzjoni tal-multi meta dan ikun l-ewwel każ f’settur partikolari.

(ara l-punti 342, 343)

16.    Meta timponi multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tikkunsidra bħala ċirkustanza attenwanti l-qagħda finanzjarja ħażina tas-settur inkwistjoni. Effettivament, ġeneralment, il-kartelli jitwieldu fil-mument meta settur jiltaqa’ ma’ diffikultajiet. B’hekk, kieku l-Kummissjoni kienet marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni dawn id-diffikultajiet, il-multa jkollha titnaqqas kważi fil-każijiet kollha ta’ kartelli.

Għalkemm huwa minnu li, fil-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni, ċerti kriżijiet strutturali ġieli ġew meqjusa bħala ċirkustanzi attenwanti, it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, f’każijiet preċedenti, tal-qagħda ekonomika tas-settur bħala ċirkustanza attenwanti ma jimplikax li hija għandha neċessarjament tkompli tosserva dik il-prattika.

(ara l-punti 352, 353)

17.    Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li jkun ibbażat fuqhom jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u komprensibbli, mit-test tar-rikors stess. F’dan ir-rigward, filwaqt li l-korp tar-rikors jista’ jiġi kkorroborat u ssupplementat, fuq punti speċifiċi, b’riferimenti għal estratti minn dokumenti li jkunu annessi miegħu, ir-riferiment ġenerali għal skritturi oħrajn, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ elementi essenzjali argumentattivi tad-dritt li għandhom jitniżżlu fir-rikors. Barra minn hekk, ma huwiex id-dmir tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li fuqhom hija tista’ tikkunsidra li huwa bbażat ir-rikors, peress li l-funzjoni tal-annessi hija waħda purament probatorja u strumentali.

B’hekk, tkun qiegħda tiġi aċċettata devjazzjoni mir-rekwiżiti fundamentali tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u tkun qiegħda tiġi aċċettata l-ammissibbiltà ta’ motivi mhux spjegati b’mod suffiċjenti fir-rikors iżda li jagħmlu referenza għal motivi ipotetikament issollevati minn parti terza f’kawża oħra, li għaliha tkun irreferiet b’mod impliċitu fir-rikors.

Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali hija obbligata tiċħad bħala inammissibbli kap tat-talbiet tar-rikors li jiġi ppreżentat lilha meta l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat dan il-kap tat-talbiet ma jirriżultawx, b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tal-istess rikors, u li n-nuqqas ta’ tali punti fir-rikors ma jistax jiġi rrimedjat billi dawn jiġu ppreżentati waqt is-seduta.

(ara l-punti 366, 371, 372)

18.    Huwa inerenti f’dik il-loġika skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell li l-effett mixtieq tal-imsemmija komunikazzjoni huwa li tinħoloq klima ta’ inċertezza fi ħdan l-akkordji billi titħeġġeġ id-denunzja tagħhom lill-Kummissjoni. Din l-inċertezza tirriżulta preċiżament mill-fatt li l-parteċipanti fl-akkordju jafu li wieħed biss fosthom jista’ jibbenefika minn immunità tal-multa billi jiddenunzja lill-parteċipanti l-oħrajn fil-ksur, biex b’hekk ikunu esposti għar-riskju li jeħlu l-multi. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, u skont l-istess loġika, l-impriżi li jipprovdu l-kooperazzjoni tagħhom l-iktar malajr jibbenefikaw minn tnaqqis ikbar tal-multi li kieku kienu jeħlu minn dawk mogħtija lill-impriżi li jikkooperaw inqas malajr. B’hekk, l-ordni kronoloġika u r-rapidità tal-kooperazzjoni offruta mill-membri tal-kartell jikkostitwixxu elementi fundamentali tas-sistema stabbilita mill-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

L-interpretazzjoni tal-iskop ta’ dispożizzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għandha tkun konformi mal-loġika proprja ta’ dik il-komunikazzjoni. F’din il-perspettiva, l-aħħar inċiż tal-punt 23 ta’ dik il-komunikazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkumpensa lil impriża, anki jekk hija ma tkunx l-ewwel waħda li ppreżentat it-talba għall-immunità fir-rigward tal-akkordju inkwistjoni, jekk hija tkun l-ewwel waħda li tipprovdi lill-Kummissjoni elementi ta’ prova dwar fatti injorati mill-Kummissjoni li jkollhom effett dirett fuq is-serjetà jew id-dewmien tal-akkordju. Fi kliem ieħor, jekk l-elementi ta’ prova pprovduti minn impriża jkunu jikkonċernaw fatti li jippermettu lill-Kummissjoni li timmodifika l-evalwazzjoni tagħha, f’dak il-mument, tas-serjetà u d-dewmien tal-akkordju, l-impriża li tipprovdi dawk l-elementi ta’ prova tiġi kkumpensata permezz ta’ immunità fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fatti li dawk l-elementi ta’ prova jkunu jistgħu juru.

B’hekk, l-aħħar inċiż tal-punt 23 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma jikkonċernax il-każijiet fejn impriża tkun sempliċement ippreżentat elementi ta’ prova ġodda jew iktar kompluti fir-rigward ta’ fatti li l-Kummissjoni diġà kienet taf bihom. L‑imsemmi paragrafu lanqas ma japplika għal każijiet fejn impriża tinnotifika fatti ġodda li, madankollu, ma jkunux tali li jimmodifikaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-serjetà jew id-dewmien tal-akkordju. Dik id-dispożizzjoni tapplika, min-naħa l-oħra, esklużivament f’każijiet fejn jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet: fl-ewwel lok, l-impriża inkwistjoni tkun l-ewwel waħda li tressaq prova ta’ fatti li qabel kienu injorati mill-Kummissjoni, fit-tieni lok, dawk il-fatti, li jkollhom effett dirett fuq is-serjetà jew id-dewmien tal-akkordju preżunt, jippermettu lill-Kummissjoni li tasal għal konklużjonijiet ġodda dwar il-ksur.

(ara l-punti 379-382)

19.    Impriża li tkun ipparteċipat fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni permezz ta’ aġir attribwibbli lilha, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ akkordju jew ta’ prattika miftiehma b’għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, u li kien intiż sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-ksur b’mod ġenerali, hija wkoll responsabbli, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur, għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur.

Bl-istess mod, impriża tista’ tinżamm responsabbli ta’ akkordju sħiħ anki jekk jiġi stabbilit li hija ma pparteċipatx direttament ħlief f’element wieħed jew f’diversi elementi li jikkostitwixxu l-akkordju, peress li hija kienet taf, jew kellha tkun taf, minn naħa waħda, li l-kollużjoni li fiha hija pparteċipat kienet tidħol fi pjan ġenerali u, min-naħa l-oħra, li dan il-pjan globali kien ikopri l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-akkordju.

(ara l-punti 394, 395)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

5 ta’ Ottubru 2011(*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Taljan tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Multi – Proporzjonalità – Gravità u tul tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti – Kooperazzjoni”

Fil-Kawża T‑39/06,

Transcatab SpA, stabbilita f’Caserta (l-Italja), irrappreżentata minn C. Osti u A. Prastaro, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Amato, sussegwentement minn V. Di Bucci, u finalment minn É. Gippini Fournier u L. Malferrari, bħala aġenti, assistiti minn F. Ruggeri Laderchi, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, fl-ewwel lok, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2005) 4012 finali, tal-20 ta’ Ottubru 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.281/B.2 – Tabakk mhux maħdum – l-Italja), fit-tieni lok, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta kontra Transcatab minn dik id-deċiżjoni u, fit-tielet lok, kontrotalba mill-Kummissjoni għaż-żieda ta’ dak l-ammont,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona (Relatur) u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Novembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Transcatab SpA, hija kumpannija Taljana li tinsab fil-proċess ta’ stralċ, li l-attività prinċipali tagħha hija l-ewwel ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum. Fil-mument meta seħħew il-fatti li huma s-suġġett ta’ din il-kawża, Transcatab kienet 100% sussidjarja ta’ Standard Commercial Corp. (iktar ’il quddiem “SCC”), waħda mill-ikbar negozjanti indipendenti ta’ weraq tat-tabakk fid-dinja. Fit-13 ta’ Mejju 2005, jiġifieri matul il-proċedura amministrattiva, SCC amalgamat ma’ Dimon, Inc., biex b’hekk inħolqot entità ġdida bl-isem Alliance One International, Inc. (iktar ’il quddiem “Alliance One”), li għandha 100% tal-kontroll ta’ Transcatab.

1.     Il-proċedura amministrattiva

2        Fil-15 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej indirizzat talbiet għal informazzjoni, abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament ta’ applikazzjoni tal-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), rigward is-suq Taljan tat-tabakk mhux maħdum, lill-assoċjazzjonijiet professjonali tal-proċessuri u tal-produtturi tat-tabakk Taljani, jiġifieri, rispettivament, lill-Associazione professionale trasformatori tabacchi italiani (APTI, Assoċjazzjoni professjonali tal-proċessuri ta’ tabakk mhux maħdum Taljani) u lill-Unione italiana tabacco (Unitab, Unjoni Taljana tat-tabakk).

3        Fid-19 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni rċeviet talba għal immunità mill-multi minn Deltafina SpA, proċessur membru ta’ APTI, skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni”).

4        Fl-4 ta’ April 2002 saret laqgħa tal-bord ta’ APTI. Matul dik il-laqgħa, Deltafina informat lill-parteċipanti, fosthom Transcatab SpA u Dimon Italia Srl (sussidjarja ta’ Dimon, li saret Mindo Srl), dwar it-talba tagħha għall-immunità u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħtiha immunità kundizzjonali.

5        Dakinhar stess, il-Kummissjoni rċeviet talba għal immunità mill-multi, abbażi tal-punt 8 tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni, u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis ta’ kull multa, abbażi tal-punti 20 sa 27 tal-komunikazzjoni imsemmija imsemmi, min-naħa ta’ Dimon Italia, kif ukoll, xi ftit sigħat wara, talba għal tnaqqis ta’ kull multa, fuq l-istess bażi, min-naħa ta’ Transcatab.

6        Fid-9 ta’ April 2002, il-Kummissjoni kkonfermat li kienet irċeviet it-talba ppreżentata minn Transcatab b’applikazzjoni tal-punt 25 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Transcatab bagħtet talba ġdida fl-10 ta’ April 2002, li kienet tikkonsisti f’nota ta’ spjegazzjoni u 44 anness. Fit-30 ta’ April 2002, il-Kummissjoni kkonfermat ukoll l-irċevuta tat-talba ġdida b’mod konformi mal-punt 25 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

7        Fit-18 u fid-19 ta’ April 2002, il-Kummissjoni għamlet spezzjonijiet, abbażi tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17, fil-bini ta’ Dimon Italia u ta’ Transcatab, kif ukoll fil-bini ta’ Trestina Azienda Tabacchi SpA u ta’ Romana Tabacchi SpA.

8        Fit-8 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni informat lil Dimon Italia u lil Transcatab li huma kienu rispettivament l-ewwel u t-tieni impriża li pprovdew provi tal-ksur għall-finijiet tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni, u li hija b’hekk kellha l-ħsieb li, fit-tmiem tal-proċedura amministrattiva, tagħtihom rispettivament tnaqqis ta’ bejn 30 u 50 % u bejn 20 u 30 % tal-ammont tal-multa li kien jiġi impost kontrihom abbażi tal-ksur eventwalment ikkonstatat fin-nuqqas tal-kooperazzjoni.

9        Fil-25 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija indirizzat lil għaxar impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, fosthom Transcatab, Deltafina, Dimon Italia u Romana Tabacchi (iktar ’il quddiem il-“proċessuri”) u l-kumpanniji parent ta’ wħud fosthom, b’mod partikolari SCC, Dimon u Universal Corp., il-kumpannija parent ta’ Deltafina.

10      Wara li ġie adottat, fil-21 ta’ Diċembru 2004, addendum għall-imsemmija dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar il-ksur minn Deltafina tal-obbligu ta’ kooperazzjoni previst mill-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, b’relazzjoni mal-iżvelar tat-talba tagħha għall-immunità (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), saret it-tieni seduta fl-1 ta’ Marzu 2005.

11      Wara li kkonsultat mal-Kumitat konsultattiv dwar l-akkordji u l-pożizzjonijiet dominanti, u fid-dawl tar-rapport finali tal-Uffiċjal tas-Smigħ, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2005) 4012 finali, tal-20 ta’ Ottubru 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.281/B.2 – Tabakk mhux maħdum – l-Italja) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sommarju tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Frar 2006 (ĠU L 353, p. 45).

2.     Id-deċiżjoni kkontestata

12      Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda fl-ewwel lok akkordju orizzontali implementat mill-proċessuri fis-suq Taljan tat-tabakk mhux maħdum.

13      Fil-kuntest ta’ dan l-akkordju, matul il-perijodu bejn l-1995 sal-bidu tas-sena 2002, il-proċessuri ffissaw il-kundizzjonijiet tat-transazzjoni għax-xiri tat-tabakk mhux maħdum fl-Italja, f’dak li jirrigwarda kemm ix-xiri dirett mingħand il-produtturi kif ukoll ix-xiri mingħand “imballaturi terzi”, b’mod partikolari permezz tal-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq.

14      Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda wkoll żewġ każijiet ta’ ksur oħra, distinti mill-akkordju implementat mill-proċessuri, li seħħew bejn il-bidu tal-1999 u l-aħħar tal-2001 u li kienu jikkonsistu, fil-każ ta’ APTI, fl-iffissar tal-prezzijiet tal-kuntratti li kienet sejra tinnegozja, f’isem il-membri tagħha, għall-konklużjoni tal-ftehim interprofessjonali ma’ Unitab, u, fil-każ ta’ din tal-aħħar, fl-iffissar tal-prezzijiet li kienet sejra tinnegozja ma’ APTI, f’isem il-membri tagħha, għall-konklużjoni tal-istess ftehim.

15      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li kull prattika tal-proċessuri kienet tikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81(1) KE (ara, b’mod partikolari, il-premessi 264 sa 276 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, hija attribwixxiet ir-responsabbiltà tal-akkordju lill-proċessuri, kif ukoll lil Universal u Alliance One, bħala l-kumpannija li ħarġet mill-fużjoni bejn Dimon Inc. u SCC.

17      Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet multi fuq l-impriżi msemmija fil-punt preċedenti kif ukoll fuq APTI u Unitab (ara l-punt 71 iktar ’il quddiem).

 Destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata

18      Il-premessi 325 sa 351 tad-deċiżjoni kkontestata huma ddedikati għad-determinazzjoni tad-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni.

19      Preliminarjament, il-Kummissjoni rreferiet għall-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-kunċett ta’ “impriża”, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal unità ekonomika għall-fini tas-suġġett tal-ftehim inkwistjoni, anki jekk, mill-perspettiva legali, din l-unità ekonomika hija komposta minn diversi persuni, fiżiċi jew ġuridiċi (premessa 325 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Sussegwentement, il-Kummissjoni ddikjarat li kien ġie stabbilit li Deltafina, Dimon Italia, Transcatab u Romana Tabacchi, kif ukoll APTI u Unitab, kienu pparteċipaw direttament, matul il-perjodi rispettivi ta’ ksur, fil-ksur ikkonstatat u li, għalhekk, kull waħda minn dawn l-impriżi u assoċjazzjonijiet kienet destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 327 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Il-Kummissjoni kompliet l-analiżi tagħha billi eżaminat il-kwistjoni tal-imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ ċerti kumpanniji sussidjarji (Deltafina, Dimon Italia u Transcatab) lill-kumpanniji parent rispettivi tagħhom. F’dan ir-rigward, hija fakkret li, matul il-perijodu tal-ksur, Deltafina kienet sussidjarja 100 % ta’ Universal, Dimon Italia kienet sussidjarja 100 % ta’ Dimon u Transcatab kienet sussidjarja 100 % ta’ SCC (premessa 328 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Il-Kummissjoni ddikjarat b’mod partikolari li, skont il-ġurisprudenza, kumpannija parent tista’ tinżamm responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-kumpannija sussidjarja tagħha, meta din ma tkunx kapaċi tiddetermina l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu. F’dan ir-rigward, hija fakkret li wieħed jista’ jassumi li, meta kumpannija parent ikollha l-kapital azzjonarju kollu ta’ kumpannija sussidjarja, din ikollha influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ dik il-kumpannija sussidjarja meta twettaq ksur tal-Artikolu 81(1) KE (premessi 329 u 330 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Fil-premessa 331 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonkludiet li, fir-rigward ta’ Deltafina, Dimon u Transcatab, jista’ jkun leġittimament preżunt li huma “ma kellhomx awtonomija” peress li kienu, jew qabel kienu, fil-każ ta’ Dimon Italia, miżmuma 100 % mill-kumpanniji parent rispettivi tagħhom.

24      Filwaqt li rrifjutat it-teżi, imressqa mill-imsemmija kumpanniji fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tgħid li huma meħtieġa iktar elementi, minbarra dak tal-kontroll 100 %, sabiex ikun indikat l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, il-Kummissjoni ppreċiżat li kull preżunzjoni ta’ tali influwenza fil-każ ta’ kumpannija sussidjarja kkontrollata 100 % kienet konfutabbli. Il-prova kuntrarja għandha tingħata mill-parti li tixtieq tirribatti tali preżunzjoni permezz ta’ “provi solidi”, li ma jistgħux ikunu sempliċement informazzjoni ġenerali mingħajr is-sostenn ta’ provi konvinċenti (premessa 334 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      F’dan ir-rigward, hija eżaminat suċċessivament l-argumenti mressqa mill-kumpanniji parent destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u n-nuqqas ta’ elementi dwar l-ispeċifiċità tal-gruppi rigward l-awtonomija tal-attivitajiet tal-kumpanniji sussidjarji tagħhom.

26      Il-Kummissjoni ċaħdet, fl-ewwel lok, l-argument ġenerali mressaq mill-kumpanniji parent ikkonċernati dwar ir-responsabbiltà sħiħa tal-amministraturi lokali rigward l-attivitajiet tal-kumpanniji sussidjarji rispettivi tagħhom. Fil-fehma tagħha, il-fatt li Dimon u SCC żammew l-amministraturi eżistenti meta akkwistaw 100 % tas-sehem tal-kumpanniji sussidjarji rispettivi tagħhom ma jistax jeskludi li l-kumpanniji parent eżerċitaw influwenza determinanti fuq il-kumpanniji sussidjarji Taljani rispettivi tagħhom, peress li hija prattika komuni li t-tmexxija lokali ta’ kumpannija sussidjarja miżmuma 100 % tiġi fdata f’idejn l-amministraturi tan-negozju ta’ kuljum (premessa 338 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Skont il-Kummissjoni, l-ebda waħda minn dawn l-impriżi ma wriet, b’mod ġenerali, xi karatteristika speċifika tal-grupp tagħha li għamlet l-attivitajiet tal-kumpannija sussidjarja tagħha kunsiderevolment indipendenti mill-influwenza tagħha (premessa 339 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni analizzat is-solidità tar-rabtiet ekonomiċi eżistenti bejn Deltafina, Dimon Italia, Transcatab u l-kumpanniji parent rispettivi tagħhom, li turi li l-kumpanniji sussidjarji Taljani kienu jikkostitwixxu unità ekonomika mal-bqija tal-grupp tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li l-gruppi kkonċernati kienu l-ikbar negozjanti tal-weraq tat-tabakk fid-dinja u li huma spiss kienu jixtru u jikkummerċjalizzaw it-tabakk mixtri mill-kumpanniji sussidjarji Taljani tagħhom (premessa 340 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      Rigward SCC, il-Kummissjoni rrilevat li qabel ma akkwistat il-kapital kollu ta’ Transcatab, hija diġà kienet tikkontrolla lil din tal-aħħar b’mod konġunt mal-imsieħba Taljana tagħha. Il-fatt li SCC ma “bidlet xejn fil-bord tad-diretturi” tal-kumpanniji sussidjarji wara dan l-akkwist ma setax, għalhekk, jitqies bħala prova li ma eżerċitaw l-ebda influwenza fuq l-amministraturi wara li kienu saru l-uniċi proprjetarji. Rigward, b’mod partikolari, id-delegazzjoni tas-setgħat eżekuttivi lid-direttur ġenerali ta’ Transcatab, il-Kummissjoni ddikjarat li ma kellha l-ebda informazzjoni li tippermettilha tiddeduċi li ma kienx inħatar minn SCC, l-istess bħall-membri l-oħra tal-bord tad-diretturi (premessi 341 u 342 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Sussegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument ta’ SCC li jgħid li ma teżisti l-ebda linja ta’ komunikazzjoni bejnha u bejn il-kumpanniji sussidjarji tagħha (premessi 343 sa 344 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      F’dan ir-rigward, hija rrilevat li l-attivitajiet ta’ Transcatab kienu meqjusa bħala attivitajiet ta’ Standard Commercial Tobacco Co., Inc., kumpannija holding fi ħdan il-grupp SCC, li hija proprjetà 100 % ta’ SCC, u li dawn kienu analizzati fil-kuntest tal-attivitajiet tal-grupp, li kienu jinkludu l-bejgħ tal-grupp SCC lill-manifatturi tas-sigaretti. Minn dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-riżultati tal-attivitajiet ta’ Transcatab kienu ġew irrappurtati lil livelli ogħla fi ħdan il-grupp u mbagħad ġew ikkonsolidati (premessa 344 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Il-Kummissjoni ppreċiżat li, peress li l-gruppi li kienu jagħmlu parti minnhom Transcatab u Dimon Italia matul il-perijodu tal-ksur ma baqgħux jeżistu wara l-fużjoni tagħhom fl-entità l-ġdida Alliance One, din tal-aħħar, bħala s-suċċessur legali ta’ dawk iż-żewġ gruppi, kienet destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata).

33      Fid-dawl ta’ dawn id-diversi elementi, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 351 tad-deċiżjoni kkontestata, li Deltafina, Universal, Mindo (li qabel kienet Dimon Italia), Transcatab, Alliance One, Romana Tabacchi, APTI u Unitab kellhom jinżammu responsabbli għall-ksur u jkunu d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

 Determinazzjoni tal-ammont tal-multa

34      Fil-premessi 356 sa 404 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tal-multi li kellhom jiġu imposti fuq id-destinatarji tagħha.

35      L-ammonti tal-multi ġew iddeterminati mill-Kummissjoni skont il-gravità u d-dewmien tal-ksur inkwistjoni, jiġifieri ż-żewġ kriterji msemmija espliċitament fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (premessi 356 u 357 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Iffissar tal-ammont inizjali tal-multi

36      Fir-rigward tal-gravità tal-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni fakkret li biex tevalwa dan il-fattur kellha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fis-suq jekk dan jista’ jiġi kkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni (premessa 365 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Il-Kummissjoni tindika, sussegwentement, li l-produzzjoni tat-tabakk mhux maħdum fl-Italja tikkorrispondi għal 38 % tal-produzzjoni taħt il-kwota fl-Unjoni Ewropea, li kienet tirrappreżenta EUR 67 338 miljun fl-2001, jiġifieri fl-aħħar sena sħiħa tal-ksur (premessa 366 tad-deċiżjoni kkontestata).

38      Fir-rigward tan-natura tal-ksur, il-Kummissjoni kkonstatat li dan kien serju ħafna, peress li kien jikkonċerna l-iffissar tal-prezzijiet tax-xiri ta’ varjetajiet ta’ tabakk mhux maħdum fl-Italja kif ukoll it-tqassim tal-kwantitajiet mixtrija. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll, waqt li rreferiet għall-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda l-analiżi tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni (premessi 272 et seq), li akkordju dwar ix-xiri jista’ joħloq distorsjoni fir-rieda tal-produtturi li jiġġeneraw ċertu redditu waqt li fl-istess ħin jillimita l-kompetizzjoni bejn il-proċessuri fis-swieq downstream. Hija affermat ukoll li dan kien partikolarment il-każ meta, bħal fil-każ preżenti, il-prodott li jkun is-suġġett tal-akkordju, f’dan il-każ it-tabakk mhux maħdum, ikun jikkostitwixxi “input” importanti għall-attivitajiet eżerċitati mill-parteċipanti downstream, f’dan il-każ l-ewwel ipproċessar tat-tabakk u l-bejgħ ta’ tabakk ipproċessat (premessi 367 u 368 tad-deċiżjoni kkontestata).

39      Fil-premessa 369 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet mill-premessi preċedenti li l-ksur imwettaq mill-proċessuri kellu jiġi kkwalifikat bħala serju ħafna.

40      Sussegwentement, fil-premessi 370 sa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tal-“kobor speċifiku” u tad-“dissważjoni”. F’dan ir-rigward, hija indikat li, meta jiġi ffissat l-ammont tal-multa, irid jiġi kkunsidrat il-“piż speċifiku ta’ kull impriża u r-riperkussjonijiet probabbli tal-aġir illeċitu tagħha” (premessa 370 tad-deċiżjoni kkontestata).

41      B’hekk, il-Kummissjoni qieset li l-multi kellhom jiġu ffissati skont il-pożizzjoni fis-suq ta’ kull parti inkwistjoni (premessa 371 tad-deċiżjoni kkontestata).

42      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ammont inizjali tal-multa impost kontra Deltafina kellu jkun l-ogħla, minħabba li din irriżultat li kienet l-ikbar xerrej, b’sehem mis-suq ta’ madwar 25 % fl-2001 (premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata).

43      Peress li Transcatab, Dimon Italia u Romana Tabacchi kellhom inqas ishma mis-suq inkwistjoni, madwar 9 sa 11 % fl-2001, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn “kellhom jiġu raggruppati flimkien” u li l-ammont inizjali tal-multa kellu jkun iktar baxx fil-każ tagħhom (premessa 373 tad-deċiżjoni kkontestata).

44      Madankollu, il-Kummissjoni qieset li ammont bażiku li jirrifletti biss il-pożizzjoni fis-suq ma jkollux effett dissważiv biżżejjed fuq Deltafina, Dimon Italia (Mindo) u Transcatab, peress li, minkejja d-dħul mill-bejgħ relattivament limitat tagħhom, kull waħda kienet tappartjeni – jew, fil-każ ta’ Mindo, qabel kienet tappartjeni – lil gruppi multinazzjonali b’saħħa ekonomika u finanzjarja kunsiderevoli, li kienu l-ikbar negozjanti fid-dinja tat-tabakk u li kienu joperaw f’diversi livelli ta’ attività fi ħdan l-industrija tat-tabakk u fi swieq ġeografiċi differenti (premessa 374 tad-deċiżjoni kkontestata).

45      Konsegwentement, sabiex tiżgura li l-multa jkollha effett dissważiv, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien meħtieġ li tapplika koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.5 – jiġifieri żieda ta’ 50 % – fuq l-ammont bażiku stabbilit għal Deltafina, u koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.25 – jiġifieri żieda ta’ 25 % – fuq l-ammont bażiku stabbilit għal Dimon Italia (Mindo) u Transcatab (premessa 375 tad-deċiżjoni kkontestata).

46      B’hekk, il-Kummissjoni ffissat l-ammont inizjali tal-multi, fil-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, skont kif ġej:

–        Deltafina: EUR 37.5 miljun;

–        Transcatab: EUR 12.5 miljun;

–        Dimon Italia (Mindo): EUR 12.5 miljun;

–        Romana Tabacchi: EUR 10 miljun.

 Iffissar tal-ammont bażiku tal-multi

47      Fil-premessi 377 sa 378 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tad-dewmien tal-ksur.

48      Hija kkunsidrat li l-akkordju implementat mill-proċessuri kien beda fid-29 ta’ Settembru 1995 u kien waqaf jeżisti, skont id-dikjarazzjonijiet tagħhom, fid-19 ta’ Frar 2002. B’hekk, il-Kummissjoni stmat li kellha tiġi applikata żieda ta’ 60 % għall-ammont inizjali tal-multi imposti kontra l-proċessuri, ħlief għal Romana Tabacchi, li l-parteċipazzjoni tagħha kienet iqsar.

49      Għaldaqstant, l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata ġew stabbiliti kif ġej:

–        Deltafina: EUR 60 miljun;

–        Transcatab: EUR 20 miljun;

–        Dimon Italia (Mindo): EUR 20 miljun;

–        Romana Tabacchi: EUR 12.5 miljun.

 Ċirkustanzi attenwanti

50      Fil-premessi 380 sa 398 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi attenwanti.

51      F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari lil Transcatab, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti kollha tagħha intiżi sabiex tibbenefika minn ċirkustanzi attenwanti.

52      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni rrilevat li l-ħolqien tal-akkordju tal-proċessuri ma kellu ebda rabta mal-ftehim interprofessjonali konklużi fi ħdan APTI. Hija ddeduċiet minn dan li l-qafas regolamentarju Taljan ma kienx inkoraġġixxa l-aġir tal-proċessuri, li ma setgħux, għaldaqstant, jibbenefikaw minn xi tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħhom fuq il-bażi ta’ dak l-argument (premessa 381 tad-deċiżjoni kkontestata).

53      Sussegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument tal-proċessuri fejn qalu li huma kellhom jibbenefikaw minn tnaqqis peress li kienu waqqfu l-ksur qabel l-intervent tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret il-ġurisprudenza li tistabbilixxi li, f’kawżi dwar ksur serju tar-regoli tal-kompetizzjoni, fejn il-partijiet kienu jafu jew neċessarjament kellhom ikunu jafu li l-aġir tagħhom kien fundamentalment illegali, il-fatt li huma jkunu waqqfu dak l-aġir qabel l-intervent tal-Kummissjoni ma għandux, fil-prinċipju, jagħti lok għal tnaqqis tal-ammont tal-multa meta dan jiġi kkalkolat (premessa 382 tad-deċiżjoni kkontestata).

54      Il-Kummissjoni affermat ukoll li ma tistax tikkunsidra li l-akkordju ma ġiex implementat peress li mid-deskrizzjoni tal-fatti kien jirriżulta li l-partijiet kienu żguraw l-implementazzjoni tal-akkordju permezz ta’, b’mod partikolari, il-parteċipazzjoni tagħhom f’laqgħat regolari u fi skambji ta’ informazzjoni regolari dwar il-prezzijiet u l-kwantitajiet matul il-perijodu tax-xirjiet (premessa 383 tad-deċiżjoni kkontestata).

55      Il-Kummissjoni finalment ċaħdet l-argument imressaq minn Transcatab fejn qalet li l-kuntest ekonomiku u soċjali speċifiku tas-suq tat-tabakk mhux maħdum fl-Italja kellu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa skont il-punt 5(b) tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”). Il-Kummissjoni osservat li l-applikazzjoni tal-imsemmi punt 5(b) tal-linji gwida kien eċċezzjonali u li l-każ preżenti ma kellux karatteristiċi identiċi jew simili għal dawk fil-każ iċċitat minn Transcatab insostenn tal-argument tagħha. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li ma kienx ammess li l-eżistenza ta’ prattiki illegali li jolqtu s-settur tat-tabakk f’ċerti reġjuni Taljani seta’ kellha effett determinanti billi tipprovoka l-prattiki inkwistjoni u li r-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq kellha effetti wisq inċerti u mbiegħda fiż-żmien biex tiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanza attenwanti (premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata).

56      Il-Kummissjoni sussegwentement ikkunsidrat is-sitwazzjoni partikolari ta’ Deltafina u kkonkludiet li l-multa tagħha kellha titnaqqas b’50 %, minħabba l-kooperazzjoni tagħha (premessi 385 sa 398 tad-deċiżjoni kkontestata).

57      Il-Kummissjoni ffissat l-ammont tal-multi wara l-applikazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti skont kif ġej (premessa 399 tad-deċiżjoni kkontestata):

–        Deltafina: EUR 30 miljun;

–        Dimon Italia (Mindo): EUR 20 miljun;

–        Transcatab: EUR 20 miljun;

–        Romana Tabacchi: EUR 8,75 miljun.

58      Il-Kummissjoni finalment fakkret li, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ impriżi li jipparteċipaw fil-ksur, il-multa ma għandhiex taqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha miksub matul is-sena finanzjarja preċedenti. Hija ddikjarat ukoll li meta l-impriżi inkwistjoni jappartjenu għal grupp, u jkun stabbilit li dawn l-impriżi jkunu taħt l-influwenza determinanti tal-kumpanniji parent tagħhom u li, għalhekk, huma responsabbli in solidum għall-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja tagħhom, huwa d-dħul mill-bejgħ dinji tal-grupp li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex ikun iddeterminat il-limitu ta’ 10 % msemmi iktar ’il fuq (premessi 400 u 401 tad-deċiżjoni kkontestata).

59      B’hekk, hija ddikjarat li l-multa imposta fuq Romana Tabacchi ma għandhiex teċċedi EUR 2.05 miljun u li ma huwiex meħtieġ li l-multi l-oħra jitnaqqsu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni (premessi 402 u 403 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

60      Fil-premessi 405 sa 500 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat il-pożizzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni f’din il-kawża tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni.

61      Deltafina, Dimon Italia u Transcatab ilkoll talbu li jibbenefikaw mill-applikazzjoni ta’ dik il-komunikazzjoni. Fir-rigward ta’ Deltafina, il-Kummissjoni fakkret li hija kienet tatha immunità kundizzjonali. Il-Kummissjoni barra minn hekk ippreċiżat li kienet waslet għall-konklużjoni preliminari li Dimon Italia u Transcatab kienu, rispettivament, l-ewwel u t-tieni impriża li pprovdew elementi ta’ prova tal-ksur issuspettat, li taw valur miżjud sinifikattiv fir-rigward tal-elementi ta’ prova li diġà kellha f’idejha, fis-sens tal-punt 22 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (premessi 405 sa 407 tad-deċiżjoni kkontestata).

62      Wara li eżaminat is-sitwazzjoni ta’ Deltafina u kkonkludiet li ma setgħetx tingħata l-immunità minħabba l-ksur minnha tal-obbligu ta’ kooperazzjoni previst mill-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (ara l-premessi 408 sa 484 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punti 4 u 10 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni eżaminat il-każ ta’ Dimon Italia u ta’ Transcatab.

63      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-fatt li ma ngħatatx immunità definittiva lil Deltafina ma kellu ebda effett dirett fuq il-mod kif kellha tiġi applikata l-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għal Dimon Italia u Transcatab (premessi 485 sa 491 tad-deċiżjoni kkontestata).

64      Fit-tieni lok, hija ddeterminat it-tnaqqis tal-multi li seta’ jingħata, partikolarment, lil Transcatab, skont dik il-komunikazzjoni.

65      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fl-ewwel lok ikkonstatat li Transcatab kienet ikkonformat mal-kundizzjonijiet li kienu ġew imposti kontriha, jiġifieri li hija temmet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur sa mhux iktar tard mid-data tal-preżentata tal-elementi ta’ prova (premessi 492 u 493 tad-deċiżjoni kkontestata).

66      Sussegwentement, il-Kummissjoni affermat li, sabiex tiddetermina l-livell tat-tnaqqis, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-mument meta ġew ipprovduti l-elementi ta’ prova, il-valur miżjud mogħti minnhom kif ukoll il-portata u l-kontinwità tal-kooperazzjoni mogħtija mill-impriżi wara d-data tal-komunikazzjoni tal-elementi ta’ prova (premessa 494 tad-deċiżjoni kkontestata).

67      B’hekk, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni osservat li Transcatab kienet ippreżentat it-talba għal klemenza tagħha qabel ma ħadet miżuri attivi ta’ verifikazzjoni, li t-talba tagħha kienet tkopri t-tul kollu tal-ksur u li l-elementi ta’ prova mogħtija kienu kkorroboraw sew f’ċerti aspetti dawk li l-Kummissjoni diġà kellha fil-pussess tagħha (premessa 495 tad-deċiżjoni kkontestata).

68      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda speċifikament id-dokumenti pprovduti minn Transcatab, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li r-rakkont tal-fatti li kien jirriżulta minnhom kien partikolarment dettaljat u li kien irriżulta partikolarment utli biex jinftiehem il-ksur u, b’mod partikolari, uħud mill-elementi tiegħu (bħall-konklużjoni ta’ ftehim interprofessjonali fl-1999 għall-produzzjoni żejda ta’ tabakk fl-1998). Hija madankollu rrilevat li hija ma kienet injorat ebda wieħed mill-fatti li dwarhom Transcatab kienet ipprovdiet elementi ta’ prova (premessa 497 tad-deċiżjoni kkontestata).

69      Finalment, il-Kummissjoni rrikonoxxiet ukoll li Transcatab ikkooperat magħha matul il-proċedura kollha u ma kkontestatx il-fatti li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessa 498 tad-deċiżjoni kkontestata).

70      Il-Kummissjoni b’hekk ikkonkludiet li Transcatab kellha tibbenefika mill-ogħla livell ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa previst fil-medda korrispondenti, jiġifieri tnaqqis ta’ 30 % (premessa 499 tad-deċiżjoni kkontestata).

71      B’mod konformi mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni finalment iffissat (ara l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata) l-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq l-impriżi u fuq l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kif ġej :

–        Deltafina u Universal, in solidum: EUR 30 miljun;

–        Dimon Italia (Mindo) u Alliance One: EUR 10 miljun, peress li Alliance One hija responsabbli għall-multa kollha filwaqt li Mindo hija responsabbli in solidum biss għal EUR 3 990 000;

–        Transcatab u Alliance One, in solidum: EUR 14-il miljun;

–        Romana Tabacchi: EUR 2.05 miljun;

–        APTI: EUR 1 000;

–        Unitab: EUR 1 000.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

72      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Jannar 2006, Alliance One ressqet talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata (kawża T-25/06). Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Frar 2006, Transcatab ippreżentat dan ir-rikors.

73      Fir-rikors, Alliance One talbet li dik il-kawża tingħaqad ma’ din il-kawża. Dik it-talba ġiet ifformulata wkoll minn Transcatab fir-rikors.

74      Il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx it-talba biex il-kawżi jingħaqdu.

75      Fl-24 ta’ Novembru 2009, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura stabbiliti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet domanda bil-miktub lil Transcatab, li rrispondiet għaliha fit-terminu mogħti. Fl-4 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni ppreżentat il-kummenti tagħha fuq ir-risposta ta’ Transcatab.

76      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, talbet lil Transcatab biex tippreżenta dokument. Id-dokument ġie ppreżentat fit-terminu mogħti.

77      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-30 ta’ Novembru 2010.

78      Matul is-seduta l-Qorti Ġenerali talbet lil Transcatab biex tipproduċi dokument ieħor, abbażi tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura. Fit-22 ta’ Diċembru 2010, Transcatab ippreżentat dak id-dokument.

79      Transcatab titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata;

–        tnaqqas l-ammont tal-multa imposta kontriha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

80      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tiffissa l-ammont tal-multa għal EUR 15-il miljun, skont is-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 229 KE;

–        tikkundanna lil Transcatab għall-ispejjeż.

 Id-dritt

81      Insostenn tar-rikors tagħha, Transcatab tissolleva ħames motivi, li wħud minnhom huma maqsuma f’diversi partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel motiv, Transcatab essenzjalment tallega li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi meta ddikjarat lil Alliance One responsabbli għall-aġir tagħha, li l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti l-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward u li hija kisret ukoll id-drittijiet tad-difiża. It-tieni motiv jallega żball ta’ liġi, nuqqas ta’ motivazzjoni u motivazzjoni illoġika, ksur tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fl-iffissar tal-multa. It-tielet motiv jallega żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multa, fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-dewmien tal-ksur, ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fir-rigward tal-multa imposta kontra APTI kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-kuntest tar-raba’ motiv, Transcatab tallega li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat fid-deċiżjoni kkontestata li ebda waħda miċ-ċirkustanzi attenwanti invokati minnha ma kienet applikabbli. Fil-kuntest tal-ħames motiv, hija finalment allegat li l-Kummissjoni wettqet żbalji fl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

82      Il-Kummissjoni tqis li permezz tat-tielet motiv tagħha, Transcatab marret lura fuq il-kooperazzjoni preċedenti tagħha, li kienet tikkonsisti f’li ma tikkontestax il-fatti stabbiliti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. B’hekk, il-Kummissjoni tagħmel kontrotalba fejn titlob lill-Qorti Ġenerali biex tnaqqas il-multa ta’ Transcatab minn 30 għal 25 % u biex b’hekk tiffissaha, permezz tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, għal EUR 15-il miljun.

1.     Fuq l-ewwel motiv, dwar l-imputazzjoni tal-ksur lill-kumpannija parent ta’ Transcatab

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, li tallega qari żbaljat tal-ġurisprudenza, evalwazzjoni żbaljata tal-elementi ta’ prova pprovduti u ksur tad-drittijiet tad-difiża

 L-argumenti tal-partijiet

83      Fl-ewwel lok, Transcatab tikkontesta l-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata li jgħidu li s-sempliċi fatt li SCC kellha, matul il-perijodu tal-ksur, 100 % tal-kapital tagħha kien biżżejjed biex tiġi preżunta r-responsabbiltà tagħha għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-kumpannija sussidjarja tagħha. Tali preżunzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza. Skont Transcatab, il-Kummissjoni għandha tipprova l-eżistenza ta’ indizji oħrajn li jippermettu li jiġi kkunsidrat li kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha. F’dan il-każ, il-Kummissjoni sempliċement ippreżumiet ir-responsabbiltà ta’ SCC u ma pprovdiet ebda indizju ieħor bħala bażi għal dik ir-responsabbiltà. Hija b’hekk qalbet l-oneru tal-prova, li ma kienx jinsab fuq Transcatab jew fuq il-kumpannija parent tagħha, iżda fuq il-Kummissjoni nfisha.

84      Fit-tieni lok, Transcatab tallega li SCC pprovdiet lill-Kummissjoni elementi suffiċjenti biex tipprova li hija ma kinitx taf bl-aġir ta’ Transcatab. Dawk l-elementi kienu jirrigwardaw kemm id-deskrizzjoni tar-realtà lokali tas-suq Taljan kif ukoll il-karatteristiċi tal-istruttura tal-grupp SCC li juru l-indipendenza tal-kumpanniji sussidjarji tagħha. Barra minn hekk, kienu jirrigwardaw ukoll l-awtonomija tal-bord tad-diretturi kif ukoll tad-direttur ġenerali tagħha.

85      Fir-replika, Transcatab barra minn hekk targumenta li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li ma huwiex possibbli li tinqaleb il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti ħlief meta l-parteċipazzjoni tkun ta’ natura esklużivament finanzjarja tmur kontra l-ġurisprudenza. Hija tiddikjara li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’attenzjoni il-provi ppreżentati matul il-proċedura amministrattiva u llimitat ruħha biex tiċħad l-argumenti kollha abbażi ta’ preġudizzji mhux sostanzjati. Fl-ewwel lok, l-affermazzjoni li huwa improbabbli li kumpannija parent tista’ tiddelega għal kollox il-ġestjoni ta’ kumpannija sussidjarja ma hijiex fondata. Effettivament, kif uriet Transcatab matul il-proċedura amministrattiva, l-istruttura diviża tal-grupp ma kinitx tippermetti ġestjoni unika. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni applikat il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti wkoll għall-perijodu meta SCC kellha biss 50 % tal-kapital ta’ Transcatab, waqt li din tal-aħħar u SCC kienu pprovaw li l-bord tad-diretturi u d-direttur ġenerali ta’ Transcatab, li lilhom kienu ġew fdati s-setgħat ta’ ġestjoni kollha tal-kumpannija, kienu ġew innominati qabel ma SCC kisbet il-kontroll esklużiv ta’ din tal-aħħar. Fit-tielet lok, il-fatt li ċerti dokumenti kienu miktuba bl-Ingliż ma kienx biżżejjed biex tiġi pprovata l-influwenza tal-kumpannija parent fuq il-ġestjoni tal-attività kummerċjali ta’ Transcatab. Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta ċaħdet il-provi ppreżentati, mingħajr motivazzjoni suffiċjenti jew loġika u mingħajr ma kkonfrontathom ma’ dokumenti oħrajn ta’ valur probatorju mill-inqas ekwivalenti. B’hekk, il-Kummissjoni ma rrispettatx l-obbligu tagħha li tinvestiga l-fajl b’mod imparzjali.

86      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ma rrispettatx id-drittijiet ta’ difiża ta’ Alliance One, inkwantu fid-deċiżjoni kkontestata użat dokumenti mill-fajl li ma kinux issemmew fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u b’hekk ma ppermettitx lil SCC tiddikjara l-pożizzjoni tagħha dwarhom u għal din ir-raġuni marret kontra l-aspettattivi leġittimi tas-suċċessur ġuridiku tagħha, Alliance One. Transcatab tammetti li dawn kienu dokumenti magħrufa mill-partijiet. Madankollu, peress li dawk id-dokumenti ma kinux issemmew fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-partijiet setgħu, ġustament, jaslu għall-konklużjoni li dawn ma kinux importanti għall-finijiet tal-kawża u li b’hekk ma kienx neċessarju li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar dan is-suġġett. Fir-replika tagħha u matul is-seduta, Transcatab affermat li kienet qiegħda tallega ksur tad-drittijiet ta’ difiża tagħha.

87      Il-Kummissjoni titlob li jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Transcatab. F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-allegazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet ta’ difiża ta’ Alliance One, il-Kummissjoni għandha dubji dwar l-ammissibbiltà tagħha inkwantu Transcatab ma tallegax ksur tad-drittijiet tagħha iżda ta’ dawk ta’ parti oħra. L-estensjoni tal-ilment għad-drittijiet ta’ difiża ta’ Transcatab hija tardiva u, għalhekk, inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Fuq l-applikazzjoni żbaljata tar-regoli dwar l-imputabbiltà lill-kumpannija parent tal-prattiki tal-kumpannija sussidjarja tagħha

88      Fir-rigward tal-ewwel ilment issollevat minn Transcatab, għandu jiġi mfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 59), u li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 112, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 54).

89      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija komposta minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C-217/05, Ġabra p. I-11987, punt 40, u Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 55; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il-Kummissjoni, T‑325/01, Ġabra p. II‑3319, punt 85).

90      Meta entità ekonomika bħal din tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, din għandha, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 145; tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C-280/06, Ġabra p. I-10893, punt 39, u Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 56).

91      Il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni għandu jkun attribwit b’mod ċar lil persuna ġuridika li tkun tista’ tiġi imposta multa kontriha. Għall-finijiet tal-applikazzjoni u tal-infurzar tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-dritt tal-kompetizzjoni, jeħtieġ, fil-fatt, li tiġi identifikata, bħala destinatarja, entità li jkollha personalità ġuridika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, imsejħa “ PVC II ”, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 978).

92      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, peress li l-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 59).

94      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din il-kumpannija sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni juris tantum li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita tali influwenza determinanti (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex jiġi preżunt li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tressaqx provi suffiċjenti li jistgħu juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punt 29, u Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 61).

96      Għalkemm huwa minnu li fil-punti 28 u 29 tas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, minbarra l-proprjetà ta’ 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja, ċirkustanzi oħra, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent teżerċita fuq il-politika kummerċjali tal-kumpannija sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat dawn iċ-ċirkustanzi biss bl-għan li tesponi l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ir-raġunament tagħha u mhux sabiex tissuġġetta l-implementazzjoni tal-preżunzjoni msemmija fil-punt 94 iktar ’il fuq għat-tressiq ta’ ħjiel supplimentari fir-rigward tal-fatt li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 57).

97      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, biex tattribwixxi lil kumpannija parent ir-responsabbiltà tal-ksur imwettaq minn kumpannija sussidjarja tagħha, il-Kummissjoni telqet mill-premessa li tgħid li din l-imputazzjoni hija possibbli meta l-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha jkunu jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għalhekk, jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE (premessa 325 tad-deċiżjoni kkontestata).

98      L-element ċentrali li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqu sabiex tistabbilixxi li l-kumpannija parent setgħet tinżamm responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-kumpannija sussidjarja tagħha huwa n-nuqqas ta’ awtonomija tal-kumpannija sussidjarja f’dak li jirrigwarda l-aġir tagħha fis-suq. Fil-fatt, dan in-nuqqas ta’ awtonomija huwa l-korollarju tal-eżerċizzju ta’ “influwenza determinanti” mill-kumpannija parent fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, peress li l-eżerċizzju effettiv ta’ tali influwenza jista’ jkun preżunt, skont il-ġurisprudenza, fil-każ fejn kumpannija parent ikollha l-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja tagħha (ara l-premessi 329 u 330 tad-deċiżjoni kkontestata).

99      Fil-premessa 331 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’hekk ikkunsidrat li, f’dan il-każ, Transcatab “ ma kinitx awtonoma ” peress li kienet ikkontrollata 100 % mill-kumpannija parent tagħha, SCC.

100    Kuntrarjament għal dak li ssostni Transcatab fir-replika tagħha, jiġifieri li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni bidlet preżunzjoni “ juris tantum” fi preżunzjoni “ juris et de jure”, dan ir-raġunament ma jitbigħedx mil-loġika ta’ preżunzjoni konfutabbli. B’hekk, fil-każ ta’ preżunzjonijiet konfutabbli oħrajn ammessi fid-dritt tal-kompetizzjoni, għalkemm fatt jista’ legalment ikun preżunt mill-Kummissjoni, dan jitqies bħala stabbilit, sakemm l-impriża kkonċernata ma tikkonfutax il-preżunzjoni billi tressaq provi konklużivi f’sens kuntrarju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 90 iktar ’il fuq, punti 121 u 126, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punti 162 u 167). Barra minn hekk, minħabba n-natura konfutabbli tagħha, l-imsemmija preżunzjoni, li tista’ f’kull każ tiġi ribattuta, ma twassalx għal attribuzzjoni awtomatika ta’ responsabbiltà lill-kumpannija parent li jkollha l-kapital azzjonarju kollu tal-kumpannija sussidjarja tagħha, liema ħaġa tmur kontra l-prinċipju tar-responsabbiltà personali li fuqu huwa bbażat id-dritt tal-kompetizzjoni.

101    Il-Kummissjoni b’hekk ma applikatx b’mod żbaljat ir-regoli dwar l-imputabbiltà lil kumpannija parent tal-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha meta essenzjalment żammet lil SCC, li s-suċċessur legali tagħha hija Alliance One, responsabbli għall-ksur imwettaq minn Transcatab.

102    Għandu jiġi kkonstatat li tali konklużjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-argumenti mressqa minn Transcatab b’risposta għad-domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq. Fil-fehma tagħha, dik is-sentenza interpretat ħażin il-ġurisprudenza preċedenti, b’mod partikolari s-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, u, f’kull każ, il-ġurisprudenza ma hijiex inekwivoka f’dan ir-rigward. It-tieni nett, il-kuntest fattwali tal-każ li wassal għal dik is-sentenza huwa differenti mill-kuntest fattwali f’din il-kawża, peress li diversi kumpanniji sussidjarji kienu involuti fl-akkordju u, għaldaqstant, kien iktar diffiċli li jintwera li l-kumpannija parent ma kinitx konxja mill-attivitajiet antikompetittivi. Madankollu, fir-rigward tal-ewwel argument, biżżejjed li jiġi kkonstatat li mis-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq (ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’dik is-sentenza, Ġabra p. I‑8241, punti 60 u 61) jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss ħadet inkunsiderazzjoni il-ġurisprudenza li fuqha Transcatab tibbaża parti kbira mill-argumentazzjoni prinċipali tagħha, u, b’mod partikolari, is-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, iżda tat ukoll interpretazzjoni inekwivoka tal-ġurisprudenza preċedenti (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punti 58 sa 62). Fir-rigward tat-tieni argument, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-allegata differenza bejn iż-żewġ kawżi hija totalment irrelevanti, peress li l-kriterju ta’ imputabbiltà tar-responsabbiltà fil-kawża li wasslet għas-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, ma kienx dak tal-għarfien dirett jew indirett, min-naħa tal-kumpannija parent, tal-attivitajiet implementati mill-kumpannija jew kumpanniji sussidjarji. Fi kwalunkwe każ, hekk kif tosserva tajjeb il-Kummissjoni, dan l-element lanqas biss ittieħed inkunsiderazzjoni f’din is-sentenza.

–       Fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-elementi ta’ prova pprovduti għall-finijiet li tinqaleb il-preżunzjoni

103    Kif issemma fil-punti 94 u 95 iktar ’il fuq, meta l-kapital kollu ta’ kumpannija sussidjarja jkun il-proprjetà tal-kumpannija parent, il-Kummissjoni tista’ tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, mingħajr ma tkun meħtieġa li tressaq provi supplimentari li jistabbilixxu li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat tali influwenza jew li kellha ta’ mill-inqas xi għarfien dwar il-ksur jew l-involviment ta’ dik il-kumpannija sussidjarja f’dan il-ksur. Din hija preżunzjoni konfutabbli, li tista’ tiġi kkonfutata permezz ta’ prova kuntrarja. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Transcatab, hija SCC – li fil-mument tal-perijodu tal-ksur, kellha 100 % tal-kapital ta’ Transcatab (ara l-premessa 336 tad-deċiżjoni kkontestata) – li kellha l-oneru li tikkonfuta dik il-preżunzjoni permezz ta’ elementi ta’ prova li jistgħu jistabbilixxu li l-kumpannija sussidjarja tagħha tiddetermina b’mod awtonomu l-linja ta’ azzjoni tagħha fis-suq u li dawk iż-żewġ kumpanniji b’hekk ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda. Fin-nuqqas, l-eżerċizzju ta’ kontroll jiġi pprovat bil-fatt li l-preżunzjoni bbażata fuq il-pussess totali tal-kapital ma ġietx ikkonfutata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punti 60 sa 62, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, T‑175/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 93).

104    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ddedikat il-premessi 335 sa 344 tad-deċiżjoni kkontestata għall-eżami tal-argumenti u tal-elementi ta’ prova mressqa minn SCC fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sabiex tagħti prova tan-nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ Transcatab, u ma kkunsidrathomx li jistgħu jikkonfutaw il-preżunzjoni.

105    Għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors, Transcatab sempliċement affermat, mingħajr ma ssostanzjat b’ebda mod l-allegazzjonijiet tagħha, li SCC pprovat matul il-proċedura amministrattiva li hija kellha struttura diċentralizzata, bi tmexxija lokali proprja, totalment indipendenti, li lilha kienu ddelegati l-funzjonijiet kollha, waqt li jitqiesu preċiżament il-partikolaritajiet tas-suq tat-tabakk mhux maħdum Taljan, u li l-membri tal-bord tad-diretturi tagħha kif ukoll id-direttur ġenerali tiegħu kienu awtonomi u ma kellhom ebda rabta diretta jew indiretta ma’ SCC. Transcatab madankollu ma identifikatx l-iżbalji eventwali li l-Kummissjoni allegatament wettqet fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dawk l-elementi ta’ prova. Kien biss fir-replika, b’risposta għal ċerti argumenti tal-Kummissjoni, li hija ressqet xi argumenti li jikkritikaw, b’mod indirett, id-deċiżjoni kkontestata.

106    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li kif ikkonstatat tajjeb il-Kummissjoni fil-premessa 338 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li kumpannija sussidjarja jkollha l-maniġment lokali u l-mezzi proprji ma jfissirx, fih innifsu, li hija tiddefinixxi l-aġir tagħha fis-suq indipendentement mill-kumpannija parent tagħha. Il-fatt li t-tmexxija tal-attivitajiet ta’ kuljum tiġi fdata f’idejn l-amministrazzjoni lokali ta’ kumpannija sussidjarja li tkun 100 % proprjetà tal-kumpannija parent huwa, fil-fatt, prattika komuni u, għaldaqstant, ma huwiex prova tal-awtonomija reali tal-kumpanniji sussidjarji. L-istess jgħodd għall-argument dwar l-allegati karatteristiċi tas-suq Taljan tat-tabakk mhux maħdum, minkejja li dawk il-karatteristiċi ma jwaqqfux lil kumpannija parent milli teżerċita bi sħiħ kontroll effettiv fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha.

107    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 341 u 342 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat, minn naħa, li qabel ma akkwistat il-kapital kollu ta’ Transcatab, SCC kienet diġà tikkontrolla lil din il-kumpannija mal-imsieħeb Taljan tagħha u li l-fatt li ma bidlitx l-amministrazzjoni ta’ dik il-kumpannija wara li ħadet il-kontroll, ma jistax jitqies, għalhekk, bħala prova li ma eżerċitat l-ebda influwenza fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha wara li saret il-proprjetarja sħiħa tagħha. Il-Kummissjoni rrilevat, min-naħa l-oħra, li d-delega tas-setgħat eżekuttivi lid-direttur ġenerali ta’ Transcatab, li fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, jista’ raġonevolment jitqies li kien inħatar minn SCC, ma żammitx lill-membri l-oħra tal-bord tad-diretturi milli jokkupaw pożizzjonijiet eżekuttivi u milli jwettqu funzjonijiet eżekuttivi.

108    Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni minn SCC, ġustament tattribwixxi importanza għall-fatt li din, li kellha s-setgħat kollha sabiex tibdel il-bord tad-diretturi kollu jew parti minnu meta saret l-uniku azzjonist, ma ħadet l-ebda miżura f’dan is-sens. Minn dan isegwi li l-fatt li l-membri tal-bord tad-diretturi u, b’mod partikolari, id-direttur ġenerali baqgħu fil-kariga, jista’ biss ikun attribwit għal deċiżjoni ta’ SCC, bħala azzjonist uniku ta’ Transcatab.

109    Barra minn hekk, il-fatt li persuna waħda, jiġifieri d-direttur ġenerali, għandha setgħat kunsiderevoli li ġew iddelegati lilha mill-bord tad-diretturi jista’, b’mod kuntrarju, juri r-rieda tal-kumpannija parent li tissemplifika l-eżerċizzju tal-kontroll tagħha fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, eżattament billi llimitat ir-rwol tal-bord tad-diretturi għal attivitajiet marġinali u billi kkonċentrat is-setgħat kollha f’idejn “persuna ta’ fiduċja”. Fil-fatt, ma huwiex kredibbli li kumpannija multinazzjonali tiddelega s-setgħat kollha ta’ kumpannija sussidjarja li topera f’ suq nazzjonali, bħal fil-każ ta’ Transcatab, jew saħansitra taċċetta delegazzjoni tas-setgħat eżistenti minn qabel l-akkwist tal-kontroll totali, lil persuna fiżika li, filwaqt li topera f’awtonomija totali u mingħajr ma nħatret kif inhu allegat mill-azzjonist uniku, tagħżel, min-naħa tagħha, il-membri tal-bord tad-diretturi, filwaqt li ċċaħħad lil kull persuna oħra minn kull influwenza fuq it-tmexxija tal-kumpannija, u li ma tagħtix rendikont, de facto, tal-azzjonijiet tagħha lil ħaddieħor.

110    Għalhekk, kif ukoll fid-dawl tal-fatt li delega tas-setgħat lid-direttur ġenerali ta’ kumpannija sussidjarja huwa għal kollox normali, tali argument ma jistax jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ kontroll eżerċitat mill-kumpannija parent fuq Transcatab.

111    F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, l-argument li jikkritika l-allegata deduzzjoni li l-Kummissjoni siltet miċ-ċirkustanza li ċerti dokumenti kienu miktuba bl-Ingliż, biżżejjed jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega Transcatab, dawk id-dokumenti, imsemmija fil-premessi 343 sa 346 tad-deċiżjoni kkontestata, la kellhom l-għan li jipprovaw li l-kumpanniji parent kienu f’pożizzjoni li jinfluwenzaw jew li, b’mod konkret, influwenzaw l-aġir tal-kumpanniji sussidjarji Taljani tagħhom, u lanqas li jipprovaw li l-kumpanniji parent kienu jafu dwar l-akkordju inkwistjoni. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni użat sempliċement ċerti dokumenti li kienu jiffurmaw parti mill-fajl amministrattiv sabiex tistabbilixxi l-grad ta’ kredibbiltà tal-provi u tal-argumenti mressqa minn SCC fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex jirribattu l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti fuq Transcatab.

112    Finalment, għandu jiġi osservat li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega Transcatab fir-replika, mid-deċiżjoni kkontestata b’ebda mod ma jirriżulta li l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti tista’ tiġi kkonfutata biss jekk il-parteċipazzjoni tal-kumpannija parent tkun esklużivament finanzjarja.

113    Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-elementi ta’ prova pprovduti għall-finijiet li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-ksur tad-drittijiet ta’ difiża

114    Fir-rigward tat-tielet ilment issollevat minn Transcatab, ta’ min ifakkar li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jiżguraw l-osservanza tiegħu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża teżiġi li l-impriża kkonċernata tkun tqiegħdet fil-pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li effettivament tgħarraf l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar eżistenza ta’ ksur tat-Trattat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 10, u tas-6 ta’ April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, C‑310/93 P, Ġabra p. I‑865, punt 21).

116    L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirrifletti dan il-prinċipju inkwantu jipprovdi li l-partijiet għandhom jirċievu dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tiddikjara b’mod ċar l-elementi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 67), sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu effettivament jidentifikaw l-aġir li huma qegħdin jiġu akkużati bih mill-Kummissjoni u sabiex ikunu jistgħu jsostnu utilment id-difiża tagħhom qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva. Dan ir-rekwiżit huwa osservat meta l-imsemmija deċiżjoni ma tallegax li dawk ikkonċernati wettqu ksur differenti minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tieħu inkunsiderazzjoni biss il-fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jagħtu spjegazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 109, u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Madankollu, din l-indikazzjoni tista’ ssir b’mod sommarju u d-deċiżjoni finali ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, punt 14), peress li din id-dikjarazzjoni hija dokument preparatorju u l-kunsiderazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li jinsabu fiha huma ta’ natura purament provviżorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il‑Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra p. 4487, punt 70). Għalhekk, huma wkoll ammissibbli xi żidiet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fid-dawl tar-risposti tal-partijiet, fejn l-argumenti mressqa juru li dawn setgħu effettivament jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ wkoll, fid-dawl tal-proċedura amministrattiva, tirrevedi jew iżżid xi argumenti ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn tal-ilmenti li hija fformulat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Frar 2002, Compagnie générale maritime et vs Il-Kummissjoni, T‑86/95, Ġabra p. II‑1011, punt 448, u tat-22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑310/01, Ġabra p. II‑4071, punt 438).

118    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ argument imressaq minn impriża waqt il-proċedura amministrattiva, mingħajr ma tkun tqiegħdet f’pożizzjoni li tesprimi opinjoni f’dan ir-rigward, qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni finali, ma jikkostitwixxix, bħala tali, ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2001, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, C‑497/99 P, Ġabra p. I‑5333, punt 24).

119    Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza, ikun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża meta tkun teżisti l-possibbiltà li, minħabba irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva mmexxija minnha setgħet twassal għal riżultat differenti. Impriża rikorrenti tistabbilixxi li tali ksur ikun seħħ meta turi biżżejjed, mhux li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, iżda li kienet tkun tista’ tiżgura aħjar id-difiża tagħha fin-nuqqas tal-irregolarità, pereżempju minħabba l-fatt li setgħet tuża għad-difiża tagħha dokumenti li għalihom ma ngħatatx aċċess waqt il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, Ġabra p. I‑6375, punt 28).

120    F’din il-kawża, għandu jiġi osservat li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni, sabiex tiġġustifika l-imputazzjoni lil SCC tar-responsabbiltà għall-ksur tal-liġi dwar l-akkordji mwettaq minn Transcatab li tagħha hija kellha 100 % tal-kapital, setgħet, fil-prinċipju, fid-dawl tal-prinċipji tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 94 sa 96 iktar ’il fuq, sempliċement tistabbilixxi kif kien it-tqassim tal-kapital bejn il-kumpanniji sussidjarji u l-kumpanniji parent (ara l-punti 336 sa 338 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). Skont dawn il-prinċipji tal-ġurisprudenza, fid-deċiżjoni finali tagħha, il-Kummissjoni b’hekk kienet meħtieġa tieħu pożizzjoni dwar l-argumenti invokati mill-partijiet, b’risposta għall-imsemmija dikjarazzjoni (ara l-premessi 335 u s-segwenti tad-deċiżjoni kkontestata), intiżi sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni inkwistjoni.

121    Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ Transcatab li l-Kummissjoni użat fid-deċiżjoni kkontestata dokumenti mhux imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li huwa biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-argumenti u l-elementi ta’ prova mressqa mill-partijiet matul il-proċedura amministrattiva li l-Kummissjoni effettivament tindirizza, fil-premessi 335 sa 344 tad-deċiżjoni kkontestata, ċerti aspetti u dokumenti speċifiċi li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet bejn SCC u Transcatab, u, b’dan il-mod, tirreferi għal dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-aspetti u dokumenti b’hekk ma setgħetx taffettwa l-effettività tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża ta’ Transcatab, l-iktar peress li hija kellha aċċess għal dawk id-dokumenti – li f’kull każ kienu diġà fil-pussess tagħha – waqt il-proċedura amministrattiva.

122    Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li kemm SCC kif ukoll Transcatab setgħu jirrispondu għall-ilment li sar b’mod espliċitu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lilhom u setgħu jippreżentaw id-difiża tagħhom waqt is-seduta quddiem l-uffiċjal tas-smigħ. Għalhekk, il-prinċipju ta’ kontradittorju ġie osservat matul il-proċedura amministrattiva.

123    F’kull każ, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif ġie rrilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-Kummissjoni hija obbligata li tippreżenta biss, fir-rigward tal-imputabbiltà tal-ksur, fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-provi li jirrigwardaw il-fatt li l-kumpannija parent kienet proprjetarja tal-kapital tal-kumpanniji sussidjarji tagħha, l-argument dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ma jistax jiġi milqugħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 64).

124    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud il-mertu tal-ilment li jallega ksur tad-drittijiet ta’ difiża mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tiegħu mqajma mill-Kummissjoni.

125    Bħala konklużjoni, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda fit-totalità tagħha.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, li tallega ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

 L-argumenti tal-partijiet

126    Transcatab issostni li, minħabba li żammet lil Alliance One responsabbli għall-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni imponiet fuqha multa li taqbeż il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha għas-sena finanzjarja ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Effettivament, il-multa imposta kontriha tammonta għal madwar 43 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha.

127    Għall-kumplament, Transcatab tirreferi għall-argumenti ssollevati minn Alliance One fir-rikors tagħha (Kawża T-25/06), li tiegħu hija tannetti kopja.

128    Il-Kummissjoni titlob li l-argumenti ta’ Transcatab jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

129    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li din il-parti hija marbuta mill-qrib mal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, inkwantu ċ-ċaħda ta’ dan tal-aħħar neċessarjament ikollha effett fuq il-fondatezza ta’ din il-parti. Għaldaqstant, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li taw lok għaċ-ċaħda tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta ħadet id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ta’ SCC bħala referenza għall-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 103 iktar ’il fuq, punt 114).

130    Fil-fatt, dan il-limitu għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat mill-kumpanniji kollha li jiffurmaw l-entità ekonomika li taġixxi bħala impriża għall-finijiet tal-Artikolu 81 KE, minħabba li d-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji komponenti jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tad-daqs u tal-qawwa ekonomika tal-impriża inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punti 528 u 529, u tat-30 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 103 iktar ’il fuq, punt 114).

131    Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-referenza ġenerali li Transcatab għamlet għall-argumenti żviluppati fir-rikors ippreżentat mill-kumpannija parent tagħha, Alliance One, għandu jiġi rrilevat li tali referenza, li ssemmi d-dokument anness biss b’mod ġenerali u li ma tippermettix lill-Qorti Ġenerali li tidentifika bi preċiżjoni l-argumenti li hija tista’ tikkunsidra li jikkompletaw il-motivi żviluppati fin-noti ta’ osservazzjonijiet, għandha titqies bħala inammissibbli.

132    Effettivament, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex rikors ikun ammissibbli, jeħtieġ li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Għalkemm it-test proprju tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi ta’ dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa n-nuqqas tal-argumenti essenzjali ta’ liġi li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors. Barra minn hekk, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li toqgħod tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li tista’ tikkunsidra bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li dawn l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, Ġabra p. II‑5527, punti 56 u 57, u tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda wkoll, parzjalment bħala infondata u parzjalment bħala inammissibbli.

134    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

2.     Fuq it-tieni motiv, rigward l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, dwar is-serjetà tal-ksur

135    Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, Transcatab tissolleva diversi lmenti dwar il-kwalifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna” fid-deċiżjoni kkontestata.

136    Fuq bażi preliminari, għandhom jiġu mfakkra l-prinċipji ġenerali li jirregolaw id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi u, b’mod iktar partikolari, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

137    L-Artikolu 81(1)(a) u (b) KE jiddikjara espressament li huma inkompatibbli mas-suq komuni l-akkordji u l-prattiki miftiehma li jikkonsistu fl-iffissar b’mod dirett jew indirett tal-prezzijiet tax-xiri jew tal-bejgħ jew ta’ kundizzjonijiet oħrajn ta’ tranżazzjoni jew fil-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tas-swieq. Il-ksur ta’ dan it-tip, b’mod partikolari meta jkunu jikkonsistu f’akkordji orizzontali, huma kkwalifikati mill-ġurisprudenza bħala partikolarment serji meta jkollhom effett dirett fuq il-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T-141/94, Ġabra p. II-347, punt 675), jew fil-ksur nett tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 1995, Tréfilunion vs Il-Kummissjoni, T-148/89, Ġabra p. II-1063, punt 109, u tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II-1129, punt 303).

138    Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, biex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandu jiġi impost għall-ksur tal-Artikolu 81(1) KE, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, id-dewmien tiegħu.

139    Hija ġurisprudenza kostanti li l-gravità tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ għadd kbir ta’ elementi, fosthom iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-effett dissważiv tal-multi, minkejja li ma ġietx stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod obbligatorju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 241; Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 114 iktar ’il fuq, punt 54, u tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 91).

140    Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u n-natura oġġettiva tad-deċiżjonijiet tagħha li jiffissaw multi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni adottat il-linji gwida (l-ewwel paragrafu tal-linji gwida).

141    Il-linji gwida huma strument intiż li jippreċiża, fl-osservanza tad-dritt ta’ kompetenzi superjuri, il-kriterji li l-Kummissjoni tixtieq tapplika fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-multi mogħtija lilha mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Il-linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika ta’ deċiżjoni li timponi multi, peress li din tal-aħħar hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 1/2003, iżda huma jiddeterminaw, b’mod ġenerali u astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nfisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti minn din id-deċiżjoni u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punti 209 sa 213, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punti 219 u 223).

142    B’hekk, għalkemm il-linji gwida ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala regola tad-dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, huma madankollu jistabbilixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prattika li għandha tiġi segwita li minnha l-amministrazzjoni ma tistax tiddevja, f’każ partikolari, mingħajr ma tippreżenta ġustifikazzjonijiet (ara, f’dan s-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punti 209 u 210, u tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 91).

143    L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-linji gwida madankollu ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali għall-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punti 246, 274 u 275). Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni ppreċiżat, permezz tal-linji gwida, l-approċċ tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, ma tipprekludix li hija tevalwa dan il-kriterju globalment skont iċ-ċirkustanzi pertinenti kollha, inklużi elementi li ma jissemmewx espressament fil-linji gwida (sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, punt 237).

144    Skont il-metodu stabbilit mil-linji gwida, fil-kalkolu tal-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni għandha tieħu bħala punt ta’ tluq ammont determinat abbażi tal-gravità “intrinsika” tal-ksur. L-evalwazzjoni tal-imsemmija gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fis-suq jekk dan jista’ jiġi kkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni (l-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida).

145    F’dan il-kuntest, il-ksur huwa kklassifikat fi tliet kategoriji, jiġifieri l-“ksur ftit serju”, li għalih l-ammont previst tal-multi jinsab bejn EUR 1 000 u EUR 1 miljun, il-“ksur serju”, li għalih l-ammont previst tal-multi jinsab bejn EUR 1 miljun u EUR 20 miljun, u l-“ksur serju ħafna”, li għalih l-ammont previst tal-multi jinsab lil hinn minn EUR 20 miljun (l-ewwel u t-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A). F’dak li jirrigwarda l-ksur serju ħafna, il-Kummissjoni tippreċiża li essenzjalment dawn ikunu restrizzjonijiet orizzontali bħal “kartelli ta’ prezzijiet” u kwota tas-sehem tas-suq, jew prattiki oħra li jpoġġu fil-periklu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, bħal qsim tas-swieq nazzjonali jew abbuż ċar ta’ pożizzjoni dominanti minn impriżi li jkollhom monopolju virtwali (it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida).

146    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li t-tliet aspetti tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur imsemmija fil-punt 144 iktar ’il fuq ma għandhomx l-istess piż fil-kuntest tal-eżami globali. In-natura tal-ksur għandha rwol primordjali, b’mod partikolari, biex tikkaratterizza l-ksur “serji ħafna” (sentenza Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 101, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, T-456/05 u T-457/05, Ġabra p. II‑1443, punt 137).

147    Min-naħa l-oħra, la l-impatt konkret fis-suq u lanqas id-daqs tas-suq ġeografiku ma jikkostitwixxu elementi neċessarji għall-kwalifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna fil-każ ta’ akkordji orizzontali li jirrigwardaw, b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, l-iffissar tal-prezzijiet. Fil-fatt, għalkemm dawn iż-żewġ kriterji huma elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, dawn huma kriterji fost oħrajn għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-gravità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 114 iktar ’il fuq, punti 74 u 81, u s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, punti 240 u 311, u tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 91).

148    B’hekk, skont ġurisprudenza li issa wkoll saret stabbilita sew, jirriżulta mil-linji gwida li l-akkordji orizzontali li jirrigwardaw, b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, l-iffissar tal-prezzijiet, jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “serji ħafna” sempliċement fuq il-bażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr ma l-Kummissjoni hija obbligata turi impatt konkret tal-ksur fis-suq (sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 114 iktar ’il fuq, punt 75; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punt 178, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 150), u mingħajr ma d-daqs limitat tas-suq ġeografiku kkonċernat jipprekludi tali kwalifikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, punt 103, u s-sentenza Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 147 iktar ’il fuq, punt 91).

149    Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, għalkemm id-deskrizzjoni tal-ksur gravi ssemmi espressament l-impatt fis-suq u l-effetti fuq iż-żoni estiżi tas-suq komuni, dik tal-ksur serji ħafna, min-naħa l-oħra, ma ssemmi ebda rekwiżit ta’ impatt konkret fis-suq u lanqas tal-produzzjoni ta’ effetti fuq żona ġeografika partikolari (sentenzi Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, punt 146 iktar ’il fuq, punt 137; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, punt 178).

150    Barra minn hekk, hemm interdipendenza bejn it-tliet aspetti tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fis-sens li grad għoli ta’ gravità fir-rigward ta’ waħda jew oħra mill-kriterji jista’ jikkumpensa għal grad baxx ta’ gravità tal-ksur taħt aspetti oħra (sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, punt 241).

151    Għal dak li jirrigwarda speċifikament dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ddeterminat l-ammont tal-multa imposta fuq id-diversi destinatarji abbażi tal-metodu ġenerali li hija imponiet fuqha stess fil-linji gwida, u dan anki jekk hija ma ssemmihomx espressament fid-deċiżjoni msemmija.

 L-argumenti tal-partijiet

152    Fl-ewwel lok, Transcatab issostni li mit-test tal-linji gwida, kif riprodott fil-premessa 365 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni hija obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni tliet kriterji, jiġifieri n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fis-suq, meta dan ikun kwantifikabbli, u d-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni. B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tikkwalifika l-akkordju bħala “serju ħafna” biss abbażi tan-natura tal-ksur, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni ż-żewġ kriterji l-oħrajn.

153    Madankollu, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-linji gwida, il-Kummissjoni kkunsidrat il-ksur inkwistjoni bħala “serju ħafna”. Din il-kwalifikazzjoni hija vvizzjata bi żball inkwantu ma tiħux inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ impatt konkret tal-ksur fis-suq u d-daqs limitat tas-suq ġeografiku inkwistjoni. Kieku ħadet inkunsiderazzjoni b’mod korrett it-tliet kriterji msemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet tikkwalifika l-akkordju bħala ksur sempliċement “serju”. F’diversi preċedenti, il-Kummissjoni kkwalifikat bħala ksur serju kartell tal-prezzijiet bħal dak f’din il-kawża. Barra minn hekk, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha esklużivament fuq in-natura tal-ksur biex tikkwalifika l-ksur bħala serju ħafna, kif hija tafferma, iżda evalwat is-serjetà tal-ksur billi ħadet inkunsiderazzjoni t-tliet kriterji msemmija iktar ’il fuq, kif jirriżulta mill-premessi 365 u 368 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-fatt li l-Kummissjoni ffissat il-penali taħt il-limitu minimu ta’ EUR 20 miljun previst mil-linji gwida ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li Transcatab ma għandhiex interess li tinvoka l-motiv, inkwantu dak il-limitu minimu jikkostitwixxi biss indikazzjoni tal-ammont minimu tal-multi li jistgħu jiġu imposti.

154    Fit-tieni lok, Transcatab tqajjem diversi lmenti speċifikament fir-rigward tan-nuqqas ta’ effetti tal-akkordju fis-suq. Effettivament, skont Transcatab, l-akkordji ppenalizzati mid-deċiżjoni kkontestata ma kellhom ebda impatt fis-suq jew, ta’ mill-inqas, ma pproduċewx l-effetti miftiehma. B’hekk, jirriżulta minn diversi paraguni tal-prezzijiet li saru mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-prezzijiet indikati mill-partijiet fl-akkordji tagħhom qatt ma kienu “riflessi” fis-suq. Transcatab tiċċita diversi eżempji konkreti u bosta informazzjoni li jissostanzjaw l-affermazzjonijiet tagħha u targumenta wkoll li, kieku l-akkordju kellu effetti, kien ikun hemm tnaqqis u stabbilizzazzjoni tal-prezzijiet, li ma seħħewx. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata stess tindika, fil-premessi 97 u s-segwenti, li l-prezzijiet tat-tabakk mhux maħdum fl-Italja żdiedu bejn l-1990 u l-2000 b’mod li ma seħħ f’ebda Stat Membru ieħor u li dawk iż-żidiet baqgħu għaddejjin sal-2002, is-sena meta l-proċessuri temmew l-akkordji tagħhom. Minbarra dan, fil-każ li wassal għad-deċiżjoni C (2004) 4030 finali tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar proċedura taħt l-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.238/B.2 − Tabakk mhux maħdum – Spanja) (iktar ’il quddiem il-“każ Tabakk mhux maħdum – Spanja”), il-Kummissjoni kkunsidrat iż-żieda fil-prezzijiet tat-tabakk, minkejja l-eżistenza ta’ akkordju bejn il-proċessuri, bħala prova tan-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-akkordji. Barra minn hekk, fil-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ impatt effettiv fis-suq tal-aġir ikkunsidrati bħala partikolarment gravi, biex tikkwalifikahom bħala ksur “serji” u mhux “serji ħafna”. Il-Kummissjoni affermat ukoll b’mod żbaljat u mingħajr motivazzjoni, fil-premessa 368 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-akkordju seta’ kellu effett fis-suq downstream tal-ipproċessar u tal-bejgħ tat-tabakk ipproċessat. Fis-suq downstream, l-akkordju seta’ kellu, l-iktar, l-effett li jnaqqas l-ispejjeż tal-manifatturi tas-sigaretti.

155    Barra minn hekk, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-impatt tal-ksur fis-suq hija illoġika inkwantu l-Kummissjoni ssostni li l-akkordju kien ta’ natura li jnaqqas il-produzzjoni globali tat-tabakk għad-detriment tal-konsumaturi (premessa 282 tad-deċiżjoni kkontestata) waqt li l-problema bażika tas-suq tat-tabakk Ewropew u dak Taljan kienet il-produzzjoni żejda ta’ tabakk ta’ kwalità ħażina. Minbarra dan, il-Kummissjoni mkien ma semmiet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-akkordju kellu l-effett li jnaqqas il-produzzjoni. Billi użat dan l-argument għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata, hija kisret id-drittijiet ta’ difiża ta’ Transcatab, li ma kinitx f’pożizzjoni li tirrispondi għalih. Il-Kummissjoni semmiet ukoll għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata l-effett potenzjali fis-suq downstream biex b’hekk kisret ukoll id-drittijiet ta’ difiża tagħha.

156    Fit-tielet lok, Transcatab issostni li s-suq ġeografiku kkonċernat mill-ksur ippenalizzat fid-deċiżjoni kkontestata huwa ta’ firxa partikolarment limitata, peress li huwa limitat għal erba’ reġjuni fl-Italja, kif jirriżulta mill-premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, dan huwa suq ġeografiku ferm iktar risrett mis-suq nazzjonali. Il-Kummissjoni b’ebda mod ma kkunsidrat dan l-element biex tiddetermina l-gravità tal-ksur. Id-deċiżjoni kkontestata b’hekk hija vvizzjata b’nuqqas evidenti ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, skont il-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni, il-ksur kellu jitqies bħala serju u mhux serju ħafna. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni dwar il-każ Tabakk mhux maħdum – Spanja, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-multa, id-dimensjoni relattivament ristretta tas-suq tal-prodotti, li kien ikopri biss ċerti reġjuni ta’ Spanja.

157    Il-Kummissjoni titlob li jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Transcatab.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

158    Hemm lok l-ewwel nett li jiġi rrilevat li Transcatab tikkontesta formalment l-“ammont inizjali” tal-multa, li jikkorrispondi, skont ir-raba’ inċiż tal-punt 1B tal-linji gwida, għat-total tal-ammonti stabbiliti skont il-gravità tal-ksur u t-tul tal-ksur. Madankollu, mill-argumentazzjoni tagħha jirriżulta li l-ammont tal-multa kkontestata huwa dak iddeterminat skont il-gravità tal-ksur, b’mod li l-ammont inkwistjoni fil-kuntest ta’ dan il-motiv huwa l-ammont inizjali tal-multa, kif imsemmi fil-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T-161/05, Ġabra p. II-3555, punt 107).

–       Fuq il-kwalifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna

159    Rigward l-ilment ta’ Transcatab li l-Kummissjoni wettqet żbalji fil-kwalifikazzjoni tal-ksur bħala “ serju ħafna ”, għandu jiġi rrilevat fl-ewwel lok li, kif ġie mfakkar fil-punti 146 sa 148 iktar ’il fuq, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, fost it-tliet kriterji msemmija fil-linji gwida għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, in-natura tal-ksur għandha rwol primordjali fil-kwalifikazzjoni tal-ksur bħala serji ħafna. B’hekk, akkordji jew prattiki miftiehma dwar l-iffissar tal-prezzijiet jew it-tqassim tas-swieq jistgħu jwasslu, sempliċement fuq il-bażi tan-natura tagħhom, għall-kwalifikazzjoni bħala “serji ħafna”, mingħajr ma huwa meħtieġ li tali aġir jiġi kkaratterizzat b’impatt konkret fis-suq jew b’daqs ġeografiku partikolari.

160    F’dan il-każ, fir-rigward tan-natura tal-ksur inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan kellu l-għan, b’mod partikolari, li jiġu ffissati b’mod komuni l-prezzijiet imħallsa mill-proċessuri għat-tabakk mhux maħdum kif ukoll it-tqassim tal-fornituri u tal-kwantitajiet ta’ tabakk mhux maħdum. Dawn il-prattiki jikkostitwixxu restrizzjonijiet orizzontali tat-tip “kartell ta’ prezzijiet” fis-sens tal-linji gwida u għaldaqstant huma “serji ħafna” min-natura tagħhom stess. L-akkordji ta’ dan it-tip huma kkwalifikati mill-ġurisprudenza bħala ksur nett tar-regoli tal-kompetizzjoni jew ksur partikolarment serju meta dawn ikollhom effett dirett fuq il-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni (ara l-punt 137 iktar ’il fuq).

161    Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħet tikkwalifika l-akkordju bħala ksur serju ħafna fuq il-bażi tan-natura proprja tal-ksur, u dan indipendentement mill-impatt konkret fis-suq u d-daqs ġeografiku tiegħu (ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 146 sa 149 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, is-sentenza Erste Groupe Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, punt 103).

162    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda speċifikament id-diversi referenzi li saru minn Transcatab għad-deċiżjonijiet adottati preċedentement mill-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sservix, fiha nfisha, bħala qafas ġuridiku dwar il-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress li dan huwa ddefinit biss fir-Regolament Nru 1/2003, kif applikat fid-dawl tal-linji gwida, u li fil-qasam tal-iffissar tal-ammont tal-multi l-Kummissjoni għandha diskrezzjoni wiesgħa u ma hijiex marbuta bl-evalwazzjonijiet li tkun għamlet qabel (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 82, u Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, punt 123). Minn dan isegwi li l-allegazzjonijiet ta’ Transcatab dwar il-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu aċċettati.

163    Barra minn hekk, ebda wieħed mill-argumenti mressqa minn Transcatab ma jista’ jpoġġi f’dubju l-kwalifikazzjoni tal-akkordju bħala serju ħafna. Għaldaqstant, dawn għandhom jiġu analizzati fuq bażi sussidjarja.

–       Fuq l-impatt konkret tal-ksur fis-suq

164    F’dak li jirrigwarda, speċifikament, l-argumenti li jallegaw żbalji fid-determinazzjoni tas-serjetà tal-ksur, minħabba l-allegat nuqqas ta’ impatt konkret tal-ksur fis-suq, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma Transcatab, jirriżulta minn qari tad-deċiżjoni kkontestata li, għalkemm fil-premessa 365 tagħha l-Kummissjoni, waqt li rriproduċiet it-termini tal-linji gwida, telqet mill-premessa li biex tevalwa s-serjetà tal-ksur hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-tliet elementi msemmija fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-imsemmija linji gwida (ara l-punt 144 iktar ’il fuq), hija sussegwentement ma bbażatx l-evalwazzjoni tas-serjetà tal-ksur fuq l-impatt konkret tal-ksur fis-suq.

165    Effettivament, il-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda l-evalwazzjoni tas-serjetà tal-ksur (premessi 365 sa 369) ma fiha ebda analiżi tal-impatt konkret tal-ksur fis-suq. B’mod partikolari, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Transcatab, tali analiżi ma tirriżultax mill-premessa 368 tad-deċiżjoni kkontestata. Dik il-premessa, li hija marbuta mill-qrib mal-premessa preċedenti dwar in-natura tal-ksur, tirreferi b’mod ġenerali għall-kapaċità tal-akkordji dwar ix-xiri, bħal f’kull każ tipiku ta’ “kartelli ta’ bejgħ”, li jaffettwaw il-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni affermat li dak it-tip ta’ akkordji jista’ jbiddel l-aġir kompetittiv tal-impriżi inkwistjoni, kemm tal-produtturi jew ta’ dawk li jeżerċitaw attivitajiet downstream, inkwantu jkun hemm impatt fuq parametru fundamentali tal-aġir kompetittiv tal-impriżi li jintervjenu f’settur tal-ipproċessar, jiġifieri l-prezz tax-xiri tal-prodott suġġett għall-ipproċessar. Fl-istess premessa, il-Kummissjoni tafferma sussegwentement li dik il-kapaċità li titbiddel il-kompetizzjoni hija iktar sinifikattiva f’każ ta’ prodott bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża.

166    Barra minn hekk, il-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda l-analiżi tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni (premessi 277 et sequitur), li għaliha tirreferi l-premessa 368, ma fihiex analiżi tal-impatt konkret tal-ksur fis-suq. Effettivament, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega Transcatab, xejn ma jindika li huwa possibbli li wieħed jiddeduċi minn dik il-parti tad-deċiżjoni kkontestata, li tanalizza l-portata restrittiva tal-akkordji bejn il-proċessuri, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-impatt konkret tal-akkordji fis-suq biex tiddetermina s-serjetà tal-ksur għall-finijiet tal-iffissar tal-multa.

167    Barra minn hekk, huwa fil-kuntest tal-kunsiderazzjonijiet dwar il-kapaċità tal-akkordju tax-xiri li jinfluwenza l-aġir tal-proċessuri li ssir ir-referenza f’termini pjuttost ġeneriċi għall-effetti possibli fuq is-swieq downstream li hija kkontestata minn Transcatab (ara l-punt 154 iktar ’il fuq in fine). Peress li l-akkordju kien jiddetermina b’mod partikolari l-kwantitajiet ta’ tabakk mixtrija minn kull wieħed mill-proċessuri, Transcatab ma tistax targumenta li l-affermazzjoni li l-akkordju kellu l-kapaċità li jaffettwa l-attivitajiet downstream tal-ipproċessar tat-tabakk u tal-bejgħ tat-tabakk ipproċessat hija żbaljata. Effettivament, peress li kien jiddeċiedi dwar il-kwantitajiet mixtrija tal-prodott mhux maħdum, l-akkordju kien neċessarjament f’pożizzjoni li jaffettwa l-aġir tal-proċessuri downstream fir-rigward tal-prodott ipproċessat. Barra minn hekk, Transcatab ma ressqet ebda argument u ma pprovdiet ebda prova li tista’ tpoġġi f’dubju dik l-affermazzjoni. Għandu jiġi rrilevat ukoll li fid-deċiżjoni kkontestata ma hemm ebda referenza għall-effetti possibbli fuq il-prezzijiet tas-sigaretti għall-konsumaturi finali, u għalhekk l-argumenti mressqa minn Transcatab f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

168    Għal dak li jirrigwarda speċifikament l-informazzjoni ppreżentata minn Transcatab jew l-informazzjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata li turi n-nuqqas ta’ effetti tal-akkordju fis-suq (ara l-punt 154 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-ġurisprudenza li, biex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, huwa deċiżiv li jiġi stabbilit li l-membri tal-akkordju kienu għamlu dak kollu li setgħu jagħmlu sabiex jagħtu effett reali lill-intenzjonijiet tagħhom. Billi dak li seħħ sussegwentement, fir-rigward tal-prezzijiet tas-suq effettivament realizzati, seta’ kien influwenzat minn fatturi oħrajn lil hinn mill-kontroll tal-membri tal-akkordju, il-membri tal-akkordju ma jistgħux jinvokaw favur tagħhom fatturi esterni li kkontrabattew l-isforzi tagħhom, billi jsostnu li dawn huma elementi li jiġġustifikaw tnaqqis tal-multa (ara s-sentenzi Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, punt 287; Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 147 iktar ’il fuq, punt 86, u Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, punt 146 iktar ’il fuq, punt 130, u l-ġurisprudenza ċċitata).

169    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma tistax tkun meħtieġa, meta tkun ġiet stabbilita l-implementazzjoni ta’ akkordju, li turi sistematikament li l-akkordji effettivament ippermettew lill-impriżi kkonċernati li jilħqu livell ta’ prezzijiet ta’ tranżazzjonijiet ogħla, jew, bħal f’dan il-każ, fil-każ ta’ akkordji dwar xiri, inqas minn dawk li kien ikun hemm fin-nuqqas tal-akkordju. Ikun sproporzjonat li tintalab tali prova li tassorbi riżorsi kunsiderevoli fid-dawl tal-fatt li din tirrikjedi l-użu ta’ kalkoli ipotetiċi bbażati fuq mudelli ekonomiċi li l-eżattezza tagħhom tkun diffiċli li tiġi vverifikata mill-qorti u fejn ma hemm l-ebda prova tan-natura infallibbli tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, punt 286; Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 147 iktar ’il fuq, punt 85, u Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, punt 146 iktar ’il fuq, punt 129, u l-ġurisprudenza ċċitata).

170    F’dan il-każ, l-analiżi tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda l-fatti allegati turi li l-proċessuri implementaw xjentement l-aġir antikompetittiv li għalih ġew ippenalizzati (ara, pereżempju, il-premessi 111, 124, 125, 141 u 158 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-kunsiderazzjoni hija kkonfermata barra minn hekk miċ-ċirkustanza li l-akkordju kien ta’ natura sigrieta, kif jirriżulta mill-premessi 363 u 473 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, skont id-deċiżjoni kkontestata l-proċessuri ftiehmu f’diversi okkażjonijiet dwar miżuri intiżi biex jiżguraw l-implementazzjoni effettiva tal-akkordju, bħal li jibagħtu reċiprokament fatturi tal-fornituri rispettivi tagħhom (premessi 122 u 129 tad-deċiżjoni kkontestata), obbligu ta’ konsultazzjoni fil-każ ta’ xiri barra mill-akkordji (premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata), obbligi ta’ kontroll tal-impjegati sabiex jiġi evitat li jieħdu inizjattivi mingħajr il-koordinazzjoni meħtieġa (premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata), il-ħolqien ta’ struttura intiża biex tiżgura l-ħolqien ta’ għanijiet antikompetittivi (premessa 187 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li jirriżulta mill-premessa 383 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni stabbilixxiet ukoll li l-akkordju ġie implementat.

171    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet ta’ żbalji tal-Kummissjoni bbażati fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni fis-suq tal-prezzijiet indikati mill-partijiet fl-akkordji tagħhom u dwar iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni kellha informazzjoni li turi żieda fil-prezzijiet tat-tabakk mhux maħdum ogħla minn dawk tal-prodotti agrikoli l-oħrajn.

–       Fuq id-daqs ġeografiku tas-suq

172    F’dak li jirrigwarda l-argument dwar id-daqs ġeografiku ristrett tas-suq ikkonċernat mill-ksur, jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 147 sa 149 iktar ’il fuq li d-daqs tas-suq ġeografiku ma huwiex kriterju awtonomu, fis-sens li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “serji ħafna” biss dawk il-ksur li jikkonċernaw lill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. La t-Trattat, la r-Regolament Nru 1/2003, la l-linji gwida, u lanqas il-ġurisprudenza ma jippermettu li jiġu kkunsidrati biss b’dan il-mod ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li huma ġeografikament mifruxa ħafna. Barra minn hekk, kif ġie mfakkar fil-punt 148 iktar ’il fuq, akkordji li jirrigwardaw b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, l-iffissar tal-prezzijiet tax-xiri kif ukoll it-tqassim tal-kwantitajiet mixtrija, jistgħu jiġu kkwalifikati bħala ksur serji ħafna, sempliċement fuq il-bażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr ma huwa neċessarju li tali aġir jiġi kkaratterizzat b’daqs ġeografiku partikolari. Minn dan isegwi li d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat, anki jekk huwa limitat, ma jipprekludix il-kwalifikazzjoni tal-ksur ikkonstatat f’dan il-każ bħala “serju ħafna”.

173    Fuq bażi sussidjarja, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm huwa kostanti li l-produzzjoni tat-tabakk mhux maħdum kienet ikkonċentrata f’ċerti reġjuni tal-Italja, għandu jiġi kkonstatat li l-akkordju kien jikkonċerna s-suq tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum u mhux dak tal-produzzjoni, b’hekk li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ma kienx limitat għal dawk ir-reġjuni, iżda kien ikopri t-territorju Taljan kollu. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, it-territorju ta’ Stat Membru jikkostitwixxi parti sostanzjali tas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 28; sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, punt 150).

–       Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

174    F’dak li jirrigwarda l-ilmenti dwar il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi rrilevat li skont ġurisprudenza stabbilita l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi fattwali u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu, kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

175    Fil-kuntest tal-iffissar ta’ multi minħabba l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa sodisfatt meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tiddetermina l-gravità u d-dewmien tal-ksur (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C- 254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 463 u l-ġurisprudenza ċċitata).

176    F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tas-serjetà tal-ksur, il-Kummissjoni indikat fil-premessi 365 sa 369 tad-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet li wassluha biex tikkonkludi li l-ksur kellu jiġi kkwalifikat bħala serju ħafna. Kif issemma fil-punti 159 et sequitur iktar ’il fuq, il-Kummissjoni bbażat dik il-konklużjoni fuq in-natura serja ħafna tal-ksur inkwistjoni.

177    Għandu jiġi rrilevat illi peress li l-impatt konkret fis-suq u d-daqs ġeografiku tas-suq ikkonċernat ma jikkostitwixxux elementi neċessarji sabiex il-ksur jiġi kkwalifikat bħala serju ħafna fil-każ ta’ akkordji orizzontali li jirrigwardaw b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, l-iffissar tal-prezzijiet, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li timmotiva n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-kriterji. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-analiżi li jikkonċernaw il-ksur tal-Artikolu 81 KE, l-Artikolu 253 KE ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li l-Kummissjoni tispjega fid-deċiżjonijiet tagħha r-raġunijiet għalfejn hija ma adottatx, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, approċċi differenti minn dawk li effettivament ġew adottati fid-deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, IMI et vs Il‑Kummissjoni, T‑18/05, Ġabra p. II‑1769, punt 153, u l-ġurisprudenza ċċitata).

178    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-impatt konkret tal-ksur fis-suq jew tad-daqs limitat tas-suq ġeografiku.

179    Finalment, f’dak li jirrigwarda speċifikament l-ilment issollevat minn Transcatab li jallega motivazzjoni illoġika tad-deċiżjoni kkontestata b’rabta mal-produzzjoni żejda ta’ tabakk (ara l-punt 155 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ produzzjoni żejda ma tikkostitwixxix neċessarjament prova tal-fatt li l-implementazzjoni tal-akkordju bil-għan li titnaqqas dik il-produzzjoni kienet mingħajr effett. Fil-fatt, ma huwiex possibbli li jiġi eskluż li, fin-nuqqas tal-akkordju, il-produzzjoni tat-tabakk xorta waħda kienet ser tkun għolja. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Transcatab, b’hekk mhux neċessarjament hemm kontradizzjoni bejn l-eżistenza tal-produzzjoni żejda u l-affermazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-akkordju kien ta’ tali natura li jnaqqas il-produzzjoni globali tat-tabakk. Transcatab b’hekk ma tistax targumenta fuq il-bażi ta’ dak l-argument li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt hija illoġika. Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-ksur tad-drittijiet ta’ difiża

180    Għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza kostanti, meta l-Kummissjoni tindika espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, li din ser teżamina jekk hemmx lok li jkunu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati, u meta din tistabbilixxi l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multa, bħall-gravità u d-dewmien tal-allegat ksur u l-fatt li dan twettaq intenzjonalment jew b’negliġenza, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt tas-smigħ tal-impriżi. B’dan il-mod, hija tagħtihom l-elementi meħtieġa biex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra l-konstatazzjoni ta’ ksur, iżda wkoll kontra l-fatt li ġiet imposta multa kontrihom (sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, punt 21; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 199, u tad-19 ta’ Mejju 2010, Wieland‑Werke et vs Il-Kummissjoni, T‑11/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 129).

181    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, meta tkun indikat l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija tkun ibbażat il-kalkolu tagħha tal-ammont tal-multi, li tippreċiża l-mod kif hija tkun użat kull wieħed minn dawk l-elementi għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell tal-multa (sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, punt 369). Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni tista’ wkoll, fid-dawl tal-proċedura amministrattiva, tirrevedi jew iżżid argumenti ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn tal-ilmenti li hija tkun ifformulat (ara s-sentenza Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, punt 117 iktar ’il fuq, punt 438, u l-ġurisprudenza ċċitata).

182    Minn dan isegwi li, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, id-drittijiet ta’ difiża tal-impriżi kkonċernati huma ggarantiti quddiem il-Kummissjoni permezz tal-possibbiltà li jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-dewmien, il-gravità u n-natura antikompetittiva tal-fatti allegati kontrihom (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T-83/91, Ġabra p. II-755, punt 235, u Wieland‑Werke et vs Il-Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq, punt 131).

183    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-punt II A tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ddikjarat, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni tal-multa kontra Transcatab. B’mod partikolari, il-Kummissjoni indikat l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi li hija bbażat ruħha fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata għall-kalkolu tal-ammont inizjali tal-multa imposta kontra r-rikorrenti. Transcatab kellha l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawk l-elementi, b’mod li jista’ jiġi konkluż li d-dritt tas-smigħ tagħha ġie rrispettat debitament f’dak ir-rigward. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-kuntest ta’ din il-parti, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma bbażatx il-kwalifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna fuq l-effetti konkreti tal-akkordju fis-suq kemm fir-rigward tat-tnaqqis tal-produzzjoni, kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet eżerċitati downstream, iżda min-naħa l-oħra, ibbażat dik il-kwalifikazzjoni fuq in-natura serja ħafna tal-ksur inkwistjoni.

184    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda fit-totalità tagħha.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, li tallega ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fl-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa

 L-argumenti tal-partijiet

185    Fl-ewwel lok, Transcatab targumenta li l-Kummissjoni marret kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu imponiet multa kontriha ta’ EUR 14-il miljun. Hija ssostni li dik il-multa hija sproporzjonata meta mqabbla kemm mat-total tax-xiri annwali tagħha fis-suq ta’ referenza li ma laħaqx EUR 13-il miljun, kif ukoll mal-valur totali tax-xiri tat-tabakk li jikkostitwixxi s-suġġett tal-akkordji li ma qabiżx EUR 50 miljun fis-sena. Il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-dimensjonijiet partikolarment ristretti tas-suq meta ffissat il-multa. Barra minn hekk, il-linji gwida ġodda għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”) jistabbilixxu li l-ammont bażiku tal-multa għandu jkun iffissat skont il-valur tal-bejgħ tal-impriża fis-suq li huwa s-suġġett tal-akkordju.

186    Fit-tieni lok, Transcatab tallega li l-Kummissjoni marret kontra l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fl-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa. Hija ttrattat b’mod differenti, mingħajr ebda ġustifikazzjoni, l-akkordju inkwistjoni f’din il-kawża u l-akkordju li kien is-suġġett tad-deċiżjoni fil-każ Tabakk mhux maħdum – Spanja, minkejja li ż-żewġ każijiet kellhom xebh importanti kemm fir-rigward tas-suġġett tal-akkordju kif ukoll tad-daqs ġeografiku limitat tiegħu.

187    Il-Kummissjoni titlob li l-argumenti ta’ Transcatab jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

188    Għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jitlob li l‑atti tal-istituzzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintuża dik l-inqas restrittiva, u li l‑inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C-180/96, Ġabra p. I‑2265, punt 96, u s-sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, T‑30/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 223).

189    Fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa mill-Kummissjoni biex tippenalizza l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju timplika li l-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati mal-għanijiet imfittxija, jiġifieri fir-rigward tal-osservanza ta’ dawn ir-regoli, u li l-ammont tal-multa imposta fuq l-impriża abbażi ta’ ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat mal-ksur, evalwat fit-totalità tiegħu, billi jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 188 iktar ’il fuq, punti 223 u 224, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa proporzjonalment mal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni biex tevalwa l-gravità tal-ksur u li f’dan ir-rigward għandha tapplika dawk l-elementi b’mod koerenti u ġġustifikat oġġettivament (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II-3435, punti 226 sa 228, u tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni, T-446/05, Ġabra p. II‑1255, punt 171).

190    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-ilment dwar in-natura sproporzjonata tal-multa meta mqabbla mal-valur totali tax-xiri fis-suq ikkonċernat, għandu jiġi rrilevat li la jirriżulta mir-Regolament Nru 1/2003, u lanqas mil-linji gwida, li l-ammont tal-multi għandu jiġi ffissat direttament skont id-daqs tas-suq inkwistjoni, peress li dan il-fattur ma huwiex element obbligatorju, iżda biss element pertinenti fost oħrajn biex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C-407/04 P, Ġabra p. I-829, punt 132, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 114 iktar ’il fuq, punt 55). Dawn id-dispożizzjonijiet b’hekk ma jimponux, waħedhom, li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs limitat tas-suq tal-prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra p. II‑3137, punt 148).

191    Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 139 iktar ’il fuq, skont il-ġurisprudenza, matul l-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-numru kbir ta’ elementi li n-natura u l-importanza tagħhom tvarja skont it-tip ta’ ksur inkwistjoni u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat. Fost dawn l-elementi li jindikaw il-gravità ta’ ksur, ma jistax jiġi eskluż li jista’ jkun hemm, skont il-każ, id-daqs tas-suq tal-prodott inkwistjoni (sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, punt 120, u sentenza Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, punt 146 iktar ’il fuq, punt 267).

192    Konsegwentement, għalkemm id-daqs tas-suq jista’ jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-gravità tal-ksur, l-importanza tiegħu tvarja skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat.

193    F’dan il-każ, fir-rigward tat-tip ta’ ksur, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-akkordju inkwistjoni kellu l-għan, b’mod partikolari, li jiġu ffissati b’mod komuni l-prezzijiet imħallsa mill-proċessuri għat-tabakk mhux maħdum, kif ukoll it-tqassim tal-fornituri u tal-kwantitajiet ta’ tabakk mhux maħdum. Dawn il-prattiki jikkostitwixxu restrizzjonijiet orizzontali tat-tip “kartell ta’ prezzijiet” fis-sens tal-linji gwida u għaldaqstant huma “serji ħafna” min-natura tagħhom stess. Għal dan it-tip ta’ akkordji, li huma kkwalifikati mill-ġurisprudenza bħala ksur nett tar-regoli tal-kompetizzjoni jew ksur partikolarment serju inkwantu għandhom effett dirett fuq il-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat (ara l-punt 137 iktar ’il fuq), il-linji gwida jipprevedu sanzjoni b’ammont bażiku minimu li jmur lil hinn minn EUR 20 miljun.

194    Fir-rigward, fit-tieni lok, taċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat, għandu jiġi kkonstatat li d-daqs tas-suq inkwistjoni bl-ebda mod ma kien traskurabbli, inkwantu jirriżulta mill-premessa 366 tad-deċiżjoni kkontestata li l-produzzjoni tat-tabakk mhux maħdum fl-Italja kienet tirrappreżenta 38 % tal-produzzjoni taħt il-kwota fl-Unjoni. Barra minn hekk, jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 290 tad-deċiżjoni kkontestata li, peress li l-akkordju jestendi wkoll għax-xiri mingħand “terzi li jippakkjaw” – jiġifieri intermedjarji li jixtru huma stess it-tabakk mhux maħdum tal-produtturi u jagħmlu proċessar inizjali tat-tabakk –, dan jirrigwarda xiri ta’ valur li jeċċedi s-sempliċi valur tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum prodott fl-Italja.

195    Barra minn hekk, Transcatab ma tistax issostni li l-multa tagħha hija sproporzjonata meta mqabbla mal-valur totali tax-xiri fis-suq ikkonċernat.

196    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment dwar in-natura sproporzjonata tal-multa meta mqabbla mal-valur tax-xiri ta’ Transcatab fis-suq ikkonċernat, qabel kollox għandu jiġi enfasizzat li d-dritt applikabbli ma jistabbilixxix prinċipju ta’ applikazzjoni ġenerali li jgħid li l-penali għandha tkun proporzjonata mad-dħul mill-bejgħ miksub mill-impriża fis-suq ikkonċernat (ara s-sentenza Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, punt 146 iktar ’il fuq, punt 277, u l-ġurisprudenza ċċitata).

197    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa permess, fid-dawl tal-iffissar tal-multa, li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-intrapriża li huwa ħjiel, minkejja li huwa approssimattiv u mhux komplut, tad-daqs ta’ din u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll tal-parti minn dan id-dħul mill-bejgħ li ġejja mill-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur u li għaldaqstant hija tali li tagħti ħjiel tal-gravità tiegħu. Ebda waħda minn dawn iċ-ċifri ma għandha tingħata importanza sproporzjonata meta mqabbla mal-fatturi l-oħra ta’ evalwazzjoni u, konsegwentement, l-iffissar ta’ multa xierqa ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-merkanzija kkonċernata tirrappreżenta biss parti żgħira ta’ dan id-dħul mill-bejgħ (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, punt 121; Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 243, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P et C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punt 114).

198    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punti 40 sa 43 iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ffissat il-multa abbażi tal-parti mis-suq ta’ kull impriża f’termini ta’ xiri tal-prodott inkwistjoni fis-suq fejn seħħ il-ksur. B’hekk, il-valur tax-xiri fis-suq ikkonċernat kien kriterju li kellu jiġi kkunsidrat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-multa f’dan il-każ.

199    Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza li meta l-ammont tal-multa finali ma jkunx jaqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata matul l-aħħar sena tal-ksur, il-multa ma tistax titqies li hija sproporzjonata għas-sempliċi fatt li tkun taqbeż id-dħul mill-bejgħ miksub fis-suq ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T-224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 200).

200    Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punti 160 u 193 iktar ’il fuq, is-suġġett tal-ksur inkwistjoni kien prattiki li jikkostitwixxu restrizzjonijiet orizzontali tat-tip “kartell tal-prezzijiet” fis-sens tal-linji gwida u b’hekk restrizzjonijiet “serji ħafna” min-natura tagħhom stess. Għal dan it-tip ta’ akkordji partikolarment serji, il-linji gwida jipprevedu penali b’ammont minimu inizjali ta’ iktar minn EUR 20 miljun. Jirriżulta mill-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata li l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Transcatab ikkorrisponda għal ammont ferm inqas minn dak li, skont il-linji gwida, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra għal ksur serju ħafna. F’dan il-kuntest, Transcatab ma tistax targumenta li l-multa imposta kontriha kienet sproporzjonata meta mqabbla mal-allegat daqs limitat tas-suq inkwistjoni u t-total tax-xiri annwali tagħha fis-suq ta’ referenza.

201    Finalment, fir-rigward tal-argumenti li r-rikorrenti tislet mil-linji gwida tal-2006, għandu jiġi enfasizzat, kif tammetti Transcatab stess, li dawn ma humiex applikabbli għall-fatti li taw lok għal din il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C‑413/08 P, Ġabra p. I‑5361, punt 108).

–       Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

202    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa miksur biss meta sitwazzjonijiet paragunabbli huma ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti huma ttrattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma huwiex oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 158 iktar ’il fuq, punt 79).

203    Għandu jiġi mfakkar ukoll li, kif ġie rrilevat fil-punt 162 iktar ’il fuq, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, li l-Kummissjoni għandha diskrezzjoni wiesgħa fil-qasam tal-iffissar tal-ammont tal-multi, u li hija ma hijiex marbuta bl-evalwazzjonijiet li tkun għamlet qabel.

204    Is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat, fil-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, li aġir ikun jiġġustifika multa ta’ ċertu ammont b’ebda mod ma jimplika li hija obbligata li tagħti l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni ulterjuri (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑329/01, Ġabra p. II‑3255, punt 110, u l-ġurisprudenza ċċitata).

205    B’hekk, f’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li s-sempliċi invokazzjoni minn Transcatab tad-deċiżjoni dwar il-każ Tabakk mhux maħdum – Spanja, ma tistax tiġi aċċettata, inkwantu l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tevalwa dan il-każ bl-istess mod (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, punt 162 iktar ’il fuq, punt 83).

206    Fir-rigward speċifikament tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjonijiet l-oħrajn tal-Kummissjoni dwar multi huma fil-prinċipju biss ta’ natura indikattiva, a fortiori meta l-fatti ċirkustanzjali ta’ dawk id-deċiżjonijiet l-oħrajn ma humiex identiċi għal dawk tad-deċiżjoni inkwistjoni (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, punt 204 iktar ’il fuq, punt 112). F’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li jeżistu ċerti analoġiji bejn il-każ Tabakk mhux maħdum – Spanja u dan il-każ, madankollu hemm differenzi importanti bejniethom li ma jistgħux jiġu injorati. Fil-fatt, minn naħa waħda, ma huwiex ikkontestat li s-suq Spanjol kien iżgħar u inqas importanti minn dak Taljan. Min-naħa l-oħra, il-kuntesti regolatorji nazzjonali li jirregolaw is-settur ikkonċernat kienu differenti (ara, b’mod iktar speċifiku, il-punti 317 u s-segwenti iktar ’il quddiem).

207    Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi mhux negliġibbli, il-Kummissjoni kellha dritt, u kienet saħansitra obbligata, li tittratta b’mod differenti ż-żewġ każijiet fir-rigward tad-determinazzjoni tal-penali. Konsegwentement, Transcatab ma tistax validament tibbaża ruħha fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ Tabakk mhux maħdum – Spanja, sabiex turi l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’dan il-każ.

–       Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

208    Għandu jiġu mfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza li d-dritt li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jeħtieġ li jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, għandhom ikunu ngħataw garanziji preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, lill-persuna kkonċernata mill-amministrazzjoni. It-tieni nett, dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu ta’ natura li jnisslu aspettattivi leġittimi fir-rigward ta’ dak li lilu jkunu indirizzati. Fit-tielet lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Frar 2009, Omya vs Il-Kummissjoni, T‑145/06, Ġabra p. II‑145, punt 117, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2009, Nintendo u Nintendo of Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑13/03, Ġabra p. II‑947, punt 203, u l-ġurisprudenza ċċitata).

209    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel kundizzjoni prevista mill- ġurisprudenza ma hijiex sodisfatta. Effettivament, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ammont tal-multi li jiġi ddeterminat jirriżulta mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni b’tali mod li l-operaturi ma jistgħux ikollhom aspettattivi leġittimi meta dawn l-ammonti jiġu ddeterminati (ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, punt 204 iktar ’il fuq, punt 109, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, il-preċedent tal-każ Tabakk mhux maħdum – Spanja, invokat minn Transcatab ma jistax jitqies li pprovdielha assigurazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjoni u konkordanti fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti.

210    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni fil-każ Tabakk mhux maħdum – Spanja ġiet adottata mill-Kummissjoni f’Ottubru 2004, jiġifieri iktar minn sentejn wara l-preżentata minn Transcatab tat-talba tagħha għat-tnaqqis tal-multa abbażi tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Transcatab ma tistax targumenta b’mod validu li hija aġixxiet fuq il-bażi ta’ aspettattiva leġittima li hija dderivat mill-iffissar tal-ammont tal-multa f’dak il-każ.

211    Fid‑dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it‑tieni parti tat‑tieni motiv għandha tiġi miċħuda totalment.

 Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, li tallega ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fit-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura dissważiva tal-penali u tal-qagħda finanzjarja ta’ Transcatab

 L-argumenti tal-partijiet

212    Transcatab tikkontesta l-applikazzjoni tal-koeffiċjent multiplikatur fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa. Fl-ewwel lok, hija tikkontesta l-premessa ta’ dik l-applikazzjoni, jiġifieri l-attribuzzjoni tar-responsabbiltà tal-ksur lill-kumpannija parent tagħha, Alliance One.

213    Fit-tieni lok, hija targumenta li, f’dan il-każ, l-effett dissważiv seta’ nkiseb mingħajr l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur u permezz tal-iffissar ta’ ammont inizjali tal-multa inqas minn dak użat mill-Kummissjoni.

214    Fit-tielet lok, hija ssostni li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni kellha timmodifika l-ammont tal-multa billi ħadet inkunsiderazzjoni l-qagħda finanzjarja prekarja ta’ Transcatab u r-riskji biex tkompli bl-attivitajiet tagħha. Effettivament, matul il-perijodu bejn l-1995 u l-2002, Transcatab akkumulat telf sostanzjali u kellha tiġi stralċjata wara l-multa imposta mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, Transcatab ma għadhiex preżenti fis-suq Taljan u ma kinitx għadha attiva fis-suq fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li ma kien hemm ebda bżonn ta’ dissważjoni fir-rigward tagħha. Bl-istess mod, f’dan il-każ, ma kien hemm ebda ħtieġa supplimentari ta’ dissważjoni marbuta mal-hekk imsejħa produzzjoni ta’ “multiprodotti”. Finalment, anki l-linji gwida tal-2006 jagħmlu referenza għall-kapaċità tal-impriża li tħallas il-multa, u b’hekk jieħdu inkunsiderazzjoni r-riskju li tiġi kompromessa l-vijabbiltà ekonomika tagħha.

215    Il-Kummissjoni titlob li l-argumenti ta’ Transcatab jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

216    Jirriżulta mill-ġurisprudenza li s-sanzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 huma intiżi kemm sabiex jitwaqqaf l-aġir li jikkostitwixxi ksur kif ukoll għall-prevenzjoni ta’ tali aġir futur. Għalhekk, id-dissważjoni hija l-iskop tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punti 218 u 219, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-30 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 103 iktar ’il fuq, punt 150).

217    Il-ħtieġa li bil-multa jiġi żgurat effett dissważiv titlob li l-ammont tal-multa jiġi stabbilit bil-għan li jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt mistenni mill-impriża li fuqha tkun ġiet imposta, u dan bil-għan li l-multa ma ssirx ineffettiva, jew b’mod kuntrarju eċċessiva, b’mod partikolari fid-dawl tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, b’mod konformi mal-eżiġenzi bbażati, minn naħa waħda, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 283; tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punt 379, u tat-30 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 103 iktar ’il fuq, punt 154). B’hekk, għalkemm il-ħtieġa li jiġi żgurat li multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti hija objettiv leġittimu li l-Kummissjoni għandha d-dritt li ssegwi fl-iffissar tal-ammont ta’ multa, xorta jibqa’ l-fatt li hija obbligata li tirrispetta l-prinċipji ġenerali tad-dritt, u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità, mhux biss fid-determinazzjoni tal-ammont inizjali, iżda wkoll meta żżid dak l-ammont bil-għan li tiżgura li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti (sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 316).

218    Il-linji gwida jsemmu l-iskop ta’ dissważjoni fil-punt 1 A tagħha, li jittratta dwar is-serjetà tal-ksur. B’mod iktar speċifiku, ir-raba’ paragrafu ta’ dan il-punt jistabbilixxi li jkun meħtieġ li “tiġi stabbilita l-multa f’livell li jiggarantixxi effett suffiċjentament diswassiv”. F’dan il-każ, fil-premessi 374 u 375 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni mmotivat in-neċessità li tapplika koeffiċjent multiplikatur ta’ 1,25 abbażi tar-rieda li tiżgura effett suffiċjentement dissważiv tal-multa imposta kontra Transcatab waqt li ġie kkunsidrat li hija kienet tappartjeni għal grupp multinazzjonali b’saħħa ekonomika u finanzjarja kunsiderevoli, li jinsab fost in-negozjanti prinċipali tat-tabakk fuq livell dinji, li jopera f’diversi livelli ta’ attività fi ħdan l-industrija tat-tabakk u fi swieq ġeografiċi differenti.

219    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument dwar il-premessa tal-applikazzjoni tal-koeffiċjent multiplikatur, jiġifieri l-attribuzzjoni tar-responsabbiltà tal-ksur lill-kumpannija parent, Alliance One, biżżejjed jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ġie konkluż li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat ġustament li Alliance One kellha titqies bħala koresponsabbli għall-ksur imwettaq minn Transcatab (ara l-ewwel parti tal-ewwel motiv). B’hekk, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

220    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ta’ Transcatab li l-ammont inizjali ta’ EUR 10 miljun huwa dissważiv biżżejjed, għandu jiġi kkonstatat li din bl-ebda mod ma ssostni l-affermazzjoni tagħha li l-ammont tal-multa, kieku ġie stabbilit mingħajr ma ttieħed inkunsiderazzjoni l-koeffiċjent multiplikatur marbut mal-effett dissważiv, kien ikun biżżejjed sabiex jiżgura tali effett tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lafarge vs Il-Kummissjoni, punt 201 iktar ’il fuq, punt 107).

221    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ilment li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-qagħda finanzjarja prekarja tagħha u b’hekk marret kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità billi applikat għaliha l-koeffiċjent multiplikatur, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, skont il-ġurisprudenza, peress li l-objettiv ta’ dissważjoni kien marbut mal-aġir tal-impriżi fi ħdan l-Unjoni, il-fattur ta’ dissważjoni huwa evalwat fid-dawl ta’ għadd ta’ elementi, u mhux biss il-qagħda partikolari tal-impriża kkonċernata (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2009, Itochu vs Il-Kummissjoni, T‑12/03, Ġabra p. II-883, punt 93; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni, C‑289/04 P, Ġabra p. I‑5859, punt 23, u s-sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 189 iktar ’il fuq, punt 300).

222    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, meta tkun qed tiffissa l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tikkunsidra d-defiċit finanzjarju ta’ impriża, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal sabiex jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 327, u tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑308/04 P, Ġabra p. I‑5977, punt 105, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, BST vs Il-Kummissjoni, T‑452/05, Ġabra p. II‑1373, punt 95).

223    Għaldaqstant, Transcatab ma tistax tikkontesta l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur għal finijiet dissważivi billi tibbaża ruħha fuq iċ-ċirkustanza li hija ġarrbet telf matul il-perijodu tal-implementazzjoni tal-akkordju li wassal biex hija ma tibqax attiva fis-suq ikkonċernat mill-akkordju wara l-ftuħ tal-proċedura. Barra minn hekk, fir-rigward tal-appartenenza ta’ Transcatab għal grupp multinazzjonali b’saħħa ekonomika u finanzjarja kunsiderevoli, u tal-attribuzzjoni tar-responsabbiltà lill-kumpannija parent tagħha, l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur għal ammont iffissat skont id-dħul mill-bejgħ globali ta’ dak il-grupp ma tistax titqies li tirrendi l-multa sproporzjonata.

224    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, Transcatab ma pprovatx, la matul il-proċedura amministrattiva u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali, l-affermazzjoni tagħha li hija kellha tiġi stralċata minħabba l-ftuħ mill-Kummissjoni tal-investigazzjoni inkwistjoni u l-multa prevista. Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-fatt li miżura meħuda minn istituzzjoni twassal għall-falliment jew għall-istralċ ta’ impriża partikolari ma huwiex ipprojbit, fih innifsu, mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-likwidazzjoni ta’ impriża taħt is-sura ġuridika tagħha inkwistjoni, għalkemm tista’ tagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-proprjetarji, azzjonisti jew detenturi ta’ ishma, ma tfissirx madankollu li l-elementi personali, materjali u immaterjali rrappreżentati mill-impriża għandhom jitilfu huma wkoll il-valur tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 372, u l-ġurisprudenza ċċitata).

225    Fir-rigward tal-argument dwar ir-rekwiżit supplimentari ta’ dissważjoni għal impriżi li l-produzzjoni tagħhom tkun imsejħa “multiprodotti”, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda referenza għal tali rekwiżit, b’mod li dak l-argument huwa irrilevanti f’dan il-każ. Finalment, fir-rigward tal-argument idderivat mil-linji gwida tal-2006, diġà ġie rrilevat li dawn ma kinux applikabbli għall-fatti li taw lok għal din il-kawża (ara l-punt 201 iktar ’il fuq).

226    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda, u għaldaqstant, it-tieni motiv fit-totalità tiegħu.

3.     Fuq it-tielet motiv, dwar l-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa

 Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, li tallega żieda żbaljata fl-ammont tal-multa abbażi tad-dewmien tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

227    Fl-ewwel lok, Transcatab tikkontesta ż-żieda ta’ 60 % tal-ammont inizjali tal-multa fuq il-bażi tal-konstatazzjoni li l-proċessuri kienu pparteċipaw fi ksur uniku għal terminu ta’ sitt snin u erba’ xhur. Effettivament, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, matul il-perijodu bejn l-1999 u l-2002, l-akkordji konklużi fis-suq Taljan tat-tabakk mhux maħdum kienu, fil-biċċa l-kbira tagħhom, akkordji interprofessjonali konklużi bejn Unitab u APTI. Il-Kummissjoni b’hekk kellha tiddistingwi, fid-determinazzjoni tal-multa, bejn l-aġir li seħħ bejn l-1995 u l-1998 u dak li seħħ bejn l-1999 u l-2002, li għalih ir-responsabbiltà kienet esklużivament ta’ APTI. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess irrilevat li APTI kellha r-responsabbiltà esklużiva għad-deċiżjonijiet tagħha (premessa 253 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, il-Kummissjoni mill-inqas ma kellhiex iżżid il-multa għat-tliet snin inkwistjoni.

228    B’mod partikolari, jirriżulta mill-premessi 152 u 154 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll minn ċerti dokumenti inseriti fil-proċess li, diġà sa mill-1998, il-kuntatti bejn il-proċessuri saru fil-kuntest tal-akkordji interprofessjonali u għall-finijiet li dawn jitħejjew. Dawk il-laqgħat bejn il-proċessuri komplew sussegwentement matul il-perijodu kollu li matulu APTI kienet inkarigata min-negozjar tal-akkordji interprofessjonali ma’ Unitab. Transcatab tirreferi speċifikament għall-premessi 104, 143, 151 sa 153, 158 u 165 tad-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tas-sena 1999, il-premessi 158 u 159 biss tad-deċiżjoni kkontestata ma jikkonċernawx direttament akkordji interprofessjonali. Madankollu, dawn jikkonċernawhom indirettament. Anki wara l-1999 il-kuntatti bejn il-proċessuri dejjem saru fil-kuntest tad-definizzjoni ta’ pożizzjoni komuni li kellha tiġi adottata fi ħdan APTI. Transcatab tiċċita bħala eżempju l-premessi 199 u 212 tad-deċiżjoni kkontestata jew, fil-kuntest tal-objettivi segwiti permezz ta’ Cogentab – l-assoċjazzjoni maħluqa minn APTI u Unitab –, il-premessi 187 sa 189, 191 u 208 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, il-kuntratti li saru bejn il-proċessuri barra mill-akkordji interprofessjonali kienu limitati għal ċerti aspetti tas-suq, u kkonkretizzaw ruħhom prinċipalment f’sempliċi skambji ta’ informazzjoni.

229    Fit-tieni lok, Transcatab ipprovat, fil-kuntest tat-tieni motiv, li l-akkordju ma kellux impatt fis-suq u li ma setax jikkawża preġudizzju lill-konsumaturi. Skont il-linji gwida, l-għan preċiż taż-żieda għall-ksur ta’ żmien twil huwa dak li “jippenalizza realment ir-restrizzjonijiet li pproduċew b’mod dejjiemi l-effetti dannużi tagħhom fir-rigward tal-konsumaturi”. Minn dan jirriżulta li, billi applikat awtomatikament żieda ta’ 10 % fis-sena mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fil-każ konkret, il-Kummissjoni wettqet żball fl-applikazzjoni tal-kriterji li hija stess kienet iffissat għall-kalkolu tal-multa.

230    Il-Kummissjoni titlob li l-argumenti ta’ Transcatab jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Fuq iż-żieda tal-multa abbażi tad-dewmien tal-akkordju

231    Għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew inkella minn aġir kontinwu (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 90 iktar ’il fuq, punt 81). Meta d-diversi azzjonijiet jiffurmaw parti minn pjan ġenerali, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fit-totalità tiegħu (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 258).

232    Barra minn hekk, meta l-akkordji u l-prattiki miftiehma kkonstatati jkunu jifformaw parti, minħabba l-għan identiku tagħhom, minn sistemi ta’ laqgħat regolari, ta’ ffissar tal-miri fir-rigward tal-prezzijiet u tal-kwoti, sistemi li min-naħa tagħhom jiffurmaw parti minn serje ta’ sforzi tal-impriżi inkwistjoni li jsegwu għan ekonomiku wieħed, jiġifieri li jfixklu l-iżvilupp tal-prezzijiet, ikun artifiċjali jekk dan l-aġir kontinwu, ikkaratterizzat minn għan waħdieni, jiġi diviż b’mod li jitqies bħala diversi ċirkustanzi distinti ta’ ksur, meta dan ikun fil-fatt ksur uniku li seħħ b’mod progressiv kemm permezz ta’ diversi akkordji kif ukoll permezz ta’ prattiki miftiehma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BST vs Il-Kummissjoni, punt 222 iktar ’il fuq, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

233    F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt minn Transcatab, li l-prattiki tal-proċessuri taw lok għal ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81(1) KE inkwantu dawn saru fil-kuntest ta’ pjan globali li jiddefinixxi l-aġir fis-suq fir-rigward tax-xiri bi skop antikompetittiv identiku u bl-istess għan ekonomiku, jiġifieri dak li ssir distorsjoni fl-evoluzzjoni normali tal-prezzijiet fis-suq tat-tabakk mhux maħdum u li jiġu kkontrollati l-provvisti permezz tat-tqassim tagħhom. Il-Kummissjoni enfasizzat b’mod partikolari, mingħajr ma Transcatab ikkontestat dan il-punt, li l-akkordju kellu l-istess objettivi matul id-dewmien sħiħ tiegħu u kellu l-istess struttura matul iż-żmien kollu kif ukoll l-istess mekkaniżmi ta’ funzjonament (ara l-premessi 264 sa 269 tad-deċiżjoni kkontestata).

234    Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll, mingħajr ma ġiet ikkontestata f’dan ir-rigward minn Transcatab, li wara l-1999, b’mod parallel mal-koordinazzjoni barra mill-akkordji interprofessjonali, il-proċessuri kkoordinaw ruħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir ta’ APTI u li dik il-koordinazzjoni kienet tikkostitwixxi, matul dawk is-snin, element importanti tal-istrateġija tal-akkordju tal-proċessuri (ara l-premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, it-tħejjija tal-laqgħat ta’ APTI kienet issegwi l-istess għan antikompetittiv bħal dak segwit mill-konklużjoni ta’ akkordji bejn il-proċessuri, jiġifieri li ssir distorsjoni tal-iżvilupp normali tal-prezzijiet fis-suq tat-tabakk mhux maħdum.

235    Fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, anki fl-ipoteżi fejn, kif issostni Transcatab, sa mill-1999, il-laqgħat bejn il-proċessuri kienu biss ta’ natura preliminari u preparatorja għal-laqgħat ta’ APTI, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li l-parteċipazzjoni f’dawk il-laqgħat kienet tidħol fil-kuntest ta’ ksur uniku u kontinwu, inkwantu hija kkonstatat li l-koordinazzjoni bejn il-proċessuri sabiex jiġi ddeterminat l-aġir ta’ APTI kienet tagħmel parti mill-istrateġija tal-akkordju u kienet taqa’ taħt l-istess għan uniku segwit mill-proċessuri qabel l-1999.

236    Għaldaqstant, anki jekk nassumu li, kif issostni Transcatab, wara l-1999 l-azzjonijiet tal-proċessuri kienu biss preliminari u preparatorji għal-laqgħat ta’ APTI, dik iċ-ċirkustanza ma għandha ebda effett fuq id-dewmien tal-ksur, b’mod li l-Kummissjoni, anki f’dan il-każ ipotetiku, setgħet tikkunsidra li l-ksur imwettaq mill-proċessuri dam madwar sitt snin u erba’ xhur. B’hekk, l-ilment ta’ Transcatab li matul il-perijodu bejn l-1999 u 2002 l-aġir tal-proċessuri kien esklużivament ta’ natura preparatorja għall-konklużjoni tal-akkordji interprofessjonali, ma jista’ jkollu ebda effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, u għaldaqstant għandu jitqies bħala irrilevanti.

237    Dik il-konstatazzjoni ma tistax titpoġġa f’dubju mill-argument li l-Kummissjoni kkonstatat li kienet APTI, u mhux il-membri tagħha, li kellha titqies bħala responsabbli għal dak l-aġir (ara l-premessa 253 tad-deċiżjoni kkontestata). Effettivament, l-aġir ta’ APTI kkostitwixxa ksur differenti minn dak imwettaq mill-proċessuri li kien isegwi għan antikompettiv proprju, għalkemm kien jikkoinċidi parzjalment mal-għan antikompetittiv segwit mill-proċessuri (ara l-premessi 270 sa 273 tad-deċiżjoni kkontestata). Dik il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata minn Transcatab.

238    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment huwa infondat ukoll fattwalment.

239    Fl-ewwel lok, Transcatab stess tirrikonoxxi b’mod espliċitu fin-noti ta’ osservazzjonijiet tagħha li, matul il-perijodu kkonċernat, kien hemm kuntatti bejn il-proċessuri “lil hinn mill-akkordji interprofessjonali”, li kkonċernaw “ċerti aspetti tas-suq”, u li fil-kuntest tagħhom kien hemm skambji ta’ informazzjoni sensittiva. Transcatab tafferma wkoll li matul dak il-perijodu “il-biċċa l-kbira” tal-akkordji konklużi fis-suq Taljan tat-tabakk mhux maħdum kienu akkordji interprofessjonali konklużi bejn Unitab u APTI, affermazzjoni li tagħti x’tifhem li, matul dak il-perijodu, kien hemm ukoll akkordji oħrajn bejn il-proċessuri minbarra l-kuntatti dwar l-akkordji interprofessjonali.

240    Fit-tieni lok, mid-deċiżjoni kkontestata u mill-proċess jirriżulta li matul dak il-perijodu, il-kuntatti bejn il-proċessuri marru lil hinn minn sempliċi laqgħat preliminari bil-għan li tiġi adottata linja ta’ aġir komuni fi ħdan APTI għan-negozjar tal-akkordji interprofessjonali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li b’mod konformi mal-legge no 88 sulle norme sugli accordi interprofessionali e sui contratti di coltivazione e vendita dei prodotti agricoli (liġi Nru 88 dwar ir-regolazzjoni tal-akkordji interprofessjonali u tal-kuntratti tal-kultivazzjoni u l-bejgħ tal-prodotti agrikoli), tas-16 ta’ Marzu 1988 (GURI Nru 69, tat-23 ta’ Marzu 1988, iktar ’il quddiem il-“liġi Nru 88/88”), l-akkordji interprofessjonali kienu jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet minimi li kellhom jiddaħħlu fil-kuntratti tal-kultivazzjoni (ara l-premessi 68 u 253 tad-deċiżjoni kkontestata), waqt li l-iskop tal-akkordji bejn il-proċessuri kien ferm usa’, peress li l-akkordju kien jipprevedi b’mod partikolari l-iffissar tal-prezzijiet tal-kunsinna massimi jew medji kif ukoll il-volumi ta’ tabakk li kellhom jinxtraw minn kull proċessur u s-sorsi ta’ provvista korrispondenti (premessa 363 tad-deċiżjoni kkontestata).

241    Minn diversi elementi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata u fil-proċess jirriżulta li, anki sa mill-1999, il-kuntatti bejn il-proċessuri kienu jirrigwardaw suġġett usa’ mis-sempliċi koordinazzjoni tal-pożizzjoni ta’ APTI għall-konklużjoni tal-akkordji interprofessjonali.

242    B’hekk, bħala eżempju, mill-premessa 186 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, f’Ottubru 1999, il-proċessuri kkonkludew akkordju sigriet li l-kontenut u l-forma tiegħu kienu simili ħafna għall-akkordju tal-Villa Grazioli ta’ Settembru 1998 (ara l-premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata). Dak l-akkordju, anness mar-risposta, kien jirrigwarda prinċipalment l-iffissar tal-prezzijiet tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum (Burley u Bright) minn “imballaturi terzi”, li jiġu attribwiti “imballaturi terzi” bi kwantitajiet definiti lil kull proċessur u li jiġu bbojkottjati l-“imballaturi terzi” li ma sseħbux ma’ Cogentab (ara l-premessa 186 tad-deċiżjoni kkontestata).

243    Barra minn hekk, mill-premessi 202 sa 204 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li fl-2000, il-koordinazzjoni bejn il-proċessuri kompliet. Transcatab madankollu b’ebda mod ma turi li dik il-koordinazzjoni kienet tirrigwarda esklużivament il-pożizzjonijiet li kellhom jittieħdu fi ħdan APTI. B’mod kuntrarju, mill-premessa 204 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-proċessuri kienu ltaqgħu fil-21 ta’ Settembru 2000 biex joħolqu mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni bejn il-proċessuri fil-livell tad-diretturi tax-xiri.

244    Mill-premessa 212 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li, fl-14 ta’ Settembru 2001, saret laqgħa bejn il-presidenti u d-diretturi tax-xiri ta’ Deltafina, ta’ Dimon u ta’ Transcatab fejn l-aġenda proposta kienet tinkludi, mhux biss l-akkordju interprofessjonali bejn APTI u Unitab, iżda wkoll ir-relazzjonijiet reċiproċi bejn l-imsemmija impriżi, ix-xiri minn “imballaturi terzi”, ir-relazzjonijiet ma’ Romana Tabacchi kif ukoll l-istrateġiji li kellhom jiġu adottati għall-futur.

245    Dawn l-eżempji kollha juru li, matul il-perijodu bejn l-1999 u l-2002, il-kuntatti bejn il-proċessuri ma kellhomx bħala skop esklużiv l-akkordji interprofessjonali, kif tallega Transcatab, iżda, b’mod kuntrarju, matul dak il-perijodu, l-akkordju bejn il-proċessuri kompla jopera b’mod parallel mal-akkordji interprofessjonali. Barra minn hekk, Transcatab b’ebda mod ma wriet li l-Kummissjoni wettqet żball inkwantu ma kkunsidratx li, matul il-perijodu bejn l-1999 u l-2002, l-aġir tal-proċessuri kien esklużivament ta’ natura preparatorja għall-konklużjoni tal-akkordji interprofessjonali.

246    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-ewwel ilment ta’ Transcatab issollevat fil-kuntest ta’ din il-parti għandu jiġi miċħud.

–       Fuq in-nuqqas ta’ preġudizzju għall-konsumaturi

247    L-argument ta’ Transcatab li jallega żball tal-Kummissjoni fiż-żieda ta’ 10 % fis-sena fir-rigward tan-nuqqas ta’ preġudizzju għall-konsumaturi li jirriżulta mill-ksur huwa infondat kemm legalment kif ukoll fattwalment.

248    Fl-ewwel lok, ma jsitax jiġi dedott la mill-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, u lanqas mit-tielet paragrafu tal-punt 1 B tal-linji gwida, invokati minn Transcatab, li dawn jissoġġettaw iż-żieda minħabba l-ksur ta’ żmien twil għall-ħolqien ta’ effetti dannużi dejjiema fir-rigward tal-konsumaturi. Is-silta tal-linji gwida li għaliha tirreferi Transcatab tiġġustifika f’termini ġenerali l-politika dwar il-multi stabbilita permezz tal-linji gwida, u b’mod partikolari l-emendi meta mqabbla mal-prattika preċedenti. Transcatab b’hekk ma tistax tibbaża l-argument tagħha fuq dik id-dispożizzjoni tal-linji gwida.

249    Fit-tieni lok, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Transcatab, b’ebda mod ma huwa stabbilit li l-akkordju ma kellux impatt fis-suq u, b’hekk, wisq inqas li ma pproduċiex effetti negattivi fuq il-konsumaturi. Fil-fatt, l-informazzjoni invokata minn Transcatab fil-kuntest tat-tieni motiv ma tikkostitwixxix prova ta’ tali nuqqas ta’ effetti, sa fejn setgħet ġiet influwenzata minn fatturi oħrajn (ara, b’mod partikolari, il-punt 168 iktar ’il fuq). Iċ-ċirkustanza li l-akkordju dam bosta snin turi barra minn hekk li l-proċessuri ma kinux tal-fehma li l-akkordju kien inutli u li ma kienx jipproduċi effetti. Il-premessa tal-argument ta’ Transcatab b’hekk hija żbaljata.

250    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda fit-totalità tagħha.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, li tallega ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u nuqqas ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

251    Transcatab tallega ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem mill-Kummissjoni. Hija tgħid li din tal-aħħar stabbilixxiet fid-deċiżjoni kkontestata li r-responsabbiltà tal-konklużjoni tal-akkordji interprofessjonali matul il-perijodu bejn l-1999 u l-2001 kellha tiġi imputata esklużivament lil APTI. Madankollu, billi ma għamlitx distinzjoni bejn il-perijodu bejn l-1995 u l-1998 u dak bejn l-1999 u l-2001, hija żammet lill-proċessuri responsabbli għall-aġir li seħħ fil-kuntest tal-akkordji interprofessjonali, aġir li hija kienet diġà imputat esklużivament lil APTI.

252    F’dan il-każ, il-fatti li bihom ġiet akkużata APTI u dawk li bihom ġiet akkużata Transcatab għall-perijodu bejn l-1999 u l-2002 huma identiċi, inkwantu l-laqgħat bejn il-proċessuri matul dak il-perijodu kienu preliminari għal-laqgħat ta’ APTI. Barra minn hekk, l-awtur tal-ksur huwa identiku, peress li huwa magħruf sew li l-assoċjazzjonijiet professjonali huma l-espressjoni tal-membri tagħhom. B’hekk, il-Kummissjoni ppenalizzat lill-proċessuri darbtejn għall-istess ksur. Dawn ġew ippenalizzati l-ewwel darba bħala membri ta’ APTI u, sussegwentement, individwalment. Minn dan irriżultat l-impożizzjoni ta’ multa eċċessiva għall-proċessuri, kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward.

253    Il-Kummissjoni titlob li jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Transcatab.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

254    Fuq bażi preliminari, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, li huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 4 tal-protokoll Nru 7 tal-konvenzjoni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li huwa rrispettat mill-qrati. Fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, dan il-prinċipju jipprojbixxi li impriża tiġi kkundannata jew li jittieħdu proċedimenti kontriha mill-ġdid mill-Kummissjoni minħabba aġir antikompettitiv li għalih hija ġiet issanzjonata jew li għalih ġiet iddikjarata mhux responsabbli permezz ta’ deċiżjoni finali preċedenti tal-Kummissjoni (is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II‑2597, punti 85 u 86, u Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punti 130 u 131). L‑applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa suġġett għal kundizzjoni tripla ta’ identità tal-fatti, ta’ unità ta’ min jikser il-liġi u ta’ unità tal-interess ġuridiku protett. Dan il-prinċipju b’hekk jipprojbixxi li l-istess persuna tiġi ppenalizzata iktar minn darba għall-istess aġir illeċitu sabiex jiġi protett l-istess interess ġuridiku (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 338, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV et vs Il-Kummissjoni, T‑217/03 u T‑245/03, Ġabra p. II‑4987, punt 340).

255    F’dan il-każ, l-ewwel kundizzjoni, jiġifieri l-identiċità tal-fatti, hija nieqsa. Effettivament, anki jekk nassumu li kien hemm ċerta sovrapożizzjoni bejn parti mid-diversi azzjonijiet antikompetittivi li bihom huma akkużati l-proċessuri, b’mod partikolari l-koordinazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-aġir ta’ APTI (premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata), u l-aġir li bih hija akkużata APTI, jiġifieri d-determinazzjoni tal-pożizzjoni li hija kellha tadotta matul in-negozjati dwar il-prezzijiet għall-finijiet tal-konklużjoni tal-akkordji interprofessjonali ma’ Unitab (premessi 253 u 254 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi kkonstatat li dawn huma żewġ azzjonijiet differenti. Effettivament, il-koordinazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni hija differenti mill-adozzjoni tad-deċiżjoni per se.

256    Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, il-koordinazzjoni bejn il-proċessuri sabiex jiġi ddeterminat l-aġir ta’ APTI kellha ssir fl-iktar strateġija wiesgħa tal-akkordju tal-proċessuri, li tiegħu kienet tikkostitwixxi element importanti (ara l-premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet, b’mod ċar u preċiż, li APTI u l-proċessuri ġew ippenalizzati għal ksur differenti (ara, għal APTI, il-premessi 253, 254 u 270 sa 273 u, għall-proċessuri, il-premessi 240 sa 252 kif ukoll 264 sa 269 tad-deċiżjoni kkontestata).

257    B’hekk, Transcatab ma tistax targumenta li f’dan il-każ hemm identiċità bejn il-fatti allegati kontra l-proċessuri u dawk allegati kontra APTI.

258    Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, jiġifieri l-identiċità tal-awturi tal-ksur, għandu jiġi kkonstatat li din ukoll hija nieqsa f’dan il-każ. Effettivament, għalkemm Transcatab hija membru ta’ APTI, dawn huma żewġ entitajiet differenti, inkwantu APTI għandha personalità ġuridika, skop u objettivi proprji, indipendenti u distinti minn dawk ta’ Transcatab (ara, f’dan is-sens, is-sentenza FNCBV et vs Il-Kummissjoni, punt 254 iktar ’il fuq, punt 128).

259    Isegwi li, f’dan il-każ, kemm l-identiċità tal-fatti kif ukoll ta’ min wettaq il-ksur huma nieqsa, inkwantu d-deċiżjoni kkontestata ma tissanzjonax ripetutament lill-istess entitajiet jew lill-istess persuni għall-istess fatti. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma ġiex ippreġudikat.

260    Rigward l-ilment dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, inkwantu l-aġir li bih huma akkużati l-proċessuri u dak li bih hija akkużata APTI kienu aġir differenti mwettqa minn entitajiet ġuridiċi differenti, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tipprovdi motivazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma għamlitx konfużjoni bejn ir-responsabbiltà ta’ APTI u dik tal-proċessuri. B’mod partikolari, b’mod konformi mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 174 iktar ’il fuq, il-premessi ċċitati fil-punt 256 iktar ’il fuq juru b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, u b’hekk jippermettu lil Transcatab li tkun taf il-ġustifikazzjonijiet għall-miżura meħuda fil-konfront tagħha u lill-Qorti Ġenerali biex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

261    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, din il-parti għandha tiġi miċħuda fit-totalità tagħha.

 Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv, li tallega ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

 L-argumenti tal-partijiet

262    Fuq bażi sussidjarja, Transcatab targumenta li l-proċessuri, billi kkuntrattaw mal-operaturi agrikoli, ġew konvinti li jibqgħu fil-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u, b’mod partikolari, tal-liġi Nru 88/88 u tal-akkordji interprofessjonali. F’dak li jirrigwarda l-akkordji interprofessjonali, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-qafas ġuridiku applikabbli seta’ jiġġenera grad ta’ inċertezza kunsiderevoli fir-rigward tal-legalità tal-prattiki ta’ APTI. Għal dik ir-raġuni, hija imponiet fuq APTI multa simbolika ta’ EUR 1 000 biss. Transcatab tistaqsi dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-istess raġunament fil-każ tagħha, minkejja l-għadd kbir ta’ provi li jistabbilixxu li l-aġir inkwistjoni tal-proċessuri fis-snin 1999 sa 2002 kien jirreferi kważi esklużivament għal prekuntratti bil-għan li tiġi ddefinita pożizzjoni komuni fi ħdan APTI. Hija ssostni li l-evalwazzjoni differenti tal-aġir ta’ APTI u dak ta’ Transcatab tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

263    Il-Kummissjoni titlob li jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Transcatab.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

264    Għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 202 iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm dak it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

265    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kif diġà ġie kkonstatat fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv (ara l-punt 256 iktar ’il fuq), il-proċessuri u APTI ġew ippenalizzati għal ksur differenti (ara, rispettivament, il-premessi 240 sa 252, 253 u 254 tad-deċiżjoni kkontestata).

266    F’dak li jirrigwarda speċifikament il-perijodu li jibda fl-1999, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-proċessuri ġew ippenalizzati għal serje ta’ azzjonijiet antikompetittivi fi ħdan l-istess strateġija ta’ akkordju li kienet bdiet sew qabel l-1999. Il-proċessuri b’hekk ġew ippenalizzati kemm għall-koordinazzjoni tal-prezzijiet tagħhom barra mill-akkordji interprofessjonali kif ukoll għall-attività parallela ta’ koordinazzjoni bil-għan li jiġi ddeterminat l-aġir ta’ APTI (ara, b’mod partikolari, il-premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata).

267    Min-naħa l-oħra, APTI nżammet responsabbli biss għall-aġir marbut mal-konklużjoni tal-akkordji interprofessjonali. Il-Kummissjoni kkunsidrat li APTI ma setgħetx tinżamm responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu tal-proċessuri, inkwantu l-fajl tal-Kummissjoni ma kien jinkludi l-ebda element li jindika li dik l-assoċjazzjoni kienet assoċjat ruħha ma’ pjan globali stabbilit mill-proċessuri bil-għan li jiġi kkoordinat l-aġir kollu tagħhom fil-qasam tax-xiri u li hija kienet taf dwar dan (ara l-premessi 270 u 271 tad-deċiżjoni kkontestata).

268    Fit-tieni lok, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, anki wara l-1999, il-portata tal-akkordju bejn il-proċessuri kienet tmur ferm lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi Nru 88/88 (ara wkoll il-punti 240 sa 245 iktar ’il fuq). Transcatab b’hekk ma tistax targumenta li l-qafas legali ġġustifika l-applikazzjoni għall-proċessuri ta’ multa simbolika bħal dik li ġiet imposta kontra APTI (ara, f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 298 sa 311 iktar ’il quddiem).

269    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li s-sitwazzjoni tal-proċessuri, u b’mod partikolari ta’ Transcatab, u dik ta’ APTI fir-rigward tal-ksur relatat mal-perijodu bejn l-1999 u l-2002 ma humiex paragunabbli. Għaldaqstant, Transcatab ma tistax tallega ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

270    Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud fl‑intier tiegħu.

4.     Fuq ir-raba’ motiv, dwar ċerti ċirkustanzi attenwanti

 Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv, dwar iċ-ċirkustanza attenwanti bbażata fuq in-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-akkordju

 L-argumenti tal-partijiet

271    Transcatab takkuża, fl-ewwel lok, lill-Kummissjoni talli ma tathiex il-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti, prevista fit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-akkordji jew tal-prattiki li jikkostitwixxu ksur. Hija ssostni li diġà wriet fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv li l-proċessuri ma kinux implementaw il-biċċa l-kbira tal-akkordji tagħhom. Dik il-konstatazzjoni tirriżulta min-nuqqas ta’ effetti ta’ dawk l-akkordji fis-suq.

272    Il-Kummissjoni titlob li jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Transcatab.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

273    Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, iċ-ċirkustanza attenwanti prevista fit-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-akkordji jew tal-prattiki li jikkostitwixxu ksur, tistrieħ fuq l-aġir partikolari ta’ kull impriża. Minn dan jirriżulta li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ dik iċ-ċirkustanza attenwanti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux l-effetti li jirriżultaw mill-ksur kollu li għandhom jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tal-impatt konkret ta’ ksur fis-suq għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tiegħu (l-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida), iżda l-aġir individwali ta’ kull impriża, għall-finijiet li tiġi eżaminata s-serjetà tal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża fil-ksur (sentenzi Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, punt 384, u Gütermann u Zwicky vs Il‑Kummissjoni, punt 146 iktar ’il fuq, punt 178).

274    Minn dan isegwi li Transcatab ma tistax tallega żball tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni taċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni abbażi tan-nuqqas ta’ impatt konkret tal-ksur fuq il-prezzijiet.

275    Fit-tieni lok u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi mfakkar ukoll li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jibbenefikaw mit-tieni inċiż tal-Punt 3 tal-Linji gwida, dawk li wettqu l-ksur għandhom juru li huma adottaw komportament kompetittiv jew, għall-inqas, li huma kisru, b’mod ċar u b’mod kunsiderevoli, l-obbligi intiżi sabiex jiġi implementat l-akkordju, sal-punt li fixklu l-funzjonament tiegħu, u li ma jkunux taw l-impressjoni li aderixxew mal-ftehim u, minħabba f’hekk, ħeġġew lil impriżi oħra jimplementaw l-akkordju inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punt 292, u f’dan is-sens, tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, T‑26/02, Ġabra p. II‑713, punt 113).

276    Issa, f’dan il-każ, Transcatab ma tallegax li opponiet b’mod ċar u kunsiderevoli l-implementazzjoni tal-akkordju inkwistjoni, b’tali mod li fixklet il-funzjonament tiegħu. Għaldaqstant, hija ma tistax tallega żball tal-Kummissjoni inkwantu ma tathiex il-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni.

277    Finalment, għandu jiġi kkonstatat ukoll, minn naħa waħda, li l-Kummissjoni stabbilixxiet, fil-premessa 383 tad-deċiżjoni kkontestata li l-akkordju ġie implementat u, min-naħa l-oħra li, billi hija stess sostniet li l-“biċċa l-kbira” tal-akkordji ma ġewx implementati, Transcatab tammetti li l-akkordji inkwistjoni ġew implementati, mill-inqas parzjalment (ara l-punt 239 iktar ’il fuq).

278    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, dwar iċ-ċirkustanza attenwanti bbażata fuq il-waqfien tal-attivitajiet inkwistjoni qabel l-intervent tal-Kummissjoni

 L-argumenti tal-partijiet

279    Transcatab takkuża lill-Kummissjoni li ma tathiex il-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti, prevista fit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, ibbażata fuq il-waqfien tal-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni.

280    Fl-ewwel lok, il-linji gwida b’ebda mod ma jorbtu l-applikazzjoni ta’ dik iċ-ċirkustanza attenwanti ma’ kemm ikun serju l-ksur, b’hekk illi dik iċ-ċirkustanza attenwanti tiġi applikata anki f’każijiet ta’ ksur serju u serju ħafna. Fit-tieni lok, wara l-ewwel interventi tal-Kummissjoni, Transcatab ma wettqet ebda azzjoni li tista’ tikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni injorat il-partikolaritajiet tas-settur tat-tabakk mhux maħdum. Fir-raba’ lok, in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dik iċ-ċirkustanza attenwanti tirriżulta minn devjazzjoni mill-ġurisprudenza dwar il-multi stabbilita mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni (T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra). Dik id-devjazzjoni ġurisprudenzjali, li saret wara l-bidu tal-proċedura, tmur kontra l-aspettattivi leġittimi ta’ Transcatab, li kienet tistenna li ser tikseb tnaqqis tal-multa peress li temmet l-aġir illeċitu tagħha sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni.

281    Il-Kummissjoni titlob li l-argumenti ta’ Transcatab jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

282    Għandu jiġi mfakkar li b’mod konformi mat-tielet inċiż tal-punt 3 tal-Linji Gwida, l-ammont bażiku tal-multa ffissat mill-Kummissjoni jista’ jitnaqqas meta l-impriża akkużata twaqqaf il-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni.

283    Madankollu, skont il-ġurisprudenza, tnaqqis tal-multa minħabba l-waqfien ta’ ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni ma jistax ikun awtomatiku, iżda jiddependi fuq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ mill-Kummissjoni, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara s-sentenza Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 147 iktar ’il fuq, punt 228, u l-ġurisprudenza ċċitata). Iċ-ċirkustanzi tal-każ b’hekk jistgħu jwasslu lill-Kummissjoni biex ma tagħtix tali tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa lil impriża li tkun parti minn akkordju illeċitu (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, punt 162 iktar ’il fuq, punt 148).

284    B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li jekk jiġi rrikonoxxut il-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti f’sitwazzjonijiet fejn impriża tkun parti minn akkordju manifestament illegali, li hija kienet taf bih jew li ma setgħetx ma tkunx taf li kien jikkostitwixxi ksur, dan jista’ jħeġġeġ lill-impriżi jidħlu f’akkordju sigriet għall-itwal żmien possibbli, bit-tama li l-imġiba tagħhom ma tinkixef qatt, filwaqt li jkunu jafu li jekk jinkixfu, huma jistgħu jkollhom il-multa mnaqqsa billi jwaqqfu l-ksur. Tali rikonoxximent ineħħi kull effett dissważiv tal-multa imposta u jkun ta’ ħsara għall-effett utli tal-Artikolu 81(1) KE (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, punt 162 iktar ’il fuq, punt 149). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali diġà kkunsidrat espressament li l-waqfien minn ksur imwettaq intenzjonalment ma għandux jiġi meqjus bħala ċirkustanza attenwanti meta din tkun ġiet iddeterminata bl-intervent tal-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Ensidesa vs Il-Kummissjoni, T‑157/94, Ġabra p. II‑707, punt 498, u Wieland‑Werke et vs Il-Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq, punt 229).

285    F’dan il-każ, il-ksur inkwistjoni kien relatat ma’ akkordju sigriet li kellu bħala skop, b’mod partikolari, l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tal-fornituri u tal-kwantitajiet li għandhom jinxtraw. Kif ġie rrilevat fil-punt 137 iktar ’il fuq, dak it-tip ta’ akkordju huwa pprojbit espressament mill-Artikolu 81(1)(a) u (b) KE u jikkostitwixxi ksur ikkwalifikat mill-ġurisprudenza bħala partikolarment serju peress li għandu effett dirett fuq il-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat. Barra minn hekk, f’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 170 iktar ’il fuq, il-proċessuri xjentement wettqu aġir illeċitu li għalih huma kienu ġew ippenalizzati u qablu f’diversi okkażjonijiet dwar miżuri intiżi li jiżguraw l-implementazzjoni effettiva tal-akkordju.

286    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 283 u 284 iktar ’il fuq, Transcatab ma tistax issostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta ma applikatx għaliha ċ-ċirkustanza attenwanti invokata.

287    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti speċifiċi mqajma minn Transcatab.

288    Effettivament, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, iċ-ċirkustanza li Transcatab ma wettqet ebda aġir illegali wara l-ewwel interventi tal-Kummissjoni ma jfissirx li hija kienet obbligata li tapplika ċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni. Barra minn hekk, il-partikolaritajiet tas-settur, bħan-nuqqas ta’ preċedenti invokat minn Transcatab u r-regolamentazzjoni tiegħu, għalkemm jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti oħrajn (ara, b’mod partikolari, it-tielet u l-ħames partijiet ta’ dan il-motiv), madankollu ma jikkostitwixxux elementi rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni taċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni.

289    Rigward, fl-aħħar nett, l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jitfakkar li, kif issemma fil-punt 208 iktar ’il fuq, skont il-ġurisprudenza, id-dritt li jiġi invokat dak il-prinċipju jeħtieġ li jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, għandhom ikunu ngħataw garanziji preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, lill-persuna kkonċernata mill-amministrazzjoni. It-tieni nett, dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu ta’ natura li jnisslu aspettattivi leġittimi fir-rigward ta’ dak li lilu jkunu indirizzati. It-tielet nett, l-assigurazzjonijiet mogħtija għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 208 iktar ’il fuq).

290    F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi rrilevat li l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex sodisfatta f’dan il-każ, peress li Transcatab ma tista’ tinvoka ebda assigurazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjoni u konkordanti min-naħa tal-Kummissjoni, li hija kienet ser tikseb tnaqqis tal-multa billi ttemm l-aġir illeċitu tagħha sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni.

291    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni qieset, fil-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, li ċerti elementi jikkostitwixxu ċirkustanzi attenwanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ma jimplikax li hija obbligata tagħti l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni sussegwenti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T‑347/94, Ġabra p. II‑1751, punt 368, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq, punt 337). Għaldaqstant, Transcatab ma tistax tibni argument fuq il-fatt li dik iċ-ċirkustanza attenwanti ġiet applikata f’każijiet oħrajn ta’ ksur. Barra minn hekk, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 280 iktar ’il fuq, li għaliha tagħmel referenza l-premessa 382 tad-deċiżjoni kkontestata, ma tikkostitwixxi ebda devjazzjoni ġurisprudenzjali, inkwantu, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kienet diġà kkunsidrat espressament, qabel dik is-sentenza, li l-waqfien volontarju ta’ ksur ma jistax jitqies bħala ċirkustanza attenwanti meta dan ikun ġie ddeterminat mill-intervent tal-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Aristrain vs Il-Kummissjoni, T‑156/94, Ġabra p. II‑645, punt 138, u Ensidesa vs Il-Kummissjoni, punt 284 iktar ’il fuq, punt 498). Minn dan isegwi li Transcatab ma tistax tinvoka aspettattiva leġittima f’dan ir-rigward.

292    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tar-raba’ motiv, dwar iċ-ċirkustanza attenwanti bbażata fuq l-eżistenza ta’ dubju raġonevoli dwar in-natura li tikkostitwixxi ksur tal-aġir inkwistjoni

293    Fil-kuntest ta’ din il-parti, Transcatab essenzjalment tqajjem żewġ ilmenti. Minn naħa waħda, hija tallega li sar żball inkwantu l-Kummissjoni ma applikatx iċ-ċirkustanza attenwanti bbażata fuq l-eżistenza ta’ dubju raġonevoli dwar in-natura li tikkostitwixxi ksur tal-aġir inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, hija tallega li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’relazzjoni mal-każ Tabakk mhux maħdum – Spanja.

 Fuq l-eżistenza ta’ dubju raġonevoli dwar in-natura li tikkostitwixxi ksur tal-aġir inkwistjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

294    Transcatab issostni li l-eżistenza ta’ kuntest ġuridiku Ewropew u nazzjonali konfuż ħoloq dubju raġonevoli dwar in-natura li tikkostitwixxi ksur tal-aġir tal-proċessuri tat-tabakk mhux maħdum u ta’ APTI fl-Italja. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kien imissha applikat iċ-ċirkustanza attenwanti prevista fit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida u, mill-inqas, kien imissha naqqset il-multa imposta kontra l-proċessuri individwali. Hija ssostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx iċ-ċaħda tat-talba għall-għoti ta’ dik iċ-ċirkustanza attenwanti ppreżentata minn Transcatab.

295    B’mod partikolari, Transcatab targumenta li r-Regolament tal-Kunsill Nru 26 tal-4 ta’ April 1962 li japplika ċerti regoli tal-kompetizzjoni għall-produzzjoni u l-kummerċ ta’ prodotti agrikoli (ĠU 1962, 30, p. 993), jipprovdi, taħt ċerti kundizzjonijiet, eżenzjoni għall-akkordji li huma meħtieġa għall-kisba tal-objettivi ddikjarati fl-Artikolu 33 KE. L-akkordji bejn il-proċessuri ġew meqjusa bħala neċessarji biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 33 KE. Effettivament, dawk l-akkordji kienu neċessarji biex jiġi żgurat l-iżvilupp razzjonali tal-produzzjoni agrikola u biex jiġi stabbilizzat u jinżamm ħaj is-suq Taljan. Il-funzjoni tagħhom kienet li jiġi limitat id-dħul tal-intermedjarji mingħajr ma jitnaqqas, iżda anzi jiżdied, dak tal-operaturi agrikoli. Transcatab issostni li hija ressqet prova li, meta jitqies il-kuntest fattwali tal-każ, l-akkordji bejn il-proċessuri kienu intiżi biex jintlaħqu l-objettivi ddikjarati fl-Artikolu 33 KE. Dawn il-kunsiderazzjonijiet kif ukoll l-interventi l-oħrajn tal-Unjoni fis-settur tat-tabakk ħolqu dubju raġonevoli f’moħħ il-proċessuri dwar il-kompatibbiltà tal-aġir inkwistjoni mar-regoli tal-kompetizzjoni.

296    Skont Transcatab, ir-regolamentazzjoni nazzjonali, b’mod partikolari l-liġi Nru 88/88, kienet ukoll ta’ natura li tiġġenera grad ta’ inċertezza kunsiderevoli dwar il-legalità tal-aġir inkwistjoni. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kien imissha rrikonoxxiet dik iċ-ċirkustanza għall-proċessuri kif hija għamlet għal APTI u għal Unitab, li kontrihom imponiet penali simbolika ta’ EUR 1 000.

297    Il-Kummissjoni titlob li jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Transcatab.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

298    Fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li din il-kawża tittratta dwar il-parteċipazzjoni f’akkordju orizzontali, li l-membri tiegħu żammew sigriet għal bosta snin, b’mod partikolari dwar id-determinazzjoni tal-prezzijiet. B’hekk dan huwa ksur manifest u serju ħafna tal-Artikolu 81 KE. Barra minn hekk, fir-rigward tal-impriża inkwistjoni, din hija wieħed mill-proċessuri Taljani tat-tabakk mhux maħdum li tappartjeni għal wieħed mill-ikbar gruppi ta’ negozjanti indipendenti ta’ weraq tat-tabakk fid-dinja. Din b’hekk hija impriża li kellha riżorsi materjali u intellettwali li jippermettulha tevalwa l-karatteristiċi tal-ambjent regolatorju tagħha u l-karatteristiċi li setgħu jirriżultaw, f’dan ir-rigward, mill-aġir tagħha, b’mod partikolari mill-perspettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies b’mod raġonevoli li Transcatab seta’ kellha dubji dwar in-natura li tikkostitwixxi ksur tal-aġir tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, punt 406, u Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 147 iktar ’il fuq, punt 229).

299    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, speċifikament ir-Regolament Nru 26 invokat minn Transcatab, għandu jiġi rrilevat li dak ir-regolament, u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, jistabbilixxi deroga mill-applikabbiltà tal-Artikolu 81(1) KE, għall-akkordji, id-deċiżjonijiet u l-prattiki dwar il-produzzjoni jew il-kummerċ tal-prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat KE, fosthom b’mod partikolari t-tabakk mhux maħdum, li jifformaw parti integrali minn organizzazzjoni nazzjonali tas-suq u li huma neċessarji għall-kisba tal-objettivi ddikjarati fl-Artikolu 33 KE.

300    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, peress li jikkonsisti f’deroga mir-regola ta’ applikazzjoni ġenerali tal-Artikolu 81(1) KE, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 26 għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 26, li jipprovdi l-eċċezzjoni invokata, tapplika biss jekk l-akkordju inkwistjoni jkun jippromwovi l-kisba tal-objettivi kollha tal-Artikolu 33 KE. Finalment, kif jirriżulta mit-test innifsu tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 26, l-akkordju inkwistjoni għandu jkun “neċessarju” għall-kisba tal-imsemmija objettivi (ara s-sentenza FNCBV et vs Il-Kummissjoni, punt 254 iktar ’il fuq, punt 199, u l-ġurisprudenza ċċitata).

301    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 303 sa 313 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eskludiet espliċitament l-applikazzjoni, f’din il-kawża, tad-derogi mill-Artikolu 81(1) KE, previsti mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 26. Transcatab la tikkontesta din l-analiżi u lanqas il-konklużjoni li għaliha tasal il-Kummissjoni, iżda sempliċement targumenta li r-regolament inkwistjoni ħolqilha dubju raġonevoli li l-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni.

302    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 26 jipprovdi fl-Artikolu 2(2) u (3) proċedura speċifika li tippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata għal liema akkordji jistgħu jiġu applikati d-derogi previsti fil-paragrafu 2. Dik il-proċedura tipprevedi, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Istati Membri u mal-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati.

303    Ma hemm xejn fil-proċess li jindika li l-akkordji bejn il-proċessuri ġew innotifikati lill-Kummissjoni biex tinkiseb eżenzjoni fil-kuntest ta’ dik il-proċedura speċifika. Barra minn hekk, Transcatab ma ssostnix li dawk l-akkordji ġew innotifikati lill-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, jirriżulta espressament minn ċerti noti meħuda matul il-laqgħa ta’ APTI tal-4 ta’ April 2002 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq) mir-rappreżentanti ta’ Dimon Italia li dawk l-akkordji ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni, ċirkustanza li ma hijiex ikkontestata minn Transcatab. Fin-nuqqas ta’ notifika u proċedura formali, Transcatab ma tistax targumenta li l-proċessuri kellhom dubju dwar il-possibbiltà li l-akkordji tagħhom jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista mir-Regolament Nru 26. Barra minn hekk, f’sistema bħal dik prevista mir-Regolament Nru 26, huwa eskluż li operaturi privati jistgħu jippretendu li jissostitwixxu l-evalwazzjoni tagħhom għal dik tal-Kummissjoni dwar l-iktar mezzi xierqa biex jinkisbu l-objettivi ffissati mill-Artikolu 33 KE u li b’hekk jieħdu inizjattivi illegali li jkunu ġġustifikati miċ-ċirkustanza li huma jsegwu dawk l-objettivi.

304    Fit-tielet lok, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-għan tal-akkordju kien, sa mill-bidu, kjarament antikompetittiv (ara, pereżempju, il-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata). Ma jirriżultax miċ-ċirkustanzi tal-każ, u barra minn hekk Transcatab ma tressaq ebda prova, li l-proċessuri riedu jsegwu l-objettivi ffissati fl-Artikolu 33 KE permezz ta’ akkordji illeċiti.

305    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-prodotti agrikoli tifforma parti mill-għanijiet tal-politika agrikola komuni u tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq inkwistjoni (ara l-premessa 311 tad-deċiżjoni kkontestata u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2003, Milk Marque u National Farmers’ Union, C‑137/00, Ġabra p. I‑7975, punt 57). B’hekk, Transcatab ma tistax issostni li akkordji manifestament antikompetittivi, bħall-akkordju bejn il-proċessuri f’dan il-każ, kienu jsegwu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 33(1) KE.

306    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi konkluż li Transcatab ma tistax targumenta b’mod validu li r-Regolament Nru 26 ħolqilha dubji raġonevoli dwar in-natura li tikkostitwixxi ksur tal-akkordju inkwistjoni.

307    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, ir-regolamentazzjoni nazzjonali, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 323 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-akkordju tal-proċessuri jinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi Nru 88/88 inkwantu dan essenzjalment kien jiffissa l-prezzijiet tal-kunsinna massimi jew minimi u kien iqassam il-kwantitajiet u l-fornituri waqt li l-għan tal-imsemmija liġi kien li tiggarantixxi prezzijiet minimi għall-bdiewa.

308    B’hekk, inkwantu l-attivitajiet tal-akkordju ma kinux koperti mir-regolamentazzjoni nazzjonali, il-proċessuri ma jistax ikollhom dubju dwar in-natura li tikkostitwixxi ksur tal-aġir tagħhom fuq il-bażi ta’ dik ir-regolamentazzjoni.

309    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 298 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta ma tatx tnaqqis tal-multa abbażi taċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni.

310    Rigward l-ilment imressaq fir-replika, dwar l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward taċ-ċaħda taċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni, għandu jiġi mfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li, għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata, skont l-Artikolu 253 KE, tagħti motivazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħha billi ssemmi l-punti ta’ fatt li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni u l-kunsiderazzjonijiet li wassluha biex tieħu din id-deċiżjoni, din id-dispożizzjoni ma teżiġix li l-Kummissjoni tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt li jkunu ġew indirizzati matul il-proċedura amministrattiva (sentenza Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 173 iktar ’il fuq, punti 14 u 15, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Fiskeby Board vs Il-Kummissjoni, T‑319/94, Ġabra p. II‑1331, punt 127).

311    B’hekk, ebda argument ma jista’ jinsilet mill-fatt li, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għaċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni ma tatx spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet għalfejn hija dehrilha li ma setgħetx taċċetta wħud mill-elementi invokati fuq din il-bażi minn Transcatab fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 303 sa 324 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni analizzat l-impatt kemm tar-Regolament Nru 26 kif ukoll tar-regolamentazzjoni nazzjonali.

 Fuq it-trattament differenti meta mqabbel mal-każ Tabakk mhux maħdum – Spanja

–       L-argumenti tal-partijiet

312    Transcatab issostni li n-nuqqas ta’ applikazzjoni mill-Kummissjoni taċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni f’kuntest ġuridiku daqstant konfuż bħal dak f’dan il-każ ħoloq differenza kbira fit-trattament mogħti lill-proċessuri Taljani u dak mogħti lill-proċessuri Spanjoli. Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward hija manifestament illoġika peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerti kunsiderazzjonijiet adottati fil-każ Tabakk mhux maħdum – Spanja, li kien ferm simili għal dan il-każ. B’mod partikolari, fil-każ Spanjol, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kuntest ġuridiku u l-aġir tal-gvern kienu ta’ natura li joħolqu inċertezza li kienet tiġġustifika tnaqqis ta’ 40 % tal-multa mhux biss għall-assoċjazzjonijiet professjonali, iżda wkoll fir-rigward tal-proċessuri individwali.

313    Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, f’sitwazzjoni prattikament identika, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-akkordju tal-proċessuri kien jaqa’ totalment taħt l-Artikolu 81 KE, inkwantu essenzjalment kien intiż li jiffissa l-prezzijiet ta’ kunsinna massimi jew medji, waqt li l-liġi Nru 88/88 kienet tistabbilixxi prezzijiet minimi. Madankollu, fil-każ Tabakk mhux maħdum – Spanja, il-liġi wkoll kienet tipprevedi unikament l-iffissar ta’ prezzijiet minimi.

314    Il-Kummissjoni titlob li jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Transcatab.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

315    Permezz ta’ dan l-ilment, Transcatab tallega li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, inkwantu f’każ analogu għall-każ preżenti, b’mod partikolari l-każ Tabakk mhux maħdum – Spanja, il-Kummissjoni applikat iċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni fir-rigward tal-proċessuri.

316    F’dan ir-rigward, fil-punti 202 u 264 iktar ’il fuq diġà ġie mfakkar li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, ħlief jekk dak it-trattament ikun iġġustifikat oġġettivament.

317    F’dan il-każ, paragun bejn iż-żewġ deċiżjonijiet inkwistjoni għal dak li jirrigwarda l-effett tal-qafas regolatorju nazzjonali fuq il-prattiki kkontestati juri li ż-żewġ sitwazzjonijiet kienu kkaratterizzati minn differenzi notevoli. B’mod partikolari, mill-premessi 52 et seq, 349 et seq, 426 sa 429, 437, u 438 tad-deċiżjoni dwar il-każ Tabakk mhux maħdum – Spanja, jirriżulta li fi Spanja, l-awtoritajiet pubbliċi kellhom rwol importanti fin-negozjati tal-akkordji bejn produtturi u proċessuri. Dawn huma negozjati kkwalifikati bħala “pubbliċi”. Fi Spanja, kien hemm ukoll “prattika ministerjali li tawtorizza u tħeġġeġ lill-partijiet biex jinnegozjaw kollettivament il-kundizzjonijiet tax-xiri u tal-bejgħ tat-tabakk, inklużi l-prezzijiet” (premessa 60 tad-deċiżjoni fil-każ Tabakk mhux maħdum – Spanja). Il-Kummissjoni kkonkludiet li “in-negozjati pubbliċi bejn ir-rappreżentanti tal-produtturi u l-proċessuri [kienu] ddeterminaw, mill-inqas sa ċertu grad, il-qafas materjali (b’mod partikolari fir-rigward tal-okkażjonijiet biex jintlaħaq ftehim u tiġi adottata pożizzjoni komuni) li fih il-proċessuri setgħu jiżviluppaw, minbarra l-pożizzjoni komuni li huma adottaw fil-kuntest tan-negozjati pubbliċi, l-istrateġija sigrieta tagħhom dwar il-prezzijiet tal-kunsinna medji (massimu) u l-kwantitajiet” (premessa 438 tad-deċiżjoni fil-każ Tabakk mhux maħdum – Spanja). Essenzjalment, huwa għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni tat tnaqqis ta’ 40 % tal-ammont bażiku tal-multi imposti fuq il-proċessuri Spanjoli.

318    Għandu jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet pubbliċi ma żvolġewx dan ir-rwol fin-negozjati bejn il-proċessuri u l-produtturi f’dan il-każ.

319    Transcatab b’hekk ma tistax issostni li, billi ma applikatx għaliha ċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

320    Finalment, fir-rigward tal-argument li jallega motivazzjoni illoġika, għandu jiġi kkonstatat li Transcatab sempliċement għamlet referenza ferm ġenerali għad-deċiżjoni fil-każ Tabakk mhux maħdum – Spanja, mingħajr ma ppreċiżat liema kienu l-kunsiderazzjonijiet li ma ġewx meqjusa fid-deċiżjoni kkontestata u li jagħmlu l-motivazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni illoġika.

321    Għalhekk, hemm lok li t-tielet parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

 Fuq ir-raba’ parti tar-raba’ motiv, dwar iċ-ċirkustanza attenwanti bbażata fuq il-kollaborazzjoni effettiva ta’ Transcatab matul il-proċedura

 L-argumenti tal-partijiet

322    Transcatab targumenta, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni kellha tapplika fil-konfront tagħha ċ-ċirkustanza attenwanti prevista fis-sitt inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida dwar il-kollaborazzjoni effettiva tal-impriża fil-proċedura barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Hija ssostni li l-kollaborazzjoni tagħha mal-Kummissjoni kienet totali matul il-proċedura u marret lil hinn mill-kollaborazzjoni meħtieġa fil-qafas tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Hija tirreferi speċifikament għad-dikjarazzjonijiet spontanji tad-direttur ġenerali tagħha u tad-direttur tax-xiri tagħha dwar il-funzjonament tal-akkordju kif ukoll għall-evalwazzjoni pożittiva tal-kooperazzjoni tagħha li ngħatat mill-uffiċjali tal-Kummissjoni li wettqu l-verifika. Barra minn hekk, f’diversi każijiet preċedenti, il-Kummissjoni kienet diġà naqqset l-ammont inizjali tal-multa li hija kien beħsiebha timponi, wara li kkunsidrat l-attitudni kooperattiva tal-impriża.

323    Fit-tieni lok, Transcatab targumenta li, peress li ma applikatx fir-rigward tagħha l-imsemmija ċirkustanza attenwanti, u peress li min-naħa l-oħra applikatha għal Deltafina, il-Kummissjoni marret kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Hija tgħid li l-Kummissjoni tat lil Deltafina tnaqqis ta’ 50 % għall-kooperazzjoni tagħha wara li kkunsidrat il-fatt li ma kien ingħatalha ebda tnaqqis tal-multa fis-sens tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Deltafina ma rrispettatx l-obbligi tagħha ta’ kooperazzjoni li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. B’hekk, impriża li ma rrispettatx l-obbligu ta’ kooperazzjoni tagħha kisbet tnaqqis ikbar tal-multa tagħha minn dak miksub minn Transcatab, li, għall-kuntrarju, ikkooperat b’mod kostanti u ferm iktar importanti minn dak li kien strettament meħtieġ. Tali attitudni ġġib fix-xejn l-effett ta’ inċentiv tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

324    Skont Transcatab, il-fatt li Deltafina xjentement kisret l-obbligu ta’ kooperazzjoni tagħha ma jagħmilx is-sitwazzjoni tagħha eċċezzjonali. B’hekk, skont Transcatab, kien hemm żewġ possibbiltajiet: jew li s-sistema tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u ċ-ċirkustanza attenwanti bbażata fuq il-kooperazzjoni jistgħu japplikaw flimkien u, f’dak il-każ, il-Kummissjoni ġustament naqqset il-multa ta’ Deltafina, iżda b’hekk kellha wkoll, għall-finijiet ta’ ekwità, tapplika l-istess trattament għal Transcatab, li kkooperat mill-inqas daqs Deltafina; jew li ż-żewġ sistemi ma jistgħux japplikaw flimkien u, f’dik l-ipoteżi, l-applikazzjoni taċ-ċirkustanza attenwanti għal Deltafina kienet, f’dan il-każ, eskluża peress li hija kienet l-ewwel impriża li invokat l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

325    Fuq bażi sussidjarja, Transcatab titlob li tingħata tnaqqis supplimentari tal-multa tagħha, mill-inqas daqs dak mogħti lil Deltafina, minħabba l-kollaborazzjoni totali tagħha, barra mis-sistema tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

326    Il-Kummissjoni titlob li jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Transcatab.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

327    Fir-rigward tal-ewwel ilment ta’ Transcatab, għandu jiġi mfakkar li, skont is-sitt inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, l-ammont bażiku ta’ multa jista’ jitnaqqas minħabba l-kooperazzjoni effettiva mill-impriża fil-proċedura barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

328    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li dik iċ-ċirkustanza attenwanti speċifika tapplika biss għal ksur li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 380).

329    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tas-sitt inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida ma jistax ikollha l-konsegwenza li ċċaħħad lill-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni mill-effettività tagħha. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tistabbilixxi qafas sabiex jiġu kkumpensati, għall-kooperazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, impriżi li jifformaw parti jew kienu jifformaw parti minn akkordji sigrieti li jaffettwaw lill-Unjoni. Għaldaqstant, mill-kliem u mill-istruttura tal-imsemmija komunikazzjoni jirriżulta li l-impriżi ma jistgħux, bħala prinċipju, jiksbu tnaqqis tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni tagħhom ħlief jekk huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-imsemmija komunikazzjoni.

330    Għaldaqstant, sabiex tippreżerva l-effettività tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tagħti tnaqqis tal-multa lil impriża fuq il-bażi tas-sitt inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida ħlief f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-kooperazzjoni ta’ impriża, filwaqt li tmur lil hinn mill-obbligu legali ta’ kooperazzjoni tagħha mingħajr madankollu ma tagħtiha d-dritt għal tnaqqis tal-multa skont il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, tkun ta’ utilità oġġettiva għall-Kummissjoni.

331    F’dan il-każ, mill-premessi 493 sa 498 jirriżulta li l-Kummissjoni evalwat, fil-kuntest tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-provi pprovduti minn Transcatab kif ukoll l-attitudni tagħha u d-dewmien tal-kooperazzjoni matul il-proċedura kollha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha diskrezzjoni wiesgħa biex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, punt 88).

332    Peress li Transcatab kienet it-tieni impriża, wara Mindo, li ssodisfat il-kundizzjonijiet previsti mill-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għat-tnaqqis tal-multa, il-Kummissjoni tatha, fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni pprovduta, tnaqqis ta’ 30 % tal-multa tagħha abbażi ta’ dik il-komunikazzjoni, jiġifieri tnaqqis li jinsab fil-livell massimu tal-medda prevista mill-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għat-tieni impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tnaqqis.

333    B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni pprovduta minn Transcatab fil-kuntest tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Barra minn hekk, huwa inkontestabbli li kien hemm akkordju f’dan il-każ u, għaldaqstant, ksur li jaqa’ b’mod ċar taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik il-komunikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 381).

334    Barra minn hekk, Transcatab b’ebda mod ma wriet l-eżistenza f’dan il-każ ta’ sitwazzjonijiet eċċezzjonali li jiġġustifikaw li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni tagħha barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u b’hekk li tiġi applikata ċ-ċirkustanza attenwanti prevista fis-sitt inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida. Effettivament, iċ-ċirkustanzi invokati minn Transcatab, bħad-dikjarazzjonijiet spontanji jew l-evalwazzjoni pożittiva tal-kooperazzjoni tagħha, ma jikkostitwixxux elementi li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ dik iċ-ċirkustanza attenwanti f’dan il-każ.

335    Fir-rigward tat-tieni lment ta’ Transcatab, ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-dawl tal-applikazzjoni tal-imsemmija ċirkustanza attenwanti għal Deltafina, dan lanqas ma jista’ jiġi aċċettat.

336    Diġà ġie mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta sitwazzjonijiet paragunabbli huma ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti huma ttrattati b’mod identiku, sakemm tali trattament ma huwiex oġġettivament iġġustifikat (ara l-punti 202, 264 u 316 iktar ’il fuq).

337    Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, is-sitwazzjoni ta’ Deltafina ma hijiex paragunabbli għal dik ta’ Transcatab. Effettivament, Deltafina kienet l-ewwel impriża li għamlet kuntatt mal-Kummissjoni u li talbet immunità abbażi tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, waqt li Transcatab kienet it-tielet impriża li ppreżentat talba lill-Kummissjoni abbażi tal-istess komunikazzjoni. B’hekk, wara li tat lil Deltafina l-immunità kundizzjonali skont dik il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni, peress li kkonstatat li hija kisret l-obbligu ta’ kooperazzjoni li hija kellha abbażi tal-fatt li kienet talbet l-immunità, iddeċidiet li ma tagħtihiex l-immunità definittiva. Il-Kummissjoni dehrilha li Deltafina ma setgħet tingħata ebda tnaqqis tal-multa abbażi tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li, fil-fehma tagħha, ma kinitx għadha applikabbli għaliha. Kien għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni kkunsidrat li s-sitwazzjoni ta’ Deltafina kienet tippreżenta karatteristiċi eċċezzjonali li jiġġustifikaw li hija tingħata tnaqqis abbażi taċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni.

338    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ Deltafina u dik ta’ Transcatab kienu ferm differenti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tagħhom, b’mod li din tal-aħħar ma tistax tallega ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament inkwantu l-Kummissjoni ma applikatx għaliha ċ-ċirkustanza attenwanti bbażata fuq il-kollaborazzjoni effettiva matul il-proċedura amministrattiva.

339    Għalhekk, hemm lok li r-raba’ parti tar-raba’ motiv tiġi miċħuda.

 Fuq il-ħames parti tar-raba’ motiv, dwar iċ-ċirkustanza attenwanti bbażata fuq in-nuqqas ta’ preċedent fis-suq tat-tabakk mhux maħdum fil-mument meta l-Kummissjoni bdiet il-verifiki tagħha

 L-argumenti tal-partijiet

340    Transcatab targumenta li l-Kummissjoni missha qieset bħala ċirkustanza attenwanti l-fatt li fil-mument meta hija nediet il-proċedura f’dan il-każ ma kien hemm ebda preċedent dwar is-suq tat-tabakk mhux maħdum. Il-Kummissjoni ċaħdet l-applikazzjoni ta’ dik iċ-ċirkustanza attenwanti mingħajr ma tat ebda indikazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, biex b’hekk kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Insostenn tal-argument tagħha, Transcatab tiċċita diversi preċedenti.

341    Il-Kummissjoni titlob li jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Transcatab.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

342    Il-linji gwida ma jipprevedu espressament ebda ċirkustanza attenwanti relatata man-nuqqas ta’ preċedenti fis-suq ikkonċernat mill-ksur. L-aħħar inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida jipprovdi, madankollu, il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tqis ċirkustanzi oħrajn bħal dawk imsemmija fl-inċiżi preċedenti sabiex tagħti tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa.

343    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti (sentenza Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, punt 143 iktar ’il fuq, punt 307). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tagħti attenwazzjoni tal-multi meta dan ikun l-ewwel każ f’settur partikolari (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Novembru 2005, SNCZ vs Il-Kummissjoni, T‑52/02, Ġabra p. II‑5005, punt 84).

344    Għandu jiġi kkonstatat li Transcatab ma tagħtix prova għalfejn il-Kummissjoni wettqet żball meta ma kkunsidratx li n-nuqqas ta’ preċedent fis-settur tat-tabakk kellu jwassalha biex tnaqqas il-multa ta’ Transcatab. Transcatab sempliċement tirreferi għal serje sħiħa ta’ każijiet fejn il-Kummissjoni qieset bħala ċirkustanza attenwanti l-fatt li l-Artikolu 81 KE qatt ma kien ġie applikat fis-settur fejn ingħatat il-multa.

345    Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni qieset, fil-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, li ċerti elementi jikkostitwixxu ċirkustanzi attenwanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ma jimplikax li hija obbligata tagħti l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni sussegwenti (sentenzi Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 291 iktar ’il fuq, punt 368, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq, punt 337).

346    Rigward l-ilment dwar nuqqas ta’ motivazzjoni, diġà ġie mfakkar fil-punti 310 u 311 iktar ’il fuq li l-Artikolu 253 KE ma jeħtieġx li l-Kummissjoni tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu ġew ikkunsidrati matul il-proċedura amministrattiva u li, għaldaqstant, ma jistax jinbena argument fuq il-fatt li, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għaċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni ma tatx spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet għalfejn hija dehrilha li ma kellhomx jiġu aċċettati ċerti elementi invokati fuq din il-bażi minn Transcatab.

347    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-ħames parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda wkoll.

 Fuq is-sitt parti tar-raba’ motiv, dwar il-karatteristiċi soċjoekonomiċi tas-settur tat-tabakk mhux maħdum fl-Italja u l-kriżi f’dak is-settur

 L-argumenti tal-partijiet

348    Transcatab issostni li l-Kummissjoni kellha tnaqqas il-multa skont il-punt 5(b) tal-linji gwida billi tqis il-kuntest tal-kriżi fis-suq Taljan u l-pressjonijiet li għalihom kienu sottomessi l-proċessuri min-naħa tal-intermedjarji, inkluż permezz ta’ attivitajiet illegali. Kuntest ekonomiku u soċjali daqstant partikolari wassal biex kien neċessarju li jittieħdu miżuri għas-sopravivenza tal-impriżi tal-ipproċessar. Diversi dokumenti juru l-pressjonijiet enormi li għalihom kienu suġġetti l-proċessuri u l-“intimidazzjonijiet u theddid terribbli” li huma sofrew. Barra minn hekk, l-aġir tal-proċessuri kien meħtieġ bħala reazzjoni kontra s-setgħa tal-intermedjarji. Il-proċessuri ma setgħux jirreżistu dik is-sitwazzjoni ħlief permezz ta’ akkordji b’effett dissważiv reali. Il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni dik is-sitwazzjoni billi tagħti tnaqqis tal-multa.

349    Barra minn hekk, matul il-perijodu kkunsidrat, Transcatab, bħal proċessuri oħrajn li joperaw fl-Italja, ġarrbet telf kostanti u sostanzjali u tpoġġiet fi proċess ta’ stralċ. Dawk il-konstatazzjonijiet juru li l-akkordji kellhom biss l-għan li jikkostitwixxu rimedji għall-kriżi fis-settur u li jiggarantixxu s-sopravivenza tagħha.

350    Transcatab issostni li fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/600/KE, tat-2 ta’ April 2003, dwar proċedura taħt l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/C.38.279/F3 – Laħam taċ-ċanga Franċiż) (ĠU L 209, p. 12, premessi 180 sa 185), hija kkunsidrat li l-kriżi fis-settur kienet tiġġustifika tnaqqis tal-multa ta’ 60 %. Il-partikolaritajiet tas-suq inkwistjoni b’hekk ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-ġurisprudenza u fi preċedenti oħrajn. Barra minn hekk, skont Transcatab, il-punt 5(b) tal-linji gwida ma għandux jiġi applikat biss f’każijiet eċċezzjonali. L-espressjoni “għandu jittieħed inkunsiderazzjoni” turi, effettivament, li l-Kummissjoni ma għandhiex diskrezzjoni fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi msemmija fih.

351    Il-Kummissjoni titlob li l-argumenti ta’ Trancatab jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

352    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tikkunsidra bħala ċirkustanza attenwanti l-qagħda finanzjarja ħażina tas-settur inkwistjoni (ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punt 345, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2005, Heubach vs Il-Kummissjoni, T‑64/02, Ġabra p. II‑5137, punt 139, u Wieland‑Werke et vs Il-Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq, punt 227). Effettivament, hija rrilevat li, ġeneralment, il-kartelli jitwieldu fil-mument meta settur jiltaqa’ ma’ diffikultajiet. B’hekk, kieku wieħed kellu jsegwi r-raġunament ta’ Transcatab, il-multa jkollha titnaqqas kważi fil-każijiet kollha ta’ kartelli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, punt 510; tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 188 iktar ’il fuq, punt 207, u Wieland‑Werke et vs Il-Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq, punt 227).

353    Ċertament, huwa minnu li, fil-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni, ċerti kriżijiet strutturali ġieli ġew meqjusa bħala ċirkustanzi attenwanti. Madankollu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, f’każijiet preċedenti, tal-qagħda ekonomika tas-settur bħala ċirkustanza attenwanti ma jimplikax li hija għandha neċessarjament tkompli tosserva dik il-prattika (sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 188 iktar ’il fuq, punt 208, u Wieland‑Werke et vs Il-Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq, punt 227).

354    B’hekk, Transcatab ma tistax tippretendi li l-Kummissjoni kienet obbligata li tnaqqas il-multa minħabba s-sitwazzjoni ta’ kriżi fis-suq Taljan tat-tabakk mhux maħdum.

355    Barra minn hekk, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 352 u 353 iktar ’il fuq kif ukoll dik imsemmija fil-punti 162 u 346 iktar ’il fuq, għandu jitqies li r-referenza għad-deċiżjoni 2003/600 ma hijiex rilevanti. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni spjegat sew li s-sitwazzjoni li fiha kienet ġiet adottata dik id-deċiżjoni kienet kunsiderevolment differenti minn dik fil-każ preżenti inkwantu, fil-każ tal-laħam taċ-ċanga Franċiż, l-aġir allegat kien reazzjoni għal kriżi imprevista li rriżultat minn kollass drammatiku fid-domanda minħabba fatturi totalment indipendenti mill-qagħda ekonomika tas-settur, waqt li f’dan il-każ id-diffikultajiet tas-settur kienu ilhom jeżistu għal żmien twil u kienu fil-biċċa l-kbira ta’ natura strutturali.

356    Fir-rigward tal-argument li jallega li l-aġir tal-proċessuri kien b’risposta għall-bżonn li ssir reazzjoni kontra s-setgħa tal-intermedjarji, il-Kummissjoni spjegat fil-premessi 289 u 290 tad-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet għalfejn hija ma aċċettatx dan l-argument. B’mod partikolari, fil-premessa 289 tad-deċiżjoni kkontestata, hija affermat, ġustament, li l-impriżi ma kellhomx il-jedd li jieħdu miżuri kontra l-Artikolu 81(1) KE biex jikkumpensaw għal prattiki li fil-fehma tagħhom, tajjeb jew ħażin, kienu illegali.

357    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li Transcatab ma ressqitx provi tal-“intimidazzjonijiet u theddid terribbli” li hija tallega li ġarrbet. Effettivament, kif tirrileva l-Kummissjoni, id-dokument Nru 2573 tal-proċess li hija invokat ma huwa xejn ħlief minuti miktuba mir-rappreżentanti ta’ Dimon Italia ta’ laqgħa li saret fl-1997 bejn, b’mod partikolari, Deltafina, Transcatab u APTI, dwar it-tabakk prodott barra mill-kwota u l-ħtieġa għall-awtoritajiet li jieħdu inizjattivi xierqa sabiex jiżguraw il-ħelsien minnu. Dan id-dokument jistabbilixxi biss il-possibbiltà li kien hemm protesti min-naħa tal-bdiewa minħabba diffikultajiet fis-settur tagħhom. Madankollu minn dan id-dokument ma jirriżultax li dawk il-protesti, li ma hemm ebda prova li fil-fatt seħħew, kienu neċessarjament immirati kontra l-proċessuri. Is-sempliċi possibbiltà ta’ eżistenza ta’ protesti ma tistax tikkostitwixxi sitwazzjoni eċċezzjonali ta’ kriżi li tiġġustifika aġir li jmur kontra l-Artikolu 81 KE. Barra minn hekk, ir-rapport tal-Kummissjoni ta’ investigazzjoni parlamentari invokat minn Transcatab ma jsemmi ebda fatt speċifiku dwar attivitajiet illegali fis-suq tat-tabakk u b’hekk ma huwiex relevanti f’dan il-kuntest.

358    Finalment, l-argument dwar il-qagħda finanzjarja ta’ Transcatab ġie analizzat u miċħud fil-kuntest tat-tielet parti tat-tieni motiv.

359    B’hekk is-sitt parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda wkoll u, għaldaqstant, dan il-motiv fit-totalità tiegħu.

5.     Fuq il-ħames motiv, dwar l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

360    Fl-ewwel lok, Transcatab targumenta li, peress li kkunsidrat li l-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma kinitx applikabbli għal Deltafina, il-Kummissjoni missha ttrattatha bħala l-ewwel kumpannija li bbenefikat mit-tnaqqis tal-multa.

361    Fit-tieni lok, Transcatab issostni li, skont l-aħħar inċiż tal-punt 23 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, hija ma setgħetx tiġi ppenalizzata għall-aġir tagħha matul il-perijodu bejn l-1999 u l-2002. Effettivament, hija kienet l-ewwel impriża li informat lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ akkordji li saru matul dak il-perijodu. Il-kontribuzzjoni tagħha kienet estremament dettaljata, deċiżiva u kompluta. Qabel ma Transcatab ipproduċiet dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni kellha biss għad-dispożizzjoni tagħha xi ftit informazzjoni pprovduta minn Deltafina u minn Dimon. Transcatab issemmi diversi eżempji ta’ informazzjoni mogħtija dwar kull sena matul il-perijodu bejn l-1999 u l-2002.

362    B’hekk, fir-rigward ta’ dak il-perijodu, Transcatab ipprovdiet “elementi ta’ provi fattwali li qabel kienu ġew injorati mill-Kummissjoni” u dawk il-fatti kellhom “effett dirett fuq is-serjetà u d-dewmien” tal-akkordju fis-sens tal-aħħar inċiż tal-punt 23 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Hija tgħid li l-iskop ta’ dak il-paragrafu huwa sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkumpensa l-perċentwali ta’ tnaqqis li impriża tirriskja li ma tingħatax minħabba li tkun waslet tard meta mqabbla mal-kompetituri tagħha minħabba ż-żmien iddedikat għall-formulazzjoni ta’ dikjarazzjoni kompluta.

363    Il-Kummissjoni titlob li l-argumenti ta’ Transcatab jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 Fuq il-kwalità tal-ewwel kumpannija li tibbenefika minn tnaqqis tal-multa

364    Għandu jitfakkar li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors huma eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li l-qorti tal-Unjoni għandha tqajjem ex officio jekk ikun meħtieġ (ara s-sentenza Honeywell vs Il-Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni, C‑176/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 18).

365    Kif ġie mfakkar fil-punti 131 u 132 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jinkludi, b’mod partikolari, is-“suġġett tal-kawża” u “sunt tar-raġunijiet imressqa”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 48(2) tal-imsemmija regoli “[e]bda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura”. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li kull motiv li ma huwiex artikolat b’mod suffiċjenti fir-rikors oriġinali għandu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli. Barra minn hekk, is-sunt tar-raġunijiet imressqa mir-rikorrenti għandu jkun suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni addizzjonali insostenn tar-rikors (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Frar 2000, ADT Projekt vs Il-Kummissjoni, T-145/98, Ġabra p. II-387, punt 66, u tas-16 ta’ Marzu 2004, Danske Busvognmænd vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II‑917, punt 45). Għandhom jiġu sodisfatti kundizzjonijiet simili meta tiġi invokata kontestazzjoni insostenn ta’ raġuni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo Och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T-352/94, Ġabra p. II 1989, punt 333).

366    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita sew, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li jkun ibbażat fuqhom jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u komprensibbli, mit-test tar-rikors stess (sentenza Honeywell vs Il-Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq, punt 56). F’dan ir-rigward, filwaqt li l-korp tar-rikors jista’ jiġi kkorroborat u ssupplementat, fuq punti speċifiċi, b’riferimenti għal estratti minn dokumenti li jkunu annessi miegħu, ir-riferiment ġenerali għal skritturi oħrajn, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ elementi essenzjali argumentattivi tad-dritt li, skont id-dispożizzjonijiet osservati iktar ’il fuq, għandhom jitniżżlu fir-rikors (digriet tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T-154/98, Ġabra p. II-1703, punt 49). Barra minn hekk, ma huwiex id-dmir tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li fuqhom hija tista’ tikkunsidra li huwa bbażat ir-rikors, peress li l-funzjoni tal-annessi hija waħda purament probatorja u strumentali (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il-Kummissjoni, T‑151/05, Ġabra p. II‑1219, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

367    F’dan il-każ, il-preżentazzjoni ta’ dan l-ilment hija sommarja ħafna, peress li Transcatab tiddedika sentenza waħda biss għal dan fir-rikors tagħha.

368    Matul is-seduta, filwaqt li ammettiet li l-ilment kien spjegat b’mod lakoniku, Transcatab ikkjarifikat il-portata tiegħu. Essenzjalment, Transcatab targumenta li, f’każ li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma kinitx applikabbli għal Deltafina u, b’hekk, li Mindo kellha titqies bħala l-ewwel impriża li tibbenefika mill-immunità mill-multi minflok Deltafina, hija kellha titqies – abbażi ta’ speċi ta’ “effett domino” – bħala l-ewwel kumpannija li għandha tibbenefika mit-tnaqqis tal-multa skont il-punt 23(1)(b) tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Għaldaqstant, it-tnaqqis tal-multa mogħti mill-Kummissjoni lil Transcatab kellu jiżdied.

369    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-aċċettazzjoni tal-argument ta’ Transcatab tippresupponi, fl-ewwel lok, li Mindo ressqet rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali, fit-tieni lok li hija kienet issollevat motiv li hija kellha titqies bħala li tgawdi mill-immunità mill-multi minflok Deltafina minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għal din tal-aħħar u, fit-tielet lok, li l-Qorti Ġenerali tilqa’ dak il-motiv fil-kawża dwar Mindo.

370    B’hekk, l-ilment ta’ Transcatab huwa bbażat fuq referenza impliċita għal motiv possibbilment issollevat f’kawża oħra u li għalih hija lanqas biss għamlet referenza espliċita. Barra minn hekk, tali lment jista’ jiġi aċċettat biss jekk il-motiv eventwalment imqajjem minn Mindo fil-kawża l-oħra jintlaqa’ mill-Qorti Ġenerali.

371    Iżda kieku kellu jsir hekk, tkun qiegħda tiġi aċċettata devjazzjoni mir-rekwiżiti fundamentali tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, imfakkra fil-punt 365 iktar ’il fuq, u tkun qiegħda tiġi aċċettata l-ammissibbiltà ta’ motivi mhux spjegati b’mod suffiċjenti fir-rikors iżda li jagħmlu referenza għal motivi ipotetikament issollevati minn parti terza f’kawża oħra, li għaliha tkun irreferiet b’mod impliċitu fir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Honeywell vs Il-Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq, punt 64).

372    Fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali hija obbligata tiċħad bħala inammissibbli kap tat-talbiet tar-rikors li jiġi ppreżentat lilha meta l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat dan il-kap tat-talbiet ma jirriżultawx, b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tal-istess rikors, u li n-nuqqas ta’ tali punti fir-rikors ma jistax jiġi rrimedjat billi dawn jiġu ppreżentati waqt is-seduta (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2006, Rossi vs UASI, C‑214/05 P, Ġabra p. I‑7057, punt 37).

373    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-ilment inkwistjoni għandu jitqies bħala inammissibbli.

 Fuq l-aħħar inċiż tal-punt 23 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

374    Rigward l-argument ta’ Transcatab li jgħid li, skont l-aħħar inċiż tal-punt 23 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, hija ma kellhiex tiġi ppenalizzata għall-aġir tagħha matul il-perijodu 1999-2002 fil-kwalità tagħha bħala l-ewwel impriża li informat lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza tal-akkordji li seħħew matul dak il-perijodu, għandu jiġi mfakkar li, skont dik id-dispożizzjoni, “jekk impriża tipprovdi elementi ta’ prova ta’ fatti li qabel ikunu ġew injorati mill-Kummissjoni li jkollhom effett dirett fuq is-serjetà jew id-dewmien tal-akkordju preżunt, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax dawk il-fatti meta tiffissa l-ammont tal-multa imposta kontra l-impriża li tkun ipprovdiethom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

375    Għandu jitfakkar ukoll li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni pprovduta mill-membri ta’ akkordju, żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni biss jista’ jkun iċċensurat peress li hija tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 331 iktar ’il fuq, punt 88).

376    B’hekk, fl-ewwel lok għandha tiġi kkjarifikata l-portata tal-aħħar inċiż tal-punt 23 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u, fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk, fl-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ppenalizzat lil Transcatab għall-aġir tagħha matul il-perijodu 1999-2002.

377    Fl-ewwel lok, għandha tiġi miċħuda l-interpretazzjoni proposta minn Transcatab li tgħid li l-iskop tal-aħħar inċiż tal-punt 23 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni huwa li jippermetti lill-Kummissjoni li tikkumpensa l-perċentwali ta’ tnaqqis li impriża tirriskja li ma tingħatax peress li tkun waslet tard fil-konfront tal-kompetituri tagħha minħabba ż-żmien iddedikat għall-formolazzjoni ta’ dikjarazzjoni kompluta (ara l-punt 362 iktar ’il fuq). Din l-interpretazzjoni tkun kontra l-loġika tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, inkwantu tipperikola l-għan prinċipali tas-sistema stabbilita minn dik il-komunikazzjoni, jiġifieri li tħeġġeġ lill-membri tal-akkordju biex “jittradixxu” lill-kartell u jikkooperaw mal-Kummissjoni.

378    Effettivament, jirriżulta mill-preambolu tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni li l-loġika ta’ dik il-komunikazzjoni hija li tinkoraġġixxi lill-impriżi li jipparteċipaw f’akkordji illegali biex jikkooperaw mal-Kummissjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kartelli abbażi li l-akkordji ta’ dan it-tip jikkostitwixxu prattiki li jifformaw parti mill-iktar restrizzjonijiet serji tal-kompetizzjoni. F’dan il-kuntest, sabiex tippromwovi dik il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni tipprevedi sistema li tagħti lill-impriżi li jikkooperaw magħha jew l-immunità, jew inkella tnaqqis fil-multi li jistgħu jiġu imposti kontrihom.

379    Huwa inerenti f’dik il-loġika li l-effett mixtieq mill-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni huwa li tinħoloq klima ta’ inċertezza fi ħdan l-akkordji billi titħeġġeġ id-denunzja tagħhom lill-Kummissjoni. Issa, din l-inċertezza tirriżulta preċiżament mill-fatt li l-parteċipanti fl-akkordju jafu li wieħed biss fosthom jista’ jibbenefika minn immunità tal-multa billi jiddenunzja lill-parteċipanti l-oħrajn fil-ksur, biex b’hekk ikunu esposti għar-riskju li jeħlu l-multi. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, u skont l-istess loġika, l-impriżi li jipprovdu l-kooperazzjoni tagħhom l-iktar malajr jibbenefikaw minn tnaqqis ikbar tal-multi li kieku kienu jeħlu minn dawk mogħtija lill-impriżi li jikkooperaw inqas malajr.

380    B’hekk, l-ordni kronoloġika u r-rapidità tal-kooperazzjoni offruta mill-membri tal-kartell jikkostitwixxu elementi fundamentali tas-sistema stabbilita mill-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

381    L-interpretazzjoni tal-iskop ta’ dispożizzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għandha tkun konformi mal-loġika proprja ta’ dik il-komunikazzjoni. F’din il-perspettiva, l-aħħar inċiż tal-punt 23 ta’ dik il-komunikazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkumpensa lil impriża, anki jekk hija ma tkunx l-ewwel waħda li ppreżentat it-talba għall-immunità fir-rigward tal-akkordju inkwistjoni, jekk hija tkun l-ewwel waħda li tipprovdi lill-Kummissjoni elementi ta’ prova dwar fatti injorati mill-Kummissjoni li jkollhom effett dirett fuq is-serjetà jew id-dewmien tal-akkordju. Fi kliem ieħor, jekk l-elementi ta’ prova pprovduti minn impriża jkunu jikkonċernaw fatti li jippermettu lill-Kummissjoni li timmodifika l-evalwazzjoni tagħha, f’dak il-mument, tas-serjetà u d-dewmien tal-akkordju, l-impriża li tipprovdi dawk l-elementi ta’ prova tiġi kkumpensata permezz ta’ immunità fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fatti li dawk l-elementi ta’ prova jkunu jistgħu juru.

382    B’hekk, l-aħħar inċiż tal-punt 23 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma jikkonċernax il-każijiet fejn impriża tkun sempliċement ippreżentat elementi ta’ prova ġodda jew iktar kompluti fir-rigward ta’ fatti li l-Kummissjoni diġà kienet taf bihom. L-imsemmi paragrafu lanqas ma japplika għal każijiet fejn impriża tinnotifika fatti ġodda li, madankollu, ma jkunux tali li jimmodifikaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-serjetà jew id-dewmien tal-akkordju. Dik id-dispożizzjoni tapplika, min-naħa l-oħra, esklużivament f’każijiet fejn jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet: fl-ewwel lok, l-impriża inkwistjoni tkun l-ewwel waħda li tressaq prova ta’ fatti li qabel kienu injorati mill-Kummissjoni, fit-tieni lok, dawk il-fatti, li jkollhom effett dirett fuq is-serjetà jew id-dewmien tal-akkordju preżunt, jippermettu lill-Kummissjoni li tasal għal konklużjonijiet ġodda dwar il-ksur.

383    B’hekk huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball meta ppenalizzat lil Transcatab għall-aġir tagħha matul il-perijodu bejn l-1999 u l-2002. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li fil-premessa 497 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni affermat espliċitament li hija ma kienet qiegħda tinjora ebda wieħed mill-fatti li dwarhom Transcatab kienet ipprovdiet elementi ta’ prova u, fit-tieni lok, li fil-kuntest ta’ dan l-ilment, l-argumenti ta’ Transcatab jirrigwardaw biss id-dewmien tal-akkordju. Min-naħa l-oħra, ma jirrigwardawx fatti li seta’ kellhom effett fuq is-serjetà tal-ksur.

384    Jirriżulta mill-proċess li, sa minn meta ġiet ippreżentata t-talba għall-immunità minn Deltafina, fid-19 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni kienet taf dwar il-fatt li l-akkordju kien beda fl-1995 u dam sal-2001. Effettivament, fit-talba tagħha għall-immunità, Deltafina kienet, minn naħa waħda, ammettiet espliċitament dik iċ-ċirkustanza u, min-naħa l-oħra, kienet ippreżentat tmien noti miktuba bl-idejn dwar laqgħat u diskussjonijiet bejn il-proċessuri fir-rigward tas-sena 1999, żewġ noti miktuba bl-idejn dwar is-sena 2000 u tnejn oħrajn dwar is-sena 2001. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li Transcatab sempliċement affermat li kienet l-ewwel waħda li pprovdiet provi ta’ diversi akkordji u kuntatti li saru bejn il-proċessuri matul dak il-perijodu. Hija ma taffermax, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma kinitx diġà taf dwar il-fatt li akkordju bejn il-proċessuri kien operattiv matul il-perijodu bejn l-1999 u l-2002.

385    Barra minn hekk, analiżi dettaljata tad-deċiżjoni kkontestata turi wkoll li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq bosta informazzjoni dwar il-kuntatti li saru bejn il-proċessuri mogħtija minn Deltafina u Dimon Italia u, b’hekk, indipendentement mill-informazzjoni mogħtija minn Transcatab.

386    F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, is-sena 1999, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li Deltafina pprovdiet bosta indikazzjonijiet ta’ kuntatti li saru bejn il-proċessuri matul dik is-sena, pereżempju fil-premessi 159 (nota ta’ qiegħ il-paġna nru 181), 195 (nota ta’ qiegħ il-paġna nru 206), 199 (nota ta’ qiegħ il-paġna nru 212) 200 (nota ta’ qiegħ il-paġna nru 214). Jirriżulta min-noti kollha ta’ qiegħ il-paġna li Deltafina kienet iddeskriviet il-kontenut tal-laqgħat fid-dikjarazzjonijiet li għamlet wara l-preżentata tat-talba għat-tnaqqis tal-multa minn Transcatab.

387    Rigward l-estensjoni tal-akkordju għall-produzzjoni żejda, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-premessi 144 u 148 ġew ifformulati fuq il-bażi ta’ informazzjoni pprovduta minn Deltafina. Il-Kummissjoni ppreċiżat fir-replika li dawk il-premessi huma bbażati fuq dokumenti pprovduti minn Deltafina fit-22 ta’ Frar 2002, jiġifieri għal darb’oħra wara l-preżentata tat-talba għat-tnaqqis tal-multa minn Transcatab. Il-fatt li dik l-estensjoni ġiet ifformalizzata f’akkordju pprovdut minn Transcatab ma jbiddel xejn mill-evalwazzjoni ta’ dan l-ilment ta’ Transcatab fid-dawl tal-aħħar inċiż tal-punt 23 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

388    Fir-rigward tas-sena 2000, il-premessi 203 (nota ta’ qiegħ il-paġna nru 216) u 204 (nota ta’ qiegħ il-paġna nru 218) tad-deċiżjoni kkontestata juru li Deltafina pprovdiet diversi provi ta’ kuntatti bejn il-proċessuri matul dik is-sena. In-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 218 tispjega, b’mod partikolari, li Deltafina kienet iddeskriviet il-kontenut tal-laqgħa msemmija fil-premessa 204 tad-deċiżjoni kkontestata f’dikjarazzjonijiet li saru qabel il-preżentata tat-talba għat-tnaqqis tal-multa minn Transcatab, li ġie kkonfermat mill-Kummissjoni fir-replika. Barra minn hekk, jirriżulta mill-proċess li, fid-19 ta’ Marzu 2002, Deltafina kienet ipprovdiet ukoll informazzjoni u dokumenti lill-Kummissjoni dwar il-kuntatti li saru matul dik is-sena.

389    Fir-rigward tas-sena 2001, jirriżulta mill-premessi 209 (nota ta’ qiegħ il-paġna nru 223) u 211 (nota ta’ qiegħ il-paġna nru 225) tad-deċiżjoni kkontestata li, qabel il-preżentata tat-talba għal tnaqqis minn Transcatab, Deltafina kienet diġà pprovdiet lill-Kummissjoni dokumenti li jagħtu prova tal-eżistenza ta’ kuntatti bejn il-proċessuri matul dik is-sena. B’mod partikolari, id-dokumenti 495, 498, 524 u 614, imsemmija f’żewġ noti ta’ qiegħ il-paġna, jagħtu prova inekwivoka tal-eżistenza ta’ kuntatti matul dak il-perijodu bejn il-proċessuri. Dawk id-dokumenti juru wkoll li, qabel il-preżentata tat-talba għat-tnaqqis tal-multa minn Transcatab, il-Kummissjoni diġà kienet taf dwar kuntatti illegali bejn il-proċessuri, fosthom Transcatab, ta’ mill-inqas sal-15 ta’ Ottubru 2001.

390    Fir-rigward tas-sena 2002, il-Kummissjoni ssostni li diġà kienet taf li kienu ssoktaw il-kuntatti bejn il-proċessuri matul dik is-sena, permezz tal-faks imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 235 tad-deċiżjoni kkontestata li ġiet ippreżentata minn Dimon. Transcatab issostni, madankollu, li dak id-dokument ġie ppreżentat wara t-18 ta’ April 2002, id-data meta hija ppreżentat id-dokumenti msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 234 fir-rigward tas-sena 2002.

391    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk nassumu li dak id-dokument ġie ppreżentat minn Dimon Italia wara Transcatab u, b’hekk, illi hija kienet l-ewwel impriża li pprovdiet provi dwar il-laqgħat li saru fil-bidu tal-2002, dik iċ-ċirkustanza ma għandha ebda konsegwenza prattika.

392    Effettivament, minn naħa waħda, kif ġie rrilevat fil-punt 389 iktar ’il fuq, jirriżulta mill-proċess li, qabel il-preżentata tat-talba għat-tnaqqis tal-multa minn Transcatab, il-Kummissjoni kellha provi dwar id-dewmien tal-akkordju ta’ mill-inqas sal-15 ta’ Ottubru 2001. Peress li l-akkordju beda fid-29 ta’ Settembru 1995 (ara l-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata), u peress li dik iċ-ċirkustanza ma ġietx ikkontestata minn Transcatab, għandu jiġi kkonstatat li qabel ma ġew ippreżentati d-dokumenti minn Transcatab il-Kummissjoni b’hekk diġà kellha informazzjoni suffiċjenti biex tistabbilixxi li l-akkordju dam għal iktar minn sitt snin. Dik il-konstatazzjoni b’hekk kienet tippermetti, fiha nfisha, lill-Kummissjoni li żżid l-ammont inizjali tal-multa b’60 %. Minn dan isegwi li l-fatt li l-Kummissjoni kkonstatat dewmien itwal b’erba’ xhur (sad-19 ta’ Frar 2002) ma kellu ebda effett fuq id-determinazzjoni tal-penali finali.

393    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mfakkar li, fil-premessi 256 et sequitur tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet, mingħajr ma Transcatab ikkontestat din l-evalwazzjoni (ara l-punt 233 iktar ’il fuq), li l-akkordju kien ksur uniku u kontinwu. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li dak il-ksur intemm fid-19 ta’ Frar 2002, jiġifieri fil-jum meta Deltafina ppreżentat it-talba tagħha għall-immunità. Transcatab la affermat u lanqas uriet li hija waqfet tipparteċipa fil-ksur qabel dik id-data.

394    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li impriża li tkun ipparteċipat fi ksur bħal dan permezz ta’ aġir attribwibbli lilha, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ akkordju jew ta’ prattika miftiehma b’għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, u li kien intiż sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-ksur b’mod ġenerali, hija wkoll responsabbli, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur, għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur (ara s-sentenza BST vs Il-Kummissjoni, punt 222 iktar ’il fuq, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

395    Bl-istess mod, impriża tista’ tinżamm responsabbli ta’ akkordju sħiħ anki jekk jiġi stabbilit illi hija ma pparteċipatx direttament ħlief f’element wieħed jew f’diversi elementi li jikkostitwixxu l-akkordju, peress illi hija kienet taf, jew kellha tkun taf, minn naħa waħda, li l-kollużjoni li fiha hija pparteċipat kienet tidħol fi pjan ġenerali u, min-naħa l-oħra, li dan il-pjan globali kien ikopri l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-akkordju (sentenzi tal-Qorti Ġenerali PVC II, punt 91 iktar ’il fuq, punt 773; HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 231, u tad-19 ta’ Mejju 2010, Boliden et vs Il-Kummissjoni, T‑19/05, Ġabra p. II‑1843, punt 61).

396    F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed għandu jikkonkludi li Transcatab ma pprovdietx provi ta’ fatti li qabel kienu injorati mill-Kummissjoni li kellhom effett dirett fuq is-serjetà jew id-dewmien tal-akkordju preżunt li kienu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-immunità parzjali prevista mill-aħħar inċiż tal-punt 23, tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Bħala konsegwenza, Transcatab ma tistax targumenta li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u li hija b’hekk ma għandhiex tinżamm responsabbli għall-ksur kollu.

397    Konsegwentement, it-talbiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġi miċħuda fit-totalità tagħhom. Fir-rigward tat-talbiet għar-riforma tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali hija tal-fehma li, peress li ebda element f’dan il-każ ma jiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa, ma hemmx lok li tintlaqa’ din it-talba. Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li r-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

6.     Fuq il-kontrotalba tal-Kummissjoni

 L-argumenti tal-partijiet

398    Il-Kummissjoni targumenta li Transcatab ikkontestat il-fatti, b’mod partikolari d-dewmien tal-akkordju, hekk kif ġew ikkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Billi affermat, fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet motiv, li sa mill-1999 illimitat ruħha biss għal aġir li seħħ esklużivament fil-kuntest tal-akkordji interprofessjonali (ara l-punti 227 u 228 iktar ’il fuq), Transcatab ma kkontestatx sempliċement l-interpretazzjoni tal-fatti mogħtija mill-Kummissjoni iżda reġgħet qajmet dubji dwar fatti li hija kienet ammettiet qabel. Il-kontestazzjoni minn Transcatab tad-dewmien tal-akkordju, li jikkostitwixxi element essenzjali tad-deskrizzjoni tal-fatti, tneħħi parti mill-ġustifikazzjoni tat-tnaqqis ta’ 30 % li kien ingħatalha mill-Kummissjoni. B’hekk, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali biex tnaqqas it-tnaqqis tal-multa minn 30 għal 25 % u li tiffissaha, fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, għal EUR 15-il miljun.

399    Transcatab topponi l-kontrotalba tal-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

400    Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li ċ-ċirkustanza li Transcatab ma “ikkontestatx il-fatti li fuqhom ibbażat il-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet” ikkostitwixxiet waħda mill-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni tatha tnaqqis ta’ 30 % tal-multa (ara l-premessi 498 u 499 tad-deċiżjoni kkontestata).

401    Madankollu, jirriżulta mir-risposta ta’ Transcatab għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li, għalkemm hija ma rrispondietx espressament għall-ilmenti tal-Kummissjoni dwar id-dewmien tal-ksur, hija madankollu sostniet li, peress li sa mill-1999 il-proċessuri aġixxew b’mod konformi mal-liġi Nru 88/88, huma ma kellhomx jitqiesu bħala responsabbli għal aġir antikompetittiv implementat sa minn dik is-sena.

402    B’hekk, għalkemm il-preżentazzjoni ta’ dak l-argument tmur kontra ċerti affermazzjonijiet li saru matul il-proċedura amministrattiva u man-nuqqas ta’ kontestazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-analiżi tal-Kummissjoni, dan ma jbiddel xejn mill-konstatazzjoni li l-argument li jinsab fl-ewwel parti tat-tielet motiv kien diġà ġie ssollevat matul il-proċedura amministrattiva. Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tat it-tnaqqis lil Transcatab, hija kienet diġà taf b’dak l-argument, b’hekk illi dan ma jistax jitqies li jikkostitwixxi kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti li terġa’ tpoġġi inkwistjoni t-tnaqqis mogħti fid-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

403    Għaldaqstant għandha tiġi miċħuda l-kontrotalba tal-Kummissjoni.

404    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud ir-rikors fit-totalità tiegħu kif ukoll il-kontrotalba fformulata mill-Kummissjoni.

 Fuq l-ispejjeż

405    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali.

406    F’din il-kawża, Transcatab tilfet ir-rikors tagħha, filwaqt li l-Kummissjoni tilfet il-kontrotalba tagħha. Peress li l-għan ta’ din tal-aħħar kien biss li l-ammont tal-multi jiżdied marġinalment, għandu jiġi kkonstatat li essenzjalment hija r-rikorrenti li tilfet it-talbiet u l-motivi tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u 90 % tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, filwaqt li l-Kummissjoni għandha tbati 10 % tal-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-kontrotalba fformulata mill-Kummissjoni Ewropea hija miċħuda.

3)      Transcatab SpA għandha tbati l-ispejjeż tagħha u 90 % tal-ispejjeż tal-Kummissjoni.

4)      Il-Kummissjoni għandha tbati 10 % tal-ispejjeż tagħha.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ewwel motiv, dwar l-imputazzjoni tal-ksur lill-kumpannija parent ta’ Transcatab

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, li tallega qari żbaljat tal-ġurisprudenza, evalwazzjoni żbaljata tal-elementi ta’ prova pprovduti u ksur tad-drittijiet tad-difiża

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq l-applikazzjoni żbaljata tar-regoli dwar l-imputabbiltŕ lill-kumpannija parent tal-prattiki tal-kumpannija sussidjarja tagħha

–  Fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-elementi ta’ prova pprovduti għall-finijiet li tinqaleb il-preżunzjoni

–  Fuq il-ksur tad-drittijiet ta’ difiża

Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, li tallega ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq it-tieni motiv, rigward l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa

Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, dwar is-serjetà tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq il-kwalifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna

–  Fuq l-impatt konkret tal-ksur fis-suq

–  Fuq id-daqs ġeografiku tas-suq

–  Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

–  Fuq il-ksur tad-drittijiet ta’ difiża

Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, li tallega ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fl-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

–  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

–  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, li tallega ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fit-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura dissważiva tal-penali u tal-qagħda finanzjarja ta’ Transcatab

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq it-tielet motiv, dwar l-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa

Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, li tallega żieda żbaljata fl-ammont tal-multa abbażi tad-dewmien tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq iż-żieda tal-multa abbażi tad-dewmien tal-akkordju

–  Fuq in-nuqqas ta’ preġudizzju għall-konsumaturi

Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, li tallega ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u nuqqas ta’ motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv, li tallega ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

4.  Fuq ir-raba’ motiv, dwar ċerti ċirkustanzi attenwanti

Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv, dwar iċ-ċirkustanza attenwanti bbażata fuq in-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-akkordju

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, dwar iċ-ċirkustanza attenwanti bbażata fuq il-waqfien tal-attivitajiet inkwistjoni qabel l-intervent tal-Kummissjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet parti tar-raba’ motiv, dwar iċ-ċirkustanza attenwanti bbażata fuq l-eżistenza ta’ dubju raġonevoli dwar in-natura li tikkostitwixxi ksur tal-aġir inkwistjoni

Fuq l-eżistenza ta’ dubju raġonevoli dwar in-natura li tikkostitwixxi ksur tal-aġir inkwistjoni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-trattament differenti meta mqabbel mal-każ Tabakk mhux maħdum – Spanja

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ parti tar-raba’ motiv, dwar iċ-ċirkustanza attenwanti bbażata fuq il-kollaborazzjoni effettiva ta’ Transcatab matul il-proċedura

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħames parti tar-raba’ motiv, dwar iċ-ċirkustanza attenwanti bbażata fuq in-nuqqas ta’ preċedent fis-suq tat-tabakk mhux maħdum fil-mument meta l-Kummissjoni bdiet il-verifiki tagħha

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-sitt parti tar-raba’ motiv, dwar il-karatteristiċi soċjoekonomiċi tas-settur tat-tabakk mhux maħdum fl-Italja u l-kriżi f’dak is-settur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

5.  Fuq il-ħames motiv, dwar l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-kwalità tal-ewwel kumpannija li tibbenefika minn tnaqqis tal-multa

Fuq l-aħħar inċiż tal-punt 23 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

6.  Fuq il-kontrotalba tal-Kummissjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.