Kawżi magħquda T-102/07 u T-120/07

Freistaat Sachsen (il-Ġermanja) et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna mogħtija mill-Ġermanja fl-għamla ta’ ishma f’kumpannija u garanziji għal self — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Skema ġenerali ta’ għajnuna approvata mill-Kummissjoni — Kunċett ta’ impriża f’diffikultà — Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex jiġu salvati u ristrutturati impriżi f’diffikultà — Ammont tal-għajnuna — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Skema ġenerali ta’ għajnuna approvata mill-Kummissjoni — Għajnuna individwali ppreżentata bħala li tidħol fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni — Eżami mill-Kummissjoni

(Artikoli 87 KE u 88 KE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi

(Artikoli 87(1) u (3) KE u 88(3) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 1999/C 288/02, punt 3)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Avviż tal-Kummissjoni fir-rigward tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-impriżi f’diffikultà

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 1999/C 288/02, punti 4 sa 6)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat — Kalkolu tal-ammont tal-għajnuna lil impriża f’diffikultà

(Artikoli 87 KE u 235 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 97/C 273/03)

1.      Meta jkollha quddiemha għajnuna individwali li tkun allegatament ingħatat b’applikazzjoni ta’ skema awtorizzata minn qabel, il-Kummissjoni ma tistax l‑ewwel nett teżaminaha immedjatament skont it-Trattat. Qabel ma tibda kwalunkwe proċedura, hija għandha teżamina jekk l-għajnuna hijiex koperta mill-iskema ġenerali u jekk tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fid-deċiżjoni li tapprovaha. Jekk hija ma tagħmilx dan, il-Kummissjoni tista’, fl-eżami ta’ kull għajnuna individwali, tibdel id-deċiżjoni tagħha ta’ approvazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna, li tippresupponi li jkun diġà sar eżami fid-dawl tal-Artikolu 87 KE. Għajnuna li tikkostitwixxi applikazzjoni rigoruża u prevedibbli tal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-iskema ġenerali approvata hija għalhekk ikkunsidrata bħala għajnuna eżistenti li ma teħtieġx la li tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u lanqas li tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 87 KE.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddeċiedi fuq il-konformità ta’ għajnuna mal-iskema kkonċernata taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-obbligu tagħha li tiżgura l‑applikazzjoni tal-Artikoli 87 KE u 88 KE. Għaldaqstant, l-eżami mill-Kummissjoni tal-konformità ta’ għajnuna ma’ din l-iskema ma jikkostitwixxix inizjattiva li tmur lil hinn mill-kuntest tal-kompetenzi tagħha. Għaldaqstant, l‑evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tiġi llimitata minn dik tal-awtoritajiet nazzjonali li taw l-għajnuna.

(ara l-punti 59, 60, 62, 136)

2.      Mill-punt 3 tal-linji gwida Komunitarji dwar għajnuna tal-stat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà, li l-Kummissjoni setgħet tadotta għall-finijiet tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija għandha fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3) KE u li huma applikabbli għaliha, jirriżulta li “[g]ħajnuna ta’ l-Stat biex jiġu salvati ditti f’diffikultajiet ta’ falliment u biex jiġu megħjunin jirristrutturaw għandhom jitqiesu biss leġittimi bla ħsara għal ċertu kondizzjonijiet”. Huwa għalhekk li l-imsemmija linji gwida jipprovdu obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni ta’ kull finanzjament mogħti jew iggarantit mill-Istat lil impriża f’diffikultà finanzjarja.

Fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna reġjonali approvata, ma tistax tintlaqa’ definizzjoni speċifika tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà. Fil-fatt, l-aċċettazzjoni tal-eżistenza parallela ta’ definizzjonijiet differenti tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà tista’ twassal għal sitwazzjoni fejn impriża li tkun f’diffikultà skont l-imsemmija linji gwida setgħet madankollu tibbenefika minn għajnuna tal-Istat mingħajr ma jkun hemm obbligu ta’ notifika u mingħajr ma jiġu osservati dawn il-linji gwida. Issa, sitwazzjoni bħal din hija kuntrarja għas-sens tal-Artikolu 87(1) u (3) KE u tal-Artikolu 88(3) KE, kif huwa indikat b’mod ċar fil-linji gwida.

(ara l-punti 74, 76)

3.      Il-punt 4 tal-linji gwida Komunitarji dwar għajnuna tal-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà sempliċement jistipula b’mod ġenerali li impriża hija kkunsidrata bħala li tkun f’diffikultà meta din ma tkunx tista’, permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħha jew permezz tar-riżorsi li l-proprjetarji/azzjonisti u l‑kredituri tagħha jistgħu jagħtuha, twaqqaf it-telf li, fin-nuqqas ta’ intervent mill-awtoritajiet pubbliċi, iwassalha għal falliment ekonomiku ċert fi żmien qasir jew fi żmien ta’ tul medju. Barra minn hekk, mill-kliem tal-punti 5 u 6 tal-linji gwida jirriżulta li, minkejja li impriża hija “f’kull ċirkostanza” ikkunsidrata f’diffikultà jekk tkun tilfet parti sostanzjali mill-kapital azzjonarju tagħha, jista’ xorta waħda jintwera permezz ta’ indikazzjonijiet oħra, bħal dawk elenkati fil-punt 6, li hija tkun tinsab f’diffikultà finanzjarja fis-sens tal-linji gwida, anki jekk hija ma tkunx tilfet parti sostanzjali mill-kapital azzjonarju tagħha.

Għalhekk, it-tnaqqis sinjifikattiv tal-kapital azzjonarju huwa fattur serju ħafna li jindika li impriża tkun tinsab f’diffikultà. Barra minn hekk, hemm ċertu numru ta’ fatturi ekonomiċi, li tagħhom il-punt 6 tal-linji gwida jinkludi lista li ma hijiex eżawrjenti, li jistgħu juru wkoll l-eżistenza ta’ tali stat, anki fin-nuqqas ta’ telf ta’ parti sostanzjali mill-kapital azzjonarju jew ta’ stat ta’ insolvenza fis-sens tal-punt 5 tal-linji gwida.

(ara l-punti 103-105, 133, 135)

4.      Il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni jiddependi min-natura tal-att partikolari u mill-kuntest li fih ikun ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni b’mod li, minn naħa, il-persuni interessati jkunu jafu r-raġunijiet għall-miżura adottata biex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u biex jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, il-qorti tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha dwar il‑legalità. Il-motivazzjoni ma għandhiex bilfors tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, billi l-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, imma wkoll mill-kuntest tiegħu u mir-regoli kollha tad-dritt li jirregolaw il-kwistjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-persuni interessati jqajmu quddiemha, imma biżżejjed li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni.

Madankollu, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni, u li ma tirreferix, fil-kalkolu tal-ammonti tal-għajnuna għal impriżi f’diffikultà, għall-prattika tas-swieq finanzjarji fuq l‑akkumulazzjoni tar-riskji (impriża f’diffikultà, nuqqas ta’ garanziji, eċċ) għandha tiġi annullata, peress li r-relazzjoni bejn iż-żidiet tal-Kummissjoni u s‑sitwazzjoni speċifika tal-kumpanniji inkwistjoni ma tidhirx ċara u l-għażla taż-żidiet magħmula hija, tal-inqas fl-apparenza, ta’ natura inċerta, filwaqt li l-Avviż tal-Kummissjoni fuq il-metodu tat-twaqqif tar-referenza u r-rati ta’ skont ma tinkludi ebda indikazzjoni dwar l-akkumulazzjoni tar-riskji. Il-Kummissjoni kellha tispjega l‑użu tal-primjums addizzjonali u kif ukoll il-livell tagħhom permezz ta’ analiżi tal-prattika fis-suq sabiex l-imsemmija kumpanniji jkunu jistgħu jivverifikaw in‑natura xierqa taż-żidiet u l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tistħarreġ il-legalità tagħhom.

(ara l-punti 180, 217, 218)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

tat-3 ta’ Marzu 2010 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-Ġermanja fl-għamla ta’ ishma f’kumpannija u garanziji għal self – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni – Skema ġenerali ta’ għajnuna approvata mill-Kummissjoni – Kunċett ta’ impriża f’diffikultà – Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex jiġu salvati u ristrutturati impriżi f’diffikultà – Ammont tal-għajnuna – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda T‑102/07 u T‑120/07,

Freistaat Sachsen (il-Ġermanja), irrappreżentat minn C. von Donat u G. Quardt, avukati,

rikorrent fil-Kawża T‑102/07,

MB Immobilien Verwaltungs GmbH, stabbilita f’Neukirch (il-Ġermanja), irrappreżentata inizjalment minn G. Brüggen, sussegwentement minn A Seidl, K. Lengert u W. T. Sommer, avukati,

MB System GmbH & Co. KG, stabbilita f’Nordhausen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn G. Brüggen, avukat,

rikorrenti fil-Kawża T‑120/07,

vs

Il-Kummissjoni Ewropeja, irrappreżentata minn K. Gross u T. Scharf, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandhom bħala suġġett talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/492/KE, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C 38/2005 (ex NN 52/2004) implementata mill-Ġermanja għall-Grupp Biria (ĠU L 183, p. 27),

IL-QORTI ĠENERALI TAL-UNJONI EWROPEA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Jannar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

1        L-Arikolu 87 KE jipprovdi:

“Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.”

[...]

3. It-tipi ta’ għajnuna li ġejja tista’ tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni:

a)      għajnuna maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjun fejn il-livell ta’ l-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impieg;

[...]

ċ)      għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni; [...]”

2        Il-Linji gwida Komunitarji dwar għajnuna tal-stat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 322 iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1999”) jipprovdu, fil-punt 2 tagħhom, dan li ġej:

“2.1. Il-kunċett ta’ ditta f’diffikultà

(4)      Mhemm l-ebda definizzjoni Komunitarja dwar x’jikkostitwixxi ‘ditta f’diffikultà’ Madankollu, għall-għanijiet ta’ dawn il-Linji Gwida, l-Kummissjoni tikkonsidra ditta f’diffikultà fejn din ma tkunx tista’, permezz tar-rizorsi tagħha jew permezz ta’ fondi li tista’ takkwista mingħand sidha/azzjonisti jew kredituri tagħha, tagħmel tajjeb għal telf li, mingħajr għajnuna esterna mill-awtoritajiet pubbliċi, kważi ċertament se jwassluha biex tfalli malajr jew dalwaqt.

(5)      B’mod partikolari, ditta hi konsidrata, f’kull ċirkostanza u irrispettivament mid-daqs tagħha, li qiegħda f’diffikultà għall-iskop ta’ dawn il-Linji Gwida:

(a)      f’każ ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata, fejn aktar minn nofs il-kapital reġistrat ma għandux aċċessibbli u aktar minn kwart tal-kapital intilef fit-12-il xahar ta’ qabel

jew

(b)      fil-każ ta’ kumpannija mhix b’responsabbiltà limitata, fejn aktar minn nofs il-kapital tagħha kif jidher fil-kontijiet tal-kumpannija ma għadux aċċessibbli u fejn aktar minn kwart tal-kapital intilef fit-12-il xahar ta’ qabel

jew

(ċ)      irrispettivament mit-tip ta’ kumpannija konċernata, fejn taħt il-liġi domestika tagħha tissodisfa kriterji biex tkun soġġetta għal proċeduri ta’ falliment kollettiv.

(6)      Is-sinjali tas-soltu li jindikaw li ditta hi f’diffikultà huma telf dejjem jiżdied, qligħ li qiegħed jonqos, inventarji b’materjal dejjem jiżdied, kapaċità eċċessiva, nuqqas fid-dħul tal-flus kontanti, dejn jiżdied, rati ta’ interess li qegħdin jiżdiedu u valur nett li qiegħed jonqos jew spiċċa. F’każi akuti, l-kumpanniji jistgħu diġà jkunu falluti jew ikunu soġġetti għal proċeduri kollettivi ta’ falliment taħt il-liġi domestika li jaqgħu taħtha. F’dawn l-aħħar każi, dawn il-Linji Gwida japplikaw għal kull għajnuna mogħtija fil-kontest ta’ dawn il-proċeduri li twassal biex id-ditta tibqa’ fin-negozju. F’kull ċirkostanza, ditta f’diffikultà hi eliġibbli biss fejn, b’mod li jista’ jkun ippruvat, hi ma tistax tirkupra permezz tar-risorsi tagħha jew permezz ta’ fondi li tista’ takkwista mingħand is-sidien/azzjonisti jew kredituri tagħha.

[...]”

3        Fir-rigward tal-iskemi ta’ għajnuna għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), il-punt 4 tal-linji gwida tal-1999 jipprevedi:

“4.1. Il-prinċipji ġenerali

(64)      Il-Kummissjoni tawtorizza skemi ta’ għajnuna għal salvazzjoni u/jew ristrutturar ta’ intrapriżi żgħar jew medji f’diffikultà biss fejn id-ditti konċernati jikkorrispondu mad-definizzjoni Komunitarja ta’ SMEs. Skond id-dispożizzjonijiet speċifiċi li ġejjin, il-kompatibbiltà ta’ dawn l-iskemi tkun eżaminata fid-dawl tal-kondizzjonijiet li hemm fil-[punti] 2 u 3. Kull għajnuna mogħtija taħt skema u li ma tissodisfax waħda minn dawk il-kondizzjonijiet għandha tkun notifikata individwalment u approvata minn qabel mill-Kummissjoni.

4.2. L-eliġibiltà

(65)      Jekk ma jkunx stipulat mod ieħor f’regoli dwar Għajnuna ta’ l-Stat f’settur partikolari, l-għotjiet ta’ l-għajnuna, taħt skemi awtorizzati minn issa ’l quddiem, lil impriżi żgħar u medji ikunu eżentati minn notifika individwali biss fejn l-intrapriża konċernata taqdi ta’ inqas wieħed minn tliet kriterji li jinsabu [fil-paragrafu] 5. Għajnuna lil intrapriżi li ma jilħqux wieħed minn dawn il-kriterji għandha tkun notifikata individwalment lill-Kummissjoni sabiex hi tkun tista’ teżamina jekk jikkwalifikawx bħala ditti f’diffikultà

[...]”

4        Il-punt 6 tal-linji gwida tal-1999 jirrigwarda l-miżuri xierqa fis-sens tal-Artikolu 88(1) KE. Fir-rigward tal-adattament tal-iskemi ta’ għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar, dan jipprevdi dan li ġej:

“(94) L-Istati Membri għandhom jadattaw l-iskemi eżistenti tagħhom għal salvazzjoni u ristrutturar li se jibqgħu jiffunzjonaw sal-20 ta’ Gunju 2000 biex iġibuhom kompatibbli ma’ dawn il-Linji Gwida, u partikolarment mar-rekwiżiti tal-[punti] 4, wara dik id-data.

(95)      Biex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja l-proċess ta’ adattament, l-Istati Membri għandhom jagħtuha lista ta’ dawn l-iskemi kollha qabel il-31 ta’ Diċembru 1999. Huma għandhom ukoll, u dejjem qabel it-30 ta’ Ġunju 2000, jipprovduha b’informazzjoni suffiċjenti biex tkun tista’ tiċċekkja li l-iskemi tassew kienu modifikati skond dawn il-Linji Gwida.”

2.     L-iskema ta’ għajnuna approvata

5        Il-Bürgschaftsrichtlinien des Freistaates Sachsen für die Wirtschaft und die freien Berufe sowie die Land- und die Forstwirtschaft (skemi ta’ garanziji tal-Freistaat Sachsen għall-ekonomija u l-professjonijiet liberi u kif ukoll għall-agrikoltura u l-forestrija) jipprevedu żewġ tipi ta’ garanziji: minn naħa, garanziji bħala għajnuna għall-operazzjoni u għall-investiment b’għan reġjonali (iktar ’il quddiem it-“tip ta’ għajnuna reġjonali”) u, min-naħa l-oħra, garanziji bħala għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni (iktar ’il quddiem it-“tip ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni”). Il-Kummissjoni Ewropeja approvat l-imsemmija skemi tal-Freistaat Sachsen bid-Deċiżjoni SG (93) D/9273, tas-7 ta’ Ġunju 1993, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru 73/93. Għalhekk, din hija skema ta’ għajnuna approvata (ikar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna approvata”). Fl-imsemmija deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 1993, il-Kummissjoni tindika li l-garanziji għal impriżi, li l-garanti jaf jew imissu jaf, bħala operatur diliġenti, li jinsabu f’diffikultà, jikkostitwixxu għajnuna li ma hijiex koperta mid-deċiżjoni inkwistjoni u għandha tiġi nnotifikata individwalment lill-Kummissjoni.

6        L-iskema ta’ għajnuna approvata ġiet adattata għal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna tal-stat sabiex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà, fil-verżjoni tagħhom tal-1994 (ĠU 1994, C 368, p. 12, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1994”). B’dan il-mod, fit-13 ta’ Marzu 1996, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 96/475/KE dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ garanziji mill-Istat favur proġetti ta’ ristrutturazzjoni (inklużi proġetti ta’ riorganizzazzjoni u ta’ konsolidazzjoni) favur impriżi kbar f’diffikultà, mogħtija fil-kuntest ta’ skemi ta’ garanziji tal-Länder Sachsen-Anhalt, Niedersachsen, Nordrhein-Westfalen, Rheinland-Pfalz, Bayern, Bremen, Mecklenburg-Vorpommern, Schleswig-Holstein u Sachsen (ĠU L 194, p.25) li tistabbilixxi li l-għoti ta’ garanziji intiżi għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi kbar f’diffikultà, fl-ambitu ta’ skema ta’ garanziji bħalma hija dik tal-Freistaat Sachsen, kellha tiġi individwalment innotifikata lill-Kummissjoni. Fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà, din id-deċiżjoni tirreferi għall-kriterji tal-linji gwida tal-1994. B’ittra tad-19 ta’ Diċembru 1996, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkonfermat li l-imsemmija deċiżjoni kienet ġiet korrettament trasposta mill-Freistaat Sachsen.

7        Peress li l-kunċett ta’ impriża f’diffikultà kien meqjus li kellu definizzjoni vaga, l-awtoritajiet Ġermaniżi u l-Kummissjoni qiesu li kien meħtieġ li jrendu lil dan il-kunċett operattiv għall-applikazzjoni tal-programmi ta’ garanziji tal-Länder Ġermaniżi. Dan kien is-suġġett ta’ ittra tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Marzu 1998.

8        Fl-imsemmija ittra, il-Kummissjoni pproponiet miżuri xierqa għall-applikazzjoni tal-iskemi ta’ garanziji tal-Länder Ġermaniżi, fosthom l-iskema ta’ għajnuna approvata u partikolarment id-definizzjoni li ġejja tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà (iktar ’il quddiem il-miżura xierqa E 16/94”):

“Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli imsemmija iktar ’il fuq fil-qasam tal-garanziji, impriża hija kkunsidrata li tinsab f’diffikultà meta jkun sodisfatt wieħed mill-kriterji li ġejjin:

–        l-impriża kkonċernata hija fi stat ta’ insolvenza jew b’eċċess ta’ debiti fis-sens [tal-Konkursordnung (regolament Ġermaniż dwar il-falliment)] jew [tal-Einführungsgesetz zur Insolvenzordnung (liġi introduttiva Ġermaniża għall-kodiċi tal-insolvenza)];

–        fir-rigward ta’ soċjetà, iktar min-nofs il-kapital irreġistrat tagħha jew, fir-rigward ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, iktar min-nofs il-kapital awtorizzat ikun intuża għat-telf tal-impriża fis-sens tal-Artikolu 92 [tal-Aktiengesetz (liġi Ġermaniża dwar il-kumpanniji)] u l-Artikolu 49 [tal-Gesetz betreffend die Gesellschaften mit beschränkter Haftung (liġi Ġermaniża dwar il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata)] u li 25 % ta’ dan il-kapital ikun intuża matul l-aħħar tnax-il xahar qabel it-talba għall-għoti ta’ garanzija.

Barra minn hekk, fl-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett, minħabba l-liġi dwar il-baġitt għandhom jitqiesu u l-garanti għandu jivverifika [l-elementi li ġejjin] f’kull każ partikolari:

–        Garanzija ma tistax – bħala regola ġenerali – tingħata meta jkun mistenni bi probabbiltà kbira li l-garanti jintalab jintervjeni (Artikolu 39 tal-istruzzjonijiet amministrattivi provviżorji dwar ir-regoli baġitarji tal-Bund u dispożizzjonijiet korrispondenti fir-regoli baġitarji tal-Länder); minn dan jirriżulta li garanzija tista’ tingħata favur impriżi f’diffikultà, fis-sens tal-kriterji esposti iktar ’il fuq, biss meta l-garanti jikkonstata, fuq il-bażi ta’ rapport ta’ espert fil-kontabbiltà (indipendenti) li jieħu inkunsiderazzjoni s-self iggarantit, li l-previżjonijiet li l-impriża benefiċjarja tkompli topera jkunu pożittivi.

–        Fl-għoti tal-garanzija, għandu, f’kull każ partikolari, jiġi vverifikat jekk finanzjament ieħor huwiex possibbli fis-suq finanzjarju.”

9        Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkonfermat l-użu ta’ din id-definizzjoni tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà f’ittra tad-29 ta’ Ġunju 1998.

10      Barra minn hekk, f’ittra tal-11 ta’ Novembru 1998 li l-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ġie ppreċiżat, fir-rigward tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà, dan li ġej:

“Fir-rigward tal-punti li għadhom ma ġewx definittivament iċċarati, u b’mod partikolari tal-kwistjoni tad-definizzjoni ta’ impriża f’diffikultà u tal-applikazzjoni tar-regola ‘de minimis’ għall-garanziji għal impriżi f’diffikultà, il-Kummissjoni tipproponi li tistenna l-adozzjoni tal-emenda għal-linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni. Ladarba tittieħed id-deċiżjoni, il-punti miftuħa jiġu adattati skont il-ħtieġa sabiex jirriflettu l-linji gwida.”

11      L-iskema ta’ għajnuna approvata ġiet imbagħad adattata għal-linji gwida tal-1999. B’mod konformi mal-miżuri xierqa stipulati fil-punt 6 tal-linji gwida tal-1999 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għaddiet lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Diċembru 1999, lista tal-iskemi ta’ għajnuna li baqgħu fis-seħħ wara t-30 ta’ Ġunju 2000 u li kellhom għalhekk jiġu adattati għall-imsemmija miżuri xierqa (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-1 ta’ Diċembru 1999”). Din il-lista kienet tinkludi l-iskema ta’ għajnuna approvata. B’ittra tal-20 ta’ Jannar 2000 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-20 ta’ Jannar 2000”), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja aċċettat l-imsemmija miżuri xierqa. Barra minn hekk, b’mod konformi mal-paragrafu 95 tal-linji gwida tal-1999, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għaddiet ukoll diversi dokumenti dwar dan is-suġġett lill-Kummissjoni (ittri tat-30 ta’ Ġunju u tal-11 ta’ Diċembru 2000, u tas-26 ta’ Marzu 2001) li jikkonfermaw l-adattament tal-iskemi eżistenti ta’ għajnuna Ġermaniżi għall-imsemmija miżuri xierqa.

12      F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għaddiet ukoll, permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ġunju 2000 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-30 ta’ Ġunju 2000”), Prüfraster für staatliche Bürgschaften aus den Bürgschaftsrichtlinien des Bundes und der Länder (Lista ta’ kontroll għall-garanziji tal-Istat fl-iskemi ta’ garanziji tal-Federazzjoni u tal-Länder, iktar ’il quddiem il-“lista ta’ kontroll”).

3.     L-impriżi inkwistjoni

13      Il-Grupp Biria kien jeżerċita attivitajiet fis-settur tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ biċikletti.

14      L-ewwel rikorrenti fil-Kawża T‑120/07, MB Immobilien Verwaltungs GmbH (iktar ’il quddiem “MB Immobilien”), assumiet id-drittijiet ta’ Biria AG (ġdida), li kienet il-kumpannija parent tal-Grupp Biria.

15      Biria AG (ġdida) ġiet stabbilita fl-2003 bl-amalgamazzjoni bejn Biria AG (ta’ qabel) u Sachsen Zweirad GmbH, l-impriża li għall-bidu kellha l-isem ġdid ta’ Biria GmbH, u mbagħad Biria AG (ġdida). L-uniku proprjetarju ta’ Biria AG (ġdida) kien Mehdi Biria.

16      It-tieni rikorrenti fil-Kawża T‑120/07, MB System GmbH & Co. KG, assumiet id-drittijiet ta’ Bike Systems GmbH & Co., Thüringer Zweiradwerk KG (iktar ’il quddiem “Bike Systems”) li kienet waħda mill-iktar impriżi importanti tal-Grupp Biria. MB System kienet tipproduċi biss biċikletti filwaqt li impriża oħra tal-grupp kienet responsabbli mill-kummerċjalizzazzjoni tagħhom.

4.     Il-miżuri inkwistjoni

17      Bejn Marzu 2001 u Diċembru 2003, il-Grupp Biria rċieva tliet kontribuzzjonijiet finanzjarji.

18      Fl-ewwel lok, f’Marzu 2001, gbb Beteiligungs AG (iktar ’il quddiem “gbb”), kumpannija sussidjarja tad-Deutsche Ausgleichsbank, bank Ġermaniż taħt id-dritt pubbliku li għandu l-kompitu li jagħti sussidji fl-interess pubbliku favur l-ekonomija Ġermaniża, ipprovdiet sehem passiv fl-ammont ta’ madwar EUR 2 070 732 lil Bike Systems, applikabbli sal-aħħar tas-sena 2010 (iktar ’il quddiem il-“miżura 1”).

19      Fit-tieni lok, fit-23 ta’ Marzu 2003, il-Freistaat Sachsen ikkostitwixxa, skont l-iskema ta’ għajnuna approvata, garanzija ta’ 80 % għal kreditu operattiv ta’ EUR 5.6 miljun favur Sachsen Zweirad li kellha skadenza li fil-bidu kienet iffissata għall-aħħar tas-sena 2008 (iktar ’il quddiem “miżura 2”). Din il-garanzija ġiet irtirata fil-5 ta’ Jannar 2004 u mibdula b’garanzija favur Biria GmbH (ara l-punt 20 iktar ’il quddiem).

20      Fit-tielet lok, fid-9 ta’ Diċembru 2003, il-Freistaat Sachsen ikkostitwixxa, b’effett mill-5 ta’ Jannar 2004, garanzija ta’ 80 % għal kreditu operattiv ta’ EUR 24 875 000 favur Biria GmbH (iktar ’il quddiem il-“miżura 3”), u din ukoll skont l-iskema ta’ għajnuna approvata, minflok il-garanzija mogħtija lil Sachsen Zweirad fil-kuntest tal-miżura 2.

5.     Il-proċedura amministrattiva

21      Fix-xhur ta’ Lulju u Awwissu 2003, il-Kummissjoni rċeviet ilmenti dwar garanzija mogħtija lill-Grupp Biria u ishma pubbliċi f’impriżi tal-grupp.

22      B’ittra tad-9 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni talbet kjarifikazzjonijiet mingħand ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Din tal-aħħar imxiet skont din it-talba.

23      Fit-18 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni ħarġet inġunzjoni għal informazzjoni addizzjonali, inkwantu kellha dubji dwar jekk il-miżuri ta’ għajnuna mogħtija lill-grupp Biria kinux konformi mal-iskemi li fuq il-bażi tagħhom dawn ġew allegatament mogħtija. Bħala tweġiba għal din l-inġunzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għaddiet tagħrif addizzjonali permezz ta’ ittra datata l-31 ta’ Jannar 2005 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-31 ta’ Jannar 2005”). Permezz tal-ittra tal-31 ta’ Jannar 2005, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja informat lill-Kummissjoni li l-miżura 3 ngħatat ukoll fuq il-bażi tal-iskema ta’ għajnuna approvata.

24      Fl-20 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni bdiet proċedura investigattiva formali fir-rigward ta’ tliet allegati miżuri ta’ għajnuna mill-Istat. Fl-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni dehrilha li diversi miżuri oħra ta’ għajnuna li allegatament kienu ngħataw b’mod illegali jew ma kinux jikkostitwixxu għajnuna jew kienu ngħataw skont l-iskema ta’ għajnuna approvata. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-5 ta’ Jannar 2006 (ĠU C 2, p. 14). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati kollha sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna li tista’ tingħata. Diversi kumpanniji li oġġezzjonaw għaddew il-kummenti tagħhom, li ġew innotifikati lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja b’ittri tas-6 ta’ Frar u tat-2 ta’ Marzu 2006, li għalihom din tal-aħħar wieġbet bl-ittri tal-5 ta’ April u tat-12 ta’ Mejju 2006.

25      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet il-kummenti tagħha fir-rigward tal-ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Jannar 2006 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-23 ta’ Jannar 2006”).

26      F’ittra tas-6 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni talbet kjarifikazzjonijiet mingħand ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li bagħtithom permezz ta’ ittra tal-5 ta’ April 2006. Il-Kummissjoni bagħtitilha talba addizzjonali għal informazzjoni fid-19 ta’ Lulju 2006, li għaliha hija wieġbet b’ittra tal-25 ta’ Settembru 2006.

6.     Id-deċiżjoni kkontestata

27      Fl-24 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/492/KE dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/2005 (ex NN 52/2004) implementata mill-Ġermanja għall-Grupp Biria (ĠU L 183, p. 27, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi dan li ġej:

“Artikolu 1

L-għajnuna mill-istat lil Bike Systems GmbH & Co. Thüringer Zweiradwerk KG, Sachsen Zweirad GmbH u Biria GmbH (illum Biria AG) hija inkompatibbli mas-suq komuni. Din l-għajnuna tinkorpora l-miżuri li ġejjin:

a)      Miżura 1: sehem passiv ta’ EUR 2,070,732 ipprovdut lil Bike Systems GmbH & Co. Thüringer Zweiradwerk KG. L-element ta’ għajnuna tikkorrispondi għad-differenza bejn ir-rata ta’ imgħax ta’ riferenza u magħduda magħha 1000 punt bażi u r-remunerazzjoni mħallsa għall-għoti tas-sehem passiv (remunerazzjoni fissa magħduda magħha 50 % tar-remunerazzjoni varjabbli).

b)      Miżura 2: garanzija ta’ EUR 4.480 m lil Sachsen Zweirad GmbH. L-element ta’ għajnuna jikkorrispondi għad-differenza bejn ir-rata ta’ imgħax ta’ referenza u magħduda magħha 800 punt bażi u r-rata ta’ imgħax li kienet tħallset biex inħareġ is-self garantit.

c)      Miżura 3: garanzija ta’ EUR 19.9 m lil Biria GmbH (illum Biria AG). L-element ta’ għajnuna jikkonsisti għad-differenza bejn ir-rata ta’ imgħax ta’ referenza magħduda ma’ 700 punt bażi u r-rata ta’ imgħax li tħallset biex jinħareġ is-self garantit.

Artikolu 2

1. [Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] se tieħu l-miżuri neċessarji kollha biex tirkupra mingħand il-benefiċjarju l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 u li ntgħamlet disponibbli lill-benefiċjarju b’mod illegali.

2. Is-sehem passiv u l-garanzija għal Biria GmbH (illum Biria AG) se jitwaqqaf fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

[...]”

28      Il-motivi stipulati għas-sostenn tad-deċiżjoni kkontestata huma, essenzjalment, dawn li ġejjin. Dwar il-miżura 1, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-provvista tas-sehem minn gbb kienet imputabbli lill-Istat u li din iffavorixxiet lil Bike Systems, peress li din ma setgħetx tikseb dan fis-suq taħt l-istess kundizzjonijiet. Fuq il-bażi tal-punt 3.2 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-artikoli 87 [KE] u 88 [KE] għal għajnuna mill-istat f’forma ta’ garanziji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1. p. 369), hija kkunsidrat li dan is-sehem kellu jiġi kkunsidrat fl-intier tiegħu bħala element ta’ għajnuna, peress li Bike Systems kienet tinsab f’diffikultà meta ttieħed dan is-sehem u r-riskju involut kien tali li ebda investitur, f’ekonomija tas-suq, ma kien jassumi dan is-sehem. Fir-rigward tal-miżuri 2 u 3, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-benefiċjarji kienu impriżi kbar li kienu, fiż-żmien meta ngħataw il-garanziji rispettivi, f’diffikultà skont il-kriterji tal-linji gwida tal-1999, u b’mod partikolari dawk tal-paragrafu 6 tagħhom. Għalhekk, l-imsemmija garanziji ma kinux koperti mill-iskema ta’ għajnuna approvata, iżda kellhom jiġu nnotifikati individwalment. Hija kkonstatat ukoll, fir-rigward tal-miżuri 1, 2 u 3, li d-derogi previsti fl-Artikolu 87(2) u (3) KE ma kinux applikabbli u li, b’mod partikolari, ma ġiet ipprovduta b’ebda informazzjoni fir-rigward, b’mod partikolari, tal-implementazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar bħal dak meħtieġ mil-linji gwida tal-1999. Dwar il-miżuri 2 u 3, il-Kummissjoni tindika wkoll fid-deċiżjoni kkontestata li, peress li Sachsen Zweirad ibbenefikat minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni f’April 1996 u f’Marzu 1998, l-għoti taż-żewġ garanziji inkwistjoni ma josservax il-prinċipju tal-għajnuna unika, peress li kienu għaddew inqas minn 10 snin mit-tmiem tar-ristrutturazzjoni u ma kien hemm ebda ċirkustanza eċċezzjonali f’dan il-każ. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, il-linji gwida tal-1999 ma ġewx osservati.

 Il-kawża u t-talbiet tal-partijiet

29      Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 u fis-16 ta’ April 2007, irreġistrati bħala T‑102/07 u T‑120/07 rispettivament, il-Freistaat Sachsen, minn naħa, u MB Immobilien u MB System, min-naħa l-oħra, ressqu dawn l-azzjonijiet.

30      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Awwissu 2007, MB Immobilien ressqet talba għal miżuri provviżorji intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Din it-talba ġiet miċħuda bid-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ottubru 2007 u l-ispejjeż ġew irriżervati.

31      Permezz ta’ digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Novembru 2008, wara li nstemgħu il-partijiet, il-Kawżi T‑102/07 u T‑120/07 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

32      Fil-Kawża T‑102/07, il-Freistaat Sachsen jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-miżuri 2 u 3;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33      Fil-Kawża T‑120/07, MB Immobilien u MB System jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

34      Fil-Kawża T‑102/07, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-Freistaat Sachsen għall-ispejjeż.

35      Fil-Kawża T‑120/07, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil MB Immobilien u lil MB System għall-ispejjeż.

 Id-dritt

36      L-azzjoni fil-Kawża T‑102/07 tinvolvi tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju minħabba interpretazzjoni żbaljata tal-iskema ta’ għajnuna approvata. Dan jinvolvi tliet partijiet. Fl-ewwel parti, il-Freistaat Sachsen jikkontesta n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżura xierqa E 16/94. Fit-tieni parti, huwa jallega nuqqas ta’ motivazzjoni. Fit-tielet parti, huwa jsostni li l-impriżi kkonċernati ma humiex impriżi f’diffikultà fis-sens tal-iskema ta’ għajnuna approvata. It-tieni motiv huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti fir-rigward tad-diffikultajiet tal-impriżi inkwistjoni. Dan jinvolvi żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, il-Freistaat Sachsen jallega li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-prattika tal-Kummissjoni. Fit-tieni parti, huwa jinvoka evalwazzjoni żbaljata tal-kriterji tal-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-1999. It-tielet motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-ammont tal-element ta’ għajnuna.

37      L-azzjoni fil-Kawża T‑120/07 tinvolvi wkoll tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt Komunitarju minħabba interpretazzjoni żbaljata tal-iskema ta’ għajnuna approvata. It-tieni motiv huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti fir-rigward tad-diffikultajiet tal-impriżi benefiċjarji. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Dan jinvolvi erba’ partijiet. Fl-ewwel parti, MB Immobilien u MB System jallegaw li l-Kummissjoni warrbet il-linji gwida tal-1999 mingħajr ma mmotivat dan. Fit-tieni parti, huma jallegaw nuqqas ta’ motivazzjoni fuq il-bażi tal-miżura xierqa E 16/94. Fit-tielet parti, huma jikkontestaw il-fatt li l-Kummissjoni ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha li twarrab il-miżura xierqa E 16/94. Fir-raba’ parti, huma jallegaw żball serju ta’ motivazzjoni fid-determinazzjoni tal-valur ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata.

38      Għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mill-Freistaat Sachsen fil-kuntest tal-azzjoni fil-Kawża T‑102/07 u dawk ta’ MB Immobilien u ta’ MB System fil-kuntest tal-azzjoni fil-Kawża T‑120/07 jidħlu f’xulxin fil-parti l-kbira tagħhom, anki jekk l-ilmenti tal-Freistaat Sachsen jikkonċernaw biss l-miżuri 2 u 3 filwaqt li dawk ta’ MB Immobilien u MB System jittrattaw ukoll il-miżura 1. L-ilmenti tagħhom jipprevedu, essenzjalment, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-miżuri 2 u 3, ksur tal-iskema ta’ għajnuna approvata bbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni stretta tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà li tinsab fil-miżura xierqa E 16/94 peress li ġiet applikata dik li tinsab fil-linji gwida tal-1999, u b’mod partikolari l-indikaturi stipulati fil-paragrafu 6 tagħhom. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-karatterizzazzjoni tal-impriżi benefiċjarji inkwantu huma impriżi f’diffikultà. Fit-tielet lok, hemm ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Huwa f’dan l-ordni li l-ilmenti tagħhom se jiġu analizzati hawn taħt.

1.     Fuq l-ilmenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà li tinsab fil-miżura xierqa E 16/94

 L-argumenti tal-partijiet

39      Ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-impriżi f’diffikultà huma esklużi mit-tip ta’ għajnuna reġjonali taħt l-iskema ta’ għajnuna approvata. Madankollu, huma jallegaw, essenzjalment, li l-Kummissjoni kellha tibbaża l-analiżi tagħha li l-impriżi benefiċjarji tal-miżuri 2 u 3 kienu f’diffikultà fuq il-kriterji tal-miżura xierqa E 16/94 u mhux fuq dawk tal-paragrafi 4 sa 6 tal-linji gwida tal-1999, li huma allegatament iktar wesgħin.

40      Skont il-Freistaat Sachsen, il-Kummissjoni kienet marbuta, fid-dawl tal-ġurisprudenza, teżamina l-miżuri 2 u 3 fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet tal-iskema ta’ għajnuna approvata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1994, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑47/91, Ġabra p. I‑4635). Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri 2 u 3 kienu inkompatibbli mal-iskema ta’ għajnuna approvata mhux fuq il-bażi tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà li tinsab fil-miżura xierqa E 16/94, iżda fuq il-kriterji stipulati fil-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-1999. B’dan il-mod, il-Kummissjoni għamlet sopravalutazzjoni tal-estent tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha fil-kuntest tal-applikazzjoni konkreta ta’ skema ta’ għajnuna li hija kienet approvat minn qabel.

41      Il-Freistaat Sachsen jirrimarka li l-iskema ta’ għajnuna approvata tinvolvi żewġ tipi: minn naħa, it-tip ta’ għajnuna reġjonali u, min-naħa l-oħra, it-tip ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni. Il-miżuri 2 u 3 ngħataw fil-kuntest tat-tip ta’ għajnuna reġjonali b’tali mod li kellha tapplika d-definizzjoni tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà li tinsab fil-miżura xierqa E 16/94.

42      Fl-ewwel lok, il-Freistaat Sachsen jibbaża ruħu fuq l-interpretazzjoni tal-fatti eżistenti u fuq il-korrispondenza skambjata qabel il-linji gwida tal-1999.

43      B’dan il-mod, għandu jiġi sostnut li l-kunċett ta’ impriża f’diffikultà ġie ddefinit għall-ewwel darba, fid-Deċiżjoni SG (93) D/9273, bħala kull impriża li l-garanti tagħha jaf jew imissu jaf, bħala operatur diliġenti, li tinsab f’diffikultà.

44      Skont il-Freistaat Sachsen, il-Kummissjoni ddeċidiet fid-Deċiżjoni 96/475, dwar garanziji għal proġetti ta’ ristrutturazzjoni favur impriżi kbar f’diffikultà mogħtija fil-kuntest ta’ skemi ta’ garanziji ta’ diversi Länder Ġermaniżi, fosthom il-Freistaat Sachsen, li l-għoti ta’ garanziji lil impriżi f’diffikultà kellu jiġi nnotifikat individwalment. Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest tat-tip ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni taħt l-iskema ta’ għajnuna approvata, setgħu jingħataw garanziji biss lil SMEs f’diffikultà. Skont il-Freistaat Sachsen, it-tip ta’ għajnuna reġjonali taħt l-iskema ta’ għajnuna approvata ma ġiex previst, u dan ġie kkonfermat permezz tal-ittra tad-19 ta’ Diċembru 1996 (ara l-punt 6 iktar ’il fuq).

45      Barra minn hekk, il-Freistaat Sachsen isostni li mill-qari tal-korrispondenza bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni, bħall-ittra tat-2 ta’ Marzu 1998 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) jirriżulta li, f’diversi Länder u kif ukoll fil-livell federali, kienu jeżistu diversi programmi ta’ garanziji simili. Minħabba l-importanza tal-istrument tal-għajnuna reġjonali, kellha tinstab delimitazzjoni operazzjonali għall-kunċett ta’ “impriżi b’saħħithom”. Skont il-Freistaat Sachsen, din ir-riċerka kienet is-suġġett ta’ diversi diskussjonijiet u ta’ ħafna korrispondenza skambjata bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ġiet fi tmiemha biss permezz tal-proposta, mill-Kummissjoni, ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà fil-miżura xierqa E 16/94.

46      Il-miżura xierqa E 16/94 iddefinixxiet mill-ġdid l-esklużjoni ta’ impriżi f’diffikultà mill-għajnuna reġjonali. Minn issa ’il quddiem, huma esklużi mill-benefiċċju tal-għajnuna reġjonali, minn naħa, l-impriżi li jissodisfaw kriterji ċari, sussegwentement riprodotti fil-paragrafu 5 tal-linji gwida tal-1999, u, min-naħa l-oħra, l-impriżi li fir-rigward tagħhom hemm riskju li l-garanti jintalab jintervjeni. Sa minn dak iż-żmien, din id-definizzjoni ma ġietx emendata.

47      Il-Freistaat Sachsen jirrileva wkoll li, fl-ittra tal-11 ta’ Novembru 1998 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni indikat li l-kwistjoni tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ impiża f’diffikultà kienet għadha ma ġietx definittivament iċċarata, iżda, fl-interess taċ-ċertezza legali, il-kriterji tal-miżura xierqa E 16/94 kellhom jiġu applikati.

48      Fit-tieni lok, il-Freistaat Sachsen isostni li l-korrispondenza bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni, li saret wara l-linji gwida tal-1999, ma tindika ebda tibdil fir-rigward tal-applikazzjoni tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà li tinsab fil-miżura xierqa E 16/94 għat-tip ta’ għajnuna reġjonali taħt l-iskema ta’ għajnuna approvata.

49      Skont il-Freistaat Sachsen, l-ittra tal-1 ta’ Diċembru 1999 tirreferi biss għall-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà. L-istess jingħad għall-ittra tal-20 ta’ Jannar 2000 li fiha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja aċċettat il-miżuri xierqa previsti fil-punt 6 tal-linji gwida tal-1999, peress li dawn il-miżuri xierqa jikkonċernaw biss, huma wkoll, skemi ta’ għajnuna marbuta ma’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni. Minn din l-ittra jirriżulta wkoll li, għall-SMEs f’diffikultà, għandha tiġi applikata d-definizzjoni li tinsab fil-paragrafu 5 tal-linji gwida tal-1999.

50      Id-dokumenti mibgħuta mal-ittra tat-30 ta’ Ġunju 2000 kienu wkoll jikkonċernaw biss l-iskemi ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni. Il-lista ta’ kontroll tiġbor fil-qosor fil-punt 3.5 tagħha l-programmi jew it-tipi ta’ programmi b’għan reġjonali. Min-naħa l-oħra, il-punt 4 jirregola biss l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni. Dab japplika wkoll għall-emendi sussegwenti tal-punt 4, li kienu s-suġġett tal-korrispondenza skambjata sussegwentement bejn il-Kummissjoni u l-Gvern Ġermaniż.

51      Fit-tielet lok, il-Freistaat Sachsen iqis li l-applikazzjoni taż-żewġ definizzjonijiet xi ftit differenti tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà fil-kuntest tat-tip ta’ għajnuna reġjonali u fil-kuntest tat-tip ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni taħt l-iskema ta’ għajnuna approvata tirriżulta mill-għanijiet differenti tal-imsemmija tipi ta’ għajnuna.

52      It-tip ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tipprevedi li huma biss l-SMEs li jissodisfaw il-kriterji tal-paragrafu 5 tal-linji gwida tal-1999 li jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni. Il-Freistaat Sachsen jindika li, fil-każ tat-tip ta’ għajnuna reġjonali, impriżi setgħu jibbenefikaw minn għajnuna bi skop reġjonali jekk dawn ma kinux f’diffikultà skont il-miżura xierqa E 16/94, jiġifieri skont kriterji ddefiniti b’mod ċar li jikkorrispondu għal dawk tal-paragrafu 5 tal-linji gwida tal-1999, jew jekk kien improbabbli li tintuża l-garanzija.

53      Fl-aħħar nett, il-Freistaat Sachsen isostni li l-indikaturi tad-diffikultajiet ta’ impriża stipulati fil-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-1999 huma wisq vagi sabiex jikkostitwixxu kriterji ta’ evalwazzjoni, mill-Istati Membri, tal-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna proposta mal-iskema eżistenti.

54      MB Immobilien u MB System isostnu, min-naħa tagħhom, li l-Kummissjoni kellha teżamina l-miżuri 2 u 3 fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-iskema ta’ għajnuna approvata u jinvokaw ukoll f’dan ir-rigward il-miżura xierqa E 16/94. Huma jirrilevaw li l-kundizzjonijiet tal-miżura xierqa E 16/94 huma redatti b’mod iktar strett minn dawk tal-linji gwida tal-1999. Minflok l-indikaturi fis-sens tal-imsemmija linji gwida, huwa l-kriterju taħt id-dritt baġitarju tal-miżura xierqa E 16/94 li huwa applikabbli għall-każ ineżami. Skont dan il-kriterju, ma għandhomx jingħataw garanziji meta jkun mistenni, bi probabbiltà kbira, li l-garanti jintalab jintervjeni. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja aċċettat din id-definizzjoni u kemm il-Freistaat Sachsen kif ukoll il-benefiċjarji kellhom ikunu f’pożizzjoni li jistgħu jistrieħu fuq il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna approvata kienet applikabbli bħala skema speċjali.

55      MB Immobilien u MB System isostnu li l-adattament tal-iskema ta’ għajnuna approvata għal-linji gwida tal-1999 jikkonċerna biss it-tip ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni. Il-Kummissjoni pproponiet li jiġu nnotifikati l-garanziji kollha għall-benefiċċju tal-impriżi kbar indipendentement mill-iskop tagħhom, iżda ma qalet xejn fir-rgiward tal-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ċaħdet din il-proposta. Din il-kwistjoni għadha ma ġietx iċċarata b’mod definittiv.

56      Skont MB Immobilien u MB System, il-garanziji li jsostnu l-miżuri ta’ ristrutturazzjoni u ta’ salvataġġ favur impriżi f’diffikultà fis-sens tal-iskema ta’ għajnuna approvata ġew illimitati għall-SMEs. Fir-rigward tal-għajnuna reġjonali għall-operazzjoni u għall-investiment, bħal dik stipulata fil-miżura xierqa E 16/94, l-applikazzjoni tal-kriterji stretti tal-paragrafu 5 tal-linji gwida tal-1999 għandha ssir b’kundizzjoni doppja baġitarja, li skontha garanzija ma tistax tingħata jekk ikun probabbli ħafna li din tiġi implementata u li, għalhekk, garanziji jistgħu jiġu kkostitwiti favur impriżi f’diffikultà biss meta l-garanti jikkonstata, fuq il-bażi ta’ rapport redatt minn awditur indipendenti, li l-impriża benefiċjarja, fid-dawl tas-self iggarantit, għandha aspettattivi tajbin li tkompli bl-attività tagħha. Barra minn hekk, fir-rigward tal-obbligu ta’ notifika tal-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi kbar f’diffikultà li jirriżulta mid-Deċiżjoni 96/475, MB Immobilien u MB System isostnu li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja aċċettat dan għaż-żewġ tipi ta’ għajnuna biss fir-rigward ta’ Bade-Wurtemberg (il-Ġermanja) u Hamburg (il-Ġermanja). Fir-rigward tat-tip ta’ għajnuna reġjonali, l-iskema ta’ għajnuna approvata ma ġietx affettwata mid-Deċiżjoni 96/475. Konsegwentement, il-kriterju li jippermetti l-verifika tal-ammissibbiltà ta’ dawn il-garanziji baqa’ l-kriterju baġitarju iċċitat iktar ’il fuq, li ma ġiex issostitwit bl-indikaturi msemmija fil-linji gwida tal-1999.

57      Il-Kummissjoni titlob li dawn l-ilmenti jiġu miċħuda. Hija tikkontesta l-applikabbiltà tal-miżura xierqa E 16/94 u tallega li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija applikat korrettament il-kriterji tal-paragrafi 4 sa 6 tal-linji gwida tal-1999.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

58      Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jikkontestawx li l-impriżi f’diffikultà huma esklużi mit-tip ta’ għajnuna reġjonali taħt l-iskema ta’ għajnuna approvata. Madankollu huma jsostnu li l-Kummissjoni ma setgħetx, fir-rigward tal-miżuri 2 u 3, tibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq id-definizzjoni tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà li tirriżulta mill-paragrafi 4 sa 6 tal-linji gwida tal-1999 biex b’hekk teskludi l-impriżi inkwistjoni mill-applikazzjoni tat-tip ta’ għajnuna reġjonali, iżda kellha tapplika dik tal-miżura xierqa E 16/94 li hija iktar restrittiva. Fil-fatt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma aċċettatx din id-definizzjoni allegatament iktar wiesgħa tal-linji gwida tal-1999 għat-tip ta’ għajnuna reġjonali taħt l-iskema ta’ għajnuna approvata. Barra minn hekk, l-indikaturi indikati fil-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-1999 huma wisq impreċiżi biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jevalwaw il-kompatibbiltà ta’ miżuri finanzjarji ma’ skema ta’ għajnuna approvata.

59      Fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li meta l-Kummissjoni jkollha quddiemha għajnuna individwali li tkun allegatament ingħatat b’applikazzjoni ta’ skema awtorizzata minn qabel, hija ma tistax teżaminaha immedjatament skont it-Trattat. Qabel ma tibda kwalunkwe proċedura, hija għandha teżamina jekk l-għajnuna hijiex koperta mill-iskema ġenerali u jekk tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fid-deċiżjoni li tapprovaha. Jekk hija ma tagħmilx dan, il-Kummissjoni tista’, fl-eżami ta’ kull għajnuna individwali, tibdel id-deċiżjoni tagħha ta’ approvazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna, li tippresupponi li jkun diġà sar eżami fid-dawl tal-Artikolu 87 tal-KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 40 iktar ’il fuq, punt 24).

60      Għajnuna li tikkostitwixxi applikazzjoni rigoruża u prevedibbli tal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-iskema ġenerali approvata hija għalhekk ikkunsidrata bħala għajnuna eżistenti li ma teħtieġx la li tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u lanqas li tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 87 KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, ARAP et vs Il-Kummissjoni, C‑321/99 P, Ġabra p. I‑4287, punt 83, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Novembru 2004, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T‑176/01, Ġabra p. II‑3931, punt 51).

61      Min-naħa l-oħra, miżuri li ma humiex koperti mill-iskemi ġenerali invokati jikkostitwixxu għajnuna ġdida li l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni għandha tiġi sottomessa għall-eżami tal-Kummissjoni. Fil-fatt, mill-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) jirriżulta li “kull pjan għall-għoti ta’ għajnuna ġdida għandu jkun mgħarraf lill-Kummissjoni f’biżżejjed żmien mill-Istat Membru”.

62      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddeċiedi fuq il-konformità ta’ għajnuna mal-iskema kkonċernata taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-obbligu tagħha li tiżgura l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 KE u 88 KE. Għaldaqstant, l-eżami mill-Kummissjoni tal-konformità ta’ għajnuna ma’ din l-iskema ma jikkostitwixxix inizjattiva li tmur lil hinn mill-kuntest tal-kompetenzi tagħha. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tiġi llimitata minn dik tal-awtoritajiet nazzjonali li taw l-għajnuna.

63      Fir-rigward tal-argument li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma aċċettatx id-definizzjoni ta’ impriżi f’diffikultà li tirriżulta fil-paragrafi 4 sa 6 tal-linji gwida tal-1999 għat-tip ta’ għajnuna reġjonali taħt l-iskema ta’ għajnuna approvata, jirriżulta mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 659/1999 li l-Kummissjoni għandha tikseb mill-Istati Membru kkonċernat l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-analiżi mill-ġdid, f’kooperazzjoni mal-Istat Membru, ta’ skemi ta’ għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 88(1) KE. Fejn il-Kummissjoni, fid-dawl tal-informazzjoni sottomessa, tikkonkludi li l-iskema ta’ għajnuna eżistenti ma hijiex, jew ma għadhiex, kompatibbli mas-suq komuni, hija għandha toħroġ rakkomandazzjoni li tipproponi miżuri xierqa sabiex l-iskema ta’ għajnuna eżistenti tiġi emendata jew abolita skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 659/1999.

64      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li, “[f]ejn l-Istat Membru kkonċernat jaċċetta l-miżuri proposti u jinforma lill-Kummisjsoni dwarhom, il-Kummissjoni għandha tirreġistra dik is-sejba u tinforma lill-Istat Membru dwarha”. L-istess artikolu jipprovdi wkoll li “[l]-Istat Membru għandu jkun marbut bl-aċċettazzjoni tagħha li jimplementa l-miżuri xierqa”.

65      F’din il-kawża, b’mod konformi mal-miżuri xierqa tal-linji gwida tal-1999 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bagħtet lill-Kummissjoni b’ittra tal-1 ta’ Diċembru 1999 lista ta’ skemi ta’ għajnuna li baqgħu fis-seħħ wara t-30 ta’ Ġunju 2000 u li kellhom, skont din l-ittra, jiġu adattati għall-miżuri xierqa. L-iskema ta’ għajnuna approvata kienet tinsab f’din il-lista. B’ittra tal-20 ta’ Jannar 2000, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja aċċettat il-miżuri xierqa proposti fil-punt 6 tal-linji gwida tal-1999.

66      Madankollu, skont ir-rikorrenti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja aċċettat biss il-miżuri xierqa għall-iskemi ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni u, konsegwentement, biss għat-tip ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni taħt l-iskema ta’ għajnuna approvata. Minn dan huma jiddeduċu li hija d-definizzjoni tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà fil-miżura xierqa E 16/94 li għandha tibqa’ tiġi applikata għat-tip ta’ għajnuna reġjonali taħt l-iskema ta’ għajnuna approvata.

67      Dan ir-raġunament għandu jiġi miċħud.

68      Fil-fatt, il-Kummissjoni ġustament tirrileva li l-korrispondenza tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-fajl ma tagħmilx distinzjoni bejn it-tipi differenti ta’ għajnuna taħt l-iskema ta’ għajnuna approvata. Din tal-aħħar hija partikolarment imsemmija mingħajr iktar dettalji fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 1999. L-ittra tal-20 ta’ Jannar 2000 hija wkoll ta’ natura ġenerali. Għalhekk ma ġiex stabbilit li hemm xi esklużjoni espressa tal-applikazzjoni tal-linji gwida tal-1999 għat-tip ta’ għajnuna reġjonali taħt l-iskema ta’ għajnuna approvata.

69      Barra minn hekk, il-lista ta’ kontroll li, kif jirriżulta mill-ittra tat-30 ta’ Ġunju 2000, tikkostitwixxi parti integrali mill-iskemi ta’ garanziji Ġermaniżi u tittrasponi għal dan il-qasam il-miżuri xierqa, u b’mod partikolari l-punt 4.1 tagħha, tirreferi b’mod espliċitu għall-obbligu ta’ notifika individwali fil-każ ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni intiża għal impriżi kbar f’diffikultà fis-sens tal-linji gwida tal-1999. Għalhekk mill-punt 4.1 tal-lista ta’ kontroll jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja aċċettat li kull garanzija li tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni (bl-eċċezzjoni ta’ garanziji mogħtija fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna għall-SMEs li jissodisfaw tal-inqas wieħed mit-tliet kriterji stipulati fil-paragrafu 5 tal-linji gwida tal-1999, ara l-punt 78 iktar ’il fuq) għandha tiġi nnotifikata individwalment lill-Kummissjoni, b’mod konformi mal-linji gwida tal-1999.

70      Ċertament, kif jirrileva l-Freistaat Sachsen, il-korrispondenza inkwistjoni tirreferi, f’ċerti aspetti, b’mod espliċitu għall-“iskemi ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni”. Pereżempju, fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 1999, jissemma’ adattament għal-linji gwida tal-1999 tal-“iskemi ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni eżistenti” lkoll fis-seħħ wara t-30 ta’ Ġunju 2000. L-istess jingħad fir-rigward tal-lista ta’ kontroll. Din hija għalkollox konformi mat-termini tal-punt 6.3 tal-linji gwida tal-1999 li jirrikjedi l-adattament tal-“iskemi eżistenti ta’ għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturazzjoni fid-dawl ta’ dawn il-linji gwida”.

71      Madankollu, b’mod kuntrarju għal dak li l-Freistaat Sachsen isostni, minn dawn ir-riferimenti għall-“iskemi ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni” ma jirriżultax li l-aċċettazzjoni tal-miżuri xierqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet limitata għat-tip ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni taħt l-iskema ta’ għajnuna approvata.

72      Fil-fatt, anki jekk din l-aċċettazzjoni tal-miżuri xierqa tal-linji gwida tal-1999 kienet tirreferi biss għall-iskemi ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni eżistenti, dan xorta waħda ma jfissirx li l-Freistaat Sachsen seta’ jinjora l-linji gwida tal-1999 meta, wara d-dħul fis-seħħ tagħhom fid-9 ta’ Ottubru 1999 u wara l-aċċettazzjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tal-miżuri xierqa marbuta magħhom, huwa ta benefiċċji finanzjarji lil impriżi potenzjalment f’diffikultà. Dan huwa l-każ anki jekk dawn il-benefiċċji kienu jidħlu a priori fil-kundizzjonijiet ta’ skema eżistenti ta’ għajnuna b’għan reġjonali għal reġjun li huwa, kif irrilevat fil-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata, reġjun megħjun fis-sens tal-Artikolu 87(3)(a) KE.

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 87(3)(a) u (c) KE dwar l-għajnuna b’għan reġjonali tippresupponi, meta għajnuna għas-salvataġġ tkun involuta, l-eżistenza ta’ pjan ġenwin ta’ ristrutturazzjoni, sabiex l-effetti pożittivi tal-għajnuna fuq l-iżvilupp reġjonali jistgħu jkunu għal żmien twil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑305/89, Ġabra p. I‑1603, punt 36) u jikkumpensaw l-effetti ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

74      Bl-istess mod, mill-paragrafu 3 tal-linji gwida tal-1999, li l-Kummissjoni setgħet tadotta għall-finijiet tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija għandha fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3) KE u li huma applikabbli għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra p. II‑2123, punti 94 u 95, u l-ġurisprudenza ċċitata), li “[g]ħajnuna ta’ l-Stat biex jiġu salvati ditti f’diffikultajiet ta’ falliment u biex jiġu megħjunin jirristrutturaw għandhom jitqiesu biss leġittimi bla ħsara għal ċertu kondizzjonijiet”. Huwa għalhekk li l-linji gwida tal-1999 jipprevedu, b’mod partikolari fil-paragrafu 17 tagħhom, obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni ta’ kull finanzjament mogħti jew iggarantit mill-Istat lil impriża f’diffikultà finanzjarja, u huwa fil-kuntest tal-eżami ta’ din in-notifika li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonjiet ta’ natura reġjonali msemmija fl-Artikolu 87(3)(a) u (c) KE, skont kif ipprovdut fil-paragrafi 19 u 20 tal-imsemmija linji gwida.

75      Mill-premess jirriżulta li, fiż-żmien rilevanti, qabel ma ngħatat għajnuna lil impriża kbira li kienet tinsab f’sitwazzjoni ekonomika li kienet tal-inqas problematika, li fir-rigward tal-Grupp Biria dan ma jistax jiġi nnegat, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha l-ewwel tiddetermina jekk dan kienx il-każ ta’ impriża f’diffikultà skont il-kriterji tal-paragrafi 4 sa 6 tal-linji gwida tal-1999. Jekk dan kien il-każ, l-għajnuna inkwistjoni kienet suġġetta għal obbligu ta’ notifika individwali.

76      Minn dan isegwi wkoll li l-argument tar-rikorrenti fir-rigward tal-eżistenza ta’ definizzjoni speċifika tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà fil-kuntest tat-tip ta’ għajnuna reġjonali taħt l-iskema ta’ għajnuna approvata għandha tiġi miċħuda. L-aċċettazzjoni tal-eżistenaza parallela ta’ definizzjonijiet differenti tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà tista’, fil-fatt, twassal għal sitwazzjoni fejn impriża li tkun f’diffikultà skont il-linji gwida tal-1999 setgħet madankollu tibbenefika minn għajnuna tal-Istat mingħajr ma jkun hemm obbligu ta’ notifika u mingħajr ma jiġu osservati l-linji gwida tal-1999. Issa, sitwazzjoni bħal din hija kuntrarja għas-sens tal-Artikolu 87(1) u (3) KE u tal-Artikolu 88(3) KE, kif huwa indikat b’mod ċar fil-linji gwida tal-1999 (ara l-punt 74 iktar ’il fuq).

77      Fir-rigward, imbagħad, tal-argumenti tar-rikorrenti li l-indikaturi stipulati fil-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-1999 huma wisq vagi biex jiġu użati minn Stat Membru fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ proġett ta’ miżura ta’ għajnuna ma’ skema eżistenti, għandu jiġi mfakkar, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, li, fil-każ ta’ dubju dwar il-klassifikazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ impriża benefiċjarja, l-Istat Membru għandu jinnotifika l-miżura inkwistjoni.

78      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq paragun tal-kriterji tal-miżura xierqa E 16/94 ma’ dawk tal-paragrafu 5 tal-linji gwida tal-1999 u kif ukoll fuq il-fatt li ċerta korrispondenza bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skambjata wara l-linji gwida tal-1999, irreferiet biss għall-kriterji tal-imsemmi paragrafu 5, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem tal-linji gwida tal-1999, u partikolarment mill-punt 4 tagħhom (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), jirriżulta ċar li l-uniċi skemi ta’ għajnuna għal impriżi f’diffikultà li baqgħu awtorizzati huma dawk li jirrigwardaw l-SMEs. Minn dan jirriżulta wkoll li, sabiex jiġi evalwat jekk dawn tal-aħħar humiex f’diffikultà, huma biss il-kriterji stretti tal-paragrafu 5 tal-linji gwida tal-1999 li huma a priori rilevanti. Fejn ma japplikawx l-imsemmija kriterji stretti, in-notifika individwali tkun meħtieġa. Jekk stess il-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, wara l-adozzjoni tal-linji gwida tal-1999, setgħet għalhekk tinkludi diskussjoni dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà bħal dik li tirriżulta mill-paragrafu 5 tal-linji gwida tal-1999 sabiex jiġi ddefinit il-kuntest tal-evalwazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna li baqgħu awtorizzati, minn dan ma jistax jiġi konkluż, kif donnhom qed isostnu r-rikorrenti, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja aċċettat biss din id-definizzjoni u lanqas ma jista’ jiġi konkluż li din irrifjutat il-possibbiltà li tuża d-definizzjoni ta’ impriża li tidher fil-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-1999 lil hinn mill-kuntest speċifiku tal-iskemi ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni għall-SMEs.

79      Fl-aħħar nett, għandu wkoll jiġi ppreċiżat li, kif tafferma l-Kummissjoni u kif jirriżulta mill-ittra tat-23 ta’ Jannar 2006, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja aċċettat l-evalwazzjoni tal-miżuri 2 u 3 fid-dawl tal-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-1999. Barra minn hekk, ma jirriżultax la mid-deċiżjoni kkontestata u lanqas mill-proċess li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja invokat il-miżura xierqa E 16/94 fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u, barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jaffermawx il-kuntrarju.

80      Mill-premessa jirriżulta li hemm lok li l-korrispondenza kollha bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja skambjata qabel l-1999 tiġi injorata. Hemm lok ukoll li tiġi injorata d-definizzjoni allegatament iktar stretta tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà li tidher fil-miżura xierqa E 16/94 minħabba li din hija nieqsa mir-rilevanza għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża.

81      Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kisretx id-dritt Komunitarju u lanqas ma kisret l-iskema ta’ għajnuna approvata meta evalwat is-sitwazzjoni tal-impriżi inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-kriterji tal-linji gwida tal-1999, inklużi dawk fir-rigward tal-paragrafu 6 tagħhom, u mhux ta’ dawk tal-miżura xierqa E 16/94.

82      Għalhekk l-ilmenti mressqa fil-kuntest tar-rikorsi fil-Kawżi T‑102/07 u T‑120/07, ibbażati fuq ksur tal-iskema ta’ għajnuna approvata f’dan ir-rigward, għandhom jiġu miċħuda.

2.     Fuq l-ilmenti dwar il-karatterizzazzjoni tal-impriżi benefiċjarji bħala impriżi f’diffikultà

83      Fl-ewwel lok, MB Immobilien u MB System isostnu li l-impriża benefiċjarja tal-miżura 1, Bike Systems, ma kinitx tinsab f’diffikultà f’Marzu 2001. Ladarba l-iskema ta’ għajnuna approvata tirrigwarda garanziji mill-Istat u l-miżura 1 hija sehem passiv li ma ngħatax fil-kuntest ta’ din l-iskema, MB Immobilien u MB System ma jikkontestawx li fir-rigward tagħha tiġi applikata d-definizzjoni tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà li tinsab fil-linji gwida tal-1999.

84      Fit-tieni lok, il-Freistaat Sachsen u MB Immobilien, it-tnejn isostnu li l-impriżi benefiċjarji tal-miżuri 2 u 3, Sachsen Zweirad u Biria GmbH rispettivament, ma kinux jinsabu f’diffikultà fis-sens tal-miżura xierqa E 16/94 meta ngħataw il-garanziji. F’dan ir-rigward, mill-analiżi preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kellha dritt tibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq id-definizzjoni tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà li tinsab fil-linji gwida tal-1999. Minn dan isegwi li l-ilmenti bbażati fuq il-fatt li l-impriżi benefiċjarji ma kinux f’diffikultà skont il-kriterji tal-miżura xierqa E 16/94 għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

85      Fit-tielet lok, il-Freistaat Sachsen isostni li lanqas Sachsen Zweirad u Biria GmbH ma kienu impriżi f’diffikultà fis-sens tal-kriterji tal-linji gwida tal-1999, f’Marzu 2003 u f’Diċembru 2003 rispettivament.

86      Barra minn hekk, fir-replika tagħhom, MB Immobilien u MB System isostnu wkoll, sussidjarjament, li, anki jekk il-linji gwida tal-1999 kienu applikabbli, kellu jiġi kkunsidrat li Sachsen Zweirad u Biria GmbH ma kinux jinsabu f’diffikultà. Madankollu, dan l-ilment għandu jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba ksur tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, li jeħtieġ li kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa. Fil-fatt, din l-indikazzjoni għandha tkun biżżejjed ċara u preċiża sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi r-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra dwaru. Sabiex iċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jkunu ggarantiti, huwa neċessarju li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ir-rikors ikun ibbażat jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu (digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2005, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, T‑294/04, Ġabra p. II‑2719, punt 23).

87      Minn dan isegwi li l-eżami tal-iżbalji ta’ evalwazzjoni li setgħu saru mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji tal-linji gwida tal-1999 għas-sitwazzjoni ta’ Sachen Zweirad u ta’ Biria GmbH għandu jiġi llimitat għall-eżami tal-argumenti mressqa mill-Freistaat Sachsen f’dan ir-rigward.

88      Għalhekk ser jiġi eżaminat iktar ’l isfel, fuq il-bażi tal-linji gwida tal-1999, jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kklassifikat, minn naħa, lil Bike Systems bħala li kienet f’diffikultà f’Marzu 2001 u, min-naħa l-oħra, lil Sachsen Zweirad u lil Biria GmbH bħala li kienu f’diffikultà, f’Marzu 2003 u f’Diċembru 2003 rispettivament.

 Fuq il-kwistjoni ta’ jekk Bike Systems kinitx impriża f’diffikultà f’Marzu 2001

 L-argumenti tal-partijiet

89      Fl-ewwel lok, MB Immobilien u MB System isostnu li r-raġunijiet invokati fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex Bike Systems tiġi kkunsidrata li kienet impriża f’diffikultà ma jirriflettux kriterji jew sintomi rilevanti fis-sens tal-linji gwida tal-1999 u huma inkompleti. Il-Kummissjoni stess ikkonstatat li Bike Systems ma kinitx falluta, iżda ma għamlet ebda konstatazzjoni dwar il-karta tal-bilanċ tal-impriżi benefiċjarji u, għalhekk, dwar il-kriterji tal-imsemmija linji gwida. Barra minn hekk, minn ristrutturazzjoni limitata ma jistax jiġi awtomatikament dedott li l-aspettattivi ta’ impriżi huma inċerti, iżda għal dan il-għan kellhom isiru konstatazzjonijiet iktar eżawrjenti. Iktar minn hekk, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, b’mod suffiċjenti, il-fatt li Bike Systems ittieħdet minn impriża b’saħħitha. Fil-fatt, ladarba mill-pjan ta’ rkupru jirriżulta bdil tal-proprjetarju, il-Kummissjoni kellha teżamina l-piż ekonomiku tax-xerrej sabiex tkun tista’ tagħti opinjoni valida dwar l-aspettattivi tal-impriża. Barra minn hekk, it-telf jew il-kapitali tagħhom f’bilanċ negattiv jistgħu, iżda mhux neċessarjament, jikkostitwixxu indikazzjoni li impriża tkun f’diffikultà skont kif jipprovdu l-linji gwida tal-1999.

90      Fit-tieni lok, MB Immobilien u MB System isostnu li l-Kummissjoni ma analizzatx ittra ta’ kjarifika vinkolanti (harte Patronatserklärung) ta’ Biria GmbH tas-6 ta’ Marzu 2001 (iktar ’il quddiem “ittra ta’ kjarifika”) minkejja l-fatt li l-eżistenza ta’ dan id-dokument ġiet invokata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-ittra tal-31 ta’ Jannar 2005. Il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li gbb kellha għad-dispożizzjoni tagħha, fir-rigward tal-obbligi maħluqa mill-kuntratt ta’ sehem passiv, il-garanzija ta’ Biria GmbH u li, konsegwentement, hija setgħet, f’każ li ma tasalx, iddur lejn impriża li ma kinitx impriża f’diffikultà. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li ma eżaminatx l-ittra ta’ kjarifika li Biria GmbH għamlet għall-benefiċċju ta’ Bike Systems, minkejja li kienet taf b’dan il-fatt. Għandha ssir distinzjoni bejn l-ittri ta’ kjarifika vinkolanti (harte Patronatserklärungen) u l-ittri ta’ kjarifika li ma humiex vinkolanti (weiche Patronatserklärungen). Fil-kuntest ta’ ittra ta’ kjarifika vinkolanti, il-garanti ma jkunx debitur b’responsabbiltà li tiskatta biss wara dik tad-debitur prinċipali, iżda jkun responsabbli in solidum mad-debitur prinċipali.

91      Dan ir-raġonament ma huwiex kontradett mill-fatt li l-Gvern Ġermaniż espona, fl-ittra tat-23 ta’ Jannar 2006, li kien qabel mal-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni li sehem passiv huwa paragunabbli ma’ self subordinat li fir-rigward tiegħu hemm riskju, minħabba n-nuqqas ta’ garanti, ikbar minn dak ta’ self bankarju tipiku intiż sabiex jiffinanzja investiment, b’mod li r-rimunerazzjoni għal sehem passiv bħal dan għandha tkun sostanzjalment ogħla mir-rata ta’ riferiment tal-Unjoni Ewropea fis-seħħ fid-data tal-għoti. Meta l-Kummissjoni ssemmi li, fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni astratta, hija ma kellha ebda raġuni teżamina f’iktar dettall il-klassifikazzjoni tal-ittra ta’ kjarifika u li tagħmel domandi fir-rigward tagħha, hija qed tinsa li hija kienet taf biha u li kellha għalhekk obbligu li tagħti struzzjonijiet jew tal-inqas li tagħmel domandi lill-Istat Membru.

92      Fit-tielet lok, MB Immobilien u MB System isostnu li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rapport ta’ verifika dwar il-kontijiet annwali magħluqa fil-31 ta’ Diċembru 2002 u r-rapport annwali għas-sena finanzjarja 2002 ta’ Bike Systems (iktar ’il quddiem ir-“rapport dwar il-kontijiet 2002 ta’ Bike Systems”), li dwaru hija kellha għarfien u li fih kien hemm indikat li l-preżentata u l-evalwazzjoni tal-attiv fil-bilanċ tal-31 ta’ Diċembru 2002 kienu jippermettu li wieħed jassumi li l-aspettattivi kienu pożittivi. Il-Kummissjoni fl-ebda stadju ma tinvoka l-istat ta’ solvenza tax-xerrej. MB Immobilien u MB System jikkontestaw l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li r-rapport dwar il-kontijiet 2002 ta’ Bike Systems ma kellu ebda valur għall-evalwazzjoni tad-deċiżjonijiet tas-sena finanzjarja 2001. Barra minn hekk, hija stess tuża dan it-tip ta’ ġustifikazzjoni a posteriori.

93      Fir-raba’ lok, huma jsostnu li l-argumenti li l-Kummissjoni tressaq dwar il-perijodi wara d-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux iservu sabiex jiġġustifikaw lil din tal-aħħar.

94      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ MB Immobilien u ta’ MB System.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

95      B’mod preliminari, għandu jiġi ppreċiżat li mir-rikors fil-Kawża T‑120/07 jirriżulta li l-ilmenti ta’ MB Immobilien u ta’ MB System, imressqa fil-kuntest tat-tieni motiv tagħhom, jirrigwardaw, minn naħa, il-karatterizzazzjoni ta’ Bike Systems bħala impriża f’diffikultà u, min-naħa l-oħra, id-determinazzjoni tal-element ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-estent taż-żieda applikata mill-Kummissjoni.

96      Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-element ta’ għajnuna tal-miżura 1, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni motiv ma jinkludi ebda żvilupp meta mqabbel mal-ilment ta’ MB Immobilien u ta’ MB System ifformulat fi ħdan dan il-motiv tar-rikors fil-Kawża T‑120/07 li skontu l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, b’mod suffiċjenti, il-fatt li rimunerazzjoni li tkun iktar minn 600 punt ta’ bażi ogħla mir-rata ta’ interessi ta’ riferiment tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod suffiċjenti, ir-riskju ikbar ta’ inadempjenza ta’ impriża f’diffikultà. Għalhekk dan għandu jiġi ddikjarat inammissibbli skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 86 iktar ’il fuq. L-argumenti kontra d-determinazzjoni tal-element ta’ għajnuna fid-dawl tar-rata ta’ riferiment tas-suq li jinsabu fit-tielet motiv tar-rikros fil-Kawża T‑120/07 dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni se jiġu eżaminati iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-eżami tal-ilmenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

97      Għalhekk, it-tieni motiv tar-rikors fil-Kawża T‑120/07 u l-eżami ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni li seta’ kien hemm huma llimitati għall-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta qieset li Bike Systems kienet impriża f’diffikultà meta ngħatat il-miżura 1, fuq il-bażi tal-kriterji tal-linji gwida tal-1999.

98      Qabelxejn, għandu jiġi mfakkar li l-eżami li l-Kummissjoni trid twettaq jimplika l-kunsiderazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ fatti u ta’ ċirkustanzi ekonomiċi kumplessi. Peress illi l-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti u taċ-ċirkustanzi kumplessi ekonomiċi għal dik tal-Kummissjoni, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu konsegwentement ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ dawk dwar il-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ setgħa (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle u ZEMAG vs Il-Kummissjoni, T‑111/01 u T‑133/01, Ġabra p. II‑1579, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Dwar is-sitwazzjoni ta’ Bike Systems f’Marzu 2001, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni tindika fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata dan li ġej:

“[...] Bike Systems kienet għadha kemm ħarġet mill-falliment permezz ta’ l-adozzjoni ta’ pjan ta’ falliment. Il-prospetti tagħha għall-ġejjieni kienu inċerti għaliex kien sar biss ristrutturar operattiv limitat. Skond ir-rapport annwali tal-kumpannija ta’ l-2001, dik is-sena l-kumpannija kienet għadha tirreġistra telf. Il-kapital tagħha kien għadu negattiv għalkemm, grazzi għal riżervi moħbija, dan ma kkawżax falliment. Bike Systems trid, għaldaqstant, titqies bħala kumpannija li f’dak iż-żmien kienet f’diffikultajiet.”

100    L-analiżi tas-sitwazzjoni ta’ Bike Systems hija għalhekk ibbażata fuq l-eżistenza ta’ pjan ta’ insolvenza, in-natura limitata tar-ristrutturazzjoni tagħha li minnha jirriżulta li l-aspettattivi tagħha kienu inċerti, it-telf ikkonstatat fil-bilanċ tal-2001 u l-kapital tagħha b’bilanċ negattiv.

101    Fl-ewwel lok, MB Immobilien u MB System isostnu li l-imsemmija fatturi ma jinsabux fil-linji gwida tal-1999 u ma jissostanzjawx b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-konklużjoni tal-Kummissjoni li Bike Systems kienet tinsab f’diffikultà.

102    Dan l-argument ma jistax jirnexxi.

103    Fil-fatt, fil-kuntest tal-analiżi tal-linji gwida tal-1999, għandu jiġi mfakkar li l-paragrafu 4 sempliċement jistipula b’mod ġenerali li impriża hija kkunsidrata bħala li tkun f’diffikultà meta din ma tkunx tista’, permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħha jew permezz tar-riżorsi li l-proprjetarji/azzjonisti u l-kredituri tagħha jistgħu jagħtuha, twaqqaf it-telf li, fin-nuqqas ta’ intervent mill-awtoritajiet pubbliċi, iwassalha għal falliment ekonomiku ċert fi żmien qasir jew fi żmien ta’ tul medju.

104    Barra minn hekk, mill-kliem tal-paragrafi 5 u 6 tal-linji gwida tal-1999 jirriżulta li, minkejja li impriża hija “f’kull ċirkostanza” ikkunsidrata f’diffikultà jekk tkun tilfet parti sostanzjali mill-kapital azzjonarju tagħha, jista’ xorta waħda jintwera permezz ta’ indikazzjonijiet oħra, bħal dawk elenkati fil-paragrafu 6, li hija tkun tinsab f’diffikultà finanzjarja fis-sens tal-linji gwida tal-1999, anki jekk hija ma tkunx tilfet parti sostanzjali mill-kapital azzjonarju tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra p. II‑2197, punt 185).

105    Minn din il-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott, minn naħa, li t-tnaqqis sinjifikattiv tal-kapital azzjonarju huwa fattur serju ħafna li jindika li impriża tkun tinsab f’diffikultà u, min-naħa l-oħra, li hemm ċertu numru ta’ fatturi ekonomiċi, li tagħhom il-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-1999 jinkludi lista li ma hijiex eżawrjenti (ara l-użu tal-kliem “bħal dawk” fis-sentenza Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 104 iktar ’il fuq, punt 185), li jistgħu juru wkoll l-eżistenza ta’ tali stat, anki fin-nuqqas ta’ telf ta’ parti sostanzjali mill-kapital azzjonarju jew ta’ stat ta’ insolvenza fis-sens tal-paragrafu 5 tal-Linji gwida tal-1999.

106    Fil-każ ineżami, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi għall-eżistenza ta’ kapital proprju f’bilanċ negattiv li, b’mod kuntrarju għal dak li MB Immobilien u MB System jallegaw, jista’ jiġi kkunsidrat bħala indikatur importanti ta’ sitwazzjoni ta’ diffikultà finanzjarja ta’ impriża, anki jekk dan ma jaqax taħt iċ-ċirkustanzi speċifiċi stipulati fil-paragrafu 5 tal-linji gwida tal-1999.

107    Hija ssemmi wkoll indikaturi oħra, b’mod partikolari t-telf fis-sena tal-miżura 1. Anki jekk dan il-fattur tal-aħħar ma huwiex imsemmi fil-lista ta’ indikaturi li ma hijiex eżawrjenti tal-paragrafu 6, li ssemmi livell ta’ telf li qed jogħla, ir-rilevanza tiegħu fil-kuntest tal-analiżi tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ impriża ma tistax tiġi miċħuda sa fejn dan jirreferi għas-sitwazzjoni eżistenti qabel jew fiż-żmien tal-għoti tal-għajnuna, u dan ma huwiex ikkontestat minn MB Immobilien u MB System.

108    Fir-rigward tal-eżistenza ta’ pjan ta’ insolvenza, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn MB System u mill-Kummissjoni bi tweġiba għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑120/07 jirriżulta li l-proċedura tal-pjan ta’ insolvenza taħt il-liġi Ġermaniża tipprevedi li impriża insolventi tiġi salvata f’mument fejn falliment ikun għadu jista’ jiġi evitat u teħtieġ li jiġi ppreżentat pjan ta’ insolvenza.

109    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-paragrafu 5(ċ) tal-linji gwida tal-1999 jirreferi għaċ-ċirkustanza ta’ impriża li “taħt il-liġi domestika tagħha tissodisfa kriterji biex tkun soġġetta għal proċeduri ta' falliment kollettiv ” bħala fattur li jindika li hija f’kull ċirkustanza għandha tiġi kkunsidrata li tinsab f’diffikultà. Ċertament, is-sitwazzjoni ta’ Bike Systems f’Marzu 2001 ma kinitx tirrifletti s-sitwazzjoni deskritta fl-imsemmi paragrafu 5(ċ) peress li din kienet ħarġet mill-proċedura ta’ insolvenza. Madankollu, kif il-Kummissjoni kkonfermat fit-tweġiba għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali u fis-seduta, hija kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-pjan ta’ insolvenza ppermetta lil Bike Systems toħroġ minn sitwazzjoni ta’ insolvenza, iżda s-sitwazzjoni baqgħet fraġli, b’mod partikolari minħabba li r-ristrutturazzjoni kienet limitata, fattur li ttieħed inkunsiderazzjoni bħala indikatur ta’ diffikultà skont il-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-1999.

110    Fir-rigward, imbagħad, tal-estent ta’ din ir-ristrutturazzjoni, filwaqt li tikkonċedi li r-ristrutturazzjoni inizjali ta’ Bike Systems kienet ta’ natura limitata fis-sens li l-kumpannija kellha tinħareġ kemm jista’ jkun malajr mill-proċedura ta’ insolvenza sabiex tkun tista’ tkompli bl-attivitajiet tagħha u li għalhekk dan kien essenzjalment jinvolvi tħassir ta’ debiti, MB System issostni li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sitwazzjoni ta’ impriża li tkun ħarġet minn proċedura ta’ insolvenza hija simili għal dik ta’ kumpannija ġdida, peress li din ma jkollhiex iktar debiti. Barra minn hekk, skont MB System, il-kredituri kienu jemmnu li Bike Systems setgħet issalva peress li aċċettaw il-pjan ta’ insolvenza. Skontha, ladarba l-Grupp Biria kien it-tieni fis-suq, wara li dan inkiseb minn din tal-aħħar, Bike Systems kellha aspettativi ekonomiċi kompletament differenti.

111    Minkejja l-fatturi msemmija minn MB Immobilien u MB System, għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura ta’ insolvenza ta’ Bike Systems ngħalqet biss f’Diċembru 2000, jiġifieri tliet xhur biss qabel ma ngħatat il-miżura 1. F’dawn iċ-ċirkustanzi u filwaqt li jitqies il-fatt li dan kien essenzjalment jinvolvi ristrutturazzjoni ta’ debiti mingħajr bdil operazzjonali sostanzjali, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni setgħet tikkonkludi mingħajr ma tkun qed twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni li s-sitwazzjoni ta’ Bike Systems f’Marzu 2001 baqgħet fraġli u li l-aspettativi tagħha kienu inċerti, u dan minkejja l-kunfidenza li l-banek setgħu wrew fir-rigward tal-imsemmija aspettattivi.

112    Fir-rigward tal-allegat nuqqas milli titqies is-sitwazzjoni tax-xerrej b’saħħtu ta’ Bike Systems, ilment li, kif jirriżulta minn risposta għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, jirreferi għall-integrazzjoni ta’ Bike Systems fil-Grupp Biria matul il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ta’ MB Immobilien u MB System huwa ftit li xejn issostanzjat u li dawn ma jispjegawx, b’mod partikolari, liema elementi speċifiċi mressqa matul il-proċedura amministrattiva ma tqisux mill-Kummissjoni. Ir-riferiment li sar matul is-seduta, bħala risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, għall-pożizzjoni fis-suq tal-grupp Biria ma hijiex biżżejjed f’dan ir-rigward u għalhekk hemm lok li l-ilment jiġi ddikjarat inammissibbli skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 86 iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, kif tafferma l-Kummissjoni, Bike Systems kienet il-kumpannija debitriċi tar-rimunerazzjoni tal-miżura 1 u mhux l-akkwirent u ma jistax jingħad li hija regola stabbilita li x-xerrej isostni lis-sussidjarja tiegħu fir-rigward tar-regolarizzazzjoni ta’ tali debitu.

113    Fit-tieni lok, MB Immobilien u MB System isostnu li l-Kummissjoni kellha tanalizza l-ittra ta’ kjarifika.

114    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li huwa l-kompitu tal-Istat Membru kkonċernat li, sabiex iwettaq l-obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jipprovdi l-informazzjoni kollha li tista’ tgħin lil din l-istituzzjoni tivverifika li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet tad-deroga li minnha huwa jkun qed jitlob li jibbenefika (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 2006, Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke vs Il-Kummissjoni, T‑17/03, Ġabra p. II‑1139, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-legalità ta’ att Komunitarju għandu jiġi evalwat skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data ta’ meta l-att ikun ġie adottat u li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jiġu eżaminati biss fid-dawl tal-informazzjoni li din kellha meta għamlet tali evalwazzjonijiet (ara s-sentenza Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 114 iktar ’il fuq, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Meta l-Kummissjoni tagħti lill-partijiet interessati l-possibbiltà li jippreżentaw il-kummenti tagħhom, din ma tistax tiġi kkritikata li ma tkunx qieset elementi ta’ fatt li possibbilment setgħu tressqu quddiemha matul il-proċedura amministrattiva, iżda ma tressqux, peress li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata teżamina ex officio u billi tippreżumi l-informazzjoni li setgħet ġiet sottomessa quddiemha (ara s-sentenza Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 114 iktar ’il fuq, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li l-ittra ta’ kjarifika ma ġietx mgħoddija lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva. Madankollu, huwa veru li din issemmiet mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-ittra tal-31 ta’ Jannar 2005 bil-mod kif ġej:

“L-għaqda strateġika kkostitiwta mill-Grupp Biria (b’mod partikolari l-organizzazzjoni konġunta ta’ xiri u provvista ta’ materjal) ippermettiet li jiġi kkunsidrat li l-aspettattivi ta’ Bike Systems kienu pożittivi u li r-ristrutturazzjoni tagħha rnexxiet. Ittra ta’ kjarifika rikjesta minn [Sachsen Zweirad] u minn Biria GmbH fil-kuntest tal-għoti [tas-sehem passiv] kellha tiggarantixxi li dawn l-impriżi jsostnu b’mod attiv il-futur ta’ Bike Systems.”

118    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif il-Kummissjoni ssostni, il-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja semmiet f’sentenza waħda li, fil-kuntest tal-finanzjament mill-ġdid tal-kumpannija inkwistjoni, kien hemm garanzija ta’ għajnuna kontinwa min-naħa tal-kumpannija parent, ma jfissirx li riedet neċessarjament tgħid, fin-nuqqas ta’ provi oħra li jsostnu dan, pereżempju fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-awtur tal-ittra ta’ kjarifika fid-data tal-miżura 1, li Bike Systems kellha tiġi evalwata b’mod differenti fil-futur jew li kien hemm tibdil fl-aspettattivi tagħha. Fi kwalunkwe każ, sabiex tkun tista’ tevalwa n-natura vinkolanti tal-ittra ta’ kjarifika, il-Kummissjoni kienet teħtieġ li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha d-dokument oriġinali.

119    Fil-qosor, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ kif deskritti u skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 114 sa 116 iktar ’il fuq, ma kienx il-kompitu tal-Kummissjoni li titlob mingħand ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja spjegazzjonijiet dwar l-impatt tal-ittra ta’ kjarifika fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Bike Systems. Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx illegalità meta ma għamlitx eżami ulterjuri tar-riferiment għall-ittra ta’ kjarifika fl-ittra tal-31 ta’ Jannar 2005.

120    Fit-tielet lok, fir-rigward tan-nuqqas li r-rapport dwar il-kontijiet 2002 ta’ Bike Systems jittieħed inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, huwa evidenti li s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Bike Systems fl-2002 ma hijiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tal-miżura 1 meħuda f’Marzu 2001. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tippreċiża b’mod ċar li l-kwistjoni ta’ jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE għandha tiġi riżolta fid-dawl tas-sitwazzjoni eżistenti fiż-żmien ta’ meta din il-miżura ttieħdet. Jekk il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni fatturi li jkunu seħħew wara, hija tkun fil-fatt qed tagħti vantaġġ lill-Istati Membri li jonqsu mill-obbligu tagħhom li jinnotifikaw l-għajnuna, fl-istadju ta’ ppjanar, li huma jipprevedu li jagħtu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2002, HAMSA vs Il-Kummissjoni, T‑152/99, Ġabra p. II‑3049, punt 53).

121    Fir-raba’ lok, fir-rigward tar-riferimenti li l-Kummissjoni tagħmel għas-sitwazzjoni ta’ Bike Systems fis-sena 2002 u fis-sena 2003 u ċ-ċirkustanzi li taħthom l-miżura 1 ġiet fi tmiemha fl-2005, dawn ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u dan għall-istess raġunijiet invokati fil-punt 120 iktar ’il fuq.

122    Mill-premess jirriżulta li l-fatturi msemmija fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata huma konformi mal-linji gwida tal-1999 u li l-Kummissjoni ma wettqetx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li Bike Systems kienet tinsab f’diffikultà f’Marzu 2001.

 Fuq il-kwistjoni ta’ jekk Sachsen Zweirad u Biria GmbH kinux impriżi f’diffikultà f’Marzu u f’Diċembru 2003, rispettivament

123    Il-Freistaat Sachsen isostni, minn naħa, argumenti ta’ portata ġenerali marbuta mal-qafas ta’ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-impriżi li bbenefikaw mill-miżuri 2 u 3 u, min-naħa l-oħra, żbalji manifesti fl-applikazzjoni ta’ dan il-qafas għal dawn l-impriżi.

 Fuq il-qafas ta’ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-impriżi li bbenefikaw mill-miżuri 2 u 3

–       L-argumenti tal-partijiet

124    Il-Freistaat Sachsen isostni li, fil-premessi 66 sa 78 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sempliċement telenka xi “sintomi” tipiċi ta’ impriżi f’diffikultà filwaqt li tirreferi għall-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-1999, fejn il-kategorija ta’ impriżi li jistgħu jiġu sostnuti minn għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni hija estiża għal impriżi li ma jissodisfawx il-kriterji tal-imsemmi paragrafu 5. L-impriżi f’diffikultà li, fin-nuqqas ta’ intervent mill-Istat, ikunu insolventi ġeneralment juru s-“sintomi” elenkati fil-paragrafu 6 tal-linji gwida, jew, tal-inqas, xi wħud minnhom. Issa, il-preżenza ta’ xi wħud minn dawn is-“sintomi” ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li impriża tkun tinsab f’diffikultajiet tali li, fin-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat, din titneħħa mis-suq.

125    Barra minn hekk, skont il-Freistaat Sachsen, il-prassi tal-Kummissjoni hija kuntrarja għal dan. Fid-deċiżjonijiet l-iktar reċenti tagħha, hija ma tikkunsidrax suffiċjenti, għall-impriżi li ma jissodisfawx il-kriterji tal-paragrafu 5 tal-linji gwida tal-1999, il-konstatazzjoni ta’ xi “sintomi”.

126    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tkabbar l-estent tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Hija ma tistax tissostitwixxi d-diskrezzjoni tal-awtorità li tat l-għajnuna b’dik tagħha, peress li, bl-approvazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tat lill-Istat Membru ċertu marġni ta’ diskrezzjoni. Għalhekk, l-unika funzjoni li l-Kummissjoni jibqgħalha taħt l-Artikolu 88(1) KE huwa l-kontroll kontinwu tal-applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna approvata. Konsegwentement, il-Freistaat Sachsen jikkunsidra li l-evalwazzjoni ta’ awtorità jew ta’ korp tal-Istat Membru fl-għoti tal-għajnuna għandha tkun manifestament żbaljata fil-mument li tittieħed id-deċiżjoni (u mhux fuq il-bażi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni jkollha meta teżerċita dan il-kontroll) sabiex l-iskema ta’ għajnuna approvata ma jkollhiex l-effett tagħha.

127    Barra minn hekk, il-Freistaat Sachsen isostni li l-marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tittieħed deċiżjoni dwar jekk impriża tistax tiġi kkunsidrata bħala impriża f’diffikultà huwa idjaq fil-kuntest tal-iskemi ta’ għajnuna reġjonali milli fil-kuntest tal-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni. Fil-każ tal-aħħar, l-effett negattiv fuq il-kompetizzjoni jirriżulta mill-fatt li l-impriża f’diffikultà tkun iffavorita meta mqabbla mal-impriżi l-oħra. Min-naħa l-oħra, fil-każ tal-għajnuna reġjonali, l-impriża f’diffikultà tkun ttrattata b’mod sfavorevoli meta mqabbla mal-impriżi l-oħra li jibbenefikaw mill-għajnuna reġjonali għall-istess proġett.

128    F’dan il-kuntest, il-Freistaat Sachsen jikkunsidra li hemm lok ukoll li l-kriterji tal-paragrafu 5 u dawk tal-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-1999 jiġu kkunsidrati b’mod differenti. Filwaqt li l-kriterji tal-imsemmi paragrafu 5 jistgħu jkunu suġġetti għal kontroll, is-“sintomi” elenkati fl-imsemmi paragrafu 6 jistgħu jirriżultaw kemm fil-każ ta’ impriżi f’diffikultà kif ukoll fil-każ ta’ impriżi li ma jkunux f’diffikultà. Għalhekk, fil-każ li impriża jkollha biss xi wħud minn dawn is-“sintomi”, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala stabbilit li l-evalwazzjoni tal-awtorità li tat l-għajnuna, li skontha l-impriża ma hijiex impriża f’diffikultà, hija manifestament żbaljata. Madankollu, ladarba l-kriterji tal-paragrafu 5 u l-parti l-kbira tas-“sintomi” tal-paragrafu 6 ma kinux sodisfatti miż-żewġ impriżi fiż-żmien inkwistjoni, il-konstatazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata li skontha ċerti “sintomi” kienu sodisfatti ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika a posteriori n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna approvata.

129    Skont il-Freistaat Sachsen, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li skontha l-Qorti Ġenerali kkunsidrat fis-sentenza tagħha Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 104 iktar ’il fuq, li l-preżenza taż-żewġ indikaturi, jiġifieri ż-żieda fil-livell tat-telf u tad-debiti, kienet suffiċjenti sabiex jiġi preżunt l-istat ta’ impriża f’diffikultà hija żbaljata, peress li dik il-kawża kienet tinvolvi deċiżjoni li fiha l-Kummissjoni kienet ikkonstatat ukoll il-preżenza ta’ wieħed mill-kriterji previsti fil-paragrafu 5 tal-linji gwida tal-1999. Barra minn hekk, iż-żewġ indikaturi msemmija iktar ’il fuq ma kinux speċifikament preżenti fil-każ ta’ Sachsen Zweirad f’Marzu 2003 u ta’ Biria GmbH f’Diċembru 2003.

130    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma evalwatx sewwa l-kriterji stipulati fil-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-1999. Fil-fatt, fil-kummenti tagħha fir-rigward tal-ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bagħtet lill-Kummissjoni tabella li minnha jidher li l-imsemmija kriterji ma kinux sodisfatti. Din it-tabella tittratta qabelxejn is-sitwazzjoni ta’ Sachsen Zweirad inkwantu fl-2001 u fl-2002 din l-impriża sofriet telf, filwaqt li, wara l-amalgamazzjoni tagħha ma’ Biria AG (l-isem preċedenti), hija għamlet mill-ġdid profitti fl-2003 (bħala Biria GmbH). Il-kriterji tal-paragrafu 6 tal-linji gwida huma bbażati fuq żvilupp negattiv (żieda ta’ telf, żieda ta’ merkanzija maħżuna, nuqqas ta’ likwidità, żieda ta’ debiti u fil-ħlas tal-interessi, tnaqqis jew telf tal-fondi tagħha). Issa, it-tabella sottomessa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja turi li, fl-2003, is-sitwazzjoni tjiebet u l-ebda wieħed mill-indikaturi ma kien għadu preżenti. Il-kwistjoni tax-xejra tal-iżvilupp ekonomiku hija determinanti għall-evalwazzjoni tal-impriża fid-dawl tal-kriterji tal-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-1999. Impriża solventi li jkun għad għandha iktar min-nofs tal-fondi tagħha jew li tkun tilfet inqas minn kwart tal-fondi tagħha matul l-aħħar tnax-il xahar ma tissodisfax il-kriterji ta’ impriża f’diffikultà fis-sens tal-paragrafu 5 tal-imsemmija linji gwida. Konsegwentement, it-telf ta’ fondi tagħha ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jissodisfa l-kriterju marbut mat-telf previst fil-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-1999 u sabiex l-impriża tiġi kklassifikata bħala impriża f’diffikultà meta l-limiti stabbiliti fil-paragrafu 5 ma jkunux intlaħqu. Għall-kuntrarju, għandu jkun hemm ukoll deterjorament ċar tas-sitwazzjoni ekonomika. Il-Kummissjoni ma rrikonoxxietx, fid-deċiżjoni kkontestata, li mis-sena 2001 is-sitwazzjoni ekonomika tal-impriżi kkonċernati kienet fil-fatt tjiebet.

131    Fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni li d-definizzjoni proprja ta’ impriża f’diffikultà fis-sens tal-linji gwida tal-1999 hija pprovduta fil-paragrafu 4 tagħhom, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li hija ma applikatx din id-definizzjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, għandu wkoll jiġi rrilevat li minn dan il-kriterju ma jirriżultax li impriża għandha tiġi kkunsidrata bħala impriża f’diffikultà hekk kif din ma tkunx tista’, mill-fondi tagħha jew minn fondi mislufa, tiffinanzja l-proġetti meħtieġa sabiex ittejjeb is-sitwazzjoni ekonomika tagħha. Dan joħroġ b’mod partikolari mid-dokument SEC (2005) 795 tal-Kummissjoni bit-titolu “Pjan ta’ azzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat – Għajnuna mill-Istat imnaqqsa u mmirata aħjar: pjan direzzjonali għar-riforma tal-għajnuna mill-Istat 2005-2009 tal-Kummissjoni” (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ azzjoni”) li skontu sitwazzjoni bħal din tista’ tkun spjegabbli wkoll min-nuqqasijiet tas-suq. It-tip ta’ għajnuna reġjonali taħt l-iskema ta’ għajnuna approvata tista’ biss tiġi applikata meta ebda finanzjament ieħor ma jkun jista’ jinstab għall-proġett, u dan huwa applikabbli wkoll għall-impriżi li ma jkunux f’diffikultà. L-esperjenza miksuba sa mill-1993 fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan l-istrument ta’ għajnuna reġjonali weriet li l-impriżi li ma jkollhomx diffikultajiet ekonomiċi jkollhom madankollu ħtieġa tal-garanzija mil-Land sabiex iwettqu l-proġetti tagħhom. Dan ikun il-każ, pereżempju, meta l-bank li normalment jużaw jirristruttura n-negozju tiegħu u jirtira l-finanzjament.

132    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-Freistaat Sachsen.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

133    Mill-analiżi fil-punti 103 sa 105 iktar ’il fuq jirriżulta li l-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-1999 jinkludi lista li ma hijiex eżawrjenti ta’ fatturi li jistgħu jservu sabiex juru li impriża tkun tinsab f’diffikultà, anki fin-nuqqas ta’ tnaqqis qawwi fil-kapital azzjonarju jew ta’ proċedura ta’ insolvenza previsti fil-paragrafu 5 tagħhom, ċirkustanzi li, skont l-imsemmi paragrafu 5, iwasslu f’kull ċirkustanza għall-kunsiderazzjoni li l-impriża tkun tinsab f’diffikultà. B’mod kuntrarju għal dak li l-Freistaat Sachsen isostni, huwa għalhekk possibbli li, fl-ambitu tal-linji gwida tal-1999, jinstab fuq il-bażi ta’ ċerti indikaturi stipulati fil-paragrafu 6 jew ukoll fuq il-bażi ta’ indikaturi oħra li impriża jkollha diffikultajiet li, fin-nuqqas ta’ intervent pubbliku, jippreġudikaw is-salvataġġ tagħha.

134    Barra minn hekk, fir-rigward tal-paralleli li l-Freistaat Sachsen jipprova jistabbilixxi ma’ proċeduri oħra tal-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi mfakkar li huwa biss fil-kuntest tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE li għandha tiġi evalwata l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li skema ta’ għajnuna ġdida ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-deroga, u mhux fid-dawl ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, fl-ipoteżi li din tkun ġiet stabbilita (sentenza Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 74 iktar ’il fuq, il-punt 177). Għalhekk paraguni ma’ proċeduri oħra tal-għajnuna mill-Istat huma irrilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk hemmx numru minimu ta’ kriterji li għandhom jiġu sodisfatti fis-sens tal-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-1999, fid-dawl ta’ jekk hemmx jew le kapital ta’ kumpannija affettwat fis-sens tal-paragrafu 5 tagħhom.

135    Fir-rigward tar-riferiment tal-Freistaat Sachsen għas-sentenza Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 104 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat fil-punt 191 tal-imsemmija sentenza li l-livell ta’ telf u dak ta’ debiti finanzjarji tal-impriża inkwistjoni kienu kriterji li fihom infushom setgħu jistabbilixxu l-fatt li impriża tkun tinsab f’diffikultà. Issa, minn dan ma jistax jiġi dedott li hemm numru minimu ta’ kriterji li għandhom jiġu sodisfatti sabiex impriża tiġi kklassifikata bħala impriża f’diffikultà, peress li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward kienet speċifika għall-fatti u għall-elementi partikolari tal-każ. Madankollu, minn dan jirriżulta li ma huwiex meħtieġ li l-kriterji kollha elenkati fil-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-1999 ikunu sodisfatti sabiex impriża tkun tista’ tiġi kkunsidrata li tinsab f’diffikultà fis-sens tal-linji gwida tal-1999.

136    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-Freistaat Sachsen li l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni huwa differenti fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna approvata, fil-punt 62 iktar ’il fuq ġie mfakkar li l-eżami tal-Kummissjoni tal-konformità ta’ għajnuna ma’ skema ta’ għajnuna ma jikkostitwixxix inizjattiva li ma taqax fl-ambitu tal-kompetenzi tagħha. Peress li l-impriżi f’diffikultà kienu esklużi mit-tip ta’ għajnuna reġjonali taħt l-iskema ta’ għajnuna approvata u d-definizzjoni tagħhom hija stipulata fil-linji gwida tal-1999, kif jirriżulta mill-analiżi tal-kuntest ġuridiku applikabbli għal dan il-każ fil-punti 58 sa 81 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kellha dritt tivverifika jekk il-linji gwida tal-1999 ġewx applikati korrettament f’dan il-każ. L-argumenti bbażati fuq marġni ta’ diskrezzjoni possibbilment iktar strett tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-għajnuna reġjonali milli fil-kuntest tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għandhom jiġi miċħuda għall-istess raġunijiet.

137    Issa, fir-rigward tal-argument tal-Freistaat Sachsen li, fin-nuqqas ta’ sitwazzjoni ta’ telf ta’ fondi proprji kif indikat fil-paragrafu 5 tal-linji gwida tal-1999, għandu jintwera, permezz tal-kriterji tal-paragrafu 6 tagħhom, li tirriżulta xejra negattiva, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-importanza mogħtija fil-linji gwida lill-indikaturi ta’ xejra ma tiċħadx neċessarjament ir-rilevanza ta’ tipi oħra ta’ indikaturi. Madankollu dawn l-indikaturi jistgħu jkunu rilevanti biss jekk jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ diffikultajiet ġenwini u ppruvati (ara, f’dan is-sens u bħala analoġija, is-sentenza Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 74 iktar ’il fuq, punt 111). Minn dan isegwi li, minkejja li indikaturi ta’ xejra negattiva huma, ċertament, partikolarment rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk impriża tkunx tinsab f’diffikultà, mill-formulazzjoni tal-kriterji tal-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-1999 ma jistax jiġi dedott xi obbligu fuq il-Kummissjoni li din iġġib prova tal-eżistenza ta’ xejra negattiva sakemm hija tistabbilixxi b’mod suffiċjenti skont il-liġi li, mingħajr intervent pubbliku, is-salvataġġ ta’ kumpannija jkun ippreġudikat.

138    Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-riferiment tal-Freistaat Sachsen għall-pjan ta’ azzjoni, l-imsemmi dokument jirrakkomanda użu iktar frekwenti ta’ approċċ ekonomiku fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u jindika li wieħed mill-elementi prinċipali f’dan ir-rigward huwa l-analiżi tan-nuqqasijiet tas-suq li jistgħu jkunu r-raġunijiet li minħabba fihom is-swieq ma jippermettux li jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess komuni mixtieqa (punti 22 u 23 tal-pjan ta’ azzjoni). Madankollu għandu jiġi kkonstatat li dawn l-affermazzjonijiet huma ta’ natura ġenerali ħafna u mingħajr ebda rabta mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà. Dawn bl-ebda mod ma jikkonfermaw it-teżi tal-Freistaat Sachsen li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li problemi ta’ likwidità ta’ impriża setgħu jintrabtu ma’ ċerti fatturi ekonomiċi li ma humiex permanenti, bħal ma hija fażi ta’ tkabbir. Għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud.

139    Minn dan isegwi li l-argumenti kollha mqajma mill-Freistaat Sachsen fir-rigward tal-qafas ġenerali ta’ analiżi applikat mill-Kummissjoni sabiex tevalwa jekk l-impriżi benefiċjarji inkwistjoni kinux f’diffikultà għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ Sachsen Zweirad

–       L-argumenti tal-partijiet

140    Il-Freistaat Sachsen isostni li Sachsen Zweirad ma werietx żieda ta’ telf f’Marzu 2003. Huwa jammetti li din kellha telf fl-2001 u fl-2002, iżda dan it-telf kien diġà tnaqqas bejn l-2001 u l-2002, inkwantu niżel minn EUR 1.274 miljun għal EUR 733 000. Fiż-żmien tal-għoti tal-miżura 2, kien mistenni riżultat annwali pożittiv għas-sena 2003. Barra minn hekk, il-profitti tas-snin preċedenti ma ġewx assorbiti mit-telf. Sachsen Zweirad żammet il-kapital tagħha pożittiv. Barra minn dan, mill-2001 għall-2002, id-dħul mill-bejgħ tagħha tnaqqas bi 13.8 % għal EUR 51 miljun, peress li x-xerrejja potenzjali fil-Ġermanja kienu kawti ħafna minħabba l-persistenza tas-sitwazzjoni ekonomika ħażina. Għas-sena finanzjarja 2003, il-kumpannija kienet qed tistenna titjieb fid-dħul mill-bejgħ tagħha u dan il-pjan kien ikkunsidrat realistiku peress li, minn naħa, in-nuqqas ta’ xiri matul il-perijodu preċedenti wassal għall-bżonn ta’ iktar xiri sabiex ix-xerrejja jagħmlu tajjeb għal dan in-nuqqas u, min-naħa l-oħra, l-ikbar għaxar klijenti ta’ Sachsen Zweirad kienu diġà ferm qabel il-bidu tas-sena għamlu ordnijiet fissi għal volum ta’ dħul mill-bejgħ li jeċċedi EUR 30 miljun. Għalhekk it-tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ ma damx żmien twil. Il-Freistaat Sachsen isostni li, minkejja li l-Kummissjoni kkonstatat il-preżenza taż-żewġ indikaturi hawn fuq imsemmija, hija madankollu ma ttrattatx il-kawża tagħhom u lanqas ma eżaminat l-effetti tagħhom fuq l-iżvilupp tal-impriża. Mingħajr eżami bħal dan, dawn l-indikaturi ma jippermettux li tiġi ddeterminata l-kwistjoni ta’ jekk impriża tkunx tinsab f’diffikultà jew le.

141    Il-Kummissjoni tinvoka wkoll problemi ta’ likwidità, iżda dawn ma jistgħux jiġu assimilati ma’ diffikultajiet ta’ ħlas. Hija stess tispjega li huwa meħtieġ li jsir użu minn finanzjament estern sabiex jiġi żgurat it-tkabbir tal-impriża u l-kostituzzjoni ta’ kapital operattiv marbut ma’ dan. Issa, id-diffikultà li jinkiseb fis-suq finanzjament għal tkabbir ma tippermettix li impriża tiġi kklassifikata bħala impriża f’diffikultà. Dan japplika wkoll għall-ħtieġa invokata fir-rapport ta’ verifika dwar il-kontijiet annwali magħluqa fil-31 ta’ Diċembru 2002 u fir-rapport annwali għas-sena finanzjarja 2002 ta’ Sachsen Zweirad (iktar ’il quddiem ir-“rapport dwar il-kontijiet 2002 ta’ Sachsen Zweirad”) għar-ristrutturar globali tal-finanzjament sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-impriża u sabiex din tkun tista’ tippjana b’sigurtà għal żmien itwal. Il-perijodi qosra residwi tal-krediti jikkostitwixxu qabelxejn riskju fl-ambitu tal-ispejjeż u ma humiex direttament prova ta’ diffikultajiet sostanzjali. Barra minn hekk, kien hemm tnaqqis fil-ħlasijiet tal-interessi inkorsi minn Sachsen Zweirad (minn EUR 2 miljuni fl-2001 għal EUR 1.8 miljun fl-2002), b’tali mod li ma kienet mistennija ebda diffikultà ta’ ħlas minħabba dan il-ħlas ta’ interessi fil-każ ta’ għoti ta’ garanzija.

142    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-Freistaat Sachsen.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

143    Għandu preliminarjament jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3) KE. Il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi ekonomiċi komplessi tal-Kummissjoni b’dik tagħha, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu konsegwentement jillimita ruħu għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin tal-poter (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il-Kummissjoni, T‑68/03, Ġabra p. II‑2911, punt 150, u l-ġurisprudenza ċċitata).

144    F’dan il-każ, fir-rigward tal-miżura 2 u s-sitwazzjoni ta’ Sachsen Zweirad f’Marzu 2003, id-deċiżjoni kkontestata tindika dan li ġej:

“(66) [Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] targumenta li [Sachsen Zweirad] ma kienet uriet ebda sinjal tipiku ta’ kumpannija f’diffikultajiet fl-ambitu tat-tifsira tal-[linji gwida tal-1999]. Il-Kummissjoni tfakkar li s-sinjali tipiċi ta’ ditta li tkun tinsab f’diffikultajiet, li huma msemmija fil-[paragrafu] 6 tal-[linji gwida tal-1999], jagħtu biss indikazzjoni ta’ meta kumpannija tista’ titqies li tkun qiegħda f’diffikultajiet u m’għandhomx għalfejn ikunu ssodisfati b’mod kumulattiv. [Sachsen Zweirad] irreġistrat telf operattiv ta’ EUR 1.274 m fl-2001 u EUR 0.733 m fl-2002. It-telf intiret mill-kumpannija prinċipali Biria taħt il-ftehim ta’ trasferiment ta’ profitti u telf. Fl-2002, imqabbel ma’ l-2001, il-fatturat naqas.

(67)      Skond [ir-rapport dwar il-kontijiet 2002 ta’ Sachsen Zweirad], [hija] kellha wkoll tħabbat wiċċha ma’ problemi ta’ likwidità. Fir-rapport annwali hemm stipulat b’mod espliċitu li s-sitwazzjoni tagħha ta’ likwidità kienet ristretta minħabba nfiq għoli għall-prefinanzjament ta’ l-inventarju tal-grupp u minħabba t-tkabbir tal-grupp u li s-sopravvivenza ta’ l-impriza setgħet tkun assigurata biss jekk il-banek kienu lesti li jżommu miftuħa l-linji ta’ kreditu eżistenti jew li jistrutturawhom.

(68)      [Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] targumenta li qatt ma kien hemm periklu li l-banek ma kinux se jestendu l-linji ta’ kreditu tagħhom. Madankollu, dan ma jirrendix invalidu l-fatt li s-sitwazzjoni ta’ likwidità tal-kumpannija kienet ristretta. Skond [ir-rapport dwar il-kontijiet 2002 ta’ Sachsen Zweirad], maġġoranza kbira tal-krediti kien fadlilhom perjodu ta’ anqas minn ħames snin biex jimmaturaw, li bl-ebda mod ma huwa tul ta’ żmien mill-aħjar għall-finanzjament ta’ attivitajiet ta’ negozju u dan kien iżid ir-riskji li l-kumpannija kienet qed tħabbat wiċċha magħhom. Il-fatt li l-krediti kienu ta’ natura ta’ terminu qasir ukoll wassal għall-ħlas ta’ imgħax għoli (minkejja li dan kien kemmkemm inqas fl-2002 meta mqabbel ma’ l-2001), u dan tefa’ aktar piż fuq il-likwidità tal-kumpannija.”

145    Minn din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha li Sachsen Zweirad kienet tinsab f’diffikultà f’Marzu 2003 fuq il-fatturi li ġejjin: l-ewwel nett l-eżistenza ta’ telf, minkejja li dan kien qed jonqos, fis-snin 2001 u 2002, it-tieni nett dħul mill-bejgħ iżgħar fl-2002 meta mqabbel ma’ dak tal-2001, u t-tielet nett l-eżistenza ta’ problemi serji ta’ likwidità li jissemmew fir-rapport dwar il-kontijiet 2002 ta’ Sachsen Zweirad li ġew aggravati minn preponderanza ta’ krediti għal żmien qasir u b’rata għolja ta’ interessi.

146    Qabelxejn, fir-rigward tat-tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ, għandu jiġi kkonstatat li dan il-kriterju huwa msemmi fil-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-1999. Anki jekk dan il-kriterju fih innifsu ma huwiex indikatur b’saħħtu tal-eżistenza ta’ diffikultajiet sostanzjali ta’ impriża meta jitqiesu biss sentejn konsekuttivi, il-Kummissjoni eżaminat ukoll kriterji oħra sabiex tevalwa s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Sachsen Zweirad.

147    Fir-rigward tat-telf, għandu jiġi kkonstatat li l-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-1999 jirreferi għal livell ta’ telf li qed jogħla. Madankollu l-Qorti Ġenerali tqis li dan ma jistax iżomm lill-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni l-preżenza kontinwa ta’ telf f’diversi snin konsekuttivi bħala indikatur ta’ diffikultà finanzjarja, anki jekk dawn ma humiex qed jiżdiedu. Barra minn hekk, fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2003, huwa perfettament opportun li f’dan ir-rigward jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riżultati finanzjarji tal-impriża benefiċjarja matul is-sentejn preċedenti.

148    Barra minn hekk, fir-rigward tat-tabella pprovduta bħala anness mar-rikors, li tikkonstata profitt ta’ EUR 1.7 miljun fiż-żmien ta’ karta ta’ bilanċ intermedjarja datata l-31 ta’ Mejju 2003, li l-Freistaat Sachsen jikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, kif il-Kummissjoni tindika, titjib tas-sitwazzjoni tal-impriża benefiċjarja matul is-sena li matulha l-miżura 2 ġiet akkordata ma jistax jinfluwenza l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tagħha fil-mument tal-għoti, partikolarment minħabba li ma jistax jiġi eskluż li l-eżistenza tal-imsemmija garanzija setgħet tinfluwenza dan l-iżvilupp. Kif ġie mfakkar hawn fuq, il-ġurisprudenza tindika li l-kwistjoni ta’ jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE għandha tiġi riżolta fid-dawl tas-sitwazzjoni eżistenti fil-mument meta ttieħdet din il-miżura. Jekk il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni fatturi sussegwenti, hija tkun qed tagħti vantaġġ lill-Istati Membri li jonqsu mill-obbligu tagħhom li jinnotifikaw l-għajnuna mill-Istat għal proġett li huma jkunu qed jippjanaw li jagħtu (sentenza HAMSA vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 120 supra, punt 53).

149    Fir-rigward tal-problemi ta’ likwidità, il-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-1999 ma jsemmihomx b’mod espliċitu, anki jekk jirreferi għat-tnaqqis tal-marġni ta’ awtofinanzjament gross bħala indikatur ta’ diffikultà finanzjarja.

150    Madankollu għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni ta’ likwidità kienet kjarament deskritta bħala preokkupanti fir-rapport dwar il-kontijiet 2002 ta’ Sachsen Zweirad li fuq il-bażi tiegħu l-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha. L-imsemmi rapport indika partikolarment dan li ġej:

“Il-kumpannija pprovat tikkontrobatti d-deterjorament tar-riżultati aċċentwat ukoll b’paragun mas-sena 2001 billi assumiet miżuri ta’ tnaqqis tal-ispejjeż li, ikkunsidrati b’mod ġenerali, setgħu jiġu implementati partikolarment fil-qasam tal-ispejjeż tal-impjegati u fil-livell ta’ spejjeż oħra tal-operazzjoni. Madankollu, dawn il-miżuri kienu insuffiċjenti sabiex jiġi evitat riżultat negattiv fl-aħħar ta’ din is-sena [...]

Bħalma ġara matul is-sena finanzjarja preċedenti 2001, l-amministraturi ta’ [Sachsen Zweirad] iqisu li t-tkabbir tal-grupp ta’ impriżi marbuta mal-kumpannija parent Biria AG, li fl-2002 ħtieġ ukoll finanzjament sostanzjali, jikkostitwixxi l-kawża prinċipali ta’ riskju. Peress li l-garanzija tal-Bund u tal-Land li fl-ewwel lok ġiet aċċettata bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ oppożizzjoni min-naħa tal-[Kummissjoni] ġiet irrifjutata, il-kriżi ta’ likwidità eżistenti setgħet biss tiġi megħluba, partikolarment matul ix-xhur tax-xitwa, permezz ta’ pjan ta’ finanzjament elaborat mal-banek. Illum il-ġurnata, l-eżistenza ta’ [Sachsen Zweirad] tiddependi għalhekk miż-żamma tal-krediti attwali mogħtija mill-banek, u dan b’mod partikolari minħabba li [Sachsen Zweirad] ikkostitwixxiet garanziji sostanzjali għas-self tal-Grupp Biria kollu. Minħabba l-livell għoli ta’ finanzjament għal terminu qasir, hemm riskju ta’ tibdil fir-rati tal-interessi li jista’ jhedded l-eżistenza tal-kumpannija.

[…]

L-ispejjeż kbar fil-kuntest tal-finanzjament minn qabel tal-istokk ta’ merkanzija u t-tkabbir tal-grupp ippreġudikaw serjament il-likwidità tal-impriża li s-sitwazzjoni tagħha tkompli tiggrava sal-punt li l-eżistenza tagħha tista’ biss tiġi żgurata kemm-il darba l-banek jżommu l-krediti attwali mogħtija, jew jirristrutturawhom u jkabbruhom fid-dawl tal-annullament tal-garanzija tal-Bund/Länder.

[...] Fir-rigward tal-finanzjamenti għal terminu qasir, hemm ukoll riskju ta’ tibdil tar-rata tal-interessi li jista’ jhedded l-eżistenza tal-impriża [...]”

151    Minn din il-kwotazzjoni jirriżulta li Sachsen Zweirad kienet tinsab f’sitwazzjoni finanzjarja diffiċli u kienet qed tirristruttura ruħha. Il-Qorti Ġenerali tqis li, b’mod partikolari fid-dawl tal-livell għoli ta’ krediti għal terminu qasir suġġetti għat-tibdil tar-rata tal-interessi, il-Kummissjoni kellha dritt tikkunsidra s-sitwazzjoni ta’ likwidità deskritta fir-rapport dwar il-kontijiet 2002 ta’ Sachsen Zweirad bħala indikatur ta’ sitwazzjoni finanzjarja diffiċli li tista’ tippreġudika l-kapaċità li l-impriża ssalva mingħajr intervent tal-Istat, peress li impriża mingħajr likwidità ma tistax tiżgura l-ħlas tad-debiti tagħha għal terminu qasir jew medju.

152    Barra minn hekk, dwar l-argument li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sitwazzjoni ta’ likwidità stretta kienet ikkawżata mill-finanzjament tat-tkabbir ta’ Sachsen Zweirad u li din is-sitwazzjoni ma kinitx għalhekk neċessarjament indikatur ta’ diffikultà, għandu jiġi rrimarkat li r-rapport annwali tal-2002 fil-fatt jikkonstata finanzjament minn qabel tal-istokk ta’ merkanzija u tat-tkabbir tal-grupp. Madankollu għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbażat ruħha fuq it-ton preokkupanti ħafna tar-rapport annwali fuq dan il-punt, peress li dan tal-aħħar manifestament qies il-kuntest ta’ tkabbir, iżda jirreferi madankollu għal sitwazzjoni li tkompli tkun stretta.

153    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-Freistaat Sachsen li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u l-fatt li kien hemm ordnijiet fissi sostanzjali fl-aħħar tas-sena 2002, il-Kummissjoni indikat, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li din l-informazzjoni ma ġietx mgħoddija matul il-proċedura amministrattiva, iżda ġiet imsemmija għall-ewwel darba fir-rikors. Matul is-seduta, meta ġie mistoqsi fuq dan il-punt, il-Freistaat Sachsen ma setax jikkontradiċi dawn l-affermazzjonijiet u lanqas ma seta’ jindika permezz ta’ liema dokumenti din l-informazzjoni ngħatat matul il-proċedura amministrattiva, iżda indika biss li d-dgħufija tal-ekonomija fl-2002 kienet problema ġeneralment magħrufa.

154    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn il-fatturi sabiex tikkonkludi li Sachsen Zweirad kienet tinsab f’sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja prekarja. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 115 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jiġu eżaminati biss fid-dawl tal-informazzjoni li hija kellha meta għamlithom.

155    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegat nuqqas li tieħu inkunsiderazzjoni t-tnaqqis limitat tal-ħlasijiet tal-interessi minn EUR 2 miljuni fl-2001 għal EUR 1.8 miljun fl-2002, il-Kummissjoni indikat bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali li mill-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija ħadet inkunsiderazzjoni dan il-fatt, iżda sabiex tevalwa jekk impriża tkunx f’diffikultà hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tagħha fl-intier tagħha. Anki jekk tieħu inkunsiderazzjoni t-tnaqqis limitat tal-ħlasijiet finanzjarji, il-Kummissjoni hija tal-fehma li Sachsen Zweirad kienet tinsab f’diffikultà minħabba telf sostanzjali fil-passat u l-problemi tagħha ta’ likwidità.

156    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata fil-fatt tikkonstata t-tnaqqis tal-ħlasijiet finanzjarji bejn l-2001 u l-2002. Fid-dawl tal-analiżi kjarament negattiva tas-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Sachsen Zweirad kif tirriżulta mir-rapport annwali għas-sena finanzjarja 2002 imsemmi iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li dan il-fattur partikolari ma kienx tali li jaffettwa b’mod determinanti l-evalwazzjoni globali tagħha tas-sitwazzjoni tal-imsemmija impriża fiż-żmien meta ngħatat il-miżura 2.

157    Bħala konklużjoni, il-Freistaat Sachsen ma weriex li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbażat ruħha fuq il-fatturi ċċitati iktar ’il fuq sabiex tikkonkludi li Sachsen Zweirad kienet tinsab f’diffikultà f’Marzu 2003.

 Fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ Biria GmbH

–       L-argumenti tal-partijiet

158    Il-Freistaat Sachsen jirrileva li l-Kummissjoni tikkonstata, fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata, li Biria GmbH (il-ġdida) wirtet diffikultajiet ta’ Biria AG (il-kumpannija preċedenti) u ta’ Sachsen Zweirad, iżda jsostni li affermazzjoni bħal din ma twassalx għal konklużjoni fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-impriża ristrutturata kinitx tinsab f’diffikultà. Sachsen Zweirad ma kinitx qabel impriża f’diffikultà, b’tali mod li l-fatt li Biria GmbH assumiet il-valuri tal-attiv u tal-passiv mingħand Biria AG ma jirrendix neċessarjament lil Biria GmbH impriża f’diffikultà, kif juri b’mod ċar il-fatt li t-total tal-bilanċ tela’ minn EUR 24 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2002 għal iktar minn EUR 34 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2003 filwaqt li l-passiv żdied biss b’4 miljuni, peress li tela’ minn EUR 22 miljun għal EUR 26 miljun. Huma biss il-proporzjonijiet finanzjarji tal-impriża ristrutturata li għandhom iservu ta’ bażi, u dawn juru li l-impriża ma kinitx tinsab f’diffikultà.

159    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinvoka problemi serji ta’ likwidità ta’ Biria GmbH, iżda ma tirrimarka xejn dwar il-fatt li dawn la wasslu għall-insolvenza tal-impriża u lanqas ma wasslu għal sempliċi interruzzjonijiet temporanji ta’ ħlas. Hija ma kkunsidratx ukoll il-fatt li s-sitwazzjoni kienet tinvolvi problemi li l-imsemmija impriża kellha fil-finanzjament tat-tkabbir tagħha u mhux diffikultajiet ta’ ħlas li rriżultaw minn proporzjon problematiku bejn id-dħul u l-ispejjeż.

160    Il-Freistaat Sachsen iqis ukoll li l-konklużjoni li l-Kummissjoni tagħmel, fil-premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-irtirar tal-konsorzju ta’ banek, ma hijiex inevitabbli. Il-konsorzju ta’ banek inkwistjoni kien immexxi mill-bank D., li ġie stabbilit biss fl-2001 permezz tal-amalgamazzjoni ta’ żewġ banek oħra u li, skont il-gazzetti, il-politika ta’ tmexxija tiegħu għadha s-suġġett ta’ diskussjonijiet. Barra minn hekk din hija r-raġuni għaliex l-amalgamazzjoni, prevista għal diversi snin, mal-bank W. baqgħet ma rnexxietx. Għad-domanda tal-mandatarju tal-garanzija, il-bank D. spjega li l-konsorzju ta’ banek irtira f’Novembru 2003 għal raġunijiet strateġiċi, kif jirriżulta minn ittra pprovduta fl-anness tar-rikors. Il-Freistaat Sachsen isostni li din l-ispjegazzjoni ma hijiex improbabbli meta din titqiegħed fil-kuntest tad-diskussjoni interna kontinwa dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-bank D. għandux jittratta ma’ klijenti kummerċjali b’orjentazzjoni nazzjonali b’mod li jkun f’kompetizzjoni mal-kooperattivi ta’ kreditu tal-poplu u l-banek marbuta magħhom. Il-valur tal-krediti ġie kkoreġut fil-kuntest ta’ ristrutturazzjoni interna tal-bank u d-dħul mill-prezz ta’ xiri mill-ġdid jista’ jitjieb bl-għajnuna ta’ pjan fiskali b’mod li jiġi evitat kull telf jew prattikament kull telf. Iż-żewġ banek l-oħra huma assoċjati mal-irtirar tal-bank D., peress li t-tnejn li huma ma jridux li jerġgħu jieħdu d-direzzjoni tal-konsorzju, deċiżjoni li lanqas ma hija eċċezzjonali u ma tistax tintuża bħala prova ta’ riskju partikolarment għoli ta’ inadempjenza. Għalhekk ma hemm xejn li jippermetti li jiġi konkluż li l-impriża inkwistjoni setgħet tiġi kklassifikata bħala impriża f’diffikultà.

161    Skont il-Freistaat Sachsen, minn dan isegwi li, anki jekk l-impriżi mingħajr dubju segwew strateġija ta’ negozju li kienet tinvolvi ħafna riskji u dawn ma kellhomx fondi suffiċjenti għal dan il-għan, eżami dettaljat tal-kriterji elenkati mill-Kummissjoni kellhom madankollu jwasslu għall-konklużjoni li, fiż-żmien meta ngħatat il-miżura 3, l-istess impriżi ma kellhomx diffikultajiet li kienu jippreġudikaw il-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tagħhom fil-każ li l-Istat ma kienx jagħtihom għajnuna. Il-kumpannija ta’ verifika inkarigata mill-Freistaat Sachsen ikkonkludiet b’mod partikolari fir-rigward taż-żewġ impriżi li r-riskju ta’ sejħa għall-garanzija kien f’dan l-istadju limitat b’mod li l-għoti ta’ garanzija kien aċċettabbli.

162    Fl-aħħar nett, il-Freistaat Sachsen isostni li l-argument tal-Kummissjoni li l-kawża ta’ problemi ta’ likwidità ma għandhiex rilevanza għall-kwistjoni ta’ jekk impriża għandhiex tiġi kkunsidrata bħala impriża f’diffikultà għandu jiġi miċħud. Is-sentenza Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 104 iktar ’il fuq, invokata mill-Kummissjoni sabiex turi li sitwazzjoni ta’ gwerra tariffarja bl-ebda mod ma hija inkompatibbli mal-eżistenza ta’ diffikultajiet, ma hijiex applikabbli għall-każ ineżami, peress li problemi ta’ likwidità ma jistgħux jiġu meqjusa bħala ekwivalenti għal telf. Huwa preċiżament fil-kuntest tal-finanzjament tat-tkabbir fejn ikun hemm regolarment problemi ta’ likwidità, peress li l-kostituzzjoni tal-kapital fiss u tal-kapital operattiv għandha tiġi ffinanzjata, iżda din il-kostituzzjoni ma tistax tiġi espressa bħala telf. Għalhekk sitwazzjoni ta’ likwidità stretta ma tfissirx li impriża għandha tiġi kkunsidrata li tinsab f’diffikultà.

163    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-Freistaat Sachsen.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

164    Fir-rigward tal-miżura 3 u s-sitwazzjoni ta’ Biria GmbH fiż-żmien tal-għoti tal-imsemmija miżura f’Diċembru 2003, id-deċiżjoni kkontestata tindika dan li ġej:

“(70) Biria GmbH (illum Biria AG) twaqqfet b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2003 permezz ta’ amalgamazzjoni ta’ Biria AG kif kienet qabel mas-sussidjarja tagħha [Sachsen Zweirad].

(71)      Skond [ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja], Biria GmbH (illum Biria AG) għandha tiddistingwi ruħha b’mod ċar mill-predeċessuri tagħha Biria AG kif kienet qabel u [Sachsen Zweirad] peress li, bħala riżultat ta’ l-amalgamazzjoni, kienet ġiet iffurmata kumpannija ġdida. Il-valutazzjoni dwar jekk din il-kumpannija kenitx tinsab f’diffikultajiet meta ngħatat il-garanzija fid-9 ta’ Diċembru [2003] għandha għalhekk tkun ibbażata fuq il-karta tal-bilanċ tal-ftuħ tal-kumpannija li kienet għadha kemm ġiet inkorporata, li, skond il-Ġermanja, turi li Biria GmbH ma tikkwalifikax bħala kumpannija f’diffikultajiet.

(72)      Il-Kummissjoni ma taqbilx. L-impriża l-ġdida Biria GmbH kif amalgamata ma tistax titqies separatament minn Biria AG kif kienet qabel u [Sachsen Zweirad] għaliex din l-impriża nħalqet permezz ta’ amalgamazzjoni taż-żewġ kumpanniji. Inkella, l-evażjoni mill-ikklassifikar bħala kumpannija f’diffikultajiet tkun faċli bl-amalgamazzjoni ta’ entitajiet ekonomiċi jew il-ħolqien ta’ kumpanniji ġodda. Biria AG kif kienet irreġistrat it-telf u fl-2002 ħabbtet wiċċha ma’ problemi ta’ likwidità kif għamlet [Sachsen Zweirad]. Biria GmbH wirtet id-djun u l-obbligazzjonijiet kollha ta’ Biria AG kif kienet u ta’ [Sachsen Zweirad]. Hija għandha wkoll l-istess assi u teżegwixxi l-istess attivitajiet ta’ Biria AG kif kienet u ta’ [Sachsen Zweirad]. Għaldaqstant il-Kummissjoni jidhrilha li Biria GmbH wirtet id-diffikultajiet ta’ Biria AG kif kienet u ta’ [Sachsen Zweirad].

(73)      [Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] ssostni li [Sachsen Zweirad] ekonomikament iddominat l-amalgamazzjoni u ma kenitx tinsab f’diffikultajiet, imma minn dan ma joħroġx b’mod awtomatiku li l-impriża l-ġdida Biria GmbH kienet sabet ruħha f’diffikultajiet. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ġermanja, il-Kummissjoni hija tal-fehma b’mod l-aktar ċert li [Sachsen Zweirad] kienet kumpannija li kellha d-diffikultajiet. Konsegwentement, l-impriża l-ġdida Biria GmbH ‘wirtet’ ukoll id-diffikultajiet ta’ [Sachsen Zweirad].

(74)      Barra minn hekk, skond ir-rapport annwali tiegħu ta’ l-2003, il-Grupp Biria kompla jirristruttura u jorganizza – ħidma li kien beda fl-2002 u li kien jinkludi riformulazzjoni tal-finanzjament. Fuq il-bażi tal-garanzija mogħtija mill-Istat Ħieles ta’ Sachsen għas-self ta’ EUR 24.875 m, il-Grupp Biria fassal pjan ġdid għall-finanzjament ta’ l-attivitajiet tiegħu fuq medda medja ta’ żmien li kien jinkludi aġġustament sinifikanti ta’ rati ta’ imgħax u għalhekk tnaqqis fil-piż ta’ l-imgħax għoli.

(75)      Fl-istess żmien, ġie riorganizzat il-grupp ta’ banek: tliet banek fiehmu li jirrinunzjaw pretenzjonijiet li kienu jlaħħqu EUR 8.567 m, ammont li jidher li kien jirrappreżenta ħafna aktar minn 50 % tal-pretenzjonijiet tagħhom; bi tpattija, kellhom jirċievu fidi immedjat tal-krediti li kien fadal. Konsegwentement, is-self kopert minn 80 % garanzija taħt Miżura 3 jikkonsisti minn EUR 8 m biex jitħallsu lura self għal kapital li jiċċirkola, EUR 7.450 m f’forma ta’ ħlas bil-quddiem fuq kont kurrenti u EUR 9.425 m ħtiġiet ta’ finanzjament staġjonali.

(76)      Biria GmbH (illum Biria AG) għalhekk ħabbtet wiċċha ma’ problemi serji ta’ likwidità fiż-żmien meta kienet ingħatat il-garanzija u għalhekk kienet kumpannija f’diffikultajiet. Din il-valutazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li tliet banek irtiraw mill-finanzjament ta’ l-attivitajiet ta’ Biria u saħansitra qablu li jirrinunzjaw parti kbira tal-pretenzjonijiet tagħhom biex bi tpattija jirċievu fidi immedjat tal-krediti li kien fadlilhom. Dan juri li l-banek kellhom dubji serji dwar jekk Biria kenitx kapaċi tlaħħaq mad-djun tagħha u jekk kellhiex titqies bħala kumpannija vijabbli.

(77)      [Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] targumenta li l-banek irtiraw mill-finanzjament biss minħabba riorjentazzjoni fl-istrateġija kummerċjali tagħhom. Il-Kummissjoni tinnota li l-banek qablu li jirrinunzjaw għal probabbilment madwar 50 % tal-pretenzjonijiet tagħhom, li, ukoll jekk il-banek irtiraw minħabba riorjentazzjoni fl-istrateġija kummerċjali tagħhom, huwa sinjal li l-banek dehrilhom li x’aktarx ma kinux se jirkupraw l-ammont sħiħ tas-self.”

165    Minn din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat l-konklużjoni tagħha li Biria GmbH kienet f’diffikultà f’Diċembru 2003 fuq il-fatturi li ġejjin: l-ewwel nett il-fatt li wirtet diffikultajiet finanzjarji ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji li jikkostitwixxuha, it-tieni nett problemi serji ta’ likwidità fiż-żmien tal-għoti tal-miżura 3 u, it-tielet nett l-irtirar ta’ tliet banek u r-rinunzja tagħhom, f’din l-okkażjoni, għal parti kbira mill-krediti tagħhom.

166    Qabelxejn, fir-rigward tal-“wirt” ta’ Biria GmbH, il-Freistaat Sachsen jikkontesta li Sachsen Zweirad kienet tinsab f’diffikultà. Madankollu, mill-analiżi premessa (ara l-punti 144 sa 157 iktar ’il fuq) jirriżulta li ma ntweriex li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet il-kuntrarju. Barra minn hekk, mill-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dik li kienet Biria AG irreġistrat ukoll telf fl-2002 u kellha wkoll problemi ta’ likwidità, u dan ma huwiex ikkontestat mill-Freistaat Sachsen.

167    Madankollu dan tal-aħħar isostni li l-Kummissjoni kellha tibbaża ruħha biss fuq il-bilanċ tal-kumpannija l-ġdida Biria GmbH u tanalizza l-proporzjonijiet finanzjarji tagħha minflok tagħmel deduzzjonijiet astratti li skonthom l-amalgamazzjoni ta’ żewġ kumpanniji f’diffikultà twassal awtomatikament għal impriża ġdida li tkun ukoll f’diffikultà.

168    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat ukoll, minbarra l-fatturi marbuta mas-sitwazzjoni ekonomika u finazjarja tal-kumpannija l-ġdida Biria GmbH, is-sitwazzjoni taż-żewġ impriżi li amalgamaw magħha. Fil-fatt, kif indikat fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata u kif il-Kummissjoni rrimarkat quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jistax jiġi permess li kumpanniji jaħarbu minn obbligu ta’ notifika u mit-tressiq ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni permezz ta’ sempliċi amalgamazzjoni ta’ unitajiet ekonomiċi jew bil-ħolqien ta’ impriżi ġodda.

169    Barra minn hekk, fir-rigward qabelxejn tar-riferimenti li l-Freistaat Sachsen jagħmel għal ċerta informazzjoni finanzjarja tas-sena finanzjarja 2003, partikolarment għat-total tal-bilanċ u għar-riżultat tal-operazzjoni ta’ Biria GmbH fil-31 ta’ Diċembru 2003, għandu jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 120 iktar ’il fuq jirriżulta li l-kwistjoni ta’ jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE għandha tiġi riżolta fid-dawl tas-sitwazzjoni eżistenti fiż-żmien meta ttieħdet din il-miżura. Għalhekk il-Kummissjoni ma għandhiex tiġi kkritikata li ma kkunsidratx informazzjoni relattiva għas-sitwazzjoni tal-kumpannija inkwistjoni fil-31 ta’ Diċembru 2003, ladarba din id-data hija posterjuri għad-data tal-għoti tal-għajnuna. Fil-fatt, kif tindika l-Kummissjoni, din l-informazzjoni ma kinitx disponibbli fiż-żmien tal-għoti tal-għajnuna. Għalhekk il-Kummissjoni kellha dritt li tirreferi f’dan ir-rigward għall-informazzjoni tas-sena finanzjarja 2002 fid-deċiżjoni kkontestata. Minn dan isegwi li l-argumenti mressqa mill-Freistaat Sachsen dwar, b’mod partikolari, il-bilanċ fil-31 ta’ Diċembru 2003 u r-riżultat pożittiv tal-operazzjoni ordinarja ta’ Biria GmbH għas-sena finanzjarja 2003 huma irrilevanti.

170    Issa fir-rigward tal-argument tal-Freistaat Sachsen li, minbarra l-bilanċ tal-kumpannija l-ġdida fil-31 ta’ Diċembru 2003 u r-riżultat tal-operazzjoni għas-sena finanzjarja 2003, kellhom jitqiesu r-riżultati intermedjarji kif ukoll il-bilanċ provviżorju tal-31 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni ġustament tirrileva li ma jistax jiġi ddeterminat kemm l-iżvilupp pożittiv tar-riżultat tal-operazzjoni matul is-sena 2003 seta’ bbenefika mill-għoti tal-miżura 2 għal Sachsen Zweirad f’Marzu 2003, kumpannija li ġiet amalgamata f’Biria GmbH. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferimenti astratti magħmula mill-Freistaat Sachsen għar-riżultati intermedjarji tas-sena 2003 ma humiex suffiċjenti sabiex jistabbilixxu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma bbażatx l-analiżi tagħha tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Biria GmbH fuq l-imsemmija riżultati intermedjarji.

171    Barra minn hekk, dwar is-sitwazzjoni ta’ likwidità mnaqqsa ta’ Biria GmbH, il-Kummissjoni tirreferi għar-rapport ta’ verifika dwar il-kontijiet annwali magħluqa fil-31 ta’ Diċembru 2002 u għar-rapport annwali għas-sena finanzjarja 2002 ta’ din il-kumpannija li jindika dan li ġej:

“Il-problemi ta’ likwidità tal-impriża ggravaw iktar fl-2002 u s-sitwazzjoni tkompli tkun stretta, sal-punt li s-salvataġġ ta’ Biria AG jista’ biss jiġi żgurat kemm-il darba l-banek jżommu l-linji ta’ kreditu attwali, jew jirristrutturawhom u jkabbruhom fid-dawl tal-annullament tal-garanziji tal-Bund/Länder [...]

Mill-perspettiva ta’ kontabbiltà, il-kumpannija hija midjuna. Madankollu l-amministrazzjoni kummerċjali tqis li ma hemmx sitwazzjoni ta’ dejn eċċessiv fis-sens tad-dritt li jirregola l-insolvenza, peress li l-kapital negattiv fil-bilanċ huwa kkumpensat minn riżervi passivi tas-sehem ta’ [Sachsen Zweirad], minn dikjarazzjoni ta’ subordinazzjoni tas-soċju u minn good-will ta’ Biria AG.”

172    F’dan ir-rigward, diġà ġie konkluż li sitwazzjoni ta’ likwidità stretta tista’ tikkostitwixxi indikatur rilevanti ta’ sitwazzjoni ta’ diffikultà fis-sens tal-linji gwida tal-1999. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni tirrileva, mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Freistaat Sachsen, li l-krediti koperti mill-miżura 3 ma kinux intiżi għall-investiment, iżda kienu jinvolvu, b’mod partikolari, kreditu fuq kont kurrenti u ieħor għal bżonnijiet finanzjarji staġjonali, u dan jirriżulta wkoll mill-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata. L-argument tal-Freistaat Sachsen li s-sitwazzjoni ta’ likwidità ma wasslitx għall-insolvenza hija għalhekk nieqsa mir-rilevanza, peress li l-linji gwida jaċċettaw sitwazzjoni ta’ diffikultà li ma tkunx taqa’ preċiżament f’dan il-kuntest ġuridiku. Fir-rigward tal-argumenti tal-Freistaat Sachsen ibbażati fuq il-fatt li s-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Biria GmbH kellha titqies fid-dawl ta’ kuntest ta’ tkabbir tal-kumpannija, il-Qorti Ġenerali tqis li din iċ-ċirkustanza ma hijiex biżżejjed fiha nfisha sabiex tippermetti lill-Kummissjoni li ma tikkunsidrax id-diffikultajiet ta’ likwidità ta’ kumpannija, iżda dan huwa każ ta’ evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni tagħha.

173    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-irtirar tal-banek, għandu jiġi rrilevat li l-ittra tal-bank D. annessa mar-rikors fil-Kawża T‑102/07 ma tikkostitwixxix prova konklużiva li l-arranġament inkwistjoni kien kompletament dovut għal kunsiderazzjonijiet ta’ strateġija interna tal-banek. Fil-fatt, anki jekk din l-ittra tindika li raġunijiet strateġiċi kienu jifformaw il-bażi għall-bidu ta’ negozjati għal ristrutturazzjoni tal-krediti fi Frar 2003, din ma taffettwax l-analiżi fid-deċiżjoni kkontestata li r-rinunzja għal 50 % tal-krediti bi skambju għal rimbors tal-bqija mingħajr dewmien hija ta’ natura straordinarja. Għalhekk il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta interpretat l-irtirar u r-rinunzja tal-banek bħala indikatur ta’ nuqqas ta’ kunfidenza fil-kapaċitajiet ta’ Biria GmbH li tħallas lura s-self kollu tagħha.

174    Mill-premess jirriżulta li mill-ebda argument tal-Freistaat Sachsen ma jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li Biria GmbH kienet ukoll impriża f’diffikultà fiż-żmien inkwistjoni.

175    Konsegwentement, għandhom jiġu miċħuda l-ilmenti kollha tar-rikorrenti dwar allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-klassifikazzjoni tal-impriżi benefiċjarji bħala impriżi f’diffikultà.

3.     Fuq l-ilmenti bbażati fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni

176    Minn naħa, l-argumenti tar-rikorrenti jirrigwardaw l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu l-Kummissjoni ma tindikax ir-raġuni li minħabba fiha ma ġietx applikata d-definizzjoni tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà tal-miżura xierqa E 16/94 u lanqas ma tispjega r-raġuni li minħabba fiha hija warrbet id-definizzjoni tal-imsemmi kunċett fil-linji gwida tal-1999. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni dwar id-determinazzjoni tal-elementi ta’ għajnuna fir-rigward tal-miżuri 1 sa 3.

 Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżura xierqa E 16/94 u t-twarrib tal-linji gwida tal-1999

 L-argumenti tal-partijiet

177    Il-Freistaat Sachsen isostni li, jekk stess l-impriżi kkonċernati kellhom jiġu kkunsidrati impriżi f’diffikultà skont il-kriterji previsti mill-iskema ta’ għajnuna approvata, il-Kummissjoni ma esprimietx il-motivazzjoni għal tali deċiżjoni. Hija lanqas ma esponiet ir-raġunijiet li minħabba fihom hija warrbet il-kriterji stabbiliti fl-iskema ta’ għajnuna approvata. Barra minn hekk, skontu, il-Kummissjoni ma tispjegax fid-deċiżjoni kkontestata r-raġuni li minħabba fiha hija ma applikatx il-kriterji tal-paragrafu 5 tal-linji gwida tal-1999 fejn hija sikwit ikollha dubji, fi proċeduri oħra, dwar il-fatt li impriża kkonċernata tista’ tkun f’diffikultà meta dawn il-kriterji ma jkunux sodisfatti. Ladarba l-paragrafu 5 tal-linji gwida tal-1999 jinkludu regola ġenerali u l-paragrafu 6 tagħhom eċċezzjoni, il-Kummissjoni kellha timmotiva n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-imsemmi paragrafu 5.

178    MB Immobilien u MB System isostnu li, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-linji gwida tal-1999, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas triplu ta’ motivazzjoni. Fl-ewwel lok, hija ma tindikax ir-raġunijiet li minħabba fihom hija warrbet l-eżami tal-kriterji tal-linji gwida tal-1999. Fit-tieni lok, fil-każ li dan huwa bbażat fuq id-delimitazzjoni bejn impriżi b’saħħithom u impriżi f’diffikultà, li l-Kummissjoni stess stabbilixxiet, li hija waslet għall-konklużjoni li l-benefiċjarji tal-għajnuna kellhom jiġu kklassifikati bħala impriżi f’diffikultà, hija ma indikat xejn f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kellha timmotiva r-raġuni li minħabba fiha hija warrbet il-kundizzjonijiet tal-iskema ta’ għajnuna approvata fir-rigward tal-miżuri 2 u 3.

179    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

180    Jeħtieġ li jiġi mfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni jiddependi min-natura tal-att partikolari u mill-kuntest li fih ikun ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni b’mod li, minn naħa, l-persuni interessati jkunu jafu r-raġunijiet għall-miżura adottata biex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u biex jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, il-qorti tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità. Il-motivazzjoni ma għandhiex bilfors tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, billi l-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, imma wkoll mill-kuntest tiegħu u mir-regoli kollha tad-dritt li jirregolaw il-kwistjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-persuni interessati jqajmu quddiemha, imma biżżejjed li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (ara s-sentenza Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 104 iktar ’il fuq, punti 62 sa 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).

181    Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja rreferiet għall-miżura xierqa E 16/94 matul il-proċedura amministrattiva. Il-Kummissjoni kkonfermat quddiem il-Qorti Ġenerali li l-miżura xierqa E 16/94 ma ġietx invokata matul il-proċedura amministrattiva u dan il-punt ma ġiex ikkontestat mir-rikorenti. Barra minn hekk, mill-analiżi premessa jirriżulta li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà tal-miżura xierqa E 16/94 ma kinitx applikabbli f’dan il-każ u li l-Kummissjoni kellha dritt tibbaża ruħha fuq il-linji gwida tal-1999 f’dan ir-rigward. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilmenti bbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżura xierqa E 16/94 għandhom jiġu ddikjarati infondati, peress li ma jistax jinżamm li l-Kummissjoni għandha tispjega r-raġuni li minħabba fiha hija ma bbażatx ruħha fuq regoli li ma humiex applikabbli u li ma ġewx invokati.

182    Hemm lok ukoll li jiġu miċħuda bħala infondati l-ilmenti bbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni jew in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji tal-linji gwida tal-1999. Fil-fatt, il-Kummissjoni tindika fil-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata li hija taħseb li “s-sintomi karatteristiċi ta’ diffikultajiet ta’ impriża, deskritti fil-[paragrafu] 6 tal-linji gwida [tal-1999], iservu biss bħala punti ta’ riferiment sabiex jiġi ddeterminat meta impriża għandha tiġi kkunsidrata li tinsab f’diffikultà u ma humiex kriterji li għandhom jiġu osservati stricto sensu fl-intier tagħhom”. Għalhekk, il-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward hija ċara. Fir-rigward tal-kumplament, kif jirriżulta mill-analiżi premessa, id-deċiżjoni kkontestata tindika liema huma l-kriterji ekonomiċi li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa s-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriżi benefiċjarji inkwistjoni. Din il-motivazzjoni hija suffiċjenti sabiex tippermetti li l-partijiet ikollhom għarfien tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata u sabiex il-Qorti Ġenerali tistħarreġ il-legalità tagħha.

 Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-element ta’ għajnuna

 L-argumenti tal-partijiet

183    Il-Freistaat Sachsen jindika li ma jifhimx il-mod kif il-Kummissjoni kkalkolat ir-rata tal-interessi li biha, skontha, il-krediti kellhom jingħataw sabiex ikunu konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq u b’dan il-mod ikunu jistgħu jitqiesu bħala eżenti mill-għajnuna. Il-Kummissjoni sempliċement irreferiet għall-Avviż tagħha 97/C 273/03 fuq il-metodu tat-twaqqif tar-referenza u r-rati ta’ skont (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 146, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar ir-rati ta’ riferiment”). Issa, sempliċi riferiment għal avviż preċedenti ma hijiex suffiċjenti sabiex turi li żieda ta’ 400 punt ta’ bażi hija normali fis-suq. Huwa jafferma li lanqas ma jifhem ir-raġuni li minħabba fiha l-Kummissjoni tapplika, fir-rigward tal-miżuri 2 u 3, żewġ żidiet (premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata). Iż-żewġ eżempji stipulati fl-avviż dwar ir-rati ta’ riferiment (impriża f’diffikultà u nuqqas ta’ sigurtà) kienu jinvolvu r-riskju ta’ inadempjenza, b’mod li akkumulazzjoni ma tidhirx ġustifikabbli.

184    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma stabbilit ebda rabta intelliġibbli mal-kundizzjonijiet normali tas-suq. Barra minn hekk jidher li huwa ftit verosimili li għall-allegat nuqqas ta’ sigurtà s-suq jirreaġixxi permezz ta’ żidiet stabbiliti ta’ rati tal-interessi għalkollox sproporzjonati meta mqabbla mal-livell tar-rati fis-seħħ. Wieħed għandu jikkunsidra li s-settur tal-krediti japplika żieda relattivament dgħajfa meta r-rata tal-interessi tkun dgħajfa u żieda relattivament għolja meta r-rata tal-interessi tkun għolja.

185    Il-Freistaat Sachsen iqis ukoll li, fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreżumi li l-mezzi ta’ sigurtà mogħtija ftit li xejn kellhom valur ekonomiku, iżda ma ġabet ebda prova fir-rigward. Issa, mill-bilanċi annwali tas-sena finanzjarja 2003 jirriżulta li l-krediti akkordati mill-banek ma humiex biss iggarantiti permezz ta’ ipoteki, iżda wkoll permezz taċ-ċessjoni ta’ kapital fiss u kapital li jdur, li ġew irreġistrati fil-bilanċ għall-valuri rispettivi ta’ EUR 5.8 miljun u ta’ EUR 28.3 miljun. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq valur ekonomiku negliġibbli tal-mezzi ta’ sigurtà bħala punt ta’ tluq, jew kellha, tal-inqas, tispjega dan.

186    Fl-aħħar nett, il-Freistaat Sachsen isostni, fir-rigward tar-riferiment tal-Kummissjoni fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali għal studju ta’ kabinett ta’ verifika tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-aġġustament tar-rati ta’ riferiment applikati għall-għajnuna mill-Istat fl-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“istudju”), li l-imsemmi studju ma jidhirx fil-proċess u lanqas ma ġie invokat fid-deċiżjoni kkontestata, u għalhekk ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni ta’ din tal-aħħar ma ġewx osservati fuq dan il-punt. Barra minn hekk, qabel id-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni lanqas ma għamlet avviż li minnu jirriżulta li hija tagħmel tagħha l-konklużjonijiet tal-istudju għar-rigward ta’ deċiżjonijiet futuri.

187    MB Immobilien u MB System isostnu, fir-rigward tal-miżura 1, li l-Kummissjoni ma tiġġustifikax għaliex ir-remunerazzjoni ta’ kapital passiv li huwa diġà ogħla b’600 punt ta’ bażi mir-rata ta’ riferiment applikabbli fiż-żmien inkwistjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni r-riskji miżjuda marbuta ma’ impriża f’diffikultà. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rreferiet għall-avviż dwar ir-rati ta’ riferiment, peress li hija ma kkonstatatx il-kundizzjonijiet tas-suq.

188    Hija ma timmotivax b’mod konklużiv il-metodu ta’ evalwazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu għajnuna fil-miżura 1, iżda tfittex l-element ta’ għajnuna fid-differenza bejn ir-remunerazzjoni li kellha titħallas lil Bike Systems fis-suq u dik li fil-fatt ġiet imħallsa. Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-interessi, sempliċi riferiment għall-avviż dwar ir-rati ta’ riferiment u tennija mill-ġdid ta’ suppożizzjoni – impriża f’diffikultà – ma jistgħux jissostitwixxu l-motivazzjoni meħtieġa. Dan ma japplikax biss fir-rigward tal-mertu, iżda qabelxejn għal dak li jirrigwarda l-ammont tal-għajnuna, iktar u iktar peress li, fir-rigward tan-numru ta’ punti ta’ bażi, il-Kummissjoni tat lilha nfisha marġni ta’ diskrezzjoni fl-avviż dwar ir-rati ta’ riferiment.

189    Ikun eżerċizzju arbitrarju jekk għar-riskji differenti jiġu applikati 400 punt ta’ bażi li jiġu miżjuda mingħajr motivatazzjoni għal din id-deċiżjoni, la fir-rigward tal-mertu u lanqas fir-rigward tal-ammont. Fil-fatt, mit-test tal-avviż dwar ir-rati ta’ riferiment ma jirriżultax li l-Kummissjoni rriservat id-dritt, fil-preżenza ta’ diversi riskji, li tapplika għal kull wieħed minnhom żieda ta’ 400 punt ta’ bażi. Għal din ir-raġuni b’mod partikolari, kien meħtieġ li l-Kummissjoni timmotiva b’mod iktar wiesa’ ż-żieda ta’ 1 000 punt ta’ bażi li hija ffissat, u dan kemm fir-rigward tal-mertu u kif ukoll fir-rigward tal-ammont.

190    Fir-rigward tal-allegazzjoni li l-miżura 1 ikkostitwixxiet self partikolarment riskjuż, MB Immobilien u MB System isostnu li l-akkumulazzjoni ta’ riskji differenti li l-Kummissjoni tiddeduċi tikkonċerna biss, fir-realtà, l-istess riskju, jiġifieri dak ta’ inadempjenza. Dan jidher b’mod partikolarment ċar fil-kuntest li ġej. Meta impriża tkun ipprovdiet biżżejjed mezzi ta’ sigurtà, ftit jimporta jekk is-self ikunx ikklassifikat bħala li għandu prijorità. Xejn inqas ma jkun il-każ meta l-mezzi ta’ sigurtà allegatament insuffiċjenti jkunu huma stess diġà ġew miżjuda. Issa, il-Kummissjoni tipperċepixxi f’dan il-każ ta’ żieda ta’ 400 u ta’ 200 punt, għalhekk total ta’ 600 punt ta’ bażi, l-istess sitwazzjoni ta’ fatt, jiġifieri l-insuffiċjenza ta’ sigurtà. Dan il-mod ta’ kif tipproċedi huwa totalment kontradittorju.

191    MB Immobilien u MB System jispeċifikaw ukoll li la l-avviż dwar ir-rati ta’ riferiment u lanqas id-deċiżjoni kkontestata ma jagħtu ġustifikazzjoni dwar il-kwistjoni ta’ liema riskji għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni permezz ta’ ammont inizjali ta’ 400 punt ta’ bażi u għal liema raġuni 400 punt ta’ bażi.

192    Barra minn hekk, fir-rigward tal-forom differenti ta’ sigurtà, minkejja li l-Kummissjoni tipprova tiddeskrivi r-riskju konkret, tibqa’ mhux magħrufa r-rabta f’termini ta’ valur bejn, minn naħa, il-mezzi ta’ sigurtà ċċitati u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tagħhom f’punti ta’ bażi.

193    Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset, fl-eżami tar-riskji, milli tevalwa aspetti oħra apparti s-sigurtà mogħtija, bħal pereżempju l-kapaċitajiet tal-impriża u l-pożizzjoni tagħha fis-suq. Analiżi tar-riskji li hija limitata għall-mezzi ta’ sigurtà u tinjora fatturi ekonomiċi iktar wiesa’ ma tirriflettix l-obbligu li tkun prudenti u eżawrjenti.

194    Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tagħmel evalwazzjoni fuq l-ittra ta’ kjarifika (ara l-punt 90 iktar ’il fuq). Kieku għamlet din l-evalwazzjoni, hija ma kinitx tkun tista’ tissoponi li r-riskju żdied.

195    Fir-rigward tal-miżura 2, MB Immobilien u MB System isostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija wkoll ivvizzjata minn nuqqas serju ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu għajnuna u l-valur tagħhom. Fil-premessi 88 sa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi mill-ġdid għall-avviż dwar ir-rati ta’ riferiment mingħajr madankollu ma tagħti r-raġunijiet li għalihom hija tqis li huwa ġġustifikat li tapplika premjum ta’ 400 punt ta’ bażi minħabba l-klassifikazzjoni bħala impriża f’diffikultà u premjum ta’ 400 punt ta’ bażi minħabba li l-mezzi ta’ sigurtà huma insuffiċjenti. Għall-istess raġunijiet invokati għall-miżura 1, is-sempliċi riferiment għall-avviż dwar ir-rati ta’ riferiment ma huwiex suffiċjenti.

196    Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq it-telf ta’ Sachsen Zweirad biex tiddeċiedi li dan huwa każ ta’ impriża f’diffikultà u li hemm riskji partikolari li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni permezz ta’ żieda, għandu jiġi kkonstatat li dan it-telf ma huwiex determinanti. Il-Kummissjoni ma eżaminatx biżżejjed il-kuntratt ta’ ċessjoni ta’ profitti u l-modalitajiet ta’ kumpens ta’ likwidità fi ħdan il-grupp (cash pool) miftiehma bejn Sachsen Zweirad u l-kumpannija parent tagħha. Hija setgħet, l-iktar l-iktar, teżamina jekk il-kumpannija parent kinitx f’diffikultà. Għalhekk iż-żieda ta’ 400 punt ta’ bażi hija illegali.

197    Issa fir-rigward tal-miżura 3, MB Immobilien u MB System iqisu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata wkoll minn nuqqas serju ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-elementi li jikkostitwixxu għajnuna (premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tiddetermina l-element li jikkostitwixxi għajnuna fuq il-bażi tad-differenza bejn ir-rata tal-interessi applikata fil-konkret u r-rata tal-interessi miżjuda ta’ 700 punt ta’ bażi ffissata minnha u ma huwiex possibbli li wieħed jifhem għaliex, minn naħa, hija ddeċidiet li tagħmel żieda ta’ preċiżament 400 punt ta’ bażi minħabba li huwa każ ta’ impriża f’diffikultà u mhux ċifra oħra, u, min-naħa l-oħra, tapplika żieda oħra ta’ 300 punt ta’ bażi minħabba li l-mezzi ta’ sigurtà huma insuffiċjenti. Ċertament, il-Kummissjoni tammetti li l-mezzi ta’ sigurtà mogħtija għandhom ċertu valur ekonomiku, iżda ma tiġġustifikax għaliex dan iwassal għall-applikazzjoni ta’ żieda ta’ 100 u mhux 200 punt ta’ bażi fuq l-400 punt li hija jidher li ħadet inkunsiderazzjoni. Mhuwiex possibbli li wieħed jifhem għal liema raġuni l-Kummissjoni tqis imbagħad li żieda ta’ 300 punt ta’ bażi hija ġġustifikata, meta, skont l-avviż dwar ir-rati ta’ riferiment, fil-każ ta’ riskji speċjali, għandha tiġi applikata żieda ta’ 400 punt ta’ bażi.

198    Dwar ir-riferiment tal-Kummissjoni għal-istudju, MB Immobilien u MB System jaqblu mal-kritika tal-Freistaat Sachsen.

199    Il-Kummissjoni tfakkar li l-avviż dwar ir-rati ta’ riferiment jipprovdi rata ta’ riferiment uniformi kkalkulata fuq il-bażi tar-rata msejħa “interbank swap fuq ħames snin”. F’sitwazzjonijiet ta’ riskju partikolari (pereżempju, impriża f’diffikultà, in-nuqqas ta’ miżuri ta’ sigurtà normalment rikjesti mill-banek), il-metodu jipprevedi żieda tar-rata ta’ riferiment ta’ 400 punt ta’ bażi, jew saħansitra iktar.

200    Fir-rigward qabelxejn tal-miżura 1, sabiex ir-rata normali tas-suq tiġi ddeterminata, il-Kummissjoni użat, fid-deċiżjoni kkontestata, tliet żidiet, li madankollu ma japplikawx għall-istess riskju, iżda għal tliet riskji distinti fil-kalkolu. L-ewwel riskju kopert kien marbut maċ-ċirkustanza li Bike Systems kienet tinsab f’diffikultà. Għalhekk kienet ikbar il-probabbiltà li l-impriża ma tkunx f’pożizzjoni li tirrimborsa l-miżura 1 jew li tħallas ir-remunerazzjoni miftiehma. Is-sitwazzjoni ekonomika tal-benefiċjarju tal-għajnuna ġiet analizzata fid-dettall. Huwa proprju għal din ir-raġuni li l-argument li l-Kummissjoni evalwat biss il-granziji mogħtija għandu jiġi miċħud. It-tieni riskju kkonċerna n-nuqqas ta’ sigurtà, li kompla żied ir-riskju ta’ inadempjenza fil-każ ta’ insolvenza. It-tielet riskju kien ikkostitwit mill-fatt li l-miżura 1 kienet subordinata għal għotjiet oħra ta’ self f’każ ta’ insolvenza, minn fejn tirrżulta żieda ulterjuri tar-riskju ta’ inadempjenza. F’dan il-każ, dan huwa riskju distint. It-tliet riskji ġew deskritti fid-dettall fid-deċiżjoni kkontestata.

201    L-argument li dawn ir-riskji kollha fil-fatt jikkonċernaw biss ir-riskju ta’ inadempjenza u għalhekk ma għandhomx jitqiesu b’mod kumulattiv huwa nieqes mir-rilevanza, peress li għandu jiġi kkunsidrat li, f’kull każ, sakemm impriża tikkostitwixxi biżżejjed sigurtà, il-kwistjoni ta’ jekk self ikunx subordinat jew le ma hijiex determinanti. Issa, il-każ ineżami jinvolvi impriża li ma kkostitwixxietx biżżejjed sigurtà u hija għalhekk perfettament determinanti l-kwistjoni ta’ jekk is-self huwiex subordinat jew le. Barra minn hekk, huwa għalkollox possibbli li wieħed jipprevedi li impriża tista’ tkun f’diffikultà, iżda jkollha madankollu miżuri ta’ sigurtà sostanzjali li jippermettu li l-kreditu jew il-garanzija jkunu koperti. Ir-rata tal-interessi kkunsidrata bħala konformi mas-suq li hija applikata għal kreditu ta’ tali impriża hija għalhekk inferjuri għal dik marbuta ma’ kreditu għal impriża f’diffikultà li ma għandhiex miżuri ta’ sigurtà komparabbli.

202    Hija konklużjoni simili li għaliha jasal l-istudju intiż, b’mod partikolari, għall-istabbiliment ta’ żidiet xierqa tar-rata minima f’ċerti sitwazzjonijiet. Hija tapplika żewġ kriterji għal tali żieda, jiġifieri l-evalwazzjoni tal-impriża u l-miżuri ta’ sigurtà mogħtija minn din l-impriża, li b’dan il-mod jinġabru flimkien iż-żewġ riskji. L-istudju jipproponi, pereżempju, li għal impriża tal-kategorija C li, minkejja d-diffikultajiet tagħha, tagħti miżuri tajbin ta’ sigurtà, żieda ta’ 360 punti ta’ bażi (jew 3.6 punti perċentwali). Min-naħa l-oħra, l-istudju jikkunsidra li ż-żieda xierqa għal impriża tal-istess kategorija, li tagħti biss ftit sigurtà, hija ta’ 1 650 punti ta’ bażi (jew 16.50 punti perċentwali). Għalhekk iż-żieda inkwistjoni fil-każ ineżami ma ġiet bl-ebda mod applikata tliet darbiet għall-istess riskju. Barra minn hekk, ir-riferiment tal-Kummissjoni fir-risposta għall-istudju għandu biss bħala għan li jikkonferma li r-riżultat miksub u mmotivat fir-rigward tal-ammont tal-element ta’ għajnuna jirrifletti sewwa r-realtà ekonomika, iżda bl-ebda mod ma kien intiż bħala motivazzjoni addizzjonali, li barra minn hekk kien ikun superfluwu.

203    Fir-rigward tal-kwistjoni tan-natura xierqa taż-żidiet stabbiliti għal total ta’ 1 000 punt ta’ bażi, il-Kummissjoni tenfasizza li, fl-avviż dwar ir-rati ta’ riferiment, hija tikkunsidra li żieda ta’ 400 punt ta’ bażi tikkostitwixxi minimu. Iż-żieda fil-fatt applikata tista’ perfettament tkun ogħla minn 400 punt ta’ bażi. In-natura xierqa taż-żidiet hija kkorroborata mill-istudju li jqis li huwa xieraq li, fil-każ ta’ impriża tal-kategorija C, jiġifieri sitwazzjoni ekonomika żvantaġġata, tiġi applikata żieda ta’ 1 000 punt ta’ bażi meta l-miżuri ta’ sigurtà mogħtija jkunu normali, u saħansitra 1 650 punt jekk il-miżuri ta’ sigurtà disponibbli jkunu dgħajfa. Għalhekk, iż-żieda ta’ 1 000 punt ta’ bażi applikata mill-Kummissjoni għandha iktar tiġi kkunsidrata bħala baxxa wisq milli bħala għolja wisq.

204    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegat nuqqas li tieħu inkunsiderazzjoni l-ittra ta’ kjarifika, il-Kummissjoni sempliċement tindika li l-imsemmija ittra ma ġietx prodotta kif meħtieġ matul il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, b’tali mod li hija ma setgħetx teżaminaha b’mod iktar fid-dettall u, jekk meħtieġ, tinkludiha fl-analiżi tagħha.

205    Imbagħad, fir-rigward tal-miżura 2, l-ilment li l-Kummissjoni ma mmotivatx biżżejjed iż-żieda totali ta’ 800 punt ta’ bażi f’rabta mar-rata ta’ riferiment għandu jiġi miċħud b’riferiment għall-premessi 88 sa 91 tad-deċiżjoni kkontestata. Analiżi separata tar-riskji differenti kienet meħtieġa sabiex tiġi ddeterminata d-differenza eżatta bejn l-interessi dovuti skont il-kundizzjonijiet tas-suq fin-nuqqas tal-miżura 2 u l-interessi li fil-fatt tħallsu. Iż-żieda li hija applikat tibqa’ inferjuri għal dik prevista fl-istudju għal sitwazzjonijiet analogi.

206    Fir-rigward tal-ilment li l-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni l-kuntratt ta’ ċessjoni ta’ profitti u l-modalitajiet ta’ kumpens ta’ likwidità fi ħdan il-grupp, għandu jingħad mill-ġdid bħala tweġiba li hija tadotta d-deċiżjoni tagħha fuq il-bażi tal-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha meta tagħlaq il-proċedura formali ta’ investigazzjoni. Matul il-proċedura amministrattiva, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma invokatx, madankollu, l-imsemmija “cash pool”.

207    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-miżura 3, il-Kummissjoni tirreferi għall-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kalkolu tal-element ta’ għajnuna tal-miżuri 1 u 2.

208    Bi tweġiba għall-ilment ta’ MB Immobilien u ta’ MB System dwar l-ammont taż-żieda ta’ 300 punt ta’ bażi minħabba insuffiċjenza ta’ sigurtà, il-Kummissjoni tirrileva li hija elenkat u eżaminat fid-deċiżjoni kkontestata kull miżura ta’ sigurtà kkostitwita bil-garanzija (debiti ipotekarji, ċessjoni ta’ krediti, ċessjoni tal-merkanzija li l-impriżi tal-grupp kellhom fil-pussess tagħhom u garanzija solidali tal-proprjetarju ta’ Biria GmbH). Issa, wara li eżaminathom, hija waslet għall-konklużjoni li l-miżuri ta’ sigurtà ta’ Biria GmbH kienu ta’ kwalità aħjar minn dawk ta’ Sachsen Zweirad, u minħabba f’hekk hija applikat biss 300 punt ta’ bażi minħabba insuffiċjenza ta’ sigurtà (b’kuntrast mal-400 punt ta’ bażi fil-każ tal-miżura 2).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

209    Il-portata tal-eżami tal-Qorti Ġenerali tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni ġiet imfakkra fil-punt 180 iktar ’il fuq.

210    B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-argument tar-rikorrenti jħallat il-kwistjonijiet ta’ motivazzjoni formali mal-evalwazzjoni fil-mertu. F’dan ir-rigward, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza li tipprovdi li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi differenzjata mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-att ikkontestat. L-ilmenti u l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan l-att huma għalhekk inapplikabbli fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas jew l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni (sentenza Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 143 iktar ’il fuq, punt 79).

211    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni mmotivatx biżżejjed skont il-liġi l-mod li hija użat sabiex tikkalkula l-elementi ta’ għajnuna.

212    Qabelxejn, fir-rigward tal-argument ta’ MB Immobilien u ta’ MB System li l-avviż dwar ir-rati ta’ riferiment ma jipprovdi ebda ġustifikazzjoni għaż-żieda ta’ 400 punt ta’ bażi li hija pproponiet għall-premjum ta’ riskju, għandu jiġi rrilevat li dan fil-fatt sempliċement jistipula li r-rata ta’ riferiment hija rata minima “li tista’ tiżdied f’sitwazzjonijiet li jinvolvu riskju partikolari (bħal pereżempju, impriża li tinsab f’diffikoltà, jew meta s-sigurtà li hija normalment meħtieġa mill-banek ma tkunx provduta)” u li, f’każijiet bħal dawn, “il-premjum jista’ jammonta sal-400 punti bażilari jew iktar jekk l-ebda bank privat ma jkun qabel li jagħti dan is-self”. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-kontenut tal-avviż dwar ir-rati ta’ riferiment fuq dan il-punt ma huwiex żviluppat biżżejjed u fl-ebda każ ma jista’ fih innifsu jkun biżżejjed bħala motivazzjoni għal kalkolu ta’ premjum ta’ riskju f’każ partikolari. Għalhekk hemm lok li jiġi eżaminat il-mod li bih il-Kummissjoni spjegat l-applikazzjoni tiegħu fid-deċiżjoni kkontestata.

213    Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-elementi ta’ għajnuna fil-każ ineżami, u b’mod partikolari tal-livell tal-premjum ta’ riskju, il-Kummissjoni tindika fil-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-miżura 1, wara li tfakkar il-prinċipji stipulati fl-avviż dwar ir-rati ta’ riferiment u s-sitwazzjoni ta’ diffikultà finanzjarja ta’ Bike Systems, dan li ġej:

“[...] Fil-każ preżenti, għalhekk, il-Kummissjoni jidhrilha li Bike Systems kien ikollha tħallas rata ta’ imgħax mill-inqas daqs ir-rata ta’ referenza magħduda ma’ premium ta’ 400 punt bażi għaliex il-kumpannija kienet tinsab f’diffikultajiet u premium ta’ 400 punt bażi oħra minħabba n-nuqqas ta’ sigurtà fuq is-self. Il-Kummissjoni jidhrilha wkoll li żieda ta’ 200 punt bażi oħra jkunu xierqa minħabba l-grad baxx tas-sehem passiv f’każ ta’ falliment. Dan huwa konformi ma’ l-indikazzjonijiet mogħtija [fl-avviż dwar ir-rati ta’ riferiment], li [j]istipula li f’sitwazzjonijiet li jinvolvu riskju partikolari (pereżempju, meta impriża tkun f’diffikultajiet jew meta s-sigurtà normalment mitluba mill-banek ma tiġix ipprovduta) il-premium jista’ jitla’ sa 400 punt bażi jew aktar. L-element ta’ għajnuna tas-sehem passiv għalhekk jikkonsisti fid-differenza bejn ir-rata ta’ imgħax ta’ referenza magħduda ma’ 1000 punt bażi u r-remunerazzjoni attwali li tħallset biex ingħata s-sehem passiv.”

214    Fir-rigward tal-miżuri 2 u 3, il-Kummissjoni tindika, fil-premessi 90 sa 93 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

“(90) [... Sachsen Zweirad] u Biria GmbH kienu kumpanniji f’diffikultà fi żmien l-għoti tal-garanziji. Is-self u l-garanzija lil [Sachsen Zweirad] involvew riskju ulterjuri għaliex is-sigurtà pprovduta fuq is-self kienet partikolarment baxxa. Il-garanzija għas-self lil [Sachsen Zweirad] kellha sigurtà biss ta’ garanzija assoluta (‘selbstschuldnerische Bürgschaft’) mogħtija mill-kumpanniji tal-grupp. Il-valur ekonomiku ta’ dawn il-garanziji ġenerali huwa baxx ħafna.

(91)      Fil-każ preżenti, għalhekk, il-Kummissjoni jidhrilha li, mingħajr il-garanzija, [Sachsen Zweirad] kien ikollha tħallas rata ta’ imgħax mill-inqas daqs ir-rata ta’ referenza magħduda ma’ premjum ta’ 400 punt bażi għaliex il-kumpannija kienet tinsab f’diffikultajiet u premjum ta’ 400 punt bażi oħra minħabba li s-sigurtà fuq is-self kienet baxxa ħafna. L-element ta’ għajnuna tas-sehem passiv għalhekk jikkonsisti fid-differenza bejn ir-rata ta’ referenza magħduda ma’ 800 punt bażi u r-remunerazzjoni attwali li tħallset biex jinħareġ is-self garantit.

(92)      Rigward is-self u l-garanzija lil Biria GmbH, is-sigurtà fuq self li ngħatat kellha valur ekonomiku ogħla minn dak għall-garanzija għal [Sachsen Zweirad]. Madankollu, is-sigurtà fuq self xorta hija aktar baxxa milli huwa normalment meħtieġ. Il-garanzija lil Biria GmbH għandha sigurtà ta’ ipoteka ta’ l-ogħla grad fuq proprjetà ta’ Bike Systems li kienet tammonta għal EUR 15 m. L-ipoteka hija, madankollu, subordinata għal self ieħor ta’ EUR 2 m. Din l-ipoteka ta’ l-ogħla grad għalhekk tkopri kemmkemm iktar minn 50 % tas-somma totali tas-self. Il-forom l-oħra ta’ sigurtà fuq self (ipoteki, ċessjoni ta’ pretenzjonijiet, ċessjoni ta’ materjali fil-pussess tal-kumpanniji tal-grupp u garanzija assoluta min-naħa tas-sid ta’ Biria) kienu ta’ valur ekonomiku baxx.

(93)      Konsegwentement, il-Kummissjoni jidhrilha li, mingħajr il-garanzija, Biria GmbH kien ikollha tħallas rata ta’ imgħax mill-inqas daqs ir-rata ta’ referenza magħduda ma’ 400 punt bażi għaliex il-kumpannija kienet tinsab f’diffikultajiet u 300 punt bażi oħra minħabba li s-sigurtà fuq is-self kienet baxxa (imqabbla mal-premjum ta’ 400 punt bażi għall-garanzija lil [Sachsen Zweirad] minħabba s-sigurtà ta’ self baxxa ħafna). L-element ta’ għajnuna tal-garanzija għalhekk jikkonsisti fid-differenza bejn ir-rata ta’ referenza magħduda ma’ 700 punt bażi u r-remunerazzjoni attwali li tħallset biex jinħareġ is-self garantit.”

215    Huwa minnu li kull spjegazzjoni tal-Kummissjoni tinkludi deskrizzjoni tal-metodu ta’ kalkolu magħżul, jiġifieri l-użu ta’ rata ta’ riferiment marbuta ma’ żidiet f’daqqa minħabba s-sitwazzjoni diffiċli tal-impriża inkwistjoni u n-nuqqas ta’ sigurtà jew id-dgħufija tagħha. L-imsemmi metodu ta’ kalkolu huwa konformi mal-avviż dwar ir-rati ta’ riferiment, li huwa dokument ippubblikat u li r-rikorrenti ma jikkontestawx ir-rilevanza tiegħu, u kif ukoll, skont il-Kummissjoni, mal-prassi stabbilita tagħha, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mir-rikorrenti.

216    B’mod kuntrarju għal dak li r-rikorrenti jallegaw, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ sigurtà jew id-dgħufija tagħha. Fil-fatt, il-Kummissjoni analizzat b’mod dettaljat is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriżi benefiċjarji inkwistjoni fil-premessi 59 sa 78 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fir-rigward tal-miżura 1, mill-punti 113 sa 119 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqet ebda illegalità meta ma inkludietx l-ittra ta’ kjarifika fl-analiżi tagħha. Fir-rigward tal-miżura 2, il-premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata tindika liema sigurtà kienet disponibbli u r-raġuni li minħabba fiha din ġiet ikkunsidrata li hija dgħajfa. Fl-aħħar nett, il-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata ssemmi, fir-rigward tal-miżura 3, l-eżistenza ta’ debitu ipotekarju li għandu prijorità li jkopri biss ftit iktar minn 50 % tas-self kollu u tikklassifika l-forom l-oħra ta’ sigurtà bħala li għandhom valur ekonomiku baxx. Għalhekk, fid-dawl tar-rabta bejn is-sigurtà prinċipali meqjusa mill-Kummissjoni u l-klassifikazzjoni tal-forom l-oħra ta’ sigurtà bħala li huma ta’ valur ekonomiku baxx, għar-rigward tal-perċentwali tas-self iggarantit mis-sigurtà prinċipali, imsemmija fl-aħħar tal-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkunsidrat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-livell baxx tas-sigurtà għall-miżura 3 ma hijiex ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

217    Madankollu għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ġustament jirrilevaw li l-avviż dwar ir-rati ta’ riferiment ma jinkludi ebda indikazzjoni dwar l-akkumulazzjoni tar-riskji, anki jekk dan ma jeskludihiex. Barra minn hekk, l-analiżi tal-Kummissjoni ma tinkludi ebda riferiment għall-prattika tas-swieq finanzjarji fuq dan il-punt, b’tali mod li r-rabta bejn iż-żidiet tal-Kummissjoni u s-sitwazzjoni speċifika tat-tliet kumpanniji inkwistjoni ma tidhirx ċara u l-għażla taż-żidiet magħmula hija, tal-inqas fl-apparenza, ta’ natura inċerta.

218    Għalhekk il-Qorti Ġenerali tikkunsdira li l-Kummissjoni kellha tispjega l-użu tal-premjums addizzjonali u kif ukoll il-livell tagħhom permezz ta’ analiżi tal-prattika fis-suq sabiex ir-rikorrenti jkunu jistgħu jivverifikaw in-natura xierqa taż-żidiet fil-każ ineżami u l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tistħarreġ il-legalità tagħhom.

219    Fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni rreferiet għal iktar dettall f’dan ir-rigward għall-istudju mingħajr ma riedet tipprovdi, permezz tiegħu, motivazzjoni addizzjonali. L-imsemmi studju jipproponi għal sitwazzjonijiet analogi għal dawk tal-każ ineżami żieda skont l-evalwazzjoni tal-impriża inkwistjoni fid-dawl tas-solidità finanzjarja tagħha u żieda addizzjonali skont il-livell ta’ sigurtà mogħtija. Hija tasal għal livelli ta’ żieda li jilħqu l-ammont ta’ 1 650 punt għal impriżi bi profil negattiv ta’ riskju u li jagħtu biss livell baxx ta’ sigurtà.

220    Għandu jiġi kkonstatat li fil-fatt dawn l-ispjegazzjonijiet addizzjonali tal-Kummissjoni li jirreferu għal profili differenti ta’ riskju ta’ kumpanniji u s-sigurtà li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom fid-dawl tar-rati ta’ żieda li, normalment, jikkorrispondu magħhom, jiċċaraw il-livelli tal-premjums stabbiliti fil-każ ineżami billi dawn jiġu mqabbla b’mod iktar wiesgħa u jiġu stabbiliti b’mod oġġettiv.

221    Madankollu, ir-rikorrenti ġustament jirrilevaw li l-istudju ma setax jitqies bħala motivazzjoni għad-deċiżjoni kkontestata, peress din tal-aħħar ma tirreferix għalih u l-istudju ma huwiex magħruf minnhom. Issa, hemm lok li jiġi mfakkar li l-motivazzjoni, bħala prinċipju, għandha tiġi kkomunikata lill-parti interessata fl-istess żmien tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju. In-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi regolarizzat mill-fatt li l-parti interessata ssir taf bir-raġunijiet għad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 463; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1996, Rendo et vs Il-Kummissjoni, T‑16/91, Ġabra p. II‑1827, punt 45, u Corsica Ferries Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 104 iktar ’il fuq, punt 287).

222    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni dwar il-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tagħżel il-livell ta’ premjums ta’ riskju applikabbli għall-miżuri 1, 2 u 3, b’tali mod li ma ssodisfatx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE.

223    Għalhekk l-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward għandhom jiġu milqugħa. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tippronunzja ruħha fuq l-argumenti dwar il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-livell tal-premjums ta’ riskju applikabbli għall-miżuri 1, 2 u 3.

224    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li l-kalkolu tal-elementi ta’ għajnuna inkwistjoni għandu importanza essenzjali fl-istruttura ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata u li, konsegwentement, din għandha tiġi annullata fl-intier tagħha.

225    Minn dan kollu premess jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

226    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet il-Kawżi T‑102/07 u T‑120/07, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-Kawża T‑120/07, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/492/KE, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru Ċ 38/2005 (ex NN 52/2004) implementata mill-Ġermanja għall-Grupp Biria hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropeja hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-Kawża T‑120/07.

Czúcz

Labucka

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Marzu 2010.

Firem

Werrej


Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2.  L-iskema ta’ għajnuna approvata

3.  L-impriżi inkwistjoni

4.  Il-miżuri inkwistjoni

5.  Il-proċedura amministrattiva

6.  Id-deċiżjoni kkontestata

Il-kawża u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ilmenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultŕ li tinsab fil-miżura xierqa E 16/94

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq l-ilmenti dwar il-karatterizzazzjoni tal-impriżi benefiċjarji bħala impriżi f’diffikultŕ

Fuq il-kwistjoni ta’ jekk Bike Systems kinitx impriża f’diffikultŕ f’Marzu 2001

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-kwistjoni ta’ jekk Sachsen Zweirad u Biria GmbH kinux impriżi f’diffikultŕ f’Marzu u f’Diċembru 2003, rispettivament

Fuq il-qafas ta’ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-impriżi li bbenefikaw mill-miżuri 2 u 3

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ Sachsen Zweirad

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ Biria GmbH

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq l-ilmenti bbażati fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni

Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżura xierqa E 16/94 u t-twarrib tal-linji gwida tal-1999

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-element ta’ għajnuna

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.