SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

4 ta’ Lulju 2007

Kawża T-502/04

Stéphane Lopparelli

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2003 – Attribuzzjoni ta’ punti ta’ prijorità”

Suġġett: Talba għall-annullament tad-deċiżjoni li tattribwixxi punti ta’ prijorità lir-rikorrent għall-proċedura ta’ promozzjoni 2003 kif ukoll tad-deċiżjoni li ismu ma jitnizzilx fil-lista ta’ l-uffiċjali promossi għall-grad A5 f’din l-istess proċedura.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Modalitajiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 43 u 45)

2.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Modalitajiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

1.      Fil-kuntest tas-sistema ta’ promozzjoni stabbilita minn leġiżlazzjoni interna tal-Kummissjoni, li hija bbażata fuq il-kwantifikazzjoni tal-merti, ikkaratterizzata mill-attribuzzjoni annwali ta’ diversi tipi ta’ punti lill-uffiċjali u min-neċessità li jintlaħaq, mill-proċedura ta’ promozzjoni 2003, ċertu livell, li jikkorrispondi għal numru akkumulat ta’ punti, sabiex tkun tista’ tingħata l-promozzjoni, il-miżura tranżitorja li tikkonsisti fl-attribuzzjoni awtomatika, skond l-anzjanità fil-grad, ta’ numru limitat ħafna ta’ punti ta’ prijorità fil-proċedura ta’ promozzjoni 2003, minn naħa, hija ġġustifikata minn bżonn imperattiv marbut mat-tranżizzjoni lejn sistema ta’ promozzjoni ġdida u, min-naħa l-oħra, mhijiex sproporzjonata, għalhiex minnha nnfisha, din ma tagħtix rwol determinanti lill-anzjanità fil-grad. Għaldaqstant, din il-miżura ma tistax titqies bħala li teċċedi l-poteri li għandha l-Awtorità tal-Ħatra sabiex tamministra, b’mod tranżitorju, il-bdil tar-regoli relatati mal-promozzjoni ta’ l-uffiċjali, u għalhekk ma tmurx kontra l-Artikoli 43 u 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 51 sa 54)

2.      Fil-kuntest tas-sistema ta’ promozzjoni stabbilita minn leġiżlazzjoni interna tal-Kummissjoni, li hija bbażata fuq il-kwantifikazzjoni tal-merti, ikkaratterizzata, minn naħa, mill-attribuzzjoni annwali ta’ diversi tipi ta’ punti lill-uffiċjali, li wħud minnhom – “punti ta’ mertu” – li jirriżultaw mit-trasformazzjoni tal-marka rċevuta mill-uffiċjal fl-evalwazzjoni perjodika tiegħu skond l-Artikolu 43 tar-Regolament tal-Persunal, u oħrajn – “punti ta’ prijorità” – huma intiżi sabiex jiddistingwu, minn fost l-uffiċjali, dawk li għandhom iktar merti, sabiex ikabbru l-possibbiltajiet tagħhom li jiġu promossi, u, min-naħa l-oħra, min-neċessità li jintlaħaq ċertu livell, li jikkorrispondi għal numru akkumulat ta’ punti, sabiex tkun tista’ tingħata l-promozzjoni, la l-eżistenza tal-livell ta’ promozzjoni, la l-eżistenza ta’ kwota għall-attribuzzjoni ta’ punti ta’ prijorità fi ħdan kull Direttorat Ġenerali, u lanqas l-indikazzjoni ta’ medja pprospettata għall-attribuzzjoni tal-punti ta’ mertu ma jistgħu jimpedixxu eżami komparattiv tal-merti bi ksur ta’ l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ dak ta’ prospetti ta’ karriera. Għall-kuntrarju, jidher li dawn il-mekkaniżmi jistgħu jiffavorixxu l-espressjoni effettiva ta’ evalwazzjoni rappreżentattiva tal-merti ta’ l-uffiċjali filwaqt li jassiguraw l-ogħla livell ta’ paragun ta’ l-evalwazzjonijiet fid-Direttorati Ġenerali kollha tal-Kummissjoni, u, konsegwentement, l-ugwaljanza fit-trattament ta’ l-imsemmija uffiċjali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-prattika, l-eżami komparattiv tal-merti għandu jsir fuq bażi ta’ ugwaljanza u minn sorsi ta’ informazzjoni u ta’ data paragunabbli.

Fir-rigward tal-kwota ta’ punti ta’ prijorità fi ħdan kull Direttorat Ġenerali, din tissodisfa l-għan ġenerali ta’ dan it-tip ta’ punti intiżi sabiex jiddistingwu, fost l-uffiċjali, dawk li għandhom l-iktar merti, sabiex ikabbru l-possibbiltajiet tagħhom li jiġu promossi. Fil-fatt, limitazzjoni tan-numru ta’ punti disponibbli tista’ twassal sabiex id-Direttorati Ġenerali jagħmlu tali selezzjoni. Dan l-għan stess huwa kompatibbli ma’ l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ugwaljanza fit-trattament u l-prospetti ta’ karriera. Il-fatt li l-għoti ta’ l-imsemmija punti f’każ partikolari jista’ jkollu l-effett li uffiċjal wieħed biss fi ħdan Direttorat Ġenerali jiġi promoss huwa konsegwenza loġika ta’ dan l-għan ta’ selezzjoni. Barra minn hekk, huwa wkoll loġiku u proporzjonat li Direttorat Ġenerali ta’ daqs żgħir ikollu numru żgħir ta’ uffiċjali li jiksbu din il-kategorija ta’ punti meta mqabbla ma’ Direttorati Ġenerali li għandhom numru ikbar ta’ uffiċjali li jistgħu jiġu promossi. F’kull każ, huwa irrilevanti l-argument li jgħid li l-kwoti ta’ dawn il-punti ta’ prijorità jippenalizzaw lid-Direttorati Ġenerali ta’ daqs żgħir għaliex dawn jistgħu biss jippromwovu uffiċjal wieħed, għaliex in-numru ta’ l-imsemmija punti ta’ prijorità mogħtija lil uffiċjal mhuwiex, minnu nnifsu, determinanti sabiex jintlaħaq il-livell ta’ promozzjoni minħabba li tipi oħra ta’ punti ta’ prijorità jistgħu jingħataw mill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tippermetti lill-uffiċjal jilħaq l-imsemmi livell.

Fl-aħħar nett, is-sistema hekk stabbilita la tmur kontra l-ispirtu u lanqas il-kliem ta’ l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal safejn din tinvolvi n-nuqqas ta’ paragun tal-merti ta’ l-uffiċjali tad-diversi Direttorati Ġenerali fil-mument ta’ l-attribuzzjoni tal-punti ta’ prijorità fi ħdan kull Direttorat Ġenerali, peress li d-Direttur Ġenerali ma jistax iwettaq l-eżami komparattiv minn qabel tas-servizzi mogħtija fid-Direttorat Ġenerali fil-konfront tas-servizzi ta’ l-uffiċjali tad-Direttorati Ġenerali l-oħra. Fil-fatt, minn naħa, il-varjetà tad-doveri mwettqa mill-uffiċjali tad-diversi Direttorati Ġenerali f’istituzzjoni bħall-Kummissjoni timplika li r-responsabbiltajiet li jaqgħu fuq l-uffiċjali ta’ l-istess grad fi ħdan l-istituzzjoni mhumiex ekwivalenti, u għalhekk, il-merti tagħhom huma diffiċilment paragunabbli. Fid-dawl tan-numru limitat ta’ punti ta’ prijorità disponibbli għal kull Direttorat Ġenerali, kull uffiċjal li għandu prospetti għall-promozzjoni jikkompeti ma’ l-uffiċjali l-oħra kollha tad-Direttorat jew tad-dipartiment tiegħu għal numru limitat ta’ punti għall-finijiet tal-promozzjoni. Min-naħa l-oħra, l-għoti tal-punti ta’ prijorità fi ħdan kull Direttorat Ġenerali jitwettaq bil-ħolqien ta’ lista ta’ mertu li ma tistabbilixxix, b’mod definittiv, l-ordni ta’ promozzjoni ta’ l-uffiċjali, imsemmija fil-lista jew le, għaliex l-Awtorità tal-Ħatra tiddeċiedi liema huma l-uffiċjali li għandhom jiġu promossi f’kull grad abbażi tal-proposti tal-kumitati tal-promozzjonijiet li jinsabu ma’ din il-lista, li ma jorbtux lill-imsemmija awtorità. L-Awtorità tal-Ħatra tieħu d-deċiżjoni li tippromwovi lil uffiċjal, skond l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, wara eżami komparattiv tal-merti ta’ l-uffiċjali kollha ta’ l-istituzzjoni li għandhom prospetti ta’ promozzjoni fuq l-imsemmija lista. B’hekk, din tirrispetta l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ prospetti ta’ karriera ta’ l-uffiċjali skond il-grad tagħhom.

(ara l-punti 111, 112 u 147 sa 152)

Referenza għal: Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 30 ta’ Novembru 1993, Tsirimokos vs Il-Parlament, T‑76/92, Ġabra p. II‑1281, punt 21; Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 21 ta’ Settembru 1999, Oliveira vs Il-Parlament, T‑157/98, ĠabraSP p. I‑A‑163 u II‑851, punt 35