SENTENZA TAT-TRIBUNAL TAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

18 ta’ Novembru 2015

Alkis Diamantopoulos

vs

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

“Servizz pubbliku — Persunal tas-SEAE — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2012 — Deċiżjoni li r-rikorrent ma jiġix promoss għall-grad AD 12 — Eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni — Artikolu 266 TFUE — Konferma tad-deċiżjoni inizjali — Trasferiment interistituzzjonali”

Suġġett:

Rikors, imressaq taħt l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih A. Diamantopoulos jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tad-29 ta’ April 2014 tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) li r-rikorrent ma jiġix promoss għall-grad AD 12 taħt il-proċedura ta’ promozzjoni 2012. Huwa jitlob ukoll l-assenjazzjoni tad-danni.

Deċiżjoni:

Id-deċiżjoni tad-29 ta’ April 2014 tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna li A. Diamantopoulos ma jiġix promoss għall-grad AD 12 taħt il-proċedura ta’ promozzjoni 2012 hija annullata. Il-partijiet għandhom jittrażmettu lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fi żmien xahrejn minn din is-sentenza interlokutorja, jew l-ammont iffissat bi ftehim reċiproku għall-kumpens finanzjarju marbut mal-illegalità tad-deċiżjoni tad-29 ta’ April 2014, jew, fin-nuqqas ta’ ftehim, it-talbiet f’ċifri tagħhom fuq dan l-ammont. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

  1. Rikorsi tal-uffiċjali — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni — Osservanza tal-prinċipju ta’ bona fide

    (Artikolu 266 TFUE)

  2. Rikorsi tal-uffiċjali — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Annullament ta’ deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni — Obbligu li tiġi adottata deċiżjoni intiża li tissostitwixxi l-imsemmija deċiżjoni b’osservanza tal-garanziji proċedurali — Portata

    (Artikolu 266 TFUE ; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

  3. Rikorsi tal-uffiċjali — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni — Portata — Teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza rilevanti tal-qrati tal-Unjoni

    (Artikolu 266 TFUE)

  1.  Is-sentenzi ta’ annullament għandhom jiġu eżegwiti skont il-prinċipju ta’ bona fide, prinċipju li għalih hija dejjem suġġetta l-azzjoni tal-amministrazzjoni.

    (ara l-punt 21)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tat-8 ta’ Mejju 2007, Citymo vs Il‑Kummissjoni, T‑271/04, EU:T:2007:128, punt 107

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea: sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2010, UASI vs Simões Dos Santos,T‑260/09 P, EU:T:2010:461, punt 70, u tal-14 ta’ Diċembru 2010, Bleser vs Il-Qorti tal-Ġustizzja,F‑25/07, EU:F:2010:163, punt 142

  2.  Fil-każijiet fejn istituzzjoni tal-Unjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-promozzjoni, l-osservanza ta’ ċerti garanziji proċedurali hija ta’ importanza fundamentali u, fost dawn il-garanziji, hemm l-obbligu li jiġu eżaminati, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tas-sitwazzjoni inkwistjoni, u l-obbligu ta’ motivazzjoni b’mod suffiċjenti.

    Speċifikament, il-motivazzjoni għandha l-ewwel nett il-funzjoni li jitnaqqas ir-riskju ta’ arbitrarjetà billi ġġiegħel l-amministrazzjoni torganizza r-raġunament tagħha b’mod koerenti u billi twassalha għar-razzjonalizzazzjoni tal-opinjoni tagħha u tad-deċiżjoni tagħha fuq il-bażi ta’ argumenti rilevanti, mhux ambigwi, mingħajr kontradizzjoni u b’mod suffiċjenti.

    B’hekk, l-ewwel raġuni tal-obbligu ta’ motivazzjoni flimkien mal-obbligi li jaqgħu fuq l-amministrazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 266 TFUE meta wieħed mill-atti tagħha jiġi annullat tqiegħed fuq l-istituzzjoni kkonċernata żewġ obbligi suċċessivi. L-ewwel nett, huwa dmir ta’ din tal-aħħar li twettaq eżami mill-ġdid effettiv tar-raġunijiet li, jekk ma kinux ġew espressi fid-deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni annullata, setgħu mandakollu kienu sottostanti din id-deċiżjoni, u dan fid-dawl tal-motivi li jikkostitiwixxu s-sostenn meħtieġ tad-dispożittiv tas-sentenza ta’ annullament. Huwa mbagħad id-dmir tagħha li testernalizza r-raġunijiet eżaminati mill-ġdid fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni intiza li tissostitwixxi l-imsemmija deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni. Fin-nuqqas, l-obbligu li deċiżjoni tiġi mmotivata b’mod adegwat, speċjalment wara annullament għal nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, ikun jixbah artifizju bla sens, meta fil-fatt il-motivazzjoni hija formalità essenzjali. Barra minn hekk, il-ħtieġa li jitwettaq, wara annullament minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, eżami mill-ġdid effettiv tar-raġunijiet li setgħu kienu l-bażi ta’ deċiżjoni mhux formalment motivata u li testernalizza dan l-eżami mill-ġdid f’motivazzjoni, ma taqax taħt il-mertu tad-deċiżjoni fuq il-promozzjoni u ma timponix a fortiori fuq l-amministrazzjoni l-obbligu li tieħu deċiżjoni favur ir-rikorrent. Hija taqa’ min-naħa l-oħra taħt il-formalitajiet proċedurali meħtieġa sabiex l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tkun regolari.

    (ara l-punti 24 sa 26)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi tat-23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il‑Parlament, C‑150/03 P, EU:C:2004:146, punt 41, u tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 69

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren,T‑404/06 P, EU:T:2009:313, punt 163

  3.  Skont l-Artikolu 266 TFUE, il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta’ sentenza ta’ annullament għandhom josservaw mhux biss id-dispożittiv u r-raġunijiet ta’ din is-sentenza, iżda wkoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, meta wieħed iqis ir-regola li tgħid li l-legalità ta’ att għandha tiġi evalwata skont ic-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fil-mument meta tkun ġiet adottata, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza rilevanti tal-qrati tal-Unjoni. Fil-fatt, l-interpretazzjoni li qorti tal-Unjoni tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni tiċċara u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif hija għandha jew kellha tinftihem u tiġi applikata mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha.

    (ara l-punt 33)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2004, Vincente Nuňez vs Il‑Kummissjoni, T‑294/02, EU:T:2004:291, punti 46 u 47

    Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs Q,T‑80/09 P, EU:T:2011:347, punt 164, u tal-11 ta’ Ġunju 2015, McCullough vs Cedefop,T‑496/13, EU:T:2015:374, punt 16

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2011, Mora Carrasco et vs Il-Parlament,F‑128/10, EU:F:2011:96, punt 39