SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (Qorti Plenarja)

12 ta’ Frar 2014 (*)

“Servizz pubbliku – Kompetizzjoni ġenerali – Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/177/10 – Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva – Motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni – Komunikazzjoni tas-suġġetti ta’ eżami – Stabbiltà tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni”

Fil-Kawża F‑127/11,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat bis-saħħa tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu,

Gonzalo de Mendoza Asensi, membru tal-persunal temporanju tal-Parlament Ewropew, residenti fi Strassen (il-Lussemburgu), irrappreżentat minn P. Nelissen Grade u G. Leblanc, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u B. Eggers, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (Qorti Plenarja),

komposta minn S. Van Raepenbusch, President, M. I. Rofes i Pujol, President ta’ Awla, E. Perillo, R. Barents u K. Bradley (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: W. Hakenberg,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ talba li waslet ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid‑29 ta’ Novembru 2011, G. de Mendoza Asensi ippreżenta dan ir-rikors intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/177/10 li l-isem tiegħu ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-imsemmija kompetizzjoni.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fis-16 ta’ Marzu 2010, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) ippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/177/10 intiż għall-kostituzzjoni ta’ riżerva ta’ reklutaġġ ta’ amministraturi fil-grad AD 5 fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika Ewropea, tal-liġi, tal-ekonomija, tal-verifika u tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ĠU C 64 A p. 1, iktar ’il quddiem l-“Avviż ta’ kompetizzjoni”).

3        L-Avviż ta’ kompetizzjoni kien jipprovdi għal testijiet ta’ aċċess fit-Titolu IV tiegħu, u, fit-Titolu V tiegħu, għal eżamijiet li jsiru f’ċentru ta’ evalwazzjoni.

4        It-Titolu V tal-Avviż ta’ kompetizzjoni kien jindika fil-punt 2 tiegħu li l-kandidati mistiedna fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni kellhom jiġu evalwati fuq il-kompetenzi speċifiċi tagħhom fil-qasam magħżul, kif ukoll fuq il-kompetenzi ġenerali li ġejjin:

–        “

–         Analiżi u soluzzjoni tal-problemi[;]

–        [k]omunikazzjoni[;]

–        [p]rovvediment tal-kwalità u tar-riżultati[;]

–        [t]agħlim u żvilupp[;]

–        [p]rijoritizzazzjoni u organizzazzjoni[;]

–        [p]erseveranza[;]

–        [ħ]idma ma’ persuni oħra[;]

–        [t]mexxija”.

5        Il-punt 2 tat-Titolu V tal-Avviż ta’ kompetizzjoni kien jispeċifika, barra minn hekk, li dawn il-kompetenzi kellhom jiġu vverifikati permezz ta’ studju tal-każ fil-qasam magħżul, ta’ eżerċizzju fi grupp, ta’ preżentazzjoni orali u ta’ intervista strutturata.

6        Il-punt 4 tat-Titolu V tal-Avviż ta’ kompetizzjoni kien jipprovdi li l-kompetenzi speċifiċi fil-qasam magħżul kellhom jiġu mmarkati minn 0 sa 20 punt, b’minimu meħtieġ ta’ 10 punti. Barra minn hekk, mill-atti jirriżulta li l-kompetenzi speċifiċi kienu evalwati biss waqt l-eżami ta’ studju tal-każ. L-istess dispożizzjoni kienet tindika li l-kompetenzi ġenerali kellhom jiġu mmarkati minn 0 sa 10 punti kull waħda, b’minimu meħtieġ ta’ 3 punti għal kull kompetenza u ta’ 50 punt fuq 80 għat-8 kompetenzi ġenerali kollha.

7        Ir-rikorrent ġie aċċettat bħala kandidat fil-kompetizzjoni EPSO/AD/177/10 fil-qasam tal-liġi (iktar ’il quddiem il-“kompetizzjoni”). Wara li għadda mit-testijiet ta’ aċċess fuq il-kompjuter, huwa pparteċipa fl-eżamijiet li saru fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni fi Brussell (il-Belġju) fid‑29 ta’ Settembru 2010.

8        Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Frar 2011 indirizzata lir-rikorrent permezz tal-kont EPSO tiegħu, l-EPSO informatu li l-Bord tal-Għażla kien ikkunsidra li r-riżultati tiegħu ma kinux suffiċjenti biex l-isem tiegħu jiġi inkluż fil-lista ta’ riżerva, u li b’mod partikolari kien kiseb, għall-kompetenzi speċifiċi tiegħu, marka ta’ 8 punti fuq 20, filwaqt li l-minimu meħtieġ kien ta’ 10 punti fuq 20 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni”). Anness ma’ din l-ittra kien jinsab dokument intitolat “passaport ta’ kompetenzi” li fih kienu jidhru r-riżultati tar-rikorrent fl-eżamijiet ta’ kompetenzi ġenerali u ta’ kompetenzi speċifiċi, kif ukoll kummenti tal-Bord tal-Għażla relatati ma’ kull waħda mill-kompetenzi ġenerali evalwati.

9        Permezz ta’ faks tat‑8 ta’ Frar 2011, ir-rikorrent talab l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni u l-aċċess għall-“eżerċizzji kollha [tiegħu] korretti, miktuba u orali, mistoqsijiet u tweġibiet [kif ukoll] l-iskeda ta’ evalwazzjoni li l-Bord tal-Għażla uża għall-eżerċizzju bil-miktub/studju tal-każ”.

10      Permezz ta’ posta elettronika tal‑10 ta’ Frar 2011, ir-rikorrent irċieva komunikazzjoni tal-kopja tiegħu, mhux korretta, redatta waqt l-eżami ta’ studju tal-każ u tat-test ta’ lingwa flimkien mal-iskeda ta’ evalwazzjoni użata waqt dan l-aħħar test.

11      Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ April 2011, indirizzata lir-rikorrent fuq il-kont EPSO tiegħu, l-EPSO informatu li l-Bord tal-Għażla, wara li kkonstatat ċerti inkoerenzi fl-immarkar tal-istudju tal-każ tiegħu, kien iddeċieda li jirrevedi ’l fuq il-marki li kien kiseb għall-kompetenzi ġenerali “[k]omunikazzjoni” u “[p]rijoritizzazzjoni u organizzazzjoni”, kif ukoll il-marka li kien kiseb għall-kompetenzi speċifiċi, li għalhekk telgħet minn 8 punti fuq 20 għal 9 punti fuq 20. F’din l-ittra, l-EPSO informat lir-rikorrent li, wara din ir-reviżjoni, huwa kien kiseb il-marka globali ta’ 71.2 punt fuq 100, liema marka tibqa’ inferjuri għall-inqas marka globali miksuba mill-kandidati inklużi fil-lista ta’ riżerva, jiġifieri 76.1 punt u li, konsegwentement, il-Bord tal-Għażla kkonfermat id-deċiżjoni tagħha li ma tinkludihx fl-imsemmija lista ta’ riżerva. Verżjoni korretta tad-dokument intitolat “passaport tal-kompetenzi” ġiet ukoll ikkomunikata lilu.

12      Permezz ta’ posta elettronika tal‑5 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrent ressaq ilment abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li ismu ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva. Permezz tal-istess ilment, huwa talab sabiex ikollu aċċess għall-“evalwazzjoni tat-test tal-istudju tal-każ, għall-iskeda ta’ evalwazzjoni kif ukoll għall-korrezzjonijiet”.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Awwissu 2011, l-EPSO, fil-kapaċità tagħha bħala l-Awtorità tal-Ħatra, ċaħdet l-ilment (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad l-ilment”).

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

14      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        qabel ma jiddeċiedi, u bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jordna lill-Kummissjoni Ewropea tipproduċi d-dokumenti rilevanti tali li jippermettulu jevalwa żball manifest ta’ evalwazzjoni eventwali ta’ fatt u/jew ta’ liġi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tiegħu u b’mod iktar speċjali li tipproduċi l-kopja tal-istudju tal-każ li huwa kellu jitratta waqt l-eżami fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, flimkien mat-tweġibiet tiegħu korretti;

–        jannulla d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni;

–        jannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li ġiet ikkomunikata lilu permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ April 2011, li tikkonferma d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni;

–        jannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment;

–        jikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

15      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

16      Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Ġunju 2012, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talab lill-partijiet, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, sabiex iwieġbu għal ċerti mistoqsijiet u sabiex jipproduċu dokumenti. B’mod partikolari, huwa stieden lill-Kummissjoni tibgħatlu l-varjanti tas-suġġett użata waqt l-istudju tal-każ tar-rikorrent u mill-inqas żewġ varjanti oħra użati waqt il-kompetizzjoni.

17      Ir-rikorrent ikkonforma ruħu mal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-termini previsti. Min-naħa l-oħra, fit-tweġiba tagħha tal‑10 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni bagħtet lit-Tribunal biss parti mid-dokumenti mitluba, minħabba l-fatt li t-testi tal-varjanti differenti tas-suġġetti tal-kompetizzjoni użati kienu jippreżentaw livell għoli ta’ sensittività u li kien essenzjali li l-kunfidenzjalità tal-metodu użat fil-kuntest tal-proċeduri ta’ selezzjoni tal-EPSO għat-tfassil u l-applikazzjoni tal-varjanti tiġi ggarantita.

18      Permezz ta’ digriet tad‑19 ta’ Ottubru 2012, adottat skont l-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ordna lill-Kummissjoni tibgħatlu l-varjanti tas-suġġett użat waqt l-eżami tal-istudju tal-każ magħmul mir-rikorrenti, kif ukoll żewġ varjanti oħra użati waqt il-kompetizzjoni, jiġifieri dik li fir-rigward tagħha l-marka medja attribwita lill-kandidati kienet l-ogħla u dik li għaliha l-marka medja attribwita lill-kandidati kienet l-iktar baxxa. Permezz tal-istess digriet, it-Tribunal issuġġetta l-komunikazzjoni lir-rikorrent tad-dokumenti mitluba għal trattament kunfidenzjali li kien jinkludi numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom l-impenn bil-miktub tar-rappreżentanti tar-rikorrent li ma jiżvelawx lil terzi l-kontenut tad-dokumenti pprovduti mill-Kummissjoni u b’mod partikolari, li ma jikkomunikawx l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-imsemmija dokumenti lill-klijent tagħhom jew lil terzi.

19      Il-Kummissjoni bagħtet lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku d-dokumenti msemmija mid-digriet tad‑19 ta’ Ottubru 2012 fit-terminu mogħti. Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Novembru 2012, ir-rappreżentanti tar-rikorrent impenjaw ruħhom li ma jiżvelawx lill-klijent tagħhom jew lil terzi d-dokumenti pprovduti mill-Kummissjoni u lanqas l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn id-dokumenti.

20      Permezz ta’ deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku f’seduta plenarja tal‑31 ta’ Jannar 2013, il-Kawża, inizjalment attribwita lit-Tieni Awla tat-Tribunal, ġiet irrinvijata quddiem il-Qorti Plenarja.

21      Permezz ta’ digriet tal‑5 ta’ Frar 2013, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ordna lill-Kummissjoni tibgħatlu “il-kopja ta’ kull gwida jew skeda ta’ korrezzjoni użati mill-membri tal-Bord tal-Għażla sabiex jevalwa l-kopji tal-kandidati waqt l-eżami tal-istudju tal-każ tal-kompetizzjoni”.

22      Permezz ta’ ittra li waslet ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid‑19 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni kkomunikat lit-Tribunal gwida ġenerali li tinkludi struzzjonijiet lill-korretturi, gwida dettaljata li tinkludi struzzjonijiet fir-rigward tas-sustanza tal-istudju tal-każ skont il-varjanti differenti intitolata “manwal ġuridiku” u l-profil ta’ mmarkar fis-softwer imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-korretturi/membri tal-Bord tal-Għażla sabiex jevalwaw il-kompetenzi tal-kandidati waqt l-istudju tal-każ. Fl-ittra ta’ komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni madankollu indikat li l-gwida ddettaljata kienet tinkludi l-kriterji ta’ korrezzjoni relatati mal-eżami tal-istudju tal-każ, u sostniet li, konsegwentement, dan id-dokument kien kollu kemm hu kopert bis-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla. Hija sostniet ukoll li l-profil ta’ mmarkar kellu jiġi kkunsidrat bħala kunfidenzjali u li konsegwentement, verżjoni waħda biss mhux kunfidenzjali kellha tiġi inkluża fil-proċess.

23      Wara li eżamina d-dokumenti pprovduti mill-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, permezz ta’ digriet tat‑18 ta’ April 2013, li jinkludi fil-proċess il-gwida ġenerali, li jibgħat lura l-gwida ddettaljata lill-Kummissjoni minħabba l-fatt li, wara li qrah, ma dehrlux li din il-gwida kienet neċessarja biex jiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-motivi mqajma mir-rikorrent f’din il-kawża, , li jaċċetta t-talba ta’ kunfidenzjalità tal-Kummissjoni fir-rigward tal-profil ta’ mmarkar u li jissuġġetta l-komunikazzjoni lir-rikorrent tal-gwida ġenerali u tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-profil ta’ mmarkar għal trattament kunfidenzjali taħt kundizzjonijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

24      It-Tribunal għas-Servizz pubbliku kkonstata preliminarjament li mill-proċess jirriżulta li l-EPSO approvat, fit‑3 ta’ Lulju 2008, rapport intitolat “Programm ta’ żvilupp”. Dan il-programm ta’ żvilupp jipprovdi, għall-kompetizzjonijiet ġenerali kollha organizzati mis-sena 2010, it-tranżizzjoni minn metodu ta’ selezzjoni bbażat fuq l-evalwazzjoni tal-għarfien tal-kandidati għal metodu ta’ selezzjoni bbażat fuq l-evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-kandidati (iktar ’il quddiem il-“metodu l-ġdid”). B’mod partikolari, il-programm ta’ żvilupp jindika bħala element prinċipali ta’ selezzjoni tal-persunal tal-grupp ta’ funzjonijiet tal-amministraturi (AD) l-użu taċ-ċentri ta’ evalwazzjoni, fejn il-kandidati għandhom jipparteċipaw f’numru ta’ eżamijiet, fosthom studju tal-każ, intervista strutturata, preżentazzjoni orali u eżerċizzju fi grupp.

25      Fir-rigward tal-eżamijiet orali li jiżvolġew iċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, il-metodu l-ġdid jipprovdi numru ta’ miżuri intiżi sabiex tiġi rrimedjata l-parzjalità konjittiva ġeneralment ikkonstatata fir-rigward tal-evalwaturi u biex b’hekk tiġi żgurata l-koerenza tal-immarkar.

26      B’mod partikolari, min-noti tal-konvenuta jirriżulta dan li ġej:

–        il-kandidati huma osservati waqt l-istess eżami minn mill-inqas żewġ membri tal-Bord tal-Għażla u kull kompetenza ġenerali hija evalwata waqt żewġ eżerċizzju differenti, għaldaqstant minn numru ta’ membri tal-Bord tal-Għażla;

–        l-eżamijiet huma prestrutturati u jsegwu metodoloġija prestabbilita li tuża indikaturi ta’ aġir predefinit sabiex jiġi rrimedjat il-“halo effect”, li huwa preġudizzju konjittiv li jaffettwa l-perċezzjoni li evalwatur jista’ jkollu tal-persuni u li hija t-tendenza li għandu kull eżaminatur li jissovrastima jew li jissottostima kandidat fuq is-sempliċi bażi tal-ewwel indikazzjonijiet ta’ perċezzjoni;

–        mill-inqas nofs il-membri tal-Bord tal-Għażla huma uffiċjali tal-istituzzjonijiet speċifikament ikkollokati għal dan il-għan lill-EPSO, li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ta’ membri tal-Bord tal-Għażla fuq terminu full‑time u li pparteċipaw b’suċċess għal taħriġ ta’ ħamest ijiem dwar it-tekniki tal-evalwazzjoni; il-membri l-oħra tal-Bord tal-Għażla jirċievu wkoll taħriġ speċifiku;

–        l-istess kriterji ta’ evalwazzjoni u l-istess metodoloġija huma applikati għal kull kandidat;

–        il-President tal-Bord tal-Għażla jassisti għall-ewwel minuti ta’ kull eżami sabiex iħares għall-applikazzjoni korretta tal-metodoloġija;

–        id-deċiżjonijiet finali jittieħdu kollettivament mill-ġurija kollha abbażi tar-riżultati fl-eżamijiet kollha;

–        studji u analiżi jsiru sabiex tiġi vverifikata l-koerenza tal-immarkar.

27      Il-kompetizzjoni EPSO/AD/177/10 ġiet organizzata abbażi tal-metodu l-ġdid.

 Id-dritt

1.     Fuq is-suġġett tar-rikors

28      Ir-rikorrent jitlob, permezz tat-tieni u tat-tielet talbiet tiegħu, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li ġiet ikkomunikata lilu permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ April 2011, adottata wara eżami mill-ġdid, li tikkonferma d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni.

29      Madankollu, skont il-ġurisprudenza, meta kandidat f’kompetizzjoni jitlob l-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni adottata mill-Bord tal-Għażla, hija d-deċiżjoni adottata minn dan tal-aħħar wara l-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni ta’ dan il-kandidat li tikkostitwixxi l-att li tikkawżalu preġudizzju (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza [li llum saret il-Qorti Ġenerali, iktar ’il quddiem, il-Qorti Ġenerali] tat‑13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il‑Kummissjoni, T‑173/05, punt 19). Għalhekk id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla, ikkomunikata lir-rikorrent permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ April 2011, issostitwiet ruħha għad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni; konsegwentement, għandhom jiġu eżaminati biss it-talbiet għal annullament diretti kontra d-deċiżjoni kkomunikata lir-rikorrent permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ April 2011.

30      Fir-rigward tar-raba’ talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, għandu jitfakkar li rikors formalment dirett kontra ċ-ċaħda ta’ lment għandu bħala effett li jadixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-att li kontrih l-ilment ġie ppreżentat meta ċ-ċaħda tal-ilment huwa, fih innifsu, nieqes minn kontenut awtonomu (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal‑15 ta’ Settembru 2011, Munch vs UASI, F‑6/10, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-każ, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment hija nieqsa minn kontenut awtonomu peress li tillimita ruħha tikkonferma d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni li għaliha ssostitwiet ruħha d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla kkomunikata lir-rikorrent permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ April 2011 mingħajr ma twettaq eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fid-dawl ta’ argumenti jew ta’ fatti ġodda, b’tali mod li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni b’mod awtonomu dwar it-talbiet intiżi għall-annullament tiegħu.

32      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li jeħtieġ li tingħata deċiżjoni biss dwar it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u dwar it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla, ikkomunikata lir-rikorrent permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ April 2011, li tikkonferma d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata).

2.     Fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

33      Fir-rikors, ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex, qabel ma jiddeċiedi, u bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jordna lill-konvenuta tipproduċi kull dokument rilevanti b’tali mod li jkun jista’ jevalwa żball manifest ta’ evalwazzjoni eventwali ta’ fatt u/jew ta’ liġi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet tiegħu u speċjalment li jipproduċi d-deċiżjoni tal-istudju tal-każ li kellu jitratta kif ukoll it-tweġibiet tiegħu li ġew korretti.

34      Madankollu, fid-dawl tad-dokumenti annessi mill-partijiet man-noti tagħhom u tad-dokumenti kkomunikati fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li għandu biżżejjed informazzjoni biex jiddeċiedi dwar ir-rikors u jiddeċiedi li ma hemmx iktar lok li jilqa’ t-talba intiża għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura minbarra dawk li diġà ġew adottati.

3.     Fuq it-talbiet għal annullament

35      Insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament, ir-rikorrent iqajjem tliet motivi, rispettivament ibbażati fuq:

–        il-ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament;

–        il-ksur tal-prinċipju tal-indipendenza tal-Bord tal-Għażla;

–        il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

36      Ir-rikorrent ifassal dan il-motiv f’żewġ partijiet, l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-kandidati li ġew mistoqsija l-aħħar tqiegħdu f’pożizzjoni iktar favorevoli u, it-tieni parti, ibbażata fuq il-fluttwazzjoni eċċessiva tal-Bord tal-Għażla waqt il-provi orali.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv

–       L-argumenti tal-partijiet

37      Ir-rikorrent josserva li l-eżamijiet tal-istudju tal-każ żvolġew f’perijodu ta’ tliet xhur u li s-suġġetti li ngħataw lill-kandidati ma varjawx b’mod sostanzjali minn eżami għal ieħor. Dawn iċ-ċirkustanzi qiegħdu lill-kandidati f’sitwazzjonijiet fattwali differenti skont l-ordni ta’ meta pparteċipaw fl-eżami. Fil-fatt, minn naħa, il-kandidati li ġew evalwati fl-aħħar kellhom iktar ħin biex jippreparaw lilhom infushom u, min-naħa l-oħra, setgħu kisbu informazzjoni minn kandidati li għamlu l-eżami qabilhom dwar il-kontenut ta’ ċerti varjanti użati. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li informazzjoni dwar l-istudji tal-każ iċċirkolat bejn il-kandidati li kienu għamlu l-eżamijiet u dawk li kienu għadhom ma għamluhomx, b’tali mod li dawn tal-aħħar setgħu kkonċentraw il-preparazzjoni tagħhom billi jieħdu din l-informazzjoni inkunsiderazzjoni.

38      Skont ir-rikorrent, biex jevita dan, l-EPSO jmissu organizza l-eżamijiet kollha tal-istudju tal-każ fl-istess ġurnata, liema fatt wara kollox, ġie impost mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej [li llum saret il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea] tas‑27 ta’ Ottubru 1976, Prais vs Il‑Kunsill (130/75) u li l-EPSO applika għall-kompetizzjonijiet organizzati fl‑2011.

39      Waqt is-seduta, wara li fakkar li l-kandidati setgħu jagħmlu l-eżami tal-istudju tal-każ bil-Ġermaniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż, ir-rikorrent spjega li mid-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kien jirriżulta li l-kandidati li għamlu l-imsemmi eżami bil-Ġermaniż jew bil-Franċiż kellhom kollha kemm huma l-istess varjanti tas-suġġett. Sussegwentement, dawn il-kandidati kellhom iktar opportunitajiet biex jiksbu informazzjoni mill-kandidati l-oħra dwar il-kontenut tal-varjanti tas-suġġett li dwaru huma kienu ser jiġu eżaminati.

40      Il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tal-metodu l-ġdid u b’mod partikolari tal-istudju tal-każ li hija tipprovdi, li l-għan tiegħu ma huwiex li jiġi vverifikat l-għarfien iżda l-kompetenzi tal-kandidati, ma huwa meħtieġ ebda għarfien ta’ suġġett speċifiku tad-dritt tal-Unjoni jew tal-ġurisprudenza, fejn huwa neċessarju biss għarfien ġenerali ħafna flimkien ma’ kompetenzi ġuridiċi neċessarji. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni l-fatt li wieħed jikseb informazzjoni dwar l-istudju tal-każ minn kandidati oħra jista’ saħansitra jkun żvantaġġ, peress li l-imsemmi eżami ġie kkonċepit b’mod li jinnewtralizza għarfien eventwali minn qabel tas-suġġett tal-eżami mill-kandidat. Mill-inqas, il-kandidati li setgħu bbenefikaw minn informazzjoni dwar l-eżami tal-istudju tal-każ u pprovaw jużaw din l-informazzjoni biex jippreparaw lilhom infushom, imisshom ikkonstataw li l-eżami ma kienx jikkorrispondi għall-preparazzjoni tagħhom.

41      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrent ma pproduċa ebda prova tal-allegati skambji ta’ informazzjonijiet bejn il-kandidati dwar l-istudju tal-każ. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni informat lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li l-EPSO tivverifika l-iskambji ta’ informazzjonijiet fuq in-netwerks soċjali u fuq il-mezzi l-oħra ta’ komunikazzjoni elettronika, liema fatt jippermettilha tidentifika ħarbiet eventwali ta’ informazzjoni dwar is-suġġetti u tirreaġixxi b’konsegwenza jekk tiċċirkula informazzjoni wisq preċiża. Il-Kummissjoni ssostni li f’dan il-każ ma ġiet identifikata ebda indikazzjoni ta’ ħarbiet ta’ informazzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

42      Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni li permezz tagħha Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni jirrifjuta li jinkludi kandidat fil-lista ta’ riżerva, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku vverifika l-osservanza tar-regoli ta’ liġi applikabbli, jiġifieri r-regoli, b’mod partikolari ta’ proċedura, iddefiniti mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-avviż ta’ kompetizzjoni, u dawk li jirregolaw ix-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, b’mod partikolari d-dmir ta’ imparzjalità tal-Bord tal-Għażla u l-osservanza minn dan tal-aħħar tat-trattament ugwali tal-kandidati, kif ukoll l-assenza ta’ użu ħażin tal-poter (sentenza tat‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Mileva vs Il‑Kummissjoni, F‑101/11, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      B’mod partikolari fir-rigward tal-ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati, il-ġurisprudenza ppreċiżat li huwa l-Bord tal-Għażla li għandu jħares strettament għall-osservanza tal-imsemmi prinċipju waqt l-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni. Għalkemm il-Bord tal-Għażla jgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-modalitajiet u tal-kontenut dettaljat tal-eżamijiet, hija madankollu l-qorti tal-Unjoni li għandha teżerċita l-istħarriġ tagħha sa fejn huwa neċessarju sabiex tiżgura trattament ugwali tal-kandidati u l-oġġettività tal-għażla bejniethom min-naħa tal-Bord tal-Għażla (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il‑Kummissjoni, T‑100/04, punt 132).

44      F’dan il-kuntest, hija wkoll l-Awtorità tal-Ħatra, bħala organizzatur tal-imsemmija kompetizzjoni, kif ukoll tal-Bord tal-Għażla li għandhom jaraw li l-kandidati kollha fl-istess kompetizzjoni jagħmlu, għal dak li jikkonċerna l-eżamijiet bil-miktub, l-istess eżami taħt l-istess kundizzjonijiet (sentenza Prais vs Il‑Kunsill, punt 13). B’hekk, huwa l-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni li għandu jiżgura ruħu li l-eżamijiet jippreżentaw effettivament l-istess livell ta’ diffikultà għall-kandidati kollha (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal‑15 ta’ April 2010, Matos Martins vs Il‑Kummissjoni, F‑2/07, punt 171, u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Issa, kull kompetizzjoni għandha, b’mod ġenerali u fiha nnifisha, riskju ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament, fid-dawl tan-natura neċessarjament limitata tan-numru ta’ mistoqsijiet li jistgħu jsiru waqt eżami fir-rigward ta’ suġġett speċifiku. Għalhekk ġie ammess li jista’ jiġi kkonstatat li hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biss meta l-Bord tal-Għażla ma jkunx illimita, waqt l-għażla tal-eżamijiet, ir-riskju ta’ nuqqas ta’ opportunitajiet indaqs inerenti, bħala regola ġenerali, għal kull eżami (sentenza Giannini vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 133).

46      Fir-rigward tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 43 sa 45 ta’ din is-sentenza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li, fid-dawl tal-obbligi li għandu l-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, id-deċiżjoni li kandidat ma jiġix inkluż f’lista ta’ riżerva għandha tiġi annullata jekk jirriżulta li l-kompetizzjoni kienet organizzata b’mod li tiġġenera riskju ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament ogħla minn dak inerenti għal kull kompetizzjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-kandidat ikkonċernat jipproduċi l-prova li ċerti kandidati effettivament kienu vvantaġġjati.

47      F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li l-istudju tal-każ huwa eżami intiż li jeżamina l-kompetenzi tal-kandidati f’sitwazzjoni fittizja iżda viċina tar-realtà u fejn l-għarfien preċedentement miksub għandu rwol limitat ħafna. F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li l-punt 4.1 (“studju tal-każ”) tal-fuljett “Ċentru ta’ Evalwazzjoni” mogħti lill-kandidati kollha mistiedna fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, liema punt huwa ċċitat mir-rikorrent fit-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid, jispeċifika li l-kandidati għandhom jifformulaw ir-risposta tagħhom bil-miktub għall-istudju tal-każ billi jibbażaw ruħhom biss fuq id-dokumenti mqiegħda għad-dispożizzjoni.

48      Barra minn hekk, min-noti tal-Kummissjoni jirriżulta li l-istudju tal-każ tal-kompetizzjoni kellu jiġi ddeklinat f’sittax-il varjanti li kienu b’hekk għalhekk ikkonċepiti sabiex, filwaqt li jkollhom l-istess livell ta’ diffikultà, huma jinkludu differenzi kkaratterizzati biżżejjed b’tali mod li l-kandidati ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn għarfien eventwali minn qabel ta’ varjanti oħra. F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku seta’ jikkonstata, meta ra tlieta mis-sittax-il varjant tal-istudju tal-każ tal-kompetizzjoni, li din il-varjanti, li assolutament ma kinitx sempliċi stqarrija ta’ xi ftit linji li tista’ tiġi mmemorizzata minn kandidat u faċilment spjegata lil persuna oħra, kienet tieħu l-forma ta’ fajl ta’ iktar minn għoxrin paġna li jinkludi serje ta’ dokumenti ta’ natura differenti ħafna.

49      Fid-dawl tal-elementi msemmija iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma pprovax suffiċjentement skont il-liġi li l-fatt li l-kandidati eżaminati l-aħħar kellhom iktar żmien biex jippreparaw ruħhom għall-eżami tal-istudju tal-każ u li ċerti kandidati setgħu kisbu informazzjoni minn kandidati oħra dwar il-kontenut tal-varjanti li fuqha huma kienu ser jiġu eżaminati, seta’ ta lill-kandidati li għamlu l-eżami tal-istudju tal-każ fl-aħħar vantaġġ reali fuq il-kandidati l-oħra.

50      Barra minn hekk, ir-rikorrent lanqas ma pprova jikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni li l-metodu l-ġdid huwa intiż preċiżament sabiex jiggarantixxi li, waqt li jkunu qed isiru l-eżamijiet fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, il-kandidati kollha jiġu ttrattati b’mod ugwali u li ma jkunx hemm distorsjoni fir-riżultati tal-imsemmija eżamijiet minħabba parzjalità konjittiva tal-evalwaturi, fejn l-eżistenza ta’ parzjalità konjittiva ġiet xjentifikament ipprovata u amministrazzjoni responsabbli ma tistax teskludi.

51      B’mod partikolari, fir-rigward ta’ allegati ħarbiet ta’ informazzjoni dwar l-istudju tal-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent jillimita ruħu għal konġetturi mingħajr ma jipproduċi l-iċken prova jew indikazzjoni dwar ir-realtà tal-affermazzjonijiet tiegħu. Mistoqsi mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku waqt is-seduta f’dan ir-rigward, ir-rikorrent ammetta li ma kellu ebda prova oġġettiva tal-eżistenza ta’ dawn il-ħarbiet. Barra minn hekk, li kieku kellu jitqies li tali ħarbiet ta’ informazzjoni seħħew, ir-rikorrent ma jipprovdi ebda element lit-Tribunal li jista’ jqiegħed f’dubju l-argumenti żviluppati mill-Kummissjoni li, bil-metodu l-ġdid, il-fatt li wieħed ikollu informazzjoni dwar studju tal-każ huwa minn tal-inqas inutli, jew saħansitra żvantaġġuż għall-kandidati.

52      Sussegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, il-fatt li l-eżamijiet tal-istudju tal-każ ma seħħewx fl-istess ġurnata ma tax lok, f’dan il-każ, għal trattament differenzjat tal-kandidati, li seta’ vvantaġġja lil uħud minnhom meta mqabbla ma’ oħrajn, u lanqas ma ta lok għal riskju ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament ogħla minn dak inerenti għal kull kompetizzjoni.

53      Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni permezz tal-argument li r-rikorrent jislet mill-fatt li l-kandidati li għażlu l-jagħmlu l-eżami tal-istudju tal-każ bil-Ġermaniż jew bil-Franċiż kollha kemm huma għamlu dan l-eżami bl-istess varjanti tas-suġġett u fuq numru ta’ ġranet. Fil-fatt, fid-dawl taċ-ċirkustanzi indikati fil-punti 47 sa 48 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrent ma setax juri li l-kandidati eżaminati l-aħħar setgħu siltu xi tip ta’ vantaġġ.

54      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent ma jistax utilment jinvoka l-punt 14 tas-sentenza Prais vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qalet “li huwa [...] importanti ħafna li d-data tal-eżamijiet bil-miktub tkun l-istess għall-kandidati kollha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fatt, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li din il-konklużjoni għandha tiġi evalwata fil-kuntest fattwali ta’ oriġini tagħha, organizzata fil-kuntest ta’ kompetizzjoni intiża sabiex tevalwa l-għarfien tal-kandidati. Min-naħa l-oħra, fil-każ inkwistjoni, l-eżami li l-iżvolġiment tiegħu qed jiġi kkontestat mir-rikorrent huwa studju tal-każ, iddeklinat f’sittax-il varjant, mhux intiż li jevalwa l-għarfien iżda l-kompetenzi tal-kandidati.

55      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

–       L-argumenti tal-partijiet

56      Fit-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament inkiser, peress li l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla kienet iffluttwat eċċessivament minn kandidat għal ieħor.

57      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jikkonstata li, matul l-eżamijiet differenti li huwa għamel waqt il-fażi orali tal-kompetizzjoni, huwa qatt ma ġie evalwat mill-membri tal-Bord tal-Għażla u li, konsegwentement, ebda membru tal-Bord tal-Għażla ma assista għall-eżamijiet kollha tiegħu. Għalhekk, il-Bord tal-Għażla kiser id-dritt tiegħu li jiġi evalwat minn numru sinjifikattiv ta’ membri tal-Bord tal-Għażla. Barra minn hekk, ir-rikorrent jispjega li, waqt l-eżamijiet orali, il-membri tal-Bord tal-Għażla kienu differenti għal kważi l-kandidati kollha u minħabba f’hekk il-Bord tal-Għażla pproċeda għal evalwazzjoni komparattiva parzjali ħafna tal-kandidati kollha. Barra minn hekk, skont ir-rikorrent in-numru insuffiċjenti ta’ membri permanenti tal-Bord tal-Għażla, kif ukoll il-fluttwazzjoni importanti tal-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla ma ġewx ikkompensati bi preżenza permanenti tal-president jew tal-viċipresident tal-Bord tal-Għażla.

58      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jallega li l-persuni inkarigati milli jikkoreġu l-istudju tal-każ ma kinux membri tal-Bord tal-Għażla, iżda evalwaturi maħtura mill-EPSO, u li, ta’ kull ġimgħa, dawn il-persuni kienu ssostitwiti minn persuni oħra. Issa, fid-dawl tat-termini stretti li kienu imposti mill-EPSO, il-Bord tal-Għażla ma kellux iż-żmien jivverifika l-korrezzjonijiet magħmula minn dawn l-eżaminaturi. Konsegwentement, il-koerenza tal-immarkar ma setgħetx tiġi ggarantita.

59      Il-Kummissjoni tallega li, permezz ta’ din il-parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrent iqiegħed inkwistjoni esklużivament l-eżamijiet orali filwaqt li, għall-kompetenzi speċifiċi tiegħu, li kienu evalwati biss waqt l-istudju tal-każ, huwa kiseb marka inferjuri għan-nota minima meħtieġa. Konsegwentement, il-Kummissjoni ssostni b’mod prinċipali li r-rikorrent ma għandux interess iqajjem din il-parti tal-ewwel motiv, peress li anki li kieku l-marki miksuba fil-kompetenzi ġenerali kellhom jiġu annullati, huwa ma jkun jista’ jislet ebda vantaġġ minn dan.

60      Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li din il-parti tal-ewwel motiv hija wkoll nieqsa minn bażi legali. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, iż-żamma tal-istabbiltà fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla ma huwiex għan li għandu jinkiseb fih innifsu, iżda soluzzjoni mogħtija mill-ġurisprudenza sabiex jiġu kkontrobilanċjati ċerti imperfezzjonijiet fil-mod li bih l-eżamijiet orali kienu organizzati qabel l-2010. Fid-dawl tal-fatt li l-metodu l-ġdid ma jippreżentax iktar dawn l-imperfezzjonijiet, ma huwiex neċessarju għall-Bord tal-Għażla li jħares għall-istabbiltà tiegħu tul il-proċedura kollha ta’ kompetizzjoni sabiex jiġu sodisfatti l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ oġġettività tal-immarkar. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat l-argument tagħha billi ddikjarat li hija ma kinitx qed titlob li l-prinċipju tal-istabbiltà tal-Bord tal-Għażla jiġi għal kollox abbandunat, iżda li jiġi ddefinit mill-ġdid billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-metodu l-ġdid.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

61      Il-qorti tal-Unjoni għandha dritt tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li jiġi miċħud fuq il-mertu rikors, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ilment ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-konvenuta (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat‑28 ta’ Settembru 2011, AZ vs Il‑Kummissjoni, F‑26/10, punt 34).

62      Fiċ-ċirkustanzi tal-każ u bil-għan ta’ ekonomija proċedurali, hemm lok li jiġi eżaminat qabel kollox l-argument invokat mir-rikorrent, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà.

63      Għandu jitfakkar li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni u li l-qorti tal-Unjoni għandha tistabbilixxi dawn il-modalitajiet biss sa fejn huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-kandidati u oġġettività tal-għażla magħmula bejn dawn il-modalitajiet (ara s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas‑16 ta’ Settembru 2013, Höpcke vs Il‑Kummissjoni, F‑46/12, punt 63).

64      L-obbligu li jiġu rreklutati uffiċjali li għandhom l-ogħla kwalitajiet ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità, impost mill-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal lill-istituzzjonijiet, jimplika li l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni għandhom iħarsu, kull wieħed fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu, sabiex il-kompetizzjonijiet jiżvolġu billi jiġu osservati l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidatà u ta’ oġġettività tal-immarkar.

65      Huwa għalhekk li ġie deċiż li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-Bord tal-Għażla fir-rigward tad-determinazzjoni tal-modalitajiet u tal-kontenut dettaljat tal-eżamijiet li għandhom isiru mill-kandidati għandha tiġi kkumpensata permezz ta’ osservazzjoni skrupluża tar-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ dawn l-eżamijiet. Konsegwentement huwa l-Bord tal-Għażla li għandu jħares għall-osservanza stretta tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati waqt l-iżvolġiment tal-eżamijiet u tal-oġġettività tal-għażla bejn il-partijiet interessati (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑25 ta’ Mejju 2000, Elkaïm u Mazuel vs Il‑Kummissjoni, T‑173/99, punt 87). Għal dan il-għan, il-Bord tal-Għażla għandu l-obbligu li jiggarantixxi l-applikazzjoni koerenti tal-kriterji ta’ evalwazzjoni għall-kandidati kollha kkonċernati, billi jiżgura b’mod partikolari l-istabbiltà tal-kompożizzjoni tiegħu (ara, fir-rigward ta’ kumitat ta’ selezzjoni fi proċedura intiża għall-kostituzzjoni ta’ lista ta’ riżerva ta’ membri tal-persunal temporanju, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑24 ta’ Settembru 2002, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑92/01, punti 24 sa 26; ara, barra minn hekk, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad‑29 ta’ Settembru 2010, Honnefelder vs Il‑Kummissjoni, F‑41/08, punt 35).

66      Il-ġurisprudenza ppreċiżat li l-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ oġġettività tal-immarkar tippresupponi ż-żamma, sa fejn huwa possibbli, tal-istabbiltà tal-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla matul l-eżamijiet (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Novembru 2010, Vonier vs Il‑Kummissjoni, T‑165/03, punt 39).

67      Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li l-koerenza tal-immarkar tista’ tiġi ggarantita minn mezzi oħra minbarra ż-żamma tal-istabbiltà tal-Bord tal-Għażla matul l-eżamijiet. Huwa għalhekk li l-Qorti Ġenerali aċċettat li meta, minħabba indisponibbiltà, il-membri titolari ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni ġew issostitwiti, għal eżamijiet li saru minn ċerti kandidati, minn membri supplenti sabiex il-Bord tal-Għażla jkun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu f’terminu raġjonevoli, il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla tista’ madankollu tibqa’ stabbli biżżejjed jekk il-Bord tal-Għażla jistabbilixxi l-koordinazzjoni neċessarja sabiex jiggarantixxi l-applikazzjoni koerenti tal-kriterji ta’ mmarkar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Giannini vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 208 sa 216).

68      Fl-istess sens, għandu jiġi osservat li l-miżuri adottati minn Bord tal-Għażla bil-għan li jissodisfa l-obbligu tiegħu li jiżgura l-istabbiltà tal-kompożizzjoni tiegħu għandhom, jekk ikun il-każ, jiġu evalwati fir-rigward tal-karatteristiċi partikolari tar-reklutaġġ organizzat u tar-rekwiżiti prattiċi inerenti għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni, mingħajr ma l-Bord tal-Għażla jista’ madankollu jeskludi l-osservanza tal-garanziji fundamentali tal-ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati u tal-oġġettività tal-għażla bejniethom (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑5 ta’ April 2005, Christensen vs Il‑Kummissjoni, T‑336/02, punt 44).

69      Huwa minnu li l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni tal-kompetenzi jew tal-għarfien u tal-idoneità tal-kandidati huma ta’ natura komparattiva (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Frar 2004, Konstantopoulou vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑19/03, punt 43). Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, fid-dawl tal-organizzazzjoni tal-eżamijiet ta’ kompetizzjoni u tal-organizzazzjoni tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla, huwa suffiċjenti, sabiex tiġi ggarantita n-natura komparattiva tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla, li l-istabbiltà tagħha tinżamm biss f’ċerti fażijiet tal-kompetizzjoni.

70      Peress li ż-żamma ta’ ċerta stabbiltà tal-Bord tal-Għażla ma hijiex imperattiv fih innifsu iżda mezz sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ oġġettività tal-immarkar, għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-mod li bih ġiet organizzata l-kompetizzjoni kienx jippermetti li tiġi ggarantita l-osservanza tal-imsemmija prinċipji.

71      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni indikat fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u waqt is-seduta, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrent, li, għalkemm il-Bord tal-Għażla ma kienx wieħed stabbli matul l-iżvolġiment tal-eżamijiet, mill-inqas, huwa ltaqa’, qabel kollox, meta ddeċieda l-mod li bih kellhom jiżvolġu l-eżamijiet, sussegwentement, kull jumejn jew tlett ijiem, kull darba li l-marki attribwiti lill-kandidati ġew ikkomunikati lil kulħadd sabiex issir evalwazzjoni dwar il-kompetenzi tal-kandidati li ġew interrogati matul dan il-perijodu ta’ żmien, u, fl-aħħar nett, meta vverifika l-koerenza tal-evalwazzjonijiet li saru fuq il-kandidati fi tmiem l-eżami kollha.

72      Barra minn hekk, għandhom jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni l-miżuri adottati mill-EPSO fil-kuntest tal-metodu l-ġdid, li huma intiżi sabiex jiġu rrimedjati parzjalitajiet konjittivi differenti ġeneralment ikkonstatati fir-rigward tal-evalwaturi u sabiex b’hekk tiżgura l-koerenza tal-immarkar. B’mod partikolari, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar li l-imsemmija miżuri jinkludu l-użu ta’ testijiet prestrutturati li jsegwu metodoloġija prestabbilita li juża indikaturi ta’ aġir iddefiniti minn qabel, il-parteċipazzjoni tal-president tal-Bord tal-Għażla għall-ewwel minuti tal-eżamijiet kollha kif ukoll it-twettiq ta’ studji u ta’ analiżi sabiex tiġi vverifikata l-koerenza tal-immarkar (ara l-punt 26 ta’ din is-sentenza).

73      Għaldaqstant jidher li l-metodu l-ġdid jissostitwixxi s-sistema l-antika ta’ għażla li kienet tibbaża ruħha fuq l-identiċità tal-membri tal-Bord tal-Għażla matul il-proċedura ta’ kompetizzjoni permezz ta’ sistema ta’ selezzjoni li fiha l-istabbiltà tal-Bord tal-Għażla hija ggarantita biss f’ċerti fażijiet importanti tal-proċedura iżda li fiha l-ugwaljanza ta’ trattament tal-kandidati hija ggarantita bl-identiċità tal-metodi ta’ ħidma u l-applikazzjoni ta’ kriterji identiċi ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet tal-kandidati.

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-istabbiltà tal-Bord tal-Għażla waqt il-fażijiet imsemmija fil-punt 71 ta’ din is-sentenza u tal-miżuri ta’ organizzazzjoni u ta’ koordinazzjoni tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla elenkati fil-punti 72 u 73, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ oġġettività tal-immarkar ġew osservati f’dan il-każ.

75      Sussegwentement, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati l-ilmenti li r-rikorrent jorbot mal-allegata assenza ta’ stabbiltà tal-Bord tal-Għażla, jiġifieri l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Għażla kiser l-allegat dritt tar-rikorrent li jiġi evalwat minn numru sinjifikattiv ta’ membri tal-Bord tal-Għażla, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Għażla wettaq evalwazzjoni komparattiva parzjali ħafna tal-kandidati kollha u l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-fluttwazzjoni tal-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla ma ġietx ikkumpensata bi preżenza permanenti tal-president jew tal-viċipresident tal-Bord tal-Għażla.

76      Fir-rigward tal-ilment dwar l-użu minn EPSO ta’ korretturi esterni u s-sostituzzjoni tagħhom ta’ kull ġimgħa, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-Bord tal-Għażla jista’ jirrikorri għall-għajnuna ta’ korretturi fil-każijiet kollha fejn iqis li dan huwa neċessarju. F’dan il-każ, ir-regolarità tal-operazzjonijiet hija osservata inkwantu l-metodi ta’ korrezzjoni ma humiex differenti skont il-kandidati u l-Bord tal-Għażla jżomm is-setgħa ta’ diskrezzjoni finali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑26 ta’ Jannar 2005, Roccato vs Il‑Kummissjoni, T‑267/03, punt 67). F’dan il-każ, ir-rikorrent lanqas ma jallega li l-metodi ta’ korrezzjoni kienu differenti skont il-kandidati u li l-Bord tal-Għażla ma żammx is-setgħa ta’ diskrezzjoni finali tiegħu u ebda element mill-proċess ma jindika li dan kien il-każ.

77      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrent ma jipproduċi ebda prova insostenn tal-allegazzjoni tiegħu li l-Bord tal-Għażla ma setax jiżgura ruħu dwar il-koerenza tal-immarkar, minħabba l-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra ma taħx żmien biex jagħmel dan. Fi kwalunkwe każ, mill-proċess jirriżulta li l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kkontrolla l-koerenza tal-immarkar peress li, wara t-talba għal eżami mill-ġdid ippreżentata mir-rikorrent, il-Bord tal-Għażla kkonstata l-eżistenza ta’ ċerta inkoerenza fl-immarkar tal-istudju tal-każ tiegħu u, sussegwentement, irreveda ’l fuq il-marki li kienu inizjalment ġew attribwiti lilu għall-kompetenzi ġenerali “[k]omunikazzjoni” u “[p]rijoritizzazzjoni u organizzazzjoni”, kif ukoll għall-kompetenzi speċifiċi.

78      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ stabbiltà tal-Bord tal-Għażla, għandha tiġi miċħuda bħala infondata, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk din it-tieni parti kinitx ammissibbli jew operattiva.

79      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-indipendenza tal-Bord tal-Għażla

 L-argumenti tal-partijiet

80      Ir-rikorrent josserva li l-maġġoranza tal-membri tal-Bord tal-Għażla, inkluż il-president tiegħu, kienu uffiċjali kkollokati fi ħdan l-EPSO u għaldaqstant dipendenti tiegħu, liema fatt imur kontra l-prinċipju tal-indipendenza tal-Bord tal-Għażla.

81      Il-Kummissjoni titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiċħad dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

82      Għandu jitfakkar li, fid-dawl tar-rwol kruċjali fdat lill-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, il-leġiżlatur ippreveda ċertu numru ta’ garanziji. Għalhekk, l-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 3 tal-Anness III tiegħu jipprovdu, fl-ewwel lok, li, għal kull kompetizzjoni l-Awtorità tal-Ħatra tinnomina Bord tal-Għażla, fit-tieni lok, li, minbarra l-president tal-Bord tal-Għażla, il-membri l-oħra għandhom jinħatru f’numru ugwali mill-amministrazzjoni u mill-kumitat tal-persunal, fit-tielet lok, li l-membri tal-Bord tal-Għażla għandhom jiġu magħżula minn fost l-uffiċjali, fir-raba’ lok, li l-membri tal-Bord tal-Għażla għandhom ikunu ta’ grupp ta’ funzjoni u ta’ grad minn tal-inqas ugwali għal dak tal‑impjieg li ser jimtela’, fil-ħames lok, li Bord tal-Għażla kompost minn iktar minn erba’ membri għandu jinkludi minn tal‑inqas żewġ membri ta’ kull sess (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal‑15 ta’ Ġunju 2010, Pachtitis vs Il‑Kummissjoni, F‑35/08, punti 53 u 54).

83      Ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprojbixxi min-naħa l-oħra li l-membri tal-Bord tal-Għażla jkunu uffiċjali kkollokati mal-EPSO speċifikament sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ membri tal-Bord tal-Għażla.

84      Barra minn hekk, mis-sempliċi fatt li l-membri tal-Bord tal-Għażla kienu uffiċjali kkollokati mal-EPSO sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ membri ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni għal perijodu limitat ma jistax jiġi dedott li l-EPSO kienet teżerċita, permezz ta’ dawn l-uffiċjali, xi tip ta’ influwenza fuq il-ħidma tal-Bord tal-Għażla.

85      Għandu jiġi kkonstatat li, minflok ma pproduċa provi lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jew, mill-inqas, indikazzjonijiet speċifiċi u konkordanti dwar il-fatt li l-EPSO kellu xi tip ta’ influwenza fuq il-Bord tal-Għażla, fir-rikors tiegħu, ir-rikorrent illimita ruħu għal pura spekulazzjoni.

86      Waqt is-seduta, ir-rikorrent madankollu żviluppa dan il-motiv billi sostna li, permezz tal-metodu l-ġdid, huwa possibbli li tiġi osservata tip ta’ inverżjoni ta’ rwoli bejn il-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni u l-EPSO, fejn dan tal-aħħar għandu dejjem iżjed is-setgħa li jiddefinixxi n-natura tal-eżamijiet u l-mod ta’ kif dawn għandhom jiżvolġew, minkejja r-rwol tal-Bord tal-Għażla. B’mod partikolari, ir-rikorrent spjega kif, bħal ma rrikonoxxiet il-Kummissjoni nnifisha fid-difiża tagħha, bil-metodoloġija taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, il-Bord tal-Għażla għandu marġni ta’ manuvra iktar limitat minn qabel u l-miżuri adottati mill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-immarkar huma tali li huma għandhom bħala effett li jtellfu lill-Bord tal-Għażla mill-pussess tal-kompetenzi tiegħu.

87      Madankollu, l-argumenti mressqa mir-rikorrent ma humiex tali li jipprovaw suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi li l-EPSO ħareġ mir-rwol li l-Artikolu 1(1)(a) u (b) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jagħti lill-Awtorità tal-Ħatra, jiġifieri dak li tistabbilixxi n-natura tal-kompetizzjoni u l-modalitajiet tagħha. B’mod partikolari, ebda element mill-proċess ma juri l-eżistenza ta’ xi tip ta’ inġerenza tal-EPSO fl-evalwazzjoni mill-Bord tal-Għażla tal-prestazzjonijiet tal-kandidati, u lanqas fl-immarkar tal-kandidati jew fl-istabbiliment tal-lista ta’ riżerva. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, indipendentement mill-miżuri adottati mill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-immarkar, konformement mal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, u mhux l-Awtorità tal-Ħatra, li ssupervizza l-eżamijiet u stabbilixxa l-lista ta’ idoneità tal-kandidati.

88      Għalhekk il-motiv bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-indipendenza tal-Bord tal-Għażla għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

89      Ir-rikorrent jallega, essenzjalment, li l-EPSO kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, inkwantu rrifjuta li jikkomunikalu numru ta’ dokumenti u informazzjoni u, b’mod partikolari, il-mistoqsijiet li wieġeb b’mod żbaljat, ir-raġunijiet għalfejn it-tweġibiet tiegħu kienu żbaljati, kif ukoll l-iskedi ta’ evalwazzjoni użati għall-eżamijiet bil-miktub u orali. Barra minn hekk, huwa talab biex jikseb kopja tal-varjanti tas-suġġett li kellu jitratta waqt l-eżami tal-istudju tal-każ, bir-risposti korretti tiegħu. Il-komunikazzjoni ta’ dawn l-elementi kienet neċessarja sabiex ikun jista’ jifhem l-iżbalji tiegħu, il-mod kif l-eżami tiegħu ġie korrett u biex jevalwa jekk kienx hemm ksur tar-regoli applikabbli għall-Bord tal-Għażla.

90      Barra minn hekk, ir-rikorrent iqis li, taħt l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102) l-EPSO kellu l-obbligu li jittrażmettilu d-dokumenti msemmija fil-punt preċedenti.

91      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

92      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, filwaqt li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, kull deċiżjoni meħuda skont ir-Regolamenti tal-Persunal u li tista’ tikkawża preġudizzju lid-destinatarju tagħha għandha tkun immotivata, fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda minn Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, dan l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi kkonċiljat mal-osservanza tas-sigriet madwar il-ħidma tal-Bord tal-Għażla prevista fl-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, punt 24).

93      Is-sigriet tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla ġie stabbilit bl-għan li jiggarantixxi l-indipendenza tal-Bordijiet tal-Għażla ta’ kompetizzjoni u l-oġġettività tal-ħidmiet tagħhom billi jiġu protetti minn kull interferenza u pressjoni esterni, sew jekk dawn joriġinaw mill-amministrazzjoni stess, mill-kandidati kkonċernati jew minn terzi. L-osservanza ta’ dan is-sigriet tipprekludi għalhekk kemm l-iżvelar tal-pożizzjonijiet individwali adottati mill-membri tal-Bordijiet tal-Għażla kif ukoll l-iżvelar tal-elementi kollha li jikkonċernaw evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva dwar il-kandidati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Konstantopoulou vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

94      Fid-dawl ta’ dan is-sigriet, il-komunikazzjoni tal-marki miksuba fl-eżamijiet differenti ta’ kompetizzjoni tikkostitwixxi, bħala prinċipju, motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla (sentenzi Il‑Parlament vs Innamorati, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31 u Konstantopoulou vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat‑28 ta’ Marzu 2012, Marsili vs Il‑Kummissjoni, F‑19/10, punt 51).

95      Tali motivazzjoni ma tippreġudikax id-drittijiet tal-kandidati. Fil-fatt, hija tippermettilhom isiru jafu l-ġudizzju ta’ valur li ngħata fuq il-prestazzjonijiet tagħhom u li jivverifikaw, jekk ikun il-każ, li effettivament huma ma kisbux in-numru ta’ punti meħtieġa mill-avviż ta’ kompetizzjoni biex jiġu ammessi għal ċerti eżamijiet jew għall-eżamijiet kollha u tippermetti lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku twettaq stħarriġ ġudizzjarju xieraq għal dan it-tip ta’ tilwim (sentenza Konstantopoulou vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

96      Barra minn hekk, il-Bord tal-Għażla ma għandux l-obbligu, meta jimmotiva deċiżjoni li ma jaċċettax lil kandidat għal eżami, li jispeċifika liema mit-tweġibiet tal-imsemmi kandidat tqiesu li kienu insuffiċjenti jew li jispjega għalfejn dawn it-tweġibiet tqiesu li kienu insuffiċjenti, peress li tali livell ta’ motivazzjoni ma huwiex neċessarju biex kandidat ikun jista’ jevalwa l-opportunità tat-tressiq ta’ lment jew, jekk ikun il-każ, ta’ preżentata ta’ rikors jew sabiex il-qorti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Lulju 1995, Pimley‑Smith vs Il‑Kummissjoni, T‑291/94, punti 63 u 64, u Konstantopoulou vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

97      F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li, wara t-talba tiegħu, ir-rikorrent kiseb, fl‑10 ta’ Frar 2011, il-kopja tiegħu mhux korretta redatta waqt l-eżami tal-istudju tal-każ u kopja tat-test tal-lingwa, kif ukoll l-iskeda ta’ evalwazzjoni użata waqt dan it-test. Barra minn hekk, huwa ġie informat mid-deċiżjoni kkontestata dwar il-fatt li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li tikkonferma d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni kienet ġiet immotivata bil-fatt li kien kiseb marka globali inferjuri għall-inqas marka tal-kandidati li kienu ġew inklużi fil-lista ta’ riżerva. Fl-aħħar nett, huwa rċieva l-“passaport ta’ kompetenzi” tiegħu, li kien jistabbilixxi, mhux biss il-marki miksuba għal kull waħda mill-kompetenzi evalwati, iżda wkoll evalwazzjonijiet analitiċi li saru għal kull waħda mill-kompetenzi evalwati.

98      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjentement immotivata, mingħajr ma kien neċessarju li l-EPSO jittrażmetti lir-rikorrent id-dokumenti li huwa kien talab.

99      Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li l-EPSO ma kellux l-obbligu, sabiex jissodisfa l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni, li jikkomunika lir-rikorrent il-verżjoni korretta tal-kopja tiegħu, ir-raġunijiet għalfejn it-tweġibiet tiegħu kienu żbaljati, u l-iskedi ta’ evalwazzjoni użati għall-eżamijiet bil-miktub u orali, peress li dawn id-dokumenti kienu jagħmlu parti sħiħa mill-evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva magħmula mill-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni u huma koperti mis-sigriet tal-ħidma tiegħu.

100    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kopja tal-varjanti tas-suġġett li kellu jitratta r-rikorrent għall-istudju tal-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li, skont il-ġurisprudenza, dokument huwa kopert bis-sigriet tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla meta l-komunikazzjoni tiegħu tista’ tittradixxi l-attitudnijiet individwali adottati mill-membri tal-Bord tal-Għażla jew l-evalwazzjonijiet magħmula, ta’ natura personali jew komparattiva, li jikkonċernaw il-kandidati (sentenza Konstantopoulou vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27), fejn il-kunfidenzjalità madwar il-ħidma tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni ma teskludix li l-kunfidenzjalità ta’ dokument ta’ proċedura ta’ kompetizzjoni tkun iġġustifikata għal raġunijiet oħra. Issa, f’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li r-rifjut tal-EPSO li jikkomunika lir-rikorrent il-varjanti tas-suġġett li dwaru ġie mistoqsi huwa ġġustifikat bin-neċessità li jiġi evitat, fil-każ fejn kandidati oħra wkoll jitolbu li jirċievu l-varjanti tas-suġġett li dwar huma ġew mistoqsija, li jkun possibbli għalihom, billi jiġbru flimkien dawn il-varjanti differenti, li jiddeterminaw u, sussegwentement, li jippubblikaw il-metodoloġija użata biex jiġu stabbiliti varjanti tal-istess suġġett kif ukoll l-indikaturi li jservu biex jiġu evalwati l-kandidati.

101    Fl-aħħar nett, dawn il-konstatazzjonijiet ma jitqegħdux inkwistjoni mill-Artikolu 8 tal-Karta, jew mir-Regolament Nru 45/2001. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li, bħal ma jispeċifika l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 45/2001, bil-kliem data personali wieħed għandu jifhem l-informazzjoni li tista’ tippermetti l-identifikazzjoni ta’ persuna biss. Għalhekk skont id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, ir-rikorrent għandu d-dritt jikseb aċċess għad-data fil-pussess tal-EPSO li tippermetti li tidentifikah u mhux aċċess għall-kopja korretta tiegħu, għall-mistoqsijiet li ġab ħażin, għar-raġunijiet għalfejn it-tweġibiet tiegħu kienu żbaljati jew għall-iskeda ta’ evalwazzjoni użata. Dan huwa wisq iżjed minnu li, kieku kellu jitqies li l-kopja korretta ta’ kandidat tikkostitwixxi data personali, dan tal-aħħar jista’, konformement mal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 45/2001, jitlob li din tiġi rettifikata, liema fatt ikun assurd.

102    Konsegwentement, dan il-motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

103    Peress li ebda wieħed mill-motivi huwa fondat, jeħtieġ li jiġu miċħuda t-talbiet għal annullament u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

104    Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu Tmienja tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

105    Mill-motivi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent huwa l-parti tellief. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħha l-Kummissjoni talbet espressament li r-rikorrent jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU(Qorti Plenarja)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      G. de Mendoza Asensi għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Van Raepenbusch

Rofes i Pujol

Perillo

Barents

 

      Bradley

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Frar 2014.

W. Hakenberg

 

      S. Van Raepenbusch

Ir-Reġistratur

 

      Il-President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.