SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 2001/29/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2 – Drittijiet ta’ riproduzzjoni – Kunċett ta’ ‘xogħol’ – Togħma ta’ prodott tal-ikel”

Fil-Kawża C‑310/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem-Leeuwarden, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

Levola Hengelo BV

vs

Smilde Foods BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, M. Vilaras (Relatur), E. Regan, T. von Danwitz u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, M. Ilešič, M. Safjan, C. G. Fernlund, C. Vajda u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Levola Hengelo BV, minn S. Klos, A. Ringnalda u J. A. K. van den Berg, advocaten,

għal Smilde Foods BV, minn T. Cohen Jehoram u S. T. M. Terpstra, advocaten,

għall-Gvern Olandiż, minn C. S. Schillemans, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Segoin u D. Colas, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn G. Brown u Z. Lavery, bħala aġenti, assistiti minn N. Saunders, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Levola Hengelo BV (iktar ’il quddiem “Levola”) u Smilde Foods BV (iktar ’il quddiem “Smilde”) dwar l-allegat ksur, minn Smilde, tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ta’ Levola fir-rigward tat-togħma ta’ prodott tal-ikel.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Bern għall-Protezzjoni tax-Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Bern”), huwa fformulat kif ġej:

“Il-pajjiżi li għalihom tapplika din il-Konvenzjoni jikkostitwixxu Unjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħlijiet letterarji u artistiċi tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

Skont l-Artikolu 2(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Bern:

“1)   It-termini ‘xogħlijiet letterarji u artisitiċi’ jkopru kull produzzjoni fil-qasam letterarju, xjentifiku u artistiku, indipendentement mill-mod jew mill-forma ta’ espressjoni, bħal: kotba, fuljetti u kitbiet oħra; konferenzi, indirizzi, priedki jew xogħlijiet oħra tal-istess natura; xogħlijiet drammatiċi jew drammatiċi-mużikali; xogħlijiet ta’ korjografija u pantomimi; kompożizzjonijiet mużikali bi kliem jew mingħajr kliem; xogħlijiet ċinematografiċi, li magħhom huma inklużi x-xogħlijiet espressi permezz ta’ proċessi analogi għaċ-ċinematografija; xogħlijiet ta’ disinn, ta’ pittura, ta’ arkitettura, ta’ skultura, ta’ tinqix, ta’ litografija; xogħlijiet fotografiċi, li magħhom huma inklużi x-xogħlijiet espressi permezz ta’ proċessi analogi għall-fotografija; xogħlijiet tal-arti applikata; illustrazzjonijiet, mapep ġeografiċi; pjanti, skeċċjar jew xogħlijiet ta’ mudelli tal-plastik relatati mal-ġeografija, mat-topografija, mal-arkitettura jew max-xjenzi.

2)   Madankollu, il-fakultà li jippreskrivu li x-xogħlijiet letterarji u artistiċi jew kategorija waħda jew diversi kategoriji minnhom ma humiex protetti jekk ma jkunux ġew iffissati f’forma materjali, hija rriżervata għal-leġiżlazzjonijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

Skont l-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni ta’ Bern, l-awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi protetti minn din il-konvenzjoni jgawdu mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet, bi kwalunkwe mod u taħt kwalunkwe forma.

6

Skont l-Artikolu 9 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPs) li jinsab fl-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80):

“1.   Il-Membri għandhom iħarsu lejn l-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni ta’ Berne (1971) u l-Appendiċi tagħha […].

2.   Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur għandhom jestendu għall-espressjonijiet u mhux għall-ideat, metodi ta’ ħidma jew konċetti matematiċi per se.”

7

L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève, fl-20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, li daħal fis-seħħ fis-6 ta’ Marzu 2002. Dan it-trattat ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208, iktar ’il quddiem it-“Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur”). Skont l-Artikolu 1(4) tal-imsemmi trattat:

“Il-Partijiet Kontraenti għandhom iħarsu l-Artikoli 1 sa 21 u l-Appendiċi tal-Konvenzjoni ta’ Berne.”

8

L-Artikolu 2 ta’ dan l-istess trattat jistabbilixxi:

“Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur tkopri l-espressjoni iżda mhux l-ideja, proċeduri, metodi ta’ operazzjoni jew kunċetti matematiċi bħala tali.”

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2001/29

9

L-Artikoli 1 sa 4 tad-Direttiva 2001/29 jinkludu d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Artikolu 1

Kamp ta’ Applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, mingħajr enfasi partikolari fuq is-soċjetà ta’ informazzjoni.

2.   Ħlief għall-każi msemmija fl-Artikolu 11, din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti [tad-dritt tal-Unjoni] dwar:

a)

il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuters;

b)

id-dritt ta’ kiri, id-dritt ta’ self u ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali;

ċ)

id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati applikabbli għax-xandir ta’ programmi bis-satellita u trasmissjoni mill-ġdid bil-cable;

d)

it-tul ta’ żmien ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u ċerti drittijiet relatati;

e)

il-protezzjoni legali ta’ databases.

Artikolu 2

Dritt ta’ riproduzzjoni

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)

għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

[…]

Artikolu 3

Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

[…]

Artikolu 4

Dritt ta’ Distribuzzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.

[…]”

10

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 jistabbilixxi serje ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-drittijiet esklużivi mogħtija lill-awturi fir-rigward tax-xogħlijiet tagħhom permezz tal-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-direttiva.

Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja

11

L-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi:

“Minbarra t-test tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi:

a)

espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tal-kawża kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi;

b)

il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-kawża ineżami u, jekk ikun il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti;

c)

espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.”

Id-dritt Olandiż

12

L-Artikolu 1 tal-Auteurswet (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur) jipprevedi:

“Id-dritt tal-awtur huwa d-dritt esklużiv tal-awtur ta’ xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku, jew tal-aventi kawża tiegħu, li jirrendih pubbliku u li jirripproduċih, bla ħsara għar-restrizzjonijiet previsti mil-liġi.”

13

L-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi, xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku jfisser:

1)

il-kotba, fuljetti, ġurnali, perjodiċi jew kull materjal miktub ieħor;

2)

ix-xogħlijiet drammatiċi jew drammtiċi-mużikali;

3)

il-konferenzi u l-indirizzi;

4)

ix-xogħlijiet korjografiċi u l-pantomimi;

5)

il-kompożizzjonijiet mużikali bil-kliem jew mingħajr kliem;

6)

ix-xogħlijiet ta’ disinni, pittura, arkitettura, skultura, litografija, tinqix u kollezzjonijiet oħra;

7)

il-mapep ġeografiċi;

8)

il-pjanti, l-iskeċċjar u xogħlijiet tal-plastik marbuta mal-arkitettura, mal-ġeografija, mat-tipografija jew max-xjenzi l-oħra;

9)

ix-xogħlijiet fotografiċi;

10)

ix-xogħlijiet ċinematografiċi;

11)

ix-xogħlijiet tal-artijiet applikati u d-disinni u mudelli industrijali;

12)

il-programmi tal-kompjuter u l-materjal preparatorju; u

b’mod ġenerali l-produzzjonijiet kollha fil-qasam letterarju, xjentifiku jew artistiku, irrispettivament mill-mod jew mill-forma ta’ espressjoni”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Il-“Heksenkaas” jew “Heks’nkaas” (iktar ’il quddiem il-“Heksenkaas”) huwa ġobon tad-dlik bil-krema friska u bil-ħwawar fini, li nħoloq minn negozjant Olandiż tal-ħaxix u tal-prodotti friski fis-sena 2007. Permezz ta’ kuntratt konkluż fis-sena 2011 u b’korrispettiv għal remunerazzjoni marbuta mad-dħul mill-bejgħ tiegħu, l-oriġinatur tiegħu ċeda lil Levola d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fuq dan il-prodott.

15

Privattiva għall-metodu ta’ produzzjoni tal-Heksenkaas ingħatat fl-10 ta’ Lulju 2012.

16

Sa mix-xahar ta’ Jannar 2014, Smilde timmanifattura prodott imsejjaħ “Witte Wievenkaas” għal katina ta’ supermarkets fil-Pajjiżi l-Baxxi.

17

Billi qieset li l-produzzjoni u l-bejgħ ta’ dan il-prodott imsemmi l-aħħar kienu jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur tagħha fuq it-“togħma” tal-Heksenkaas, Levola ressqet kawża kontra Smilde quddiem ir-Rechtbank Gelderland (il-Qorti Distrettwali ta’ Gelderland, il-Pajjiżi l-Baxxi).

18

Wara li effettivament indikat li, fl-opinjoni tagħha, id-drittijiet tal-awtur fuq togħma jirreferu għall-“impressjoni ġenerali kkawżata mill-konsum ta’ prodott tal-ikel fuq l-organi sensorjali tat-togħma, inkluża s-sensazzjoni fil-ħalq ipperċepita mis-sens ta’ mess”, Levola talbet li r-Rechtbank Gelderland (il-Qorti Distrettwali ta’ Gelderland) tiddeċiedi, minn naħa, li t-togħma tal-Heksenkaas tikkostitwixxi kreazzjoni intellettwali tal-manifattur tagħha u tibbenefika, għalhekk, mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur bħala xogħol, fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u, min-naħa l-oħra, li t-togħma tal-prodott immanifatturat minn Smilde tikkostitwixxi riproduzzjoni ta’ dan ix-xogħol. Hija talbet ukoll li l-istess qorti tordna lil Smilde twaqqaf kull ksur tad-drittijiet tal-awtur tagħha, b’mod partikolari twaqqaf il-produzzjoni, ix-xiri, il-bejgħ u kull kummerċjalizzazzjoni oħra tal-prodott imsejjaħ “Witte Wievenkaas”.

19

Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2015, ir-Rechtbank Gelderland (il-Qorti Distrettwali ta’ Gelderland) qieset li, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar jekk it-togħma tal-Heksenkaas setgħetx tingħata l-protezzjoni tad-drittijet tal-awtur, l-allegazzjonijiet ta’ Levola għandhom, fi kwalunkwe każ, jiġu miċħuda peress li din tal-aħħar ma kinitx indikat liema elementi jew kombinazzjoni ta’ elementi tat-togħma tal-Heksenkaas jagħtuh karattru proprju oriġinali u timbru personali.

20

Levola appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

21

Din tal-aħħar tqis li l-kwistjoni ċentrali mqajma fil-kawża prinċipali hija dik dwar jekk it-togħma ta’ prodott tal-ikel tistax tiġi protetta mid-drittijiet tal-awtur. Hija żżid li l-partijiet fil-kawża prinċipali jiddefendu pożizzjonijiet dijametrikament opposti dwar din il-kwistjoni.

22

Skont Levola, it-togħma ta’ prodott tal-ikel tista’ tiġi kklassifikata bħala xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku protett mid-drittijiet tal-awtur. Levola tibbaża ruħha b’analoġija, b’mod partikolari, fuq is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2006 tal-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), Lancôme (NL:HR:2006:AU8940), li fiha din l-aħħar qorti aċċettat, bħala prinċipju, il-possibbiltà li jingħataw drittijiet tal-awtur fuq ir-riħa ta’ fwieħa.

23

Min-naħa l-oħra, skont Smilde, il-protezzjoni tat-togħmiet ma hijiex konformi mas-sistema tad-drittijiet tal-awtur li tkopri biss il-kreazzjonijiet viżivi u tas-smigħ. Barra minn hekk, l-instabbiltà ta’ prodott tal-ikel u n-natura suġġettiva tal-perċezzjoni tat-togħma jostakolaw il-klassifikazzjoni ta’ togħma ta’ prodott tal-ikel bħala xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur. Minbarra dan, id-drittijiet esklużivi tal-awtur ta’ xogħol ta’ proprjetà intellettwali u r-restrizzjonijiet tagħhom huma prattikament inapplikabbli għat-togħmiet.

24

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Qorti tal-Kassazzjoni (Franza) ċaħdet kategorikament il-possibbiltà ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ riħa, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Diċembru 2013 (FR:CCASS:2013:CO01205). Il-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali supremi fi ħdan l-Unjoni Ewropea hija għalhekk diverġenti, fir-rigward tal-kwistjoni, analoga għal dik imqajma fil-kawża prinċipali, tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ riħa.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem-Leeuwarden, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprekludi t-togħma ta’ prodott tal-ikel, inkwantu kreazzjoni intellettwali proprja tal-awtur tiegħu, milli tkun protetta mid-drittijiet tal-awtur? B’mod partikolari:

b)

Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur hija prekluża mill-fatt li l-espressjoni ‘xogħlijiet litterarji u artistiċi’ fl-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, li hija vinkolanti fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, tinkludi ‘kull produzzjoni fil-qasam litterarju, xjentifiku u artistiku, ikun xi jkun il-mod jew il-forma tal-espressjoni tagħha’, iżda fejn l-eżempji ċċitati f’din id-dispożizzjoni jirreferu biss għal kreazzjonijiet li jistgħu jiġu pperċepiti mill-ħars u/jew mis-smigħ?

c)

L-instabbiltà (possibbli) ta’ prodott tal-ikel u/jew in-natura suġġettiva ta’ esperjenza ta’ togħma tipprekludi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ togħma ta’ prodott tal-ikel?

d)

Is-sistema ta’ drittijiet esklużivi u ta’ restrizzjonijiet, kif irregolata mill-Artikoli 2 sa 5 tad-Direttiva 2001/29, tipprekludi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ togħma ta’ prodott tal-ikel?

2)

Jekk ir-risposta għad-domanda 1(a) tkun fin-negattiv:

a)

X’inhuma r-rekwiżiti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ togħma ta’ prodott tal-ikel?

b)

Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ togħma hija bbażata unikament fuq it-togħma fiha nfisha jew (ukoll) fuq ir-riċetta tal-prodott tal-ikel?

c)

Fi proċedimenti (ta’ ksur), xi provi għandha tipproduċi l-parti li ssostni li tkun ħolqot togħma protetta mid-drittijiet tal-awtur? Huwa suffiċjenti għal din il-parti, li tippreżenta l-prodott tal-ikel inkwistjoni fl-imsemmija proċedimenti lill-qorti sabiex din il-qorti, billi dduq u xxomm, tkun tista’ tifforma l-opinjoni tagħha dwar jekk it-togħma ta’ prodott tal-ikel tissoddisfax ir-rekwiżiti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur? Jew inkella r-rikorrent għandu (wkoll) jipprovdi deskrizzjoni tal-għażliet kreattivi involuti fil-kompożizzjoni tat-togħma u/jew tar-riċetta li abbażi tagħhom it-togħma tista’ tiġi kkunsidrata li hija l-kreazzjoni intellettwali tal-awtur?

d)

Fi proċedimenti ta’ ksur il-qorti kif għandha tiddetermina jekk it-togħma tal-prodott tal-ikel tal-konvenut tikkorrispondix sa tali punt mat-togħma tal-prodott tal-ikel tar-rikorrent li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-awtur? Il-fattur deċiżiv hawnhekk huwa (ukoll) dak li l-impressjoni ġenerali taż-żewġ togħmiet hija l-istess?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

26

Smilde ssostni li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, għaliex ir-rikors fil-kawża prinċipali għandu, f’kull każ, jiġi miċħud. Fil-fatt, Levola ma speċifikatx l-elementi tal-Heksenkaas li jagħtuh il-karattru ta’ kreazzjoni intellettwali tal-awtur tagħha.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huma biss il-qrati nazzjonali li quddiemhom tressqet it-tilwima u li huma responsabbli għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, obbligata tagħti deċiżjoni (sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 24, u tal-1 ta’ Lulju 2010, Sbarigia, C‑393/08, EU:C:2010:388, punt 19).

28

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li għandhom jiġu ddefiniti mill-imsemmija qorti nazzjonali, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer, C‑188/07, EU:C:2008:359, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-21 ta’ Mejju 2015, Verder LabTec, C‑657/13, EU:C:2015:331, punt 29).

29

Fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, ma jistax jitqies li d-domandi magħmula ma għandhomx x’jaqsmu mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li huma jirrigwardaw problema ta’ natura ipotetika. Is-sempliċi fatt li l-qorti tal-ewwel istanza, li d-deċiżjoni tagħha hija kkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju, qieset, b’mod differenti minn din il-qorti msemmija l-aħħar, li hija setgħet tagħti deċiżjoni fuq it-tilwima mressqa quddiemha mingħajr ma taqta’ l-kwistjoni preliminari dwar jekk it-togħma ta’ prodott tal-ikel tistax tibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ma jistax iwassal għal konklużjoni differenti.

30

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju pprovdiet lill-Qorti tal-Ġustizzja l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula, b’mod konformi mal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi magħmula huma ammissibbli.

Fuq l-ewwel domanda

32

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2001/29 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li t-togħma ta’ prodott tal-ikel tkun protetta mid-drittijiet tal-awtur taħt din id-direttiva u li leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata b’mod tali li hija tagħti protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur lil tali togħma.

33

F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2001/29 tipprovdi, fl-Artikoli 2 sa 4 tagħha, li l-Istati Membri għandhom jipprevedu sett ta’ drittijiet esklużivi li jirrigwardaw, għall-awturi, ix-“xogħlijiet” tagħhom u hija tistabbilixxi, fl-Artikolu 5 tagħha, serje ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet. L-imsemmija direttiva ma tinkludi l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw it-tifsira u l-portata tal-kunċett ta’ “xogħol”. Għaldaqstant, u fid-dawl tar-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, dan il-kunċett għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C‑5/08, EU:C:2009:465, punti 27 u 28, kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, punti 14 u 15).

34

Għaldaqstant, it-togħma ta’ prodott tal-ikel tista’ tkun protetta mid-drittijiet tal-awtur taħt id-Direttiva 2001/29 biss jekk tali togħma tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “xogħol” fis-sens ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C‑5/08, EU:C:2009:465, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dan ir-rigward, sabiex oġġett ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “xogħol” fis-sens tad-Direttiva 2001/29, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi.

36

Minn naħa, l-oġġett ikkonċernat għandu jkun oriġinali, fis-sens li jikkostitwixxi kreazzjoni intellettwali tal-awtur tiegħu (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 97 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni ta’ “xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2001/29, hija rriżervata għall-elementi li huma l-espressjoni ta’ tali kreazzjoni intellettwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C‑5/08, EU:C:2009:465, punt 39, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 159).

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Unjoni, minkejja li ma hijiex parti kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Bern, għandha madankollu l-obbligu, skont l-Artikolu 1(4) tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, li tiegħu hija parti u li d-Direttiva 2001/29 għandha l-għan li timplimenta, li tikkonforma ruħha mal-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni ta’ Bern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Frar 2012, Luksan, C‑277/10, EU:C:2012:65, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-26 ta’ April 2012, DR u TV2 Danmark, C‑510/10, EU:C:2012:244, punt 29).

39

Skont l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni ta’ Bern, ix-xogħlijiet letterarji u artistiċi jkopru l-produzzjonijiet kollha fil-qasam letterarju, xjentifiku u artistiku, indipendentement mill-mod jew mill-forma ta’ espressjoni tagħhom. Minbarra dan, skont l-Artikolu 2 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur u skont l-Artikolu 9(2) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, imsemmi fil-punt 6 ta’ din is-sentenza u li jagħmel ukoll parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punti 39 u 40), huma l-espressjonijiet u mhux l-ideat, il-proċeduri, il-metodi ta’ funzjonament jew il-kunċetti matematiċi, inkwantu tali, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2012, SAS Institute, C‑406/10, EU:C:2012:259, punt 33).

40

Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “xogħol” kif previst mid-Direttiva 2001/29 jimplika neċessarjament espressjoni tas-suġġett tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur li tirrendih identifikabbli bi preċiżjoni u oġġettività suffiċjenti, minkejja li din l-espressjoni ma tkunx neċessarjament permanenti.

41

Fil-fatt, minn naħa, l-awtoritajiet inkarigati li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet esklużivi inerenti fid-drittijiet tal-awtur għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw b’mod ċar u preċiż l-oġġetti protetti b’dan il-mod. L-istess jgħodd għall-individwi, b’mod partikolari operaturi ekonomiċi, li għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw b’mod ċar u preċiż l-oġġetti protetti għall-benefiċċju ta’ terzi, b’mod partikolari, tal-kompetituri. Min-naħa l-oħra, il-bżonn li jiġi eskluż kull element ta’ suġġettività, li jippreġudika ċ-ċertezza legali, fil-proċess ta’ identifikazzjoni tal-oġġett protett jimplika li dan tal-aħħar jista’ jkun is-suġġett ta’ espressjoni preċiża u oġġettiva.

42

Il-possibbiltà ta’ identifikazzjoni preċiża u oġġettiva ma teżistix fir-rigward tat-togħma ta’ prodott tal-ikel. Fil-fatt, b’mod differenti, pereżempju, minn xogħol letterarju, tal-pittura, ċinematografiku jew mużikali, li huwa espressjoni preċiża u oġġettiva, l-identifikazzjoni tat-togħma ta’ prodott tal-ikel hija bbażata essenzjalment fuq sensazzjonijiet u esperjenzi tat-togħma li huma suġġettivi u varjabbli għaliex huma jiddependu, b’mod partikolari, fuq fatturi marbuta mal-persuna li dduq il-prodott ikkonċernat, bħall-età tagħha, il-preferenzi tal-ikel tagħha u d-drawwiet ta’ konsum tagħha, kif ukoll fuq l-ambjent jew il-kuntest li fih persuna dduq dan il-prodott.

43

Barra minn hekk, identifikazzjoni preċiża u oġġettiva tat-togħma ta’ prodott tal-ikel, li tippermetti li din tiġi distinta mit-togħma ta’ prodotti oħra tal-istess natura, ma hijiex possibbli b’mezzi tekniċi fl-istat attwali tal-iżvilupp xjentifiku.

44

Għaldaqstant għandu jiġi konkluż, abbażi ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, li t-togħma ta’ prodott tal-ikel ma tistax tiġi kklassifikata bħala “xogħol” fis-sens tad-Direttiva 2001/29.

45

Fid-dawl tar-rekwiżit, imfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, ta’ interpretazzjoni uniformi tal-kunċett ta’ “xogħol” fi ħdan l-Unjoni, għandu jiġi konkluż ukoll li d-Direttiva 2001/29 tipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata b’mod li hija tagħti protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur lit-togħma ta’ prodott tal-ikel.

46

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li t-togħma ta’ prodott tal-ikel tkun protetta mid-drittijiet tal-awtur taħt din id-direttiva u li leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata b’mod li hija tagħti protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur lil tali togħma.

Fuq it-tieni domanda

47

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li t-togħma ta’ prodott tal-ikel tkun protetta mid-drittijiet tal-awtur taħt din id-direttiva u li leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata b’mod li hija tagħti protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur lil tali togħma.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.