SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

12 ta’ April 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni ta’ habitats naturali – Żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Artikolu 6(3) – Screening bil-ħsieb li tiġi ddeterminata n-neċessità li ssir jew le evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Miżuri li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan l-għan”

Fil-Kawża C-323/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

People Over Wind,

Peter Sweetman

vs

Coillte Teoranta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal People Over Wind u M. Sweetman, minn O. Clarke, solicitor, O. Collins, BL, u J. Devlin, SC,

għal Coillte Teoranta, minn J. Conway, solicitor, S. Murray, BL, u D. McGrath, SC,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes u E. Manhaeve, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Habitats’”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn People Over Wind, organizzazzjoni mhux governattiva tal-protezzjoni tal-ambjent, u Peter Sweetman kontra Coillte Teoranta (ikar ’il quddiem “Coillte”), kumpannija tal-Istat Irlandiż u li teżerċita l-attività tagħha fis-settur forestali, dwar xogħlijiet neċessarji għall-finijiet tal-istallazzjoni ta’ kejbil li jgħaqqad park eoliku man-netwerk elettriku.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-għaxar premessa Direttiva ”Habitats”:

“Billi jrid jiġi evalwat b’mod xieraq kull pjan jew programm li x’aktarx jaffettwa b’mod sinifikanti l-għanjiet ta’ konservazzjoni ta’ sit li ġie nnominat jew se jkun nominat fil-ġejjieni”.

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.

2.   Il-miżuri meħuda skont din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

3.   Il-miżuri meħuda skont din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

5

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva huwa redatt kif ġej:

“Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

[…]”

6

L-Artikolu 6 tal-istess direttiva jistabbilixxi:

“1.   Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-habitat naturali u l-habitat tal-ispeċi kif ukoll t-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skont l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.   Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

Id-dritt Irlandiż

7

Il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) tispeċifika li l-awtorizzazzjoni tal-iżvilupp hija rregolata mill-Planning and Development Acts (il-Liġijiet dwar l-Ippjanar tat-Territorju u l-Urbaniżmu) kif ukoll mir-regolamenti adottati skont dawn tal-aħħar. L-awtorità kompetenti hija l-Awtorità Lokali Responsabbli għall-Ippjanar tat-Territorju u l-appelli għandhom isiru quddiem l-An Bord Pleanála (il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Appell fil-Qasam tal-Ippjanar tat-Territorju, L-Irlanda).

8

Ċerti tipi ta’ xogħlijiet huma meqjusa bħala “xogħlijiet eżentati” u, b’riżerva għal ċerti eċċezzjonijiet, ma humiex suġġetti għall-awtorizzazzjoni skont il-Liġijiet dwar l-Ippjanar tat-Territorju u l-Urbaniżmu. B’hekk, jikkostitwixxi eżempju ta’ żvilupp eżentat “it-twettiq, minn kull fornitur awtorizzat jipprovdi servizz marbut mal-elettriku, ta’ xogħol konsistenti fit-tpoġġija taħt l-art ta’ mains, pajpijiet, kajbils u tagħmir ieħor għall-finijiet tas-servizz”.

9

Madankollu, il-proġetti “ta’ xogħlijiet eżentati” jistgħu jkunu suġġetti għal tipi oħra ta’ awtorizzazzjonijiet jew għal proċedura ta’ adozzjoni. Il-European Communities (Birds and Natural Habitats) Regulations 2011 (ir-Regolament tal-2011 adottat fil-kuntest tal-Komunitajiet Ewropej (Għasafar u Habitats naturali)) japplika għal proġetti minbarra dawk ix-xogħlijiet suġġetti għal awtorizzazzjoni tal-iżvilupp, fis-sens tal-Liġijiet dwar l-Ippjanar tat-Territorju u l-Urbaniżmu. Barra minn hekk, xogħol li jaqa’ taħt il-kategorija ta’ “xogħlijiet eżentati” għandu madankollu jkun suġġett għal awtorizzazzjoni skont il-Liġijiet dwar l-Ippjanar tat-Territorju u l-Urbaniżmu, meta tkun rikjesta evalwazzjoni xierqa skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”.

10

Skont l-Artikolu 42 tar-Regolament tal-2011:

“1.   L-awtorità pubblika għandha twettaq screening bil-ħsieb li tiġi ddeterminata n-neċessità ta’ evalwazzjoni xierqa ta’ pjan jew ta’ proġett li għalih tkun ġiet riċevuta talba għal awtorizzazzjoni jew li awtorità pubblika tkun tixtieq twettaq jew tadotta, u li ma huwiex marbut b’mod dirett jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit bħala sit Ewropew u dan sabiex jiġi evalwat, fid-dawl tal-aħjar konoxxenzi xjentifiċi u fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit, jekk dan il-pjan jew proġett, individwalment jew konġuntement ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jistax jaffetwa s-sit Ewropew b’mod sinjifikattiv.

2.   Awtorità pubblika għandha twettaq screening bil-ħsieb li tiġi ddeterminata n-neċessità ta’ evalwazzjoni xierqa skont il-paragrafu 1 qabel ma tingħata awtorizzazzjoni għal pjan jew proġett jew qabel ma tittieħed deċiżjoni li għandu jitwettaq jew jiġi adottat pjan jew proġett.

[…]

6.   L-awtorità pubblika għandha tiddeċiedi li hija rikjesta evalwazzjoni xierqa ta’ pjan jew ta’ proġett meta l-pjan jew il-proġett ma jkunx marbut direttament jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit bħala sit Ewropew u jekk ma jkunx jista’ jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ informazzjoni xjentifika oġġettiva wara screening skont dan l-artikolu, li l-pjan jew il-proġett, individwalment jew konġuntement ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jaffettwa sit Ewropew b’mod sinjifikattiv.

7.   L-awtorità pubblika għandha tiddeċiedi li ma hijiex rikjesta evalwazzjoni xierqa ta’ pjan jew ta’ proġett meta l-pjan jew il-proġett ikun marbut direttament jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit bħala sit Ewropew u jekk ikunx jista’ jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ informazzjoni xjentifika oġġettiva wara screening skont dan l-artikolu, li l-pjan jew il-proġett, individwalment jew konġuntement ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jaffettwa sit Ewropew b’mod sinjifikattiv”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-effetti potenzjali tal-installazzjoni ta’ kejbil li jgħaqqad park eoliku man-netwerk elettriku, fuq żewġ żoni speċjali ta’ konservazzjoni, abbażi tan-netwerk ekoloġiku Ewropew Natura 2000, li huma x-xmara Barrow u x-xmara Nore (L-Irlanda). Din iż-żona tikkostitwixxi habitat għas-sotto-speċi Irlandiża ta’ mollusk tal-perli tal-ilma ħelu (margaritifera durrovensis, iktar ’il quddiem il-“mollusk tal-perli tan-Nore”). Din l-ispeċi hija inkluża fl-Anness II tad-Direttiva “Habitats”. Il-popolazzjoni adulta rimanenti ta’ dan il-mollusk, skont l-istimi rrappurtati mill-qorti tar-rinviju, tammonta għal 300 individwi biss, meta matul is-sena 1991 in-numru ta’ individwi kien jilħaq l-20 000. L-istennija tal-ħajja ta’ kull individwu hija ta’ bejn 70 u 100 sena, iżda jintqal li l-mollusk tal-perli tan-Nore ma rridproduċiex iktar wara s-sena 1970. Skont dik il-qorti, minn investigazzjonijiet ta’ segwitu riċenti, jirriżulta li din l-ispeċi sejra għall-estinzjoni, minħabba s-sedimentazzjoni għolja tal-qiegħ tan-Nore, li din l-ispeċi hija partikolarment vulnerabbli għaliha, peress li din is-sedimentazzjoni tipprekludi t-tkattir mill-ġdid b’suċċess tal-imsemmija xmara b’indvidwi żgħar.

12

L-awtorizzazzjoni rikjesta għall-iżvilupp tal-park eoliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bl-eċċezzjoni tal-konnessjoni tiegħu man-netwerk, kienet preċedentement ġiet suġġetta għal proċeduri. Din l-awtorizzazzjoni mogħtija matul is-sena 2013 mill-Kummissjoni Nazzjonali tal-Appell fil-Qasam tal-Ippjanar tat-Territorju, kienet ġiet issuġġettata għal diversi kundizzjonijiet. B’hekk, skont il-kundizzjoni 17 marbuta ma’ din l-awtorizzazzjoni, “[i]l-kostruzzjoni tal-iżvillupp għandha ssir skont pjan ta’ ġestjoni tal-kostruzzjoni li għandu jiġi ppreżentat lill-awtorità inkarigata mill-ippjanar tat-territorju u jkun maqbul bil-miktub ma’ din l-awtorità qabel il-bidu tal-iżvilupp. Dan il-pjan għandu jipprovdi d-dettalji tal-prattiki ta’ kostruzzjoni previsti għall-iżvilupp, inklużi […] k) il-mezzi sabiex jiġi żgurat kontroll fuq il-ġiri tal-ilma tal-wiċċ sabiex la tidħol ħama u lanqas inkwinanti oħra fil-kanali tal-ilma […]”.

13

Wara l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni, l-iżviluppatur qajjem il-kwistjoni tal-konnessjoni man-netwerk elettriku tal-park eoliku kkonċernat permezz ta’ kajbil, liema konnessjoni tikkostitwixxi s-suġġett tal-kawża prinċipali.

14

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li l-inkwinanti tax-xmara naxxenti mill-installazzjoni tal-imsemmi kejbil ta’ konnessjoni, bħall-ħama u s-sedimenti, ikollhom effetti negattivi fuq il-mollusk tal-perli tan-Nore.

15

Coillte issostni li l-installazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi “żvilupp eżentat” mill-awtorizzazzjoni, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-iżvilupp. Madankollu, hija tammetti li, f’każ li l-proġett ikun jirrikjedi evalwazzjoni xierqa tal-effetti ambjentali, allura jkollha tinkiseb awtorizzazzjoni fil-qasam tal-iżvilupp tat-territorju mingħand l-awtorità lokali inkarigata mill-iżvilupp tat-territorju.

16

Bil-ħsieb li tiġi ddeterminata n-neċessità li titwettaq tali evalwazzjoni xierqa, il-kumpannija inkarigat konsulenti sabiex iwettqu l-imsemmi eżami (iktar ’il quddiem “screening”).

17

Ir-rapport ta’ screening redatt minn dawn il-konsulenti kkonkluda, inter alia, kif ġej:

“a)

Fl-assenza ta’ miżuri ta’ protezzjoni, hemm riskju ta’ rilaxx ta’ solidi f’sospensjoni fl-ilmijiet, matul ir-rotta prevista, inkluż fil-postijiet ta’ titqib direzzjonali.

b)

Fir-rigward tal-[mollusk tal-perli tan-Nore], jekk it-twettiq tax-xogħlijiet previsti, marbuta mal-kajbils, jagħti lok għar-rilaxx ta’ ħama jew ta’ inkwinanti, bħall-konkos, fiż-żona tax-xmara ta’ tkattir tal-molluski tal-perli permezz ta’ xmajjar jew ta’ kurrenti iżgħar, jinħoloq effett negattiv fuq il-popolazzjoni tal-molluski tal-perli. Is-sedimentazzjoni ta’ żrar tista’ tostakola l-passaġġ suffiċjenti ta’ ilma minn ġoż-żrar, biex b’hekk jipprekludi liż-żgħar [molluski tal-perli tan-Nore] mill-ossiġnu.”

18

Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li f’dan ir-rapport ġew analizzati wkoll “miżuri ta’ protezzjoni”.

19

Sussegwentement, abbażi tal-imsemmi rapport, ġiet ifformulata s-segwenti rakkomandazzjoni lil Coillte, mill-“mexxej tal-programm”:

“Kif espost fid-dettall fir-rapport […] ta’ screening bil-ħsieb li tiġi ddeterminata n-neċessità ta’ evalwazzjoni xierqa, abbażi tal-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport u fid-dawl tal-aħjar konoxxenzi xjentifiċi, ix-xogħlijiet ta’ konnessjoni man-netwerk ma jaffettwawx f’mod sinjifikattiv is-siti Ewropej rilevanti fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti Ewropej, waħidhom jew flimkien mal-park eoliku ta’ Cullenagh [(L-Irlanda)] u pjanijiet jew proġetti oħra, u ma hijiex rikjesta evalwazzjoni xierqa. Din il-konklużjoni ntlaħqet abbażi tad-distanza bejn il-konnessjoni prevista man-netwerk ta’ Cullenagh u s-siti Ewropej kif ukoll abbażi tal-miżuri ta’ protezzjoni li ġew integrati fid-disinn tax-xogħlijiet tal-proġett”.

20

Billi adottat ir-raġunijiet u r-rakkmandazzjoni msemmija, Coillte, bħala awtorità pubblika prevista fl-Artikolu 42 tar-Regolament tal-2011, iddeċidiet li f’dan il-każ ma kienet rikjesta l-ebda evalwazzjoni xierqa, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”.

21

Il-qorti tar-rinviju tqis li d-deċiżjoni li ma kinitx rikjesta evalwazzjoni xierqa hija bbażata fuq il-“miżuri ta’ protezzjoni” imsemmija fir-rapport ta’ screening. Din il-qorti tispeċifika li l-miżuri ta’ protezzjoni proposti u meħuda inkunsiderazzjoni mill-persuni li ppreparaw ir-rapport ma humiex stretti daqs dawk rikjesti mill-kundizzjoni 17(k) tal-awtorizzazzjoni mogħtija għall-iżvlupp tal-park eoliku kkonċernat.

22

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Miżuri ta’ attenwazzjoni jistgħu, jew f’liema ċirkustanzi jistgħu, jittieħdu inkunsiderazzjoni meta ssir evalwazzjoni minn qabel [screening] għal evalwazzjoni xierqa taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitats […]?”

Fuq id-domanda preliminari

23

Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” jimponi fuq l-Istati Membri sensiela ta’ obbligi u ta’ proċeduri speċifiċi intiżi sabiex tiġi żgurata, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, iż-żamma jew, fejn xieraq, l-istabbiliment mill-ġdid, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ habitats naturali u, b’mod partikolari, ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni (sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et, C-258/11, EU:C:2013:220, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C-387/15 u C-388/15, EU:C:2016:583, punt 31).

24

Skont il-ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” għandhom jiġu interpretati bħala totalità koerenti fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni intiżi minn din id-direttiva. Fil-fatt, l-għan tal-paragrafi (2) u (3) ta’ dan l-artikolu huwa li jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi, filwaqt li l-paragrafu (4) tal-imsemmi artikolu jikkostitwixxi biss dispożizzjoni derogatorja għat-tieni sentenza tal-imsemmi paragrafu (3) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et, C-399/14, EU:C:2016:10, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

B’hekk, l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jqassam il-miżuri fi tliet kategoriji, jiġifieri l-miżuri ta’ konservazzjoni, il-miżuri ta’ prevenzjoni u l-miżuri ta’ kumpens, rispettivament previsti fil-paragrafi 1, 2 u 4 ta’ dan l-artikolu. Mill-kliem tal-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tagħmel l-ebda riferiment għal xi kunċett ta’ “miżura ta’ attenwazzjoni” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C-387/15 u C-388/15, EU:C:2016:583, punti 5758 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Minn dan isegwi, kif jirriżulta mill-motivazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari, li jeħtieġ li l-miżuri li l-qorti tar-rinviju tikklassifika bħala “miżuri ta’ attenwazzjoni”, u li Coillte issejjaħ bħala “miżuri ta’ protezzjoni”, jinftiehmu bħala li jirreferu għal miżuri intiżi sabiex jiġu evitati jew imnaqqsa l-effetti negattivi tal-proġett previst fuq is-sit ikkonċernat.

27

B’hekk, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex neċessarju li sussegwentement titwettaq evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ proġett fuq is-sit ikkonċernat, huwa possibbli, matul il-fażi ta’ screening, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri intiżi sabiex jiġu evitati jew imnaqqsa l-effetti negattivi tal-imsemmi proġett fuq dan is-sit.

28

Skont l-għaxar premessa tad-direttiva “Habitats” għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa kull pjan jew programm li x’aktarx jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ sit li ġie nnominat jew se jkun innominat fil-ġejjieni. Din il-premessa hija espressa fl-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva li jipprovdi espressament li pjan jew proġett li jista’ jkollu effett sinjifikattiv fuq is-sit ikkonċernat ma jistax jiġi awtorizzat mingħajr ma ssir evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tiegħu fuqu (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 22).

29

Kif tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” jipprevedi żewġ fażijiet. L-ewwel fażi, prevista fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, teżiġi li l-Istati Membri jwettqu evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett meta jkun hemm il-probabbiltà li dan il-pjan jew dan il-proġett jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv. It-tieni fażi, prevista fit-tieni sentenza ta’ din l-istess dispożizzjoni, li tiġi wara l-imsemmija evalwazzjoni xierqa, tillimita l-awtorizzazzjoni ta’ tali pjan jew proġett għall-kundizzjoni li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(4) (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C-387/15 u C-388/15, EU:C:2016:583, punti 4446 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Jeħtieġ li jiżdied li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” jinkorpora wkoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni u jippermetti li jiġu evitati, b’mod effettiv, il-ħsara fuq l-integrità tas-siti protetti minħabba l-pjanijiet jew il-proġetti li jkunu qed jiġu kkunsidrati. Kriterju ta’ awtorizzazzjoni inqas strett minn dan stabbilit f’din id-dispożizzjoni ma jistax jiggarantixxi b’mod daqstant effettiv it-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-siti mfittex mill-imsemmija dispożizzjoni (sentenza tas-26 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-142/16, EU:C:2017:301, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Fil-każ ineżami, kif maqbul bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni, id-domandi tal-qorti tar-rinviju kkonċernaw biss il-fażi ta’ screening. B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk miżuri intiżi sabiex jiġu evitati jew imnaqqsa l-effetti negattivi ta’ pjan jew ta’ proġett fuq is-sit ikkonċernat jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istadju ta’ screening, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk huwiex neċessarju li ssir evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett fuq dan is-sit.

32

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” jistabbilixxi b’mod ċar li l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni jiddependi fuq is-segwenti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: il-pjan jew il-proġett inkwistjoni ma għandux ikun marbut jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit, u għandu jkun jista’ jaffettwa lil dan is-sit b’mod sinjifikattiv.

33

Mill-proċess suġġett għall-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis li l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija ssodisfatta.

34

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” jissuġġetta r-rekwiżit ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett għall-kundizzjoni li jkun hemm probabbiltà jew riskju li dan il-pjan jew dan il-proġett jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv. Meta jitqies, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ prekawzjoni, tali riskju jkun jeżisti meta ma jkunx jista’ jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-imsemmi pjan jew proġett jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv (sentenza tas-26 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-538/09, EU:C:2011:349, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-evalwazzjoni ta’ din il-probabbiltà għandha ssir, b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn tali pjan jew tali proġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C-387/15 u C-388/15, EU:C:2016:583, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni, iċ-ċikustanza li, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, li miżuri intiżi sabiex jiġu evitati jew imnaqqsa l-effetti negattivi ta’ pjan jew ta’ proġett fuq is-sit ikkonċernat jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tan-neċessità li titwettaq evalwazzjoni xierqa, tippreżumi li huwa probabbli li s-sit jiġi affettwat b’mod sinjifikattiv u li, konsegwentement, jeħtieġ li ssir tali evalwazzjoni.

36

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-analiżi sħiħa u preċiża tal-miżuri initiżi sabiex jiġu evitati effetti sinjifikattivi possibbli fuq is-sit ikkonċernat għandu jitwettaq mhux fl-istadju ta’ screening, iżda speċifikament f’dik tal-evalwazzjoni xierqa.

37

It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali miżuri sa mill-fażi ta’ screening jista’ jippreġudika l-effett utli tad-Direttiva “Habitats”, b’mod ġenerali, kif ukoll il-fażi ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari, peress li din l-aħħar imsemmija fażi titlef l-iskop tagħha u li jkun jeżisti riskju ta’ abbuż minn din il-fażi ta’ evalwazzjoni, li tikkostitwixxi garanzija essenzjali prevista minn din id-direttiva.

38

F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tinsisti fuq iċ-ċirkustanza li l-evalwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” ma tistax għaldaqstant tinkludi lakuni u għandha tinkludi konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet previsti fuq is-sit protett ikkonċernat (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C-387/15 u C-388/15, EU:C:2016:583, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Barra minn hekk, huwa proprju mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” li persuni bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiksbu d-dritt li jippparteċipaw fi proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni marbuta ma’ talba ta’ awtorizzazzjoni ta’ pjan jew ta’ proġett li jista’ jkollu effetti sinjifikattiv fuq l-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 49).

40

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex neċessarju li sussegwentement titwettaq evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq is-sit ikkonċernat, ma hemmx lok, matul il-fażi ta’ screening, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri intiżi sabiex jiġu evitati jew imnaqqsa l-effetti negattivi ta’ dan il-pjan jew il-proġett fuq dan is-sit.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex neċessarju li sussegwentement titwettaq evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq is-sit ikkonċernat, ma hemmx lok, matul il-fażi ta’ screening, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri intiżi sabiex jiġu evitati jew imnaqqsa l-effetti negattivi ta’ dan il-pjan jew il-proġett fuq dan is-sit.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.