SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

26 ta’ April 2017 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ambjent — Direttiva 92/43/KEE — Artikolu 6(3) — Konservazzjoni tal-habitats naturali — Bini tal-impjant tal-enerġija li jaħdem bil-faħam ta’ Moorburg (il-Ġermanja) — Żoni Natura 2000 fil-kuritur tax-xmara Elbe iktar ’il fuq mill-impjant tal-enerġija li jaħdem bil-faħam — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett”

Fil-Kawża C‑142/16,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fid-9 ta’ Marzu 2016,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Hermes u E. Manhaeve, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti, assistiti minn W. Ewer, avukat,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Jannar 2017,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma wettqitx, fl-awtorizzazzjoni għall-bini ta’ impjant tal-enerġija li jaħdem bil-faħam f’Moorburg, qrib ta’ Hamburg (il-Ġermanja), evalwazzjoni korretta u kompleta tal-effetti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘habitats’”).

Il-kuntest ġuridiku

2

L-ewwel, ir-raba’ u l-għaxar premessi tad-Direttiva “habitats” huma fformulati kif ġej:

“Billi l-preservazzjoni, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent, inkluża l-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, huma għan essenzjali ta’ interess ġenerali mfittex min-naħa tal-[Unjoni] kif jidher fl-Artikolu [191 TFUE];

[…]

Billi, fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri, l-habitat naturali qed ikomplu jiddeterjoraw u dan qed ikun ta’ theddid serju għal għadd dejjem akbar ta’ speċi selvaġġi; billi minħabba li l-habitat mhedda u l-ispeċi huma parti mill-wirt naturali tal-[Unjoni] u t-theddid lejhom huwa ta’ natura mingħajr konfini, jeħtieġ li jittieħdu miżuri fuq livell [tal-Unjoni] biex jiġu konservati;

[…]

Billi jrid jiġi evalwat b’mod xieraq kull pjan jew programm li x’aktarx jaffettwa b’mod sinifikanti [sinjifikattiv] l-għanjiet ta’ konservazzjoni ta’ sit li ġie nnominat jew se jkun nominat fil-ġejjieni”.

3

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva “habitats” jipprovdi:

“Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.”

4

L-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitats” jipprevedi:

“3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.   Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

5

Id-Direttiva “habitats” għandha sitt annessi, fosthom l-Anness II li huwa intitolat “Speċi ta’ annimali u pjanti li huma ta’ interess [għall-Unjoni] li l-konservazzjoni tagħhom titlob li jkunu nominati żoni speċjali ta’ konservazzjoni”.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

6

L-impjant tal-enerġija li jaħdem bil-faħam ta’ Moorburg jinsab fil-port ta’ Hamburg fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tan-naħa tan-Nofsinhar tal-Elbe, li għandha, bħala triq migratorja għal ċertu ħut, jiġifieri għall-qalfat tax-xmara (Lampetra fluviatilis), għall-qalfat tal-baħar (Petromyzon marinus) u għas-salamun (Salmo salar), li huma inklużi fl-Anness II tad-Direttiva “habitats”, funzjoni importanti għal sensiela ta’ żoni Natura 2000, li l-għanijiet ta’ konservazzjoni tagħhom jinkludu dawn l-ispeċijiet li jinsabu iktar ’il fuq mid-diga ta’ Geesthacht (il-Ġermanja). Dawn is-siti jinsabu fil-Länder ta’ Niedersachsen, ta’ Mecklenburg-Vorpommern, ta’ Sachsen-Anhalt, ta’ Brandenburg u ta’ Freistaat Sachsen, tul distanza li testendi għal madwar 600 kilometru (km) minn dan l-impjant tal-enerġija. Id-diga ta’ Geesthacht tinsab fil-kuritur tal-Elbe, bejn l-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg u ż-żoni Natura 2000.

7

L-awtorizzazzjoni għall-bini tal-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg, mogħtija fit-30 ta’ Settembru 2008, kienet ippreċeduta minn evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (iktar ’il quddiem l-“evalwazzjoni tal-effetti”), skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar l-ilma. Fid-dawl tal-impenn meħud mill-operatur li jibni f’distanza ta’ madwar 30 km minn dan l-impjant tal-enerġija, fid-diga ta’ Geesthacht, it-tieni passaġġ għat-tlugħ għall-ħut, intiż bħala kontrobilanċ għat-telf tal-eżemplari li jseħħ waqt il-funzjonament tal-mekkaniżmu għat-tkessiħ tal-imsemmi impjant tal-enerġija, li jippreżupponi l-ġbid ta’ kwantitajiet kbar ta’ ilma għat-tkessiħ tal-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg (iktar ’il quddiem il-“passaġġ għat-tlugħ (fishway)”), din l-evalwazzjoni kienet ikkonkludiet li l-awtorizzazzjoni kienet kompatibbli mal-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żoni Natura 2000. Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-evalwazzjoni tal-effetti semmiet sorveljanza f’diversi fażijiet, intiża sabiex tiġi vverifikata l-effettività ta’ din il-miżura.

8

Wara żewġ ilmenti li jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-effetti, fis-27 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ittra ta’ intimazzjoni li permezz tagħha hija ilmentat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet kisret l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitats”.

9

Il-Kummissjoni qieset li l-evalwazzjoni tal-effetti kienet stabbilixxiet b’mod insuffiċjenti, saħansitra b’mod żbaljat, l-effetti tal-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg fuq iż-żoni Natura 2000 li jinsabu iktar ’il fuq mid-diga ta’ Geesthacht. Minn naħa, il-Behörde für Stadtentwicklung und Umwelt der Freien und Hansestadt Hamburg (awtorità reġjonali tal-iżvilupp urban u tal-ambjent tal-belt libera u anseatika ta’ Hamburg, il-Ġermanja) kienet qieset b’mod żbaljat il-passaġġ għat-tlugħ bħala miżura ta’ attenwazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-effetti ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti kumulattivi ma’ proġetti rilevanti oħra.

10

B’ittra tal-11 ta’ April 2014, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkonstestat l-ilmenti tal-Kummissjoni u sostniet li l-passaġġ għat-tlugħ kellu jiġi kklassifikat bħala miżura ta’ attenwazzjoni.

11

Fis-17 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li permezz tagħha hija baqgħet issostni l-ilmenti tagħha dwar il-ksur tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitats”.

12

B’ittra tal-15 ta’ Diċembru 2014, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkonfermat il-pożizzjoni preċedenti tagħha.

13

Peress li kienet tqis li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitats”, fid-9 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”

L-argumenti tal-partijiet

14

Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li, bl-għoti tal-awtorizzazzjoni tat-30 ta’ Settembru 2008, din kisret it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”. It-tħaddim tal-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg ikollu effetti negattivi fuq diversi żoni Natura 2000 li jinsabu iktar ’il fuq mid-diga ta’ Geesthacht. B’mod iktar speċifiku, numru sinjifikattiv ta’ ħut imsemmi fl-Anness II tad-Direttiva “habitats” jiġi maqtul minħabba l-ġbid tal-ilma għat-tkessiħ fil-livell tal-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg.

15

Qabelxejn, il-Kummissjoni ssostni li ma huwiex rilevanti li l-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg jinsab barra miż-żoni Natura 2000 li jinsabu iktar ’il fuq mid-diga ta’ Geesthacht. Din l-istituzzjoni ssostni li l-mewt ta’ ħut fih innifsu ma jikkostitwixxix ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3), tad-Direttiva “habitats”, iżda li tali ksur jista’, għall-kuntrarju, jiġi stabbilit minħabba l-konsegwenzi ta’ tali telf ta’ ħut fuq l-istokkijiet fiż-żoni Natura 2000 li jinsabu iktar ’il fuq mid-diga ta’ Geestacht.

16

Il-Kummissjoni tikkontesta l-konklużjoni li wasslet għaliha l-evalwazzjoni tal-effetti, li ma tindikax li l-passaġġ għat-tlugħ jista’ jimpedixxi jew inaqqas l-effetti negattivi marbutin mat-tħaddim tal-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg, iżda tindika biss li dan jista’ jtaffi b’mod xieraq dawn l-effetti, billi jippermetti lil eżemplari oħra ta’ ħut minbarra dawk maqtula jew midruba jgħaddu d-diga ta’ Geesthacht.

17

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li tali evalwazzjoni ma hijiex kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita permezz tas-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et (C-521/12, EU:C:2014:330). Anke jekk jitqies li l-passaġġ għat-tlugħ seta’ jwassal għal tisħiħ tal-istokkijiet ta’ eżemplari ta’ ħut migratorju, dan ma jippermettix li tiġi kkonservata l-populazzjoni ta’ ħut migratorju jew dik f’riproduzzjoni.

18

Il-Kummissjoni żżid li l-awtorizzazzjoni tat-30 ta’ Settembru 2008 tirrikonoxxi b’mod espliċitu li l-effetti tal-installazzjoni tat-tieni passaġġ għat-tlugħ maġenb id-diga ta’ Geesthacht huma inċerti.

19

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-konstatazzjonijiet u r-rapporti ta’ esperti pprovduti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għas-snin 2011 sal-2014, dwar il-premessi li fuqhom kienet ibbażata l-evalwazzjoni tal-effetti, ma humiex rilevanti, sa fejn dawn twettqu wara l-imsemmija evalwazzjoni u wara l-awtorizzazzjoni tat-30 ta’ Settembru 2008. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lanqas ma pproduċiet il-prova tal-evoluzzjoni tal-istokkijiet fiż-żoni Natura 2000 ikkonċernati sabiex turi l-eventwali effettività tal-passaġġ għat-tlugħ.

20

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Hija ssostni li ma hemmx effett sinjifikattiv fis-sens tal-ewwel sentenza, tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”. Sa mill-istadju tal-analiżi tal-effetti tal-evalwazzjoni minn qabel imwettqa fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għall-awtorizzazzjoni tat-30 ta’ Settembru 2008, kien ġie kkonstatat li l-qtil biss ta’ numru żgħir ħafna ta’ eżemplari kien prevedibbli.

21

Dan l-Istat Membru jqis li l-mewt ta’ ċertu numru ta’ eżemplari ta’ speċijiet differenti ta’ ħut minħabba l-ġbid tal-ilma għat-tkessiħ tal-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg ma jwassalx għall-qerda tal-habitat taż-żoni Natura 2000 li jinsabu f’distanza li testendi fuq diversi mijiet ta’ kilometri minn dan l-impjant tal-enerġija. Għalhekk, l-Istati Membri prattikament ma jistgħux jidentifikaw mill-bogħod l-effetti kollha prevedibbli ta’ ċerti miżuri fuq żoni Natura 2000.

22

Fir-rigward tal-effetti tal-passaġġ għat-tlugħ, dan l-Istat Membru jqis li l-awtorizzazzjoni tat-30 ta’ Settembru 2008 tiggarantixxi b’mod affidabbli li n-numru ta’ ħut imsemmi fl-Anness II tad-Direttiva “habitats” li jitla’ x-xmara mill-passaġġ għat-tlugħ ikun mill-inqas kbir daqs in-numru ta’ ħut li jinqatel fil-livell tal-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg minħabba l-ġbid tal-ilma għat-tkessiħ. Il-ħut meqrud u l-ħut supplimentari li jitla’ ma jkunx differenti fir-rigward tal-proprjetajiet bijoloġiċi tiegħu b’tali mod li l-populazzjoni fiż-żoni Natura 2000 li jinsabu iktar ’il fuq mid-diga ta’ Geesthacht ma tinbidilx.

23

Fir-rigward tal-ispeċijiet ta’ ħut imsemmija fl-Anness II tad-Direttiva “habitats”, dan l-Istat Membru jqis li dawn ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. Fil-kuntest tal-protezzjoni tal-habitats prevista f’dan l-artikolu, huma determinanti biss l-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żoni Natura 2000, għalhekk il-fatt li l-istruttura ta’ populazzjoni fis-sit ta’ konservazzjoni ma tinbidilx.

24

Għalhekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-awtorità li rċeviet it-talba għal awtorizzazzjoni bbażat ruħha fuq il-premessa tal-agħar xenarju, meta ssuġġettat il-bidu tat-tħaddim tat-tkessiħ b’mod kontinwu għal prova ta’ funzjonanament effettiv tal-passaġġ għat-tlugħ, prova li ngħatat tul is-snin 2011 sal-2014. Fil-fatt, ir-rapport ta’ espert tal-15 ta’ Jannar 2014 juri li numru żgħir ħafna tal-ħut ikkonċernat jinqatel, filwaqt li ħut ieħor jirnexxilu jitla’ fis-siti protetti permezz tal-passaġġ għat-tlugħ.

25

Fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskji, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-awtorizzazzjoni tat-30 ta’ Settembru 2008 tgħaqqad elementi previżjonali ma’ elementi ta’ osservazzjoni preventivi peress li tinkludi wkoll proċeduri li jippermettu li jiġi limitat fil-futur il-ġbid tal-ilma għat-tkessiħ sa fejn dan ikun meħtieġ għall-protezzjoni tal-ispeċijiet ikkonċernati.

26

Fir-rigward tal-konstatazzjonijiet u tar-rapporti ta’ esperti għas-snin 2011 sal-2014, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, minħabba li t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata kien jiskadi fis-16 ta’ Diċembru 2014. Din tqis li dawn il-konstatazzjonijiet huma rilevanti sa fejn dawn kienu ġew ordnati fil-mument tal-għoti tal-awtorizzazzjoni tat-30 ta’ Settembru 2008 u jagħmlu għalhekk parti integrali mill-evalwazzjoni tal-effetti.

27

Bl-istess mod, l-imsemmi Stat Membru jżid li l-bidu tat-tħaddim tat-tkessiħ b’mod kontinwu ġie ssuġġettat għall-prova tal-effettività tal-passaġġ għat-tlugħ. Din il-prova ġiet stabbilita mill-konstatazzjonijiet imwettqa tul is-snin 2011 sal-2014. Il-previżjonijiet dwar l-effettività tal-attenwazzjoni tal-ħsara permezz tal-passaġġ għat-tlugħ kienu ġew ibbażati fuq mudell ta’ previżjoni mwettaq f’żewġ fażijiet, jiġifieri minn naħa previżjonijiet li jirriżultaw mill-ippjanar tal-proġett u mill-approvazzjoni finali tiegħu u, min-naħa l-oħra, konstatazzjonijiet li jeħtieġ li jiġu pprovduti abbażi tas-sorveljanza.

28

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tispeċifika li l-passaġġ għat-tlugħ ilu jintuża minn Awwissu 2010, iżda li l-attività normali tal-ġbir tal-ilma bdiet biss minn wara t-tlestija b’suċċess tas-sorveljanza, jiġifieri f’Marzu 2015.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

Għandu jiġi rrilevat qabelxejn li l-fatt li l-proġett li l-evalwazzjoni ambjentali tiegħu hija kkontestata ma jinsabx fiż-żoni Natura 2000 ikkonċernati, iżda jinsab kunsiderevolment ’il bogħod minnhom, iktar ’il fuq mill-Elbe, bl-ebda mod ma jeskludi l-applikabbiltà tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, din tissuġġetta għall-mekkaniżmu ta’ protezzjoni ambjentali previst minnha “[k]ull pjan jew proġett li ma huwiex direttament marbut jew meħtieġ għall-ġestjoni tas-sit iżda li jista’ jaffettwa lil dan is-sit b’mod sinjifikattiv”.

30

F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-mekkaniżmu għat-tkessiħ tal-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv speċijiet ta’ ħut imsemmija fl-Anness II tad-Direttiva “habitats” u li huma protetti fiż-żoni Natura 2000 ikkonċernati.

31

Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-effetti, imwettqa mill-awtoritajiet Ġermaniżi, tirrileva li l-mewt ta’ eżemplari mit-tliet speċijiet ta’ ħut ikkonċernati msemmija fl-Anness II tad-Direttiva “habitats”, marbut mal-ġbid ta’ ilma għat-tkessiħ tal-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg fil-kuritur migratorju tagħhom, jaffettwa r-riproduzzjoni ta’ dawn l-ispeċijiet fl-imsemmija siti protetti. B’mod partikolari, din l-evalwazzjoni tindika li jeżistu riskji kbar għall-ħut migratorju bħall-qalfat tax-xmara, il-qalfat tal-baħar u s-salamun.

32

B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ din l-evalwazzjoni tal-effetti, l-awtoritajiet Ġermaniżi setgħu, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3), tad-Direttiva “habitats”, japprovaw il-proġett ta’ bini tal-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg “biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit[i] konċernat[i]”.

33

Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jawtorizzaw attività suġġetta għall-evalwazzjoni biss jekk ikollhom iċ-ċertezza li din l-attività ma għandhiex effetti li jippreġudikaw l-integrità tas-sit protett. Dan huwa l-każ meta ma jibqa’ ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku fir-rigward tal-assenza ta’ tali effetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C-243/15, EU:C:2016:838, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Sabiex ikun żgurat li l-proġett ta’ bini tal-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg ma jippreġudikax l-integrità taż-żoni Natura 2000 ikkonċernati, l-awtoritajiet Ġermaniżi kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri ta’ protezzjoni inkorporati f’dan il-proġett ta’ bini. F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” teżiġi mill-awtorità nazzjonali kompetenti li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-miżuri ta’ protezzjoni inkorporati fl-imsemmi proġett, intiżi li jevitaw jew inaqqsu l-effetti ħżiena possibbli direttament ikkawżati, sabiex tiżgura ruħha li l-integrità tas-sit protett ma tkunx ippreġudikata minn dan il-proġett (sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et, C-521/12, EU:C:2014:330, punt 28, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C-387/15 u C-388/15, EU:C:2016:583, punt 54).

35

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li mill-atti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, flimkien ma’ miżuri oħra intiżi għall-waqfien tal-effetti negattivi tal-ġbir tal-ilma, bħall-installazzjoni ta’ tagħmir li jiġbed il-ħut, ir-ripatrijazzjoni tal-ħut u t-tnaqqis tal-attività tal-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg, meta l-kontenut ta’ ossiġenu huwa kritiku għall-ħut, ġie installat passaġġ għat-tlugħ fil-livell tad-diga ta’ Geesthacht.

36

Dan il-passaġġ għat-tlugħ jippermetti tisħiħ tal-istokkijiet ta’ ħut migratorju, billi joffri lil dawn l-ispeċijiet il-possibbiltà li jilħqu iktar malajr is-siti ta’ riproduzzjoni tagħhom fir-rotta medja u fir-rotta superjuri tal-Elbe. It-tisħiħ tal-istokkijiet jikkumpensa għat-telf qrib l-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg u, għalhekk, l-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żoni Natura 2000 li jinsabu iktar ’il fuq minn dan l-impjant tal-enerġija ma jkunux effettwati b’mod sinjifikattiv.

37

Madankollu, mill-evalwazzjoni tal-effetti jirriżulta li din ma tinkludix konstatazzjonijiet definittivi dwar l-effettività tal-passaġġ għat-tlugħ, iżda sempliċement tispeċifika li din l-effettività tiġi kkonfermata biss wara diversi snin ta’ sorveljanza.

38

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-passaġġ għat-tlugħ kien intiż li jnaqqas l-effetti sinjifikattivi direttament ikkawżati fiż-żoni Natura 2000 li jinsabu iktar ’il fuq mill-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg, fil-mument tal-għoti tal-awtorizzazzjoni, dan ma setax jiżġura, flimkien mal-miżuri l-oħra msemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, assenza ta’ kull dubju raġonevoli dwar il-fatt li l-imsemmi impjant tal-enerġija ma jippreġudikax l-integrità tas-sit, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”.

39

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata bl-argumenti li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-ġestjoni tar-riskji u l-konstatazzjonijiet ipprovduti għas-snin 2011 sal-2014.

40

F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, il-kriterju ta’ awtorizzazzjoni previst fit-tieni sentenza, tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” jinkorpora l-prinċipju ta’ prekawzjoni u jippermetti li tiġi evitata, b’mod effettiv, il-ħsara lill-integrità tas-siti protetti minħabba l-pjanijiet jew il-proġetti li jkunu previsti. Kriterju ta’ awtorizzazzjoni inqas strett minn dak inkwistjoni ma jistax jiggarantixxi b’mod daqstant effettiv it-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-siti mfittex minn din id-dispożizzjoni (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Fir-rigward tal-previżjonijiet li fuqhom kienet ibbażata l-evalwazzjoni tal-effetti, għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjonijiet ipprovduti għas-snin 2011 sal-2014 ġew ippreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni tat-30 ta’ Settembru 2008.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza t-twettiq tal-proġett li ma għandu jeżisti ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku dwar l-assenza ta’ effetti li jippreġudikaw l-integrità tas-sit ikkonċernat (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑239/04, EU:C:2006:665, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Fir-rigward tas-sorveljanza f’diversi fażijiet, din lanqas ma tista’ tkun biżżejjed sabiex tiżgura l-osservanza tal-obbligu previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”.

44

Fil-fatt, minn naħa, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, mingħajr ma kienet kontradetta f’dan ir-rigward mill-Istat Membru konvenut, ir-riżultati ta’ din is-sorveljanza jistgħu ma jkunux rilevanti fil-każ fejn il-kejl jitwettaq matul il-perijodi meta l-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg ma jkunx qiegħed juża l-mekkaniżmu għat-tkessiħ b’mod kontinwu. Min-naħa l-oħra, dan huwa intiż biss sabiex jgħodd in-numru ta’ ħut li jirnexxilhom jgħaddu mid-diga ta’ Geesthacht permezz tal-passaġġ għat-tlugħ. Għaldaqstant, din is-sorveljanza ma tistax tiżgura li l-passaġġ għat-tlugħ ser jevita l-ħsara lill-integrità tas-siti protetti.

45

Konsegwentement, billi awtorizzat il-proġett tal-bini tal-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg fuq l-Elbe fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-effetti li wasslet għall-konklużjoni tal-assenza ta’ ħsara lill-integrità taż-żoni Natura 2000, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni sentenza, tal-Artikolu 6(3), tad-Direttiva “habitats”.

Fuq it-tieni ilment, ibbażat fuq ksur tat-tieni sentenza, tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” minħabba nuqqas ta’ eżami tal-effetti kumulattivi ma’ proġetti oħra

L-argumenti tal-partijiet

46

Il-Kummissjoni tqis li twettaq ksur ieħor tat-tieni sentenza, tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, peress li l-belt ta’ Hamburg tat l-awtorizzazzjoni tat-30 ta’ Settembru 2008 mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-effetti tal-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg, l-effetti kumulattivi possibbli marbuta mal-eżistenza tal-istazzjon ta’ ppumpjar ta’ Geesthacht u tal-impjant idrawliku bil-fluss tal-ilma li jinsabu fuq id-diga ta’ Geesthacht, li għalih kienet tressqet ukoll talba għal awtorizzazzjoni għal installazzjoni u tħaddim.

47

Fir-rigward tal-istazzjon ta’ ppumpjar ta’ Geesthacht, il-Kummissjoni tosserva li dan l-istazzjon ilu jeżisti mis-sena 1958 u ma għandu l-ebda installazzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-ispeċijiet tal-ħut. Kien biss matul is-sena 2014 li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat rapport ta’ espert intiż li jipprova li l-imsemmi stazzjon tal-ippumpjar ma kien jippreżenta l-ebda perikolu għall-ispeċijiet ikkonċernati ta’ ħut migratorju.

48

Skont il-Kummissjoni, huwa irrilevanti li l-istazzjon tal-ippumpjar ta’ Geesthacht kien ġie mibni qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva “habitats”, peress li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva ma humiex limitati biss għall-pjanijiet u proġetti li jkunu ġew approvati jew li tlestew wara t-terminu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva.

49

Fir-rigward tal-impjant idrawliku bil-fluss tal-ilma li jinsab fuq id-diga ta’ Geesthacht, li għalih kienet tressqet talba għal awtorizzazzjoni għal installazzjoni u tħaddim fit-22 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni tqis li dan ukoll kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-akkumulazzjoni tal-effetti għall-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg. Skont il-Kummissjoni, għalkemm din it-talba kienet ġiet irtirata matul is-sena 2010, diġà kienu prevedibbli effetti tal-impjant idrawliku bil-fluss tal-ilma fuq il-populazzjonijiet ta’ ħut migratorju fid-data tal-għoti tal-awtorizzazzjoni tat-30 ta’ Settembru 2008.

50

Fir-rigward tal-istazzjon ta’ ppumpjar ta’ Geesthacht, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, l-ewwel nett, filwaqt li tinvoka f’dan ir-rigward is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et (C-399/14, EU:C:2016:10, punti 5859), li dan ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-effetti, peress li dan kien diġà jeżisti fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva “habitats”.

51

Sussegwentement, fir-rigward tal-impjant idrawliku bil-fluss tal-ilma fuq id-diga ta’ Geesthacht, dan l-Istat Membru huwa tal-fehma li dan ma kellux jitqies bħala “proġett ieħor” sa fejn, mill-bidu nett, dan ma setax jikseb awtorizzazzjoni.

52

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li tali proġett ma setax jiġi awtorizzat mingħajr l-intervent ta’ Vattenfall Europe AG, li sussegwentement saret Vattenfall GmbH. Skont id-dritt Ġermaniż, l-operatur ta’ impjant idrawliku bil-fluss tal-ilma futur għandu neċessarjament jikseb il-permess tal-proprjetarju tal-ilmijiet ikkonċernati, f’dan il-każ l-Istat Federali Ġermaniż.

53

Madankollu, it-talba għal bini ta’ impjant idrawliku bil-fluss tal-ilma, tat-22 ta’ Mejju 2008, ma kinitx tressqet minn Vattenfall Europe jew minn terz benefiċjarju tagħha, iżda minn Wirtschaftsbetriebe Geesthacht GmbH, li, għall-kuntrarju ta’ Vattenfall Europe, ma kellha l-ebda dritt ta’ użu tal-artijiet u tax-xogħlijiet fil-livell tad-diga ta’ Geesthacht meħtieġa għall-bini ta’ impjant idrawliku bil-fluss tal-ilma.

54

Għalhekk, permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Mejju 2008, l-awtorità ta’ approvazzjoni tal-pjanijiet tad-distrett Herzogtum Lauenburg (il-Ġermanja) kienet speċifikat li, minħabba n-nuqqas ta’ interess li tinkiseb deċiżjoni fuq il-mertu, hija ma kienet ser tiftaħ l-ebda proċedura ta’ approvazzjoni tal-pjan sakemm Vattenfell Europe ma tagħtix l-approvazzjoni tagħha għall-bini tal-impjant idrawliku bil-fluss tal-ilma. Fl-20 ta’ Ġunju 2008, Vattenfall Europe indikat li hija ma kienet ser tittrasferixxi lill-persuna li ressqet it-talba l-ebda dritt ta’ użu li hija kienet tibbenefika minnu. Sussegwentement, l-awtorità ta’ approvazzjoni spiċċat biex ma bdiet l-ebda proċedura ta’ approvazzjoni għall-impjant idrawliku bil-fluss tal-ilma.

55

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li t-talba għall-awtorizzazzjoni għal installazzjoni u tħaddim imressqa għal dan l-impjant kienet ġiet irtirata biss matul is-sena 2010 minħabba li l-awtorità ta’ approvazzjoni riedet tevita deċiżjoni ta’ rifjut u kellha tikkonvinċi lill-persuna li ressqet it-talba jirtira huwa stess it-talba.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56

Permezz tat-tieni lment tagħha, maqsum f’żewġ partijiet, il-Kummissjoni tikkritika lill-awtoritajiet Ġermaniżi li naqsu milli jevalwaw l-effetti kumulattivi tal-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg flimkien ma’ dawk tal-istazzjon ta’ ppumpjar ta’ Geesthacht u tal-impjant idrawliku bil-fluss tal-ilma fuq id-diga ta’ Geesthacht, għat-tfixkil ikkawżat fis-siti protetti fuq l-ispeċijiet ta’ ħut, bħall-qalfat tax-xmara, il-qalfat tal-baħar u s-salamun.

57

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew proġett fuq sit ikkonċernat li għandha titwettaq skont l-imsemmi Artikolu 6(3) timplika li, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, għandhom jiġu identifikati l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett inkwistjoni li jistgħu, fihom infushom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jeffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et, C‑399/14, EU:C:2016:10, punt 49 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

58

Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni lment, dwar l-istazzjon ta’ ppumpjar ta’ Geesthacht, mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din ilha mis-sena 1958 li tinsab iktar ’il fuq u fil-viċinat dirett tad-diga ta’ Geesthacht.

59

Minn naħa, kif tfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, hija d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza t-twettiq ta’ proġett li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti kumulattivi kkawżati minn dan il-proġett u minn proġett ieħor li jista’ jaffettwa sit b’mod sinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C-239/04, EU:C:2006:665, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, bid-differenza għall-kawża li tat lok għas-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et (C‑399/14, EU:C:2016:10), f’din il-kawża, ma hijiex kwistjoni ta’ eżami a posteriori tal-effetti tal-istazzjon ta’ ppumpjar ta’ Geesthacht, li ilu jeżisti mis-sena 1958, iżda kwistjoni ta’ teħid inkunsiderazzjoni tiegħu fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġett ieħor, f’dan il-każ l-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg.

61

Madankollu, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” jeżiġi li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami tal-effett kumulattiv, il-proġetti kollha li, flimkien mal-proġett li għalih intalbet awtorizzazzjoni, jistgħu jkollhom effett sinjifikattiv fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva, minkejja li dawn ikunu ilhom jeżistu minn qabel id-data ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva.

62

Fil-fatt, proġetti, bħal dak tal-istazzjon ta’ ppumpjar ta’ Geesthacht, li jistgħu jwasslu, flimkien mal-proġett li għalih tirreferi l-evalwazzjoni tal-effetti, għal deterjorazzjoni jew tfixkil li jista’ jaffettwa l-ħut migratorju eżistenti fix-xmara u, konsegwentement, għad-deterjorazzjoni tas-sit ikkonċernat, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mid-direttiva “habitats”, ma jistgħux jitħallew barra mill-evalwazzjoni tal-effetti bbażata fuq l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”.

63

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi ma evalwatx b’mod xieraq l-effetti kumulattivi marbuta mal-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg u mal-istazzjon ta’ ppumpjar ta’ Geesthacht, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”.

64

Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni lment, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti kumulattivi inkwistjoni f’dan il-każ, l-impjant idrawliku bil-fluss tal-ilma fuq id-diga ta’ Geesthacht minħabba li, fid-dawl tad-dritt Ġermaniż, it-talba għal awtorizzazzjoni għal installazzjoni u tħaddim ta’ dan l-impjant ma kellha l-ebda possibbiltà li tiġi milqugħa. Id-dritt ta’ użu tal-ilma u tal-artijiet fil-livell tad-diga inkwistjoni jikkostitwixxi, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, kundizzjoni neċessarja għall-approvazzjoni ta’ proġett.

65

F’dan ir-rigward, mill-atti tal-proċess ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-talba għall-bini tal-impjant idrawliku bil-fluss tal-ilma fuq id-diga ta’ Geesthacht kienet tressqet minn kumpannija li la kienet proprjetarja tad-dritt ta’ użu tal-ilma ta’ din id-diga u lanqas tal-artijiet u tax-xogħlijiet relatati magħha.

66

Minn dawn l-atti jirriżulta wkoll li, skont il-leġiżlazzjoni dwar l-ilma, il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-pjanijiet ma setgħatx tinbeda sakemm Vattenfall Europe, bħala proprjetarja tad-dritt ta’ użu tal-ilma u tal-artijiet fil-livell tad-diga ta’ Geesthacht, u l-awtorità federali tal-ilma u tan-navigazzjoni ma jkunux indikaw li dan il-proġett ma jiksirx drittijiet oħra. Madankollu, Vattenfell Europe kienet, sussegwentement, iddikjarat li hija ma kinitx ser tagħti l-approvazzjoni tagħha neċessarja għall-bini tal-impjant idrawliku bil-fluss tal-ilma.

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li ma kien jeżisti l-ebda “proġett ieħor”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, għal impjant idrawliku bil-fluss tal-ilma fil-livell tad-diga ta’ Geesthacht. Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni lment għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats” minħabba nuqqas ta’ eżami tal-kundizzjonijiet tiegħu

L-argumenti tal-partijiet

68

Il-Kummissjoni tqis li l-belt ta’ Hamburg, billi tat b’mod żbaljat awtorizzazzjoni minħabba żbalji fl-evalwazzjoni tal-effetti, naqset milli tosserva r-rekwiziti previsti fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats” fil-proċedura dwar l-awtorizzazzjoni tat-30 ta’ Settembru 2008.

69

F’dan ir-rigward, din tqis li l-belt ta’ Hamburg kellha tfittex soluzzjonijiet alternattivi għat-tkessiħ b’mod kontinwu. Għalhekk, il-bini sussegwenti ta’ torri għat-tkessiħ ibridu fl-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg kien ikun soluzzjoni alternattiva għat-tkessiħ b’mod kontinwu u kien ikollu inqas effetti negattivi fuq iż-żoni Natura 2000 inkwistjoni. Dan il-bini kien ikun ekonomikament vijabbli jew seta’ jiġi impost fuq l-impriża kkonċernata sa mill-għoti tal-awtorizzazzjoni.

70

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra li ma għandhiex tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni tal-proġett previsti fl-Artikolu 6(4), tad-Direttiva “habitats” kinux issodisfatti, peress li din hija bbażata fuq il-premessa li l-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg ma kienx il-kawża ta’ ħsara lill-integrità taż-żoni Natura 2000 li jinsabu iktar ’il fuq mix-xmara.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71

Skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats”, fil-każ li, minkejja l-konklużjonijiet negattivi tal-evalwazzjoni mwettqa skont l-ewwel sentenza, tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” u fl-assenza ta’ soluzzjonijiet alternattivi, pjan jew proġett għandu jitwettaq xorta waħda għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku kbir, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kompensatorji kollha neċessarji sabiex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000.

72

F’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li l-awtorità kompetenti kkonkludiet li ma kienx hemm ħsara lill-integrità tas-sit fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, ma hemmx lok li jiġi eżaminat it-tielet ilment tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Kummissjoni, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva.

73

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma wettqitx, waqt l-awtorizzazzjoni għall-bini tal-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg, evalwazzjoni korretta u kompleta tal-effetti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”.

Fuq l-ispejjeż

74

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-ewwel frażi tal-Artikolu 138(3), il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa fuq kap wieħed jew iktar. Peress li kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfu l-kawża parzjalment, huma għandhom jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma wettqitx, waqt l-awtorizzazzjoni għall-bini tal-impjant tal-enerġija li jaħdem bil-faħam ta’ Moorburg, qrib Hamburg (il-Ġermanja), evalwazzjoni korretta u kompleta tal-effetti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż