SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

15 ta’ Diċembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2000/35/KE — Ġlieda kontra ħlas tardiv — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Tranżazzjoni konkluża qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Slovenja mal-Unjoni Ewropea — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ ‘transazzjoni kummerċjali’ — Kunċett ta’ ‘impriża’ — Ammont massimu tal-interessi moratorji”

Fil-Kawża C-256/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vrhovno sodišče (qorti suprema, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

Drago Nemec

vs

Republika Slovenija,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Berger, A. Borg Barthet u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Mejju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Sloven, minn N. Pintar Gosenca u A. Vran, bħala aġenti,

għall-Gvern Latvjan, minn A. Bogdanova u I. Kalniņš, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Šimerdová u M. Žebre, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Ġunju 2000, dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard [ħlas tardiv] fi tranżazzjonijiet kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1 p. 226).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Drago Nemec u r-Republika Slovenija (Repubblika tas-Slovenja), fir-rigward ta’ talba għall-kumpens tad-dannu allegatament subit minnu minħabba l-allegata inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-Direttiva 2000/35.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

L-Att ta’ Adeżjoni tal-2003

3

L‑Artikolu 2 tal‑Att li jirrigwarda l‑kundizzjonijiet tal‑adeżjoni tar‑Repubblika Ċeka, ir‑Repubblika tal‑Estonja, ir‑Repubblika ta’ Ċipru, ir‑Repubblika tal‑Latvja, ir‑Repubblika tal‑Litwanja, ir‑Repubblika tal‑Ungerija, ir‑Repubblika ta’ Malta, ir‑Repubblika tal‑Polonja, ir‑Repubblika tas‑Slovenja u r‑Repubblika tas‑Slovakkja u l‑aġġustamenti għat‑trattati li fuqhom hija stabbilita l‑Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l‑“Att ta’ Adeżjoni tal-2003”) jipprovdi:

“Mid-data ta’ l-adeżjoni, id-disposizzjonjiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet u l-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu l-Istati Membri l-ġodda u għandhom japplikaw f’dawk l-Istati Membri bil-kondizzjonijiet kif imniżżla f’dawk it-Trattati u f’dan l-Att.”

4

L-Artikolu 54 ta’ dan l-att jipprovdi:

“L-Istati Membri l-ġodda għandhom idaħħlu fis-seħħ dawk il-miżuri meħtieġa biex ikunu jistgħu jikkonformaw, mid-data ta’ l-adeżjoni, ma’ dawk id-disposizzjonijiet ta’ direttivi u deċiżjonijiet fis-sens ta’ l-Artikolu 249 tat-Trattat tal-KE u ta’ l-Artikolu 161 tat-Trattat ta’ l-Euratom, sakemm ma jkunx hemm provvedimenti oħra għal terminu ta’ żmien fl-Annessi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 24 jew f’xi disposizzjonijiet oħra ta’ dan l-Att jew l-Annessi tiegħu.”

Id-Direttiva 2000/35

5

Il-premessi 7, 9, 10, 13 u 16 tad-Direttiva 2000/35 jistabbilixxu:

“(7)

Piżijiet tqal amministrattivi u finanzjarji huma mqiegħda fuq in-negozji, b’mod partikolari dawk żgħar u ta’ daqs medju, bħala riżultat tal-perjodi eċċessivi ta’ ħlas u ħlasijiet tard. Barra dan, dawn il-problemi huma l-kawża prinċipali għall-fallimenti li jheddu l-ħajja tan-negozji u jirriżultaw f’telf numeruż ta’ impjiegi.

[…]

(9)

Id-differenzi bejn ir-regoli u l-prattiċi tal-ħlas fl-Istati Membri jikkostitwixxu ostaklu għall-iffunzjonar xieraq tas-suq intern.

(10)

Dawn għandhom l-effett li jillimitaw konsiderevolment transazzjonijiet kummerċjali bejn l-Istati Membri. Din hija f’kontradizzjoni ma’ l-Artikolu 14 tat-Trattat billi intraprendituri għandhom ikunu jistgħu jinnegozjaw mas-suq intern kollu taħt kondizzjonijiet li jiżguraw li operazzjonijiet li jsiru fil-fruntiera bejn pajjiż u ieħor ma jinvolvux riskji akbar mill-bejgħ domestiku. […]

[…]

(13)

Din id-Direttiva għandha tkun limitata għall-ħlasijiet magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali u m’għandhiex tirregola transazzjonijiet mal-konsumaturi, interess b’konnessjoni ma’ ħlasijiet oħra, eż. ħlasijiet taħt il-liġijiet dwar ċekkijiet u kambjali, ħlasijiet magħmula bħala kumpens għall-ħsarat inklużi ħlasijiet minn kumpaniji ta’ assigurazzjoni.

[…]

(16)

Ħlas tard jikkostitwixxi ksur ta’ kuntratt li kien finanzjarjament attraenti għad-debituri fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri minn rati baxxi ta’ imgħax fuq ħlasijiet tard u/jew proċeduri bil-mod għar-rimedju. Ċaqliqa deċiżiva […] huwa meħtieġ biex titreġġa’ lura din ix-xejra u biex jiġi żgurat li l-konsegwenzi ta’ ħlasijiet tard ikun dawk li jiskoraġġixxu l-ħlas tard.”

6

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali.”

7

Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-direttiva msemmija jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din il-Direttiva:

1)

‘transazzjonijiet kummerċjali’ tfisser transazzjonijiet bejn intrapriżi jew bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi li twassal għall-ġarr ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi għall-ħlas,

[…]

‘intrapriża’ tfisser kull organizzazzjoni li taġixxi fil-kors ta’ l-attività ekonomika tagħha indipendenti jew professjonali, ukoll meta titwettaq minn persuna waħda;”

8

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/35, intitolat “Imgħax fil-każ ta’ ħlas tard”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi:

a)

imgħax skond il-punt (d) għandu jsir dovut mill-jum li jiġi wara d-data jew it-tmiem tal-perjodu għall-ħlas iffissat skond il-kuntratt;

[…]

ċ)

il-kreditur għandu jkun intitolat għall-imgħax fuq ħlas tard sal-limitu li:

i)

ikun wettaq l-obbligazzjonijiet tiegħu kuntrattwali u legali; u

ii)

ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin, sakemm id-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien;

d)

il-livell ta’ imgħax għall-ħlas tard (‘ir-rata statutorja’), li d-debitur huwa obbligat li jħallas, għandu jkun is-somma ta’ rata ta’ imgħax applikabbli mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjoni prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament l-aktar reċenti mwettqa qabel l-ewwel jum kalendarju ta’ nofs is-sena in kwistjoni (‘ir-rata ta’ referenza’), miżjuda b’ta’ lanqas seba’ punti ta’ persentaġġ […], sakemm ma jkunx xort’oħra speċifikat fil-kuntratt. Għal Stat Membru li mhux jieħu sehem fit-tielet stadju ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja, ir-rata ta’ referenza riferita hawn fuq għandha tkun ir-rata ekwivalenti ffissata mill-bank ċentrali nazzjonali tiegħu. […]

[…]”

9

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel it-8 ta’ Awwissu 2002. […]

[…]

3.   Fit-transposizzjoni ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jeskludu:

[…]

b)

kuntratti li kienu ġew konklużi qabel it-8 ta’ Awwissu 2002; u […]

[…]”

Id-dritt Sloven

Id-dispożizzjonijiet relattivi għall-ħlas tal-interessi moratorji

10

Konformement mal-Artikolu 277(1) taz-Zakon o obligacijskih razmerjih (liġi dwar l-obbligi kuntrattwali), id-debitur ta’ kreditu huwa marbut li jħallas lill-kreditur interessi moratorji minbarra s-somma kapitali ewlenija jekk ma jkunx ħallas l-ammont dovut abbażi ta’ dan il-kreditu mal-iskadenza.

11

Din il-liġi ġiet issostitwita bl-Obligacijski zakonik (kodiċi tal-obbligi, iktar ’il quddiem l-“OZ”) mill-1 ta’ Jannar 2002. Dan kien, essenzjalment, jirriproduċi d-dispożizzjoni msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza u kien introduċa, fl-Artikolu 376 tagħha, regola ġdida li tgħid li l-interessi moratorji għandhom jieqfu jiddekorru meta l-ammont tal-interessi dovuti iżda mhux imħallsa jilħaq l-ammont tas-somma kapitali ewlenija (iktar ’il quddiem ir-“regola ne ultra alterum tantum”).

Id-dispożizzjonijiet relattivi għall-artiġjanat

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika indipendenti minn persuna fiżika kien, fid-data tal-fatti rilevanti fil-kawża prinċipali f’Ġunju 1993, irregolat mill-verżjoni antika tal-Obrtni Zakon (liġi dwar l-artiġjanat), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ dak iż-żmien. Abbażi ta’ din il-liġi, li ġiet mibdula sussegwentement, persuna fiżika, biex tkun tista’ teżerċita attività ekonomika bħala artiġjan indipendenti, kellu jkollha liċenzja maħruġa mill-awtorità kompetenti, li tindika l-qasam ta’ attività kkonċernat.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

D. Nemec ilu, mit-8 ta’ Novembru 1989, fil-pussess ta’ liċenzja ta’ artiġjan indipendenti għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ kostruzzjoni ta’ oġġetti mekkaniċi u wweldjar. F’Ġunju 1993, huwa ffirma kuntratt mal-Gasilsko Društvo de Murska Sobota (assoċjazzjoni tal-pompiera voluntieri ta’ Murska Sobota, iktar ’il quddiem l-“assoċjazzjoni”) li abbażi tiegħu kien qed jikri lil din l-assoċjazzjoni bawżer biex jittrasporta l-ilma f’perijodi ta’ nixfa.

14

Matul l-1996, D. Nemec ippreżenta rikors kontra l-assoċjazzjoni intiż biex din tiġi kkundannata tħallsu s-somma ta’ EUR 17669.51 abbażi ta’ dan il-kuntratt.

15

B’deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2010, il-Višje sodišče v Mariboru (qorti tal-appell ta’ Maribor, is-Slovenja) ikkundannat lill-assoċjazzjoni għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 15061.44, flimkien mal-interessi moratorji legali għall-perijodu mill-25 ta’ Marzu 1996 sal-31 ta’ Diċembru 2001. Min-naħa l-oħra, din il-qorti ċaħdet it-talba għall-ħlas tal-interessi moratorji mill-1 ta’ Jannar 2002, id-data li fiha daħlet fis-seħħ ir-regola ne ultra alterum tantum. Fil-fatt, l-ammont tal-interessi li kellhom jitħallsu sal-31 ta’ Diċembru 2001 kienu diġà jaqbżu l-ammont tas-somma kapitali ewlenija.

16

Fit-18 ta’ Mejju 2010, l-assoċjazzjoni ħallset is-somma dovuta b’applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

17

Peress li qieset li r-regola ne ultra alterum tantum kienet inkompatibbli mad-Direttiva 2000/35 u li, għaldaqstant, kien bi żball li l-Višje sodišče v Mariboru (qorti tal-appell ta’ Maribor) ċaħdet it-talba tiegħu għall-ħlas tal-interessi moratorji għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2002 sat-18 ta’ Mejju 2010, D. Nemec ippreżenta rikors kontra r-Repubblika tas-Slovenja għal kumpens għad-dannu subit minħabba din l-allegata inkompatibbiltà. Peress li l-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet dan ir-rikors b’deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2011, ikkonfermata fl-appell b’deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2012, minħabba li din id-direttiva ma tapplikax għall-fatti fil-kawża prinċipali, D. Nemec ippreżenta rikors fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Vrhovno sodišče (qorti suprema, is-Slovenja).

18

Din l-aħħar qorti tesprimi dubji fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2000/35. B’mod partikolari, din tistaqsi jekk D. Nemec ikkonkludiex dan il-kuntratt fil-kwalità ta’ “intrapriża” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, jiġifieri bħala organizzazzjoni li taġixxi fl-eżerċizzju ta’ attività ekonomika jew professjonali indipendenti, b’tali mod li l-kuntratt imsemmi jikkostitwixxi “tranżazzjoni kummerċjali” fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni u b’hekk jidħol taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva msemmija. Fil-fatt, għalkemm il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa relatat ma’ attività ekonomika u ta lok għat-tfassil ta’ fattura, madankollu ma jidħolx taħt l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni ta’ oġġetti mekkaniċi u wweldjar li għalihom D. Nemec għandu liċenzja biex jeżerċita l-professjoni tiegħu bħala artiġjan indipendenti.

19

Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-kompatibbiltà mad-Direttiva 2000/35 tar-regola ne ultra alterum tantum stabbilita fl-Artikolu 376 tal-OZ.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vrhovno sodišče (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

It-tielet paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sistema fejn tinħareġ awtorizzazzjoni lil persuni fiżiċi sabiex iwettqu attività eknomika, li għandha espressament tinkludi riferiment għall-attività konkretament awtorizzata, ma għandux jitqies li teżisti impriża u, għaldaqstant, lanqas ma teżisti tranżazzjoni kummerċjali fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, meta t-tranżazzjoni legali li minnha tirriżulta tardività fil-ħlas tirreferi għal attività li ma taqax taħt din l-awtorizzazzjoni?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda preċedenti: […]

2)

It-tielet paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika għandha titqies li hija impriża u li t-tranżazzjoni legali li minnha tirriżulta tardività fil-ħlas tikkostitwixxi tranżazzjoni kummerċjali fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, meta t-tranżazzjoni legali ma taqax fl-ambitu tal-attività rreġistrata tal-imsemmija persuna fiżika iżda, min-natura tagħha, tista’ tkun attività eknomika u tkun inħarġet fattura għal din it-tranżazzjoni?

3)

Il-prinċipju li interessi minħabba ħlas tardiv jieqfu jiddekorru meta l-ammont tal-interessi akkumulati u mhux imħallsa jilħaq l-ammont prinċipali dovut (prinċipju ne ultar alterum tantum) huwa kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/35?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

21

Il-Gvern Sloven u l-Kummissjoni Ewropea sostnew, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li din ma kinitx kompetenti biex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, it-tilwima fil-kawża prinċipali għandha bħala suġġett sitwazzjoni li seħħet qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Slovenja mal-Unjoni Ewropea, li seħħet fl-1 ta’ Mejju 2004, u li pproduċiet l-effetti tagħha qabel din id-data.

22

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, ċertament, il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż f’Ġunju 1993 u li b’hekk din il-kawża toriġina minn sitwazzjoni li seħħet qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Slovenja mal-Unjoni.

23

Madankollu, din is-sitwazzjoni kompliet tipproduċi effetti wara din l-adeżjoni. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ ħlas tal-kreditu prinċipali li wassal għall-interessi moratorji mitluba minn D. Nemec dam sat-18 ta’ Mejju 2010, data li fiha l-assoċjazzjoni wettqet dan il-ħlas, u r-rikors ippreżentat minn D. Nemec huwa preċiżament intiż biex jikseb kumpens għad-dannu li jippretendi li sofra minħabba ċ-ċħid, mill-Višje sodišče v Mariboru (qorti tal-appell ta’ Maribor), tat-talba tiegħu għall-ħlas tal-interessi msemmija għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2002 sat-18 ta’ Mejju 2010.

24

Issa, skont l-Artikoli 2 u 54 tal-att ta’ adeżjoni tal-2003, id-dispożizzjonijiet tat-trattati oriġinali u l-atti adottati, qabel l-adeżjoni, mill-istituzzjonijiet jorbtu, sa minn din l-adeżjoni, lill-Istati l-Membri l-ġodda u japplikaw f’dawn l-Istati skont il-kundizzjonijiet previsti minn dawn it-Trattati u minn dan l-att.

25

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, regola ġdida tapplika, ħlief fil-każ ta’ deroga, immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tkun inħolqot taħt ir-reġim tar-regola l-qadima. Skont dan il-prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fin-nuqqas ta’ preċiżjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni fl-att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni ta’ Stat Membru, din id-dispożizzjoni kellha titqies li tapplika immedjatament u li torbot lil dan l-Istat Membru mid-data tal-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni, b’tali mod li tapplika għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li oriġinaw qabel din l-adeżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2009, Elektrownia Pątnów II, C-441/08, EU:C:2009:698, punt 32, tat-22 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-385/08, mhux ippubblikata, EU:C:2010:801, punt 29, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C-424/10 u C-425/10, EU:C:2011:866, punt 57).

26

Fir-rigward b’mod iktar partikolari tad-Direttiva 2000/35, l-att ta’ adeżjoni tal‑2003 ma fih ebda dispożizzjoni speċjali li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għar-Repubblika tas-Slovenja. Konsegwentement, din saret immedjatament applikabbli u vinkolanti fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru mid-data tal-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni u tista’, sa minn din id-data, tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li bdew jew seħħew qabel din l-adeżjoni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

27

Minn dak li ntqal jirriżulta li, peress li d-dritt tal-Unjoni japplika għat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel żewġ domandi

28

Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li għandha liċenzja biex teżerċita attività bħala artiġjan indipendenti għandhiex titqies bħala “intrapriża” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li t-tranżazzjoni li din tikkonkludi ma’ terz tikkostitwixxi “transazzjonijiet kummerċjali” fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, fl-ipoteżi li, minkejja li ma tidħolx taħt l-attivitajiet ikkonċernati mil-liċenzja msemmija, din it-tranżazzjoni hija relatata ma’ attività ekonomika.

29

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi ppreċiżat, preliminarjament, li, għalkemm, konformement mal-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 2000/35, l-Istati Membri kienu awtorizzati, waqt it-traspożizzjoni tagħha, li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-kuntratti konklużi qabel it-8 ta’ Awwissu 2002, madankollu mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-Repubblika tas-Slovenja ma użatx din il-possibbiltà, liema ħaġa ġiet ikkonfermata mill-Gvern Sloven waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

30

Fir-rigward tad-domandi magħmula, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/35, din tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal tranżazzjonijiet kummerċjali. L-ewwel inċiż tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “transazzjonijiet kummerċjali” bħala li jkopri kull tranżazzjoni bejn impriżi jew bejn impriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li twassal għall-fornitura ta’ merkanzija jew għall-provvista ta’ servizzi kontra remunerazzjoni, filwaqt li l-premessa 13 tad-direttiva msemmija tippreċiża f’dan il-każ li min-naħa l-oħra huma esklużi minn dan il-kunċett b’mod partikolari t-tranżazzjonijiet konklużi mal-konsumaturi. Skont it-tielet inċiż tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din l-istess direttiva, “intrapriża” fis-sens ta’ din id-direttiva tfisser kull organizzazzjoni li taġixxi fil-kors ta’ attività ekonomika tagħha indipendenti jew professjonali, ukoll meta titwettaq minn persuna waħda.

31

Barra minn hekk, mill-premessi 7, 10 u 16 tad-Direttiva 2000/35 jirriżulta li din hija intiża biex ittejjeb il-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tipproteġi lill-imprendituri u, b’mod partikolari, lill-impriżi żgħar u medji mill-ħlas tardiv.

32

B’hekk, din id-direttiva ma hijiex intiża biex tapplika għal kull tranżazzjoni li twassal għall-fornitura ta’ merkanzija jew għall-provvista ta’ servizzi kontra remunerazzjoni, b’mod partikolari għal dawk kollha konklużi individwalment mill-individwi fil-ħajja ta’ kuljum.

33

Isegwi li ma huwiex biżżejjed li persuna tikkonkludi tranżazzjoni relatata ma’ attività ekonomika, bħall-kiri ta’ beni lil terza persuna, biex tkun tidħol fil-kunċett ta’ “intrapriża” u biex din it-tranżazzjoni tkun ikkwalifikata bħala “kummerċjali” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-direttiva msemmija. Hemm bżonn ukoll li din il-persuna taġixxi bħala organizzazzjoni fil-kuntest ta’ tali attività jew ta’ attività indipendenti.

34

Kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-ħtieġa timplika li l-persuna msemmija, ikunu xi jkunu l-forma u l-istat legali tagħha taħt il-liġi nazzjonali, teżerċita din l-attività b’mod strutturat u stabbli, liema attività b’hekk ma tistax tillimita ruħha għal provvista individwali u iżolata, u li t-tranżazzjoni kkonċernata tkun tidħol fil-kuntest tal-attività msemmija.

35

B’kuntrast, minn naħa, kuntrarjament għal dak li tosserva l-Kummissjoni, mill-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35 ma jirriżultax li l-attività inkwistjoni għandha neċessarjament tkun l-attività ekonomika jew professjonali prinċipali tal-persuna kkonċernata jew tkun marbuta ma’ din l-aħħar attività.

36

Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Gvern Sloven u l-Kummissjoni, il-kwalifika ta’ persuna bħala “intrapriża”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma tistax tiddependi mill-ħruġ min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ liċenzja għall-eżerċizzju tal-attività kkonċernata.

37

B’hekk, f’sistema nazzjonali fejn l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika jew professjonali minn persuna fiżika bħala artiġjan jew imprenditur indipendenti hija suġġetta għall-ħruġ ta’ liċenzja, persuna fiżika li għandha tali liċenzja ma tistax tiġi eskluża mill-kunċett ta’ “intrapriża”, u t-tranżazzjonijiet konklużi minnha minn dawk konklużi bħala “transazzjonijiet kummerċjali”, għas-sempliċi raġuni li dawn it-tranżazzjonijiet huma relatati ma’ attività ekonomika jew professjonali indipendenti differenti minn dik ikkonċernata mil-liċenzja msemmija jew jidħlu fil-kuntest ta’ attività ekonomika jew professjonali indipendenti iktar estiża minn din tal-aħħar.

38

Fil-fatt, kull interpretazzjoni kuntrarja twassal biex il-portata ta’ dawn il-kunċetti tkun tiddependi minn kull dritt nazzjonali, u b’mod partikolari mis-sistema stabbilita minn kull Stat Membru għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika jew professjonali indipendenti. Issa, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ riferiment mill-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35 għad-dritt nazzjonali, il-kunċetti ta’ “intrapriża” u ta’ “transazzjonijiet kummerċjali” għandhom jirċievu interpretazzjoni awtonoma u uniformi (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław, C-276/14, EU:C:2015:635, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tiegħu, kull interpretazzjoni li twassal biex il-portata tal-kunċett ta’ “intrapriża”, u b’hekk il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae u ratione materiae tad-Direttiva 2000/35, tkun tiddependi mill-ħruġ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ Stat Membru ta’ liċenzja għall-eżerċizzju tal-attività kkonċernata tkun f’kunflitt mal-għan imfittex minn din id-direttiva, hekk kif jirriżulta mill-premessa 10 tagħha, li tiffaċilita t-tranżazzjonijiet kummerċjali bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, l-impriżi jew l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri l-oħra għandhom, biex jiddeterminaw jekk it-tranżazzjoni konkluża tirrilevax mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/35, sistematikament jivverifikaw jekk din it-tranżazzjoni hijiex relatata mal-attivitajiet li għalihom inħarġet il-liċenzja msemmija, liema ħaġa tista’ tillimita jew tostakola t-tranżazzjonijiet transkonfinali.

40

Isegwi li, jekk jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata tkun ikkonkludiet tranżazzjoni fil-kuntest tal-attività li għaliha din kisbet liċenzja biex teżerċita, fost elementi oħrajn, biex jiġi vverifikat jekk din il-persuna aġixxietx fil-kwalità ta’ “intrapriża” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35, dan il-fatt ma jistax ikun determinanti.

41

B’hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ għad-determinazzjoni ta’ jekk persuna taġixxix f’din il-kwalità – jiġifieri, kif ġie espost fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest ta’ attività ekonomika jew professjonali indipendenti strutturata u stabbli – u jekk, għalhekk, it-tranżazzjonijiet konklużi minnha għandhomx natura kummerċjali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

42

Fost dawn iċ-ċirkustanzi hemm b’mod partikolari l-fatt li l-persuna inkwistjoni taġixxi taħt l-isem kummerċjali jew professjonali tagħha u li t-tranżazzjoni konkluża tagħti lok għall-ħruġ ta’ fattura.

43

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk f’dan il-każ, D. Nemec ikkonkludiex il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala “intrapriża” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li għandha liċenzja biex teżerċita attività bħala artiġjan indipendenti għandha titqies bħala “intrapriża” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u t-tranżazzjoni li din tikkonkludi għandha titqies bħala “transazzjonijiet kummerċjali” fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, jekk, minkejja li ma tidħolx taħt l-attivitajiet ikkonċernati minn din il-liċenzja, din it-tranżazzjoni ssir fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika jew professjonali indipendenti strutturata u stabbli, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

Fuq it-tielet domanda

45

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2000/35 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 376 tal-OZ, li jipprevedi li l-interessi moratorji dovuti iżda mhux imħallsa jieqfu jiddekorru meta l-ammont tagħhom jilħaq lil dak tas-somma kapitali ewlenija.

46

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2000/35 ma twettaqx armonizzazzjoni kompleta tar-regoli kollha relatati mal-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali (sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-302/05, EU:C:2006:683, punt 23; tat-3 ta’ April 2008, 01051 Telecom, C-306/06, EU:C:2008:187, punt 21, u tal-11 ta’ Settembru 2008, Caffaro, C-265/07, EU:C:2008:496, punt 15).

47

B’mod partikolari, din id-direttiva ma tarmonizzax l-aspetti kollha li jikkonċernaw l-interessi moratorji. Fil-fatt, fl-Artikolu 3 tagħha, din tirregola biss xi wħud minn dawn l-aspetti, jiġifieri d-dritt li jiġu invokati interessi f’każ ta’ ħlas tardiv, id-data li fiha dawn l-interessi jkunu dovuti, ir-rata tal-interessi, id-dritt għall-kreditur li jitlob kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru magħmula wara ħlas tardiv kif ukoll il-konsegwenzi tal-użu ta’ kundizzjonijiet kuntrattwali manifestament abbużivi fir-rigward tal-kreditur.

48

Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2000/35 ma tistabbilixxix ir-regoli dwar il-perijodu li matulu jgħaddu l-interessi moratorji jew dwar l-ammont massimu ta’ dawn l-interessi.

49

Għalhekk, l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jirregolaw din il-kwistjoni, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jmorrux kontra l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2000/35 u li ma jċaħħdux lil din mill-effett utli tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Pérez López, C-16/15, EU:C:2016:679, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi enfasizzat li d-direttiva msemmija hija prinċipalment intiża, hekk kif jirriżulta mill-premessi 7 u 16 tagħha, biex tiskoraġġixxi l-ħlas tardiv, b’mod partikolari billi tevita li dan ikun finanzjarjament vantaġġuż għad-debitur, u biex tipproteġi lill-kredituri minn tali dewmien.

51

Issa, il-Gvern Sloven, sostnut mill-Gvern Latvjan, isostni li r-regola ne ultra alterum tantum prevista fl-Artikolu 376 tal-OZ ma tmurx kontra dawn l-għanijiet. B’mod kuntrarju, din ir-regola tippreżerva l-funzjoni tal-interessi moratorji, li hija preċiżament dik li tħeġġeġ lid-debitur iħallas l-obbligu tal-ħlas tiegħu, u mhux li tippermetti li l-kreditur jarrikkixxi ruħu. Fil-fatt, ir-regola msemmija tippermetti, filwaqt li tipproteġi lill-kreditur, li jiġi evitat li l-ammont tal-interessi moratorji dovuti jkun tali li jpoġġi piż irraġonevoli fuq id-debitur u b’hekk tinħoloq sitwazzjoni inġusta u sproporzjonata bejn il-kreditur u d-debitur, li tista’ twassal għall-insolvenza ta’ dan tal-aħħar.

52

F’dan ir-rigward, għandu ċertament jiġi enfasizzat li tali regola tista’, billi l-ammont massimu tal-interessi moratorji jiġi llimitat għal dak tas-somma kapitali ewlenija, tillimita l-effett disważiv marbut mal-ħlas ta’ dawn l-interessi.

53

Madankollu, minn naħa, tali limitu massimu ma jwassalx biex jitqiegħed indiskussjoni l-għan ta’ protezzjoni tal-kredituri mfittex mid-Direttiva 2000/35 u lanqas biex din tiċċaħħad mill-effett utli tagħha.

54

Fil-fatt, ir-regola ne ultra alterum tantum ma tinvolvix limitazzjoni tal-ammont tal-interessi moratorji b’mod li jċaħħad lid-dritt tal-kreditur mis-sustanza tiegħu, kif previst fl-Artikolu 3(1)(a) sa (c) ta’ din id-direttiva, li jitlob tali interessi f’każ ta’ ħlas tardiv jew li jċaħħad dawn l-interessi minn kull funzjoni dissważiva fir-rigward tad-debitur. Barra minn hekk, ir-regola msemmija ma għandhiex konsegwenza fuq ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli, liema rata għandha tikkorrispondi għal dik prevista fl-Artikolu 3(1)(d) tad-direttiva msemmija.

55

Min-naħa l-oħra, kif essenzjalment espona l-Avukat Ġenerali fil-punti 66 u 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur nazzjonali seta’, abbażi tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, iqis li kellu jiġi stabbilit bilanċ bejn l-għan ta’ protezzjoni tal-kredituri u l-ħtieġa li jiġi evitat li dejn irraġonevoli jkun ta’ piż fuq id-debitur. Fil-kuntest ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, dan il-leġiżlatur seta’ jqis li regola, bħar-regola ne ultra alterum tantum, kienet tikkostitwixxi strument xieraq għal dan il-għan.

56

Barra minn hekk, tali regola għandha tiġi eżaminata, mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li tinsab fih. Għal dan il-għan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-liġi nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-ħlas tardiv.

57

F’dan ir-rigward, il-Gvern Sloven isemmi b’mod partikolari l-Artikolu 380 tal-OZ li jiggarantixxi lill-kreditur li sofra, minħabba l-ħlas tardiv, dannu f’ammont superjuri għal dak tal-interessi dovuti, l-għoti ta’ kumpens li jkopri d-differenza.

58

Issa, il-leġiżlatur nazzjonali seta’ jqis, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, li tali dispożizzjoni, ikkunsidrata flimkien mar-regoli kollha stabbiliti mid-Direttiva 2000/35, kienet tali li tiżgura l-protezzjoni tal-kredituri kontra l-ħlas tardiv.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li d-Direttiva 2000/35 għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 376 tal-OZ, li jipprevedi li l-interessi moratorji dovuti iżda mhux imħallsa jieqfu jiddekorru meta l-ammont tagħhom jilħaq lil dak tas-somma kapitali ewlenija.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Ġunju 2000, dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard [ħlas tardiv] fi tranżazzjonijiet kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li għandha liċenzja biex teżerċita attività bħala artiġjan indipendenti għandha titqies bħala “intrapriża” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u t-tranżazzjoni li din tikkonkludi għandha titqies bħala “transazzjonijiet kummerċjali” fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, jekk, minkejja li ma tidħolx taħt l-attivitajiet ikkonċernati minn din il-liċenzja, din it-tranżazzjoni ssir fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika jew professjonali indipendenti strutturata u stabbli, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

 

2)

Id-Direttiva 2000/35 għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 376 tal-Obligacijski zakonik (il-kodiċi tal-obbligi), li jipprevedi li l-interessi moratorji dovuti iżda mhux imħallsa jieqfu jiddekorru meta l-ammont tagħhom jilħaq lil dak tas-somma kapitali ewlenija.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Sloven.